EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013PC0761

Proposta għal DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li temenda d-Direttiva 94/62/KE dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ biex tnaqqas il-konsum tal-basktijiet tal-plastik ħfief

/* COM/2013/0761 final - 2013/0371 (COD) */

52013PC0761

Proposta għal DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li temenda d-Direttiva 94/62/KE dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ biex tnaqqas il-konsum tal-basktijiet tal-plastik ħfief /* COM/2013/0761 final - 2013/0371 (COD) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.           KUNTEST TAL-PROPOSTA

1.1.        Kuntest Ġenerali

L-istess proprjetajiet li għamlu l-basktijiet tal-plastik kummerċjalment vijabbli - ħfief u reżistenti għad-degredazzjoni - ikkontribwew ukoll għall-proliferazzjoni tagħhom. Huwa stmat li fl-2010 kull ċittadin tal-UE uża 198 basket tal-plastik, li madwar 90% minnhom kienu stmati li huma basktijiet ħfief; dawn ma tantx jerġgħu jintużaw bil-kuntrarju tal-basktijiet eħxen u iktar probabbli li jispiċċaw skart. F'xenarju fejn kollox jibqa l-istess il-konsum tal-basktijiet tal-plastik huwa mistenni li jkompli jiżdied.

L-estimi jissuġġerixxu wkoll li fl-2010, iktar minn 8 biljun basket tal-plastik spiċċaw skart fl-UE. Dawn jaħarbu mill-flussi tal-immaniġġjar tal-iskart u jakkumulaw fl-ambjent tagħna, speċjalment fil-forma ta' skart tal-baħar, li dejjem qed jiġi iżjed rikonoxxut bħala sfida globali maġġuri. Hemm ukoll evidenza dokumentata li tindika li hemm ħafna akkumulazzjoni ta' żibel fl-ibħra Ewropej. Il-problema tal-iskart tal-basktijiet tal-plastik fl-ekosistemi tal-ilma ma taffettwax biss il-pajjiżi b'kosta marittima, għaliex ammont konsiderevoli tal-iskart mill-art jasal fil-baħar permezz tax-xmajjar. Ladarba l-basktijiet tal-plastik jintremew, dawn jistgħu jibqgħu jeżistu għal mijiet ta' snien, l-aktar f'forma frammentata. Il-konsum għoli ħafna u li għadu qed jiżdied ta' dawn il-basktijiet huwa wkoll subottimu minn perspettiva ta' effiċjenza tar-riżorsi.

Fl-UE, il-basktijiet tal-plastik huma kkunsidrati bħala imballaġ skont id-Direttiva dwar l-Imballaġ u l-Iskart mill-Imballaġ (id-Direttiva 94/62/KE). Madankollu, ma hemmx leġiżlazzjoni tal-UE jew politika li speċifikament jimmiraw il-basktijiet tal-plastik. Xi Stati Membri diġà żviluppaw politiki biex inaqqsu l-użu tagħhom, pereżempju permezz ta' miżuri ta' prezzijiet, ftehimiet mas-settur bl-imnut jew kampanji ta' sensibilizzazzjoni, b'riżultati varji. Wara xi attentati minn xi Stati Membri biex jipprojbixxu l-basktijiet tal-plastik, il-Kunsill Ambjent tal-14 ta' Marzu 2011 iddiskuta l-kwistjoni u stieden lill-Kummissjoni tanalizza l-possibbiltà ta' azzjoni tal-UE kontra l-konsum tal-basktijiet tal-plastik.

1.2.        Raġunijiet għall-proposta u l-għanijiet tagħha

L-għan ġenerali ta' din il-proposta dwar il-basktijiet tal-plastik huwa li tillimieta l-impatti negattivi fuq l-ambjent, b'mod partikolari f'termini ta' skart, biex tħeġġeġ il-prevenzjoni tal-iskart u użu iktar effiċjenti tar-riżorsi, filwaqt li jiġu limitati l-impatti soċjoekonomiċi. B'mod iktar speċifiku, il-proposta timmira li tnaqqas il-konsum tal-basktijiet tal-plastik ta' ħxuna ta' inqas minn 50 microns (0.05 millimetri) fl-Unjoni Ewropea.

2.           RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

2.1.        Konsultazzjoni u għarfien espert

2.1.1.     Studji

Fl-2011 twettaq studju dwar ix-xejriet tal-produzzjoni u l-konsum tal-basktijiet tal-plastik, l-impatti tagħhom u l-impatti tal-għażliet differenti tal-politika biex jitnaqqas l-użu tagħhom[1]. Fl-2012 twettaq studju addizzjonali biex jivvaluta l-impatti soċjoekonomiċi tal-għażliet differenti tal-politika f'iktar dettall.[2]

2.1.2.     Konsultazzjoni interna

Fl-2011 inħoloq Grupp Interservizzi ta' Tmexxija (ISG - Interservice Steering Group) b'rappreżentanti mid-DĠs ENV, ENTR, SG, SJ u SANCO. Dan l-ISG segwa t-tħejjija tal-Valutazzjoni tal-Impatt.

2.1.3.     Konsultazzjoni esterna

Bejn is-17 ta' Mejju u 9 ta' Awwissu 2011 saret konsultazzjoni pubblika, f'konformità mal-istandards minimi eżistenti għal konsultazzjoni.

Ġew sottomessi 15,538 tweġibiet, li jirriflettu tħassib pubbliku serju dwar il-konsum mhux sostenibbli tal-basktijiet tal-plastik u l-aspettattivi għoljin għal azzjoni tal-UE f'dan il-qasam.

2.2.        Valutazzjoni tal-impatt

Mal-proposta preżenti qed jiġu ppubblikati rapport tal-valutazzjoni tal-impatt u sommarju eżekuttiv. Il-valutazzjoni tal-impatt tevalwa l-impatti ambjentali, soċjali u ekonomiċi ta' diversi għażliet ta' politika biex jitnaqqas il-konsum tal-basktijiet tal-plastik. Qed jiġu vvalutati u mqabbla max-'xenarju bażiku' diversi livelli ta' ambizzjoni sabiex jiġu identifikati l-iktar strumenti li jixirqu li jimminimizzaw l-ispejjeż filwaqt li jimmassimizzaw il-benefiċċji.

Fil-15 ta' Marzu 2013 il-Bord ta' Valutazzjoni tal-Impatt tal-Kummissjoni ppreżenta opinjoni pożittiva dwar il-valutazzjoni tal-impatt, filwaqt li għamel għadd ta' rakkomandazzjonijiet biex jirfina r-rapport. Fil-kummenti dwar l-għażla li tiġi stabbilita mira komuni mifruxa mal-UE kollha biex jitnaqqas il-konsum tal-basktijiet tal-plastik, il-Bord talab li jivvaluta l-limitu sa fejn il-problema tal-iskart tal-basktijiet tal-plastik tista' tiġi indirizzata fil-livell tal-Istat Membru.

Konsiderazzjoni ulterjuri tal-għażliet tal-politika disponibbli wasslet għall-konklużjoni li se jkun diffiċli li tiġi ddisinjata u implimentata mira ta' tnaqqis mifruxa mal-UE li tapplika għall-Istati Membri kollha. Minflok ma tiġi stabbilita mira komuni tal-UE, għalhekk huwa ppreferut li fid-Direttiva 94/62/KE jiġi introdott l-obbligu għall-Istati Membri kollha biex inaqqsu l-konsum tal-basktijiet tal-plastik ħfief, filwaqt li tippermettiilhom jiffissaw il-miri nazzjonali tat-tnaqqis tagħhom u li jagħżlu l-miżuri biex jilħqu dawk il-miri. Madankollu fi stadju iktar tard mira ta' tnaqqis mifruxa mal-UE tista' tiġi kkunsidrata.

3.           ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

3.1.        Sommarju tal-azzjoni proposta

Il-proposta temenda l-Artikolu 4 (prevenzjoni) tad-Direttiva 94/62/KE billi tirrikjedi lill-Istati Membri jieħdu miżuri biex inaqqsu l-konsum tal-basktijiet tal-plastik ħfief. Din tistipula li dawn il-miżuri jistgħu jinkludu l-użu ta' strumenti ekonomiċi kif ukoll restrizzjonijiet kummerċjali b'deroga tal-Artikolu 18 tad-Direttiva. Id-dispożizzjoni tal-aħħar għalhekk tifrex il-firxa ta' strumenti disponibbli għall-Istati Membri biex jindirizzaw il-konsum mhux sostenibbli tal-basktijiet tal-plastik.

Għal fini ta' din id-Direttiva qed tiġi introdotta definizzjoni tal-'basktijiet tal-plastik ħfief' fl-Artikolu 3 (definizzjonijiet).

3.2.        Bażi legali u d-dritt ta' azzjoni

Il-proposta tadotta l-istess bazi legali tad-Direttiva 94/62/KE (l-Artikolu 100a li issa huwa l-Artikolu 114 TFUE).

Id-dritt ta' azzjoni tal-UE jirriżulta mill-fatt li r-rati għoljin ta' konsum tal-basktijiet tal-plastik jirrapreżentaw sfida li hija kemm komuni kif ukoll transkonfinali, u biex tiġi indirizzata l-problema f'mod iktar koerenti u effettiv hija neċessarja inizjattiva mifruxa mal-UE kollha. Fil-preżent, il-miżuri li ttieħdu minn Stati Membri individwali biex jindirizzaw il-kwistjoni ma għandhomx koerenza fir-rigward tal-għanijiet żvolti. Ukoll, miżuri unilaterali li jinkludu restrizzjonijiet kummerċjali jqajmu mistoqsijiet f'termini tal-kompattibbiltà tagħhom mad-Direttiva 94/62/KE fil-forma preżenti tagħha. Fl-istess ħin, l-esperjenzi pożittivi li saru f'għadd ta' Stati Membri juru li fil-fatt huwa possibbili li jnaqqsu l-konsum tal-basktijiet tal-plastik b'mod konsiderevoli.

Azzjoni tal-UE biex jonqos l-użu tal-basktijiet tal-plastik hija totalment konformi mal-għanijiet tad-Direttiva 94/62/KE dwar l-Imballaġ u l-Iskart mill-Imballaġ, b'mod partikolari dawk ta' prevenzjoni u tnaqqis tal-impatti ambjentali tal-imballaġ u l-iskart mill-imballaġ.

Minħabba n-natura u l-isfond partikolari tagħha, il-proposta preżenti hija sottomessa bħala inizjattiva indipendenti, qabel ir-reviżjoni iktar ġenerali tal-politika dwar l-iskart tal-UE li l-Kummissjoni se tippreżenta fir-rebbiegħa tal-2014.

3.3.        Prinċipju tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità

Il-proposta hija konformi mal-prinċipju tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Hija limitata għall-emenda tad-Direttiva 94/62/KE billi tipprovdi qafas li jistabbilixxi għanijiet kondiviżi, filwaqt li tħalli lill-Istati Membri liberi jiddeċiedu dwar il-metodi preċiżi ta' implimentazzjoni.

4.           IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA

Il-proposta mhux se jkollha impatt fuq il-baġit tal-Unjoni Ewropea u għaldaqstant mhijiex akkumpanjata mid-dikjarazzjoni finanzjarja stipulata fl-Artikolu 31 tar-Regolament Finanzjarju (ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002).

2013/0371 (COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li temenda d-Direttiva 94/62/KE dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ biex tnaqqas il-konsum tal-basktijiet tal-plastik ħfief

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea[3],

Wara t-trażmissjoni tal-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-Parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[4],

Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni[5],

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura ordinarja leġiżlattiva,

Billi:

(1)       Id-Direttiva 94/62/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[6] ġiet adottata sabiex tipprojbixxi jew tnaqqas l-impatt tal-imballaġ u l-iskart mill-imballaġ fuq l-ambjent. Għalkemm il-basktijeit tal-plastik jikkostitwixxu mballaġ fi ħdan it-tifsira ta' dik id-Direttiva, id-dispożizzjonijiet tagħha ma fihomx miżuri speċifiċi marbuta mal-konsum ta' dawn il-basktijiet.

(2)       Il-Konsum tal-basktijiet tal-plastik jirriżulta f'livelli għoljin ta' skart u użu ineffiċjenti tar-riżorsi u huma mistenni li jiżdied jekk ma hija se tittieħed l-ebda azzjoni. L-iskart tal-basktijiet tal-plastik jikkontribwixxi għall-problema tal-iskart fil-baħar li qed thedded l-ekosistemi marittimi madwar id-dinja kollha.

(3)       Basktijiet tal-plastik ta' ħxuna inqas minn 50 microns, li jirrapreżentaw il-maġġoranza vasta tal-għadd totali tal-basktijiet tal-plastik kkunsamati fl-Unjoni, jerġgħu jintużaw inqas minn basktijiet tal-plastik eħxen u għalhekk huma aktar probabbli li jispiċċaw skart.

(4)       Il-livelli tal-konsum tal-basktijiet tal-plastik ivarjaw b'mod konsiderevoli fl-Unjoni minħabba differenzi fl-abitudni tal-konsum, is-sensibilizzazzjoni ambjentali, kif ukoll l-effettività tal-miżuri tal-politika li jittieħdu mill-Istati Membri. Xi Stati Membri rnexxielhom inaqqsu l-livelli tal-konsum tal-basktijiet tal-plastik b'mod sinifikanti, fejn il-livell medju tal-konsum fis-seba' Stati Membri bl-aħjar prestazzjoni jammonta għal 20% biss tal-konsum medju tal-UE.

(5)       Sabiex jippromwovu tnaqqis simili tal-livell medju tal-konsum tal-basktijiet tal-plastik ħfief, l-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri biex inaqsu l-konsum tal-basktijiet tal-plastik bi ħxuna ta' inqas minn 50 microns f'konformità mal-għanijiet ġenerali tal-politika tal-UE dwar l-iskart u l-ġerarkija tal-UE dwar l-iskart kif tipprovdi d-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi[7]. Miżuri ta' tnaqqis bħal dawn għandhom iqiesu l-livelli tal-konsum attwali tal-basktijiet tal-plastik fl-Istati Membri individwali, fejn livelli iktar għoljin jirrikjedu sforzi iktar ambizzjużi. L-awtoritajiet nazzjonali se jipprovdu dejta dwar l-użu tagħhom skont l-Artikolu 17 tad-Direttiva 94/62/KE sabiex jimmonitorjaw il-progress fit-tnaqqis tal-użu tal-basktijiet tal-plastik.

(6)       Il-miżuri li għandhom jittieħdu mill-Istati Membri jistgħu jinvolvu l-użu ta' strumenti ekonomiċi bħat-taxxi u l-imposti, li taw prova li huma partikolarment effettivi biex inaqsu l-użu tal-basktijiet tal-plastik, kif ukoll ir-restrizzjonijiet kummerċjali bħal projbizzjonijiet b'deroga tal-Artikolu 18 tad-Direttiva 94/62/KE, suġġett għar-rekwiżiti stipulati fl-Artikoli 34 sa 36 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

(7)       Il-miżuri biex jitnaqqas il-konsum tal-basktijiet tal-plastik ma għandux iwassal għal żieda ġenerali fil-ġenerazzjoni tal-imballaġ.

(8)       Il-miżuri previsti f'din id-Direttiva huma konsistenti mal-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjoni dwar il-Pjan Direzzjonali għal Ewropa Effiċjenti fir-Riżorsi[8] u għandhom jikkontribwixxu għal azzjonijiet kontra l-iskart li jitwettqu f'konformità mad-Direttiva 2008/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2008 li tistabbilixxi Qafas għal Azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-Politika tal-Ambjent Marin (Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina[9]).

(9)       Id-Direttiva 94/62/KE għandha għalhekk tiġi emendata skont dan,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Id-Direttiva 94/62/KE hija b’dan emendata kif ġej:

(1) Fl-Artikolu 3, jiddaħħal il-punt 2a ġdid li ġej:

'2a. 'basktijiet tal-plastik ħfief' għandha tfisser basktijiet magħmula minn materjali tal-plastik kif hemm definit fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 10/2011* bi ħxuna li hija inqas minn 50 microns u li huma fornuti lill-konsumaturi fil-punt tal-bejgħ tal-oġġetti jew prodotti.

_______________________

* ĠU L 12, 15.01.2011, p. 1.'

(2) Fl-Artikolu 4, jiddaħħal il-paragrafu 1a li ġej:

'1a L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri biex jiksbu tnaqqis fil-konsum tal-basktijiet tal-plastik ħfief fit-territorju tagħhom fi żmien sentejn tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva.

Dawn il-miżuri jistgħu jinkludu l-użu ta' miri ta' tnaqqis nazzjonali, strumenti ekonomiċi kif ukoll restrizzjonijiet kummerċjali b'deroga mill-Artikolu 18 ta' din id-Direttiva.

L-Istati Membri għandhom jirrapportaw dwar l-effetti ta' dawn il-miżuri fuq il-formazzjoni ġenerali tal-iskart tal-imballaġ meta jirrapportaw lill-Kummissjoni f'konformità mal-Artikolu 17 ta' din id-Direttiva.'

Artikolu 2

1.           L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa għall-konformità ma’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard minn tnax-il xahar wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jirreferu għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn referenza bħal din fil-mument tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddetterminaw kif għandha ssir din ir-referenza.

2.           L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam li tkopri din id-Direttiva.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew                           Għall-Kunsill

Il-President                                                    Il-President

[1]               BioIntelligence Service, 2011. Assessment of impacts of options to reduce the use of single-use plastic carrier bags, Final Report.

[2]               Eunomia 2012. Assistance to the Commission to complement an assessment of the socio-economic costs and benefits of options to reduce use of single-use plastic carrier bags in the EU, Final Report.

[3]               ĠU C , , p. .

[4]               ĠU C , , p. .

[5]               ĠU C

[6]               ĠU L 365, 31.12.1994, p. 10.

[7]               ĠU L 312, 22.11.2008, p. 3.

[8]               COM(2011)571 finali

[9]               ĠU L 164, 25.6.2008, p. 19–40

Top