EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013PC0873

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Arranġament mal-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar il-modalitajiet tal-parteċipazzjoni tiegħu fl-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-qasam tal-Ażil

/* COM/2013/0873 final - 2013/0424 (NLE) */

52013PC0873

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Arranġament mal-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar il-modalitajiet tal-parteċipazzjoni tiegħu fl-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-qasam tal-Ażil /* COM/2013/0873 final - 2013/0424 (NLE) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.           KUNTEST TAL-PROPOSTA

Ir-Regolament (UE) Nru 439/2010 stabbilixxa l-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-qasam tal-Ażil[1] biex isaħħaħ il-koperazzjoni prattika bejn l-Istati Membri fir-rigward tal-ażil, itejjeb l-implimentazzjoni tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil u jappoġġja lill-Istati Membri li s-sistemi tal-ażil u l-akkoljenza tagħhom huma taħt pressjoni partikolari.

Il-premessa 24 tar-Regolament tipprevedi li "sabiex iwettaq l-għan tiegħu, l-Uffiċċju ta’ Appoġġ għandu jkun miftuħ għall-parteċipazzjoni minn pajjiżi li kkonkludew ftehimiet mal-Unjoni li permezz tagħhom adottaw u japplikaw il-liġi tal-Unjoni fil-qasam kopert minn dan ir-Regolament, partikolarment l-Islanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja u l-Isvizzera". Dawn il-pajjiżi huma msejħa l-“pajjiżi assoċjati”.

Għaldaqstant, l-Artikolu 49 (1) tar-Regolament jistipula li "l-Uffiċċju ta’ Appoġġ għandu jkun miftuħ għall-parteċipazzjoni tal-Islanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja u l-Isvizzera bħala osservaturi. Għandhom isiru arranġamenti li jispeċifikaw b'mod partikolari n-natura, il-limitu u l-manjiera li fihom dawk il-pajjiżi għandhom jipparteċipaw fil-ħidma tal-Uffiċċju ta’ Appoġġ. Dawn l-arranġamenti għandhom jinkludu dispożizzjonijiet relatati mal-parteċipazzjoni f'inizjattivi meħuda mill-Uffiċċju ta’ Appoġġ, mal-kontribuzzjonijiet finanzjarji u l-persunal. Fir-rigward ta' kwistjonijiet tal-persunal, dawk l-arranġamenti għandhom, fi kwalunkwe każ, jikkonformaw mar-Regolamenti tal-Persunal."

Il-parteċipazzjoni tal-pajjiżi assoċjati fil-ħidma tal-Uffiċċju ta' Appoġġ mhijiex biss pass loġiku, wara li tiġi kkunsidrata l-assoċjazzjoni tagħhom mas-sistema ta' Dublin, iżda għandha wkoll valur miżjud ċar mal-offerta ta' appoġġ tal-Uffiċċju ta' Appoġġ bħalma huma: l-iskambju tal-aħjar prattiki u tal-kompetenzi, l-appoġġ ta' emerġenza permanenti tal-Uffiċċju ta' Appoġġ, il-ġbir ta' informazzjoni u l-analiżi tal-Uffiċċju ta' Appoġġ, is-sistema ta' twissija bikrija u tħejjija.

Fuq din il-bażi l-Kummissjoni ppreżentat fl-1 ta’ Lulju 2011 rakkomandazzjoni lill-Kunsill biex jawtorizza lill-Kummissjoni biex tiftaħ in-negozjati mal-Islanda, in-Norveġja, l-Isvizzera u l-Liechtenstein fir-rigward ta' ftehimiet internazzjonali li jistabbilixxu arranġamenti bħal dawn.

Il-Kummissjoni rċeviet l-awtorizzazzjoni tal-Kunsill biex tiftaħ in-negozjati mal-Islanda, in-Norveġja, l-Isvizzera u l-Liechtenstein fir-rigward tal-arranġamenti dwar il-modalitajiet ta' parteċipazzjoni ta’ dawn il-pajjiżi fl-EASO fis-27 ta’ Jannar 2012.

In-negozjati saru b’mod konġunt mal-pajjiżi assoċjati kollha. Saru erba’ rawnds ta’ negozjati. It-test finali tal-abbozz tal-Arraġament mal-Liechtenstein ġie inizjalat fit-28 ta’ Ġunju 2013.

L-Istati Membri ġew infurmati u kkonsultati fil-Gruppi ta’ Ħidma tal-Kunsill rilevanti.

Min-naħa tal-Unjoni, il-bażi ġuridika għall-Arranġament hija l-Artikolu 74 u l-Artikolu 78 (1)u (2), flimkien mal-Artikolu 218 tat-TFUE.

Il-proposta mehmuża tikkostitwixxi l-istrumenti ġuridiku għall-iffirmar tal-Arranġament. Il-Kunsill se jiddeċiedi b’maġġoranza kkwalifikata.

2.           RIŻULTATI TAN-NEGOZJATI

Il-Kummissjoni tikkunsidra li ntlaħqu l-għanijiet stabbiliti mill-Kunsill fid-direttivi ta’ negozjar tiegħu u li l-abbozz tal-Arranġament hu aċċettabbli għall-Unjoni.

Il-kontenut finali tiegħu jista’ jitqassar kif ġej:

L-abbozz ta’ arranġament jipprevedi l-parteċipazzjoni sħiħa tal-Liechtenstein fl-attivitajiet tal-Uffiċċju ta’ Appoġġ [l-Artikolu 1], ir-rappreżentazzjoni fil-Bord ta' Amministrazzjoni tal-Uffiċċju ta’ Appoġġ bħala osservatur u mingħajr dritt tal-vot [l-Artikolu 2], il-kontribuzzjonijiet finanzjarji annwali tal-Liechtenstein għall-baġit tal-Uffiċċju ta’ Appoġġ b’somma annwali kkalkulata skont il-PDG tiegħu bħala perċentwali tal-PDG tal-Istati kollha li jieħdu sehem fil-ħidma tal-Uffiċċju ta’ Appoġġ [l-Artikolu 3 u l-Anness I].

Flimkien ma' dan, il-Liechtenstein aċċettat id-dispożizzjonijiet dwar il-possibbiltà ta’ kontribuzzjoni miżjuda jekk il-kontribuzzjoni tal-Unjoni tiżdied [l-Artikolu 3 u l-Anness I];

Barra minn hekk, l-abbozz ta’ Arranġament jipprevedi t-twaqqif ta’ kumitat magħmul minn rappreżentanti tal-Kummissjoni u tal-pajjiżi assoċjati. Għal raġunijiet ta’ effiċjenza, dan il-Kumitat għandu jiltaqa’ flimkien mal-Kumitati korrispondenti stabbiliti ma’ pajjiżi oħra assoċjati parteċipanti abbażi tal-Artikolu 49 (1) tar-Regolament. Il-kumitat ma kienx imsemmi fid-direttivi ta’ negozjar u ġie mitlub mill-pajjiżi assoċjati sabiex ikun permess skambju ta’ informazzjoni u monitoraġġ tal-implimentazzjoni xierqa tal-Arranġament [l-Artikolu 11].

3.           L-IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA

L-Artikolu 3 u l-Anness I tal-abbozz tal-Arranġament jiddeskrivu d-dispożizzjonijiet relatati mal-kontribuzzjonijiet finanzjarji annwali tal-Liechtenstein għall-baġit tal-Uffiċċju ta’ Appoġġ u l-adattament possibbli tagħhom mas-sitwazzjoni deskritta fl-Anness I.

4.           KONKLUŻJONI

Fid-dawl tar-riżultati msemmija hawn fuq, il-Kummissjoni tipproponi li l-Kunsill jiddeċiedi li l-Arranġament bejn l-Unjoni Ewropea u l-Liechtenstein dwar il-modalitajiet tal-parteċipazzjoni tiegħu fl-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-qasam tal-Ażil jiġi ffirmat f’isem l-Unjoni u jawtorizza lill-Kummissjoni biex taħtar il-persuna/i bis-setgħa li tiffirma/jiffirmaw f’isem l-Unjoni.

2013/0424 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Arranġament mal-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar il-modalitajiet tal-parteċipazzjoni tiegħu fl-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-qasam tal-Ażil

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 74 u 78 (1), u (2), flimkien mal-Artikolu 218 (5) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)       Ir-Regolament (UE) Nru 439/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Mejju 2010 li jistabbilixxi Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-qasam tal-Ażil[2] jipprovdi, fl-Artikolu 49 (1) tiegħu, li l-Uffiċċju ta’ Appoġġ għandu jkun miftuħ għall-parteċipazzjoni tal-Islanda, tal-Liechtenstein, tan-Norveġja u tal-Isvizzera bħala osservaturi. Barra minn hekk, għandhom isiru arranġamenti li jispeċifikaw b'mod partikolari n-natura, il-limitu u l-manjiera li fihom dawk il-pajjiżi għandhom jipparteċipaw fil-ħidma tal-Uffiċċju ta’ Appoġġ.

(2)       Fis-27 ta’ Jannar 2012, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tiftaħ negozjati mal-Liechtenstein għal Arranġament dwar il-modalitajiet tal-parteċipazzjoni tiegħu fl-Uffiċċju ta’ Appoġġ. In-negozjati ġew konklużi b’suċċess bl-inizjalar tal-Arranġament fit-28 ta’ Ġunju 2013.

(3)       L-Arranġament għandu jiġi ffirmat min-negozjatur f'isem l-Unjoni, soġġett għall-konklużjoni tiegħu f'data aktar tard.

(4)       Kif speċifikat fil-premessa 21 tar-Regolament (UE) Nru 439/2010, ir-Renju Unit u l-Irlanda qed jieħdu sehem u huma marbuta b’dak ir-Regolament. Dawn għandhom għalhekk jagħtu effett lill-Artikolu 49 (1) tar-Regolament billi jieħdu sehem f’din id-Deċiżjoni. Ir-Renju Unit u l-Irlanda għalhekk qegħdin jieħdu sehem f’din id-Deċiżjoni.

(5)       Kif speċifikat fil-premessa 22 tar-Regolament (UE) Nru 439/2010, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem u mhijiex marbuta b’dan ir-Regolament. Id-Danimarka għaldaqstant mhux qed tieħu sehem f’din id-Deċiżjoni.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-iffirmar tal-Arranġament bejn l-Unjoni Ewropea u l-Liechtenstein dwar il-modalitajiet tal-parteċipazzjoni tiegħu fl-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-Qasam tal-Ażil huwa b’dan awtorizzat f’isem l-Unjoni, suġġett għall-konklużjoni tal-Arranġament imsemmi.

It-test tal-Arranġament li għandu jiġi ffirmat huwa mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-Kummissjoni hija b'dan awtorizzata li taħtar il-persuna(i) mogħtija s-setgħa li tiffirma/jiffirmaw l-Arranġament, f’isem l-Unjoni.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell,

                                                                       Għall-Kunsill

                                                                       Il-President

ANNESS

ARRANĠAMENT bejn l-Unjoni Ewropea u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar il-modalitajiet tal-parteċipazzjoni tiegħu fl-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Ażil

L-UNJONI EWROPEA, minn issa 'l quddiem imsejħa "l-UE"

min-naħa l-waħda, u

L-PRINĊIPAT TAL-LIECHTENSTEIN, minn hawn 'il quddiem imsejjaħ il-“Liechtenstein”,

min-naħa l-oħra,

Wara li kkunsidraw l-Artikolu 49(1) tar-Regolament (UE) Nru 439/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Mejju 2010 li jistabbilixxi Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-qasam tal-Ażil[3], minn hawn’ il quddiem imsejjaħ ir-“Regolament”,

Billi:

(1) Ir-Regolament jistqarr li, biex iwettaq l-għan tiegħu, l-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-Qasam tal-Ażil, minn issa 'l quddiem imsejjaħ "l-Uffiċċju ta' Appoġġ" għandu jkun miftuħ għall-parteċipazzjoni minn pajjiżi li kkonkludew ftehimiet mal-UE li permezz tagħhom huma adottaw u japplikaw il-liġi tal-UE fil-qasam kopert minn dan ir-Regolament, partikolarment l-Islanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja u l-Isvizzera, minn issa 'l quddiem imsejħa "l-pajjiżi assoċjati",

(2) Il-Liechtenstein ikkonkluda ftehimiet mal-UE, li bis-saħħa tagħhom huwa adotta u japplika l-liġi tal-UE fil-qasam kopert minn dan ir-Regolament, b'mod partikolari l-Liechtenstein aderixxa mal-Ftehim bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Konfederazzjoni Svizzera li jikkonċerna l-kriterji u l-mekkaniżmi għall-istabbiliment tal-Istat responsabbli biex jeżamina talba għall-ażil depożitata fi Stat Membru jew fl-Isvizzera[4],

FTIEHMU KIF ĠEJ:

Artikolu 1 Il-firxa tal-parteċipazzjoni

Il-Liechtenstein jipparteċipa b’mod sħiħ fil-ħidma tal-Uffiċċju ta’ Appoġġ u jkun intitolat li jirċievi azzjonijiet ta' sostenn mill-Uffiċċju ta’ Appoġġ kif deskritt fir-Regolament u skont it-termini stabbiliti bl-Arranġament preżenti.

Artikolu 2 Il-Bord ta' Amministrazzjoni

Il-Liechtenstein ikun rappreżentat fil-Bord ta’ Amministrazzjoni tal-Uffiċċju ta’ Appoġġ bħala osservatur mingħajr id-dritt li jivvota.

Artikolu 3 Il-kontribuzzjoni finanzjarja

1. Il-Liechtenstein irid jikkontribwixxi għad-dħul tal-Uffiċċju ta’ appoġġ is-somma annwali kkalkulata skont il-Prodott Domestiku Gross (PDG) bħala persentaġġ tal-PDG tal-Istati parteċipanti kollha skont il-formula deskritta fl-Anness I.

2. Il-kontribuzzjoni finanzjarja msemmija fil-Paragrafu 1 ssir mill-jum wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan l-Arranġament. L-ewwel kontribuzzjoni finanzjarja titnaqqas b’mod proporzjonali skont iż-żmien li jkun baqa' matul is-sena wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan l-Arranġament.

Artikolu 4 Il-Protezzjoni tad-Dejta

1. Bl-applikazzjoni ta' dan l-Arranġament il-Liechtenstein se tipproċessa d-dejta f'konformità mad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' dejta personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-dejta.[5]

2. Għall-finijiet ta' dan l-Arranġament, ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' dak id-dejta[6] huwa applikabbli għall-ipproċessar tad-dejta personali mwettaq mill-Uffiċċju ta' Appoġġ.

3. Il-Liechtenstein għandu jirrispetta r-regoli dwar il-kunfidenzjalità tad-dokumenti miżmuma mill-Uffiċċju ta' Appoġġ, kif stabbilit fir-Regoli ta’ Proċedura tal-Bord tal-Amministrazzjoni.

Artikolu 5 Status Ġuridiku

L-Uffiċċju ta’ Appoġġ ikollu personalità ġuridika skont il-liġi tal-Liechtenstein u jgawdi fil-Liechtenstein il-kapaċità ġuridika l-aktar estensiva mogħtija lil persuni ġuridika skont il-liġi tal-Liechtenstein. Jista', b'mod partikolari, jakkwista jew jiddisponi minn proprjetà mobbli u immobbli u jista' jkun parti fi proċedimenti legali.

Artikolu 6 Responsabbiltà

Ir-responsabbiltà tal-Uffiċċju ta’ Appoġġ tkun regolata mill-Artikolu 45 (1), (3) u (5) tar-Regolament.

Artikolu 7 Il-Qorti tal-Ġustizzja

Il-Liechtenstein jirrikonoxxi l-ġuriżdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fuq l-Uffiċċju ta' Appoġġ, kif provdut fl-Artikolu 45 (2) u (4) tar-Regolament.

Artikolu 8 Il-Persunal tal-Uffiċċju ta' Appoġġ

1. Skont l-Artikolu 38 (1) u 49 (1) tar-Regolament, ir-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali u l-Kondizzjonijiet ta’ Impjieg Applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-Unjoni Ewropea, ir-regoli adottati b’mod konġunt mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea sabiex ikunu applikati dawn ir-Regolamenti tal-Persunal u r-regoli adottati mill-Uffiċċju ta’ Appoġġ skont l-Artikolu 38 (2) tar-Regolament japplikaw għaċ-ċittadini tal-Liechtenstein reklutati bħala membri tal-persunal mill-Uffiċċju ta’ Appoġġ.

2. B’deroga mill-Artikolu 12 (2) (a) u l-Artikolu 82 (3) (a) tal-Kundizzjonijiet ta’ Impjieg Applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-Unjoni Ewropea, iċ-ċittadini tal-Liechtenstein li jgawdu d-drittijiet kollha tagħhom ta’ ċittadini jistgħu jkunu impjegati b’kuntratt mid-Direttur Eżekuttiv tal-Uffiċċju ta’ Appoġġ skont ir-regoli eżistenti għall-għażla u l-ingaġġ tal-persunal adottati mill-Uffiċċju ta’ Appoġġ.

3. L-Artikolu 38 (4) tar-Regolament għandu japplika mutatis mutandis għaċ-ċittadini tal-Liechtenstein.

4. Iċ-ċittadini tal-Liechtenstein ma jistgħux, madankollu, jinħatru għal kariga ta’ Direttur Eżekuttiv tal-Uffiċċju ta’ Appoġġ.

Artikolu 9 Privileġġi u immunitajiet

Il-Liechtenstein jrid japplika għall-Uffiċċju ta’ Appoġġ u għall-persunal tiegħu l-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea[7] kif ukoll kwalunkwe regoli adottati skont dan il-Protokoll relatati ma’ kwistjonijiet tal-persunal tal-Uffiċċju ta’ Appoġġ.

Artikolu 10 Il-ġlieda kontra l-frodi

Id-dispożizzjonijiet fir-rigward tal-Artikolu 44 tar-Regolament relatat mal-kontroll finanzjarju mill-UE fil-Liechtenstein li jikkonċerna l-parteċipanti fl-attivitajiet tal-Uffiċċju ta’ Appoġġ huma stabbiliti fl-Anness II.

Artikolu 11 Kumitat

1. Kumitat, kompost minn rappreżentanti tal-Kummissjoni Ewropea u tal-Liechtenstein, jissorvelja l-implimentazzjoni xierqa tal-Arranġament u jiżgura proċess kontinwu ta’ għoti ta' informazzjoni u skambju ta’ opinjonijiet f’dan ir-rigward. Għal raġunijiet prattiċi, il-Kumitat għandu jiltaqa’ flimkien mal-Kumitati korrispondenti stabbiliti ma’ pajjiżi oħra assoċjati parteċipanti abbażi tal-Artikolu 49 (1) tar-Regolament. Għandu jiltaqa’ wara talba jew mil-Liechtenstein jew mill-Kummissjoni Ewropea. Il-Bord ta’ Amministrazzjoni tal-Uffiċċju ta’ Appoġġ għandu jkun infurmat dwar il-ħidma ta’ dan il-Kumitat.

2. L-Informazzjoni dwar leġiżlazzjoni prevista tal-UE, li jew taffettwa direttament jew temenda r-Regolament jew li mistennija jkollha implikazzjoniet f'dak li għandu x'jaqsam mal-kontribuzzjonijiet finanzjarji stipulati fl-Artikolu 3 ta’ dan l-Arranġament, tkun kondiviża u għandu jsir skambju ta’ fehmiet dwarha fil-Kumitat.

Artikolu 12 Annessi

L-Annessi għal dan l-Arranġament jikkostitwixxu parti integrali minn dan l-Arranġament.

Artikolu 13

Id-dħul fis-seħħ

1. Il-Partijiet Kontraenti japprovaw dan l-Arranġament skont il-proċeduri proprji tagħhom interni. Il-Partijiet għandhom jinnotifikaw lil xulxin bit-tlestija ta' dawn il-proċeduri.

2. Dan l-Arranġament jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tal-ewwel xahar wara l-jum tal-aħħar notifika msemmija fil-paragrafu 1.

Artikolu 14 It-tlestija u l-validità

1. Dan l-Arranġament għandu jkun għal perjodu mhux limitat.

2. Kull Parti Kontraenti tista’, wara konsultazzjoni fil-Kumitat, tiddenunzja dan l-Arranġament billi tinnotifika lill-Parti Kontraenti l-oħra. L-Arranġament għandu jieqaf milli japplika sitt xhur wara d-data ta’ din in-notifika.

Dan l-Arranġament jispiċċa f'każ li jintemm il-Protokoll dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar il-kriterji u l-mekkaniżmi għall-ħatra tal-Istat responsabbli mill-eżami ta’ talba għall-ażil imressqa fi Stat Membru jew fl-Isvizzera.

4. Dan l-Arranġament jitfassal f'kopja waħda oriġinali bil-lingwa Bulgara, Ċeka, Daniża, Estonjana, Finlandiża, Franċiża, Ġermaniża, Griega, Ingliża, Kroata, Latvjana, Litwana, Maltija, Olandiża, Pollakka, Portugiża, Rumena, Slovakka, Slovena, Spanjola, Svediża, Taljana, u Ungeriża, b'kull test ikun ugwalment awtentiku.

……………

ANNESS I

Il-formula biex tiġi kkalkolata l-kontribuzzjoni

1. Il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Liechtenstein għad-dħul tal-Uffiċċju ta’ Appoġġ definita fl-Artikolu 33(3)(d) tar-Regolament hija kkalkolata kif ġej:

L-aktar ċifri finali aġġornati tal-Prodott Domestiku Gross (PDG) tal-Liechtenstein disponibbli fil-31 ta’ Marzu ta’ kull sena jkunu diviżi bis-somma taċ-ċifri tal-PDG tal-Istati kollha li jipparteċipaw fl-Uffiċċju ta’ Appoġġ disponibbli għall-istess sena. Il-persentaġġ miksub se jiġi applikat għall-parti tad-dħul awtorizzat tal-Uffiċċju ta’ Appoġġ kif definit fl-Artikolu 33(3)(a) tar-Regolament fis-sena li qed tiġi analizzata sabiex jinkiseb l-ammont tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Liechtenstein.

2. Il-kontribuzzjoni finanzjarja titħallas f’Euro.

3. Il-Liechtenstein għandu jħallas il-kontribuzzjoni finanzjarja tiegħu mhux aktar tard minn 45 jum wara li jirċievi n-nota ta’ debitu. Kull dewmien fil-ħlas tal-kontribuzzjoni se jimplika l-ħlas ta' imgħax tal-inadempjenza mil-Liechtenstein fuq l-ammont pendenti mid-data dovuta. Ir-rata tal-imgħax tkun ir-rata applikata mill-Bank Ċentrali Ewropew għall-operazzjonijiet prinċipali ta’ finanzjament mill-ġdid, kif ippubblikata fis-serje C tal-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, li tidħol fis-seħħ fl-ewwel jum kalendarju tax-xahar tad-data ta’ skadenza, miżjuda bi 3,5 punti perċentwali.

4. Il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Liechtenstein tiġi adattata skont dan l-Anness f’każ li l-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni Ewropea li tiddaħħal fil-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea kif definit fl-Artikolu 33 (3) a tar-Regolament tiżdied skont l-Artikoli 26, 27 jew 41 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012[8] dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002. F’dan il-każ, id-differenza tkun dovuta 45 jum wara l-wasla tan-nota ta’ debitu.

5. Fil-każ li l-krediti ta’ ħlas tal-Uffiċċju ta’ Appoġġ li tirċievi l-UE skont l-Artikolu 33 (3) a tar-Regolament relatat ma’ sena N ma jintefqux qabel il-31 ta’ Diċembru tas-sena N jew li l-baġit tal-Uffiċċju ta’ Appoġġ tas-sena N jitnaqqas skont l-Artikoli 26, 27 jew 41 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012[9] dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002, il-parti ta’ dawn il-krediti ta' ħlas li ma ntefqux jew li tnaqqsu u li huma korrispondenti għall-perċentwal tal-kontribuzzjoni magħmula mil-Liechtenstein, tiġi trasferita għal fuq il-baġit tas-sena N+1 tal-Uffiċċju ta’ Appoġġ. Il-kontribuzzjoni tal-Liechtenstein għall-baġit tal-Uffiċċju ta’ Appoġġ tas-sena N +1 titnaqqas kif xieraq.

ANNESS II

Il-kontroll finanzjarju fir-rigward tal-parteċipanti mil-Liechtenstein fl-attivitajiet tal-Uffiċċju ta’ Appoġġ

Artikolu 1 Komunikazzjoni diretta

L-Uffiċċju ta’ Appoġġ u l-Kummissjoni Ewropea għandhom jikkomunikaw direttament mal-persuni jew mal-entitajiet kollha stabbiliti fil-Liechtenstein u li jipparteċipaw fl-attivitajiet tal-Uffiċċju ta’ Appoġġ, bħala kuntratturi, parteċipanti fil-programmi tal-Uffiċċju ta’ Appoġġ, riċevituri ta’ ħlasijiet mill-Uffiċċju ta’ Appoġġ jew mill-baġit tal-UE, jew bħala sottokuntratturi. Dawn il-persuni jistgħu jittrażmettu direttament lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Uffiċċju ta' Appoġġ l-informazzjoni u d-dokumentazzjoni rilevanti kollha li huma meħtieġa li jintbagħtu abbażi tal-istrumenti msemmija f’dan l-Arranġament u abbażi ta' kuntratti jew ta' ftehimiet konklużi kif ukoll ta' kwalunkwe deċiżjoni meħuda skonthom.

Artikolu 2 Awditjar

1. Skont ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 [10] dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002, flimkien mar-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 [11]dwar ir-Regolament Finanzjarju strutturali għall-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej u flimkien mal-istrumenti l-oħra msemmija f’dan l-Arranġament, il-kuntratti jew il-ftehimiet konklużi kif ukoll id-deċiżjonijiet meħuda ma’ benefiċjarji stabbiliti fil-Liechtenstein jistgħu jipprovdu għal awditjar xjentifiku, finanzjarju, teknoloġiku jew awditjar ieħor li jista' jitwettaq f’kull ħin fil-bini tal-benefiċjarji u tas-sottokuntratturi tagħhom mill-uffiċjali tal-Uffiċċju ta’ Appoġġ u l-uffiċjali tal-Kummissjoni Ewropea jew minn persuni oħra awtorizzati mill-Uffiċċju ta’ Appoġġ u mill-Kummissjoni Ewropea.

2. L-uffiċjali tal-Uffiċċju tal-Appoġġ u tal-Kummissjoni Ewropea u persuni oħra awtorizzati mill-Uffiċċju tal-Appoġġ u mill-Kummissjoni Ewropea għandu jkollhom aċċess xieraq għas-siti, għax-xogħlijiet u għad-dokumenti, kif ukoll għall-informazzjoni kollha meħtieġa biex iwettqu awditjar bħal dan, inkluż fil-forma elettronika. Dan id-dritt għall-aċċess għandu jiġi espliċitament stipulat fil-kuntratti jew fil-ftehimiet konklużi għall-implimentazzjoni tal-istrumenti msemmija f’dan l-Arranġament.

3. Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri jkollha l-istess drittijiet bħall-Kummissjoni Ewropea.

4. L-awditjar jista' jsir sa ħames snin wara l-iskadenza ta’ dan l-Arranġament jew skont il-kundizzjonijiet tal-kuntratti jew tal-ftehimiet konklużi u d-deċiżjonijiet meħuda.

5. L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Awditjar tal-Liechtenstein jiġi mgħarraf minn qabel bl-awditjar li jsir fit-territorju tal-Liechtenstein. Din l-informazzjoni mhijiex kundizzjoni legali għat-twettiq ta' awditjar bħal dan.

Artikolu 3 Verifiki fuq il-post

1. Skont dan l-Arranġament, il-Kummissjoni Ewropea (OLAF) tkun awtorizzata li twettaq verifiki u spezzjonijiet fuq il-post fit-territorju tal-Liechtenstein, skont it-termini u l-kundizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolarijiet oħra[12].

2. Il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post jitħejjew u jitmexxew mill-Kummissjoni Ewropea b’kollaborazzjoni mill-qrib mal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Awditjar tal-Liechtenstein jew ma' awtoritajiet kompetenti oħra fil-Liechtenstein maħtura mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Awditjar, li għandhom ikunu informati fil-ħin dwar l-oġġett, l-iskop u l-bażi ġuridika tal-kontrolli u l-ispezzjonijiet, sabiex ikunu jistgħu jagħtu l-għajnuna meħtieġa. Għal dan l-għan, l-uffiċjali tal-awtoritajiet kompetenti fil-Liechtenstein jistgħu jieħdu sehem fil-verifiki u l-ispezzjonijiet ta' fuq il-post.

3. Jekk l-awtoritajiet tal-Liechtenstein ikkonċernati jixtiequ, il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post jistgħu jsiru b'mod konġunt mill-Kummissjoni Ewropea u minnhom.

4. Jekk il-parteċipanti fil-programm jopponu għal verifika jew għal spezzjoni fuq il-post, l-awtoritajiet tal-Liechtenstein, filwaqt li jaġixxu b’konformità mar-regoli nazzjonali, iridu jagħtu assistenza kif meħtieġ lill-ispetturi tal-Kummissjoni Ewropea biex ikunu jistgħu jaqdu dmirijiethom fit-twettiq ta’ kontroll jew ta' spezzjoni fuq il-post.

5. Il-Kummissjoni Ewropea għandha tirrapporta malajr kemm jista' jkun lill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Awditjiar tal-Liechtenstein kwalunkwe fatt jew suspett relatat ma' irregolarità li jkun ġie notifikat lilha matul il-verifika jew l-ispezzjoni fuq il-post. Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni trid tinforma lill-awtorità msemmija hawn fuq dwar ir-riżultat ta’ dawn il-verifiki u l-spezzjonijiet.

Artikolu 4 Informazzjoni u konsultazzjoni

1. Għall-finijiet tal-implimentazzjoni korretta ta’ dan l-Anness, l-awtoritajiet kompetenti tal-Liechtenstein u tal-UE għandhom regolarment jiskambjaw l-informazzjoni bejniethom u, f'każ li jkun hemm talba minn waħda mill-Partijiet Kontraenti, iwettqu konsultazzjonijiet.

2. L-awtoritajiet kompetenti tal-Liechtenstein għandhom jinformaw mingħajr dewmien lill-Uffiċċju tal-Appoġġ u lill-Kummissjoni Ewropea bi kwalunkwe fatt jew suspett li jkun ġie notifikat lilhom relatat ma' xi irregolarità marbut mal-konklużjoni u l-implimentazzjoni tal-kuntratti jew tal-ftehimiet stipulati fl-applikazzjoni tal-istrumenti msemmija f’dan l-Arranġament.

Artikolu 5 Kunfidenzjalità

Informazzjoni komunikata jew miksuba fi kwalunkwe forma skont dan l-Anness tkun koperta bis-segretezza professjonali u mħarsa bl-istess mod bħalma informazzjoni simili hija mħarsa permezz tal-liġi tal-Liechtenstein u permezz ta' dispożizzjonijiet korrispondenti applikabbli għall-istituzzjonijiet tal-UE. Din l-informazzjoni ma għandhiex tiġi kkomunikata lil persuni oħrajn ħlief lil dawk fl-istituzzjonijiet tal-UE, fl-Istati Membri jew fil-Liechtenstein, li l-funzjonijiet tagħhom jirrikjedu li jkunu jafuha, u lanqas ma tista’ tintuża għal skopijiet oħra ħlief dawk li jservu biex jiżguraw il-protezzjoni effettiva tal-interessi finanzjarji tal-Partijiet Kontraenti.

Artikolu 6 Miżuri u penali amministrattivi

Bla preġudizzju għall-applikazzjoni tal-liġi kriminali tal-Liechtenstein, miżuri u penali amministrattivi jistgħu jiġu imposti mill-Uffiċċju ta’ Appoġġ jew mill-Kummissjoni Ewropea skont ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 u r-Regolament ta’ delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012[13] dwar ir-regoli tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95[14] dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea.

Artikolu 7 Irkupru u infurzar

Id-deċiżjonijiet meħuda mill-Uffiċċju ta' Appoġġ jew mill-Kummissjoni Ewropea fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan l-Arranġament li jimponu obbligu ta’ ħlas ta’ flus fuq persuni oħra għajr l-Istati għandhom jiġu infurzati fil-Liechtenstein. L-ordni ta' infurzar tinħareġ, mingħajr aktar kontrolli apparti mill-verifika tal-awtentiċità tal-att, mill-awtorità maħtura mill-gvern tal-Liechtenstein, li għandu jinfurma b'dan lill-Uffiċċju ta' Appoġġ jew lill-Kummissjoni Ewropea. L-infurzar iseħħ f'konformità mar-regoli ta' proċedura tal-Liechtenstein. Il-legalità tad-deċiżjoni ta' infurzar tkun suġġetta għall-kontroll mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

Is-sentenzi maqtugħa mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea skont klawsola ta’ arbitraġġ, ikunu infurzabbli fuq l-istess termini.

[1]               Ir-Regolament (UE) Nru 439/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Mejju 2010 li jistabbilixxi Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-qasam tal-Ażil; ĠU L 132/11 tad-29.5.2010.

[2]               ĠU L 132/11 tad-29.05.2010

[3]               ĠU L 132, 29.5.2010, p. 11

[4]               ĠU L 160, 18.6.2011, p. 39

[5]               ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31

[6]               ĠU L 8, 12.1.2011, p. 1

[7]               ĠU C 83, tat-30.3.2010, p. 266.

[8]               ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1

[9]               ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1

[10]             ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1

[11]             ĠU L 181, 10.7.2008, p. 23

[12]             ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2

[13]             ĠU L 362, 31.12.2012, p. 1.

[14]             ĠU L 312, 23.12.1995, p. 1

Top