EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013PC0721

Proposta għal DIRETTIVA TAL-KUNSILL li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud fir-rigward ta’ denunzja standard tal-VAT

/* COM/2013/0721 final - 2013/0343 (CNS) */

52013PC0721

Proposta għal DIRETTIVA TAL-KUNSILL li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud fir-rigward ta’ denunzja standard tal-VAT /* COM/2013/0721 final - 2013/0343 (CNS) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.           KUNTEST TAL-PROPOSTA

Is-sistema tal-VAT tirrikjedi li n-negozji jimlew denunzji perjodiċi tal-VAT bid-dettalji tal-informazzjoni meħtieġa għall-ħlas u għall-kontroll tal-VAT u dan jista’ jkun partikolarment kumpless meta jiġu sottomessi denunzji tal-VAT fi Stati Membri differenti. Il-kumplessità hija r-riżultat tal-fatt li tiġi pprovduta informazzjoni differenti, l-informazzjoni mingħajr definizzjonijiet armonizzati, in-nuqqas ta’ gwida komuni xierqa, regoli u proċeduri differenti għas-sottomissjoni u l-korrezzjonijiet, u l-ħtieġa li tintuża l-lingwa nazzjonali. Dan kollu jwassal għal żieda fil-piżijiet fuq in-negozju, tnaqqis tal-preċiżjoni u l-puntwalità tad-dikjarazzjonijiet tal-VAT, u restrizzjoni tal-kummerċ transfruntier.

Biex tindirizza dawn il-problemi, il-Kummissjoni talbet l-opinjonijiet tal-partijiet interessati dwar dikjarazzjoni standard tal-VAT permezz tal-konsultazzjoni tal-Green Paper dwar il-Futur tal-VAT[1]. Tweġibiet pożittivi mill-partijiet interessati wasslu lill-Kummissjoni biex fil-Komunikazzjoni dwar il-Futur tal-VAT[2] tinkludi impenn biex tressaq proposta ta’ dikjarazzjoni standard tal-VAT qabel it-tmiem tal-2013.

Il-proposta tappoġġja inizjattivi oħra tal-Kummissjoni. Il-Programm ta’ Azzjoni għat-Tnaqqis tal-Piżijiet Amministrattivi fl-UE huwa appoġġjat minn grupp ta’ livell għoli, li se jkompli sa Ottubru 2014, li jagħti pariri lill-Kummissjoni fuq it-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi marbuta mal-leġiżlazzjoni tal-UE. Dan jiffoka fuq l-SMEs u l-intrapriżi mikro, kif ukoll fuq il-mod kif l-amministrazzjonijiet pubbliċi tal-Istati Membri jsiru aktar effiċjenti u jwieġbu għall-bżonnijiet tal-partijiet interessati meta jimplimentaw il-leġiżlazzjoni tal-UE. Id-dikjarazzjoni standard tal-VAT pjuttost taqbel ma’ dawn l-għanijiet għat-tnaqqis tal-piżijiet.

L-għan prinċipali tal-Kummissjoni huwa li tibni fuq il-prinċipju “Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir” mill-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar permezz tat-tnaqqis tal-"burokrazija" żejda għall-SMEs. Il-Komunikazzjoni riċenti dwar ir-regolamentazzjoni Intelliġenti - Inwieġbu għall-ħtiġijiet tal-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, minn stħarriġ online tal-SMEs, enfasizzat li d-Direttiva tal-VAT[3] hija l-aktar qasam ta’ piż tal-leġiżlazzjoni tal-UE. B’mod partikolari d-dikjarazzjoni tal-VAT hija identifikata bħala qasam fejn id-diverġenzi jikkostitwixxu ostaklu fil-kummerċ tal-UE. Din il-proposta għandha l-għan li tnaqqas il-piżijiet fuq in-negozju kollu, u b’mod partikolari l-SMEs, u hija enfasizzata fil-Komunikazzjoni dwar ir-regolamentazzjoni Intelliġenti[4].

In-negozji, qed jilmentaw dejjem iktar, li jista’ jkun diffiċli biex ikunu konformi mal-VAT, meta jagħmlu n-negozju fl-UE. Dan jista’ jkun il-każ partikolarment fil-kummerċ elettroniku u l-provvista ta’ merkanzija fis-suq intern, fejn il-konsumatur huwa individwu privat u l-fornitur jeħtieġ li jirreġistra, jiddikjara u jħallas il-VAT fl-Istat Membru tal-konsumatur. Dawn l-obbligi jistgħu joħolqu ostakoli għall-kummerċ transfruntier u denunzja standard tal-VAT tista' tnaqqas tali ostakoli. L-Att dwar is-Suq Uniku II[5] qiegħed għaldaqstant jitlob għall-introduzzjoni ta’ dikjarazzjoni standard tal-VAT.

Barra minn hekk, il-konsolidazzjoni fiskali li tiffavorixxi t-tkabbir hija waħda mill-ħames prijoritajiet tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2012. Minħabba li l-VAT tirrappreżenta madwar 21 % tad-dħul nazzjonal mit-taxxi, u bi 12 % tal-irċevuti tal-VAT li ma nġabrux, sistema tal-VAT aktar effiċjenti li ma tibqax suxxettibbli għall-frodi, hija meħtieġa. L-iskambju ta’ informazzjoni f’waqtha bejn l-Istati Membri huwa element ewlieni fit-tnaqqis tal-frodi u iktar konformità u denunzja standard tal-VAT tista' tgħin f’dan ir-rigward.

2.           IR-RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Konsultazzjoni mal-partijiet interessati

Id-dikjarazzjoni standard tal-VAT kienet is-suġġett ta’ bosta konsultazzjonijiet. Din kienet inkluża fil-Green Paper dwar il-Futur tal-VAT li r-riżultati tagħha jinsabu fis-sit elettroniku:

http://ec.europa.eu/taxation_customs/common/consultations/tax/2010_11_future_vat_en.htm

In-negozji u l-Istati Membri ġew ikkonsultati matul l-istudju li sar minn PwC li kien jinkludi seminar Fiscalis organizzat f’Ottubru 2012. Barra minn hekk, in-negozji kienu kkonsultati wkoll f’laqgħat tal-Grupp ta’ Esperti tal-VAT f’Jannar 2012 u fil-laqgħa ta’ segwitu tal-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar mal-partijiet interessati li jirrappreżentaw lill-SMEs f’April 2013, u mal-Istati Membri fil-Grupp dwar il-Futur tal-VAT li sar f’Jannar 2013.

Ir-riżultati tal-Grupp ta’ Esperti tal-VAT jinsabu fis-sit elettroniku:

http://ec.europa.eu/taxation_customs/taxation/vat/key_documents/expert_group/index_en.htm

Ir-riżultati tal-Grupp dwar il-Futur tal-VAT jinsabu fis-sit elettroniku:

http://ec.europa.eu/taxation_customs/taxation/vat/key_documents/discussions_member_states/index_en.htm

Valutazzjoni tal-Impatt

Il-proposta hija akkumpanjata minn Valutazzjoni tal-Impatt.

Mill-għażliet li ġew evalwati fid-dettall l-għażla ppreferuta hija għal denunzja standard tal-VAT, obbligatorja għall-Istati Membri u għan-negozju, li tipprovdi lista ta’ informazzjoni standardizzata li minnha numru żgħir biss ta’ punti huma meħtieġa fil-każijiet kollha. Dan jimmassimizza t-tnaqqis tal-piżijiet għan-negozji filwaqt li jiġi limitat il-kost għall-Istati Membri.

L-għażla ppreferuta hija stmata li tnaqqas il-piżijiet amministrattivi b’massimu ta’ EUR 15 biljun fis-sena.

3.           ELEMENTI ĠURIDIĊI TAL-PROPOSTA

Il-proposta hija bbażata fuq l-Artikolu 113 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) sal-punt li l-armonizzazzjoni hija meħtieġa biex tiżgura l-funzjonament tas-suq intern u sabiex tiġi evitata id-distorsjoni tal-kompetizzjoni.

Il-prinċipju tas-sussidjarjetà

L-objettivi tal-proposta ma jistgħux jintlaħqu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri. L-istandardizzazzjoni tal-obbligu tad-denunzja tal-VAT tista’ tinkiseb biss permezz tal-proċess leġiżlattiv tal-UE billi tiġi emendata d-Direttiva tal-VAT li tistipula r-regoli rilevanti tad-denunzja tal-VAT.

L-ambitu tal-proposta huwa limitat għal dak li jista' jinkiseb biss bil-leġiżlazzjoni tal-UE u għalhekk jikkonforma mal-prinċipju tas-sussidjarjetà.

Il-prinċipju tal-proporzjonalità

L-emendi għad-Direttiva tal-VAT huma meħtieġa biex tinkiseb standardizzazzjoni tad-denunzji tal-VAT u biex jiġu llimitati r-rekwiżiti ta’ informazzjoni għal dawk meħtieġa għall-kontroll u l-ġbir tal-VAT sabiex jitnaqqsu l-piżijiet fuq in-negozju u jitneħħew l-ostakoli għall-funzjonament xieraq tas-suq intern.

Barra minn hekk, id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni jistgħu jiġu evitati aħjar permezz tal-possibilitajiet imtejba ta’ kontroll li toffri formola standard lill-Istati Membri.

Il-proposta għalhekk hija konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità.

L-għażla tal-istrumenti

L-istrument propost huwa Direttiva billi l-leġiżlazzjoni li qed tiġi emendata hija Direttiva u għalhekk l-ebda att leġiżlattiv ieħor ma jkun xieraq.

Dokumenti ta' spjegazzjoni

L-Istati Membri huma meħtieġa jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu d-Direttiva kif ukoll dokument li jispjega r-relazzjoni bejn il-komponenti ta' din id-Direttiva u l-partijiet korrispondenti tal-istrumenti ta' traspożizzjoni nazzjonali. Dan huwa ġustifikat u proporzjonat.

4.           IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA

Il-proposta ma għandha l-ebda impatt negattiv fuq il-baġit tal-UE.

5.           SPJEGAZZJONI DDETTALJATA TAL-PROPOSTA

L-idea wara dikjarazzjoni standard tal-VAT hija li tippermetti lin-negozji kollha biex jipprovdu informazzjoni standardizzata lil kull Stat Membru sottomessa f'format komuni, preferibbilment elettroniku. B’dan il-mod negozju li jissottometti denunzja tal-VAT fi Stat Membru wieħed jista' faċilment jikkompleta u jissottometti denunzja tal-VAT fi Stat Membru ieħor minħabba li l-informazzjoni u s-sottomissjoni hija standardizzata.

Id-dikjarazzjoni standard tal-VAT għandha tkun disponibbli għan-negozji kollha għax jekk tillimitha għal ċerti kategoriji ta’ negozji tkun isservi biss biex jitnaqqas l-ambitu tagħha, jiżdiedu l-kumplessitajiet u b’hekk jonqos it-tnaqqis tal-piżijiet. Bl-istess mod, sabiex jitnaqqsu l-kostijiet u l-kumplessitajiet għall-Istati Membri denunzja waħda biss tal-VAT għandha tiġi offruta fil-livell tal-UE, id-dikjarazzjoni standard tal-VAT.

Il-proposta tindirizza kwistjonijiet relatati mal-kontenut, is-sottomissjoni f’termini ta’ meta u kif, u l-korrezzjonijiet tad-denunzja standard tal-VAT. F'dak li huwa kontenut kemm l-ammont ta’ informazzjoni kif ukoll l-istandardizzazzjoni ta' din l-informazzjoni huma l-elementi ewlenin biex jitnaqqsu l-piżijiet minn fuq in-negozji. Il-proposta telenka numru massimu ta’ sitta u għoxrin kaxxa ta’ informazzjoni li għandhom jimtlew min-negozji u l-Istati Membri jistgħu jagħżlu li jeżentaw lin-negozji minnhom kollha, minbarra ħamsa. L-informazzjoni pprovduta għandha tkun konsistenti fl-Istati Membri kollha sabiex l-informazzjoni ddikjarata fi Stat Membru wieħed tkun determinata eżattament bl-istess mod bħal fl-Istati Membri l-oħra kollha.

Barra minn hekk, l-Istati Membri jistgħu jirrikjedu informazzjoni addizzjonali għall-kontroll u l-amministrazzjoni tal-VAT għal reġjuni speċifiċi, territorji, jew reġimi speċjali permessa eċċezzjonalment fil-leġiżlazzjoni dwar il-VAT. F’dawn il-każijiet ġustifikati biss jistgħu l-Istati Membri jirrikjedu li n-negozji jipprovdu aktar minn sitta u għoxrin kaxxa standard ta’ informazzjoni.

Għas-sottomissjoni l-proposta tipprovdi għal standard minimu. In-negozji kollha għandhom jiġu permessi jissottomettu d-denunzji tal-VAT kull xahar, bil-VAT li tkun dovuta u mħallsa sa tmiem ix-xahar wara l-perjodu tad-denunzja tal-VAT. Barra minn hekk, l-Istati Membri jistgħu jintroduċu aktar tnaqqis tal-piżijiet bħal pereżempju jippermettu perjodi itwal għad-denunzji tal-VAT ta’ mhux aktar minn sena u d-data tal-għeluq għas-sottomissjoni u l-ħlas tiġi estiża b’massimu ta’ xahar ieħor. Dan għandu jiżgura li l-ebda negozju ma jkun meħtieġ li jippreżenta d-denunzji tal-VAT aktar frekwenti jew li jissottometti jew iħallas il-VAT dovuta f'limitu ta' żmien iqsar.

Il-proposta tinkoraġġixxi wkoll preżentazzjoni elettronika. In-negozji għandhom id-dritt li jissottomettu d-denunzji standard tal-VAT fl-Istati Membri kollha b'mod elettroniku, inkluż permezz ta' trasferiment elettroniku tal-fajls, bl-użu ta’ firem elettroniċi avvanzati interoperabbli madwar l-UE jew teknoloġiji oħra li joffru l-istess livell ta’ sigurtà.

Biex jiġi żgurat li ċerti aspetti tekniċi tad-denunzja tal-VAT huma standardizzati, li ma jistgħux jinkisbu permezz ta’ direttiva, l-ambitu huwa previst fil-proposta għall-użu tal-proċedura ta' komitoloġija. Dan huwa mistenni fejn meħtieġ għad-dettalji tekniċi tad-denunzja, għad-definizzjonijiet u l-proċeduri komuni, għat-trattament dettaljat ta’ korrezzjonijiet, kif ukoll għall-metodi komuni ta’ sottomissjoni elettronika.

Artikoli 178, 185, 211, 271 u 318

Fejn id-Direttiva tal-VAT tuża t-terminu "denunzja tal-VAT" dan inbidel bit-terminu "denunzja standard tal-VAT" sabiex tiġi evitata l-konfużjoni minħabba li l-Kapitolu 5 fit-Titolu XI inqasam f’żewġ taqsimiet, jiġifieri "Denunzja standard tal-VAT" u "Denunzji oħrajn u informazzjoni". Dan jaffettwa t-tibdiliet għall-Artikoli 178, 185, 211, 271 u 318.

Id-definizzjoni ta' "denunzja tal-VAT" fil-punt 5 tal-Artikolu 357 u l-punt 4 tal-Artikolu 358 mill-1 ta’ Jannar 2015 hija speċifika għall-Kapitolu dwar l-iskemi speċjali għal persuni taxxabbli li mhumiex stabbiliti li huma fornituri ta' servizzi ta’ telekomunikazzjoni, ta’ servizzi ta' xandir jew servizzi elettroniċi lil persuni mhux taxxabbli u tista' ma tinbidilx.

Artikoli 206 u 252

L-Artikolu 206 fil-forma attwali tiegħu jippermetti lill-Istati Membri li jagħżlu skadenza għal ħlas differenti minn dik għas-sottomissjoni tad-denunzja tal-VAT, u jitolbu pagamenti interim. Dispożizzjoni bħal din li tippermetti l-koeżistenza ta’ limiti ta' żmien ta' pagamenti differenti tista' tneħħi parzjalment il-benefiċċji tad-denunzja standard tal-VAT proposta. Għaldaqstant, ir-regola ġenerali li d-denunzja tal-VAT titħallas meta d-denunzja standard tal-VAT tiġi sottomessa tinżamm fl-Artikolu 206 iżda l-possibbiltà għall-Istati Membri li jagħżlu kwalunkwe data oħra għall-pagament titneħħa.

Bl-Artikolu 252 id-denunzja standard tal-VAT għandha tiġi ssottomessa sal-aħħar tax-xahar wara l-perjodu tad-denunzja standard tal-VAT. Biex jiġi evitat f’xi każijiet li titnaqqas l-iskadenza għall-pagamenti għan-negozji, l-Istati Membri huma permessi jestendu l-iskadenza għas-sottomissjoni tad-denunzja standard tal-VAT b’xahar ieħor. B’hekk kemm id-denunzja tal-VAT kif ukoll il-pagament huma dovuti fi żmien minimu ta’ xahar u massimu ta’ xahrejn wara t-tmiem tal-perjodu tad-denunjza tal-VAT.

Il-perjodu tad-denunzja standard tal-VAT huwa stabbilit fl-Artikolu 252 għal xahar. Madankollu, biex jiġi evitat li n-negozji jkollhom jissottomettu d-denunzji standard tal-VAT aktar frekwenti milli huwa l-każ bħalissa, l-Istati Membri jistgħu jippermettu lin-negozji biex jissottomettu d-denunzji standard tal-VAT għal perjodu ta’ mhux aktar minn sena.

Skont il-politika komuni tal-Unjoni dwar id-definizzjoni tal-intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju[6], l-intrapriżi mikro b’fatturat annwali ta’ inqas minn EUR 2 000 000 jistgħu jissottomettu d-denunzji tal-VAT kull tliet xhur sakemm ma jkunx hemm riskju għall-kontroll u l-ġbir tal-VAT.

Artikolu 250

Ħames punti ta’ informazzjoni huma meħtieġa fuq id-denunzji standard tal-VAT kollha li jikkorrispondu għat-taxxa fuq ix-xiri u t-taxxa fuq il-bejgħ, iċ-ċifri netti assoċjati u l-ammont nett li għandhom jitħallsu jew jiġu rrifonduti. Bħalissa, l-Istati Membri kollha kemm huma jirrikjedu din l-informazzjoni u din hija koperta mill-Artikolu 250(1) attwali.

Regoli komuni għall-korrezzjoni tad-denunzji tal-VAT huma meħtieġa biex jinkiseb il-livell mixtieq ta’ standardizzazzjoni. Madankollu, l-Istati Membri għandhom jiġu permessi jistabbilixxu l-perjodu għall-korrezzjoni tagħhom stess minħabba li dawn il-perjodi huma marbutin mill-qrib mal-proċeduri tal-awditjar nazzjonali. Għaldaqstant, fit-tieni paragrafu qed jiġi introdott il-prinċipju li jippermetti lil persuni taxxabbli biex jikkoreġu d-denunzji tal-VAT f'perjodu ta’ żmien determinat mill-Istati Membri. Il-valur totali tal-provvisti intra-Komunitarji ta’ merkanzija u ta’ akkwist intra-Komunitarju ta’ merkanzija jista’ jiġi stabbilit fuq il-bażi tal-listi tal-bejgħ tal-UE u għalhekk m’għandux ikun inkluż fid-denunzja standard tal-VAT. Madankollu, perjodu tranżitorju huwa meħtieġ sabiex jiġu aġġustati s-sistemi tal-istatistika nazzjonali biex isiru l-istatistiċi tal-kummerċ intra-Komunitarju tal-merkanzija, li bħalissa jiddependu sa livell għoli fuq l-informazzjoni pprovduta fid-denunzji tal-VAT[7].

Artikolu 251

Minbarra l-informazzjoni obbligatorja dwar id-denunzja standard tal-VAT, informazzjoni oħra tista’ tkun meħtieġa mill-Istati Membri għal analiżi tar-riskju u għall-finijiet ta’ kontroll. Biex jitnaqqsu l-piżijiet fuq in-negozju u tiġi eskluża l-informazzjoni meħtieġa għal skopijiet ta' statistika, u mhux tal-VAT, ir-rekwiżiti ta’ informazzjoni addizzjonali għandhom jiġu standardizzati u jinżammu minimi.

Parti mill-informazzjoni addizzjonali hija speċifika għal ċerti tranżazzjonijiet fid-Direttiva tal-VAT u hija standardizzata. L-Artikolu 251(1) jippermetti informazzjoni standardizzata ulterjuri b’rabta mal-bejgħ u l-VAT dovuta u jinkludi tmien punti ta’ informazzjoni. L-Artikolu 251(2) jippermetti tlettax-il punt ta’ informazzjoni standardizzata b’rabta ma' xiri u VAT deduċibbli.

Madankollu, informazzjoni addizzjonali oħra hija meħtieġa meta l-Istati Membri japplikaw regoli speċjali f’ċerti reġjuni jew territorji jew għal skemi speċjali li japplikaw għal ċerti persuni taxxabbli jew tranżazzjonijiet. Dan huwa previst fl-Artikolu 251(3). Minħabba n-natura speċifika tiegħu, il-kontenut tal-informazzjoni addizzjonali msemmi fl-Artikolu 251(3) se jiġi standardizzat permezz tal-proċedura tal-komitoloġija.

Għal trasparenza u konformità man-negozju, meta l-Istati Membri jeħtieġu informazzjoni addizzjonali għandhom jinfurmaw lill-kumitat ikkonċernat.

Artikolu 252a l-ġdid:

Il-preżentazzjoni elettronika għandha tiġi promossa aktar u għalkemm l-Istati Membri iridu jippermettu u jistgħu jeħtieġu sottomissjoni elettronika, din għandha tittejjeb aktar biex ikun jista' jsir trasferiment tal-fajl, kif inhu l-każ fid-dikjarazzjonijiet rikapitulattivi u biex jiġu pprovduti metodi sikuri komuni ta’ trażmissjoni, inkluż l-użu ta’ firem elettroniċi avvanzati. Id-definizzjonijiet użati f’dan l-Artikolu huma konformi mad-Direttiva 1999/93/KE[8] dwar il-firem elettroniċi. Madankollu dawn id-definizzjonijiet għandhom mnejn ikunu jeħtieġu li jiġu adattati wara l-adozzjoni tal-proposta tal-Kummissjoni dwar ir-Regolament dwar l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji għal tranżazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern[9].

Dan l-artikolu jistandardizza aktar l-Artikolu 250(2) attwali.

Artikolu 253

Dan jitħassar billi huwa miżura speċifika applikabbli biss għall-Isvezja u jmur kontra l-għanijiet ta’ denunzja standard tal-VAT.

Artikolu 254

Il-kontenut ta’ dan l-artikolu huwa trasferit għall-Artikolu 257a l-ġdid fit-Taqsima 2 il-ġdida taħt l-intestatura "Denunzji oħrajn u informazzjoni". Dan huwa minħabba li kwalunkwe informazzjoni speċifika mitluba mingħand il-bejjiegħ ta’ mezz ġdid ta’ trasport skont l-Artikolu 254 attwali ma għandhiex tiġi inkluża f'denunzja standard tal-VAT iżda l-informazzjoni għadha meħtieġa.

Artikolu 255

Dan l-artikolu jissostitwixxi l-Artikoli 255, 256 u 257 u jgħaqqadhom flimkien f’artikolu wieħed. M’hemm l-ebda bidla fis-sustanza.

Artikoli 256 u 257

Il-kontenut ta’ dawn l-artikoli jitressaq għall-Artikolu 255.

Artikoli 258 u 259

L-Artikolu 258 dwar is-sottomissjoni ta’ informazzjoni relatata ma' akkwiżizzjoni intra-Komunitarji ta’ mezzi ġodda ta’ trasport u ta’ prodotti soġġetti għad-dazji tas-sisa, kif ukoll l-Artikolu 259 dwar l-informazzjoni meħtieġa biex tiġi vverifikata l-applikazzjoni korretta tar-regoli marbuta mal-akkwiżizzjoni ta’ mezzi ġodda ta’ trasport għadhom meħtieġa iżda huma emendati biex jirriflettu l-fatt li din l-informazzjoni tista’ tkun meħtieġa f’denunzji oħrajn.

Artikolu 260

L-informazzjoni fuq l-importazzjoni tal-merkanzija issa hija inkluża fl-Artikoli 251(1)(g) u 251(2)(g) u konsegwentement dan l-artikolu għandu jitħassar.

Artikolu 261

L-Istati Membri m’għadhomx jitħallew jirrikjedu, li persuni taxxabbli jissottomettu denunzja tal-VAT kull sena li tiġbor fil-qasir id-dettalji tat-tranżazzjonijiet kollha ddikjarati fid-denunzji perjodici tal-VAT tas-sena ta’ qabel u li tipprovdi l-informazzjoni meħtieġa għal kwalunkwe aġġustament. L-aġġustamenti huma inklużi fid-denunzja standard tal-VAT permezz tal-Artikolu 251(2)(h) u l-Artikolu 261 għandu, għalhekk, jitħassar.

Artikoli 255a u 255b ġodda

Kif kien il-każ fid-denunzja tal-VAT għall-iskemi speċjali għal persuni taxxabbli li mhumiex stabbiliti, li jfornu servizzi ta’ telekomunikazzjoni, ta’ xandir jew servizzi elettroniċi lil persuni mhux taxxabbli, id-Direttiva tal-VAT għandha tistabbilixxi r-rekwiżiti tal-informazzjoni u Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni għandu jipprovdi d-dettalji tekniċi. Dawn l-artikoli jirreplikaw din il-proċedura billi jipprevedu li d-dettalji tekniki relatati mal-informazzjoni msemmija fl-Artikoli 250 u 251, definizzjonijiet u proċeduri komuni għas-sottomissjoni tal-informazzjoni, proċeduri komuni li permezz tagħhom jistgħu jsiru l-korrezzjonijiet u metodi elettroniċi komuni lil hinn mill-użu ta' firem elettroniċi avvanzati jistgħu jiġu miftiehma permezz ta’ Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni, fuq il-bażi tal-proċedura ta’ komitoloġija.

Artikolu 257 a ġdid

L-Artikolu 254 jitressaq għat-Taqsima 2 il-ġdida dwar "Denunzji oħrajn u Informazzjoni" minħabba li l-informazzjoni dwar il-bejgħ ta’ mezzi ġodda ta’ trasport mhijiex inkluża fid-denunzja standard tal-VAT.

Artikolu 272

Sabiex tiġi żgurata applikazzjoni tad-denunzja standard tal-VAT b’mod konsistenti, l-Istati Membri għandhom jitħallew jeżentaw persuni taxxabbli mir-rekwiżit li jissottomettu denunzja tal-VAT f’ċerti każijiet limitati biss. Dawn il-każijiet huma meta l-persuna taxxabbli mhijiex soġġetta għall-VAT fuq l-akkwisti intra-Komunitarji tagħha, jew hija koperta mill-eżenzjoni għall-intrapriżi ż-żgħar jew l-iskema komuni b’rata fissa għall-bdiewa.

Artikolu 273

Sabiex jiġi żgurat li d-denunzja standard tal-VAT hija tabilħaqq standardizzata, l-Istati Membri m’għandhomx jiġu permessi jimponu obbligi tad-denunzja standard tal-VAT addizzjonali fuq in-negozji minbarra dawk imsemmija u għalhekk l-għażla li jagħmlu dan hija eskluża fl-Artikolu 273 fir-rigward tad-denunzja standard tal-VAT.

2013/0343 (CNS)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-KUNSILL

li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud fir-rigward ta’ denunzja standard tal-VAT

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 113 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-Parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew[10],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[11],

Filwaqt li jaġixxi f'konformità ma' proċedura leġiżlattiva speċjali,

Billi:

(1)       Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE[12] tirrikjedi li persuni taxxabbli jissottomettu d-denunzji tal-VAT iżda tippermetti flessibbiltà għall-Istati Membri biex jiddeterminaw l-informazzjoni meħtieġa. Dan iwassal għal diversi regoli u proċeduri li jirregolaw is-sottomissjoni tad-denunzji tal-VAT fl-Unjoni, kumplessità addizzjonali għan-negozji u l-obbligi tal-VAT i joħolqu ostakoli għall-kummerċ tal-Unjoni.

(2)       Sabiex jitnaqqsu l-piżijiet fuq in-negozju u jittejjeb il-funzjonament tas-suq intern, denunzja standard al-VAT għandha tiġi introdotta għan-negozji kollha li għandhom rapporti kummerċjali fl-Unjoni. L-użu ta’ denunzji standardizzati għandu jiffaċilita l-kontroll tad-denunzji tal-VAT mill-Istati Membri.

(3)       Huwa meħtieġ li l-piżijiet amministrattivi jitnaqqsu għal minimu. L-informazzjoni meħtieġa dwar id-denunzja standard tal-VAT għandha għalhekk ikollha sett limitat ta’ informazzjoni mandatorja. Barra minn hekk, fir-rigward tad-denunzja standard tal-VAT u denunzji oħrajn, l-Istati Membri m’għandhomx jiġu permessi li jirrikjedu informazzjoni oħra għajr dik stabbilita fil-Kapitolu 5 tat-Titolu XI tad-Direttiva.

(4)       L-Istati Membri għandhom jitħallew jirrikjedu aktar informazzjoni minn persuni taxxabbli u għal dan il-għan huwa xieraq li tiġi stabbilita lista standardizzata ta’ informazzjoni addizzjonali li tista’ tintalab. Dan huwa utli f’termini ta’ analiżi tar-riskju u għall-finijiet ta’ kontroll. Sabiex jiġi żgurat li jkun hemm trasparenza u standardizzazzjoni, l-Istati Membri li jirrikjedu informazzjoni addizzjonali bħal din għandhom jgħarrfu lill-Kumitat Permanenti dwar il-Kooperazzjoni Amministrattiva.

(5)       Sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jaġġustaw is-sistemi tagħhom għall-ġbir ta’ statistika dwar provvisti u akkwiżizzjoni ta’ merkanzija fl-Unjoni, informazzjoni dwar il-valur totali ta’ fornimenti ta’ merkanzija fl-Unjoni u ta’ akkwiżizzjoni ta’ merkanzija fl-Unjoni għandha tkun parti mill-informazzjoni obbligatorja stabbilita fid-denunzja standard tal-VAT sal-31 ta’ Diċembru 2019.

(6)       Il-perjodu tat-taxxa għandu jkun kull xahar għan-negozji kollha ħlief għall-intrapriżi mikro li għandhom jissottomettu id-denunzji standard tal-VAT kull tliet xhur. Għandu jibqa' possibbli għall-Istati Membri li jestendu dan il-perjodu sa sena sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv.

(7)       Għas-sottomissjoni tad-denunzja standard tal-VAT għandu jiġi stabbilit limitu ta' żmien minimu komuni għal tmiem ix-xahar wara l-perjodu tat-taxxa sabiex jinħoloq standard minimu iżda bi flessibilità għall-Istati Membri li jestendu dan il-perjodu b’xahar ieħor biex jiġi evitat li jiżdiedu l-piżijiet fuq in-negozji.

(8)       Il-limitu ta' żmien għall-pagamenti għandu jkun armonizzat sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv u l-ammont nett tal-VAT għandu jitħallas meta tiġi ssottomessa d-denunzja standard tal-VAT jew fi kwalunkwe każ mal-iskadenza tal-limitu ta' żmien meta d-denunzja tal-VAT standard trid tiġi ssottomessa.

(9)       Biex tiġi promossa preżentazzjoni elettronika, is-sottomissjoni tad-denunzja standard tal-VAT b’mezzi elettroniċi għandha tkun permessa.

(10)     Minħabba li d-denunzja standard tal-VAT tkopri l-informazzjoni kollha meħtieġa għal kwalunkwe aġġustament li jrid jsir, huwa xieraq li jitwarrbu r-rekwiżiti speċifiċi għall-importazzjoni ta’ merkanzija u għad-denunzja annwali sommarju tal-VAT.

(11)     Id-denunzja standard tal-VAT għandha tintuża min-negozji li jagħmlu ċerti provvisti simili u għalhekk il-possibilità għall-Istati Membri biex jeżentaw ċerti negozji mill-obbligu li jissottomettu denunzja standard tal-VAT għandha tkun ristretta sabiex ir-rekwiżit li jissottomettu tali denunzja jiġi applikat b’mod konsistenti fl-Unjoni kollha.

(12)     Għal mezzi ġodda ta’ trasport u prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa, l-informazzjoni meħtieġa hija fin-natura tagħha speċifika u limitata. L-istandardizzazzjoni ta’ tali informazzjoni fid-denunzja standard tal-VAT mhijiex xierqa. Minflok, l-informazzjoni għandha tinġabar permezz ta’ denunzja separata sabiex jitnaqqas il-piż għall-biċċa l-kbira tan-negozji.

(13)     Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħat ta’ implimentazzjoni fir-rigward tal-provvediment tad-dettalji tekniċi, inkluż messaġġ elettroniku komuni għat-twassil ta’ din l-informazzjoni, sett komuni ta’ definizzjonijiet u proċeduri għas-sottomissjoni, proċeduri komuni li permezz tagħhom jistgħu jsiru l-korrezzjonijiet u metodi elettroniċi komuni li joffru livell suffiċjenti ta’ sigurtà għas-sottomissjoni tad-denunzja standard tal-VAT. Dawn is-setgħat għandhom jintużaw f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni[13].

(14)     F'konformità mad-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni tat-28 ta' Settembru 2011 dwar id-dokumenti ta’ spjegazzjoni[14], l-Istati Membri refgħu r-responsabbiltà li jakkumpanjaw, f’każijiet ġustifikati, in-notifika tat-traspożizzjoni tal-miżuri tagħhom b’dokument wieħed jew iktar li jispjega(w) ir-relazzjoni bejn il-komponenti ta’ direttiva u l-partijiet korrispondenti tal-istrumenti ta’ traspożizzjoni nazzjonali. Fir-rigward ta’ din id-Direttiva, il-leġiżlatur iqis it-trasmissjoni ta’ tali dokumenti bħala ġustifikata.

(15)     Għaldaqstant, id-Direttiva 2006/112/KE għandha tiġi emendata kif meħtieġ,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Id-Direttiva 2006/112/KE hija emendata kif ġej:

(1) Fl-Artikolu 178, il-punt (c) jinbidel b’dan li ġej:

"(c)         għall-finijiet ta’ tnaqqis skont il-punt (c) tal-Artikolu 168, fir-rigward tal-akkwist intra-Komunitarju ta’ merkanzija, dan irid jinkludi fid-denunzja standard tal-VAT ipprovdut għalija fl-Artikolu 250 l-ammont ta’ VAT dovut għall-akkwiżizzjonijiet intra-Komunitarji ta’ merkanzija u jrid ikollu fattura magħmula skont it-Taqsimiet 3, 4 u 5 tal-Kapitolu 3 tat-Titolu XI;"

(2) Fl-Artikolu 185, il-paragrafu 1 jinbidel b’dan li ġej:

"1. L-aġġustament isir, b'mod partikolari, fil-każ li wara li ssir id-denunzja standard tal-VAT, ikun hemm xi tibdil fil-fatturi użati biex jiġi determinat l-ammont li għandu jitnaqqas, pereżempju fejn ix-xirjiet jiġu kkanċellati jew jinkiseb roħs fil-prezzijiet".

(3) L-Artikolu 206, jinbidel b’dan li ġej:

"Artikolu 206

Kwalunkwe persuna taxxabbli responsabbli għall-ħlas tal-VAT trid tħallas l-ammont nett tal-VAT meta tissottometti d-denunzja standard tal-VAT kif previst fl-Artikolu 250, jew fi kwalunkwe każ fl-iskadenza tal-limitu ta' żmien li fih d-denunzja standard tal-VAT trid tiġi sottmessa."

(4) Fl-Artikolu 211, is-subparagrafu 2 jinbidel b’dan li ġej:

"B'mod partikolari, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li, fil-każ tal-importazzjoni ta' merkanzija minn persuni taxxabbli jew ċerti kategoriji minnhom, jew minn persuni responsabbli għall-ħlas tal-VAT jew ċerti kategoriji minnhom, il-VAT dovuta fuq l-importazzjoni m'għandhiex għalfejn titħallas mal-importazzjoni, bil-kondizzjoni li tiddaħħal bħala tali fid-denunzja standard tal-VAT li għandha tiġi sottomessa skont l-Artikolu 250."

(5) L-intestatura tat-Taqsima li ġejja tiddaħħal qabel l-Artikolu 250:

"Taqsima 1

Denunzja standard tal-VAT"

(6) L-Artikoli 250, 251 u 252 jinbidlu b’dan li ġej:

"Artikolu 250, [Artikolu 250(1)]

1. Kull persuna taxxabbli tissottometti denunzja standard tal-VAT, li tinkludi n-numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT tagħha jew in-numru ta’ referenza tat-taxxa u l-perjodu taxxabbli kkonċernat u tistabbilixxi li:

(a)          it-taxxa saret pagabbli;

(b)          it-taxxa li qed isir tnaqqis fuqha;

(c)          l-ammont nett tal-VAT li għandu jitħallas jew li għandha ssir refużjoni tiegħu;

(d)          il-valur totali, mingħajr VAT, ta’ tranżazzjonijiet li għalihom it-taxxa saret pagabbli, inkluż il-valur ta’ kwalunkwe tranżazzjonijiet eżentati;

(e)          il-valur totali, mingħajr VAT, tat-tranżazzjonijiet li jsir tnaqqis fuqhom;

(f)           il-valur totali tal-provvisti ta’ merkanzija msemmija fl-Artikolu 138 għall-perjodi fiskali sal-31 ta’ Diċembru 2019;

(g)          il-valur totali, mingħajr VAT, tal-akkwiżizzjonijiet intra-Komunitarji ta’ merkanzija, jew tranżazzjonijiet trattati bħala tali għall-perjodi fiskali sal-31 ta’ Diċembru 2019.

2. L-Istati Membri jippermettu li jsiru korrezzjonijiet fid-denunzja standard tal-VAT u jiffissaw il-perjodu ta’ żmien meta dawn il-korrezzjonijiet jistgħu jsiru.

Artikolu 251 [Artikolu 251]

1. Għal tranżazzjonijiet li l-VAT saret pagabbli fuqhom matul il-perjodu tat-taxxa, minbarra l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 250(1), l-Istati Membri jistgħu jirrikjedu li d-denunzja standard tal-VAT li tkopri perjodu partikolari ta’ taxxa turi kwalunkwe mill-informazzjoni li ġejja jew kollha kemm hi:

(a)     it-taxxa u l-valur totali, mingħajr il-VAT, tal-provvisti ta’ merkanzija u servizzi għal kull rata;

(b)     il-valur totali tal-provvisti ta’ merkanzija li jkollhom perjodi ta' taxxa wara l-31 ta’ Diċembru 2019 msemmija fl-Artikolu 138;

(c)     il-valur totali, mingħajr il-VAT, tal-provvisti ta’ servizzi, minbarra dawk is-servizzi li huma eżentati mill-VAT fl-Istat Membru fejn it-tranżazzjoni hija taxxabbli, li għalihom ir-riċevitur huwa obbligat iħallas it-taxxa skont l-Artikolu 196;

(d)     il-valur totali, mingħajr il-VAT, tal-provvisti ta’ merkanzija jew provvisti ta’ servizzi mhux koperti fil-punt (c) li r-riċevitur huwa obbligat li jħallas it-taxxa fuqhom;

(e)     il-valur totali tal-provvisti ta’ merkanzija msemmija fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 146(1);

(f)      il-valur totali ta’ kwalunkwe tranżazzjoni eżentata oħra mhux koperti bil-punti (b) sa (e);

(g)     it-taxxa fuq:

(i)      akkwiżizzjonijiet intra-Komunitarji ta’ merkanzija, jew tranżazzjonijiet trattati bħala tali, skont l-Artikoli 21 jew 22;

(ii)      provvisti ta’ merkanzija jew servizzi riċevuti li r-riċevitur huwa obbligat li jħallas il-VAT fuqhom;

(iii)     l-importazzjoni ta’ merkanzija fejn l-Istat Membru jeżerċita l-għażla skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 211.

2.           Għal tranżazzjonijiet li jsir tnaqqis tal-VAT fuqhom matul il-perjodu ta' taxxa, minbarra l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 250(1), l-Istati Membri jistgħu jirrikjedu li d-denunzja standard tal-VAT li tkopri perjodu partikolari ta’ taxxa turi kwalunkwe mill-informazzjoni li ġejja jew kollha kemm hi:

(a)     it-taxxa u l-valur totali, mingħajr il-VAT, tal-provvisti ta’ merkanzija u servizzi riċevuti minbarra dawk imsemmija fil-punti (b) sa (g);

(b)     il-valur totali, mingħajr il-VAT, tal-akkwiżizzjonijiet intra-Komunitarji ta’ merkanzija, jew tranżazzjonijiet trattati bħala tali għal perjodi ta' taxxa wara l-31 ta’ Diċembru 2019;

(c)     it-taxxa fuq l-akkwiżizzjonijeit intra-Komunitarji ta’ merkanzija, jew tranżazzjonijiet trattati bħala tali;

(d)     it-taxxa u l-valur totali, mingħajr il-VAT, tal-provvisti ta’ merkanzija jew servizzi riċevuti li r-riċevitur huwa obbligat iħallas it-taxxa fuqhom skont l-Artikoli 199 jew 199a jew skont miżura nazzjonali awtorizzata kif previst fl-Artikoli 199b jew l-Artikolu 395;

(e)     it-taxxa u l-valur totali, mingħajr il-VAT, tal-provvisti ta’ servizzi, minbarra dawk is-servizzi li huma eżentati mill-VAT fl-Istat Membru fejn it-tranżazzjoni hija taxxabbli, li r-riċevitur huwa obbligat iħallas it-taxxa fuqhom skont l-Artikolu 196;

(f)      it-taxxa u l-valur totali, mingħajr il-VAT, tal-provvisti ta’ merkanzija jew servizzi mhux koperti mill-punti (c) u (d) li r-riċevitur huwa obbligat li jħallas it-taxxa fuqhom;

(g)     it-taxxa u l-valur totali, mingħajr il-VAT, tal-importazzjoni ta' merkanzija;

(h)     kwalunkwe aġġustament tat-tnaqqis kif previst fl-Artikolu 184.

3.           Għal tranżazzjonijiet li joriġinaw f'reġjun speċifiku jew huma maħsuba għalih jew territorju li għalih japplikaw regoli speċjali jew li huwa kopert bi skema speċjali, barra l-arranġamenti normali tal-VAT, li fir-rigward tagħhom il-VAT saret pagabbli matul il-perjodu ta' taxxa, minbarra l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 250(1), l-Istati Membri jistgħu jirrikjedu li d-denunzja standard tal-VAT li tkopri perjodu partikolari ta’ taxxa tinkludi waħda miż-żewġ punti li ġejjin jew it-tnejn li huma:

(a)     l-informazzjoni meħtieġa biex tiġi kkalkulata t-taxxa li saret pagabbli;

(b)     l-informazzjoni meħtieġa biex tiġi kkalkolata l-VAT deduċibbli.

4. L-Istati Membri jgħarrfu lill-kumitat stabbilit mill-Artikolu 58 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 904/2010[15] dwar il-miżuri leġiżlattivi nazzjonali adottati skont il-paragrafi 1, 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu.

Artikolu 252 [Artikolu 252]

1. Id-denunzja standard tal-VAT tiġi sottomessa sa skadenza li għandha tkun stabbilita mill-Istati Membri. Din l-iskadenza ma tistax tkun anqas minn xahar u mhux aktar minn xahrejn mit-tmiem ta' kull perjodu ta' taxxa.

2. Il-perjodu ta' taxxa jkun ta' xahar kalendarju.

L-Istati Membri, madankollu, jippermettu perjodu ta' taxxa ta’ tliet xhur kalendarji għall-persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom mhux aktar minn EUR 2 000 000, jew ekwivalenti fil-munita nazzjonali, kif ikkalkulat skont l-Artikolu 288, sakemm ma jkunx meħtieġ xahar kalendarju sabiex tiġi evitata l-evażjoni tat-taxxa jew il-frodi f’każijiet speċifiċi.

L-Istati Membri jistgħu jippermettu perjodi ta' taxxa itwal f'każijiet oħrajn sakemm dawn il-perjodi ma jaqbżux sena."

(7) Jiddaħħal l-Artikolu 252 a li ġej:

"Artikolu 252a [l-Artikolu 250(2) u parti ġdida]

L-Istati Membri jippermettu, u jistgħu jirrikjedu, li d-denunzja standard tal-VAT tiġi sottomessa permezz ta' mezz elettroniku. Dan jinkludi l-possibbiltà li jintuża trasferiment elettroniku tal-fajl.

Id-denunzji standard tal-VAT sottomessi permezz ta' mezzi elettroniċi jiġu aċċettati mill-Istati Membri meta l-awtentiċità tal-oriġini u l-integrità tal-kontenut tagħhom jiġu żgurati b'firma elettronika avvanzata fis-sens tal-punt (2) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 1999/93/KE tal-Parlament Ewropew[16], ibbażata fuq ċertifikat kwalifikat u b'mekkaniżmu ta' sikurezza tal-firem, fis-sens tal-punti (6) u (10) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 1999/93/KE jew b’metodi oħra li joffru livell simili ta’ sigurtà."

(8) L-Artikoli 253 u 254 jitħassru.

(9) L-Artikolu 255, jinbidel b’dan li ġej:

"Artikolu 255, [Artikolu 255, 256, 257)]

L-Istati Membri jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li jikkonformaw mal-obbligi relatati mas-sottomissjoni ta’ denunzja standard tal-VAT, kif stabbilit f’din it-taqsima:

(a)          il-konsumatur ta' deheb ta' investiment bħala l-persuna obbligata li tħallas il-VAT skont l-Artikolu 198(1) jew il-konsumatur jekk, fil-każ ta' materjal tad-deheb, prodotti nofshom manifatturati, jew deheb ta' investiment kif definit fl-Artikolu 344(1), fejn l-Istati Membri jeżerċitaw l-għażla prevista fl-Artikolu 198(2) jkun innominat bħala l-persuna obbligata li tħallas il-VAT;

(b)          persuni meqjusa bħala obbligati li jħallsu l-VAT minflok persuna taxxabbli mhux stabbilita fit-territorju tagħhom, skont l-Artikoli 194 sa 197 u l-Artikolu 204;

(c)          persuni ġuridiċi mhux taxxabbli obbligati li jħallsu l-VAT dovuta fir-rigward tal-akkwiżizzjonijeit intra-Komunitarji ta’ merkanzija, kif imsemmija fl-Artikolu 2(1)(b)(i)."

(10) Jiddaħħlu l-Artikoli 255a u 255b li ġejjin:

"Artikolu 255a [parti ġdida]

Dan li ġej jiġi determinat skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 255b:

(a)          id-dettalji tekniki, inkluż messaġġ elettroniku komuni, għat-trażmissjoni tal-informazzjoni msemmija fl-Artikoli 250 u 251;

(b)          sett komuni ta’ definizzjonijiet u proċeduri għas-sottomissjoni tal-informazzjoni msemmija fl-Artikoli 250 u 251;

(c)          proċeduri komuni li permezz tagħhom jistgħu jsiru l-korrezzjonijiet għad-denunzja standard tal-VAT;

(d)          metodi elettroniċi komuni li joffru livell suffiċjenti ta’ sigurtà għas-sottomissjoni tad-denunzja standard tal-VAT.

Artikolu 255b [parti ġdida]

1. Il-Kummissjoni tiġi megħjuna mill-kumitat stabbilit mill-Artikolu 58 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 904/2010(*). Dan il-kumitat ikun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(**).

2. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

_________________________

(*) ĠU L 268, 12.10.2010, p. 1.

(**) ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13."

(11) L-Artikoli 256 u 257 jitħassru.

(12) L-intestatura tat-Taqsima li ġejja tiddaħħal wara l-Artikolu 255b:

"Taqsima 2

Denunzji oħrajn u informazzjoni"

(13) Jiddaħħal l-Artikolu 257a li ġej:

"Artikolu 257a [Artikolu 254]

Fil-każ ta' provvista ta' mezzi ġodda ta' trasport imwettqa skont il-kundizzjonijiet speċifikati fl-Artikolu 138(2)(a) minn persuna taxxabbli identifikata għal finijiet tal-VAT għal konsumatur mhux identifikat għal skopijiet ta' VAT, jew minn persuna taxxabbli kif definita fl-Artikolu 9(2), l-Istati Membri jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-bejjiegħ jikkomunika t-tagħrif kollu meħtieġ biex tiġi applikata l-VAT u tkun ivverifikata l-applikazzjoni tagħha mill-awtoritajiet tat-taxxa."

(14) L-Artikoli 258 u 259 jinbidlu b’dan li ġej:

"Artikolu 258

L-Istati Membri jistabbilixxu regoli dettaljati għall-preżentazzjoni ta' denunzji tal-VAT fir-rigward tal-akkwiżizzjonijiet intra-Komunitarji ta' mezzi ġodda ta' trasport, kif msemmija fl-Artikolu 2(1)(b)(ii), u l-akkwiżizzjonijiet intra-Komunitarji ta' prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa, kif imsemmi fl-Artikolu 2(1)(b)(iii).

Artikolu 259

L-Istati Membri jistgħu jirrikjedu lill-persuni li jagħmlu akkwiżizzjonijiet intra-Komunitarji ta' mezzi ġodda ta' trasport kif imsemmi fl-Artikolu 2(1)(b)(ii), biex meta jissottomettu d-denunzja jipprovdu l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tkun applikata l-VAT u biex l-applikazzjoni tagħha tkun ivverifikata mill-awtoritajiet tat-taxxa."

(15) L-Artikoli 260 u 261 jitħassru.

(16) Fl-Artikolu 271, il-frażi ta’ introduzzjoni tinbidel b'dan li ġej:

"Permezz tal-awtorizzazzjoni msemmija fl-Artikolu 269, l-Istati Membri li jistabbilixxu l-perjodu ta' taxxa għal aktar minn tliet xhur, li fir-rigward tiegħu persuni taxxabbli għandhom jissottomettu d-denunzja standard tal-VAT prevista fl-Artikolu 250 jistgħu jippermettu lil tali persuni jissottomettu dikjarazzjonijiet rikapitulattivi tal-istess perjodu fejn dawn il-persuni taxxabbli jissodisfaw it-tliet kundizzjonijiet li ġejjin:

(17) L-Artikolu 272 huwa emendat kif ġej:

(a) Fil-paragrafu 1, it-tieni subparagrafu jitħassar.

(b) Jiddaħħal il-paragrafu 1a li ġej:

"1a. L-Istati Membri ma jistgħux jeżentaw il-persuni taxxabbli li ġejjin minn dawn l-obbligi li ġejjin:

(a)          dawk imsemmija f’punt (b) tal-paragrafu 1 mill-obbligi tal-fatturazzjoni stabbiliti fit-Taqsimiet 3 sa 6 tal-Kapitolu 3 u t-Taqsima 3 tal-Kapitolu 4.

(b)          dawk imsemmija fil-punti (b) u (c) tal-paragrafu 1 mill-obbligi tad-denunzja standard tal-VAT stabbiliti fit-Taqsima 1 tal-Kapitolu 5."

(18) Fl-Artikolu 273, it-tieni paragrafu jinbidel b'dan li ġej:

"L-għażla skont l-ewwel paragrafu ma tistax tintuża biex timponi obbligi addizjonali tal-fatturazzjoni u tad-denunzja standard tal-VAT aktar minn dawk stabbiliti fil-Kapitolu 3 u fit-Taqsima 1 tal-Kapitolu 5."

(19) Fl-Artikolu 318(1), l-ewwel subparagrafu jinbidel b’dan li ġej:

"Sabiex il-proċedura għall-ġbir tat-taxxa tiġi ssimplifikata u wara konsultazzjoni mal-Kumitat tal-VAT, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li, għal ċerti tranżazzjonijiet jew għal ċerti kategoriji ta' negozjanti taxxabbli, l-ammont taxxabbli fir-rigward ta' provvisti ta' merkanzija soġġetta għall-iskema ta' marġni jiġi stabbilit għal kull perjodu ta' taxxa li matulu n-negozjant taxxabbli irid jissottometti d-denunzja standard tal-VAT kif previst fl-Artikolu 250."

Artikolu 2

1.           L-Istati Membri idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2016. Huma jikkomunikaw minnufih it-test ta’ dawn id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn id-dispożizzjonijiet, dawn ikunu jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn tali referenza fil-jum tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri jiddeċiedu kif tali referenza għandha ssir.

2.           L-Istati Membri jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert permezz ta' din id-Direttiva.

Artikolu 3

Din id-Direttiva tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell,

                                                                       Għall-Kunsill

                                                                       Il-President

[1]               COM(2010) 695 final

[2]               COM(2011) 851 final

[3]               Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, 11.12.2006, p 1).

[4]               COM(2013) 122 final

[5]               COM(2012) 573 finali

[6]               Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta’ Mejju 2003 li tirrigwarda d-definizzjoni ta' intrapriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju (ĠU L 124, 20.05.2003, p. 36).

[7]               Ir-Regolament (KE) Nru 638/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta' Marzu 2004 fuq l-istatistiċi Komunitarji rigward il-kummerċ tal-merkanzija bejn Stati Membri li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3330/91 (ĠU L 102, 7.4.2004, p. 1)

[8]               Id-Direttiva 1999/93/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 1999 dwar kwadru tal-Komunità għall-firem elettroniċi (ĠU L 13, 19.01.2000, p. 12).

[9]               COM/2012/0238 final - 2012/0146 (COD).

[10]             ĠU C , , p. .

[11]             ĠU C , , p. .

[12]             Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1).

[13]             ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13.

[14]             ĠU C 369, 17.12.2011, p. 14.

[15]             Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 904/2010 tas-7 ta’ Ottubru 2010 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva u l-ġlieda kontra l-frodi fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 268, 12.10.2010, p. 1).

[16]             Id-Direttiva 1999/93/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Diċembru 1999 dwar kwadru tal-Komunità għall-firem elettroniċi (ĠU L 13, 19.1.2000, p. 12).

Top