Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013PC0552

    Proposta għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL li jiftaħ u jipprevedi l-amministrazzjoni ta' kwoti tariffarji awtonomi tal-Komunità għal importazzjoni ta’ ċerti prodotti tas-sajd fil-Gżejjer Kanarji mill-2014 sal-2020

    /* COM/2013/0552 final - 2013/0266 (CNS) */

    52013PC0552

    Proposta għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL li jiftaħ u jipprevedi l-amministrazzjoni ta' kwoti tariffarji awtonomi tal-Komunità għal importazzjoni ta’ ċerti prodotti tas-sajd fil-Gżejjer Kanarji mill-2014 sal-2020 /* COM/2013/0552 final - 2013/0266 (CNS) */


    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    Kuntest tal-proposta

    Raġunijiet u għanijiet tal-Proposta

    L-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 645/2008 tat-8 ta’ Lulju 2008 li jiftaħ u jipprevedi l-amministrazzjoni ta’ kwoti tariffarji awtonomi tal-Komunità fuq l-importazzjoni ta’ ċerti prodotti tas-sajd fil-Gżejjer Kanarji. Il-Gvern tar-Renju ta’ Spanja għamel talba għall-estensjoni tal-miżuri skont ir-Regolament imsemmi.

    Is-sitwazzjoni ġeografika eċċezzjonali tal-Gżejjer Kanarji rigward is-sorsi tal-provvista ta' ċerti prodotti tal-ħut li huma essenzjali għall-konsum domestiku tinvolvi spejjeż li huma ta' piż kbir għal dan is-settur. L-effetti negattivi ta’ dan it-tfixkil naturali jista’ jkun indirizzat billi jiġu sospiżi temporanjament id-dazji doganali fuq l-importazzjoni tal-prodotti konċernati minn pajjiżi terzi. It-tnaqqisiet proposti fid-dazji tal-importazzjoni, flimkien ma’ miżuri oħra speċifiċi għar-reġjuni ultraperiferiċi, se jgħinu lill-Gżejjer Kanarji jegħlbu d-diffikultajiet strutturali li jiffaċċjaw.

    Kuntest ġenerali

    Il-Gżejjer Kanarji jinsabu fir-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni Ewropea, li għalihom jistgħu jiġu previsti miżuri speċjali skont l-Artikolu 349 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, sabiex jingħelbu l-iżvantaġġi ekonomiċi li jbatu minnhom dawn ir-reġjuni minħabba s-sitwazzjoni ġeografika tagħhom.

    Mill-1991, l-Unjoni Ewropea ssospendiet parzjalment jew totalment id-dazji tat-Tariffa Doganali Komuni fuq l-importazzjoni ta’ ċerti prodotti tas-sajd fil-Gżejjer Kanarji. Ir-Regolamenti li ġejjin kienu adottati fil-passat biex jissospendu d-dazji fuq l-importazzjonijiet ta’ prodotti tal-ħut fil-Gżejjer Kanarji:

    a) ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1911/91 tas-26 ta’ Ġunju 1991 dwar l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-Komunità għall-Gżejjer Kanarji.

    b) Council Regulation (EEC) 3621/92 of 14 December 1992 temporarily suspending the autonomous Common Customs Tariff duties on imports of certain fishery products into the Canary Islands (mhux tradott);

    c) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 704/2002 tal-25 ta' Marzu 2002 li temporanjament jissospendi d-dazji awtonomi tat-Tariffa Doganali Komuni fuq l-importazzjoni ta' ċerti prodotti industrijali u jiftaħ u jipprovdi għall-amministrazzjoni tal-kwoti awtonomi tat-tariffi tal-Komunità fuq l-importazzjoni ta' ċerti prodotti tal-ħut fil-Gżejjer Kanarji, u

    d) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 645/2008 tat-8 ta’ Lulju 2008 li jiftaħ u jipprevedi l-amministrazzjoni ta’ kwoti tariffarji awtonomi tal-Komunità fuq l-importazzjoni ta’ ċerti prodotti tas-sajd fil-Gżejjer Kanarji.

    Dispożizzjonijiet eżistenti dwar tnaqqisiet tat-tariffa awtonomi

    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 645/2008 tat-8 ta’ Lulju 2008 li jiftaħ u jipprevedi l-amministrazzjoni ta’ kwoti tariffarji awtonomi tal-Komunità fuq l-importazzjoni ta’ ċerti prodotti tas-sajd fil-Gżejjer Kanarji jiskadi fil-31 ta' Diċembru 2013.

    Tnaqqisiet tat-tariffa simili (sospensjonijiet) japplikaw fuq importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti industrijali fil-Gżejjer Kanarji. Dawn jiġu implimentati bir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1386/2011 tad-19 ta’ Diċembru 2011 li temporanjament jissospendi d-dazji awtonomi tat-Tariffa Doganali Komuni fuq importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti industrijali.

    Ir-Regolament (UE) Nru 228/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat- 13 ta’ Marzu 2013, li jistabbilixxi miżuri speċifiċi għall-agrikoltura fir-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 247/2006 tat-30 ta’ Jannar 2006, jiġifieri l-hekk imsejjaħ Regolament “POSEI”, jinkludi arranġamenti speċifiċi ta’ provvista mmirati biex itaffu l-ispejjeż addizzjonali għall-provvista ta’ prodotti essenzjali għall-konsum mill-bniedem, għall-proċessar u bħala inputs agrikoli. Bħala parti minn dawn l-arranġamenti ta' provvista għall-importazzjonijiet, ċerti prodotti agrikoli minn pajjiżi terzi huma eżentati mid-dazji. Dan ir-Regolament japplika għar-reġjuni kollha msemmija fl-Artikolu 349 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, inklużi l-Gżejjer Kanarji.

    Konsistenza mal-politiki u mal-għanijiet l-oħra tal-Unjoni.

    Il-kwoti tariffarji mingħajr dazju proposti għandhom jitqiesu, f'termini ta' appoġġ għall-industrija tas-sajd tal-Gżejjer Kanarji, bħala komplementari għal miżuri oħra, b’mod partikolari l-iskema ta’ kumpens għall-ispejjeż addizzjonali mġarrba fil-kummerċjalizzazzjoni ta’ ċerti prodotti tas-sajd mir-reġjuni l-aktar imbiegħda (ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 791/2007 tal-21 ta’ Mejju 2007).

    Din il-proposta hija wkoll konformi mal-politika tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Politika Komuni tas-Sajd.

    Konsultazzjoni mal-partijiet interessati u valutazzjoni tal-impatt

    Konsultazzjoni mal-partijiet interessati

    L-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) 645/2008 speċifika li l-awtoritajiet Spanjoli kellhom jippreżentaw żewġ rapporti ta’ implimentazzjoni (f’Mejju 2010 u f’Mejju 2012) u esiġa li l-Kummissjoni teżamina l-impatt tal-miżuri wara l-wasla ta’ dawn ir-rapporti.

    L-awtoritajiet Spanjoli ssodisfaw l-obbligi ta’ rappurtar imsemmija hawn fuq, u ppreżenta żewġ rapporti: wieħed f’Lulju 2010 u ieħor f’Ġunju 2012. Il-Kummissjoni talbet għal informazzjoni addizzjonali meħtieġa biex twettaq l-eżami tal-impatti tal-miżuri, kif meħtieġ mir-Regolament. L-informazzjoni mitluba ġiet ipprovduta mill-awtoritajiet Spanjoli, u dan jippermetti lill-Kummissjoni tikkompleta l-eżami tal-miżuri.

    Ġbir u użu ta' għarfien espert

    Fil-valutazzjoni ntuża wkoll ir-rapport ta’ evalwazzjoni[1] dwar ir-reġim ta’ kumpens implimentat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 791/2007. Dan ir-rapport ta’ evalwazzjoni jipprovdi informazzjoni rilevanti dwar il-Gżejjer Kanarji fuq oqsma li huma ta’ rilevanza meta jiġu eżaminati l-impatti tal-kwoti tariffarji (eż. il-popolazzjoni, l-istruttura tas-settur tas-sajd, il-produzzjoni, l-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni tal-ħut). Dan ir-rapport indirizza wkoll l-interazzjonijiet possibbli bejn il-kwoti tariffarji għal prodotti tal-ħut u r-reġim ta’ kumpens kif applikat fil-Gżejjer Kanarji bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 791/2007.

    Intuża wkoll ir-rapport ta’ evalwazzjoni tal-2009[2] tal-programmi POSEI u miżuri speċifiċi favur il-gżejjer minuri tal-Eġew. Dan ir-rapport, minbarra li jirrappreżenta informazzjoni fattwali dwar l-ekonomija tal-Gżejjer Kanarji, ipprovda analiżi tal-interazzjoni bejn miżuri li jippermettu importazzjonijiet mingħajr dazju ta’ ċerti prodotti agrikoli u l-appoġġ finanzjarju tal-UE lill-agrikoltura lokali.

    Valutazzjoni tal-impatt

    Minħabba l-ambitu ristrett ħafna tal-miżuri u l-fatt illi l-proposta preżenti tikkonċerna t-tkomplija tal-miżuri li ġew applikati fl-imgħoddi ma hemmx valur miżjud jekk titwettaq valutazzjoni tal-impatt.

    L-eżami tar-rapporti mill-awtoritajiet Spanjoli pprovdew il-bażi meħtieġa għall-preparazzjoni tal-proposta tal-Kummissjoni.

    Elementi ġuridiċi tal-proposta

    Sommarju tal-azzjoni proposta

    L-estensjoni tal-kwoti tariffarji awtonomi eżistenti għal perjodu ieħor ta' 7 snin, jiġifieri mill-2014 sal-2020. Dan il-perjodu ta’ 7 snin jissinkronizza l-miżuri ma’ azzjonijiet oħrajn tal-Unjoni favur il-Gżejjer Kanarji, b’mod partikolari dawk proposti fil-kuntest ta’ proposta tal-Kummissjoni għal Fond Ewropew Marittimu u tas-Sajd[3].

    Bażi legali

    L-Artikolu 349 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

    Prinċipju ta' sussidjarjetà

    Il-proposta taqa’ fil-kompetenza esklussiva tal-Unjoni. Għalhekk, il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma japplikax.

    Prinċipju ta' proporzjonalità

    Il-proposta hija konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità għar-raġunijiet li ġejjin:

    Il-kwoti tariffarji proposti għandhom ikopru l-ħtiġijiet tas-suq domestiku tal-Gżejjer Kanarji filwaqt li jiżguraw li l-flussi tal-prodotti importati b'dazju mnaqqas fl-Unjoni jibqgħu prevedibbli u jkunu jistgħu jiġu identifikati b'mod ċar.

    Is-sospensjoni tad-dazji tapplika biss għal ċerti prodotti tas-sajd, għal volum limitat u għal perjodu taż-żmien limitat. L-effetti tal-miżuri huwa wkoll ċirkoskritti għaliex il-prodotti huma maħsuba biss għas-suq tal-Gżejjer Kanarji.

    Il-piż amministrattiv kemm għall-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali tal-Istati Membri, kif ukoll għas-servizzi tal-Kummissjoni huwa minimu, partikolarment fir-rigward tar-rapporti li għandhom jitressqu dwar l-implimentazzjoni tal-miżuri.

    Għażla tal-istrumenti

    Strumenti proposti: Regolament.

    It-Trattat ma jippermettix mezzi oħrajn għall-implimentazzjoni ta' tali miżuri.

    Implikazzjoni baġitarja

    Il-proposta għandha implikazzjonijiet għall-baġit tal-Unjoni minħabba li s-sospensjonijiet tad-dazju se jwasslu għal nuqqas fid-dħul f'riżorsi proprji tal-Unjoni.

    Informazzjoni addizzjonali

    Il-proposta tinkludi klawżola ta' reviżjoni.

    Il-proposta tinkludi klawżola "sunset".

    2013/0266 (CNS)

    Proposta għal

    REGOLAMENT TAL-KUNSILL

    li jiftaħ u jipprevedi l-amministrazzjoni ta' kwoti tariffarji awtonomi tal-Komunità għal importazzjoni ta’ ċerti prodotti tas-sajd fil-Gżejjer Kanarji mill-2014 sal-2020

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Europea, u b’mod partikolari l-Artikolu 349 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Wara t-trażmissjoni tal-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-Parlamenti nazzjonali,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew[4],

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[5],

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni[6],

    Filwaqt li jaġixxi skont proċedura leġiżlattiva speċjali,

    Billi:

    (1)       Is-sitwazzjoni ġeografika eċċezzjonali tal-Gżejjer Kanarji rigward is-sorsi tal-provvista ta' ċerti prodotti tal-ħut li huma essenzjali għall-konsum domestiku tinvolvi spejjeż addizzjonali għal dan is-settur. Dan it-tfixkil naturali, kif rikonoxxut fl-Artikolu 349 tat-Trattat, li jirriżulta mill-insularità, mill-bogħod u mis-sitwazzjoni ġeografika ultraperifika jista' jiġi indirizzat, inter alia, billi jiġu sospiżi temporanjament id-dazji doganali fuq l-importazzjoni tal-prodotti konċernati minn pajjiżi terzi fi ħdan il-kwoti tariffarji tal-Unjoni ta' volum xieraq.

    (2)       Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 645/2008[7] fetaħ u jipprevedi l-amministrazzjoni ta’ kwoti tariffarji awtonomi tal-Komunità fuq l-importazzjoni ta’ ċerti prodotti tas-sajd fil-Gżejjer Kanarji għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2007 sal-31 ta’ Diċembru 2013.

    (3)       F’Settembru 2012 Spanja talbet l-estensjoni ta’ kwoti tariffarji tal-Unjoni fuq l-importazzjoni ta’ ċerti prodotti tal-ħut fil-Gżejjer Kanarji f’konformità mal-Artikolu 349 tat-Trattat.

    (4)       F’Lulju 2010 u f'Ġunju 2012 l-awtoritajiet Spanjoli ppreżentaw rapporti dwar l-implimentazzjoni tal-miżuri msemmija fl-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 645/2008. Il-Kummissjoni eżaminat l-impatt tal-miżuri fuq il-bażi tar-rapporti msemmija.

    (5)       Ir-rapporti mressqa mill-awtoritajiet Spanjoli kienu jinkludu informazzjoni dwar ir-rata ta’ utilizzazzjoni tal-kwoti tariffarji għall-perjodu 2007-2011. Din l-informazzjoni wriet li, bejn wieħed u ieħor, matul il-perjodu msemmi qabel, il-kwota tariffarja bin-numru tal-ordni 09.2997 kien kważi eżawrit u li l-kwota tariffarja bin-numru tal-ordni 09.2651 ma kinitx eżawrita.

    (6)       Billi l-kwota tariffarja bin-numru tal-ordni 09.2997 kienet kważi eżawrita u l-kwota tariffarja bin-numru tas-serje 09.2651 ma kinitx eżawrita, dan jista’ jkun marbut ma’ fatturi temporanji u esoġeni, u għalhekk huwa xieraq li l-kwantitajiet tal-kwoti jiġu ffissati fl-istess livell.

    (7)       It-tnaqqis f’daqqa fid-domanda lokali għall-prodotti koperti mill-kwota tariffarja 09.2651, minħabba kundizzjonijiet ekonomiċi diffiċli fil-Gżejjer Kanarji wara l-kriżijiet ekonomiċi u finanzjarji, jista' jispjega n-nuqqas ta’ utilizzazzjoni din il-kwota.

    (8)       Kwoti tariffarji simili għal dawk miftuħa bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 645/2008 għal ċerti prodotti tas-sajd huma meħtieġa għaliex ikunu jistgħu jkopru l-ħtiġijiet tas-suq domestiku tal-Gżejjer Kanarji, filwaqt li jiżguraw li l-flussi tal-prodotti importati b'dazju mnaqqas fl-Unjoni jibqgħu prevedibbli u jkunu jistgħu jiġu identifikati b'mod ċar.

    (9)       Għalhekk, bil-għan li l-operaturi ekonomiċi jingħataw perspettiva fit-tul biex jilħqu livell ta’ attivitajiet li jistabbilizza l-ambjent ekonomiku u soċjali fuq il-gżejjer, huwa xieraq li l-kwota tariffarja awtonoma tad-dazji tat-Tariffa Doganali Komuni għal ċerti prodotti kif dettaljat fl-Anness tar-Regolament (KE) Nru 645/2008 tiġi estiża għal perjodu addizzjonali.

    (10)     Sabiex jiġi evitat li tiġi mminata l-integrità u l-koerenza tas-suq intern, għandhom jittieħdu miżuri biex jiġi żgurat li l-prodotti tas-sajd li għalihom tingħata sospensjoni jkunu maħsuba biss għas-suq domestiku tal-Gżejjer Kanarji.

    (11)     Għandhom jittieħdu miżuri sabiex jiġi żgurat li l-Kummissjoni tinżamm infurmata regolarment bil-volum tal-importazzjonijiet konċernati sabiex, jekk ikun meħtieġ, tkun tista’ tieħu l-passi biex tevita ċaqliq spekulattiv jew żvijjar tan-negozju.

    (12)     Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, għandhom jingħataw setgħat ta' implimentazzjoni lill-Kummissjoni li jippermettulha li temporanjament tirtira s-sospensjoni f'każ ta' żvijar tan-negozju. Dawk is-setgħat għandhom ikunu eżerċitati f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni[8].

    (13)     Id-dispożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati għandhom jiżguraw kontinwità mal-miżuri stabbiliti mir-Regolament (KE) No 645/2008,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    1.           Mill-1 ta' Jannar 2014 sal-31 ta' Diċembru 2020 id-dazji tat-Tariffa Doganali Komuni applikabbli għall-importazzjonijiet fil-Gżejjer Kanarji tal-prodotti tas-sajd elenkati fl-Anness ta’ dan ir-Regolament għandhom ikunu sospiżi kompletament għall-kwantità indikata f’dak l-Anness.

    2.           Is-sospensjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tingħata esklussivament għall-prodotti maħsuba għas-suq domestiku tal-Gżejjer Kanarji. Għandha tapplika biss għall-prodotti tas-sajd imniżżla minn bastiment jew inġenju tal-ajru qabel ma titressaq id-dikjarazzjoni doganali għar-rilaxx għal ċirkolazzjoni libera lill-awtoritajiet doganali li jinsabu fil-Gżejjer Kanarji.

    Artikolu 2

    Il-kwoti tariffarji msemmija fl-Artikolu 1 għandhom ikunu ġestiti b'konformità mal-Artikoli 308a, 308b u 308c (1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 tat-2 ta' Lulju 1993 li jiffissaw id-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju [9].

    Artikolu 3

    Sat-30 ta’ Ġunju 2019, il-Kummissjoni għandha teżamina l-impatt tal-miżuri previsti fl-Artikolu 1 u, fuq il-bażi tas-sejbiet tagħha, għandha tibgħat kull proposta rilevanti għall-perjodu wara l-2020.

    Artikolu 4

    1.           Meta l-Kummissjoni jkollha raġunijiet biex temmen li s-sospensjonjiet elenkati f’dan ir-Regolament wasslu għal devjazzjoni tal-kummerċ ta’ prodott speċifiku tista’ tadotta atti implimentattivi, li temporanjament jirtiraw is-sospensjoni għal perjodu li mhux itwal minn 12-il xahar. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 5(2).

    Id-dazji tal-importazzjoni fuq prodotti li għalihom is-sospensjoni tkun ġiet irtirata provvisorjament għandhom ikunu żgurati minn garanzija, u r-rilaxx tal-prodotti kkonċernati għal ċirkolazzjoni libera fil-Komunità tal-Gżejjer Kanarji għandu jkun bil-kundizzjoni tal-provvediment tat-tali garanzija.

    2.           Fi żmien il-perjodu ta’ 12-il xahar imsemmi fil-paragrafu 1, il-Kunsill, fuq proposta tal-Kummissjoni u wara li kkonsulta l-Parlament Ewropew għandu jadotta deċiżjoni definittiva dwar jekk iżommx jew jirtirax is-sospensjoni. Jekk is-sospensjoni tiġi rtirata l-ammonti ta’ dazji koperti mill-garanziji għandhom jinġabru definittivament.

    3.           Jekk ma tiġi adottata l-ebda deċiżjoni definittiva fil-perjodu ta' 12-il xahar b'konformità mal-paragrafu 2, il-garanziji għandhom jiġu rilaxxati.

    Artikolu 5

    1.           Il-Kummissjoni għandha tiġi megħjuna mill-Kumitat tal-Kodiċi Doganali, imwaqqaf bl-Artikolu 247a(1) tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92[10]. Il-kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

    2.           Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

    Artikolu 6

    Il-Kummissjoni u l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri għandhom jikkooperaw mill-qrib biex jiżguraw il-ġestjoni u l-kontroll xierqa tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

    Artikolu 7

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2014 sal-31 ta' Diċembru 2020.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell,

                                                                           Għall-Kunsill

                                                                           Il-President

    ANNESS

    Nru tal-Ordni || Kodiċi NM || Deskrizzjoni || Ammont tal-kwota (tunnellati) || Dazju fuq il-kwota (%)

    09.2997 || 0303 || Ħut, friżat, ħlief qatgħat ta' ħut u laħam ieħor tal-ħut ta' titlu 0304 || 15 000 || 0

    0304 || Qatgħat ta' ħut u laħam ieħor tal-ħut (kapuljat jew mhuwiex), frisk, imkessaħ jew friżat

    09.2651 || 0306 || Krustaċji, kemm jekk fil-qoxra jew le, ħajjin, friski, imkessħin, friżati, imnixxfin, immellħin, jew fis-salmura; krustaċji affumikati, kemm jekk fil-qoxra jew le, kemm jekk imsajrin qabel jew matul il-proċess tal-affumikazzjoni; krustaċji, fil-qoxra, imsajrin bl-istim jew mgħollijin fl-ilma, kemm jekk imkessħin, iffriżati, imnixxfin, immelħin jew fis-salmura, jew le; dqiq, pasti (smid) u gerbub ta' krustaċji, tajbin għall-konsum uman || 15 000 || 0

    0307 || Molluski, kemm jekk fil-qoxra jew le, ħajjin, friski, imkessħin, friżati, imnixxfin, immellħin jew fis-salmura; molluski affumikati, kemm jekk fil-qoxra jew le, kemm jekk imsajrin qabel jew matul il-proċess ta' affumikazzjoni; dqiq, pasti (smid) u gerbub ta’ molluski, tajbin għall-konsum uman

    0308 || Invertebrati akwatiċi minbarra krustaċji u molluski, ħajjin, friski, imkessħin, friżati, imnixxfin, immellħin jew fis-salmura; invertebrati akwatiċi affumikati, minbarra krustaċji u molluski kemm jekk imsajrin qabel jew matul il-proċeess tal-affumikazzjoni; dqiq, pasti u gerbub ta’ invertebrati tal-baħar minbarra l-krustaċji, tajbin għall-konsum uman

    DIKJARAZZJONI FINANZJARJA LEĠIŻLATTIVA GĦAL PROPOSTI LI GĦANDHOM IMPATT BAĠITARJU ESKLUSSIVAMENT LIMITAT GĦAD-DĦUL

    1.           ISEM IL-PROPOSTA:

    Proposta għal Regolament tal-Kunsill (KE) li jiftaħ u jipprevedi l-amministrazzjoni ta' kwoti tariffarji awtonomi tal-Unjoni għal importazzjoni ta’ ċerti prodotti tas-sajd fil-Gżejjer Kanarji

    2.           LINJI BAĠITARJI:

    Kapitolu u Artikolu: Kapitolu 12, L-Artikolu 120

    Ammont imdaħħal fil-baġit għas-sena 2013: EUR 18,631,800,000

    3.           IMPLIKAZZJONIJIET FINANZJARJi

    ¨      Il-proposta ma għandhiex implikazzjonijiet finanzjarji

    X       Din il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni fuq l-infiq, imma għandha impatt finanzjarju fuq id-dħul – l-effett huwa kif ġej:

    (EUR miljuni sa punt wieħed deċimali)

    || ||

    Linja baġitarja || Dħul || perjodu, jibda jj/xx/ssss || [Is-snin 2014-2020]

    Artikolu 120 || L-impatt fuq ir-riżorsi proprji || 01/01/2014 - 31/12/2020 || -9.1/sena

    4.           MIŻURI KONTRA L-FRODI

    Id-dispożizzjonijiet għall-ġestjoni tal-kwoti tariffarji jinkludu l-miżuri meħtieġa għall-prevenzjoni tal-frodi u l-irregolaritajiet (l-applikazzjoni tal-kontrolli pprovduti fil-Kodiċi Doganali Komunitarju u d-dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni tiegħu).

    5.           RIMARKI OĦRA

    Spiża stmata għal din l-operazzjoni

    Metodu ta’ kalkolu tal-ispiża totali tal-operazzjoni

    Jekk tittieħed l-istatistika kompluta l-aktar reċenti (2012) bħala bażi, it-telf tad-dħul ta’ kull sena li jirriżulta minn dan ir-Regolament jista' għalhekk jiġi stmat għal EUR 12.1 MEUR (ara t-tabella hawn taħt). L-ammont iddikjarat, b'mod ġenerali, ġie kkalkulat abbażi tar-rati tad-dazju MFN u jimmarka livell massimu minħabba l-fatt li l-Unjoni tapplika dazji aktar baxxi għall-importazzjonijiet minn għadd ta’ pajjiżi. Għalhekk it-tendenza hi li t-telf reali fid-dħul jirriżulta f'ammonti aktar baxxi peress li d-dazji MFN ma japplikawx fuq bażi kostanti.

    Numru tas-serje || Volum tal-kwota (f'tunnellati) || Prezz stmat (f'EUR/tunnellata) || Dazju MFN (%) || Dazju fuq il-kwota (%) || Dazji mitlufa kull sena (f'EUR)

    09.2997 || 15,000 t || 3,076 || 11 (dazju medju) || 0 || 5,076,052

    09.2651 || 15,000 t || 4,547 || 10.3 (dazju medju) || 0 || 7,025,452

    Total || || || || || 12,101,503

    It-telf ta' dħul totali stmat meta mqabbel man-nuqqas ta' kwoti tariffarji awtonomi: EUR 12,101,503

    It-telf ta' dħul f'Riżorsi Proprji Tradizzjonali għandu jiġi kkumpensat mill-kontribuzzjonjiet tal-Istati Membri abbażi tal-ING.

    [1]               "Evaluation des mesures prévues dans les régions ultrapériphériques sous le reg (ce) N° 791/2007- Rapport final" - Lulju 2012 – il-kuntratt tal-MARE: MARE/2010/11. Qed jiġi ppubblikat.

    [2]               "Evalwazzjoni tal-miżuri implimentati favur ir-reġjuni l-aktar imbiegħda (POSEI) u l-gżejjer iż-żgħar tal-Eġew fil-qafas tal-Politika Agrikola Komuni" Kuntratt Nru°30-CE – 0233430/0094. Disponibbli fuq: http://ec.europa.eu/agriculture/eval/reports/posei/syn_sum_mt.pdf

    [3]               Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar il-Fond Ewropew Marittimu u tas-Sajd [li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1198/2006 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 861/2006 u r-Regolament tal-Kunsill Nru XXX/2011 dwar il-politika marittima integrata. COM (2011) 804 finali, tat-02.12.2011

    [4]               ĠU C , , p. .

    [5]               ĠU C , , p. .

    [6]               ĠU C , , p. .

    [7]               ĠU L 180, 9.7.2008, p. 1.

    [8]               ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13.

    [9]               ĠU L 253, 11.10.1993,p. 1.

    [10]             ĠU L 302, 19.10.1992, p. 1.

    Top