Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013PC0857

    Proposta għal RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL dwar Qafas tal-Kwalità għall-Apprendistati

    /* COM/2013/0857 final - 2013/0431 (NLE) */

    52013PC0857

    Proposta għal RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL dwar Qafas tal-Kwalità għall-Apprendistati /* COM/2013/0857 final - 2013/0431 (NLE) */


    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1.           IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

    Matul dawn l-aħħar żewġ deċenni, l-apprendistati saru punt tad-dħul importanti fis-suq tax-xogħol għaż-żgħażagħ. It-trawwim tal-impjegabbiltà u l-produttività taż-żgħażagħ huwa kruċjali biex jersqu lejn is-suq tax-xogħol. Madankollu, minkejja li huma dejjem aktar jirrappreżentaw karatteristika fissa fis-swieq tax-xogħol tagħna, it-tixrid tagħhom ġab miegħu tħassib dejjem jikber dwar il-kontenut tat-tagħlim u l-kundizzjonijiet tax-xogħol. Jekk l-esperjenzi ta’ taħriġ huma verament biex jiffaċilitaw l-aċċess għall-impjieg, għandhom joffru kontenut ta’ tagħlim ta’ kwalità u kundizzjonijiet tax-xogħol adegwati, u ma għandhomx isiru mod ta' impjiegi regolari irħis.

    F'Diċembru 2012, il-Kummissjoni ppreżentat il-Pakkett għall-Impjieg taż-Żgħażagħ[1] inkluża t-tnedija tal-konsultazzjoni tat-tieni stadju tal-partijiet soċjali dwar Qafas tal-Kwalità għall-Apprendistati[2] (QFT), wara sejħiet imtennija mill-Parlament Ewropew[3] u l-Kunsill Ewropew[4]. Il-konsultazzjonijiet tal-Kummissjoni[5] dwar il-kwistjoni flimkien ma’ studji oħrajn u stħarriġ, identifikaw firxa ta’ problemi li bħalissa qed jolqtu l-apprendistati fl-UE. Il-kwistjonijiet jikkonċernaw żewġ oqsma b’mod partikolari:

    · kontenut ta' tagħlim mhux suffiċjenti (jiġifieri l-apprendisti jintalbu jagħmlu xogħol menjali); kif ukoll

    · kondizzjonijiet tax-xogħol mhux xierqa (sigħat twal ta’ xogħol, kopertura mhux sodisfaċenti għas-saħħa u s-sikurezza jew riskji relatati max-xogħol, ftit jew l-ebda ħlas/kumpens, sitwazzjoni legali mhux ċara, tul ta' żmien estiż, eċċ.).

    Barra minn hekk, il-partijiet interessati enfasizzaw il-kwistjoni li sehem kbir ta’ apprendistati bla ħlas jew bi ħlas baxx jista' joħoloq problema ta’ nuqqas ta' aċċess ugwali[6] u jwassal ukoll għal tendenza li ħaddiema bis-salarju jiġu sostitwiti bl-apprendisti[7]. Barra minn hekk, jista’ jagħti l-każ li l-apprendisti ma jkunux jafu b’mod ċar jekk hux se jirċievu ħlas jew kumpens, jew ma jiġux informati dwar kondizzjonijiet tax-xogħol ewlenin bħad-dritt ta' assikurazzjoni fuq is-saħħa u kontra l-inċidenti jew id-dritt tal-btala.

    Aktar trasparenza fir-rigward tal-kontenut tat-tagħlim u l-kondizzjonijiet tax-xogħol tal-apprendistat se twassal għal funzjonament aktar effiċjenti tas-suq tax-xogħol. L-Ewrobarometru tal-2013 dwar l-apprendistati jissuġġerixxi li t-trasparenza dwar il-kondizzjonijiet tax-xogħol fl-avviżi u r-reklami tal-postijiet battala hemm fejn titjieb.

    L-oqfsa regolatorji tal-Istati Membri b'mod ġenerali u l-istrettezza tar-regolamentazzjoni b’mod partikolari jvarjaw ħafna kemm fost it-tipi differenti ta’ apprendistati kif ukoll minn Stat Membru għal ieħor. F’xi Stati Membri l-ebda definizzjoni legali ta’ apprendistat ma teżisti. Filwaqt li l-frammentazzjoni attwali tar-regolamentazzjoni u n-nuqqas ta’ kriterji ta’ kwalità b'mod ġenerali huma notevoli, għarfien komuni ta’ x'inhu apprendistat u l-istandards minimi tiegħu jista' jgħin fit-tfassil tal-politika u tal-istrateġija regolatorja tal-Istati Membri. Fl-aħħar nett, hemm evidenza li l-għadd ta’ apprendistati transnazzjonali huwa baxx ħafna[8], minkejja rati għolja ta’ mobilità fost l-istudenti, pereżempju fil-programm Erasmus. Din tidher li hija opportunità importanti mitlufa għal dak li huwa tnaqqis tal-qgħad taż-żgħażagħ permezz tal-mobilità: l-apprendistati transnazzjonali jistgħu jkunu fattur ewlieni fl-għajnuna għaż-żgħażagħ biex jaqbdu xogħol fi Stat Membru ieħor. QFT madwar l-Ewropa kollha jgħin biex jiġi indirizzat l-għadd baxx ta' apprendistati transnazzjonali. Dan jgħin jindirizza xkiel ewlieni għall-mobilità transkonfinali, in-nuqqas ta’ informazzjoni, f’żona ta’ frammentazzjoni regolatorja kbira. L-iżvilupp ta' QFT huwa wkoll essenzjali għall-estensjoni tal-EURES għall-apprendistati, kif mitlub mill-Kunsill Ewropew fil-konklużjonijiet tiegħu ta' Ġunju 2012[9].

    Bi tweġiba għal qgħad għoli ħafna fost iż-żgħażagħ f'diversi Stati Membri u b'segwitu għal impenji preċedenti, il-Kummissjoni pproponiet Rakkomandazzjoni dwar it-Twaqqif ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ[10], li l-Kunsill adotta fit-22 ta’ April 2013[11]. Din tagħmel sejħa fost l-Istati Membri biex jiżguraw li ż-żgħażagħ kollha sal-età ta’ 25 sena jirċievu offerta ta’ xogħol ta’ kwalità tajba, edukazzjoni kontinwa, apprendistat jew taħriġ fi żmien erba' xhur minn meta jsiru qiegħda jew minn meta jwaqqfu l-edukazzjoni formali. Rekwiżiti ta’ kwalità għall-apprendistati huma essenzjali għal implimentazzjoni effettiva tar-Rakkomandazzjoni.

    Fuq dan l-isfond, il-proposta attwali għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tfittex li tiżgura li l-apprendistati jiffaċilitaw b'mod effiċjenti t-tranżizzjonijiet mill-edukazzjoni għax-xogħol u b’hekk iżidu l-impjegabbiltà taż-żgħażagħ. Il-proposta tistabbilixxi linji gwida li jistgħu jiżguraw kontenut ta’ tagħlim ta’ kwalità għolja u kondizzjonijiet ta’ xogħol xierqa. Hija tagħti ħarsa wkoll lejn kif il-Kummissjoni se tappoġġja l-azzjoni tal-Istati Membri permezz tal-qafas tal-iffinanzjar tal-UE, l-iskambju ta’ prassi tajba u l-monitoraġġ. Hija tkopri l-hekk imsejħa apprendistati "għas-suq miftuħ", jiġifieri apprendistati miftiehma bejn apprendist u fornitur tal-apprendistati (kummerċjali, mhux bi skop ta’ qligħ, jew mal-gvern) mingħajr l-involviment ta’ parti terza, ġeneralment wara t-tlestija tal-istudji u/jew bħala parti ta’ tfittix għal impjieg. Ir-Rakkomandazzjoni proposta ma tindirizzax apprendistati li jiffurmaw parti minn kurrikuli akkademiċi jew vokazzjonali, lanqas dawk li jiffurmaw parti minn taħriġ professjonali obbligatorju (eż. il-mediċina, l-arkitettura eċċ).

    Il-proposta hija akkumpanjata minn valutazzjoni tal-impatt li tippreżenta r-riżultati ta’ konsultazzjonijiet mal-partijiet interessati, tħares f’aktar dettall lejn il-problemi li jirrigwardaw l-apprendistati, tittratta problemi legali u kwistjonijiet ta’ sussidjarjetà, u tipprovdi analiżi ta’ għażliet possibbli biex tindirizza l-problema.

    2.           IR-RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

    Konsultazzjoni pubblika

    Il-Kummissjoni kkonsultat ma’ firxa wiesgħa ta’ partijiet interessati dwar il-problemi li jirrigwardaw l-apprendistati u dwar soluzzjonijiet possibbli.

    B'reazzjoni għal konsultazzjoni pubblika bejn April u Lulju 2012, it-trejdjunjins, l-NGOs, l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, l-istituzzjonijiet edukattivi u parti kbira mill-parteċipanti individwali b'mod ġenerali appoġġaw inizjattiva tal-Kummissjoni. Filwaqt li b'mod ġenerali huma favur l-inizjattiva, l-organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem, il-kmamar tal-kummerċ u l-Istati Membri ta’ sikwit rreferew għall-ħtieġa li l-qafas jinżamm flessibbli biżżejjed biex iqis id-diversità tal-prassijiet nazzjonali.

    Il-biċċa l-kbira ta' dawk li wieġbu qablu mal-analiżi tal-Kummissjoni (ftehim ta' apprendistat bil-miktub, għanijiet u kontenut tat-tagħlim ċari[12], żmien limitat, kopertura tas-sigurtà soċjali xierqa eċċ.). L-impriżi u xi organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem sostnew li r-rimunerazzjoni u l-kwistjonijiet ta’ protezzjoni soċjali ma jaqgħux taħt il-kompetenza tal-UE.

    Konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali

    Bejn Ottubru 2012 u Frar 2013 seħħet konsultazzjoni f'żewġ stadji mal-imsieħba soċjali dwar l-inizjattiva tal-QFT. L-imsieħba soċjali tennew għal darb'oħra l-pożizzjonijiet tagħhom li kienu sostenew fil-konsultazzjoni pubblika, bin-naħa trejdunjonistika favur inizjattiva aktar b’saħħitha filwaqt li dawk li jħaddmu wrew tħassib dwar il-flessibbiltà u l-piż fuq in-negozju. Madankollu, ma nedew ebda negozjati dwar ftehim possibbli skont l-Artikolu 154 tat-TFUE.

    Fil-11 ta’ Ġunju 2013, ETUC, BUSINESSEUROPE, UEAPME u CEEP ppreżentat Qafas ta’ Azzjonijiet dwar l-Impjieg taż-Żgħażagħ (FoA), li rriżultaw minn negozjati ta’ djalogu soċjali filwaqt li ttieħed kont tal-intenzjoni tal-Kummissjoni li tipproponi Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar Qafas Ewropew tal-Kwalità fl-Apprendistati. L-imsieħba soċjali beħsiebhom jieħdu aktar azzjonijiet konġunti lejn il-Kunsill u l-Parlament Ewropew abbażi ta’ proposta li se tagħmel il-Kummissjoni għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar QFT Ewropea.

    Intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs)

    Bejn Marzu u Ġunju 2013, seħħ test tal-SMEs biex jinvestiga mill-perspettiva ta' min iħaddem il-kwalità tal-apprendistati pprovduti mill-SMEs u jkejjel l-ispejjeż ta’ konformità ta’ miżuri potenzjali fi ġdan QFT. B’kollox, 914-il SME wieġbu għall-istħarriġ. It-test enfasizza l-importanza tal-apprendistati għall-ħolqien tal-impjiegi fl-SMEs, u l-maġġoranza ta’ dawk li wieġbu (71,9 %) jaraw l-apprendistati bħala mezz biex jagħżlu u jħarrġu l-impjegati futuri. Dan ikkonferma wkoll li għadd kbir ta’ SMEs (9 minn 10) ma jinħolqulhom ebda problemi bl-elementi ta’ kwalità proposti.

    Stħarriġ tal-Ewrobarometru dwar l-apprendistati

    F’Mejju 2013, sar stħarriġ tal-Ewrobarometru fl-UE-27 u fil-Kroazja biex jikkwantifikaw it-tħassib dwar il-kwalità tal-apprendistati. Ir-riżultati ta’ dan l-istħarriġ rappreżentattiv mal-UE kollha, l-ewwel wieħed li qatt sar dwar is-suġġett, kienu jinkludu:

    · konferma dwar kemm huma mifruxa l-apprendistati: 46 % ta' dawk li għandhom bejn 18-35 mistħarrġa kienu lestew tal-inqas wieħed;

    · wieħed minn kull tliet apprendistati nstab mhux sodisfaċenti, jew f'dawk li huma kondizzjonijiet tax-xogħol (25 % tal-apprendistati kollha), kontenut ta' tagħlim (18 %) jew it-tnejn flimkien;

    · fattur ewlieni fl-iskarsezza tal-apprendistati transnazzjonali (9 % tal-apprendistati kollha) huwa n-nuqqas ta’ informazzjoni: 38 % ta’ dawk li huma interessati kkwotaw informazzjoni insuffiċjenti dwar ir-regolamenti ta;l-apprendistat fi Stati Membri oħra.

    Analiżi ekonometrika msejsa fuq ir-riżultati tal-Ewrobarometru żvelat korrelazzjoni sinifikanti bejn il-kwalità tal-apprendistati u ‘l-eżitu tal-impjieg”. Fi kliem ieħor, dawk li kienu lestew apprendistat ta’ standard baxx kellhom b'mod sinifikanti inqas probabbiltà li jsibu impjieg wara.

    Valutazzjoni tal-impatt

    It-tieni stadju ta’ konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali kien akkumpanjat minn dokument analitiku[13] dwar il-problemi rigward il-kwalità tal-apprendistati, li jistabbilixxi r-reazzjonijiet possibbli ta’ politika.

    Dan id-dokument ġie estiż fl-2013 biex jifforma dik li tkun tassew valutazzjoni tal-impatt (VI)[14] b'dejta li qabel ma kinitx disponibbli dwar l-għadd u l-kwalità tal- apprentistati, u evidenza ġdida tal-korrelazzjoni bejn il-kwalità u l-prospetti ta’ impjieg. Il-VI tidentifika u tanalizza għażliet ta’ politika biex jiżdied is-sehem tal-apprendistati ta’ kwalità, partikolarment billi twaqqaf livelli ta' ‘l-aqwa prassi’ u tiskoraġġixxi lil min iħaddem milli joffri apprendistati li ma jilħqux il-livell meħtieġ. Barra minn hekk, tanalizza proposti ġodda dwar it-trasparenza biex isir iktar faċli għaż-żgħażagħ li jiskrinjaw l-apprendistati għall-kwalità.

    Il-VI teżamina erba’ alternattivi minbarra x-xenarju ta’ referenza:

    · li twaqqaf websajt informattiva;

    · li tistabbilixxi tikketti ta’ kwalità volontarji;

    · li tipproponi Rakkomandazzjoni lill-Kunsill; u

    · li tipproponi Direttiva.

    Hija tikkonkludi li l-aktar għażla effettiva, effiċjenti u proporzjonata tkun proposta tal-Kummissjoni għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar QFT biex tiġi trasposta mill-Istati Membri fi prassi nazzjonali u/jew fis-sistema legali nazzjonali.

    Din tkun tirrakomanda li l-Istati Membri jiżguraw li l-konklużjoni ta’ ftehim bil-miktub għall-apprendistati tkun obbligatorja. Il-ftehim għandu jinkludi informazzjoni dwar l-għanijiet edukattivi tal-apprendistat, il-kondizzjonijiet tax-xogħol, jekk hiex ipprovduta remunerazzjoni/kumpens, id-drittijiet u l-obbligi skont il-liġi tal-UE u dik nazzjonali applikabbli, kif ukoll it-tul ta' żmien tal-apprendistat.

    Barra minn hekk, rekwiżiti addizzjonali dwar it-trasparenza jiġġeneraw inċentivi għal apprendistati ta' kwalità u/jew diżinċentivi għal apprendistati taħt il-livell meħtieġ.

    Skont l-alternattiva ppreferuta, l-avviżi ta’ postijiet battala ta' apprendistat iridu jindikaw jekk l-apprendistat hux bi ħlas jew le u, jekk l-apprendistat huwa bi ħlas, il-livell ta’ ħlas/kumpens. Barra minn hekk, il-fornituri ta’ apprendistati se jintalbu jiżvelaw il-proporzjon ta' apprendisti li ngħataw kuntratt ta’ impjieg wara t-tmiem tal-apprendistat tagħhom.

    3.           L-ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

    Bażi legali

    Il-bażijiet legali għal din l-inizjattiva huma l-Artikoli 153, 166 u 292 tat-TFUE. Skont l-Artikolu 292 tat-TFUE, il-Kunsill jista’ jadotta rakkomandazzjonijiet fuq il-bażi ta’ proposta tal-Kummissjoni fl-oqsma ta’ kompetenza tal-UE.

    Skont l-Artikolu 153 TFUE, l-Unjoni se tappoġġa u tikkumplementa l-attivitajiet tal-Istati Membri, inter alia, fil-qasam tal-kundizzjonijiet tax-xogħol, is-sigurtà soċjali u l-protezzjoni soċjali tal-ħaddiema, kif ukoll l-integrazzjoni tal-persuni esklużi mis-suq tax-xogħol u l-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-apprendistati li huma remunerati jaqgħu taħt l-Artikolu 153.

    Sabiex ikunu koperti anki l-apprendistati mhux remunerati, l-Artikolu 166 TFUE ġie miżjud bħala bażi legali addizzjonali. Skont din id-dispożizzjoni l-Unjoni għandha timplimenta politika ta’ taħriġ vokazzjonali, li għandha tappoġġa u tissupplimenta l-azzjoni tal-Istati Membri, filwaqt li tirrispetta għal kollox ir-responsabbiltà tal-Istati Membri għall-kontenut u l-organizzazzjoni tat-taħriġ vokazzjonali.

    Għaldaqstant, skont jekk l-apprendistat huwiex remunerat jew le, l-Artikolu 153 jew 166 TFUE japplika rispettivament.

    Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 153 TFUE ma japplikawx għall-paga, bis-saħħa tal-Artikolu 153. 5 TFUE. Madankollu, din id-dispożizzjoni tal-aħħar mhix ta' xkiel biex jiġu indirizzati l-problemi marbuta mat-trasparenza tal-paga, billi tirrakkomanda li l-ftehim bil-miktub dwar l-apprendistat jiċċara jekk ir-remunerazzjoni tkunx applikabbli jew le.

    Tista' ssir analoġija ma’ strumenti oħra tal-UE bħad-Direttiva 91/533/KEE, dwar l-obbligu ta’ min iħaddem li jgħarraf impjegat bil-kondizzjonijiet applikabbli għall-kuntratt jew għar-relazzjoni tal-impjieg. Dik id-Direttiva tipprovdi fl-Artikolu 2 li:

    '1. Min iħaddem għandu jkun obbligat li jgħarraf lill-ħaddiem... bl-aspetti essenzjali tal-kuntratt jew tar-relazzjoni tal-impjieg.

    2. L-informazzjoni imsemmija f'..... għandha tkopri mill-inqas dan li ġej:

    (h) l-ammont bażiku tal-bidu, l-elementi komponenti l-oħra u l-frekwenza tal-pagament tar-remunerazzjoni li għalihom il-ħaddiem hu titolat...[15]

    Bl-istess mod, il-Proposta għal Direttiva dwar il-kondizzjonijiet ta’ dħul u residenza ta’ nazzjonali ta’ pajjiż terz fil-qafas ta’ trasferiment intra-ażjendali[16] tindirizza l-kwistjoni ta’ remunerazzjoni bħala element ta’ ittra ta’ missjoni mingħand min iħaddmu, jew ta’ kuntratt.

    It-taħriġ huwa għan ċentrali fil-politika edukattiva u tal-impjiegi tal-UE. Huwa wkoll parti integrali tal-moviment ħieles tal-persuna skont l-Artikolu 45 tat-TFUE — libertà fundamentali protetta mit-Trattat. Minħabba d-dimensjoni transnazzjonali tal-apprendistati, l-azzjonijiet tal-Istati Membri individwali mhux se jilħqu l-għanijiet tal-inizjattiva proposta — biex b'mod komprensiv titjieb il-kwalità tal-apprendistati li jseħħu fl-UE.

    Fl-aħħar nett, il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea tinkludi wkoll għadd ta’ drittijiet u libertajiet li jistgħu jkunu rilevanti għal miżuri futuri li jikkonċernaw l-apprendistati, partikolarment l-Artikolu 21 (Non-diskriminazzjoni), l-Artikolu 29 (Dritt ta’ aċċess għal servizzi ta’ impjieg), l-Artikolu 31 (Kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti u xierqa) u l-Artikolu 32 (Projbizzjoni ta’ impjieg ta’ tfal u protezzjoni ta’ żgħażagħ fuq ix-xogħol).

    Sussidjarjetà

    Il-prinċipju tas-sussidjarjetà japplika safejn il-proposta ma taqax taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni.

    Fil-każ tal-apprendistati, soluzzjoni għall-UE kollha tippreżenta diversi vantaġġi:

    (1) Il-linji gwida tal-kwalità adottati jew proposti minn korpi differenti fi Stati Membri differenti ġeneralment jindikaw elementi simili li huma mistennija li jkunu l-qofol għat-tisħiħ tal-kwalità tal-apprendistati. Dan jissuġġerixxi li d-definizzjoni tal-istandards tal-kwalità għall-apprendistati m’għandhomx ikunu fundamentalment differenti skont il-prassi nazzjonali jew iċ-ċirkostanzi lokali.

    (2) Soluzzjoni għall-UE kollha twassal għal benefiċċji f’termini ta’ mobilità tal-apprendisti. Iż-żgħażagħ se jsibuha eħfef biex jaċċettaw apprendistat f’pajjiż ieħor jekk l-eżistenza ta’ prassijiet standard jew regoli tagħtihom għarfien ċar ta’ dak li jistgħu jistennew.

    (3) L-esperjenza turi li, minħabba l-problemi ta’ koordinazzjoni, il-proċess tad-definizzjoni ta’ standards ta’ kwalità aċċettati internazzjonalment jista’ jseħħ aktar malajr jekk l-istituzzjonijiet supranazzjonali jodattaw rwol ta' koordinazzjoni u ta' appoġġ.

    L-Istati Membri jistgħu b’mod indipendenti jadottaw miżuri biex itejbu l-kwalità tal-apprendistati. Fil-prattika, madankollu, huma talbu ripetutament lill-Kummissjoni biex tadotta QFT (ara fost oħrajn il-Konklużjonijiet ta' tliet Kunsilli Ewropej riċenti: Diċembru 2012, Frar 2013 u Ġunju 2013).

    F’sitwazzjoni ta’ oqfsa regolatorji diverġenti, ikun ta’ għajnuna li jkun hemm fehim komuni ta’ x'inhu apprendistat u tal-istandards minimi tiegħu. Dan se jgħin biex jissawwru l-approċċi regolatorji tal-Istati Membri, billi l-istandards proposti għandhom jiġu operazzjonalizzati permezz tal-approċċ regolatorju speċifiku tal-Istati Membri. B'dan il-mod, l-UE tista' tappoġġja b'mod konkret l-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-linja gwida nru. 8 tal-programm Ewropa 2020, b'mod partikolari "billi jippromulgaw skemi biex jgħinu liż-żgħażagħ u b'mod partikolari dawk li ma humiex f'impjieg, f'istituzzjoni ta' edukazzjoni jew taħriġ isibu xogħol inizjali, esperjenza ta' impjieg jew opportunitajiet ta' edukazzjoni jew taħriġ ulterjuri, inklużi l-apprendistati, u għandhom jintervjenu b'mod rapidu meta ż-żgħażagħ jitilfu l-impjieg." Dan jindirizza ostaklu ewlieni għall-mobilità transkonfinali, in-nuqqas ta' informazzjoni, f'qasam ta' frammentazzjoni regolatorja kbira, u r-Rakkomandazzjoni tgħin biex tirfed l-appoġġ ipprovdut minn Erasmus+[17] u l-iżvilupp ulterjuri ta' EURES[18].

    Proporzjonalità

    L-istrument tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill jippermetti rispett strett tal-prinċipju tal-proporzjonalità: L-Istati Membri li diġà introduċew fil-leġiżlazzjoni tagħhom jew fil-prassi nazzjonali s-salvagwardji proposti u l-elementi tal-kwalità mhux se jinħtieġ minnhom li jaġixxu. L-Istati Membri għandhom ikunu ħielsa wkoll li jivvalutaw jekk huwiex opportun li jmorru lil hinn mill-QFT propost hawnhekk, notevolment biex jinkludi wkoll il-kwistjoni ta’ rimunerazzjoni minima, li l-QFT ma jmissx.

    4.           IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA

    Mhux rilevanti.

    5.           ELEMENTI FAKULTATTIVI

    Mhux rilevanti.

    2013/0431 (NLE)

    Proposta għal

    RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

    dwar Qafas tal-Kwalità għall-Apprendistati

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 153, 166 u 292 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)       Iż-żgħażagħ intlaqtu partikolarment ħażin matul il-kriżi. Ir-rati ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ laħqu l-ogħla livelli storiċi fis-snin li għaddew f’diversi Stati Membri, mingħajr ebda sinjal ta’ tnaqqis fuq medda qasira ta’ żmien. It-trawwim tal-impjegabbiltà u l-produttività taż-żgħażagħ huwa kruċjali biex jersqu lejn is-suq tax-xogħol.

    (2)       Tranżizzjoni bla xkiel mill-edukazzjoni għall-impjieg hija kruċjali biex ittejjeb iċ-ċans taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol. It-titjib tal-edukazzjoni taż-żgħażagħ u l-iffaċilitar tat-tranżizzjoni tagħhom lejn l-impjieg huma meħtieġa biex jilħqu l-mira ewlenija tal-Ewropa 2020 ta’ 75 % fl-impjieg ta’ persuni bejn l-20 u l-64 sena sal-2020. Il-linja gwida nru 8 dwar il-politika tax-xogħol tal-Istati Membri tistieden lill-Istati Membri biex jippromulgaw “skemi biex jgħinu liż-żgħażagħ u b'mod partikolari dawk li ma humiex f'impjieg, f'istituzzjoni ta' edukazzjoni jew taħriġ isibu xogħol inizjali, esperjenza ta' impjieg jew opportunitajiet ta' edukazzjoni jew taħriġ ulterjuri, inklużi l-apprendistati, u għandhom jintervjenu b'mod rapidu meta ż-żgħażagħ jitilfu l-impjieg”[19].

    (3)       Matul dawn l-aħħar żewġ deċenni, l-apprendistati saru punt tad-dħul importanti fis-suq tax-xogħol għaż-żgħażagħ.

    (4)       Se jkun hemm spejjeż soċjoekonomiċi jekk l-apprendistati, partikolarment dawk ripetuti, jissostitwixxu l-impjieg regolari, notevolment pożizzjonijiet ta' livell ta’ dħul ġeneralment offruti liż-żgħażagħ. Barra minn hekk, apprendistati ta’ kwalità baxxa, speċjalment dawk bi ftit kontenut ta’ tagħlim, ma jwasslux għal progressi sinifikanti fil-produttività lanqas ma fihom xi effett ta' messaġġ pożittiv. L-Ispejjeż soċjali jirreferu wkoll għal apprentistati bla ħlas li jistgħu jillimitaw l-opportunitajiet tal-karriera ta’ dawk li ġejjin minn sfond żvantaġġjat.

    (5)       Hemm evidenza li jeżistu rabtiet bejn il-kwalità tal-apprendistat u l-eżitu tal-impjieg. Il-valur tal-apprendistati biex titħaffef it-tranżizzjoni lejn l-impjieg jiddependi fuq il-kwalità tagħhom f’termini ta' kontenut tat-tagħlim u l-kundizzjonijiet tax-xogħol. L-apprendistati ta' kwalità jġibu benefiċċji diretti ta’ produttività, itejjbu l-addatament tal-ħaddiema għas-suq tax-xogħol u jippromwovu l-mobilità, notevolment bit-tnaqqis tal-ispejjeż tat-tfittix u t-tqabbil kemm għall-intrapriżi kif ukoll għaż-żgħażagħ.

    (6)       Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar it-twaqqif ta' Garanzija għaż-Żgħażagħ[20] titlob li l-Istati Membri jiżguraw li ż-żgħażagħ kollha sal-età ta’ 25 sena jirċievu offerta ta’ xogħol ta’ kwalità tajba, edukazzjoni kontinwa, apprendistat jew taħriġ fi żmien erba' xhur minn meta jsiru qiegħda jew minn meta jwaqqfu l-edukazzjoni formali.

    (7)       Diversi studji u stħarriġiet żvelaw li l-problemi tal-kwalità jolqtu proporzjon sinifikanti ta’ apprendistati, b’mod partikolari dawk fejn ebda istituzzjoni edukattiva jew ta’ taħriġ ma hija responsabbli direttament għall-kontenut tat-tagħlim u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-apprendistat (l-hekk imsejħa apprendistati ta' ‘suq miftuħ").

    (8)       L-evidenza turi li proporzjon sinifikanti tal-apprendisti jintalbu jagħmlu xogħol menjali mingħajr kontenut ta’ tagħlim suffiċjenti. Apprendistat ta’ kwalità għandu jipprovdi kontenut ta’ tagħlim solidu u bis-sens, notevolment bl-identifikazzjoni tal-ħiliet speċifiċi li jridu jinkisbu, superviżjoni u mentoraġġ tal-apprendist kif ukoll il-monitoraġġ tal-progress tiegħu/tagħha.

    (9)       Ġew identifikati wkoll problemi fir-rigward tal-kondizzjonijiet tax-xogħol, eż. sigħat twal ta’ xogħol, kopertura tas-sigurtà soċjali, is-saħħa u s-sikurezza jew riskji relatati max-xogħol, ftit jew l-ebda remunerazzjoni u/jew kumpens, nuqqas ta’ ċarezza dwar ir-reġimi legali applikabbli, u ż-żieda fit-tul ta' żmien tal-apprendistat.

    (10)     L-apprendistati bħalissa huma regolati f’modi differenti ħafna madwar l-Unjoni. Fejn hemm ir-regolamentazzjoni, hija tipprovdi elementi ta’ kwalità differenti jew prassijiet differenti ta' implimentazzjoni, filwaqt li l-apprendistati jibqgħu fil-biċċa l-kbira tagħhom mhux regolati f’xi Stati Membri u f'xi setturi. Sehem konsiderevoli ta’ fornituri ta' apprendistati jużaw l-apprendisti bi skop ta' xogħol irħis jew bla ħlas, li spiss ikun ġej minn nuqqas ta’ qafas jew strument regolatorju, jew minn nuqqas ta’ trasparenza rigward il-kondizzjonijiet tax-xogħol għall-apprendistati u l-kontenut tat-tagħlim tagħhom.

    (11)     Qafas ta’ Kwalità għall-Apprendistati se tappoġġja t-titjib tal-kondizzjonijiet tax-xogħol u l-kontenut tat-tagħlim tal-apprendistati. Il-konklużjoni ta’ ftehim bil-miktub ta' apprendistat li jindika l-għanijiet edukattivi, kondizzjonijiet tax-xogħol adegwati, drittijiet u obbligi u tul ta’ żmien raġonevoli tikkostitwixxi l-element ewlieni tal-Qafas ta’ Kwalità għall-Apprendistati.

    (12)     In-nuqqas ta’ informazzjoni hija waħda mill-kawżi ta’ apprendistati ta’ kwalità baxxa u hija problema ħafna iktar mifruxa fir-rigward tal-apprendistati aktar minn tal-impjieg regolari. Aktar rekwiżiti ta’ trasparenza għal avviżi jew reklami ta' pożizzjonijiet ta' apprendistat jgħinu biex jitjiebu l-kondizzjonijiet tax-xogħol u jistimolaw il-mobbiltà transkonfinali.

    (13)     L-imsieħba soċjali għandhom rwol ewlieni fit-tfassil, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ ta’ politika u programmi ta’ taħriġ. Kooperazzjoni bejn l-imsieħba soċjali u l-awtoritajiet rilevanti tista’ timmira biex iż-żgħażagħ jiġu pprovduti b’informazzjoni mmirata lejn opportunitajiet ta’ karriera disponibbli u l-ħiliet meħtieġa fis-swieq tax-xogħol, kif ukoll dwar id-drittijiet u r-responsabbiltajiet tal-apprendisti. Barra minn hekk, l-imsieħba soċjali jistgħu jkollhom rwol fit-tħaffif tal-implimentazzjoni tal-Qafas ta’ Kwalità għall-Apprendistati, notevolment billi jelaboraw u jqiegħdu għad-dispożizzjoni ftehimiet mudell sempliċi u konċiżi ta' apprendistat, partikolarment għall-użu mill-mikrointrapriżi u li jkunu magħmula għall-iskopijiet speċifiċi tagħhom. Fil-Qafas tal-Azzjonijiet dwar l-Impjieg taż-Żgħażagħ ta' Lulju 2013, l-imsieħba soċjali Ewropej ħadu nota tal-intenzjoni tal-Kummissjoni li tipproponi Rakkomandazzjoni lill-Kunsill dwar il-qafas tal-kwalità Ewropew għall-apprendistati u ħabbru li se jappoġġjaw l-azzjonijiet tal-Istati Membri li jkollhom il-ħsieb li jtejbu l-kwalità tal-apprendistati.

    (14)     Waħda mill-isfidi hija li tiżdied il-mobilità transkonfinali tal-apprendisti fl-Unjoni biex tgħin fit-trawwim ta’ suq tax-xogħol Ewropew ġenwin. Id-diversità eżistenti fir-regolamenti tikkostitwixxi ostaklu għall-iżvilupp tal-mobilità transkonfinali tal-apprendisti. Barra minn hekk, f’xi każijiet, l-ostakli amministrattivi u legali għall-mobilità transkonfinali tal-apprendisti nstabu li jaffettwaw diversi mill-Istati Membri destinatarji. Jekk jipprovdi standards u linji gwida li għandhom jintużaw bħala referenza, il-Qafas ta’ Kwalità għall-Apprendistati se jiffaċilita l-aċċess għall-apprendistat transnazzjonali.

    (15)     L-iżvilupp ta’ Qafas ta’ Kwalità għall-Apprendistati se jżid it-trasparenza. Barra minn hekk, se jappoġġja l-estensjoni tal-EURES għal apprendistati, b’hekk tiġi ffaċilitata l-mobbiltà, li se tgħin biex jissaħħaħ l-appoġġ għall-mobilità tal-apprendisti pprovduta minn Erasmus+.

    (16)     Il-programmi tal-Istati Membri li jippromwovu u joffru apprendistati għaż-żgħażagħ jistgħu jiġu appoġġati finanzjarjament mill-Fondi Ewropej. Barra minn hekk, l-Inizjattiva għall-Impjieg taż-Żgħażagħ se tappoġġa l-apprendistati fil-kuntest tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ, filwaqt li żżomm fil-mira ż-żgħażagħ mir-reġjuni tal-Unjoni li huma l-aktar milquta mill-qgħad fost iż-żgħażagħ u li se jiġu kofinanzjati mill-Fond Soċjali Ewropew (FSE) 2014-20. Il-FSE kif ukoll l-Inizjattiva għall-Impjieg taż-Żgħażagħ tista’ tintuża biex jiżdied l-għadd u l-kwalità tal-iskemi ta’ apprendistat tal-Istati Membri. Dan jinvolvi possibiltà ta' kontribuzzjoni għall-ispejjeż tal-apprendistati inkluża, taħt ċerti kundizzjonijiet, parti mir-remunerazzjoni. Barra minn hekk, huma jistgħu wkoll jappoġġaw l-ispejjeż ta’ taħriġ ieħor li ż-żgħażagħ jistgħu jsegwu lil hinn mill-apprendistat tagħhom, eż. korsijiet tal-lingwa.

    (17)     Il-Kummissjoni nediet Programm speċifiku tal-FSE ta’ Assistenza Teknika għall-Istati Membri biex jistabbilixxu skemi ta’ apprendistat bl-appoġġ tal-FSE. Dan il-Programm ta' Assistenza Teknika tal-FSE jipprovdi pariri strateġiċi, operattivi u politiċi lill-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali filwaqt li jikkunsidra t-twaqqif ta’ skemi ta’ apprendistat ġodda, jew l-immodernizzar ta’ skemi eżistenti.

    (18)     Il-Kunsill, fir-Riżoluzzjoni tiegħu dwar id-Djalogu Strutturat dwar l-Impjieg għaż-Żgħażagħ ta' Mejju 2011 iddikjara li "qafas tal-kwalità għat-taħriġ tal-apprendistati huwa mixtieq sabiex jiggarantixxi l-valur edukattiv ta' esperjenza bħal din".

    (19)     Il-konklużjonijiet tal-Kunsill ta’ Ġunju 2011 dwar “Il-promozzjoni tal-impjieg taż-żgħażagħ għall-kisba tal-objettivi Ewropa 2020” stiednu lill-Kummissjoni biex “tipprovdi gwida dwar il-kundizzjonijiet għal apprendistati ta’ kwalità għolja permezz ta’ qafas ta’ kwalità għall-apprendistati”[21].

    (20)     F’Ġunju 2012 fir-“Riżoluzzjoni tiegħu lejn irkupru għani fl-Impjiegi”[22] il-Parlament Ewropew stieden lill-Kummissjoni biex mill-aktar fis possibbli tippreżenta “proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar Qafas ta’ Kwalità għall-Apprendistati”, u biex tiddefinixxi “standards minimi li jappoġġaw il-forniment u t-teħid ta’ esperjenzi tal-apprendistati”.

    (21)     Il-Kunsill Ewropew ta’ Ġunju 2012 stieden lill-Kummissjoni biex teżamina l-possibilità li testendi l-portal tal-EURES għall-apprendistati.[23]

    (22)     Il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Diċembru 2012 stiednu lill-Kummissjoni “biex tiffinalizzaw rapidament il-qafas ta’ kwalità għall-apprendistati”.

    (23)     Fil-Pakkett dwar l-Impjiegi għaż-Żgħażagħ ta’ Diċembru 2012 il-Kummissjoni nediet konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali dwar Qafas ta’ Kwalità għall-Apprendistati. Fit-tweġibiet tagħhom, l-imsieħba soċjali tal-UE infurmaw lill-Kummissjoni li ma kellhomx l-intenzjoni li jniedu negozjati għal ftehim awtonomu skont l-Artikolu 154 tat-TFUE[24].

    (24)     Il-Kunsill Ewropew ta’ Ġunju 2013 kkonferma mill-ġdid li ‘Il-Qafas tal-Kwalità għall-Apprendistati għandhom jiġu stabbiliti kmieni fl-2014”.

    (25)     Il-Qafas tal-Kwalità huwa punt ta’ referenza importanti għad-determinazzjoni ta’ offerta ta' kwalità tajba tal-apprendistati skont ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill għat-Twaqqif ta' Garanzija għaż-Żgħażagħ.

    (26)     Skont l-Istħarriġ Annwali ta' Tkabbir 2014[25] huwa "essenzjali li tkun iffaċilitata t-tranżizzjoni mill-iskola għax-xogħol, notevolment biż-żieda tad-disponibbiltà ta' skemi ta' taħriġ jew apprendistati ta' kwalità tajba "

    (27)     Għall-finijiet ta’ din ir-Rakkomandazzjoni, l-apprendistati jfissru perjodu limitat ta’ prattika ta’ xogħol, miftiehem bejn fornitur ta' apprendistat u apprendist mingħajr l-involviment ta’ parti terza, li jinkludi komponent ta’ tagħlim, sabiex tinkiseb esperjenza prattika qabel il-bidu ta' impjieg regolari (apprendistati ‘tas-suq miftuħ").

    (28)     Din ir-Rakkomandazzjoni għandha tkopri l-apprendistati kollha "tas-suq miftuħ", kemm jekk bi blas kemm jekk le.

    (29)     Din ir-Rakkomandazzjoni ma tkoprix kollokamenti f’postijiet għall-esperjenza tax-xogħol bħala parti ta’ kurrikula akkademiċi, ta' edukazzjoni formali jew kors vokazzjonali. Apprendistati li l-kontenut tagħhom huwa regolat skont il-liġi nazzjonali u li t-tlestija hija rekwiżit biex jinkiseb grad universitarju jew aċċess għal professjoni speċifika (eż. mediċina, arkitettura, eċċ.) mhumiex koperti minn din ir-Rakkomandazzjoni.

    B’DAN JIRRAKKOMANDA LI L-ISTATI MEMBRI:

    (1) Itejbu l-kwalità tal-apprendistati tas-suq miftuħ, b’mod partikolari fir-rigward tal-kontenut tat-tagħlim u l-kondizzjonijiet tax-xogħol, bil-għan li ttaffa it-tranżizzjoni taż-żgħażagħ mill-edukazzjoni għax-xogħol billi jadottaw fi ħdan il-leġiżlazzjoni tagħhom jew il-prassi nazzjonali dawn il-prinċipji għal Qafas ta’ Kwalità għall-Apprendistati: 

    Konklużjoni ta’ ftehim bil-miktub għall-Apprendistati

    (2) Jeħtieġu li l-apprendistati jkunu bbażati fuq ftehim bil-miktub konkluż qabel l-apprendistat bejn u l-apprendist u l-fornitur tal-apprendistat;

    (3) Jiżguraw li l-ftehimiet ta’ apprendistat jindikaw l-objettivi edukattivi, il-kundizzjonijiet tax-xogħol, jekk ir-remunerazzjoni jew kumpens humiex ipprovduti mill-fornitur tal-apprendistat lill-apprendist, id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet skont il-liġi tal-UE u dik nazzjonali applikabbli, kif ukoll it-tul ta’ żmien tal-apprendistat, kif imsemmi fir-rakkomandazzjonijiet 4-12;

    Għanijiet ta’ tagħlim:

    (4) Iġibu 'l quddiem l-aqwa prassi fir-rigward tal-għanijiet ta' tagħlim sabiex iż-żgħażagħ ikunu jistgħu jiksbu esperjenza prattika u ħiliet rilevanti; il-kompiti assenjati lill-apprendist għandhom jippermettu li dawn l-għanijiet jinkisbu;

    (5) Iħeġġu lill-fornituri tal-apprendistati biex jinnominaw sorveljant għall-apprendisti li jiggwida lill-apprendist fil-kompiti assenjati, u jissorvelja l-progress tiegħu/tagħha;

    Kondizzjonijiet tax-xogħol

    (6) Jiżguraw li jiġu rispettati d-drittijiet tal-apprendisti skont il-liġi tal-UE u dik nazzjonali applikabbli, kif ukoll il-kondizzjonijiet tax-xogħol tagħhom, inklużi limiti applikabbli għall-ħin massimu ta’ xogħol fil-ġimgħa, il-perjodi minimi ta' serħan ta’ kull jum u ta’ mistrieħ fil-ġimgħa u l-intitolamenti minimi ta' btala;

    (7) Jeħtieġu li l-fornituri tal-apprendistati jiċċaraw il-kopertura għal dak li għandu x'jaqsam ma' assigurazzjoni tas-saħħa u kontra l-inċidenti kif ukoll il-liv minħabba mard;

    (8) Jiżguraw li l-ftehim dwar l-apprendistat jiċċara jekk ir-remunerazzjoni u/jew kumpens humiex applikabbli, u jekk applikabbli, x'għandha tkun ir-rata ta’ remunerazzjoni u/jew kumpens;

    Drittijiet u obbligi

    (9) Jiżguraw li l-ftehim dwar l-apprendistat jistipula d-drittijiet u l-obbligi tal-apprendist u l-fornitur tal-apprendistat, inkluż fejn rilevanti l-politika tal-fornitur tal-apprendistat dwar il-kunfidenzjalità u s-sjieda tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali;

    Tul ta' żmien raġonevoli

    (10) Jiżguraw tul ta’ żmien raġonevoli tal- apprentistati li bħala regola ma jaqbiżx is-sitt xhur, ħlief f’każijiet fejn tul ta’ żmien itwal huwa ġġustifikat, pereżempju programmi ta’ taħriġ intern għar-reklutaġġ jew apprendistati li jseħħu fi Stat Membru ieħor;

    (11) Jiċċaraw iċ-ċirkostanzi u l-kondizzjonijiet li taħthom apprendistat jista' jiġi estiż jew imġedded wara li jkun skada l-ftehim ta' apprendistat inizjali;

    (12) Jinkoraġġixxu l-prassi li fil-ftehim dwar l-apprendistat jiġi speċifikat li kemm l-apprendist kif ukoll il-fornitur tal-apprendistat jistgħu jtemmu l-ftehim b’avviż bil-miktub ta’ ġimgħatejn;

    Għarfien xieraq tal-apprendistati

    (13) Jinkoraġġixxu lill-fornituri tal-apprendistati biex jiċċertifikaw permezz ta’ ċertifikat jew ittra ta’ referenza l-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi miksuba waqt l-apprendistati;

    Rekwiżiti ta' trasparenza

    (14) Jiżguraw li l-fornituri tal-apprendistati jinkludu fl-avviżi u r-reklami tagħhom dwar il-postijiet vakanti informazzjoni dwar it-termini u l-kondizzjonijiet tal-apprendistat, b’mod partikolari dwar jekk ir-remunerazzjoni u/jew kumpens u l-protezzjoni soċjali humiex applikabbli, u jiżguraw li s-servizzi tal-impjieg japplikaw rekwiżiti ta' trasparenza u gwida tal-karriera xierqa;

    L-imsieħba soċjali

    (15) Iġibu 'l quddiem l-involviment attiv tal-imsieħba soċjali fl-implimentazzjoni tal-Qafas ta’ Kwalità għall-Apprendistati;

    Apprendistati transkonfinali

    (16) Jiffaċilitaw il-mobilità transkonfinali tal-apprendisti fl-Unjoni Ewropea inter alia, billi jiċċaraw il-qafas legali nazzjonali għall-apprendistati tas-suq miftuħ u jistabbilixxu regoli ċari dwar l-ilqugħ tal-apprendisti minn Stati Membri oħra, u l-ibgħit tal-apprendisti lejn Stati Membri oħra u billi jnaqqsu l-formalitajiet amministrattivi;

    (17) Iġibu 'l quddiem l-użu estiż tan-netwerk EURES u l-iskambju ta’ informazzjoni dwar l-apprendistati permezz tal-portal EURES u jinkoraġġixxu lis-servizzi tal-impjieg biex itellgħu postijiet vakanti ta' apprendistat fuq il-portal tal-EURES;

    L-użu ta’ Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej

    (18) Jagħmlu użu tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej, jiġifieri l-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond tal-Iżvilupp Reġjonali Ewropew, fil-perjodu ta' programmar li jmiss tal-2014-20, u l-Inizjattiva dwar l-Impjieg taż-Żgħażagħ, fejn applikabbli, biex jiżdiedu l-għadd u l-kwalità tal-apprendistati, inkluż permezz ta' sħubijiet effettivi mal-partijiet kollha interessati.

    Implimentazzjoni ta’ Qafas tal-Kwalità għall-Apprendistati

    (19) Jimplimentaw il-Qafas tal-Kwalità għall-Apprendistati mill-aktar fis possibbli, u mhux aktar tard minn tmiem l-2014;

    (20) Jidentifikaw l-awtorità pubblika inkarigata minn din l-implimentazzjoni u jikkomunikaw lill-Kummissjoni kif jiġi implimentat il-Qafas tal-Kwalità għall-Apprendistati;

    (21) Iġibu 'l quddiem l-involviment attiv tas-servizzi tal-impjieg, l-istituzzjonijiet edukattivi u l-fornituri tat-taħriġ fl-implimentazzjoni tal-Qafas tal-Kwalità għall-Apprendistati;

    JINNOTA LI L-KUMMISSJONI GĦANDHA L-ĦSIEB LI:       

    (22) Trawwem il-kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, l-imsieħba soċjali u l-partijiet interessati l-oħra bil-għan li titħaffef l-implimentazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni;

    (23) Tissorvelja l-implimentazzjoni tal-Qafas tal-Kwalità għall-Apprendistati skont din ir-Rakkomandazzjoni u tanalizza l-impatt tal-istrateġiji politiċi li hemm fis-seħħ;

    (24) Tirrapporta dwar il-progress fl-implimentazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni fuq il-bażi tal-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri;

    (25) Taħdem mal-Istati Membri, l-imsieħba soċjali, is-servizzi tal-impjieg, u l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u l-apprendisti biex iġġib 'il quddiem din ir-Rakkomandazzjoni;

    (26) Tinkoraġġixxi u tappoġġja lill-Istati Membri, inkluż permezz tal-promozzjoni tal-iskambju tal-aħjar prassi bejniethom, biex jużaw il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali jew Fondi oħra Ewropej għall-perjodu ta’ pprogrammar 2014-2020 biex jiżdiedu l-għadd u l-kwalità tal-apprendistati;

    (27) Tkompli bl-isforzi tagħha sabiex iżżid l-offerta ta’ apprendistati transnazzjonali tal-programm Erasmus+;

    (28) Taħdem, flimkien mal-Istati Membri, lejn l-inklużjoni tal-apprendistati f’EURES u twaqqaf paġna tal-web iddedikata dwar oqfsa legali nazzjonali għall-apprendistati;

    Magħmul fi Brussell,

                                                                           Għall-Kunsill

                                                                           Il-President

    [1]               COM(2012) 727 finali, 5.12.2012.

    [2]               COM(2012) 728 finali, 5.12.2012.

    [3]               PE 2009/2221 (INI), 6.7.2010 u r-Riżoluzzjoni 2012/2647(RSP).

    [4]               Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Diċembru 2012, Frar 2013 u Ġunju 2013.

    [5]               SWD(2012) 407 finali, 5.12.2012.

    [6]               Skont ir-rapport dwar il-Paga Minima Nazzjonali (2011) tal-Kummissjoni dwar il-Pagi Baxxi fir-Renju Unit, l-apprendistati de facto qed isiru prekondizzjoni għal aktar u aktar impjiegi.

    [7]               Il-Kummissjoni dwar il-Pagi Baxxi fir-Renju Unit tirreferi fir-rapport tagħha tal-2013 għal “nuqqas ta’ ħlas mifrux tal-paga minima għal pożizzjonijiet li jidhru li huma xogħol”.

    [8]               L-istħarriġ tal-Ewrobarometru tal-2013 żvela li 9 % biss tal-apprendistati seħħew barra l-pajjiż.

    [9]               www.consilium.europa.eu/uedocs/cms_Data/docs/pressdata/en/ec/131388.pdf

    [10]             COM(2012) 729 finali, 5.12.2012.

    [11]             Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar it-Twaqqif ta' Garanzija għaż-Żgħażagħ, 2013/C 120/01, 22.4.2013.

    [12]             Fost affarijiet oħra, il-kontenut tat-tagħlim jista’ jkopri taħriġ inizjali, spjegazzjoni ċara/deskrizzjoni tal-ħidma tal-organizzazzjoni u l-kwistjonijiet bażiċi fi ħdan is-settur, kif ukoll l-allokazzjoni ta' mentor li jsegwi x-xogħol tal-apprendist u jipprovdi gwida.

    [13]             SWD(2012) 407 finali, 5.12.2012.

    [14]             SWD(2013) 495 finali, 4.12.2013

    [15]             L-Artikolu 3 tal-istess Direttiva jeħtieġ li l-informazzjoni għandha tingħatat lill-impjegat bil-miktub, mhux aktar tard minn xahrejn wara l-bidu tal-impjieg.

    [16]             COM(2010) 378 finali, 13.7.2010.

    [17]             Mill-1 ta' Jannar 2014, Erasmus+ se jsir il-programm ġdid ta' finanzjament tal-UE għall-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport. Erasmus+ se jkollu struttura simplifikata ġdida li tgħaqqad il-programmi ta’ finanzjament attwali fis-settur inkluż il-Programm ta’ Tagħlim tul il-Ħajja (Comenius, Leonardo, Erasmus, Grundtvig u programmi trasversali), Żgħażagħ fl-Azzjoni, Jean Monnet, Tempus u Erasmus Mundus.

    [18]             EURES huwa netwerk ta’ kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni Ewropea u s-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi tal-Istati Membri. Il-portal tal-EURES jipprovdi lill-ħaddiema, lil min iħaddem u dalwaqt ukoll lill-apprendisti u dawk li jipprovdu l-apprendistati b’informazzjoni dwar l-impjiegi, l-apprendistati u l-opportunitajiet ta’ tagħlim madwar l-Ewropa.

    [19]             Id-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-Linji gwida għall-politika tal-Istati Membri dwar l-Impjiegi, 2010/707/UE, 21.10. 2010.

    [20]             Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar it-Twaqqif ta' Garanzija għaż-Żgħażagħ, 2013/C 120/01, 22.04.2013.

    [21]             Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill 11838/11 "Il-Promozzjoni tal-Impjieg taż-Żgħażagħ għall-kisba tal-objettivi Ewropa 2020" ta' 17.06.2011.

    [22]             Riżoluzzjoni 2012/2647(RSP).

    [23]             EUCO 76/12 tat-28/29 ta’ Ġunju 2012.

    [24]             COM(2012) 727 finali, 11.12.2012.

    [25]             COM(2013) 800 finali, 13.11.2013.

    Top