Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013PC0639

    Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL Regolament (UE, EURATOM) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002

    /* COM/2013/0639 final - 2013/0313 (COD) */

    52013PC0639

    Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL Regolament (UE, EURATOM) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 /* COM/2013/0639 final - 2013/0313 (COD) */


    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1.           KUNTEST TAL-PROPOSTA

    Fil-qafas tan-negozjati dwar ir-Regolament Finanzjarju, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni qablu li jirrevedu r-Regolament Finanzjarju sabiex jinkludu l-eżitu tan-negozjati dwar il-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020.

    Għalhekk, l-adozzjoni tar-Regolament Finanzjarju l-ġdid kienet akkumpanjata minn din l-istqarrija konġunta tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni:

    " "Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni jaqblu li r-Regolament Finanzjarju se jkun rivedut biex jinkludi l-emendi li saru neċessarji mill-eżitu tan-negozjati dwar il-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020, inklużi l-kwistjonijiet segwenti:

    - ir-regoli fil-qasam tar-riport għar-Riżerva ta' Għajnuna f'Emerġenza u għall-proġetti finanzjati fl-ambitu tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa;

    - ir-riport tal-approprjazzjonijiet mhux użati u tal-ekwilibriji baġitarji, kif ukoll il-proposta relatata biex jiddaħħlu tali approprjazzjonijiet f'riżerva għal pagamenti u impenji;

    - l-inklużjoni possibbli tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp fil-baġit tal-Unjoni Ewropea;

    - it-trattament tal-fondi li jirriżultaw mill-ftehimiet dwar il-ġlieda kontra t-traffiku illegali ta' prodotti tat-tabakk."

    Fis-27 ta’ Ġunju 2013, intlaħaq ftehim politiku bejn il-Parlament, il-Presidenza tal-Kunsill u l-Kummissjoni dwar il-pakkett tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2014-2020 (QFP) u dwar l-abbozz ta’ Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (CEF).

    Il-proposta timmodifika l-Artikolu 13 tar-Regolament Finanzjarju sabiex jinkludi r-regoli fil-qasam tar-riport għar-Riżerva ta’ Għajnuna f'Emerġenza u għal proġetti ffinanzjati taħt il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa.

    Ġew introdotti flessibilitajiet ġodda għal approprjazzjonijiet għall-impenji u għall-ħlasijiet mhux użati fl-abbozz ta’ Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (ir-Regolament QFP). Dawn il-flessibilitajiet se jiġu implimentati permezz tal-aġġustamenti tekniċi tal-MFF kif previst fl-abbozz tar-Regolament tal-QFP u mmobilizzat fil-qafas tal-proċedura tal-baġit skont l-Artikolu 314 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Għalhekk, l-ebda modifika ulterjuri tal-FR huma meħtieġa għal dawk il-flessibiltajiet.

    Dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ) u kif ġie nnutat mill-Kunsill Ewropew tat-8 ta’ Frar 2013, il-Kummissjoni biħsiebha tipproponi l-baġitijar tal-FEŻ fl-2021.

    L-ebda ftehim ulterjuri ma ntlaħaq fil-kuntest tal-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 dwar it-trattament tal-fondi li jirriżultaw mill-ftehimiet dwar il-ġlieda kontra t-traffiku illegali ta’ prodotti tat-tabakk. Għalhekk, il-Kummissjoni se tkompli timplimenta l-ftehimiet u tipproponi, kif għamlet fil-proposta tagħha għall-programm Hercule III, mezzi finanzjarji xierqa meħtieġ għall-ġlieda kontra l-kuntrabandu tas-sigaretti u l-falsifikazzjoni mill-UE, minbarra l-isforzi li saru mill-Istati Membri.

    2.           RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

    Peress illi din il-proposta sempliċiment timplimenta l-eżitu tan-negozjati dwar il-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 u għandha kamp ta' applikazzjoni limitat ħafna, ma saret l-ebda konsultazzjoni pubblika.

    3.           ELEMENTI ĠURIDIĊI TAL-PROPOSTA

    L-Artikolu 9(2) tal-abbozz tar-Regolament QFP jipprevedi li l-ammont annwali tar-Riżerva għal Għajnuna f'Emerġenza (EAR) hija stabbilita għal EUR 280 miljun (prezzijiet tal-2011) u jista’ jintuża sas-sena n+1 f’konformità mar-Regolament Finanzjarju. Din ir-Riżerva ser tiddaħħal bħala dispożizzjoni fil-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea. Għandha tintuża l-ewwel il-parti tal-ammont annwali li jirriżulta mis-sena ta’ qabel. Il-parti tal-ammont annwali mis-sena n li ma jintużax fis-sena n+1, tintilef.

    Dan jeħtieġ żewġ modifiki fl-Artikolu 13 tar-Regolament Finanzjarju (RF): iż-żieda tal-EAR fl-Artikolu 13(2) RF u bħala eċċezzjoni fl-Artikolu 13(6) RF minħabba li l-approprjazzjonijiet korrispondenti huma mdaħħla fil-baġit fit-Titolu 40 (riżervi) bħala provvediment.

    Rigward ir-regola dwar ir-riport għal proġetti ffinanzjati taħt il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (CEF), il-Kummissjoni diġà pproponiet li timmodifika r-Regolament Finanzjarju fil-memorandum ta’ spjegazzjoni għall-proposta għal Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 u r-riport tal-approprjazzjonijiet għall-impenji għas-sena n+1[1]. Minħabba n-natura tagħhom, dawk il-proġetti tal-infrastruttura f'ħafna każijiet se jitolbu proċeduri kumplessi għall-kuntratti. Taħt dawk iċ-ċirkostanzi, dewmien anki limitat jista' jwassal għal telf ta' approprjazzjonijiet għall-impenji annwali u jfixkel il-vijabbiltà ta' dawk il-proġetti u b'hekk id-determinazzjoni politika tal-Unjoni sabiex timmodernizza n-netwerks u l-infrastruttura tagħha tat-trasport, l-enerġija u t-telekomunikazzjonijiet.

    It-test ta’ kompromess miftiehma għac-CEF jipprovdi fl-Artikolu 19 tiegħu li:

    “Approprjazzjonijiet li ma jkunux intużaw sal-aħħar tas-sena finanzjarja li ddaħħlu taħtha għandhom jiġu riportati skont ir-Regolament (UE) Nru xxxx/2012 [ir-Regolament Finanzjarju l-ġdid].”

    L-għażla kurrenti tal-kliem tal-RF ma tippermettix ir-riport tal-approprjazzjonijiet għall-impenji sa n+1, konsegwentement modifika tar-RF hija neċessarja peress li din tikkostitwixxi deroga mill-prinċipju ta’ annwalità. Għalhekk l-Artikolu 13(2) tar-Regolament Finanzjarju jrid jiġi emendat ukoll biex jippermetti riport awtomatiku għas-sena finananzjarja ta' wara ta' approprjazzjonijiet għall-impenji mhux użati fi tmiem ta' sena finanzjarja għal proġetti ffinanzjati taħt is-CEF.

    2013/0313 (COD)

    Proposta għal

    REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    Regolament (UE, EURATOM) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 322 tieghu, flimkien mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b’mod partikolari l-Artikolu 106a tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Wara t-trażmissjoni tal-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-Parlamenti nazzjonali,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Qorti tal-Awdituri[2],

    Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja[3],

    Billi:

    (1)       Ir-Regolament (UE, EURATOM) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [4] ġiet adottat fil-25 ta’ Ottubru 2012 u kien akkumpanjat minn dikjarazzjoni konġunta tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni fejn qablu li jirrevedu r-Regolament Finanzjarju sabiex jinkludu l-eżitu tan-negozjati dwar il-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020.

    (2)       Wara l-ftehim politiku dwar il-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 u dwar It-twaqqif tal-faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, u f’konformità mad-dikjarazzjoni konġunta, huwa neċessarju li jiġi emendat ir-Regolament (UE, EURATOM) Nru 966/2012 biex tinkludi r-regoli fil-qasam tar-riport għar-Riżerva ta’ Għajnuna f'Emerġenza u għal proġetti ffinanzjati taħt il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa.

    (3)       Rigward ir-Riżerva għal Għajnuna f'Emerġenza, l-approprjazzjonijiet korrispondenti huma mdaħħla fir-riserva Titolu tal-baġit. Għalhekk, ir-Regolament (UE, EURATOM) Nru 966/2012 jeħtieġ li jiġi emendat sabiex jipprovdi għar-riport għas-sena n+1 tal-approprjazzjonijiet imqiegħda f’riżerva u mhux użati fis-sena n.

    (4)       Minħabba n-natura tagħhom, il-proġetti iffinanzjati taħt il-Faċilita' Nikkollegaw l-Ewropa f'ħafna każijiet se jitolbu proċeduri kumplessi għall-kuntratti. Taħt dawk iċ-ċirkostanzi, dewmien anki limitat jista' jwassal għal telf ta' approprjazzjonijiet għall-impenji annwali u jfixkel il-vijabbiltà ta' dawk il-proġetti u b'hekk id-determinazzjoni politika tal-Unjoni sabiex timmodernizza n-netwerks u l-infrastruttura tagħha tat-trasport, l-enerġija u t-telekomunikazzjonijiet. Sabiex jevita dan, ir-Regolament (UE, EURATOM) Nru 966/2012 għandu jippermetti riport awtomatiku għas-sena finananzjarja ta' wara ta' approprjazzjonijiet għall-impenji mhux użati fi tmiem ta' sena finanzjarja għal proġetti ffinanzjati taħt il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa.

    ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1 Emendi lir-Regolament (UE, EURATOM) Nru 966/2012

    L-Artikolu 13 tar-Regolament (UE, EURATOM) Nru 966/2012 huwa emendat kif ġej:

    (1)          Fil-paragrafu 2, għandhom jiżdiedu l-punti (c) u (d) li ġejjin:

    “(c) ammonti li jikkorrispondu mal-approprjazzjonijiet għall-impenji għar-riżerva għar-Riżerva ta' Għajnuna f'Emerġenza.

    “(d) ammonti li jikkorrispondu għall-approprjazzjonijiet għall-impenji għal proġetti ffinanzjati taħt il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa”.

    (2)          Fil-paragrafu 2, għandu jiżdied it-tieni subparagrafu li ġej:

    “L-ammonti msemmija fil-punti (c) u (d) tal-ewwel subparagrafu jistgħu jiġu riportati biss għas-sena finanzjarja segwenti.”

    (3)          Il-paragrafu 6 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    "6. “Mingħajr preġudizzju għall-punt (c) tal-Artikolu 13(2) u l-Artikolu 14, approprjazzjonijiet imqiegħda f’riżerva u approprjazzjonijiet għall-infiq tal-persunal ma jistgħux jiġu trasferiti ‘l quddiem. Għall-iskop ta’ dan l-Artikolu, l-infiq għall-persunal jinkludi r-rimunerazzjoni u l-allowances għall-membri u l-persunal tal-istituzzjonijiet li għalihom japplikaw ir-Regolamenti tal-Persunal".

    Artikolu 2 Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fiIl-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell,

    Għall-Parlament Ewropew                           Għall-Kunsill

    Il-President                                                    Il-President

    [1]               COM (2011) 398 finali, punt 1.2.2

    [2]               ĠU C

    [3]               Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew ta’ XXXX u d-deċiżjoni tal-Kunsill ta’ XXX.

    [4]               Ir-Regolament (UE, EURATOM) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1).

    Top