Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013PC0344

    Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f'isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE dwar emenda għall-Anness XIII tal-Ftehim taż-ŻEE

    /* COM/2013/0344 final - 2013/0182 (NLE) */

    52013PC0344

    Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f'isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE dwar emenda għall-Anness XIII tal-Ftehim taż-ŻEE /* COM/2013/0344 final - 2013/0182 (NLE) */


    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1.           KUNTEST TAL-PROPOSTA

    Sabiex jiġu żgurati ċ-ċertezza legali u l-omoġenjità meħtieġa tas-Suq Intern, il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE għandu jintegra l-leġiżlazzjoni kollha relevanti tal-UE fil-Ftehim taż-ŻEE mill-aktar fis possibbli wara l-adozzjoni tiegħu.

    2.           RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

    L-abbozz tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE (anness mad-Deċiżjoni tal-Kunsill proposta) għandu l-għan li jemenda l-Anness XIII (Trasport) għall-Ftehim taż-ŻEE sabiex tinkorpora b’ċerti adattamenti għall-Istati tal-EFTA taż-ŻEE r-Regolament (KE) Nru 1070/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 549/2004, (KE) Nru 550/2004, (KE) Nru 551/2004 u (KE) Nru 552/2004 biex itejjeb il-prestazzjoni u s-sostenibbiltà tas-sistema Ewropea tal-avjazzjoni[1]

    L-adattamenti għall-Istati tal-EFTA taż-ŻEE jirrigwardaw l-applikabbiltà tal-Artikoli 5, 11 u 13a tar-Regolament (KE) Nru 549/2004[2] kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1070/2009, l-Artikoli 9a (2) (c), 9a (2) (i) u 9a (5) u (6) tar-Regolament (KE) Nru 550/2004[3] kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1070/2009 u l-Artikolu 6 (2) tar-Regolament (KE) Nru 551/2004[4] kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1070/2009.

    Skont l-Artikolu 1 (3) tar-Regolament (KE) Nru 549/2004, kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1070/2009, l-applikazzjoni tar-Regolament, kif ukoll l-applikazzjoni tar-Regolamenti msemmijin fl-Artikolu 3, huma mingħajr preġudizzju għad-drittijiet u doveri ta’ Stati Membri taħt il-Konvenzjoni ta’ Chicago tal-1944 dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (“il-Konvenzjoni ta’ Chicago”).

    Bis-saħħa tal-Artikolu 12 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, l-Istati Membri jimpenjaw irwieħhom li jżomm ir-regolamenti tagħhom uniformi, sa fejn l-aktar possibbli, ma’ dawk stabbiliti taħt il-Konvenzjoni ta’ Chicago. Partijiet tal-ispazju tal-arja rregolati min-Norveġja u l-Islanda huma spazju tal-ajru fuq ibħra miftuħa fi ħdan ir-reġjun ICAO NAT. Konsegwentement, in-Norveġja u l-Islanda għandhom, bħala membri tal-Konvenzjoni ta’ Chicago u skont il-proċeduri stabbiliti, id-drittijiet, l-obbligi u r-responsabbiltajiet biex jipprovdu servizzi tat-traffiku tal-ajru, fejn ir-regoli uniformi japplikaw bi qbil mal-ħtiġijiet tal-Annessi 2 u 11 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago. Barra minn hekk, ftehim li ilu żmien twil dwar l-ispazju tal-ajru moqdi mill-Islanda jippermetti operazzjonijiet li huma komparabbli, u jaqdi l-għanijiet ta’ blokk ta’ spazju tal-ajru funzjonali kif definit mir-regolamenti SES.

    Is-servizzi fir-reġjun NAT huma bbażati fuq ir-rekwiżiti tal-ICAO, il-Pjan tal-Organizzazzjoni Dinjija ta’ Navigazzjoni tal-Ajru u dikjarazzjoni dwar il-viżjoni tal-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru globali. Hemm konsistenza fil-biċċa l-kbira bejn l-għanijiet tal-Pjan Globali ta' Navigazzjoni bl-Ajru tal-ICAO u rekwiżiti reġjonali fl-ispazju tal-ajru tar-reġjun NAT fuq naħa, u l-għanijiet riflessi fil-pakketti SES I u II fuq in-naħa l-oħra. Madankollu, xi għanijiet tas-SES II, eż. li għandhom l-għan li jsolvu l-problemi tal-konġestjoni fir-reġjun EUR, jistgħu ma jkunux rilevanti jew impenjattivi bla bżonn fir-reġjun NAT. Għalhekk il-miri ta' prestazzjoni reġjonali jew nazzjonali huma iktar relevanti għas-servizzi pprovduti mill-Islanda fi ħdan ir-reġjun NAT.

    Regolament (KE) Nru 549/2004

    Parteċipazzjoni fil-Kumitat tal-Ajru Uniku (Artikolu 5), adattament (a):

    L-adattament attwali juri, bla ħsara għall-Artikolu 100 ŻEE, id-dritt tal-Istati tal-EFTA li jipparteċipaw bi sħiħ fil-Kumitat. Dan l-adattament huwa miżmum. Minħabba r-rwol dejjem ikbar tal-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA wara l-inkorporazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1070/2009, it-test ta' adattament għandu jippermetti wkoll li l-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA tista' tkun preżenti bħala osservatur fil-laqgħat tal-Kumitat.

    L-applikazzjoni tal-Artikolu 11 għall-Islanda, adattament (b):

    Sabiex tadatta l-Artikolu 11 għaċ-ċirkostanzi speċjali fl-Islanda, adattament ġie miżjud sabiex “madwar il-Komunità kollha” jaqra “reġjonali jew nazzjonali”.

    Il-miri ta’ prestazzjoni fil-Komunità kollha (l-Artikolu 11):

    Il-Kummissjoni se tadotta miri tal-prestazzjoni mawar il-Komunità kollha. Dawk il-miri se japplikaw biss għall-Istati tal-EFTA ladarba d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni jiġu inkorporati fil-Ftehim taż-ŻEE.

    Applikabilità tal-Artikolu 11 għall-Islanda

    Billi l-perjodu ta’ referenza attwali jispiċċa fil-31 ta’ Diċembru 2014, l-Artikolu 11 ma għandux japplika għall-Islanda qabel l-1 ta’ Jannar 2015. Bħalissa m'hemm l-ebda rekwiżiti ta' skema ta' prestazzjoni fis-seħħ għall-Islanda. Dan għandu jippermetti lill-Islanda ż-żmien li tħejji skema qabel ma jidħlu fis-seħħ ir-rekwiżiti u għandu jippermetti li l-perjodu ta' referenza għall-Islanda jkun sinkroniżżat mal-perjodu ta' referenza Ewropew.

    Il-ħatra ta’ Korp ta’ Analiżi tal-Prestazzjoni (Artikolu 11(2)), adattament (d):

    F’konformità mal-istruttura taż-żewġ pilastri tal-Ftehim taż-ŻEE, il-Korp ta’ Analiżi tal-Prestazzjoni (“PRB”) irid jiġi indikati separatament għall-Istati tal-EFTA. Bil-għan li tiġi żgurata l-konsistenza, il-koerenza u l-omoġeneità, l-istess PRB maħtur għall-Istati Membri tal-UE għandu jkun maħtur għall-Istati tal-EFTA wkoll.

    Ħidmiet ta’ Sorveljanza (Artikolu 11(3)(c) u (e)), adattamenti (e) u (f):

    Għal blokok tal-ispazju tal-ajru funzjonali, li esklussivament ikopru ż-żona ta’ wieħed jew aktar mill-Istati tal-EFTA jew wieħed jew aktar mill-Istati Membri tal-UE, l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA jew lill-Kummissjoni, rispettivament, se jwettqu l-ħidmiet u jeżerċitaw is-setgħat stabbiliti fil-punti.

    L-adattament dwar l-ittra (c) jistabbilixxi r-regoli relatati ma’ blokok tal-ispazju tal-ajru funzjonali li jkopru l-qasam ta’ kemm wieħed jew aktar mill-Istati tal-EFTA u wieħed jew aktar mill-Istati Membri tal-UE. L-adattament jinforza s-sistema ta’ żewġ pilastri billi jagħti l-kompetenza biex iwettqu kompiti rigward l-Istati tal-EFTA lill-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA u l-kompetenza rigward l-Istati Membri tal-UE lill-Kummissjoni.

    L-adattament għal ittra (e) huwa bbażat fuq l-istess linja ta’ raġunament bħal dak tal-adattament għal ittra (c). Dan l-adattament, madankollu, jipprevedi li l-valutazzjoni tal-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA fir-rigward ta’ blokok ta’ spazju tal-ajru funzjonali li jkopru wkoll iż-żona ta’ wieħed jew aktar Stati Membri tal-UE għandu jkun ippreżentat b’mod konġunt lill-Kumitat dwar Ajru Uniku, u li l-Kumitat ma jiġi separat fil-pilastru tal-EFTA. Dan l-adattament huwa motivat mill-fatt li l-Kumitat dwar Ajru Uniku huwa speċjalizzat ħafna u li n-natura partikolari tal-kwistjonijiet tal-EFTA huma mistennija li jkunu interkonnessi ma’ kwistjonijiet tal-UE li diskussjoni apparti f’Kumitat tal-EFTA ma tkunx vijabbli.

    Koordinazzjoni mal-EASA (Artikolu 13a), adattament (g):

    L-adattament jiżgura li l-Istati tal-EFTA u l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA, bħall-Istati Membri tal-UE u l-Kummissjoni, għandhom jikkoordinaw mal-EASA.

    Regolament (KE) Nru 550/2004

    Blokki funzjonali tal-ispazju tal-ajru (Artikoli 9a(2)(c) u 9a(2)(i)), l-adattamenti (a) u (b):

    Ir-reġjun NAT għandu obbligu regolatorju differenti, minħabba li ICAO huwa l-korp li jipproponi sett ta’ regoli li jirregolaw l-ibħra miftuħa. L-adattament jiżgura li dan il-kuntest regolatorju differenti jiġi kkunsidrat. Il-ġestjoni tal-fluss tat-traffiku huwa mwettaq minn stati NAT innifshom fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku. Huwa għalhekk meħtieġ li l-konsistenza ma’ netwerk ta’ rotot Ewropej jew NAT hija żgurata mill-Islanda.

    Riżoluzzjoni ta’ tilwim rigward blokk ta’ spazju tal-ajru funzjonali transkonfinali (Artikolu 9a(5)):

    Il-proċedura stipulata fl-Artikolu 9a(5) m’għandix tapplika għall-Istati tal-EFTA, minħabba li adattament settorali III fl-Anness XIII jistipula proċedura ta’ riżoluzzjoni ta’ tilwim separat għal tilwim li jinvolvi wieħed jew aktar mill-Istati tal-EFTA. Għalhekk m’hemm l-ebda ħtieġa għal kwalunkwe test ta' adattament.

    Il-valutazzjoni ta’ blokok funzjonali tal-ispazju tal-ajru (Artikolu 9a(6)), adattament (c):

    Jekk blokk ta’ spazju tal-ajru funzjonali jkopri biss Stati Membri tal-UE jew Stati tal-EFTA biss, il-Protokoll 1 tal-Ftehim taż-ŻEE japplika, u, rispettivament, il-Kummissjoni u l-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA jwettqu l-kompiti stipulati fil-punt. L-adattament jistabbilixxi l-proċedura fil-każ il-blokk ta’ spazju tal-ajru funzjonali jkopri kemm wieħed jew aktar Stat Membru tal-UE kif ukoll wieħed jew aktar mill-Istati tal-EFTA. Dan jiżgura li l-istruttura ta' żewġ pilastri tal-Ftehim taż-ŻEE hija rispettata kemm prattikament possibbli.

    Regolament (KE) Nru 551/2004

    Il-ġestjoni u t-tfassil tan-netwerk (Artikolu 6(2)), l-adattamenti (a), (b) u (c):

    Din id-dispożizzjoni għandha x’taqsam, inter alia, mar-responsabbiltajiet tal-Kummissjoni u l-kompiti fir-rigward ta’ ġestjoni tan-netwerk u d-disinn. Barra minn hekk, il-Kummissjoni qed tingħata s-setgħa li tafda l-kompiti lil maniġer tan-netwerk, li sar fis-7 ta’ Lulju 2011.

    It-testi ta' adattament stipulaw il-proviżjonijiet meħtieġa sabiex jinħata maniġer tan-netwerk fil-pilastru tal-EFTA mill-Istati tal-EFTA taż-ŻEE. Għaldaqstant, il-Kumitat Permanenti tal-Istati tal-EFTA huwa mogħti l-kompiti u l-funzjonijiet tal-Kummissjoni. B’mod ċar, sabiex tiffaċilita li x-xogħol imwettaq fiż-żewġ pilastri huma koordinati b’mod xieraq, huwa importanti li l-istess maniġer tan-netwerk huwa maġtur għall-Istati tal-EFTA taż-ŻEE kif ġie maħtur għall-Istati Membri tal-UE.

    L-adattament (ċ) jiżgura li l-Kumitat Permanenti tal-Istati tal-EFTA jaħtar il-maniġer tan-netwerk għall-Istati tal-EFTA taż-ŻEE. Qabel ma jinħatar il-maniġer tan-netwerk, ftehim mal-maniġer rilevanti għandu jiġi konkluż.

    3.           ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

    L-Artikolu 1(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2894/94 dwar l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim taż-ŻEE jipprevedi li, fuq proposta mill-Kummissjoni, il-Kunsill jistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f'isem l-Unjoni dwar Deċiżjonijiet bħal dawn.

    Il-Kummissjoni tissottometti l-Abbozz tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE għall-adozzjoni mill-Kunsill bħala l-pożizzjoni tal-Unjoni. Il-Kummissjoni tittama li tkun fil-qagħda li tippreżentah fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE mill-aktar fis possibbli.

    2013/0182 (NLE)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f'isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE dwar emenda għall-Anness XIII tal-Ftehim taż-ŻEE

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 100(2), flimkien mal-Artikolu 208(9) tiegħu,

    Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2894/94 tat-28 ta' Novembru 1994 dwar l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea[5], u b'mod partikolari l-Artikolu 1(3) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)       Il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea[6] (“il-Ftehim taż-ŻEE”) daħal fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 1994.

    (2)       Skont l-Artikolu 98 tal-Ftehim taż-ŻEE, il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE jista’ jiddeċiedi li, inter alia, jemenda l-Anness XIII tiegħu.

    (3)       L-Anness XIII għall-Ftehim taż-ŻEE fih dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-modi kollha tat-trasport.

    (4)       Regolament (KE) Nru 1070/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 21 ta’ Ottubru 2009 li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 549/2004, (KE) Nru 550/2004, (KE) Nru 551/2004 u (KE) Nru 552/2004 biex itejjeb il-prestazzjoni u s-sostenibbiltà tas-sistema Ewropea tal-avjazzjoni[7] għandu jiġi inkorporat fil-Ftehim taż-ŻEE b'ċerti adattamenti għall-Istati tal-EFTA taż-ŻEE.

    (5)       L-adattamenti għall-Istati tal-EFTA taż-ŻEE jirrigwardaw l-applikabbiltà tal-Artikoli 5, 11 u 13a tar-Regolament (KE) Nru 549/2004[8] kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1070/2009, l-Artikoli 9a (2) (c), 9a (2) (i) u 9a (5) u (6) tar-Regolament (KE) Nru 550/2004[9] kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1070/2009 u l-Artikolu 6 (2) tar-Regolament (KE) Nru 551/2004[10] kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1070/2009.

    6.         L-Anness XIII ta’ mal-Ftehim dwar iż-ŻEE għandu għalhekk jiġi emendat skont dan.

    7.         Il-pożizzjoni tal-Unjoni fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz ta' Deċiżjoni li jinsab mehmuż,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE dwar l-emenda proposta tal-Anness XIII għall-Ftehim taż-ŻEE għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz ta' Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmul fi Brussell,

                                                                           Għall-Kunsill

                                                                           Il-President

    Anness

    DEĊIŻJONI TAL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE Nru

    ta’

    li temenda l-Anness XIII (Trasport) ta’ mal-Ftehim ŻEE

    IL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE,

    Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (“il-Ftehim ŻEE”), u b’mod partikolari l-Artikolu 98 tiegħu,

    Billi:

    (1) Regolament (KE) Nru 1070/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 21 ta’ Ottubru 2009 li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 549/2004, (KE) Nru 550/2004, (KE) Nru 551/2004 u (KE) Nru 552/2004 biex itejjeb il-prestazzjoni u s-sostenibbiltà tas-sistema Ewropea tal-avjazzjoni[11] għandu jiġi inkorporat fil-Ftehim taż-ŻEE.

    (2) L-ispazju tal-ajru fejn l-Islanda hija responsabbli għall-forniment ta’ servizzi tat-traffiku tal-ajru hija kompletament fi ħdan ir-reġjun ICAO NAT, fejn l-ippjanar reġjonali u ftehimiet reġjonali ġew stabbiliti, li jippermetti l-funzjonament tat-tip FAB , u jaqdu l-ħtiġijiet u r-rekwiżiti operattivi li jvarjaw minn fir-reġjuni ICAO EUR u AFI.

    (3) Għalhekk l-Anness XIII ta’ mal-Ftehim ŻEE għandu jiġi emendat skont dan,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    L-Anness XIII tal-Ftehim ŻEE hu emendat kif ġej:

    1.           It-test tal-punt 66t (Regolament (KE) Nru 549/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill) għandu jiġi emendat kif ġej:

    (i)      Jiżdid it-test li ġej:

    ‘, kif emendant minn:

    -        32009 R 1070: Regolament (KE) Nru 1070/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 (ĠU L 300, 14.11.2009. p. 34).”

    (ii)     It-test tal-adattament (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    'Il-paragrafu li ġej għandu jkun miżjud fl-Artikolu 5:

    “6.     L-Istati tal-EFTA għandhom jipparteċipaw bis-sħiħ fil-kumitat stabbilit skont il-paragrafu 1, minbarra għad-dritt tal-vot.

    7.       L-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA għandha jkollha ‘status’ ta’ osservatur fil-Kumitat dwar Ajru Uniku Ewropew.””

    (iii)     Adattament (b) huwa nnumerat bħala adattament (h).

    (iv)    L-adattamenti li ġejjin huma inseriti:

    ‘(b)    Fl-Artikolu 11, il-kliem “madwar il-Komunità kollha” għandhom jinqraw “reġjonali jew nazzjonali” fir-rigward tal-Islanda.

    (c)     Fir-rigward tal-Islanda, l-Artikolu 11 għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2015.

    (d)     L-ewwel sentenza fl-Artikolu 11(2) għandha taqra kif ġej:

    “Il-Kumitat Permanenti tal-Istati tal-EFTA jista' jaħtar lil Eurocontrol jew korp ieħor imparzjali u kompetenti biex jaġixxi “korp ta’ analiżi tal-prestazzjoni”. “Jekk il-Kummissjoni tkun ħatret korp ta’ analiżi tal-prestazzjoni, il-Kumitat Permanenti tal-Istati EFTA għandu jagħmel ħilitu biex jaħtar l-istess entità taħt kundizzjonijiet simili li jissodisfaw l-istess kompiti f’dak li jirrigwarda l-Istati EFTA.”

    (e)     Fl-Artikolu 11(3)(c), għandu jiżdied il-paragrafu li ġej:

    “Jekk blokka ta’ spazju tal-ajru funzjonali tkopri wieħed jew aktar Stati Membri tal-UE u wieħed jew aktar tal-Istati tal-EFTA, il-kompiti u s-setgħat stabbiliti f'dan il-punt għandhom jitwettqu mill-Kummissjoni fir-rigward tal-Istati Membri tal-UE u mill-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA fir-rigward tal-Istati tal-EFTA. Il-Kummissjoni u l-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA għandhom, f'dan ir-rigward, jikooperaw bil-għan li jiġu adottati pożizzjonijiet identiċi."

    (f)      Fl-Artikolu 11(3)(e), għandu jiżdied il-paragrafu li ġej:

    “Jekk il-valutazzjoni tikkonċerna miri ta' prestazzjoni, li huma relatati ma' wieħed jew aktar Stati Membri tal-UE u wieħed jew aktar Stati tal-EFTA, il-valutazzjoni għandha ssir mill-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA fir-rigward tal-Istati tal-EFTA u mill-Kummissjoni fir-rigward tal-Istati Membri tal-UE. Il-Kummissjoni u l-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA għandhom jikooperaw bil-għan li jippreżentaw b'mod konġunt ir-riżultati lill-Kumitat dwar Ajru Uniku."

    (g)     Fl-Artikolu 13a, fir-rigward tal-Istati EFTA, “l-Istati Membri u l-Kummissjoni” għandu jaqra “l-Istati tal-EFTA u l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA".”

    2.           It-test tal-punt 66u (Regolament (KE) Nru 550/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill) għandu jiġi emendat b’dan li ġej:

    (i)      Jiżdid it-test li ġej:

    ‘, kif emendant minn:

    -        32009 R 1070: Regolament (KE) Nru 1070/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 (ĠU L 300, 14.11.2009. p. 34).”

    (ii)     L-adattamenti (a), (b), (c) u (d) għandhom jiġu nnumerati mill-ġdid bħala adattamenti (d), (e), (f) u (g).

    (iii)     L-adattamenti li ġejjin huma inseriti:

    ‘(a)    Fir-rigward tal-Islanda, l-Artikolu 3(2)(e) għandu jaqra kif ġej:

    “jiżguraw konsistenza man-netwerk Ewropew tar-rotot stabbilit skont l-Artikolu 6 tar-Regolament dwar l-ispazju tal-ajru jew in-netwerk tar-rotot stabbilit fir-reġjun ICAO NAT;”

    (b)     Fir-rigward tal-Islanda, l-Artikolu 9a(2)(i) għandu jaqra kif ġej:

    “jiffaċilitaw il-konsistenza ma’ miri ta’ prestazzjoni reġjonali jew nazzjonali.”

    (c)     Fl-Artikolu 6, għandu jiżdied il-paragrafu li ġej:

    “Il-Kummissjoni u l-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA għandhom jevalwaw kemm jiġu sodisfati r-rekwiżiti stipulati fil-paragrafu 2 minn blokok funzjonali tal-ispazju tal-ajru li jinvolvu wieħed jew aktar Stati Membri tal-UE u wieħed jew aktar Stati tal-EFTA, u għandhom jikooperaw bil-għan li jippreżentaw riżultat konġunt lill-Kumitat dwar Ajru Uniku għal diskussjoni. Jekk il-Kummissjoni u l-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA jsibu li l-blokka tal-ispazju tal-ajru ma tissodisfax ir-rekwiżiti għandhom jidħlu fi djalogu mal-Istati Membri kkonċernati u l-Istati tal-EFTA rispettivament bil-għan li jilħqu kunsens dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu biex tiġi rettifikata s-sitwazzjoni."'

    3.           It-test tal-punt 66v (Regolament (KE) Nru 551/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill) għandu jiġi emendat b’dan li ġej:

    (i)      Jiżdid it-test li ġej:

    ‘, kif emendant minn:

    – 32009 R 1070: Regolament (KE) Nru 1070/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 (ĠU L 300, 14.11.2009. p. 34).”

    (ii)     It-testi tal-adattamenti (a) u (b) huma mħassra.

    (iii)     Adattament (ċ) huwa nnumerat bħala adattament (d).

    (iv)    L-adattamenti li ġejjin huma inseriti:

    ‘(a)    Fl-Artikolu 6 (2), il-kelma” Kummissjoni” għandha, fir-rigward tal-Istati tal-EFTA tiġi sostitwita bil-kliem “Kumitat Permanenti tal-Istati tal-EFTA”.

    (b)     Fl-Artikolu 6 (2) (b), it-tielet subparagrafu, il-kliem “wara konsultazzjoni mal-Kumitat għall-Ajru Uniku u” għandhom, fir-rigward tal-Istati tal-EFTA, ma japplikawx.

    (c)     Fl-Artikolu 6(2), it-tielet subparagrafu, is-sentenza li ġejja hija miżjuda:

    “Jekk il-Kummissjoni nnominat maniġer tan-Netwerk, il-Kumitat Permanenti tal-Istati EFTA għandhom jagħmlu ħilithom biex jaħtru l-istess entità taħt kundizzjonijiet simili li jissodisfaw l-istess ħidmiet f’dak li jirrigwarda l-Istati EFTA.’”

    4.           Dan li ġej għandu jiżdied mal-punt 66w (Regolament (KE) Nru 552/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill):

    ‘, kif emendant minn:

    – 32009 R 1070: Regolament (KE) Nru 1070/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 (ĠU L 300, 14.11.2009. p. 34).”

    Artikolu 2

    It-testi tar-Regolament (KE) Nru 1070/2009 fil-lingwa Islandiża u dik Norveġiża, li jiġu ppubblikati fis-Suppliment ŻEE ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, huma awtentiċi.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ f'[…], dment li jkunu saru n-notifiki kollha, skont l-Artikolu 103(1) tal-Ftehim dwar iż-ŻEE*.

    Artikolu 4

    Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fis-Sezzjoni taż-ŻEE u fis-Supplement taż-ŻEE ta' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    Magħmul fi Brussell,.

    Għall-Kumitat Konġunt taż-ŻEE

    Il-President                         Is-Segretarji tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE

    [1]               ĠU L 300, 14.11.2009, p. 34.

    [2]               ĠU L 96, 31.3.2004, p. 1.

    [3]               ĠU L 96, 31.3.2004, p. 10.

    [4]               ĠU L 96, 31.3.2004, p. 20.

    [5]               ĠU L 305, 30.11.1994, p. 6.

    [6]               ĠU L 1, 3.1.1994, p. 3.

    [7]               ĠU L 300, 14.11.2009, p. 34.

    [8]               ĠU L 96, 31.3.2004, p. 1.

    [9]               ĠU L 96, 31.3.2004, p. 10.

    [10]             ĠU L 96, 31.3.2004, p. 20.

    [11]             ĠU L 300, 14.11.2009, p. 34.

    *               [L-ebda rekwiżiti kostituzzjonali ma huma indikati.] [Rekwiżiti kostituzzjonali indikati.]

    Top