EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013PC0831

Proposta għal DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL li tawtorizza lill-Polonja biex tintroduċi miżuri ta' deroga mill-Artikoli 26(1)(a) u 168 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud

/* COM/2013/0831 final - 2013/0411 (NLE) */

52013PC0831

Proposta għal DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL li tawtorizza lill-Polonja biex tintroduċi miżuri ta' deroga mill-Artikoli 26(1)(a) u 168 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud /* COM/2013/0831 final - 2013/0411 (NLE) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.           IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

Ir-raġunijiet għall-proposta u l-objettivi tagħha

Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 395 tad-Direttiva 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud, il-Kunsill, li jaġixxi b'mod unanimu fuq proposta mill-Kummissjoni, jista' jawtorizza lil kwalunkwe Stat Membru biex japplika miżuri speċjali ta' deroga mid-Direttiva sabiex jissimplifika l-proċedura ta' ħlas tat-taxxa jew biex jipprevjeni ċertu tip ta' evażjoni jew evitar tat-taxxa.

Permezz tal-ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fit-18 ta' Ġunju 2013, il-Polonja talbet li tingħata l-awtorizzazzjoni biex tintroduċi miżuri ta' deroga mill-ewwel paragrafu tal-punt (a) tal-Artikolu 26 u mill-Artikolu 168 tad-Direttiva 2006/112/KE, sabiex tillimita għal 50 % id-dritt ta' tnaqqis fir-rigward tax-xiri, il-kiri jew il-lokazzjoni ta' ċerti tipi ta' vetturi bil-mutur li mhumiex esklużivament użati għal skopijiet ta' negozju u x-xiri ta' merkanzija u ta' servizzi relatati ma' dawk il-vetturi, inkluż ix-xiri ta' fjuwil.

B’konformità mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 395 tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri l-oħra permezz ta’ ittra datata l-10 ta’ Ottubru 2013 bit-talba li għamlet il-Polonja. Permezz ta’ ittra datata l-14 ta’ Ottubru 2013, il-Kummissjoni nnotifikat lill-Polonja li kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tqis it-talba.

Kuntest Ġenerali

L-Artikolu 168 tad-Direttiva 2006/112/KE jistipula li persuna taxxabbli hija intitolata li tnaqqas il-VAT imposta fuq dak li tkun xtrat għall-iskop tat-tranżazzjonijiet intaxxati tagħha. Il-paragrafu 1 tal-punt (a) tal-Artikolu 26 ta' din id-Direttiva, jistipula li sabiex ix-xiri ta' merkanzija jkun eliġibbli għal tnaqqis tal-VAT, l-użu ta' tali merkanzija, li tifforma parti mill-assi ta' negozju mhux għal skopijiet ta' negozju, irid jikkostitwixxi provvista ta' servizzi bi ħlas.

Fil-każ ta' vetturi bil-mutur, jista' jkun diffiċli li tiġi applikata din is-sistema għal diversi raġunijiet, notevolment minħabba li mhux faċli li ssir distinzjoni ċara bejn l-użu ta' negozju u dak mhux ta' negozju. Meta jinżamm reġistru, jiżdied piż żejjed fuq in-negozju kif ukoll fuq l-amministrazzjoni, minħabba ż-żamma u l-verifika tiegħu. Minħabba l-għadd ta' vetturi kkonċernati, saħansitra l-evażjoni individwali fuq skala żgħira hija kapaċi tilħaq somom sinifikanti.

Bħala alternattiva għas-sistema stipulata fid-Direttiva, il-Polonja talbet li tingħata l-awtorizzazzjoni biex tillimita t-tnaqqis inizjali għal perċentwali stabbilita, u konsegwentement teħles lin-negozji mill-obbligu li jiddikjaraw il-VAT marbuta mal-użu privat. Il-vantaġġ ta' dan huwa li s-sistema tiġi ssimplifikata għal dawk kollha li jkunu kkonċernati, filwaqt li jiġi żgurat li tinġabar perċentwali tat-taxxa, li altrimenti kienet tiġi evaża.

Il-limitu fil-perċentwali mitlub mill-Polonja huwa ta' 50 %. Din iċ-ċifra hija bbażata fuq il-valutazzjoni li għamlet il-Polonja stess u, skont il-kundizzjonijiet tal-proposta, għandha tiġi eżaminata mill-ġdid fuq kwalunkwe talba tal-Polonja għal estensjoni li tmur lil hinn mill-2016.

Abbażi tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill Nru 2010/581/UE[1], bħalissa l-Polonja hija awtorizzata tillimita għal 60 % id-dritt għat-tnaqqis tal-VAT dovuta fuq ix-xiri, l-akkwist intra-Komunitarju, l-importazzjonijiet u l-kiri jew il-lokazzjoni ta' ċerti vetturi bil-mutur minbarra l-karozzi tal-passiġġieri, sa ammont massimu ta' PLN 6 000. Din id-Deċiżjoni tiskadi fil-31 ta' Diċembru 2013.

Il-limitu l-ġdid għad-dritt għat-tnaqqis tal-VAT se jibda japplika mill-1 ta' Jannar 2014 għall-vetturi bil-mutur użati minn persuni taxxabbli għal skopijiet li mhumiex esklużivament ta' negozju. Madankollu, ċerti tipi ta’ vetturi bil-mutur jkunu esklużi minn dan il-limitu u għalhekk ikunu soġġetti għar-regoli normali, jiġifieri kwalunkwe vettura b’iktar minn 9 postijiet (inkluż dak tas-sewwieq) u b’piż massimu totali li jaqbeż it-3 500 kilogramma. Dawn il-kundizzjonijiet prinċipalment jillimitaw il-kamp ta' applikazzjoni għal karozzi tal-passiġġieri, vannijiet, pick-ups u muturi.

Dan il-limitu japplika wkoll għall-VAT imposta fuq kwalunkwe nefqa, inkluż ix-xiri ta' fjuwil, relatata mal-vetturi bil-mutur u li hija koperta minn din il-miżura speċjali, sakemm din in-nefqa ma tkunx totalment relatata man-negozju tal-persuni taxxabbli, kif inhuwa l-każ pereżempju tal-istallazzjoni tat-tassimetri.

Normalment, id-derogi jingħataw għal żmien limitat bil-għan li jiġi vvalutat jekk il-miżura speċjali tkunx xierqa u effikaċi. Għaldaqstant, kwalunkwe estensjoni għandha tkun limitata fiż-żmien sabiex jiġi vvalutat jekk il-kundizzjonijiet, li fuqhom tkun imsejsa d-deroga, ikunux għadhom validi. Il-Polonja talbet l-awtorizzazzjoni li tibqa' tapplika l-miżura speċjali, soġġetta għal din il-proposta, sal-31 ta' Diċembru 2018.

Madankollu l-prassi komuni hija li f’każijiet simili jingħata perjodu ta’ tliet snin (ara pereż. id-Deċiżjonijiet ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2012/232/UE[2] u 2013/191/UE[3]). Għalhekk, qed jiġi propost li din id-deċiżjoni tiskadi sal-aħħar tas-sena 2016 u li l-Polonja tintalab tippreżenta rapport sal-1 ta’ April 2016 li jinkludi rieżami tal-limitu tal-perċentwali applikat f'każ li jkun hemm il-ħsieb li tingħata estensjoni ulterjuri wara l-2016.

Id-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam tal-proposta

L-Artikolu 176 tad-Direttiva 2006/112/KE jistipula li l-Kunsill jiddetermina n-nefqa li ma tagħtix lok għad-dritt għat-tnaqqis tal-VAT. Sakemm dan iseħħ, l-Istati Membri huma awtorizzati li jkomplu japplikaw l-esklużjonijiet li kienu fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 1979. Għaldaqstant, hemm għadd ta' dispożizzjonijiet ta' "status quo" li jillimitaw id-dritt għat-tnaqqis marbut mal-vetturi bil-mutur.

Fl-2004, il-Kummissjoni għamlet proposta biex - inter alia - tistabbilixxi regoli li abbażi tagħhom kategoriji tan-nefqa jkunu jistgħu jkunu soġġetti għal limitu fuq id-dritt għat-tnaqqis (COM(2004) 728 final[4]). Il-Kunsill għadu ma laħaqx ftehim dwar din il-proposta.

Konsistenza ma’ politiki u objettivi oħra tal-Unjoni

Mhux applikabbli.

2.           IR-RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Il-Konsultazzjoni mal-partijiet interessati

Mhux rilevanti.

Il-ġbir u l-użu ta' għarfien espert

Ma kienx hemm bżonn ta’ għarfien espert estern.

Il-valutazzjoni tal-impatt

Il-proposta hija mfassla biex tiġġieled kontra l-evażjoni tal-VAT u biex tissimplifika l-proċedura tal-impożizzjoni tat-taxxa, u għaldaqstant għandha impatt potenzjalment pożittiv fuq in-negozji kif ukoll fuq l-amministrazzjonijiet. Il-Polonja identifikat din il-miżura bħala adegwata, u hija komparabbli għal derogi oħrajn tal-imgħoddi u ta’ llum.

3.           L-ELEMENTI ĠURIDIĊI TAL-PROPOSTA

Sommarju tal-azzjoni proposta

Il-proposta għandha l-għan li tawtorizza lill-Polonja tapplika miżura ta' deroga mill-Artikolu 168 tad-Direttiva 2006/112/KE, sabiex tillimita d-dritt ta' persuna taxxabbli li tnaqqas il-VAT imposta fuq ix-xiri, il-kiri jew il-lokazzjoni ta' ċerti vetturi tat-triq motorizzati u fuq in-nefqa marbuta magħhom, meta l-vetturi inkwistjoni ma jkunux esklużivament użati għal skopijiet ta' negozju u n-nefqa ma tkunx relatata totalment man-negozju tal-persuna taxxabbli. Meta d-dritt għat-tnaqqis jiġi limitat, id-deroga mill-punt (a) tal-paragrafu 1 tal-Artikolu 26 tad-Direttiva 2006/112/KE, se teħles lill-persuna taxxabbli mill-obbligu li tiddikjara t-taxxa fuq l-użu mhux għan-negozju tal-vettura inkwistjoni. Il-miżura hija ristretta għall-vetturi li għandhom ċertu għadd massimu ta' postijiet u li għandhom ċertu piż totali.

Ir-restrizzjoni hija stipulata b’rata fissa ta’ 50 %. Din ir-rata u l-ħtieġa għall-miżuri ta’ deroga għandhom jiġu eżaminati mill-ġdid mill-Polonja u għandha tagħmel rapport dwarhom fi kwalunkwe talba għal estensjoni. Id-Deċiżjoni se tibqa' tapplika sad-data speċifikata fid-Deċiżjoni jew sad-data meta daħlu fis-seħħ r-regoli tal-Unjoni li jirregolaw il-limiti fuq id-dritt għat-tnaqqis f'dan il-qasam, skont liema waħda minnhom tiġi l-ewwel.

Il-bażi ġuridika

L-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE.

Il-prinċipju ta' sussidjarjetà

Il-proposta taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni Ewropea. Għalhekk, il-prinċipju ta' sussidjarjetà ma japplikax.

Il-prinċipju ta' proporzjonalità

Din il-proposta tikkonforma mal-prinċipju ta' proporzjonalità minħabba li din id-Deċiżjoni tikkonċerna awtorizzazzjoni mogħtija lil Stat Membru fuq it-talba tiegħu stess u ma tikkostitwixxi l-ebda obbligu.

Jekk wieħed iqis l-firxa limitata tad-deroga, il-miżura speċjali hija proporzjonata mal-għan mixtieq.

L-għażla tal-istrumenti

L-istrument li qed jiġi propost: Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill.

Mezzi oħra ma jkunux adattati għar-raġuni(jiet) li ġejja/ġejjin:

Skont l-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, deroga mir-regoli komuni tal-VAT hija possibbli biss bl-awtorizzazzjoni tal-Kunsill li jkun qiegħed jaġixxi b'mod unanimu fuq proposta mill-Kummissjoni. L-aktar strument xieraq huwa Deċiżjoni ta' Implementazzjoni tal-Kunsill peress li din tista' tiġi indirizzata lil Stat Membru individwali.

4.           L-IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA

Il-proposta mhux se jkollha impatt negattiv fuq ir-riżorzi proprji tal-Unjoni Ewropea li jakkumulaw mill-VAT.

5.           L-ELEMENTI FAKULTATTIVI

Il-proposta tinkludi klawżola ta’ rieżami u klawżola ta' estinzjoni.

2013/0411 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

li tawtorizza lill-Polonja biex tintroduċi miżuri ta' deroga mill-Artikoli 26(1)(a) u 168 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud[5], u b’mod partikolari l-Artikolu 395 tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)       Permezz tal-ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fit-18 ta' Ġunju 2013, il-Polonja talbet li tingħata l-awtorizzazzjoni biex tintroduċi miżuri speċjali li jirrigwardaw ċerti vetturi tat-triq motorizzati u n-nefqa marbuta magħhom, bħala deroga mid-dispożizzjonijiet stipulati fid-Direttiva 2006/112/KE li jirregolaw id-dritt ta’ persuna taxxabbli li tnaqqas il-VAT imħallsa fuq ix-xiri ta’ merkanzija u servizzi u mid-dispożizzjonijiet li jirrikjedu li ssir id-dikjarazzjoni tat-taxxa fuq l-assi ta' negozju li ma jintużawx għal skopijiet ta' negozju.

(2)       F’konformità mat-tieni subparagrafu tal-paragrafu 2 tal-Artikolu 395 tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Kummissjoni informat lill-Istati Membri l-oħra bit-talba li għamlet il-Polonja permezz ta' ittra ddatata l-10 ta’ Ottubru 2013. Permezz ta’ ittra ddatata l-14 ta’ Ottubru 2013, il-Kummissjoni nnotifikat lill-Polonja li kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tqis it-talba tagħha.

(3)       L-Artikolu 168 tad-Direttiva 2006/112/KE jistabbilixxi d-dritt ta' persuna taxxabbli li tnaqqas il-VAT imposta fuq il-provvisti ta' merkanzija u servizzi li tkun irċeviet għall-finijiet tat-tranżazzjonijiet taxxabbli tagħha. Il-punt (a) tal-paragrafu 1 tal-Artikolu 26 ta’ din id-Direttiva fih rekwiżit li tiġi ddikjarata l-VAT meta xi assi ta’ negozju jintuża għal skopijiet privati tal-persuna taxxabbli jew tal-persunal tagħha jew, b’mod iktar ġenerali, jintuża għal skopijiet mhux marbuta man-negozju tagħha.

(4)       Il-miżura mitluba min-naħa tal-Polonja, tiddevja minn dawn id-dispożizzjonijiet sabiex jiġi limitat id-dritt għat-tnaqqis tal-VAT imposta fuq ix-xiri, il-kiri jew il-lokazzjoni ta' ċerti vetturi tat-triq motorizzati u fuq in-nefqa marbuta magħhom u biex il-persuna taxxabbli teħles mill-obbligu li tiddikjara l-VAT fuq l-użu mhux għan-negozju tal-vetturi koperti minn dan il-limitu.

(5)       Huwa diffiċli li jiġi identifikat preċiżament l-użu mhux għan-negozju tal-vetturi bil-mutur, u anki meta dan ikun possibbli, il-mekkaniżmu meħtieġ spiss joħloq piż kbir. Skont il-miżuri mitluba, l-ammont ta' VAT fuq in-nefqa eliġibbli għat-tnaqqis fir-rigward tal-vetturi bil-mutur, li ma jintużawx esklużivament għal skopijiet ta' negozju, għandu jkun stabbilit b'rata perċentwali fissa, b'xi ftit eċċezzjonijiet. Abbażi tal-informazzjoni disponibbli bħalissa, il-Polonja temmen li rata ta' 50 % hija ġustifikabbli. Fl-istess ħin, sabiex tkun evitata t-taxxa doppja, għandu jiġi sospiż ir-rekwiżit li tiġi ddikjarata l-VAT imposta fuq l-użu mhux għan-negozju ta' vettura bil-mutur, meta din tkun soġġetta għal dan il-limitu. Dawn il-miżuri jistgħu jkunu ġġustifikati mill-ħtieġa li tiġi ssimplifikata l-proċedura għall-impożizzjoni tal-VAT u li tiġi evitata l-evażjoni tat-taxxa permezz ta' żamma skorretta ta' rekords u dikjarazzjonijiet foloz tat-taxxa.

(6)       Il-limitu tad-dritt għat-tnaqqis skont il-miżuri speċjali għandha tapplika għall-VAT imħallsa fuq ix-xiri, l-akkwist intra-Komunitarju, l-importazzjoni, il-kiri jew il-lokazzjoni ta' vetturi tat-triq motorizzati speċifikati u fuq in-nefqa marbuta magħhom, inkluż ix-xiri ta' fjuwil.

(7)       Ċerti tipi ta’ vetturi bil-mutur għandhom ikunu esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni tal-miżuri speċjali, peress li, minħabba n-natura tagħhom jew it-tip ta' negozju li għalih jintużaw, kwalunkwe użu mhux għan-negozju jitqies negliġibbli. Għaldaqstant, il-miżuri speċjali ma għandhomx japplikaw għall-vetturi b'iktar minn 9 postijiet (inkluż dak tas-sewwieq) u b’piż massimu totali li jaqbeż it-3 500 kilogramma. Barra minn hekk, il-limitu tad-dritt għat-tnaqqis ma japplikax għall-VAT imposta fuq kwalunkwe nefqa li hija kompletament relatata man-negozju tal-persuna taxxabbli.

(8)       Jaqbel illi dawn il-miżuri ta' deroga jkollhom limitu ta' żmien sabiex ikun possibbli li ssir evalwazzjoni tal-effikaċja tagħhom u tal-perċentwali adattati, peress li l-perċentwali proposta hija msejsa fuq is-sejbiet inizjali dwar l-użu marbut man-negozju.

(9)       F'każ li l-Polonja tqis li jkun hemm bżonn ta' estensjoni ulterjuri tal-miżuri ta' deroga lil hinn mill-2016, hija għandha tippreżenta, flimkien mat-talba għall-estensjoni, rapport lill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-miżuri inkwistjoni li jkun jinkludi rieżami tal-perċentwali applikata, sa mhux aktar tard mill-1 ta’ April 2016.

(10)     Fid-29 ta’ Ottubru 2004, il-Kummissjoni adottat proposta[6] għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 77/388/KEE, issa d-Direttiva 2006/112/KE, li tinkludi l-armonizzazzjoni tal-kategoriji ta’ spejjeż li għalihom jistgħu japplikaw l-esklużjonijiet mid-dritt għat-tnaqqis. Skont dik il-proposta, l-esklużjonijiet mid-dritt għat-tnaqqis jistgħu jiġu applikati għall-vetturi tat-triq motorizzati. Il-miżuri ta’ deroga previsti f’din id-Deċiżjoni għandhom jiskadu fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ tali Direttiva emendatorja, jekk din id-data tiġi qabel id-data ta’ skadenza prevista f’din id-Deċiżjoni.

(11)     Id-deroga se jkollha biss effett negliġibbli fuq l-ammont globali ta’ taxxa miġbur fl-istadju tal-konsum finali u mhux se jkollha effetti negattivi fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea li jakkumulaw mill-VAT,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

B'deroga mill-Artikolu 168 tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Polonja qed tingħata l-awtorizzazzjoni biex tillimita sa 50 % id-dritt għat-tnaqqis tal-VAT imposta fuq ix-xiri, l-akkwist intra-Komunitarju, l-importazzjoni, il-kiri jew il-lokazzjoni ta' vetturi tat-triq motorizzati kif ukoll fuq in-nefqa marbuta magħhom, meta dawn il-vetturi ma jintużawx kompletament għal skopijiet ta' negozju.

Il-limitu stabbilit fl-ewwel subparagrafu ma japplikax għall-vetturi bil-mutur li jkollhom piż massimu totali li jaqbeż it-3 500 kilogramma jew li jkollhom iktar minn disa’ postijiet, inkluż dak tas-sewwieq.

Il-limitu stabbilit fl-ewwel subparagrafu ma japplikax għall-VAT imposta fuq kwalunkwe nefqa li hija kompletament relatata man-negozju tal-persuna taxxabbli.

Artikolu 2

B'deroga mill-punt (a) tal-paragrafu 1 tal-Artikolu (26) tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Polonja hija awtorizzata ma tqisx bħala provvista ta' servizzi bi ħlas, l-użu privat minn persuna taxxabbli jew mill-persunal tagħha jew b'mod aktar ġenerali l-użu għal skopijiet mhux marbuta man-negozju tagħha, ta' vettura li għaliha japplika l-limitu msemmi fl-Artikolu 1 ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 3

1. Din id-Deċiżjoni ssir effettiva fil-jum tan-notifika tagħha.

Din id-Deċiżjoni tibda tapplika mill-1 ta’ Jannar 2014. Din id-Deċiżjoni tiskadi fid-data tad-dħul fis-seħħ tar-regoli tal-Unjoni li jiddeterminaw in-nefqa marbuta mal-vetturi tat-triq motorizzati li ma tkunx eliġibbli għal tnaqqis sħiħ tal-VAT, jew fil-31 ta' Diċembru 2016, skont liema data minnhom tiġi l-ewwel.

2. Kwalunkwe talba għal estensjoni tal-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni trid titressaq quddiem il-Kummissjoni sa mhux aktar tard mill-1 ta' April 2016. Talba bħal din għandha tiġi akkumpanjata minn rapport li jkun jinkludi rieżami tal-limitu tal-perċentwali applikat fuq id-dritt għat-tnaqqis tal-VAT abbażi ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Polonja.

Magħmul fi Brussell,

                                                                       Għall-Kunsill

                                                                       Il-President

[1]               Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tas- 27 ta’ Settembru 2010 li tawtorizza lir-Repubblika tal-Polonja biex tintroduċi miżura speċjali ta’ deroga mill-Artikolu 26(1)(a) u l-Artikolu 168 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, ĠU L 256, 30.9.2010, p. 24

[2]               Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill tas- 26 ta' April 2012 li tawtorizza lir-Rumanija biex tapplika miżuri ta' deroga mill-Artikolu 26(1)(a) u l-Artikolu 168 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud, ĠU L 117, 1.5.2012, p. 7

[3]               Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta’ April 2013 li tawtorizza lil-Latvja biex iddaħħal miżura speċjali ta’ deroga mill-punt (a) tal-Artikolu 26(1) u l-Artikoli 168 u 168a tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, ĠU L 113, 25.4.2013, p. 11

[4]               http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/site/en/com/2004/com2004_0728en01.pdf

[5]               ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.

[6]               COM(2004) 728 final (ĠU C 24, 29.1.2005, p. 10)

Top