EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013PC0348

Proposta għal DIRETTIVA TAL-KUNSILL li temenda d-Direttiva 2011/16/UE fir-rigward tal-iskambju awtomatiku obbligatorju ta' informazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni

/* COM/2013/0348 final - 2013/0188 (CNS) */

52013PC0348

Proposta għal DIRETTIVA TAL-KUNSILL li temenda d-Direttiva 2011/16/UE fir-rigward tal-iskambju awtomatiku obbligatorju ta' informazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni /* COM/2013/0348 final - 2013/0188 (CNS) */


MEMORANDUM TA' SPJEGAZZJONI

1.           IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

1.           F'dawn l-aħħar snin, l-isfida ppreżentata mill-frodi fiskali u l-evażjoni tat-taxxa żdiedet konsiderevolment u saret punt fokali ta' tħassib fl-Unjoni Ewropea u madwar id-dinja. Qegħdin jintilfu biljuni ta' euro. Permezz tat-tnaqqis fil-frodi u fl-evażjoni, l-Istati Membri jistgħu jżidu d-dħul mit-taxxa li jżidilhom ukoll il-kapaċità biex jirristrutturaw is-sistemi tat-taxxa tagħhom b'mod li jkun jippromwovi aħjar it-tkabbir, kif spjegat fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tal-2013. Minbarra dan, minħabba d-dimensjoni tal-isfida, l-intensifikar tal-ġlieda kontra l-frodi u l-evażjoni tat-taxxa mhuwiex biss kwistjoni ta' dħul, iżda wkoll ta' ġustizzja. B'mod partikolari f'dawn iż-żminijiet ekonomikament diffiċli, il-kontribwenti onesti ma għandhomx ibatu żidiet addizzjonali fit-taxxi maħsuba biex jagħmlu tajjeb għat-telf mid-dħul ikkawżat minn dawk li jwettqu l-frodi tat-taxxa jew li jevadu t-taxxa.

2.           Għal bosta snin, l-Unjoni Ewropea (UE) ilha taħdem b'mod attiv fuq dawn il-problemi, b'mod partikolari billi adottat strumenti legali speċifiċi biex timplimenta skambju awtomatiku ta' informazzjoni (automatic exchange of information, “AEOI”) fl-Unjoni. Id-Direttiva tat-Tfaddil tal-UE (EU Savings Directive, “l-EUSD”) tiżgura AEOI fuq l-introjtu mill-imgħax u proposta biex il-kamp ta' applikazzjoni tagħha jiġi estiż qed tiġi diskussa fil-Kunsill. Id-Direttiva dwar il-Kooperazzjoni Amministrattiva (“DAC”) tiżgura li, mill-2015, l-Istati Membri se jagħmlu skambju awtomatiku tal-informazzjoni malli din tkun disponibbli għal ħames kategoriji ta' introjtu u kapital: impjiegi, miżati tad-diretturi, prodotti tal-assigurazzjoni tal-ħajja li mhux koperti minn Direttivi oħra tal-UE, pensjonijiet u sjieda ta' proprjetà immobbli u l-introjtu minnha.

3.           L-Istati Membri issa esprimew xewqa ċara li jmorru lil hinn mil-livelli kurrenti ta' kooperazzjoni. Il-Kunsill Ewropew tat-2 ta' Marzu 2012 stieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sabiex jiżviluppaw malajr modi konkreti biex titjieb il-ġlieda kontra l-frodi fiskali. Fis-6 ta' Diċembru 2012, il-Kummissjoni ppreżentat Pjan ta' azzjoni biex issaħħaħ il-ġlieda kontra l-frodi fiskali u l-evażjoni tat-taxxa[1]. Il-Pjan ta' Azzjoni jenfasizza l-ħtieġa li tiġi promossa l-AEOI bħala l-istandard Ewropew u internazzjonali tat-trasparenza u l-iskambju tal-informazzjoni fi kwistjonijiet tat-taxxa. Fl-14 ta' Mejju 2013, il-Kunsill ECOFIN adotta konklużjonijiet waqt li laqa' b'sodisfazzjon ix-xogħol mill-Kummissjoni dwar l-iżvilupp ta' miżuri biex tkun miġġielda l-frodi tat-taxxa, l-evażjoni tat-taxxa u l-ippjanar aggressiv tat-taxxa u rrikonoxxa r-rwol utli li l-Pjan ta' Azzjoni tal-Kummissjoni jista' jkollu f'dan ir-rigward[2].

4.           Il-Kunsill Ewropew fit-22 ta' Mejju 2013 mar saħansitra aktar 'il bogħod, u talab l-estensjoni tal-AEOI fil-livell tal-Unjoni kif ukoll f'dak globali bil-għan li jiġu miġġielda l-frodi tat-taxxa, l-evażjoni tat-taxxa u l-ippjanar aggressiv tat-taxxa. F'dik l-okkażjoni, il-Kummissjoni kkomettiet ruħha li tipproponi emendi għad-DAC f'Ġunju 2013 sabiex tkabbar il-kamp ta' applikazzjoni tal-AEOI, b'antiċipazzjoni tar-reviżjoni tad-DAC diġà prevista fl-2017.

5.           L-għan tal-proposta preżenti huwa, għalhekk, li tespandi l-ambitu tal-AEOI fl-UE lil hinn minn dak previst fl-arranġamenti eżistenti tal-UE għal skambju awtomatiku ta' informazzjoni. Hija ġġib dawn l-elementi li ġejjin fil-kamp ta' applikazzjoni tal-AEOI: dividendi, qligħ kapitali, introjtu finanzjarju ieħor u bilanċi tal-kontijiet. Id-dispożizzjoni għal rieżami u espansjoni tad-DAC fl-2017 tibqa' hemm. Madankollu, f'konformità mal-għan li jissaħħaħ l-AEOI, it-tneħħija tal-kundizzjoni ta' disponibbiltà issa se tiġi kkunsidrata f'dak iż-żmien fir-rigward tal-ħames kategoriji eżistenti kollha flimkien sabiex id-DAC jkun ikopri l-firxa sħiħa ta' introjtu. Minbarra dan, il-kategoriji li jiġu kkunsidrati għall-inklużjoni f'dak iż-żmien ikunu emendati fid-dawl ta' din il-proposta (ara hawn taħt). L-estensjoni tal-kamp ta' applikazzjoni tal-AEOI tikkontribwixxi wkoll biex tiġi żgurata l-ugwaljanza ta' trattament bejn tipi differenti ta' assi u li tiġi evitata riallokazzjoni mhux mixtieqa ta' portafolli.

6.           Il-Kummissjoni tipproponi li titneħħa r-referenza fl-Artikolu 8(3) tad-Direttiva għal limitu minimu li taħtu Stat Membru jista' ma jkunx jixtieq jirċievi informazzjoni minn Stati Membri oħra. Id-diskussjonijiet urew li limitu minimu bħal dan mhuwiex prattiku għall-Istati Membri li huma meħtieġa li jirrapportaw. Madankollu, Stat Membru jista' jkompli jagħżel li ma jirċievi ebda informazzjoni dwar kategorija partikolari ta' introjtu.

7.           Inizjattiva tal-UE hija meħtieġa kemm mill-perspettiva tas-suq intern kif ukoll f'termini tal-effiċjenza u l-effikaċja:

– Inizjattiva tal-UE tiżgura approċċ koerenti, konsistenti u komprensiv madwar l-UE kollha għall-AEOI fis-suq intern. Dan ikun ifisser approċċ wieħed għar-rappurtar fost l-Istati Membri li jwassal għal iffrankar ta' spejjeż kemm għall-amministrazzjonijiet tat-taxxa kif ukoll għall-operaturi ekonomiċi (ara wkoll il-punt 11 hawn taħt).

– Strument legali tal-UE jiżgura wkoll ċertezza għall-amministrazzjonijiet tat-taxxa u l-operaturi ekonomiċi fl-UE.

– Strument legali tal-UE għandu jikkontribwixxi għall-iżvilupp tal-istandard internazzjonali tal-AEOI.

– Strument legali tal-UE abbażi tad-DAC jkun jinvolvi l-użu ta' arranġamenti tal-IT diġà fis-seħħ jew li qed jiġu żviluppati biex jiġi ffaċilitat ir-rappurtar ta' informazzjoni taħt l-EUSD u d-DAC. B'dawk id-Direttivi, l-Istati Membri tal-UE jaqsmu informazzjoni f'formati speċifiċi bl-użu ta' kanal ta' komunikazzjoni speċifiku (is-sistema CCN/CSI). Dawn il-formati faċilment jistgħu jiġu estiżi sabiex ikunu jistgħu jintużaw ukoll għall-elementi addizzjonali issa proposti għall-inklużjoni. Billi l-Istati Membri investew ħafna ħin u flus fl-iżvilupp dawn il-formati, ikun hemm ekonomiji ta' skala jekk l-Istati Membri jiskambjaw ukoll informazzjoni dwar l-elementi l-ġodda bl-użu ta' dawn il-formati.

– Minbarra dan, il-Kunsill diġà impenja ruħu, fl-Artikolu 8(5) tad-DAC, li għandu jikkunsidra meta opportun jekk l-iskambju awtomatiku tal-informazzjoni għandux jiġi estiż, fuq il-bażi ta' strument legali madwar l-UE, biex ikopri kategoriji oħra ta' introjtu bħad-dividendi u l-qligħ kapitali. Din il-proposta qiegħda, għalhekk, sempliċiment taċċellera x-xogħol skont dan l-impenn.

8.           Il-ftehimiet li bosta gvernijiet ikkonkludew jew se jikkonkludu mal-Istati Uniti fir-rigward tal-Foreign Account Tax Compliance Act (FATCA)[3] tal-Istati Uniti taw impetu ulterjuri għall-AEOI bħala mezz fil-ġlieda kontra l-frodi u l-evażjoni tat-taxxa.

9.           Fid-9 ta' April 2013, Franza, il-Ġermanja, ir-Renju Unit, l-Italja u Spanja ħabbru pjanijiet għal azzjoni pilota dwar l-AEOI bl-użu tal-mudell FATCA miftiehem mal-Istati Uniti bħala bażi. Dawn l-Istati Membri talbu wkoll li l-Ewropa tieħu rwol ta' tmexxija biex tippromwovi l-AEOI fid-dinja u esprimew ix-xewqa li jiddiskutu kif jista' jsir progress fl-UE dwar it-titjib tal-iskambju tat-tagħrif dwar it-taxxa bejn l-Istati Membri kollha.

10.         L-Artikolu 19 tad-DAC jiddikjara li Stat Membru li jipprovdi kooperazzjoni usa' ma' pajjiż terz ma jistax jirrifjuta li jipprovdi tali kooperazzjoni usa' lil kwalunkwe Stat Membru ieħor li jkun jixtieq jidħol f'tali kooperazzjoni reċiproka usa' ma' dak l-Istat Membru. Il-fatt li Stati Membri kkonkludew jew se jikkonkludu ftehimiet mal-Istati Uniti fir-rigward tal-FATCA jfisser li dawn jipprovdu kooperazzjoni usa' skont it-tifsira ta' dik id-dispożizzjoni.

11.         AEOI mkabbar fuq il-bażi ta' strument leġiżlattiv għall-UE kollha għandu jneħħi l-ħtieġa u l-inċentiv għall-Istati Membri sabiex jinvokaw l-Artikolu 19 tad-DAC, bil-għan li jikkonkludu ftehimiet bilaterali jew multilaterali li jistgħu jitqiesu xierqa dwar l-istess suġġett fl-assenza ta' leġiżlazzjoni relevanti tal-Unjoni. Ix-xenarju ta' diversi ftehimiet konklużi taħt dik id-dispożizzjoni jippreżenta għadd ta' żvantaġġi, meta mqabbel ma' soluzzjoni miġjuba minn azzjoni mill-UE:

– Il-kundizzjonijiet indaqs għal kulħadd bejn l-Istati Membri jistgħu jkunu f'riskju jekk l-Istati Membri jaqblu li jikkooperaw fuq AEOI miżjud b'modi differenti. Dan jista' jwassal għal distorsjonijiet u flussi artifiċjali tal-kapital fiis-suq intern.

– Jekk il-ftehimiet bejn l-Istati Membri ma jkunux identiċi, dan jista' wkoll joħloq diffikultajiet għal operaturi ekonomiċi li huma attivi f'diversi Stati Membri billi dawn imbagħad ikunu jistgħu jiffaċċaw rekwiżiti differenti ta' konformità fi Stati Membri differenti.

– Jista' jfisser ukoll li l-Istati Membri ma jkunux jistgħu jużaw is-sistemi ta' rappurtaġġ tal-IT li ġew żviluppati fl-UE (ara hawn fuq).

12.         L-adozzjoni u l-implimentazzjoni mingħajr dewmien huma kruċjali sabiex jinkisbu l-benefiċċji kemm jista' jkun malajr. Sabiex tiġi żgurata l-konsistenza mal-iskadenza għall-applikazzjoni tal-AEOI għall-kategoriji tal-introjtu u l-kapital diġà koperti mid-DAC, il-limiti ta' żmien proposti għat-traspożizzjoni u l-applikazzjoni tar-regoli l-ġodda huma l-31 ta' Diċembru 2014 u l-1 ta' Jannar 2015, rispettivament.

2.           RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Minbarra d-diskussjonijiet li saru fil-Kunsill tal-Ministri minn April 2013 (ara hawn fuq taħt il-punt 1), il-Kummissjoni organizzat laqgħa teknika mal-Istati Membri fil-21 ta' Mejju 2013 biex tikkonferma l-ħtieġa għal proposta leġiżlattiva u biex tiddiskuti l-modalitajiet prattiċi u l-kontenut tagħha.

Id-diskussjonijiet urew li l-Istati Membri ġeneralment kienu jappoġġaw il-ħtieġa għat-titjib tal-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni u sabiex titħaffef l-estensjoni tal-ambitu tal-Artikolu 8 tad-DAC kif diġà previst fl-Artikolu 8(5).

Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri jixtiequ jieħdu azzjoni rapida biex iżidu l-AEOI iżda azzjoni mhux ikkoordinata mill-Istati Membri dwar din il-kwistjoni tista' twassal għal frammentazzjoni potenzjali fit-tul fis-suq intern. Għalhekk, sar eċċezzjonalment urġenti li jsir provvediment għal qafas legali konsistenti u koerenti tal-UE; għal din ir-raġuni, ma tħejjiet l-ebda valutazzjoni tal-impatt.

Il-Parlament Ewropew adotta riżoluzzjoni fil-21 ta' Mejju 2013[4], li biha jilqa' b'sodisfazzjon il-Pjan ta' Azzjoni tal-Kummissjoni u r-Rakkomandazzjonijiet tagħha, iħeġġeġ lill-Istati Membri biex isegwu l-impenji tagħhom u jilqgħu l-pjan ta' azzjoni tal-Kummissjoni, kif ukoll jenfasizza li l-UE għandha tieħu rwol ta' tmexxija fid-diskussjonijiet dwar il-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa, l-evażjoni tat-taxxa u r-rifuġji fiskali u, b'mod partikolari, fir-rigward tal-promozzjoni tal-iskambju awtomatiku tal-informazzjoni.

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew ukoll adotta opinjoni fis-17 ta' April 2013[5]. Il-Kumitat jappoġġja l-pjan ta' Azzjoni tal-Kummissjoni u jappoġġa l-isforzi tagħha biex issib soluzzjonijiet prattiċi fir-rigward tat-tnaqqis l-frodi tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa. B'mod partikolari, huwa jappoġġa fil-punti 4.6 u 4.7 l-inizjattivi tal-Kummissjoni fir-rigward tat-titjib dwar l-AEOI.

3.           ELEMENTI ĠURIDIĊI TAL-PROPOSTA

Il-proposta għandha l-għan li timmodifika l-Artikolu 8 tad-DAC kurrenti. Il-modifiki jinsabu fl-Artikolu 1 tal-proposta.

L-ewwel modifika tikkonċerna l-paragrafu 3 tal-Artikolu 8. Il-proposta hija li titneħħa r-referenza għal limitu minimu li taħtu Stat Membru jista' ma jkunx jixtieq jirċievi informazzjoni minn Stati Membri oħra. Diskussjonijiet mal-Istati Membri wrew li dan il-livell minimu mhuwiex maniġġabbli b'mod prattiku. Minbarra dan, huwa propost li tiddaħħal l-espressjoni “waħda jew bosta mill-” qabel it-terminu “kategoriji”; dan jevita nuqqas ta' ftehim f'każ fejn Stat Membru jindika li ma jixtieqx jirċievi informazzjoni dwar wieħed jew bosta mill-kategoriji tal-introjtu u l-kapital imsemmija fil-paragrafu 1 ukoll jekk ikun jixtieq jirċievi informazzjoni dwar oħrajn.

Huwa propost li jiġi introdott, permezz ta' paragrafu ġdid 3a tal-Artikolu 8, l-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni għal dividendi, qligħ kapitali, kwalunkwe introjtu ieħor iġġenerat fir-rigward tal-assi miżmuma f'kont finanzjarju, kwalunkwe ammont li fir-rigward tiegħu l-istituzzjoni finanzjarja hija l-obbligant (jiġifieri hija legalment jew kuntrattwalment obbligata li tħallas) jew id-debitur, inkluż kwalunkwe ħlasijiet ta' fidi, u bilanċi tal-kontijiet. Dawn il-punti addizzjonali jirrelataw mal-introjtu imħallas direttament jew indirettament lil użufruttwarji li huma persuni naturali, kif definit bl-Artikolu 3(11)(a) tad-Direttiva 2011/16/UE, jew kapital miżmum direttament jew indirettament minn dawn il-persuni. Mhux qed jiġi propost li tiġi estiża għall-partiti l-ġodda l-kundizzjoni eżistenti stipulata fl-Artikolu 8(1) fir-rigward tal-introjtu li bħalissa huwa inkluż fid-Direttiva, li hija li l-informazzjoni għandha tiġi skambjata biss jekk tkun “disponibbli”. Informazzjoni dwar dawk il-punti ġodda ċertament se tkun disponibbli billi l-intermedjarji finanzjarji se jkunu meħtieġa jirrapportawha lill-amministrazzjonijiet tat-taxxa skont il-ftehimiet li l-Istati Membri kkonkludew jew se jikkonkludu mal-Istati Uniti fir-rigward tal-FATCA.

Rigward il-paragrafu 5 tal-Artikolu 8, qed jiġu proposti dawn it-tibdiliet:

– Fl-ewwel subparagrafu, issir referenza paragrafu ġdid 3a u r-rieżami tal-kundizzjoni tad-disponibbiltà se jikkonċerna l-ħames kategoriji kollha elenkati fil-paragrafu 1 (minflok tlieta minnhom biss);

– Fil-punt (b) tat-tieni subparagrafu, ir-referenza għal “dividendi u qligħ kapitali” bħala kwistjonijiet li għandhom jiġu kkunsidrati għal żieda futura mad-Direttiva titneħħa billi dawn il-kategoriji issa huma miżjuda fil-paragrafu l-ġdid 3a; “kategoriji u elementi oħra, inklużi d-drittijiet tal-awtur” (id-drittijiet tal-awtur huma diġà kkwotati fit-test eżistenti) hija sostitwita sabiex jitħalla aktar miftuħ l-ambitu ta' proposta ġdida fl-2017.

L-Artikolu 2 fih id-dispożizzjoni tas-soltu li torbot lill-Istati Membri biex jittrasponu d-Direttiva. Il-limiti ta' żmien proposti għat-traspożizzjoni u l-applikazzjoni tar-regoli l-ġodda huma l-31 ta' Diċembru 2014 u l-1 ta' Jannar 2015 rispettivament , sabiex dawn jiġu allinjati mad-dati applikabbli fir-rigward ta' kategoriji ta' introjtu u kapital inklużi fl-Artikolu 8.1 tad-Direttiva eżistenti.

4.           IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA

Il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni baġitarja. Dan japplika b'mod partikolari fir-rigward tal-użu tal-għodod tal-IT, billi l-għodod li qed jiġu żviluppati se jintużaw ukoll għall-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva.

2013/0188 (CNS)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-KUNSILL

li temenda d-Direttiva 2011/16/UE fir-rigward tal-iskambju awtomatiku obbligatorju ta' informazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u b'mod partikolari l-Artikolu 115 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-Parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew[6],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[7],

Filwaqt li jaġixxi skont proċedura leġiżlattiva speċjali,

Billi:

(1)       F'dawn l-aħħar snin, l-isfida ppreżentata mill-frodi fiskali u l-evażjoni tat-taxxa żdiedet konsiderevolment u saret punt fokali ta' tħassib fl-Unjoni u fuq il-livell globali. Introjtu li ma jiġix irrappurtat u ntaxxat qiegħed inaqqas konsiderevolment id-dħul nazzjonali mit-taxxi. Għaldaqstant, il-ħtieġa li jiżdiedu l-effiċjenza u l-effikaċja fil-ġbir tat-taxxi hija waħda urġenti. L-iskambju awtomatiku tal-informazzjoni jikkostitwixxi għodda importanti f'dan ir-rigward u l-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni tagħha tas-6 ta' Diċembru 2012 li fiha Pjan ta' azzjoni biex tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-frodi fiskali u l-evażjoni tat-taxxa[8] enfasizzat il-ħtieġa li tippromwovi b'mod vigoruż l-iskambju awtomatiku tal-informazzjoni bħala l-istandard futur Ewropew u internazzjonali tat-trasparenza u l-iskambju tal-informazzjoni fi kwistjonijiet tat-taxxa. Il-Kunsill Ewropew fit-22 ta' Mejju 2013 talab l-estensjoni tal-iskambju awtomatiku tal-informazzjoni fil-livelli tal-Unjoni u globali bil-għan li jiġu miġġielda l-frodi tat-taxxa, l-evażjoni tat-taxxa u l-ippjanar aggressiv tat-taxxa.

(2)       Id-Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE tal-15 ta' Frar 2011 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni u li tħassar id-Direttiva 77/799/KEE[9] diġà tipprevedi l-iskambju awtomatiku obbligatorju tal-informazzjoni bejn l-Istati Membri dwar ċerti kategoriji ta' introjtu u kapital. Hu jistabbilixxi wkoll approċċ pass-pass għat-tisħiħ tal-iskambju awtomatiku tal-informazzjoni permezz tal-estensjoni progressiva tagħha għal kategoriji ġodda ta' introjtu u ta' kapital u t-tneħħija tal-kundizzjoni li l-informazzjoni għandha tiġi skambjata biss jekk disponibbli.

(3)       Kif enfasizzat mit-talba tal-Kunsill Ewropew, huwa xieraq li titressaq 'il quddiem l-estensjoni ta' skambju awtomatiku tal-informazzjoni diġà prevista fl-Artikolu 8(5) tad-Direttiva 2011/16/UE. Inizjattiva tal-Unjoni tiżgura approċċ koerenti, konsistenti u komprensiv mifrux mal-Unjoni kollha għall-iskambju awtomatiku tal-informazzjoni fis-suq intern li jwassal għal iffrankar fl-ispejjeż kemm għall-amministrazzjonijiet tat-taxxa kif ukoll għall-operaturi ekonomiċi.

(4)       Il-fatt li l-Istati Membri jkunu kkonkludew jew esprimew l-intenzjoni li jikkonkludu ftehimiet mal-Istati Uniti tal-Amerika dwar il-leġiżlazzjoni tagħha dwar il-Konformità Fiskali tal-Kontijiet Barranin (komunement imsejħa “FATCA”) jfisser li jkunu qed jipprovdu jew se jipprovdu għal kooperazzjoni usa' skont it-tifsira tal-Artikolu 19 tad-Direttiva 2011/16/UE, u huma, jew se jkunu, b'obbligu li jipprovdu tali kooperazzjoni usa' lill-Istati Membri l-oħra wkoll.

(5)       Il-konklużjoni ta' ftehimiet paralleli u mhux koordinati mill-Istati Membri skont l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2011/16/UE twassal għal distorsjonijiet li jkunu ta' detriment għall-funzjonament tajjeb tas-Suq intern. Skambju awtomatiku tal-informazzjoni mkabbar fuq il-bażi ta' strument leġiżlattiv għall-UE kollha għandu jneħħi l-ħtieġa għall-Istati Membri sabiex jinvokaw dik id-dispożizzjoni, bil-għan li jikkonkludu ftehimiet bilaterali jew multilaterali li jistgħu jitqiesu xierqa dwar l-istess suġġett fl-assenza ta' leġiżlazzjoni relevanti tal-Unjoni.

(6)       L-ambitu tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2011/16/UE, għandu jiġi estiż biex jinkludi l-entrati li ġejjin koperti mill-FATCA u ftehimiet relatati mill-Istati Membri: dividendi, qligħ kapitali, introjtu finanzjarju ieħor u bilanċi tal-kontijiet, li jitħallsu, huma garantiti jew miżmuma minn istituzzjoni finanzjarja għall-benefiċċju dirett jew indirett ta' sid benefiċjarju li jkun persuna fiżika residenti fi Stat Membru ieħor.

(7)       Il-kundizzjoni li skambju awtomatiku jista' jkun suġġett għad-disponibbiltà tal-informazzjoni mitluba kif previst fl-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2011/16/UE ma għandhiex tapplika għall-elementi l-ġodda billi l-informazzjoni dwar dawk l-elementi għandha neċessarjament tiġi pprovduta mill-intermedjarji finanzjarji lill-amministrazzjonijiet tat-taxxa skont il-ftehimiet mal-Istati Uniti fir-rigward tal-FATCA.

(8)       Ir-referenza għal limitu minimu fl-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2011/16/UE għandhom jitneħħew billi limitu minimu bħal dan ma jidhirx li kien maniġġabbli fil-prattika.

(9)       Ir-rieżami tal-kundizzjoni ta' disponibbiltà li għandu jsir fl-2017 għandu jiġi estiż għall-ħames kategoriji kollha msemmija fl-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2011/16/UE, sabiex il-każ għall-iskambju ta' informazzjoni mill-Istati Membri kollha fuq dawk il-kategoriji kollha jiġi eżaminat.

(10)     Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tħares il-prinċipji rikonoxxuti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

(11)     Peress li l-għan tal-azzjoni li għandha tittieħed, jiġifieri l-kooperazzjoni amministrattiva effiċjenti bejn l-Istati Membri b'kundizzjonijiet kumpatibbli mal-funzjonament xieraq tas-suq intern, ma jistgħux jintlaħqu suffiċjentament mill-Istati Membri u jistgħu għalhekk, minħabba l-uniformità u l-effikaċja meħtieġa, jintlaħqu aħjar f'livell Komunitarju, il-Komunità tista' tadotta miżuri, f'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F'konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif imniżżel f'dan l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jintlaħaq dak l-għan.

(12)     Id-Direttiva 2011/16/UE għalhekk għandha tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

L-Artikolu 8 tad-Direttiva 2011/16/UE huwa emendat kif ġej:

(a) Il-paragrafu 3 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“3.     L-awtorità kompetenti ta' Stat Membru tista' tindika lill-awtorità kompetenti ta' kwalunkwe Stat Membru ieħor li ma tixtieqx tirċievi informazzjoni dwar waħda mill-kategoriji tal-introjtu u l-kapital imsemmija fil-paragrafu 1 jew bosta minnhom. Hija għandha wkoll tinforma lill-Kummissjoni b'dan.

Stat Membru jista' jitqies li ma jixtieqx jirċievi informazzjoni f'konformità mal-paragrafu 1, jekk ma jinformax lill-Kummissjoni bi kwalunkwe kategorija speċifika li fir-rigward tagħha huwa jkollu informazzjoni disponibbli."

(b) Wara l-paragrafu 3, jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“3a.    L-awtorità kompetenti ta' kull Stat Membru għandha, permezz ta' skambju awtomatiku, tikkomunika lill-awtorità kompetenti ta' kwalunkwe Stat Membru ieħor, informazzjoni rigward perjodi taxxabbli mill-1 ta' Jannar 2014 fir-rigward tal-punti li ġejjin li huma mħallsa, garantiti jew miżmuma minn istituzzjoni finanzjarja għall-benefiċċju dirett jew indirett ta' sid benefiċjarju li jkun persuna fiżika residenti f'dak l-Istat Membru l-ieħor:

(a) dividendi;

(b) qligħ kapitali;

(c) kwalunkwe introjtu ieħor iġġenerat fir-rigward tal-assi miżmuma f'kont finanzjarju;

(d) kull ammont li fir-rigward tiegħu l-istituzzjoni finanzjarja tkun obbligant jew debitur, inkluż kwalunkwe ħlasijiet ta' fidi;

(e) bilanċi tal-kontijiet.

L-ewwel subparagrafu ma għandux japplika sal-punt li l-iskambju tal-informazzjoni inkwistjoni huwa żgurat permezz tal-paragrafu 1 jew permezz ta' xi strument legali ieħor tal-Unjoni.”

(c) Il-paragrafu 5 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“5.     Qabel l-1 ta' Lulju 2017, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport li jipprovdi ħarsa ġenerali u valutazzjoni tal-istatistika u l-informazzjoni riċevuta, dwar kwistjonijiet bħall-ispejjeż amministrattivi u oħrajn rilevanti u l-benefiċċji tal-iskambju awtomatiku tal-informazzjoni, kif ukoll l-aspetti prattiċi marbuta ma' dan. Jekk ikun xieraq, il-Kummissjoni għandha tippreżenta proposta lill-Kunsill rigward il-kategoriji u l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1, inkluża l-kundizzjoni li għandha tkun disponibbli l-informazzjoni li tikkonċerna lil residenti fi Stati Membri oħra jew l-elementi msemmija fil-paragrafu 3a, jew it-tnejn.

Meta jkun qed jeżamina proposta ppreżentata mill-Kummissjoni, il-Kunsill għandu jivvaluta t-tisħiħ ulterjuri tal-effiċjenza u l-funzjonament tal-iskambju awtomatiku tal-informazzjoni u t-titjib tal-istandard tiegħu, bil-għan li jipprevedi li:

(a) l-awtorità kompetenti ta' kull Stat Membru għandha, permezz ta' skambju awtomatiku, tikkomunika lill-awtorità kompetenti ta' kwalunkwe Stat Membru ieħor, informazzjoni rigward perjodi taxxabbli mill-1 ta' Jannar 2017 rigward ir-residenti f'dak l-Istat Membru l-ieħor, dwar il-kategoriji kollha ta' introjtu u ta' kapital elenkati fil-paragrafu 1, kif għandhom jinftiehmu skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istat Membru li jikkomunika l-informazzjoni;

(b) il-listi ta' kategoriji u partiti stabbiliti fil-paragrafi 1 u 3a jiġu estiżi biex jinkludu kategoriji u elementi oħra, inklużi d-drittijiet tal-awtur”

Artikolu 2

1.           L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sa mhux aktar tard mit-31 ta' Diċembru 2014, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta' dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni.

Huma għandhom japplikaw dawn id-dispożizzjonijiet mill-1 ta' Jannar 2015.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jirreferu għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati mit-tali referenza waqt il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif għandha ssir it-tali referenza.

2.           L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin fil-liġijiet nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert b'din id-Direttva.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-20 jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell,

                                                                       Għall-Kunsill

                                                                       Il-President

[1]               COM(2012)722 finali.

[2]               Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-frodi fiskali u l-evażjoni tat-taxxa tal-14 ta' Mejju 2013 (Dok. 9549/13 - FISC 94 - ECOFIN 353)

[3]               http://www.treasury.gov/resource-center/tax-policy/treaties/Pages/FATCA.aspx

[4]               Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-21 ta' Mejju 2013 dwar il-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa, l-evażjoni tat-taxxa, u r-rifuġji fiskali (Rapport Kleva) – 2013/2025 (INI).

[5]               Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tas-17 ta' April 2013 dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill - Pjan ta' azzjoni biex tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-frodi fiskali u l-evażjoni tat-taxxa COM(2012) 722 finali (Rapport Dandea) — CESE 101/2013.

[6]               ĠU C , , p. .

[7]               ĠU C , , p. .

[8]               COM(2012)722 finali.

[9]               ĠU L 64, 11.3.2011, p. 1.

Top