Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013PC0529

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar l-iffirmar tal-Ftehim bejn il-Kanada u l-Unjoni Ewropea dwar it-trasferiment u l-ipproċessar tad-dejta tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri

/* COM/2013/0529 final - 2013/0251 (NLE) */

52013PC0529

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar l-iffirmar tal-Ftehim bejn il-Kanada u l-Unjoni Ewropea dwar it-trasferiment u l-ipproċessar tad-dejta tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri /* COM/2013/0529 final - 2013/0251 (NLE) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

Il-leġiżlazzjoni Kanadiża tagħti s-setgħa lill-Aġenzija tas-Servizzi tal-Fruntiera tal-Kanada biex titlob lil kull trasportatur tal-ajru li jopera fuq titjiriet għall-passiġġieri li jtiru lejn il-Kanada jew minnha, jipprovdilha aċċess elettroniku għad-dejta tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) qabel il-wasla tal-passiġġieri fil-Kanada jew it-tluq tagħhom minnha. It-talbiet tal-awtoritajiet Kanadiżi huma bbażati fuq it-Taqsima 107.1 tal-Att dwar id-Dwana, fuq ir-Regolamenti (Doganali) dwar l-Informazzjoni tal-Passiġġieri, fuq il-paragrafu 148(1)(d) tal-Att dwar l-Immigrazzjoni u l-Protezzjoni tar-Refuġjati u fuq ir-Regolament 269 tar-Regolamenti dwar l-Immigrazzjoni u l-Protezzjoni tar-Refuġjati.

Din il-leġiżlazzjoni għandha l-għan li tikseb id-dejta tal-PNR b'mod elettroniku qabel il-wasla ta' titjira u għalhekk tenfasizza b'mod sinifikanti l-abbiltà tal-Aġenzija tas-Servizzi tal-Fruntiera tal-Kanada li twettaq bil-quddiem valutazzjonijiet effiċjenti u effikaċi tar-riskju tal-passiġġieri u li tiffaċilita l-ivvjaġġar bona fide, u b'hekk issaħħaħ is-sigurtà tal-Kanada. L-Unjoni Ewropea, b’kooperazzjoni mal-Kanada fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u kontra forom serji oħra ta’ kriminalità transnazzjonali, tqis it-trasferiment tad-dejta tal-PNR lill-Kanada bħala att li jrawwem il-kooperazzjoni internazzjonali tal-pulizija u dik ġudizzjarja. Dan se jinkiseb permezz tal-kondiviżjoni ta’ informazzjoni analitika li jkun fiha d-dejta tal-PNR miksuba mill-Kanada mal-awtoritajiet tal-pulizija u l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti tal-Istati Membri, kif ukoll mal-Europol u l-Eurojust fi ħdan il-mandati rispettivi tagħhom.

Ir-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) huwa reġistru tar-rekwiżiti tal-ivvjaġġar ta’ kull passiġġier, li jinkludi l-informazzjoni kollha neċessarja biex il-prenotazzjonijiet ikunu jistgħu jiġu pproċessati u kkontrollati mit-trasportaturi tal-ajru.

It-trasportaturi tal-ajru għandhom l-obbligu li jipprovdu l-aċċess lill-Aġenzija tas-Servizzi tal-Fruntiera tal-Kanada għal ċerta dejta tal-PNR, kemm-il darba din tkun nġabret u tkun tinsab fis-sistemi awtomatizzati ta' prenotazzjoni u tal-kontroll tat-tluq tat-trasportaturi tal-ajru.

Il-liġijiet tal-UE dwar il-protezzjoni tad-dejta ma jippermettux li t-trasportaturi Ewropej jew trasportaturi oħra li joperaw fuq titjiriet mill-UE, jittrażmettu d-dejta tal-PNR tal-passiġġieri tagħhom lil pajjiżi terzi li ma jiżgurawx livell adegwat ta' protezzjoni tad-dejta personali mingħajr ma joffru evidenza ta' salvagwardji xierqa. Jeħtieġ li tinstab soluzzjoni li tipprovdi l-bażi legali għat-trasferiment mill-UE tad-dejta tal-PNR lejn il-Kanada bħala rikonoxximent tan-neċessità u tal-importanza tal-użu tad-dejta tal-PNR fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u kontra forom serji oħra ta’ kriminalità transnazzjonali, filwaqt li tiġi ggarantita ċertezza legali għat-trasportaturi tal-ajru. Barra minn hekk, din is-soluzzjoni għandha tiġi applikata b’mod omoġenju madwar l-Unjoni Ewropea kollha sabiex ikunu żgurati ċ-ċertezza legali għat-trasportaturi tal-ajru u r-rispett tad-drittijiet tal-individwi għall-protezzjoni tad-dejta personali kif ukoll is-sigurtà fiżika tagħhom.

Fl-2005, l-Unjoni Ewropea kkonkludiet ftehim[1] mal-Kanada dwar l-ipproċessar tad-dejta tal-PNR, imsejjes fuq sett ta’ impenji mill-Aġenzija tas-Servizzi tal-Fruntiera tal-Kanada fir-rigward tal-applikazzjoni tal-programm tal-PNR tagħha. L-impenji ġew mehmuża ma' Deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar il-protezzjoni adegwata tad-dejta personali li tinsab fir-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri ta’ passiġġieri tal-ajru, trasferita lill-Aġenzija tas-Servizzi tal-Fruntiera tal-Kanada.[2] Wara li d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni skadiet fl-2009, l-Aġenzija tas-Servizzi tal-Fruntiera tal-Kanada b’mod unilaterali ħadet l-impenn li tassigura lill-UE li l-impenji għandhom jibqgħu fis-seħħ kompletament sakemm jibda japplika ftehim ġdid.

Wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, fil-5 ta’ Mejju 2010 il-Parlament Ewropew adotta riżoluzzjoni[3] li fiha huwa talab li jsir negozjar mill-ġdid tal-Ftehim abbażi ta’ ċerti kriterji.

Fil-21 ta' Settembru 2010, il-Kunsill irċieva rakkomandazzjoni mingħand il-Kummissjoni biex jawtorizza l-ftuħ ta' negozjati għal Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kanada dwar it-trasferiment u l-użu tad-dejta tal-PNR għall-prevenzjoni tat-terroriżmu u ta' forom serji oħra ta’ kriminalità transnazzjonali u għall-ġlieda kontrihom.

Fil-11 ta’ Novembru 2010, il-Parlament Ewropew adotta riżoluzzjoni[4] dwar ir-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill biex jawtorizza l-ftuħ tan-negozjati.

Fit-2 ta’ Diċembru 2010, il-Kunsill adotta Deċiżjoni, flimkien ma’ direttiva ta’ negozjati, li tawtorizza lill-Kummissjoni biex tiftaħ in-negozjati f’isem l-Unjoni Ewropea. Wara negozjati bejn il-partijiet, il-Ftehim ġie inizjalat fis-6 ta' Mejju 2013.

Dan il-Ftehim jikkunsidra l-kriterji ġenerali stabbiliti fil-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-Approċċ Globali għat-trasferiment ta’ dejta tal-PNR lejn pajjiżi terzi[5] u d-direttivi ta’ negozjar mogħtija mill-Kunsill, u huwa konsistenti magħhom.

Il-PNR wera li huwa għodda importanti ħafna fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità serja. Il-Ftehim jassigura diversi salvagwardji importanti għal dawk l-individwi li d-dejta tagħhom se tiġi trasferita jew ipproċessata. B'mod partikolari, l-iskop tal-ipproċessar tad-dejta tal-PNR huwa strettament limitat għall-prevenzjoni, l-identifikar, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta' reati terroristiċi u ta' forom serji oħra ta’ kriminalità transnazzjonali. Il-perjodu ta' żamma tad-dejta tal-PNR huwa limitat u d-dejta tiġi anonimizzata wara perjodu ta' 30 jum. L-individwi huma pprovduti bid-dritt għall-aċċess, għall-korrezzjoni, għar-rimedju u għall-informazzjoni. Id-dejta tiġi trasferita billi jintuża esklużivament il-metodu “push”, li permezz tiegħu t-trasportaturi tal-ajru jittrasferixxu d-dejta tal-PNR meħtieġa lill-Aġenzija tas-Servizzi tal-Fruntiera tal-Kanada, biex b’hekk it-trasportaturi tal-ajru jżommu l-kontroll tat-tip ta' dejta li tkun qed tiġi pprovduta. L-użu ta’ dejta sensittiva huwa limitat għal każijiet eċċezzjonali ħafna u huwa soġġett għal kondizzjonijiet stretti u salvagwardji effettivi, inkluż l-approvazzjoni mill-President tal-Aġenzija tas-Servizzi tal-Fruntiera tal-Kanada u t-tħassir tad-dejta wara żmien qasir ħafna. Is-sorveljanza tal-konformità tal-Kanada ma’ dawn ir-regoli tiġi eżerċitata mill-Kummissarju tal-Privatezza tal-Kanada u mid-Direttorat tar-Rikorsi tal-Aġenzija tas-Servizzi tal-Fruntiera tal-Kanada.

L-Artikolu 218(5) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jiddikjara li l-Kunsill jawtorizza l-iffirmar ta' ftehimiet internazzjonali.

Għalhekk, il-Kummissjoni tipproponi lill-Kunsill biex jadotta deċiżjoni li tawtorizza l-iffirmar tal-Ftehim bejn il-Kanada u l-Unjoni Ewropea dwar it-trasferiment u l-ipproċessar ta’ dejta tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri.

2013/0251 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar l-iffirmar tal-Ftehim bejn il-Kanada u l-Unjoni Ewropea dwar it-trasferiment u l-ipproċessar tad-dejta tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 82(1)(d) u 87(2)(a), flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)       Fit-2 ta' Diċembru 2010, il-Kunsill adotta Deċiżjoni, flimkien ma' direttivi ta' negozjati, li tawtorizza lill-Kummissjoni biex f'isem l-Unjoni Ewropea tiftaħ in-negozjati mal-Kanada dwar it-trasferiment u l-użu ta' dejta tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) għall-prevenzjoni tat-terroriżmu u ta' forom serji oħra ta’ kriminalità transnazzjonali u għall-ġlieda kontrihom.

(2)       Il-Ftehim ġie negozjat. In-negozjati ġew konklużi b'suċċess bl-inizjalar tal-ftehim.

(3)       Il-Ftehim għandu jiġi ffirmat soġġett għall-konklużjoni tiegħu f'data aktar tard.

(4)       Dan il-Ftehim jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, notevolment id-dritt għall-ħajja privata u familjari, rikonoxxut fl-Artikolu 7 tal-Karta, id-dritt għall-protezzjoni tad-dejta personali, rikonoxxut fl-Artikolu 8 tal-Karta u d-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess ġust rikonoxxut mill-Artikolu 47 tal-Karta. Dan il-Ftehim għandu jiġi applikat f'konformità ma' dawk id-drittijiet u l-prinċipji.

(5)       [Skont l-Artikolu 3 tal-Protokoll 21 dwar il-Pożizzjoni tar-Renju Unit u tal-Irlanda fir-rigward taż-żona ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, ir-Renju Unit u l-Irlanda qed jieħdu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.]

(6)       Skont l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll 22 dwar il-Pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u għalhekk mhijiex marbuta bil-Ftehim u lanqas ma hija soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-iffirmar tal-Ftehim bejn il-Kanada u l-Unjoni Ewropea dwar it-trasferiment u l-ipproċessar tad-dejta tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri huwa b’dan approvat, soġġett għall-konklużjoni tiegħu f’data aktar tard.

It-test tal-Ftehim li għandu jiġi ffirmat huwa mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill jistabbilixxi l-istrument ta’ setgħat sħaħ biex jiġi ffirmat il-Ftehim, soġġett għall-konklużjoni tiegħu, għall-persuna/persuni indikata/indikati min-negozjatur tal-Ftehim.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ dakinhar tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell,

                                                                       Għall-Kunsill

                                                                       Il-President

ANNESS

FTEHIM BEJN IL-KANADA U L-UNJONI EWROPEA DWAR IT-TRASFERIMENT U L-IPPROĊESSAR TAD-DEJTA TAR-REĠISTRU TAL-ISMIJIET TAL-PASSIĠĠIERI

IL-KANADA

-u-

L-UNJONI EWROPEA

(il-“Partijiet”)

WAQT LI JFITTXU li jipprevjenu, li jiġġieldu, li jrażżnu u li jeliminaw it-terroriżmu u r-reati marbuta miegħu, kif ukoll forom serji oħra ta’ kriminalità transnazzjonali, bħala mezz biex jipproteġu s-soċjetajiet demokratiċi rispettivi tagħhom u l-valuri komuni bil-għan li jippromwovu s-sigurtà u l-istat tad-dritt;

WAQT LI JIRRIKONOXXU l-importanza li jipprevjenu, li jiġġieldu, li jrażżnu u li jeliminaw it-terroriżmu u r-reati marbuta miegħu, kif ukoll forom serji oħra ta’ kriminalità transnazzjonali, filwaqt li jippreservaw id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, b’mod partikolari d-drittijiet għall-privatezza u għall-protezzjoni tad-dejta;

WAQT LI JFITTXU li jsaħħu u li jħeġġu l-kooperazzjoni bejn il-partijiet fl-ispirtu ta’ sħubija bejn il-Kanada u l-UE,

WAQT LI JIRRIKONOXXU li l-kondiviżjoni tal-informazzjoni hija element essenzjali tal-ġlieda kontra t-terroriżmu, kriminalità relatata u forom serji oħra ta’ kriminalità transnazzjonali, u li f’dan il-kuntest, l-użu tad-dejta tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri huwa strument importanti ferm biex jintlaħqu dawn l-għanijiet;

WAQT LI JIRRIKONOXXU li, sabiex tiġi ssalvagwardjata s-sigurtà pubblika u għal finijiet ta’ infurzar tal-liġi, għandhom jiġu stipulati regoli li jirregolaw it-trasferiment tad-dejta tal-PNR mit-trasportatur tal-ajru lejn il-Kanada;

WAQT LI JIRRIKONOXXU li l-Partijiet jikkondividu valuri komuni f’dak li jirrigwarda l-protezzjoni u l-privatezza tad-dejta, li huma riflessi fil-liġi rispettiva tagħhom;

KONXJI mill-impenji tal-UE skont l-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea dwar ir-rispett tad-drittijiet fundamentali, id-dritt għall-privatezza fir-rigward tal-ipproċessar tad-dejta personali kif stipulat fl-Artikolu 16 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-prinċipji ta’ proporzjonalità u neċessità dwar id-dritt għall-ħajja privata u għall-ħajja tal-familja, ir-rispett għall-privatezza, u l-protezzjoni tad-dejta personali skont l-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, il-Konvenzjoni Nru 108 tal-Kunsill tal-Ewropa għall-Protezzjoni ta’ Individwi fir-rigward tal-Ipproċessar Awtomatiku tad-Dejta Personali u l-Protokoll addizzjonali tagħha Nru 181, u l-Artikoli 7 u 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea;

WAQT LI JIKKUNSIDRAW id-dispożizzjonijiet relevanti tal-Karta Kanadiża dwar id-Drittijiet u l-Libertajiet u l-leġiżlazzjoni Kanadiża dwar il-privatezza;

WAQT LI JINNUTAW l-impenn tal-Unjoni Ewropea li tiżgura li t-trasportaturi tal-ajru ma jiġux imwaqqfa milli jikkonformaw mal-liġi Kanadiża dwar it-trasferiment tad-dejta tal-PNR li tkun ġejja mill-Unjoni Ewropea lejn il-Kanada f’konformità ma’ dan il-Ftehim;

WAQT LI JIRRIKONOXXU s-suċċess li kellu r-rieżami konġunt fl-2008, tal-Ftehim tal-2006 bejn il-Partijiet dwar it-trasferiment tal-PNR;

WAQT LI JIRRIKONOXXU li dan il-Ftehim mhux maħsub li japplika għal Informazzjoni Antiċipata dwar il-Passiġġieri li tinġabar u tiġi trażmessa mit-trasportaturi tal-ajru lejn il-Kanada għall-finijiet tal-kontroll fuq il-fruntieri;

WAQT LI JIRRIKONOXXU wkoll li dan il-Ftehim ma jipprevjenix lill-Kanada milli, f’ċirkostanzi eċċezzjonali u fejn ikun meħtieġ, tkompli tipproċessa l-informazzjoni mit-trasportaturi tal-ajru sabiex timmitiga kwalunkwe theddida serja u immedjata għat-trasport bl-ajru jew għas-sigurtà nazzjonali, filwaqt li tirrispetta l-limitazzjonijiet stretti stipulati fil-liġi Kanadiża u fi kwalunkwe każ, mingħajr ma tmur lil hinn mil-limitazzjonijiet previsti f'dan il-Ftehim;

WAQT LI JINNUTAW l-interess tal-Partijiet, kif ukoll tal-Istati Membri tal-UE, fl-iskambju tal-informazzjoni dwar il-metodu ta’ trażmissjoni tal-PNR kif ukoll dwar id-divulgazzjoni tal-PNR 'il barra mill-Kanada, kif spjegat fl-artikoli relevanti ta’ dan il-Ftehim, u waqt li jinnutaw ukoll l-interess tal-UE fl-indirizzar ta' din il-kwistjoni, fil-kuntest tal-mekkaniżmu ta' konsultazzjoni u ta’ rieżami spjegat f'dan il-Ftehim;

WAQT LI JINNUTAW li l-Partijiet jistgħu jeżaminaw in-neċessità u l-fattibbiltà ta' Ftehim simili għall-ipproċessar tad-dejta tal-PNR fis-settur tat-trasport marittimu;

WAQT LI JINNUTAW li l-Kanada timpenja ruħha biex l-Awtorità Kanadiża Kompetenti tipproċessa d-dejta tal-PNR bl-iskop li jiġu previsti, identifikati, investigati u mħarrka reati terroristiċi u forom serji oħra ta’ kriminalità transnazzjonali f'konformità stretta mas-salvagwardji dwar il-privatezza u l-protezzjoni tad-dejta personali, kif stabbilit f'dan il-Ftehim;

WAQT LI JAGĦMLU ENFASI fuq l-importanza tal-kondiviżjoni tal-PNR u ta’ informazzjoni analitika relevanti u xierqa li jkun fiha l-PNR, miksuba mill-Kanada skont dan il-Ftehim mal-awtoritajiet tal-pulizija u l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, u mal-Europol u l-Eurojust, biex tittrawwem il-kooperazzjoni internazzjonali tal-pulizija u dik ġudizzjarja;

WAQT LI JAFFERMAW li dan il-Ftehim ma jikkostitwixxix preċedent għal kwalunkwe arranġament futur bejn il-Kanada u l-Unjoni Ewropea, jew bejn xi waħda mill-Partijiet u kwalunkwe Parti oħra, fir-rigward tal-ipproċessar u t-trasferiment tad-dejta tal-PNR jew fir-rigward tal-protezzjoni tad-dejta;

WAQT LI JIKKUNSIDRAW l-impenn reċiproku tal-Partijiet fl-applikazzjoni u fl-iżvilupp ulterjuri tal-istandards internazzjonali għall-ipproċessar tad-dejta tal-PNR;

FTIEHMU DAN LI ĠEJ:

Dispożizzjonijiet Ġenerali

Artikolu 1

L-Iskop tal-Ftehim

F’dan il-Ftehim, il-Partijiet jistabbilixxu l-kundizzjonijiet għat-trasferiment u għall-użu tad-dejta tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) biex jiżguraw is-sigurtà u s-sikurezza tal-pubbliku u jippreskrivu l-mezzi li bihom tiġi protetta d-dejta.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

F'dan il-Ftehim:

(a) “trasportatur tal-ajru” tfisser kumpanija ta’ trasport kummerċjali li tuża inġenji tal-ajru bħala mezzi ta’ trasport għall-passiġġieri li jivvjaġġaw bejn il-Kanada u l-UE;

(b) “dejta tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri” (“dejta tal-PNR”) tfisser ir-rekords maħluqa minn trasportatur tal-ajru għal kull vjaġġ irriservat minn kwalunkwe passiġġier jew inkella rriservat f’ismu, li jkunu meħtieġa għall-ipproċessar u l-kontroll tal-prenotazzjonijiet. B’mod speċifiku, għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim, id-dejta tal-PNR tikkonsisti mill-elementi elenkati fl-Anness ta’ ma’ dan il-Ftehim;

(c) "ipproċessar" tfisser kwalunkwe operazzjoni jew sett ta’ operazzjonijiet li ssir/jsiru fuq id-dejta tal-PNR, kemm jekk b’mezzi awtomatiċi kif ukoll jekk le, bħalma huma l-ġbir, ir-reġistrar, l-organizzazzjoni, il-ħażna, l-adattament jew l-alterazzjoni, il-prelevazzjoni, l-irkupru, il-konsultazzjoni, l-użu, it-trasferiment, id-disseminazzjoni, id-divulgazzjoni jew it-tqegħid għad-dispożizzjoni b’mod ieħor, l-allinjament jew l-ikkombinar, l-imblukkar, is-satra, it-tħassir jew il-qerda;

(d) “Awtorità Kanadiża Kompetenti” tfisser l-awtorità Kanadiża inkarigata li tirċievi u tipproċessa d-dejta tal-PNR, skont dan il-Ftehim;

(e) “dejta sensittiva” tfisser l-informazzjoni li tiżvela l-oriġini razzjali jew etnika, l-opinjonijiet politiċi, it-twemmin reliġjuż jew filosofiku, is-sħubija f'xi trejdjunjin, jew l-informazzjoni dwar is-saħħa jew il-ħajja sesswali ta’ persuna.

Artikolu 3

L-użu tal-PNR

1.           Il-Kanada tiżgura li l-Awtorità Kanadiża Kompetenti tipproċessa d-dejta tal-PNR li tkun irċeviet skont dan il-Ftehim, strettament bl-iskop li jiġu previsti, identifikati, investigati jew imħarrka reati terroristiċi jew forom serji oħra ta’ kriminalità transnazzjonali.

2.           Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim, it-terminu “reati terroristiċi” jinkludi:

(a) atti jew ommissjonijiet li jkunu twettqu għal skopijiet, objettivi jew kawżi politiċi, reliġjużi jew ideoloġiċi bl-intenzjoni li jintimidaw lill-pubbliku f’dak li jirrigwarda s-sigurtà tiegħu, inkluża s-sigurtà ekonomika tiegħu, jew bl-intenzjoni li jisfurzaw lil persuni, gvernijiet jew organizzazzjonijiet nazzjonali jew internazzjonali biex iwettqu jew biex ma jwettqux kwalunkwe atti, u li jagħmlu dan intenzjonalment

(i)         jikkawżaw mewt jew offiża serja fuq il-persuna;

(ii)         iqiegħdu fil-periklu l-ħajja ta’ individwu;

(iii)        jikkawżaw riskju serju għas-saħħa jew għas-sigurtà tal-pubbliku;

(iv)        jikkawżaw dannu sostanzjali fuq proprjetà li aktarx iwassal għall-ħsara msemmija fil-punti (i) sa (iii); jew

(v)        joħolqu interferenza jew interruzzjoni serja f’servizz, f'faċilità jew f’sistema essenzjali, li ma tkunx tirriżulta minn promozzjonijiet, protesti, divrenzji jew waqfien fuq ix-xogħol, bħal strajks, kemm jekk legali u kemm jekk illegali, li ma tkunx maħsuba biex tikkawża l-ħsara msemmija fil-punti (i) sa (iii); jew

(b) attivitajiet li jikkostitwixxu reat fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-konvenzjonijiet u tal-protokolli internazzjonali applikabbli li jikkonċernaw it-terroriżmu u skont kif definit fihom; jew

(c) kwalunkwe parteċipazzjoni intenzjonata jew kontribut f'xi attività li jkollha l-għan li ttejjeb il-kapaċità ta’ entità terroristika fl-iffaċilitar jew fit-twettiq ta’ atti jew ommissjonijiet bħal dawk imsemmija fil-punti (a) jew (b), jew kwalunkwe struzzjoni mogħtija lil persuni, gruppi jew organizzazzjonijiet f’dan ir-rigward; jew

(d) it-twettiq ta’ reati li jwasslu għal atti ta’ akkuża, fejn l-atti jew l-ommissjonijiet li jkunu jikkostitwixxu r-reati inkwistjoni, ikunu twettqu għall-ġid ta’ xi entità terroristika, taħt it-tmexxija tagħha jew f’assoċjazzjoni magħha; jew

(e) il-ġbir ta’ proprjetà, l-istedina lil persuni, gruppi jew organizzazzjonijiet biex jipprovdu jew iqiegħdu għad-dispożizzjoni proprjetà jew servizzi finanzjarji jew servizzi oħra relatati bl-iskop li jitwettqu l-atti jew l-ommissjonijiet deskritti fil-punti (a) jew (b), jew l-użu jew il-pussess ta’ proprjetà bl-iskop li jitwettqu l-atti jew l-ommissjonijiet deskritti fil-punti (a) jew (b); jew

(f) it-tentattiv jew it-theddida li jitwettqu l-atti jew l-ommissjonijiet deskritti fil-punti (a) jew (b), il-komplotti, l-iffaċilitar jew l-għoti ta’ struzzjonijiet jew ta’ pariri b’rabta mal-atti jew l-ommissjonijiet deskritti fil-punti (a) jew (b), jew il-kompliċità wara li jseħħ il-fatt, jew il-protezzjoni jew il-ħabi tiegħu bl-iskop li l-entità terroristika tkun tista’ tiffaċilita jew twettaq l-atti jew l-ommissjonijiet deskritti fil-punti (a) jew (b).

(g) Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, “entità terroristika” tfisser:

(i)         persuna, grupp jew organizzazzjoni li, fost skopijiet jew attivitajiet oħra, jiffaċilitaw jew iwettqu l-atti jew l-ommissjonijiet deskritti fil-punti (a) jew (b); jew

(ii)         persuna, grupp jew organizzazzjoni li jaġixxu intenzjonalment f’isem il-persuna, grupp jew organizzazzjoni msemmija fil-punt (i) jew li jaġixxu taħt it-tmexxija tagħhom jew f’assoċjazzjoni magħhom.

3.           “Forom serji ta’ kriminalità transnazzjonali” tfisser kwalunkwe reat punibbli fil-Kanada bi privazzjoni massima ta’ libertà ta’ mill-anqas erba' snin jew b'piena aktar ħarxa u hekk kif definiti mil-liġi Kanadiża, jekk id-delitt inkwistjoni jkun ta’ natura transnazzjonali.

Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim, att kriminali jitqies ta’ natura transnazzjonali jekk:

(a) jitwettaq f'aktar minn pajjiż wieħed;

(b) jitwettaq f'pajjiż wieħed iżda parti sostanzjali mit-tħejjija, l-ippjanar, it-tmexxija jew il-kontroll tiegħu jseħħu f'pajjiż ieħor;

(c) jitwettaq f'pajjiż wieħed iżda jkun jikkonċerna grupp tal-kriminalità organizzata li jkun involut f'attivitajiet kriminali f'aktar minn pajjiż wieħed;

(d) jitwettaq f'pajjiż wieħed iżda jkollu effetti sostanzjali fuq pajjiż ieħor; jew

(e) jitwettaq f'pajjiż wieħed u t-trasgressur ikun jinsab f’pajjiż ieħor jew ikollu l-intenzjoni li jivvjaġġa lejn pajjiż ieħor.

4.           F’każijiet eċċezzjonali, l-Awtorità Kanadiża Kompetenti tista’ tipproċessa d-dejta tal-PNR meta dan ikun neċessarju, biex tipproteġi l-interessi vitali ta’ kwalunkwe individwu, bħal f’każ ta’:

(a) riskju ta’ mewt jew ta’ korriment gravi; jew

(b) riskju sinifikanti għas-saħħa pubblika, b’mod partikolari skont kif meħtieġ mill-istandards rikonoxxuti fuq livell internazzjonali.

5.           Il-Kanada tista’ wkoll tipproċessa d-dejta tal-PNR fuq bażi ta’ każ b’każ sabiex:

(a) tiżgura s-sorveljanza jew ir-responsabbiltà tal-amministrazzjoni pubblika; jew

(b) tikkonforma mat-taħrikiet jew mal-mandati ta’ arrest maħruġa minn xi qorti jew mal-ordnijiet li tkun tat.

Artikolu 4

L-iżgurar li tiġi pprovduta d-dejta tal-PNR

1.           L-UE tiżgura li t-trasportaturi tal-ajru ma jiġux imwaqqfa milli jitrasferixxu d-dejta tal-PNR lill-Awtorità Kanadiża Kompetenti, f’konformità ma’ dan il-Ftehim.

2.           Il-Kanada mhux se titlob lit-trasportaturi tal-ajru biex jipprovdu elementi tad-dejta tal-PNR li ma jkunux diġà nġabru jew nżammu mit-trasportatur tal-ajru għall-prenotazzjoni.

3.           F’konformità ma’ dan il-Ftehim, il-Kanada tħassar kwalunkwe dejta trasferita lilha minn trasportatur tal-ajru hekk kif tirċeviha, jekk dak l-element tad-dejta li tkun irċeviet mhuwiex elenkat fl-Anness.

4.           Il-Partijiet jiżguraw li t-trasportaturi tal-ajru jistgħu jitrasferixxu d-dejta tal-PNR lill-Awtorità Kanadiża Kompetenti permezz ta’ aġenti awtorizzati, li jaġixxu f’isem it-trasportatur tal-ajru jew taħt ir-responsabbiltà tiegħu, għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim u skont il-kundizzjonijiet stipulati fih.

Artikolu 5

L-adegwatezza

Soġġetta għall-konformità ma’ dan il-Ftehim, l-Awtorità Kanadiża Kompetenti titqies li, fi ħdan it-tifsira tal-liġi tal-UE relevanti dwar il-protezzjoni tad-dejta, tipprovdi livell adegwat ta’ protezzjoni meta tipproċessa u tuża d-dejta tal-PNR. Trasportatur tal-ajru li jipprovdi lill-Kanada b’dejta tal-PNR skont dan il-Ftehim jitqies konformi mar-rekwiżiti legali tal-UE għat-trasferiment tad-dejta mill-UE lejn il-Kanada.

Artikolu 6

Il-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja

1.           Hekk kif ikun prattikabbli, il-Kanada tikkondividi informazzjoni analitika relevanti u adattata li jkun fiha dejta tal-PNR miksuba skont dan il-Ftehim, mal-Europol u mal-Eurojust, fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-mandati rispettivi tagħhom, jew mal-pulizija jew ma’ xi awtorità ġudizzjarja ta’ Stat Membru. Il-Kanada tiżgura li din l-informazzjoni tkun kondiviża f’konformità mal-ftehimiet, u fir-rispett dovut lejn l-arranġamenti li jirrigwardaw l-infurzar tal-liġi jew il-kondiviżjoni tal-informazzjoni bejn il-Kanada u l-Europol, il-Eurojust jew l-Istat Membru kkonċernat.

2.           Fuq talba min-naħa tal-Europol jew tal-Eurojust, fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-mandati rispettivi tagħhom jew min-naħa tal-pulizija jew ta’ awtorità ġudizzjarja ta’ Stat Membru, il-Kanada tikkondividi d-dejta tal-PNR jew informazzjoni analitika li jkun fiha dejta tal-PNR miksuba skont dan il-Ftehim, f’każijiet speċifiċi biex jiġu previsti, identifikati, investigati, jew imħarrka, fi ħdan l-Unjoni Ewropea, reati terroristiċi jew forom serji oħra ta’ kriminalità transnazzjonali. Il-Kanada tqiegħed din l-informazzjoni għad-dispożizzjoni, f’konformità mal-ftehimiet, u fir-rispett dovut lejn l-arranġamenti li jirrigwardaw l-infurzar tal-liġi, il-kooperazzjoni ġudizzjarja jew il-kondiviżjoni tal-informazzjoni, bejn il-Kanada u l-Europol, il-Eurojust jew l-Istat Membru kkonċernat.

Is-Salvagwardji Applikabbli għall-Ipproċessar tad-Dejta tal-PNR

Artikolu 7

In-nondiskriminazzjoni

Il-Kanada tiżgura li s-salvagwardji applikabbli għall-ipproċessar tad-dejta tal-PNR japplikaw għall-passiġġieri kollha fuq bażi ugwali mingħajr diskriminazzjoni illegali.

Artikolu 8

L-użu ta’ dejta sensittiva

1.           Jekk id-dejta tal-PNR li tinġabar dwar xi passiġġier, ikun fiha dejta sensittiva, il-Kanada tiżgura li l-Awtorità Kanadiża Kompetenti tostor id-dejta sensittiva permezz ta’ sistemi awtomatizzati. Il-Kanada tiżgura li l-Awtorità Kanadiża Kompetenti ma tipproċessax ulterjorment dejta ta’ dan it-tip, apparti fil-każijiet imsemmija fil-paragrafi 3, 4 u 5.

2.           Il-Kanada tipprovdi lill-Kummissjoni Ewropea b’lista ta’ kodiċi u termini li jidentifikaw id-dejta sensittiva li l-Kanada tintalab tostor. Il-Kanada tipprovdi din il-lista fi żmien 90 jum mid-dħul fis-seħħ tal-Ftehim.

3.           F’ċirkostanzi eċċezzjonali, il-Kanada tista’ tipproċessa d-dejta sensittiva fuq bażi ta’ każ b’każ, fejn tali pproċessar huwa indispensabbli minħabba li l-ħajja ta’ individwu tkun fil-periklu jew minħabba li jkun hemm riskju ta’ korriment gravi.

4.           Il-Kanada tiżgura li l-ipproċessar tad-dejta sensittiva skont il-paragrafu 3 isir biss skont miżuri proċedurali stretti, li jinkludu dawn li ġejjin:

(a) L-ipproċessar ta’ dejta sensittiva jiġi approvat mill-Kap tal-Awtorità Kanadiża Kompetenti;

(b) Id-dejta sensittiva tiġi pproċessata biss minn uffiċjal li jkun ġie speċifikament u individwalment awtorizzat biex jagħmel dan; u

(c) Ladarba d-dejta sensittiva tkun inkixfet, din ma tiġix ipproċessata permezz ta’ sistemi awtomatizzati.

5.           Il-Kanada tħassar id-dejta sensittiva sa mhux aktar tard minn 15-il jum mid-data li fiha tkun irċevietha, sakemm ma żżommhiex f’konformità mal-Artikolu 16(5).

6.           Jekk, f’konformità mal-paragrafi 3, 4 u 5, l-Awtorità Kanadiża Kompetenti tipproċessa d-dejta sensittiva ta’ individwu li jkun ċittadin ta’ Stat Membru, il-Kanada tiżgura li l-Awtorità Kanadiża Kompetenti tinforma lill-awtoritajiet tal-Istat Membru kkonċernat dwar l-ipproċessar malajr kemm jista' jkun. Il-Kanada toħroġ din in-notifika f’konformità mal-ftehimiet jew b’rispett dovut lejn id-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw l-infurzar tal-liġi jew il-kondiviżjoni tal-informazzjoni bejn il-Kanada u l-Istat Membru kkonċernat.

Artikolu 9

Is-sigurtà u l-integrità tad-dejta

1.           Il-Kanada timplimenta miżuri regolatorji, proċedurali jew tekniċi biex tipproteġi d-dejta tal-PNR minn aċċess, ipproċessar jew telf aċċidentali, illegali jew mhux awtorizzat.

2.           Il-Kanada tiżgura li jsiru verifiki tal-konformità u tiggarantixxi l-protezzjoni, is-sigurtà, il-kunfidenzjalità u l-integrità tad-dejta. Il-Kanada:

(a) tapplika proċeduri ta’ kriptaġġ, ta’ awtorizzazzjoni u ta’ dokumentazzjoni għad-dejta tal-PNR;

(b) tillimita l-aċċess għad-dejta tal-PNR għall-uffiċjali awtorizzati;

(c) taħżen id-dejta tal-PNR f’ambjent fiżiku sigur li jkun protett b’kontrolli tal-aċċess; u

(d) tistabbilixxi mekkaniżmu li jiżgura li l-mistoqsijiet marbuta mal-PNR isiru b’mod li jkun konsistenti mal-Artikolu 3.

3.           Jekk id-dejta tal-PNR ta’ individwu tiġi aċċessata jew divulgata mingħajr awtorizzazzjoni, il-Kanada tieħu miżuri biex tinnotifika lill-individwu kkonċernat dwar dan, tnaqqas ir-riskju ta’ ħsara, u tieħu azzjoni ta’ rimedju.

4.           Il-Kanada tiżgura li l-Awtorità Kanadiża Kompetenti tinforma minnufih lill-Kummissjoni Ewropea bi kwalunkwe inċidenti sinifikanti li jkunu jinvolvu l-aċċess, l-ipproċessar jew it-telf aċċidentali, illegali jew mhux awtorizzat tad-dejta tal-PNR.

5.           Kwalunkwe ksur tas-sigurtà tad-dejta, b'mod partikolari dak li jwassal għall-qerda aċċidentali jew illegali jew għat-telf aċċidentali, l-alterazzjoni, id-divulgazzjoni jew l-aċċess mhux awtorizzati jew għal kwalunkwe forma illegali ta’ pproċessar, ikun soġġett għal miżuri korrettivi effettivi u dissważivi li jistgħu jinkludu sanzjonijiet.

Artikolu 10

Is-sorveljanza

1.           Is-salvagwardji fil-qasam tal-protezzjoni tad-dejta għall-ipproċessar tad-dejta tal-PNR skont dan il-Ftehim se jkunu soġġetti għal sorveljanza minn awtorità pubblika indipendenti, jew minn awtorità maħluqa b’mezzi amministrattivi, li tkun teżerċita l-funzjonijiet tagħha b'mod imparzjali u li jkollha rekord ippruvat ta' awtonomija. Din l-awtorità jkollha setgħat effettivi biex tinvestiga l-konformità mar-regoli relatati mal-ġbir, l-użu, id-divulgazzjoni, iż-żamma, jew it-tħassir tad-dejta tal-PNR. Tkun tista’ twettaq rieżamijiet u investigazzjonijiet ta’ konformità, tkun tista’ tirrapporta s-sejbiet tagħha u tipprovdi rakkomandazzjonijiet lill-Awtorità Kanadiża Kompetenti. L-awtorità ta’ sorveljanza għandha s-setgħa li, meta jkun xieraq, tirreferi ksur tal-liġi marbuta ma’ dan il-Ftehim għall-prosekuzzjoni jew għal azzjoni dixxiplinarja.

2.           L-awtorità relevanti tiżgura li l-ilmenti relatati ma’ nuqqas ta’ konformità ma’ dan il-Ftehim jiġu rċevuti, investigati, imwieġba, u rimedjati b’mod xieraq.

Artikolu 11

It-trasparenza

1.           Il-Kanada tiżgura li fuq il-websajt tagħha, l-Awtorità Kanadiża Kompetenti jkollha:

(a) lista tal-leġiżlazzjoni li tawtorizza l-ġbir tad-dejta tal-PNR;

(b) ir-raġuni għall-ġbir tad-dejta tal-PNR;

(c) il-mod li bih tiġi protetta d-dejta tal-PNR;

(d) il-mod li bih tista' tiġi divulgata d-dejta u sa liema punt jista’ jsir dan;

(e) l-informazzjoni dwar l-aċċess, il-korrezzjoni tad-dejta, in-notazzjonijiet u r-rimedji; u

(f) l-informazzjoni ta’ kuntatt għall-mistoqsijiet.

2.           Il-Partijiet jaħdmu mal-partijiet interessati, bħall-industrija tal-ivvjaġġar bl-ajru, biex jippromwovu t-trasparenza, preferibbilment fil-mument tal-prenotazzjoni, billi jipprovdu lill-passiġġieri bl-informazzjoni li ġejja:

(a) ir-raġunijiet għall-ġbir tad-dejta tal-PNR;

(b) l-użu tad-dejta tal-PNR;

(c) il-proċedura biex jintalab aċċess għad-dejta tal-PNR; u

(d) il-proċedura biex tintalab korrezzjoni tad-dejta tal-PNR.

Artikolu 12

L-aċċess għall-individwi

1.           Il-Kanada tiżgura li kwalunkwe individwu jkun jista’ jaċċessa d-dejta tal-PNR tiegħu.

2.           Il-Kanada tiżgura li, f’perjodu ta’ żmien raġonevoli, l-Awtorità Kanadiża Kompetenti:

(a) tipprovdi kopja tad-dejta tal-PNR lill-individwu interessat jekk dan ikun għamel talba bil-miktub biex jirċievi d-dejta tal-PNR tiegħu;

(b) tirrispondi bil-miktub għal kwalunkwe talba li ssirilha;

(c) tipprovdi lill-individwu interessat b’aċċess għal informazzjoni rreġistrata li tikkonferma li d-dejta tal-PNR tal-individwu tkun ġiet divulgata, jekk l-individwu jitlob li jingħata din il-konferma;

(d) tagħti r-raġunijiet legali jew fattwali għal kull meta tirrifjuta li tippermetti l-aċċess għad-dejta tal-PNR tal-individwu;

(e) tinforma lill-individwu jekk id-dejta tal-PNR ma tkunx teżisti;

(f) tinforma lill-individwu dwar il-possibbiltà li jressaq lment u dwar il-proċedura tal-ilmenti.

3.           Il-Kanada tista’ tiddivulga kwalunkwe informazzjoni, sakemm tkun konformi ma' rekwiżiti u limitazzjonijiet legali raġonevoli, inklużi kwalunkwe limitazzjoni neċessarja għall-prevenzjoni, l-identifikar, l-investigazzjoni jew it-tħarrik ta’ reati terroristiċi, jew għall-protezzjoni tal-pubbliku jew tas-sigurtà nazzjonali, fir-rispett dovut għall-interess leġittimu tal-individwu kkonċernat.

Artikolu 13

Il-korrezzjoni jew in-notazzjoni għall-individwi

1.           Il-Kanada tiżgura li kwalunkwe individwu jkun jista’ jitlob li ssir korrezzjoni tad-dejta tal-PNR tiegħu.

2.           Il-Kanada tiżgura li, f’perjodu ta’ żmien raġonevoli, l-Awtorità Kanadiża Kompetenti tikkunsidra t-talbiet kollha għal korrezzjoni li jsirulha bil-miktub u:

(a) tikkoreġi d-dejta tal-PNR u tinnotifika lill-individwu kkonċernat li l-korrezzjoni tkun saret; jew

(b) tirrifjuta l-korrezzjoni kollha jew parti minnha u:

(i)         tehmeż notazzjoni mad-dejta tal-PNR li tkun tirrifletti kwalunkwe korrezzjoni mitluba li tkun ġiet irrifjutata;

(ii)         tinnotifika lill-individwu li:

i. it-talba għal korrezzjoni ġiet irrifjutata, u tagħti r-raġunijiet legali jew fattwali għal dan;

ii. in-notazzjoni skont is-subparagrafu (i) ġiet mehmuża mad-dejta tal-PNR; u

(c) tinforma lill-individwu dwar il-possibbiltà li jressaq lment u dwar il-proċedura tal-ilmenti.

Artikolu 14

Ir-rimedji amministrattivi u ġudizzjarji

1.           Il-Kanada tiżgura li awtorità pubblika indipendenti jew awtorità maħluqa b’mezzi amministrattivi li tkun teżerċita l-funzjonijiet tagħha b'mod imparzjali u li jkollha rekord ippruvat ta' awtonomija, tirċievi, tinvestiga u tirrispondi għall-ilmenti mressqa minn xi individwu fir-rigward tat-talba li jkun għamel għall-aċċess, il-korrezzjoni jew in-notazzjoni tad-dejta tal-PNR tiegħu. Il-Kanada tiżgura li l-awtorità relevanti tinforma lill-ilmentatur dwar il-mezzi biex jikseb rimedju ġudizzjarju, hekk kif previst fil-paragrafu 2.

2.           Il-Kanada tiżgura li kwalunkwe individwu li jkun tal-opinjoni li d-drittijiet tiegħu ma jkunux irrispettati minħabba xi deċiżjoni jew azzjoni marbuta mad-dejta tal-PNR tiegħu, jista’ jfittex li jikseb rimedju ġudizzjarju f’konformità mal-liġi Kanadiża, permezz ta’ rieżami ġudizzjarju jew kwalunkwe rimedju ieħor li jista’ jinkludi kumpens.

Artikolu 15

Deċiżjonijiet ibbażati fuq l-ipproċessar awtomatizzat

Il-Kanada mhux se tieħu deċiżjonijiet li jolqtu passiġġier b'mod sinifikantement negattiv fuq il-bażi unika tal-ipproċessar awtomatizzat tad-dejta tal-PNR.

Artikolu 16

Iż-żamma tad-dejta tal-PNR

1.           Il-Kanada ma żżommx dejta tal-PNR għal aktar minn ħames snin mid-data li fiha tkun irċevietha.

2.           Il-Kanada tirrestrinġi l-aċċess għal għadd limitat ta’ uffiċjali speċifikament awtorizzati f’dan ir-rigward.

3.           (a) Il-Kanada toħloq anonimità billi tostor l-ismijiet tal-passiġġieri kollha 30 jum wara li tirċievi d-dejta tal-PNR.

(b) Sentejn wara li tirċievi d-dejta tal-PNR, il-Kanada toħloq anonimità ulterjuri billi taħbi dan li ġej:

(i)         l-ismijiet l-oħra msemmija fil-PNR, inkluż l-għadd ta’ vjaġġaturi fil-PNR;

(ii)         l-informazzjoni ta’ kuntatt kollha disponibbli (inkluża l-informazzjoni dwar l-oriġinatur);

(iii)        ir-rimarki ġenerali li jinkludu informazzjoni supplimentari oħra (OSI), informazzjoni speċjali dwar is-servizz (SSI) u informazzjoni dwar talba għal servizz speċjali (SSR), sa fejn ikunu jinkludu xi informazzjoni li twassal għall-identifikazzjoni ta’ persuna fiżika; u

(iv)        kwalunkwe dejta marbuta mal-informazzjoni antiċipata dwar il-passiġġieri (API) li tkun inġabret minħabba l-prenotazzjoni, sa fejn tkun tinkludi xi informazzjoni li twassal għall-identifikazzjoni ta’ persuna fiżika.

4.           Il-Kanada tista’ tikxef d-dejta tal-PNR biss jekk, abbażi tal-informazzjoni disponibbli, ikun meħtieġ li jitwettqu xi investigazzjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 3, kif ġej:

(a) minn 30 jum għal sentejn wara l-ewwel riċevuta, id-dejta tkun tista’ tinkixef biss minn għadd limitat ta’ uffiċjali speċifikament awtorizzati f’dan ir-rigward; u

(b) bejn sentejn u ħames snin wara l-ewwel riċevuta, id-dejta tkun tista’ tinkixef biss bil-permess minn qabel tal-Kap tal-Awtorità Kanadiża Kompetenti, jew ta’ uffiċjal anzjan li jkollu mandat speċifiku mill-Kap.

5.           Minkejja l-paragrafu 1:

(a) Il-Kanada tista’ żżomm id-dejta tal-PNR li tkun tenħtieġ għal xi azzjoni speċifika, rieżami, investigazzjoni, azzjoni ta’ infurzar, proċediment ġudizzjarju, prosekuzzjoni, jew infurzar ta’ penali, sakemm tintemm l-azzjoni inkwistjoni;

(b) Il-Kanada żżomm id-dejta tal-PNR imsemmija fil-punt (a) għal perjodu addizzjonali ta’ sentejn bil-għan waħdieni li tiżgura r-responsabbiltà tal-amministrazzjoni pubblika jew li tiggarantixxi s-sorveljanza tagħha, sabiex id-dejta tkun tista’ tiġi ddivulgata lill-passiġġieri li jagħmlu talba għaliha.

6.           Il-Kanada teqred id-dejta tal-PNR hekk kif jintemm il-perjodu ta’ żamma tad-dejta tal-PNR.

Artikolu 17

Ir-reġistrazzjoni u d-Dokumentazzjoni tal-Ipproċessar tad-Dejta tal-PNR

Il-Kanada tirreġistra l-ipproċessar kollu tad-dejta tal-PNR. Il-Kanada tuża r-reġistrazzjonijiet jew id-dokumentazzjoni biss biex:

(a) timmonitorja u tivverifika l-legalità tal-ipproċessar tad-dejta;

(b) tiżgura, kif xieraq, l-integrità tad-dejta;

(c) tiżgura s-sigurtà tal-ipproċessar tad-dejta; u

(d) tiżgura s-sorveljanza u r-responsabbiltà tal-amministrazzjoni pubblika.

Artikolu 18

Id-divulgazzjoni fil-Kanada

1.           Il-Kanada tiżgura li l-Awtorità Kanadiża Kompetenti tiddivulga d-dejta tal-PNR lil awtoritajiet governattivi oħra fil-Kanada jekk:

(a) id-dejta tal-PNR tiġi ddivulgata lill-awtoritajiet governattivi li l-funzjonijiet tagħhom ikunu relatati direttament mal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 3;

(b) id-dejta tal-PNR tiġi ddivulgata biss fuq bażi ta’ każ b'każ;

(c) iċ-ċirkostanzi partikolari tal-każ irendu d-divulgazzjoni neċessarja għall-finijiet imsemmija fl-Artikolu 3;

(d) jiġi ddivulgat biss l-ammont minimu ta’ dejta tal-PNR meħtieġ;

(e) l-awtorità governattiva riċeventi toffri protezzjoni li tkun ekwivalenti għas-salvagwardji deskritti f’dan il-Ftehim; u

(f) l-awtorità governattiva riċeventi ma tiddivulgax d-dejta tal-PNR lil entità oħra sakemm id-divulgazzjoni ma tkunx ġiet awtorizzata mill-Awtorità Kanadiża Kompetenti, b’rispett lejn il-kundizzjonijiet stipulati f’dan il-paragrafu.

2.           Meta tiġi trasferita l-informazzjoni analitika li jkun fiha d-dejta tal-PNR skont dan il-Ftehim, jiġu rrispettati s-salvagwardji applikabbli għad-dejta tal-PNR imsemmija f'dan l-Artikolu.

Artikolu 19

Id-divulgazzjoni ’l barra mill-Kanada

1.           Il-Kanada tiżgura li l-Awtorità Kanadiża Kompetenti tiddivulga d-dejta tal-PNR lill-awtoritajiet governattivi f’pajjiżi oħra li mhumiex Stati Membri tal-Unjoni Ewropea biss, jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a) id-dejta tal-PNR tiġi ddivulgata lill-awtoritajiet governattivi li l-funzjonijiet tagħhom ikunu relatati direttament mal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 3;

(b) id-dejta tal-PNR tiġi ddivulgata biss fuq bażi ta’ każ b'każ;

(c) id-dejta tal-PNR tiġi ddivulgata biss jekk dan ikun meħtieġ għall-finijiet imsemmija fl-Artikolu 3;

(d) jiġi ddivulgat biss l-ammont minimu ta’ dejta tal-PNR meħtieġ;

(e) l-Awtorità Kanadiża Kompetenti tkun aċċertata li:

(i)         l- awtorità barranija li tirċievi d-dejta tal-PNR tapplika standards għall-protezzjoni tad-dejta tal-PNR, li jkunu ekwivalenti għal dawk stabbiliti f’dan il-Ftehim, f’konformità mal-ftehimiet u fir-rispett dovut lejn id-dispożizzjonijiet li jinkorporaw dawn l-istandards; jew

(ii)         l-awtorità barranija tapplika l-istandards għall-protezzjoni tad-dejta tal- PNR li tkun qablet dwarhom mal-UE.

2.           Jekk, f'konformità mal-paragrafu 1, l-Awtorità Kanadiża Kompetenti tiddivulga d-dejta tal-PNR ta’ individwu li jkun ċittadin ta’ Stat Membru, il-Kanada tiżgura li l-Awtorità Kanadiża Kompetenti tinforma lill-awtoritajiet tal-Istat Membru kkonċernat bid-divulgazzjoni malajr kemm jista’ jkun. Il-Kanada toħroġ din in-notifika f’konformità mal-ftehimiet jew b’rispett dovut lejn id-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw l-infurzar tal-liġi jew il-kondiviżjoni tal-informazzjoni bejn il-Kanada u l-Istat Membru kkonċernat.

3.           Meta tiġi trasferita l-informazzjoni analitika li jkun fiha d-dejta tal-PNR skont dan il-Ftehim, jiġu rrispettati s-salvagwardji applikabbli għad-dejta tal-PNR imsemmija f'dan l-Artikolu.

Artikolu 20

Il-metodu tat-trasferiment

Il-Partijiet jiżguraw li t-trasportaturi tal-ajru jittrasferixxu d-dejta tal-PNR lill-Awtorità Kanadiża Kompetenti biss fuq il-bażi tal-metodu “push” u f'konformità mal-proċeduri segwenti li għandhom jiġu rrispettati mit-trasportaturi tal-ajru:

(a) jittrasferixxu d-dejta tal-PNR b'mezzi elettroniċi f'konformità mar-rekwiżiti tekniċi tal-Awtorità Kanadiża Kompetenti jew, f'każ ta’ ħsara teknika, b'mezz ieħor kwalunkwe li jiżgura livell xieraq ta’ sigurtà tad-dejta;

(b) jittrasferixxu d-dejta tal-PNR b’format tal-messaġġi li jkun reċiprokament aċċettat;

(c) jittrasferixxu d-dejta tal-PNR b'mod sigur billi jużaw il-protokolli komuni meħtieġa mill-Awtorità Kanadiża Kompetenti.

Artikolu 21

Il-frekwenza tat-trasferimenti

1.           Il-Kanada tiżgura li l-Awtorità Kanadiża Kompetenti titlob lit-trasportatur tal-ajru jittrasferixxi d-dejta tal-PNR:

(a) fuq bażi ta' skeda fejn l-aktar kmieni jkun sa 72 siegħa qabel it-tluq skedat; u,

(b) għal massimu ta' ħames darbiet, għal titjira partikolari.

2.           Il-Kanada tiżgura li l-Awtorità Kanadiża Kompetenti tinforma lit-trasportaturi tal-ajru bil-ħinijiet speċifiċi għat-trasferimenti.

3.           F'każijiet speċifiċi, fejn ikun hemm indikazzjoni li jkun meħtieġ aċċess addizzjonali b'reazzjoni għal xi theddida speċifika relatata mal-kamp ta' applikazzjoni, kif deskritt fl-Artikolu 3, l-Awtorità Kanadiża Kompetenti tista' titlob lit-trasportatur tal-ajru jipprovdi d-dejta tal-PNR qabel jew wara t-trasferimenti skedati jew bejniethom. Fl-eżerċitar ta' din id-diskrezzjoni, il-Kanada se taġixxi b'ġudizzju u b'mod proporzjonali u se tuża l-metodu ta' trasferiment deskritt fl-Artikolu 20.

Dispożizzjonijiet ta' Implimentazzjoni u Finali

Artikolu 22

Id-dejta tal-PNR irċevuta qabel id-dħul fis-seħħ ta' dan il-Ftehim

Il-Kanada tapplika l-kundizzjonijiet ta' dan il-Ftehim għad-dejta tal-PNR kollha li tkun qed iżżomm fiż-żmien meta dan il-Ftehim jidħol fis-seħħ.

Artikolu 23

Ir-reċiproċità

1.           Jekk l-Unjoni Ewropea tadotta reġim tal-ipproċessar tad-dejta tal-PNR għall-Unjoni Ewropea, il-Partijiet jikkonsultaw lil xulxin sabiex jiddeterminaw jekk il-Ftehim għandux jiġi emendat biex jiżguraw li jkun hemm reċiproċità sħiħa.

2.           L-awtoritajiet tal-Kanada u tal-UE jikkooperaw bejniethom biex jiksbu l-koerenza tar-reġimi tal-ipproċessar tad-dejta tal-PNR rispettivi tagħhom b'tali mod li tissaħħaħ ulterjorment is-sigurtà taċ-ċittadini tal-Kanada, tal-UE u ta' bnadi oħra.

Artikolu 24

In-nonderoga

Dan il-Ftehim m'għandux jiġi interpretat li jidderoga minn kwalunkwe obbligu bejn il-Kanada u l-Istati Membri tal-UE jew pajjiżi terzi biex issir u biex tiġi mwieġba talba għall-assistenza skont strument ta' assistenza reċiproka.

Artikolu 25

Is-soluzzjoni tat-tilwim u s-sospensjoni

1.           Il-Partijiet għandhom isolvu kwalunkwe tilwima li tirriżulta mill-interpretazzjoni, l-applikazzjoni jew l-implimentazzjoni ta' dan il-Ftehim b'mezzi diplomatiċi, bil-ħsieb li jaslu għal soluzzjoni aċċettata b'mod reċiproku, li tipprevedi l-possibbiltà li waħda mill-Partijiet tikkonforma fi żmien raġonevoli.

2.           Jekk il-Partijiet ma jirnexxilhomx isolvu t-tilwima, kull Parti tista' tissospendi l-applikazzjoni ta' dan il-Ftehim permezz ta' notifika bil-miktub lill-Parti l-oħra, b'mezzi diplomatiċi. Is-sospensjoni tidħol fis-seħħ 120 jum mid-data li fiha tkun saret tali notifika, sakemm il-Partijiet ma jiddeċidux b'mod konġunt li jsir mod ieħor.

3.           Il-Parti li tissospendi l-applikazzjoni ta' dan il-Ftehim twaqqaf is-sospensjoni hekk kif it-tilwima tiġi solvuta b'mod li jissodisfa liż-żewġ Partijiet. Hija tinnotifika lill-Parti l-oħra bil-miktub bid-data li fiha jerġa' jibda japplika l-Ftehim.

4.           Il-Kanada tkompli tapplika l-kundizzjonijiet ta' dan il-Ftehim għad-dejta tal-PNR kollha li tkun inkisbet qabel is-sospensjoni ta' dan il-Ftehim.

Artikolu 26

Il-konsultazzjoni, ir-rieżami u l-emendi

1.           Il-Partijiet jagħtu pariri lil xulxin dwar kwalunkwe miżura li għandha tiġi ppromulgata u li tista' taffettwa lil dan il-Ftehim.

2.           Il-Partijiet iwettqu rieżami konġunt tal-implimentazzjoni ta' dan il-Ftehim sena wara d-dħul fis-seħħ tiegħu, u mbagħad minn hemm ikomplu jwettquh b'intervalli regolari u fuq bażi addizzjonali jekk issir talba minn waħda mill-Partijiet u jekk tittieħed deċiżjoni konġunta biex isir hekk.

3.           Il-Partijiet jevalwaw dan il-Ftehim b'mod konġunt erba’ snin wara d-dħul fis-seħħ tiegħu.

4.           Il-Partijiet jiddeċiedu minn qabel dwar il-modalitajiet tiegħu u jgħarrfu lil xulxin dwar il-kompożizzjoni tat-timijiet rispettivi tagħhom. Għall-finijiet ta' kwalunkwe rieżami, l-Unjoni Ewropea se tiġi rrappreżentata mill-Kummissjoni Ewropea. It-timijiet se jkunu jinkludu esperti relevanti fl-oqsma tal-protezzjoni tad-dejta u tal-infurzar tal-liġi. Soġġetta għal-liġijiet applikabbli, kwalunkwe persuna li tieħu sehem f'rieżami, se tintalab tirrispetta l-kunfidenzjalità tad-diskussjonijiet u se jkollha l-awtorizzazzjonijiet xierqa ta’ sigurtà. Għall-finijiet ta’ kwalunkwe rieżami, il-Kanada tiżgura l-aċċess għad-dokumentazzjoni, għas-sistemi, u għall-persunal relevanti.

5.           Wara li jsir ir-rieżami konġunt, il-Kummissjoni Ewropea tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. Il-Kanada għandha l-possibbiltà li tipprovdi l-kummenti tagħha bil-miktub, li jiġu mehmuża mar-rapport.

6.           Jekk Parti tipproponi li jiġi emendat dan il-Ftehim, hija mistennija li tagħmel dan bil-miktub.

Artikolu 27

It-terminazzjoni

1.           Parti tista' tittermina dan il-Ftehim fi kwalunkwe żmien billi tavża lill-Parti l-oħra b'mezzi diplomatiċi dwar l-intenzjoni tagħha. Dan il-Ftehim jiġi tterminat 120 jum wara li n-notifika tasal għand il-Parti l-oħra.

2.           Il-Kanada tkompli tapplika l-kundizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim għad-dejta tal-PNR kollha li tkun inkisbet qabel it-terminazzjoni ta’ dan il-Ftehim.

Artikolu 28

It-tul ta’ żmien

1.           Soġġett għall-paragrafu 2, dan il-Ftehim jibqa' fis-seħħ għal perjodu ta’ seba' snin mid-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu.

2.           Fi tmiem kull perjodu ta’ seba' snin, il-Ftehim jiġġedded awtomatikament għal seba' snin oħra, ħlief jekk waħda mill-Partijiet tavża lill-Parti l-oħra li ma jkollhiex intenzjoni li ġġedded il-Ftehim. Il-Parti trid tinnotifika lill-Parti l-oħra bil-miktub u b'mezzi diplomatiċi, mill-inqas sitt xhur qabel l-iskadenza tal-perjodu ta’ seba' snin.

3.           Il-Kanada tkompli tapplika l-kundizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim għad-dejta tal-PNR kollha li tkun inkisbet qabel it-terminazzjoni ta’ dan il-Ftehim.

Artikolu 29

L-applikazzjoni territorjali

1.           Soġġett għall-paragrafi minn 2 sa 4, dan il-Ftehim japplika għat-territorju li fih huma applikabbli t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u għat-territorju tal-Kanada.

2.           Dan il-Ftehim japplika biss għat-territorju tad-Danimarka, tar-Renju Unit, jew tal-Irlanda, jekk l-Unjoni Ewropea, permezz tal-Kummissjoni Ewropea, tinnotifika lill-Kanada dwar dan.

3.           Jekk l-Unjoni Ewropea, permezz tal-Kummissjoni Ewropea, tinnotifika lill-Kanada qabel id-dħul fis-seħħ tal-Ftehim li dan se japplika għat-territorju tad-Danimarka, tar-Renju Unit jew tal-Irlanda, dan il-Ftehim japplika għat-territorju ta’ tali Stat fl-istess jum li fih il-Ftehim ikun japplika għall-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea l-oħra.

4.           Jekk l-Unjoni Ewropea, permezz tal-Kummissjoni Ewropea, tinnotifika lill-Kanada wara d-dħul fis-seħħ tal-Ftehim li dan se japplika għat-territorju tad-Danimarka, tar-Renju Unit jew tal-Irlanda, dan il-Ftehim japplika għat-territorju ta’ tali Stat, ħamest ijiem wara d-data li fiha tkun saret in-notifika.

Artikolu 30

Dispożizzjonijiet finali

1.           Kull Parti tinnotifika lill-Parti l-oħra bil-miktub meta tkun lestiet il-proċeduri kollha meħtieġa għad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim. Dan il-Ftehim jidħol fis-seħħ fid-data tat-tieni notifika.

2.           Il-Kanada se tinnotifika lill-Kummissjoni Ewropea, qabel id-dħul fis-seħħ tal-Ftehim b'mezzi diplomatiċi dwar l-identità tal-awtoritajiet li ġejjin:

(a) l-Awtorità Kanadiża Kompetenti msemmija fl-Artikolu 2(1)(d); u,

(b) l-awtorità pubblika indipendenti u l-awtorità maħluqa b’mezzi amministrattivi skont kif imsemmi fl-Artikolu 10 u fl-Artikolu 14(1).

Il-Kanada tinforma lill-Kummissjoni Ewropea mill-aktar fis possibbli, bi kwalunkwe bidliet f'dan ir-rigward.

3.           L-Unjoni Ewropea tippubblika l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

4.           Dan il-Ftehim jissostitwixxi d-dispożizzjonijiet preċedenti dwar l-ipproċessar tal-API u tad-dejta tal-PNR inkluż il-Ftehim bejn il-Gvern tal-Kanada u l-Komunità Ewropea tat-22 ta' Marzu 2006, dwar l-Ipproċessar tal-Informazzjoni Antiċipata dwar il-Passiġġieri u tad-Dejta tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri.

Magħmul f’żewġ kopji fi xyz, fil-xyz, bl-Ingliż u bil-Franċiż. Dan il-Ftehim jitfassal ukoll bil-lingwa Bulgara, Ċeka, Daniża, Estonjana, Finlandiża, Ġermaniża, Griega, Latvjana, Litwana, Maltija, Olandiża, Pollakka, Portugiża, Rumena, Slovakka, Slovena, Spanjola, Svediża, Taljana u Ungeriża. Ladarba jiġu approvati mill-Partijiet permezz ta’ skambju ta’ noti, il-verżjonijiet kollha jitqiesu ugwalment awtentiċi. F'każ li jkun hemm diverġenza bejn il-verżjonijiet tal-lingwi differenti, jipprevalu l-verżjoni Ingliża u dik Franċiża.

GĦALL-KANADA

…………………………………………..

GĦALL-UNJONI EWROPEA

…………………………………………..

ANNESS

Elementi tad-dejta tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri

1. Il-kodiċi lokalizzatur tal-PNR;

2. id-data tal-prenotazzjoni/ħruġ tal-biljett;

3. id-data/dati tal-vjaġġ intenzjonat;

4. l-isem/ismijiet;

5. l-informazzjoni disponibbli dwar vjaġġaturi frekwenti u dwar il-benefiċċji (jiġifieri biljetti b’xejn, titjib fil-klassi tal-ivvjaġġar eċċ.);

6. ismijiet oħra fil-PNR, inkluż l-għadd ta’ vjaġġaturi fil-PNR;

7. l-informazzjoni ta’ kuntatt kollha disponibbli (inkluża l-informazzjoni dwar l-oriġinatur);

8. kull informazzjoni disponibbli dwar il-ħlas/fattura (apparti dettalji oħra tat-tranżazzjoni marbuta mal-karta tal-kreditu jew mal-kont u li mhux relatati mat-tranżazzjoni tal-ivvjaġġar);

9. l-itinerarju tal-vjaġġ għal PNR speċifiku;

10. l-aġenzija tal-ivvjaġġar/aġent tal-ivvjaġġar;

11. l-informazzjoni dwar il-kondiviżjoni tal-kodiċi;

12. l-informazzjoni maqsuma/diviża;

13. l-istatus tal-ivvjaġġar tal-passiġġier (inklużi l-konfermi u l-istatus tar-reġistrazzjoni);

14. l-informazzjoni dwar il-qtugħ ta’ biljetti, inkluż in-numru tal-biljett, il-biljetti mingħajr ritorn u d-dettalji tal-"Automated Ticket Fare Quote";

15. l-informazzjoni kollha dwar il-bagalji;

16. l-informazzjoni dwar is-sits, inkluż in-numru tas-sit;

17. rimarki ġenerali inklużi informazzjoni supplimentari oħra (OSI), informazzjoni speċjali dwar is-servizz (SSI) u informazzjoni dwar talba għal servizz speċjali (SSR);

18. kwalunkwe Informazzjoni Antiċipata dwar il-Passiġġieri (API) li tkun inġabret minħabba l-prenotazzjoni;

19. il-bidliet kollha fl-istorja tad-dejta tal-PNR, elenkati bin-numri (1) sa (18).

[1]               ĠU L 82/15, 21.3.2006.

[2]               ĠU L 91/49, 29,3.2006.

[3]               ĠU C 81E/70, 15.3.2011.

[4]               ĠU C 74E/8, 13.3.2012.

[5]               COM(2010) 492 final, 21.9.2010.

Top