Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013PC0609

Proposta għal DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL li tawtorizza lir-Repubblika Taljana sabiex tkompli tapplika miżura speċjali ta’ deroga mill-Artikolu 285 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud

/* COM/2013/0609 final - 2013/0299 (NLE) */

52013PC0609

Proposta għal DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL li tawtorizza lir-Repubblika Taljana sabiex tkompli tapplika miżura speċjali ta’ deroga mill-Artikolu 285 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud /* COM/2013/0609 final - 2013/0299 (NLE) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.           KUNTEST TAL-PROPOSTA

Skont l-Artikolu 395(1) tad-Direttiva 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (minn hawn 'il quddiem 'id-Direttiva dwar il-VAT'), il-Kunsill, li jaġixxi unanimament fuq proposta mill-Kummissjoni, jista' jawtorizza lil kwalunkwe Stat Membru li japplika miżuri speċjali għal deroga mid-dispożizzjonijet ta' dik id-Direttiva, sabiex jissimplifika l-proċedura tal-ġbir tal-VAT jew sabiex jipprevjeni ċerti tipi ta' evażjoni jew evitar tat-taxxa.

Permezz ta’ ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fit-8 ta’ April 2013, ir-Repubblika Taljana talbet awtorizzazzjoni biex tissokta bl-eżenzjoni ta' persuni taxxabbli b’inqas minn ċertu fatturat, u biex iżżid dan il-limitu minn EUR 30 000 għal EUR 65 000. Skont l-Artikolu 395(2) tad-Direttiva tal-VAT, il-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri l-oħrajn bit-talba tar-Repubblika Taljana, permezz ta' ittra datata l-10 ta' Ġunju 2013. Permezz ta' ittra datata l-14 ta' Ġunju 2013, il-Kummissjoni nnotifikat lir-Repubblika Taljana li kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tqis it-talba.

Il-kuntest ġenerali

Il-Kapitolu 1 tat-Titolu XII tad-Direttiva tal-VAT jagħti l-possibbiltà lill-Istati Membri li japplikaw skemi speċjali għall-impriżi żgħar, inkluża l-possibbiltà li jeżentaw lil persuni taxxabbli b'inqas minn ċertu dħul annwali. Din l-eżenzjoni timplika li persuna taxxabbli ma għandhiex għalfejn timponi l-VAT fuq il-fornituri tagħha u, konsegwement, hija ma tistax tnaqqas il-VAT fuq l-inputs.

Din il-miżura ddaħħlet skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 14 tad-Direttiva tal-Kunsill 67/228/KEE[1]. Madankollu, dawk l-Istati Membri li ma għamlux użu mill-fakultà prevista minn dik id-dispożizzjoni, jistgħu sussegwentement - skont l-Artikolu 24(2)(b) tad-Direttiva 77/388/KEE issa mfassal mill-ġdid bħala l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 285 tad-Direttiva dwar il-VAT - jeżentaw biss mill-VAT lill-persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom mhux aktar minn EUR 5 000. Ir-Repubblika Taljana ma għamlitx użu mill-fakultà prevista bl-Artikolu 14 tad-Direttiva tal-Kunsill 67/228/KEE.

Minħabba numru sinifikanti ta' persuni taxxabbli b'fatturat annwali baxx ħafna, ir-Repubblika Taljana talbet deroga fl-2007 sabiex tissimplifika l-obbligi tal-VAT għall-kummerċjanti żgħar u sabiex tħaffef il-ġbir tat-taxxa għall-amministrazzjoni tat-taxxa nazzjonali billi teżenta persuni taxxabbli li l-faturat annwali tagħhom ma jaqbiżx EUR 30 000. Din id-deroga kienet awtorizzata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/737/KE[2] sal-31 ta’ Diċembru 2010, u sussegwentement estiża mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/688/UE[3] sal-31 ta’ Diċembru 2013. Ir-Repubblika Taljana issa talbet li l-miżura, li hija fakultattiva għall-persuni taxxabbli, tiġi estiża sal-31 ta’ Diċembru 2016. Ir-Repubblika Taljana talbet ukoll li l-limitu tal-fatturat annwali jiżdied għal EUR 65 000. B’żieda tal-limitu, l-Italja trendi l-miżura disponibbli għal għadd ikbar ta’ SMEs. Dan huwa skont l-objettivi tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Aħseb l-ewwel fiż-Żgħir” — “Att dwar in-Negozji ż-Żgħar” għall-Ewropa (COM (2008) 394 tal-25 ta’ Ġunju 2008), li tistieden lill-Istati Membri biex iqisu l-karatteristiċi speċjali tal-SMEs waqt li jfasslu l-leġislazzjoni u, għalhekk, biex jissimplifikaw l-ambjent regolatorju diġà eżistenti. Barra minn hekk, ma ġewx identifikati problemi fl-applikazzjoni tal-miżura, u lanqas fil-monitoraġġ ta' dawk in-negozji li tkopri.

Fil-proposta tagħha għal Direttiva biex jiġu ssimplifikati l-obbligazzjonijiet tal-VAT tad-29 ta' Ottubru 2004 (COM(2004)728 finali)[4] il-Kummissjoni inkludiet dispożizzjonijiet maħsuba biex jippermettu lill-Istati Membri li jeżentaw lill-persuni taxxabbli li d-dħul annwali tagħhom ma jkunx jaqbeż EUR 100 000, bil-possibbiltà li dan l-ammont jiġi aġġornat kull sena. Madankollu, f'dan l-istadju, il-Kunsill għadu ma laħaqx ftehim fuq dik il-proposta.

Minn informazzjoni mogħtija mir-Repubblika Taljana, jidher li l-impatt tal-miżura fuq id-dħul mit-taxxa miġbura fl-istadju tal-konsum finali se jkun negliġibbli.

Għaldaqstant, qed jiġi propost li tiġi estiża d-deroga għal perjodu ieħor sat-13 ta' Diċembru 2016 l-aktar kmieni jew sa meta tidħol fis-seħħ Direttiva dwar il-limiti tal-fatturat annwali li taħthom persuna taxxabbli tista' tkun eżentata mill-VAT, u biex jiżdied il-limitu għal EUR 65 000.

Id-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam tal-proposta

Fl-2004, il-Kummissjoni għamlet proposta biex – inter alia – tgħolli l-limitu minimu tal-fatturat annwali disponibbli għall-Istati Membri (COM(2004) 728 finali[5]) għall-eżenzjoni ta’ persuni taxxabbli mill-VAT għal EUR 100 000. Dik il-proposta għadha fuq il-mejda tal-Kunsill.

Fit-terminu l-medju, il-Kummissjoni tqis li l-adozzjoni ta’ dik il-proposta tkun approċċ aktar adattat minn approċċ frammentat ibbażat fuq derogi individwali. Il-Kummissjoni għalhekk tistieden lill-Kunsill biex jissokta n-negozjati dwar dik il-proposta.

Il-konsistenza mal-politiki u mal-għanijiet l-oħra tal-Unjoni.

Il-miżura hija skont l-objettivi tal-Unjoni għan-negozji ż-żgħar, kif stipulat fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Aħseb l-ewwel fiż-Żgħir” – “Att dwar in-Negozji ż-Żgħar għall-Ewropa" (COM (2008) 394 tal-25 ta’ Ġunju 2008).

2.           RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Il-konsultazzjoni mal-partijiet interessati

Mhux rilevanti

Ġbir u użu ta' għarfien espert

Ma kienx hemm bżonn ta’ għarfien espert estern.

Valutazzjoni tal-impatt

Id-deċiżjoni għandha l-għan li tissokta miżura ta' simplifikazzjoni li tneħħi ħafna mill-obbligi tal-VAT għan-negozji li joperaw b'fatturat annwali ta' mhux aktar minn EUR 30 000, u li żżid dak il-fatturat għal EUR 65 000.

Minħabba l-kamp ta’ applikazzjoni strett tad-deroga u l-applikazzjoni limitata fiż-żmien, il-kamp ta’ applikazzjoni jkun limitat fi kwalunkwe każ.

3.           ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

Sommarju tal-azzjoni proposta

Awtorizzazzjoni lir-Repubblika Taljana biex tissokta tapplika miżura ta' deroga mid-Direttiva 2006/112/KE dwar l-introduzzjoni ta' miżura ta' simplifikazzjoni għan-negozji b’fatturat annwali ta' mhux aktar minn ċertu limitu, u li żżid dak il-limitu għal EUR 65 000.

Bażi ġuridika

L-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-VAT.

4.           IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA

Il-proposta m’għandhiex implikazzjoni fuq il-baġit tal-Unjoni għaliex l-Italja se twettaq kalkolu ta’ kumpens skont l-Artikolu 6 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE, EURATOM) 1553/89[6].

5.           ELEMENTI FAKULTATTIVI

Il-proposta tinkludi klawżola sunset.

2013/0299 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

li tawtorizza lir-Repubblika Taljana sabiex tkompli tapplika miżura speċjali ta’ deroga mill-Artikolu 285 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud[7], u b’mod partikolari l-Artikolu 395(1) tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)       F’ittra rreġistrata mill-Kummissjoni fit-8 ta’ April 2013 l-Italja talbet awtorizzazzjoni għal miżura li tidderoga mill-Artikolu 285 tad-Direttiva 2006/112/KE sabiex tkompli teżenta ċerti persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom jaqa’ taħt ċertu limitu, u biex iżżid dan il-limitu minn EUR 30 000 għal EUR 65 000. Permezz ta' dik il-miżura, dawk il-persuni taxxabbli jkunu eżenti minn ċerti obbligi jew mill-obbligi kollha fir-rigward tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) imsemmija fil-Kapitoli 2 sa 6 tat-Titolu XI tad-Direttiva 2006/112/KE.

(2)       Permezz tal-ittra datata l-10 ta’ Ġunju 2013, il-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri l-oħra bit-talba magħmula mill-Italja. Permezz ta' ittra datata l-14 ta' Ġunju 2013, il-Kummissjoni nnotifikat lill-Italja li kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tqis it-talba.

(3)       L-Istati Membri diġà għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom skema speċjali għall-impriżi ż-żgħar skont it-Titolu XII tad-Direttiva 2006/112/KE. Il-miżura estiża tagħti deroga mill-Artikolu 285 ta' dik id-Direttiva fl-applikazzjoni tagħha għall-Italja biss sakemm il-limitu tal-fatturat annwali tal-iskema huwa ogħla mil-limitu ta' EUR 5 000.

(4)       Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/737/KE tal-15 ta' Settembru 2008[8], l-Italja kienet awtorizzata, b'miżura derogatorja, li teżenta persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom ma jaqbiżx it-30 000 sal-31 ta' Diċembru 2010. L-applikazzjoni ta’ din id-deroga sussegwentement kienet estiża sal-31 ta’ Diċembru 2013 bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/688/UE[9]. Peress li dan il-limitu rriżulta f’obbligi tal-VAT imnaqqsa għan-negozji ż-żgħar, l-Italja għandha tiġi awtorizzata li tapplika l-miżura għal perjodu limitat ulterjuri, u li iżżid il-limitu għal EUR 65 000. Persuni taxxabbli għadhom jistgħu jagħżlu li jmorru għal-arranġamenti normali tal-VAT.

(5)       Sabiex il-miżura ssir disponibbli għal għadd ikbar ta’ SMEs, u b’hekk tikkorrispondi mal-miri tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Aħseb l-ewwel fiż-Żgħir” – “Att dwar in-Negozji ż-Żgħar għall-Ewropa" (COM (2008) 394 tal-25 ta’ Ġunju 2008), l-Italja għandha tiġi awtorizzata li żżid il-limitu tal-fatturat annwali li taħtu ċerti persuni taxxabbli jistgħu jkunu eżenti mill-VAT minn EUR 30 000 għal EUR 65 000.

(6)       Fil-proposta tagħha għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 77/388/KEE bl-għan li tissimplifika l-obbligi tat-taxxa fuq il-valur miżjud tad-29 ta' Ottubru 2004[10], il-Kummissjoni inkludiet dispożizzjonijiet immirati li jippermettu lill-Istati Membri biex jiffissaw limitu annwali ta' fatturat għall-iskema ta' eżenzjoni tal-VAT sa EUR 100 000 jew l-ekwivalenti fil-valuta nazzjonali, bil-possibbiltà li jiġi aġġornat l-ammont kull sena. It-talba għall-estensjoni ppreżentata mill-Italja hija kompatibbli mal-proposta li dwarha l-Kunsill għadu ma laħaqx ftehim.

(7)       Mill-informazzjoni provduta mill-Italja, il-limitu miżjud se jkollu impatt negliġibbli fuq l-ammont globali ta' dħul mit-taxxa miġbur fl-istadju finali tal-konsum.

(8)       Id-deroga ma għandha l-ebda impatt fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni li jirriżultaw mill-ġbir tat-taxxa fuq il-valur miżjud,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

B’deroga mill-Artikolu 285 tad-Direttiva 2006/112/KE, l-Italja hija awtorizzata li teżenta mill-VAT persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom ma jkunx aktar minn EUR 65 000.

L-Italja tista' żżid l-ogħla limitu sabiex iżżomm il-valur tal-eżenzjoni f'termini reali.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni ssir effettiva fil-jum tan-notifika tagħha.

Din id-Deċiżjoni tapplika mill-1 ta' Jannar 2014 sad-dħul fis-seħħ ta' Direttiva li temenda l-ammonti tal-limiti tal-fatturat annwali li taħtu l-persuni taxxabbli jistgħu jikkwalifikaw għal eżenzjoni mill-VAT, jew sal-31 ta' Diċembru 2016, jiddependi liema data tkun l-ewwel.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Taljana.

Magħmul fi Brussell,

                                                                       Għall-Kunsill

                                                                       Il-President

[1]               ĠU 71, 14.4.1967, p. 1303-1312.

[2]               ĠU L 249, 18.9.2008, p. 13–14

[3]               ĠU L 294, 12.11.2010, p. 12-13

[4]               ĠU C 24, 29.1.2005, p. 10.

[5]               http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=COM:2004:0728:FIN:MT:PDF

[6]               ĠU L 155, 7.6.1989, p. 9–13

[7]               ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.

[8]               ĠU L 249, 18.9.2008, p. 13–14

[9]               ĠU L 294, 12.11.2010, p. 12-13

[10]             COM(2004)728 finali (ĠU C 24, 29.1.2005, p. 10)

Top