This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52013PC0599
Proposal for a COUNCIL DECISION Amending Council Decision 2007/641/EC, concerning the republic of Fiji Islands and extending the period of application thereof
Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL Li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/641/KE, dwar ir-Repubblika tal-Gżejjer tal-Fiġi u testendi l-perjodu ta’ applikazzjoni tagħha
Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL Li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/641/KE, dwar ir-Repubblika tal-Gżejjer tal-Fiġi u testendi l-perjodu ta’ applikazzjoni tagħha
/* COM/2013/0599 final - 2013/0289 (NLE) */
Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL Li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/641/KE, dwar ir-Repubblika tal-Gżejjer tal-Fiġi u testendi l-perjodu ta’ applikazzjoni tagħha /* COM/2013/0599 final - 2013/0289 (NLE) */
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI 1. Il-kolp ta' stat militari li
seħħ f'Diċembru 2006 wassal għal konsultazzjonijiet skont
l-Artikolu 96 tal-Ftehim rivedut ta' Cotonou. F'April 2007, dawn wasslu
għal impenji miftiehma dwar id-drittijiet tal-bniedem, il-prinċipji
demokratiċi u l-istat tad-dritt. Fl-1 ta' Ottubru 2007
il-Kunsill, fid-Deċiżjoni 2007/641/KE tiegħu, iddeċieda fuq
miżuri xierqa fir-rigward tal-Fiġi biex jiġi stabbilit grad ta'
parallelliżmu bejn ir-rispett tal-Fiġi għall-impenji miftiehma u
l-kooperazzjoni għall-iżvilupp. 2. Fl-10 ta' April 2009,
il-President tal-Fiġi abroga l-Kostituzzjoni, neħħa
l-imħallfin kollha u ddikjara li kienu se jsiru elezzjonijiet mhux aktar
tard minn Settembru 2014. B'dan l-aġir, il-Fiġi unilateralment kisret
l-impenji ewlenin li kienet tat lill-UE f'April 2007. Dan seħħ jum
wara li l-Qorti tal-Appell kienet iddeċidiet li l-ħatra ta' gvern
immexxi mill-forzi militari, wara l-kolp ta' stat fl-2006 kienet illegali.
Il-Fiġi kienet tinsab ukoll fi stat ta' emerġenza u l-libertà
tal-espressjoni naqqset b'mod sostanzjali. 3. Bħala segwitu għal
dawn l-iżviluppi negattivi, fl-24 ta' Settembru 2009,
fid-Deċiżjoni 2009/735/KE tiegħu, il-Kunsill iddeċieda li
jestendi sal-31 ta' Marzu 2010 il-validità tal-miżuri xierqa
fir-rigward tal-Fiġi stabbiliti fid-Deċiżjoni 2007/641/KE, li
kienu se jiskadu fl-1 ta' Ottubru 2009. Minħabba dewmien
addizzjonali fl-implimentazzjoni tal-impenji miftiehma mal-UE, il-Kunsill
iddeċieda, fid-29 ta' Marzu 2010 fid-Deċiżjoni
tiegħu 2010/208/UE, li jestendi sal-1 ta' Ottubru 2010,
il-validità tal-miżuri xierqa għall-Fiġi stabbiliti
fid-Deċiżjoni 2007/641/KE u mbagħad mill-ġdid
fis-27 ta' Settembru 2010 fid-Deċiżjoni tiegħu 2010/589/UE
sal-31 ta' Marzu 2011, fil-31 ta’ Marzu 2011
fid-Deċiżjoni tiegħu 2011/219/UE
sat-30 ta' Settembru 2011 u
fis-26 ta’ Settembru 2011 fid-Deċiżjoni tiegħu
2011/637/UE sat-30 ta' Settembru 2012. 4. Wara
xi żviluppi pożittivi kmieni fl-2012, jiġifieri
t-tneħħija tar-Regolamenti ta’ Emerġenza Pubblika fis-7 ta’
Jannar 2012 u t-tnedija fid-9 ta’ Marzu 2012 ta’ proċess politiku
bil-għan li jkun hemm Kostituzzjoni ġdida sa Marzu 2013 u t-twaqqif
mill-ġdid ta' demokrazija kostituzzjonali wara elezzjonijiet parlamentari
ġodda sa Settembru 2014, il-Kunsill iddeċieda, fl-24 ta’ Settembru 2012
fid-Deċiżjoni tiegħu Nru 2012/523/UE biex jerġa jieħu
mpenn prospettiv fit-tfassil ta’ assistenza futura għall-iżvilupp
filwaqt li jestendi l-validità tal-miżuri xierqa sat-30 ta’ Settembru
2013. 5. Is-sors ewlieni ta’
finanzjament għal Fiġi huma l-Miżuri ta' Akkumpanjament
fir-rigward tal-eks Pajjiżi tal-Protokoll taz-Zokkor (AMSP). L-assistenza
tingħata minn korpi mhux governattivi (organizzazzjonijiet reġjonali
u NGOs) biex ittaffi l-impatti ekonomiċi u soċjali tar-ristrutturar
tas-settur taz-zokkor billi tgħin agrikoltura diversifikata mmexxija
mis-suq, tippromwovi mezzi ta’ għixien alternattivi u attivitajiet li
jiġġeneraw id-dħul għal popolazzjonijiet l-agħar
milquta u ttaffi r-riskji ta' diżastri naturali. Mill-allokazzjoni totali
ta’ EUR 60 miljun taħt l-MIP 2008-10 tal-għaxar FEŻ, EUR 8
miljun biss ġew allokati għall-Programm ta’ Mitigazzjoni Soċjali
(PAA 2010). Intilfu EUR 52 miljun minħabba n-nuqqas ta’ progress
fir-ritorn tat-tmexxija demokratika fil-Fiġi. Allokazzjoni oħra ta'
EUR 49 million ġiet approvata taħt l-għaxar FEŻ
għall-MIP 2011-13, EUR 17 miljun kienu allokati fl-2011 u l- 2012
għal programmi ta' Servizzi Ewlenin għall-Agrikultura u Mezzi ta'
Għixien Alternattivi u EUR 31 miljun għandhom jiġu allokati
qabel għeluq l-2013 għall-Għajnuna lill-Industrija taz-Zokkor. 6. Ġiet imwaqqfa
Kummissjoni għall-Kostituzzjoni f’Ġunju 2012. Wara konsultazzjonijiet
pubbliċi estensivi, il-Kummissjoni ffinalizzat abbozz tal-Kostituzzjoni
f’Diċembru 2012. Il-pulizija mbagħad ikkonfiskat l-abbozz tal-Kostituzzjoni
u l-Prim Ministru nkariga t-tim legali tal-gvern bit-tfassil ta’ Kostituzzjoni
ġdida biex tiġi riveduta u ffinalizzata minn Assemblea Kostitwenti
sal-aħħar ta' Marzu 2013. F’nofs Jannar 2013 ġie ppubblikat
digriet kontroversjali ġdid fuq ir-reġistrazzjoni mill-ġdid
tal-partiti politiċi li jintroduċi għadd ta’ restrizzjonijiet li
ħafna minnhom mhumiex konformi mad-dritt internazzjonali konswetudinarju.
Id-digriet ġiet emendat f’nofs Frar biex jintroduċi aktar restrizzjonijiet.
Fil-21 ta’ Marzu f’indirizz lin-nazzjon, il-Prim Ministru ppreżenta
l-abbozz il-ġdid tal-Kostituzzjoni lill-poplu, u nforma l-pajjiż illi
l-Assemblea Kostitwenti ma kinitx ser issir, minħabba n-nuqqas ta'
reġistrazzjoni ta' partiti politiċi taħt id-digriet
il-ġdid. Minflok, il-poplu ġie mistieden iwassal direttament, b'mezzi
differenti, l-kummenti tiegħu dwar l-abbozz tal-Kostituzzjoni.
Bħalissa l-gvern qiegħed jiffinalizza l-abbozz wara li rċieva xi
1100 il-kumment. Għadu mhux ċar sa liema punt il-kummenti
tal-pubbliku ser jiġu kkunsidrati fil-Kostituzzjoni l-ġdida. 7. Il-Fiġi qed tnedhi
proċess storiku ta’ demokratizzazzjoni ġdida. Il-passi li ġejjin
għandhom iwasslu għal proċess elettorali trasparenti, kredibbli
u parteċipattiv u għal elezzjonijiet demokratiċi. Il-ġrajjiet
importanti lejn il-kisba ta’ dawn il-bidliet bdew jiċċaqalqu, u
għalhekk il-Kummissjoni qed tipproponi lill-Kunsill biex jestendi
l-politika attwali u l-miżuri xierqa b'18-il xahar bil-possibbiltà li fi
kwalunkwe stadju jirrevedi l-miżuri xierqa permezz ta’ Deċiżjoni
ġdida tal-Kunsill. 8. Bil-għan li tħeġġeġ lill-Fiġi biex
tkompli fi triqitha lejn ir-restawr tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u
r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, u
bl-għan aħħari li s-sitwazzjoni mal-Fiġi terġa lura
għan-normal, l-UE għandha żżid l-impenn politiku
mal-Fiġi, u terġa’ tibda d-djalogu politiku bil-għan li
tirrevedi u taġġorna l-impenji miftiehma mar-Repubblika
tal-Gżejjer tal-Fiġi fl-2007 sabiex tħassar punti skaduti u
tiżgura illi r-rekwiżiti għal dan l-impenn huma konformi
mal-Kostituzzjoni l-ġdida. Parti importanti ta’ dan id-djalogu
għandha ssir matul il-perjodu kruċjali fil-proċess ta’
demokratizzazzjoni fil-Fiġi hekk kif il-pajjiż jersaq lejn
l-elezzjonijiet li għandhom isiru mhux aktar tard minn Settembru 2014. 9. Huwa propost li din
id-Deċiżjoni tiġi nnotifikata lill-Gvern proviżorju
tal-Fiġi, fuq il-bażi tal-abbozz tal-ittra hawn mehmuża
lill-President Nailatikau, u biex tgħarrfu ·
a) illi l-UE tħares’ il quddiem lejn il-passi
li jmiss li jwasslu għal proċess elettorali trasparenti,
parteċipattiv u kredibbli, għal elezzjonijiet liberi u ġusti, u
għar-ritorn tal-Fiġi lejn it-tmexxija demokratika; ·
b) b) illi l-progress li sar lejn ir-ritorn ta'
tmexxija kostituzzjonali ser jibqa jiggwida lill-UE fid-deċiżjonijiet
li ġejjin dwar il-kooperazzjoni għall-iżvilupp, u illi f'dan
l-ispirtu l-UE lesta li tkompli tagħti l-impenn tagħha bi
preparazzjoni tal-proċess ta' programmazzjoni tal-ħdax il-FEŻ
u tinnotifika meta jkun il-waqt allokazzjoni finanzjarja nazzjonali
indikattiva, filwaqt li l-iffinalizzar, l-iffirmar u l-implimentazzjoni
tad-dokumenti ta' programmazzjoni tal-ħdax il-FEŻ huma
maħsuba għall-gvern elett b'mod demokratiku u ·
ċ) illi l-UE tipproponi li ttejjeb id-djalogu
politiku, bil-ħsieb li terġa tirrevedi l-impenji miftiehma ta’ 2007 u
tadatta l-miżuri xierqa, bl-għan aħħari li jiġu
normalizzati r-relazzjonijiet mal-Fiġi. 10. Il-bidliet fil-miżuri
xierqa se jkunu konsegwenza tar-reviżjoni u l-aġġornament
tal-impenji mitiehma tal-2007 permezz tad-djalogu politiku u se jirriflettu
l-kuntest legali u politiku preżenti tal-Fiġi. Id-diskussjonijiet ta’
programmazzjoni għall-ħdax il- FEŻ jistgħu ikomplu
b’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-2012 u n-notifika
tal-allokazzjoni finanzjarja indikattiva tal-Fiġi ladarba jippermettu
d-deċiżjonijiet neċessarji dwar t-twaqqif tal-FEŻ li jmiss. Konklużjoni Fid-dawl ta’ dan kollu, il-Kunsill hu mitlub
li jadotta l-abbozz tal-proposta mehmuża għal Deċiżjoni
tal-Kunsill li temenda u testendi l-perjodu ta’ applikazzjoni tal-miżuri
xierqa għar-Repubblika tal-Gżejjer Fiġi. 2013/0289 (NLE) Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL Li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill
2007/641/KE, dwar ir-Repubblika tal-Gżejjer tal-Fiġi u testendi
l-perjodu ta’ applikazzjoni tagħha IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat dwar
il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, Wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Sħubija
bejn il-Membri tal-Grupp ta’ Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku,
min-naħa l-waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha,
min-naħa l-oħra, iffirmat f’Cotonou
fit-23 ta’ Ġunju 2000[1],kif
rivedut f’Ouagadougou, il-Burkina Faso
fit-22 ta’ Ġunju 2010[2]
(minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim ta’ Cotonou”), u b’mod
partikulari l-Artikolu 96 tiegħu, Wara li kkunsidra l-Ftehim Intern bejn
ir-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri, li jiltaqgħu fi
ħdan il-Kunsill, dwar miżuri li għandhom jittieħdu u
proċeduri li għandhom ikunu segwiti għall-implimentazzjoni
tal-Ftehim ta' Cotonou[3],
u b'mod partikolari l-Artikolu 3 tiegħu, Wara li kkunsidra r-Regolament (KE)
Nru 1905/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru
2006 li jistabilixxi strument ta’ finanzjament tal-kooperazzjoni
għall-iżvilupp (l-Istrument ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp)[4], u b’mod partikulari
l-Artikolu 37 tiegħu, Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni
Ewropea, Billi: (1) Id-Deċiżjoni
tal-Kunsill 2007/641/KE[5]kienet
adottata biex jittieħdu miżuri xierqa wara l-ksur tal-elementi
essenzjali msemmija fl-Artikolu 9 tal-Ftehim ta’ Cotonou, u l-valuri
msemmija fl-Artikolu 3 tal-Istrument ta’ Kooperazzjoni
għall-Iżvilupp. (2) Dawk il-miżuri ġew
estiżi bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/735/KE[6],u sussegwentement
bid-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2010/208/UE[7], 2010/589/EU[8], 2011/219/EU[9], 2011/637/EU[10], u 2012/523/EU[11], peress li, mhux talli
r-Repubblika tal-Fiġi għadha trid timplimenta impenji importanti li
hi għamlet f’konsultazzjonijiet li saru f’April 2007 dwar elementi
essenzjali tal-Ftehim ta’ Cotonou, iżda kien hemm ukoll żviluppi rigressivi
importanti li jikkonċernaw għadd minn dawn l-impenji. (3) Kien hemm żviluppi
konsiderevoli minn April 2007 u l-impenji miftiehma mar-Repubblika
tal-Gżejjer Fiġi se jkollhom bżonn jiġu riveduti skont dan.
Id-djalogu politiku se jkun il-kuntest għar-reviżjoni tal-impenji
fid-dawl tal-qagħda legali attwali. Għalhekk għandu jkompli
l-impenn prospettiv mill-ġdid lejn il-programmazzjoni ta’ assistenza
futura għall-iżvilupp. (4) Id-Deċiżjoni Nru
2007/641/KE tiskadi fit-30 ta’ Settembru 2013. Huwa xieraq illi l-kontenut
tagħha jkun aġġornat u l-validità tagħha tkun estiża
skont dan. (5) L-Unjoni Ewropea se timpenja
ruħha fi Djalogu Politiku sabiex tirrevedi u taġġorna l-Impenji
Miftiehma tal-2007 u tadatta l-miżuri xierqa skont dan. ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI: Artikolu 1 Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/641/KE
hija emendata kif ġej: Fl-Artikolu 3, it-tieni subparagrafu huwa
sostitwit b’dan li ġej: “Għandha tiskadi fil-31 ta’ Marzu 2015.”
Għandha tiġi riveduta regolarment tal-anqas darba kull sitt xhur”; Artikolu 2 L-ittra fl-Anness għal din
id-Deċiżjoni għandha tiġi indirizzata lir-Repubblika
tal-Fiġi. Artikolu 3 Din
id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ dakinhar
tal-adozzjoni tagħha. Magħmul fi Brussell, F’isem
il-Kunsill Il-President ANNESS Abbozz ta’ ittra
L-Eċċellenza Tiegħu Ratu Epeli
NAILATIKAU President tar-Repubblika
tal-Fiġi Suva Ir-Repubblika
tal-Fiġi
Eċċellenza, L-Unjoni Ewropea(UE)
tagħti importanza kbira lid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9
tal-Ftehim ta’ Cotonou u l-Artikolu 3 tal-Istrument ta’ Kooperazzjoni
għall-Iżvilupp. Is-sħubija AKP-UE hija bbażata fuq
ir-rispett tad-drittijiet umani, il-prinċipji demokratiċi u l-istat
tad-dritt, li flimkien jiffurmaw l-elementi essenzjali tal-Ftehim ta’ Cotonou,
u huma l-bażi tar-relazzjonijiet ta’ bejnietna. Għaddew sitt snin
minn meta l-UE ħadet deċiżjoni dwar il-miżuri xierqa wara
l-kolp ta’ stat militari, tal-2006, u minn meta sett ta’ impenji ġew
miftehma mal-Fiġi. L-UE tinnota li mill-2007
diversi impenji miftiehma ma għadhomx jgħoddu u ftit minnhom
jeħtieġu reviżjoni fid-dawl ta’ qafas legali l-ġdid
tal-Fiġi. Sabiex ikollna bażi xierqa għall-valutazzjoni
tal-progress tar-riforma tal-Fiġi, jeħtieġ li nirrevedu dawn
l-impenji flimkien, b’kunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni attwali u l-qafas legali.
Għaldaqstant, l-UE
ddeċidiet li tinkludi fid-deċiżjoni ġdida tagħha dwar
miżuri xierqa ir-rekwiżit li l-UE jkollha djalogu politiku
msaħħaħ mal-Fiġi skont l-Artikolu 8 tal-Ftehim ta’ Cotonou.
Dan bl-għan li jiġi reveduti flimkien l-impenji miftiehma tal-2007 u
jiġu adattati l-miżuri xierqa (mehmuża ma’ din l-ittra) kif
xieraq bħala passi meħtieġa biex jiġi żgurat
ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, ir-restawr mill-ġdid
tad-demokrazija u r-rispett għall-istat tad-dritt sakemm
iż-żewġ partijiet jikkonkludu li n-natura msaħħa
tad-djalogu serviet l-għan taghħa. Peress li għad hemm
xi restrizzjonijiet fuq ċerti drittijiet tal-bniedem u libertajiet
fundamentali fil-Fiġi u fid-dawl tar-reviżjoni neċessarja
tal-impenji miftiehma, l-UE ddeċidiet li testendi l-miżuri xierqa
b'18-il xahar, sal-31 ta’ Marzu 2015. Dan se jipprovdi l-flessibbiltà
meħtieġa u se jagħti kemm lill-UE u lil Fiġi
ż-żmien li jeħtiġilhom biex jaqblu dwar l-impenji, biex
jadattaw il-miżuri xierqa skont dan, u għall-gvern biex iżomm
l-elezzjonijiet ippjanati għal Settembru 2014. L-UE se timmonitorja
l-progress magħmul lejn ir-ritorn għat-tmexxija kostituzzjonali u dan
se jibqa jiggwida d-deċiżjonijiet futuri tagħna dwar
il-kooperazzjoni għall-iżvilupp. F’dan l-ispirtu l-UE tikkonferma
r-rieda tagħha biex tidħol għal preparamenti tal-proċess
tal-programmazzjoni tal-ħdax-il FEŻ, u li tinnotifika
fiż-żmien dovut l-allokazzjoni indikattiva ta’ finanzjament
nazzjonali f’dan il-proċess. L-iffinalizzar, l-iffirmar u
l-implimentazzjoni tad-dokumenti ta’ programmazzjoni tal-ħdax-il FEŻ
huma maħsuba għall-Gvern futur elett demokratikament. Ladarba l-Fiġi tkun
organizzat elezzjonijiet ħielsa u ġusti u ssodisfat l-impenji
mifthiema u riveduti tagħha, ser issir missjoni ta’ reviżjoni
taħt l-Artikolu 96, b’konformità mal-Ftehim ta’ Cotonou. Ibbażati fuq
ftehim dwar ir-rakkomandazzjonijiet ta’ din il-valutazzjoni, il-miżuri
xierqa tal-Artikolu 96 jistgħu mbagħad jiġu konklużi
għal Fiġi. Sabiex iġġib
il-quddiem il-kooperazzjoni skont il-Ftehim ta’ Cotonou u l-Istrument ta’
Kooperazzjoni għall-Iżvilupp, l-UE tistieden lill-Gvern
Proviżorju sabiex jinvolvi ruħu fid-djalogu politiku msaħħaħ
mal-UE, mill-iktar fis possibbli. L-UE tilqa’ wkoll l-impenn
mal-Grupp ta' Kuntatt tal-Forum Ministerjali tal-Gżejjer tal-Paċifiku
imwaqqaf biex jimmonitorja l-progress tal-preparazzjonijiet tal-Fiġi
għall-elezzjonijiet u d-demokrazija u tistenna b’ħerqa l-passi li
ġejjin għal proċess elettorali trasparenti, parteċipattiv u
kredibbli, li jwassal għal elezzjonijiet ħielsa u ġusti u ritorn
tal-Fiġi għal tmexxija demokratika.
Dejjem tiegħek, Magħmul fi Brussell, F’isem il-Kunsill || Għall-Kummissjoni C. ASHTON || A.PIEBALGS President || Kummissarju Anness 1
għall-Anness Il-miżuri xierqa,
li se jiġu adattati wara r-reviżjoni tal-impenji miftiehma taħt
d-djalogu politiku msaħħaħ, huma kif ġej: ·
l-għajnuna umanitarja u s-sostenn dirett
lis-soċjetà ċivili u l-popolazzjonijiet vulnerabbli jistgħu
jitkomplew; ·
l-attivitajiet ta’ kooperazzjoni
fis-seħħ, b’mod partikolari skont it-tmien u d-disa'
FEŻ, tħallew jibqgħu għaddejjin; ·
l-attivitajiet ta' kooperazzjoni li jistgħu
jgħinu biex tirritorna d-demokrazija u biex tittejjeb it-tmexxija
jistgħu jitkomplew, għajr taħt ċirkustastanzi verament
eċċezzjonali; ·
l-implimentazzjoni tal-miżuri ta'
akkumpanjament fir-rigward tar-riforma taz-zokkor tal-2006, tista'
tipproċedi. Il-Ftehim ta’ Finanzjament ġie ffirmat fil-livell tekniku
mill-Fiġi fid-19 ta’ Ġunju 2007. Ta' min jinnota li l-Ftehim ta'
Finanzjament jinkludi klawżola ta' sospensjoni; ·
l-allokazzjoni taz-zokkor għall-2007 hija
żero; ·
id-disponibilità tal-allokazzjoni taz-zokkor
għall-2008 kienet soġġetta għal prova ta’ tħejjija
kredibbli u opportuna ta’ elezzjonijiet skont l-impenji miftiehma, b'mod
partikulari dwar iċ-ċensiment, it-tfassil mill-ġdid tal-konfini
u r-riforma elettorali skont il-Kostituzzjoni, u miżuri li ttieħdu
biex jiżguraw il-funzjonament tal-Uffiċċju Elettorali, li
jinkludi l-ħatra ta’ Kontrollur tal-Elezzjonijiet
sat-30 ta’ Settembru 2007 skont il-Kostituzzjoni. Din
l-allokazzjoni taz-zokkor għall-2008 ntilfet fil-31 ta’ Diċembru
2009; ·
l-allokazzjoni taz-zokkor għall-2009 ġiet
imħassra f'Mejju 2009 għaliex il-Gvern Proviżorju ddeċieda
li jittardja l-elezzjonijiet ġenerali sa Settembru 2014; ·
l-allokazzjoni għall-2010 ġiet
imħassra qabel l-1 ta' Mejju 2010 peress li ma sar l-ebda progress
fit-tkomplija tal-proċess demokratiku; madankollu, minħabba
s-sitwazzjoni kritika tas-settur taz-zokkor, parti mill-allokazzjoni twarrbet
għal għajnuna diretta lill-popolazzjoni direttament dipendenti fuq
il-produzzjoni taz-zokkor sabiex tnaqqas il-konsegwenzi soċjali
ħżiena. Dawn il-fondi huma ġestiti b’mod ċentrali mid-Delegazzjoni
tal-UE f'Suva u ma jiġux mogħtija lill-Gvern; ·
il-preparazzjoni tal-programmazzjoni għal
ħdax il- FEŻ tista tiġi mnedija, għalhekk
il-Fiġi tista tistenna li tiġi notifikata b'allokazzjoni indikattiva
meta jiġi l-waqt. ·
appoġġ speċifiku
għat-tħejjija u l-implimentazzjoni ta' impenji ewlenin, b'mod
partikulari b'appoġġ għat-tħejjija u/jew it-twettiq ta'
elezzjonijiet, għandhom jiġu kkunsidrati; ·
il-kooperazzjoni reġjonali, u
l-parteċipazzjoni tal-Fiġi fiha, mhix affettwata, ·
il-monitoraġġ tal-impenji ser isir
b'konformità mat-termini fl-Anness għal din l-ittra li jikkonċerna
d-djalogu regolari, u l-kooperazzoni effettiva ma' valutazzjonijiet u
missjonijiet ta' monitoraġġ u rappurtaġġ. Anness 2 għall-Anness
IMPENJI MIFTIEHMA MAR-REPUBBLIKA TAL-GŻEJJER TAL-FIĠI
FL-2007
A. Rispett lejn
il-Prinċipji Demokratiċi Impenn Nru 1 Illi jsiru elezzjonijiet
parlamentari ħielsa u ġusti fi żmien 24 xahar mill-1 ta’ Marzu
2007, suġġetti għal sejbiet ta’ evalwazzjoni li għandha
ssir mill-awdituri indipendenti maħtura mis-Segretarjat tal-Forum
tal-Gżejjer tal-Paċifiku. Il-proċessi li jwasslu
għall-elezzjonijiet ser ikunu, b'mod konġunt, sorveljati, adattati u
riveduti kif xieraq fuq il-bażi ta' parametri maqbula b'mod
reċiproku. Dan jimplika b'mod partikulari illi: ·
sat-30 ta' Ġunju 2007 l-Gvern Proviżorju
se jkun addotta skeda li tistabbilixxi dati għat-tlestija ta' diversi
passi li jridu jittieħdu fir-rigward tat-tħejjija tal-elezzjonijiet
parlamentari l-ġodda, ·
l-iskeda tispeċifika ż-żmien ta’
ċensiment, it-tfassil mill-ġdid tal-konfini u r-riforma elettorali, ·
id-deċiżjoni dwar il-konfini u r-riforma
elettorali se tittieħed b'konformità mal-Kostituzzjoni, ·
ser jittieħdu miżuri sabiex jiġi
assigurat il-funzjonament tal-Uffiċċju Elettorali, inkluż
il-ħatra ta' Kontrollur tal-Elezzjonijiet sat-30 ta' Settembru 2007
b'konformità mal-Kostituzzjoni, ·
il-ħatra tal-Viċi-President ser issir
b'konformità mal-Kostituzzjoni. Impenn Nru 2 Illi l-Gvern
Proviżorju, meta jadotta inizjattivi serji ta’ politika
leġiżlattiva, fiskali u oħrajn, għandu jikkunsidra
konsultazzjonijiet mas-soċjetà ċivili u l-partijiet interessati
relevanti l-oħra. B. L-Istat tad-Dritt Impenn Nru 1 Illi l-Gvern
Proviżorju għandu jagħmel l-aħjar tiegħu sabiex ma
jħallix li jsiru dikjarazzjonijiet minn aġenziji ta' sigurtà
maħsuba biex jintimidaw. Impenn Nru 2 Illi l-Gvern
Proviżorju iħares il-Kostituzzjoni tal-1997 u jiggarantixxi
l-ħidma normali u indipendenti tal-istituzzjonijiet kostituzzjonali,
bħall-Kummissjoni tal-Fiġi għad-Drittijiet tal-Bniedem,
il-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku, u l-Kummissjoni
tal-Uffiċċji Kostituzzjonali. L-indipendenza u l-ħidma
sostanzjali tal-Kunsill il-Kbir tal-Kapijiet ser jiġu ppreservati. Impenn Nru 3 Illi l-indipendenza
tal-ġudikatura tkun rispettata bis-sħiħ, li titħalla
taħdem liberament u li d-deċiżjonijiet tagħha jkunu
rispettati mill-partijiet kollha kkonċernati, b’mod partikulari: ·
li l-Gvern Proviżorju jimpenja ruħu li
jaħtar it-tribunal skont is-Sezzjoni 138(3) tal-Kostituzzjoni sal-15 ta'
Lulju 2007, ·
li kwalunkwe ħatra u/jew tneħħija
ta’ imħallfin għandha għalhekk issir b'konformità stretta
mad-dispożizzjonijiet kostituzzjonali u r-regoli tal-proċedura, ·
li ma jkun hemm l-ebda każ ta’ ndħil, fi
kwalunkwe forma, mill-forzi miltari u l-pulizija jew mill-Gvern Proviżorju
fil-proċess ġudizzjarju, inkluż rispett sħiħ
għall-professjoni legali. Impenn Nru 4 Illi l-proċeduri
kriminali kollha marbuta mal-korruzzjoni jkunu indirizzati permezz tal-mezzi
ġudizzjarji xierqa u li kwalunkwe korpi oħrajn li jistgħu
jitwaqqfu sabiex jinvestigaw każijiet allegatament ta' korruzzjoni joperaw
fil-limiti kostituzzjonali. C. Drittijiet tal-Bniedem u
l-Libertajiet Fundamentali Impenn Nru 1 Il-Gvern Proviżorju
ser jieħu l-passi kollha meħtieġa sabiex l-allegazzjonijiet
kollha ta’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem jiġu nvestigati jew indirizzati
skont il-proċeduri u l-fora varji taħt il-liġijiet
tal-Gżejjer tal-Fiġi. Impenn Nru 2 Il-Gvern Proviżorju
beħsiebu jneħħi r-Regolamenti ta’ Emerġenza Pubblika
f'Mejju 2007, stante kwalunkwe theddida għas-sigurtà nazzjonali, l-ordni
pubbliku u s-sikurezza. Impenn Nru 3 Il-Gvern Proviżorju
hu impenjat li jiżgura li l-Kummissjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem
fil-Fiġi taħdem b’indipendenza sħiħa u skont
il-Kostituzzjoni. Impenn Nru 4 Illi l-libertà
tal-espressjoni u l-libertà tal-midja, fil-forom kollha tagħha, jkunu
rispettati b'mod sħiħ kif previst fil-Kostituzzjoni. D. Is-segwitu
tal-Impenji Impenn Nru 1 Illi l-Gvern
Proviżorju jimpenja ruħu li jżomm djalogu regolari biex tkun
tista' ssir verifika tal-progress li jkun sar u jagħti
lill-awtoritajiet/rappreżentanti tal-UE u l-Kummissjoni Ewropea
aċċess sħiħ għall-informazzjoni dwar il-kwistjonijiet
kollha relatati mad-drittijiet tal-bniedem, ir-restorazzjoni paċifika
tad-demokrazija u l-istat tad-dritt fil-Fiġi. Impenn Nru 2 Illi l-Gvern
Proviżorju jikkoopera bis-sħiħ ma’ kwalunkwe missjoni mill-UE
biex jiġi evalwat u sorveljat il-progress. Impenn Nru 3 Illi mit-30 ta' Ġunju
2007, il-Gvern Proviżorju jibda jibgħat kull tliet xhur rapporti dwar
il-progress li jkun sar fir-rigward tal-elementi essenzjali tal-Ftehim ta'
Cotonou u dwar l-impenji. Ta'
min jinnota li ċerti kwistjonijiet jistgħu jiġu indirizzati
b'mod effettiv biss permezz ta’ approċċ pragmatiku li jagħraf
ir-realtajiet tal-preżent u li jiffoka fuq il-futur. [1] ĠU L 317, 15.12.2000, p. 3. [2] ĠU L 287, 4.11.2010, p. 3. [3] ĠU L 317, 15.12.2000, p. 376. [4] ĠU L 378, 27.12.2006, p. 41. [5] ĠU L 260, 5.10.2007, p. 15. [6] ĠU L 262, 6.10.2009, p. 43. [7] ĠU L 89, 9.4.2010, p. 7. [8] ĠU L 260, 2.10.2010, p. 10. [9] ĠU L 93, 7.4.2011, p. 2. [10] ĠU L 252, 28.9.2011, p. 1. [11] ĠU L 263, 28.9.2012, p. 2.