Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013PC0028

    Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1370/2007 fir-rigward tal-ftuħ tas-suq għas-servizzi tat-trasport ferrovjarju domestiku tal-passiġġieri

    /* COM/2013/028 final - 2013/0028 (COD) */

    52013PC0028

    Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1370/2007 fir-rigward tal-ftuħ tas-suq għas-servizzi tat-trasport ferrovjarju domestiku tal-passiġġieri /* COM/2013/028 final - 2013/0028 (COD) */


    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1.           KUNTEST TAL-PROPOSTA

    Fil-White Paper tagħha tal-2011 dwar il-politika tat-trasport, adottata fit-28 ta' Marzu 2011[1], il-Kummissjoni Ewropea pproponiet il-viżjoni tagħha ta' Żona Ferrovjarja Unika Ewropea, b'suq ferrovjarju intern fejn l-impriżi ferrovjarji Ewropej ikunu jistgħu jipprovdu servizzi mingħajr xkiel tekniku u amministrattiv żejjed.

    Għadd ta’ inizjattivi ta’ politika għarfu l-potenzjal tal-infrastruttura ferrovjarja bħala sinsla tas-suq intern, u bħala xprunatur ta’ tkabbir sostenibbli. Il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Jannar 2012 saħqu fuq l-importanza li jiġi sfruttat il-potenzjal ta’ tkabbir ta’ Suq Intern integrat bis-sħiħ, inkluż b'miżuri fir-rigward tal-industriji tan-netwerks. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Azzjoni għall-Istabbiltà, għat-Tkabbir u għall-Impjiegi, adottata fit-30 ta' Mejju 2012, issottolinjat l-importanza li jkomplu jitnaqqsu l-piż u x-xkiel regolatorji għad-dħul fis-settur ferrovjarju. Bl-istess mod, il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Governenza aqwa tas-suq uniku[2], adottata fis-6 ta’ Ġunju 2012, saħqet fuq l-importanza tas-settur tat-trasport.

    Fl-aħħar deċennju, tliet "pakketti ferrovjarji" leġiżlattivi mmiraw li jiftħu s-swieq nazzjonali, u li jrendu l-ferroviji aktar kompetittivi u interoperabbli fuq il-livell tal-UE. Ir-Regolament 1370/2007 dwar servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq, ippubblikat f'Diċembru 2007, stabblixxa qafas għall-għoti ta’ kuntratti ta’ servizz pubbliku, kif ukoll għall-ikkumpensar tal-obbligi tas-servizz pubbliku, iżda ma tax approċċ komuni dwar l-għoti ta’ kuntratti għat-trasport ferrovjarju tal-passiġġieri. Minkejja l-leġiżlazzjoni ġdida tal-UE, is-sehem modali tal-ferrovija fit-trasport intra-UE baqa' wieħed modest.

    1.2       Problemi li għandhom jiġu indirizzati

    Il-partijiet interessati jqisu li, fil-qafas legali attwali, is-servizzi ferrovjarji tal-passiġġieri mhux qegħdin jagħtu l-prestazzjoni mistennija f'termini ta’ kwalità, ta’ servizz u ta’ effiċjenza operattiva. 54 % minn dawn li wieġbu s-sondaġġ tal-Ewrobarometru tal-2012 ma kinux sodisfatti bis-sistemi ferrovjarji ta’ pajjiżhom jew tar-reġjun tagħhom. Skont it-Tabella ta’ Valutazzjoni tas-Swieq tal-Konsumatur tal-2011[3], il-livell globali ta’ sodisfazzjoni tal-passiġġieri tal-ferroviji kien ta’ 6.7 fuq 10, jiġifieri ferm inqas mil-livell għall-biċċa l-kbira tal-oġġetti u s-servizz tal-konsumaturi. Fost il-konsumaturi, is-servizzi ferrovjarji jġibu marki agħar mill-modi kollha l-oħra tat-trasport (it-trasport urban u l-linji tal-ajru, b'mod partikulari, ġabu marki aħjar), u jinsabu fis-27 post minn 30 suq tas-servizzi. Hemm qabżiet konsiderevoli, fl-effiċjenza operattiva, bejn l-aqwa u l-agħar sistemi ferrovjarji f'termini ta’ prestazzjoni. Dawn il-qabżiet jirriflettu differenzi sinifikanti fl-użu tal-assi, bħall-vetturi ferrovjarji u l-infrastruttura, kif ukoll fil-produttività tax-xogħol. Imqabbel ma' setturi ekonomiċi oħra (apparti l-finanzjament tal-infrastruttura), dawn il-qabżiet fl-effiċjenza operattiva jwasslu għall-ħtieġa sostanzjali ta’ fondi pubbliċi, billi ħafna impriżi ferrovjarji jagħmlu telf.

    Hemm għadd ta’ ostakoli li jfixklu t-titjib tal-kwalità tas-servizz u tal-effiċjenza operattiva tal-kumpaniji ferrovjarji. Dawn huma marbutin, l-ewwel nett, mal-aċċess għas-suq għas-servizzi domestiċi tal-passiġġieri, kif ukoll man-nuqqas ta’ pressjoni kompetittiva. F'ħafna Stati Membri, dan is-suq huwa magħluq għall-kompetizzjoni, u dan mhux biss jillimita t-tkabbir, iżda joħloq diverġenzi bejn dawk l-Istati Membri li fetħu s-swieq tagħhom, fuq naħa, u l-Istati Membri li ma fetħuhomx fuq in-naħa l-oħra. Id-differenzi fl-approċċi nazzjonali għall-ftuħ tas-suq għas-servizzi tat-trasport domestiku tal-passiġġieri qegħdin jipprevjenu l-emerġenza ta’ Suq Intern reali u effettiv għas-servizzi ferrovjarji tal-passiġġieri.

    Madankollu, il-maġġoranza l-kbira tas-servizzi domestiċi tal-passiġġieri ma jingħatawx fuq bażi kummerċjali, u għaldaqstant isiru fil-qafas ta’ kuntratti ta’ servizz pubbliku. Billi ma tapplika l-ebda regola komuni tal-UE għall-għoti ta’ tali kuntratti, ċerti Stati Membri daħħlu sejħiet għall-offerti kompetittivi għal dawn il-kuntratti, filwaqt li Stati Membri oħra jagħtuhom b'mod dirett. Dan il-lapazzar ta’ sistemi regolatorji fl-UE jagħmilha diffiċli li l-impriżi ferrovjarji jisfruttaw il-potenzjal sħiħ ta' operazzjoni f'Suq Intern. Għaldaqstant, dan il-pakkett leġiżlattiv ikopri wkoll il-kompetizzjoni għall-kuntratti ta’ servizz pubbliku; ix-xkiel għall-kompetizzjoni, bħad-disponibilità ta' vetturi ferrovjarji xierqa għal applikanti potenzjali għal tali kuntratti; u l-aċċess mingħajr diskriminazzjoni għas-sistemi informatiċi u għas-sistemi integrati ta' bejgħ tal-biljetti, fejn dawn ikunu ta' ġid għall-passiġġier.

    1.3       Għanijiet ġenerali

    L-għan ewlieni tal-politika tat-trasport tal-Unjoni Ewropea huwa li jiġi stabbilit suq intern għat-trasport, li jikkontribwixxi għal livell għoli ta’ kompetittività, kif ukoll għall-iżvilupp armonjuż, ibbilanċjat u sostenibbli ta’ attivitajiet ekonomiċi. Il-White Paper dwar it-Trasport tal-2011 tiddikjara li l-ferrovija għandha tirrappreżenta l-parti l-kbira tat-trasport tal-passiġġieri fuq distanza medja sal-2050. Din il-"bidla modali" tkun kontribut għat-tnaqqis ta’ 20 % fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra previst fl-Istrateġija tal-Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv[4]. Il-White Paper ikkonkudiet li l-ebda bidla kbira fit-trasport ma tkun possibbli mingħajr l-appoġġ ta' infrastruttura ferrovjarja xierqa, u mingħajr approċċ aktar intelliġenti lejn l-użu tagħha.

    L-għan globali ta’ din il-proposta, bħala parti mir-Raba' Pakkett Ferrovjarju, huwa li tittejjeb il-kwalità tas-servizzi ferrovjarji tal-passiġġieri, u li tissaħħaħ l-effiċjenza operattiva tagħhom, b'mod li jittejbu wkoll il-kompetittività u l-attrazzjoni tal-ferrovija meta mqabbla ma' mezzi oħra ta' trasport, u b'hekk jitkompla l-iżvilupp taż-Żona Ferrovjarja Unika Ewropea.

    1.4       Għanijiet speċifiċi

    Din il-proposta tiġbor regoli komuni għall-għoti ta’ kuntratti ta’ servizz pubbliku għat-trasport ferrovjarju tal-passiġġieri, flimkien ma' miżuri ta’ akkumpanjament li għandhom iżidu s-suċċess tal-proċeduri tas-sejħiet għall-offerti kompetittivi.

    L-għan tas-sejħa għall-offerti obbligatorja u kompetittiva għall-kuntratti ta’ servizz pubbliku huwa li tiġi intensifikata l-pressjoni kompetittiva fuq is-swieq ferrovjarji domestiċi, sabiex is-servizzi tal-passiġġieri jikbru fil-kwantità u jitjiebu fil-kwalità. Is-sejħa għall-offerti kompetittiva għall-kuntratti ferrovjarji tista' wkoll tiżgura valur aħjar għall-flus minfuq fuq is-servizzi tat-trasport pubbliku. Ir-regoli komuni dwar il-proċedura tas-sejħa għall-offerti għandhom jikkontribwixxi għal kundizzjonijiet tan-negozju aktar uniformi għall-kumpaniji ferrovjarji. Dawn il-proposti jridu jitqiesu b'rabta mal-emendi proposti għad-Direttiva 2012/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012 li tistabbilixxi żona ferrovjarja unika Ewropea (riformulazzjoni)[5], li ddaħħal drittijiet tal-aċċess miftuħ għall-impriżi ferrovjarji, u ssaħħaħ id-dispożizzjonijiet dwar l-aċċess mingħajr diskriminazzjoni għall-infrastruttura ferrovjarja.

    2.           IR-RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

    Biex jgħin lill-Kummissjoni fil-proċess tal-valutazzjoni tal-impatt, konsulent estern intalab li jħejji studju ta' appoġġ, u li jwettaq konsultazzjoni mmirata. L-istudju beda f'Diċembru 2011 u r-rapport finali tlesta f'Settembru 2012.

    Biex jinġabru l-fehmiet tal-partijiet interessati, ġiet ippreferuta taħlita ta’ metodi ta’ konsultazzjoni flok konsultazzjoni miftuħa. Bejn l-1 ta’ Marzu u s-16 ta’ April 2012, intbagħtu kwestjonarji personalizzati lil 427 parti interessata marbutin mas-settur ferrovjarju (impriżi ferrovjarji, amministraturi tal-infrastruttura, ministeri tat-trasport pubbliku, awtoritajiet tas-sikurezza, ministeri, korpi rappreżentattivi, għaqdiet tal-ħaddiema, eċċ.). Il-fehmiet tal-passiġġieri nġabru permezz ta’ sondaġġ tal-Ewrobarometru, bi tweġibiet mingħand 25 000 persuna mifruxin b'mod indaqs mal-25 Stat Membru fejn hemm il-ferroviji. In-netwerk tal-Kumitat tar-Reġjuni ntuża sabiex jintlaħqu l-awtoritajiet lokali u reġjonali.

    Il-konsultazzjonijiet ġew ikkomplementati minn seduta mal-partijiet interessati, li saret fid-29 ta’ Mejju 2012 (b'madwar 85 parteċipant), konferenza (b'madwar 420 parteċipant) fl-24 ta’ Settembru 2012, u intervisti ma' partijiet interessati speċifiċi tul l-2012. Il-persunal tal-Kummissjoni ltaqa' ma' rappreżentanti mill-Komunità tal-Ferroviji Ewropej (li tirrappreżenta lill-kumpaniji ferrovjarji), l-Operaturi Ewropej tat-Trasport tal-Passiġġieri (EPTO), il-Federazzjoni Ewropea tal-Ħaddiema tat-Trasport, il-Federazzjoni Ewropea tal-Passiġġieri, l-Amministraturi tal-Infrastruttura Ferrovjarja Ewropea, u l-UITP (l-Assoċjazzjoni Internazzjonali tat-Trasport Pubbliku). Saru wkoll laqgħat iddedikati mal-partijiet interessati fi Franza, il-Ġermanja, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Polonja, l-Isvezja u r-Renju Unit.

    Il-parti l-kbira minn dawk li wieġbu (60 %) qablu li drittijiet tal-aċċess ġodda addizzjonali, is-sejħiet għall-offerti kompetittivi u obbligatorji, jew taħlita tat-tnejn li huma, jistgħu jistimolaw l-integrazzjoni tas-suq. L-aċċess miftuħ għat-trasport ferrovjarju domestiku tal-passiġġieri, soġġett għal test tal-bilanċ ekonomiku li jivvaluta l-impatt li jista' jkollu fuq il-vijabilità tal-kuntratti ta' servizz pubbliku, kien l-iktar għażla popolari (55 % minn dawk li wieġbu). L-arranġamenti attwali tqiesu b'mod negattiv ħafna (b'sapport ta’ 20 % biss). Ir-rappreżentanti tal-ħaddiema jantiċipaw li kwalunkwe ftuħ tas-suq għas-servizzi tat-trasport ferrovjarju domestiku tal-passiġġieri se jirriżulta f'kundizzjonijiet tax-xogħol agħar, u għal iktar strajkijiet.

    Fir-rigward tas-sejħiet għall-offerti kompetittivi u obbligatorji, 45 % minn dawk li wieġbu huma favur għażliet flessibbli, simili għal dawk tal-proċedura nnegozjata għall-akkwist pubbliku, u perjodi ta' tranżizzjoni biex il-kuntratti kollha ta' servizz pubbliku jinħarġu progressivament għas-sejħiet għall-offerti (80 % minn dawk li wieġbu).

    Il-biċċa l-kbira minn dawk li wieġbu (60 %) qablu li l-ħolqien ta’ kumpaniji li jikru l-vetturi ferrrovjarji kieku jgħin biex jittejjeb l-aċċess għall-vetturi ferrovjarji, u l-maġġoranza l-kbira (75 %) sejħu għal aċċess sħiħ għall-informazzjoni teknika, ipprovduta mill-amministratur tal-infrastruttura. Fir-rigward tal-bejgħ integrat tal-biljetti, kien hemm preferenza għal dispożizzjonijiet mhux vinkolanti, jew għal klawżoli ta’ abilitazzjoni għal ftehimiet volontarji flok miżuri obbligatorji fuq il-livell tal-UE jew tal-Istat Membru.

    Il-Kumitat Settorjali għad-Djalogu Soċjali għall-ferroviji ġie kkonsultat fis-26 ta’ Marzu u fid-19 ta’ Ġunju, b'mod partikulari rigward l-għażliet u l-valutazzjoni tal-impatt soċjali tagħhom.

    Abbażi tal-istudju estern imsemmi aktar 'il fuq, u abbażi tal-konklużjonijiet tal-proċess ta’ konsultazzjoni, il-Kummissjoni wettqet valutazzjoni kwalitattiva u kwantitattiva tal-impatti tad-diversi għażliet għall-immodernizzar tal-qafas regolatorju eżistenti.

    Il-valutazzjoni tal-impatt uriet li kombinazzjoni tal-elementi li ġejjin tkun l-aħjar għażla f'termini ekonomiċi, ambjentali u soċjali, b'ġenerazzjoni ta' valur kurrenti nett ta' bejn EUR 21 u 29 biljun mill-2019 sal-2035:

    – drittijiet ta’ aċċess miftuħ iddefiniti b'mod wiesa', soġġetti għal test tal-impatt tagħhom fuq il-bilanċ ekonomiku tal-kuntratti ta' servizz pubbliku;

    – kuntratti ta’ servizz pubbliku mogħtija b'kompetizzjoni;

    – sistemi integrati nazzjonali volontarji ta’ bejgħ tal-biljetti; u

    – obbligu li l-Istati Membri jiżguraw l-aċċess mingħajr diskriminazzjoni għall-vetturi ferrovjarji xierqa, għall-impriżi ferrovjarji li jixtiequ jipparteċipaw fi proċedura pubblika ta’ sejħa għall-offerti.

    3.           ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

    3.1       Definizzjoni ta’ awtorità kompetenti lokali (l-Artikolu 2(c))

    Din l-emenda żżid iċ-ċertezza legali billi tispeċifika li "awtorità kompetenti lokali" tkopri l-agglomerazzjonijiet urbani jew id-distretti rurali, mhux partijiet kbar tat-territorju nazzjonali.

    3.2       Speċifikazzjonijiet dwar kif l-awtoritajiet kompetenti jiddefinixxu l-obbligi ta’ servizz pubbliku, u l-firxa ġeografika tal-kuntratti ta’ servizz pubbliku (l-Artikolu 2(e) u l-Artikolu 2a ġdid).

    Dan l-Artikolu jipprovdi proċedura flessibbli, iżda formalizzata u trasparenti, għad-definizzjoni tal-obbligi ta’ servizz pubbliku u għall-firxa ġeografika tal-kuntratti ta’ servizz pubbliku, jekk l-awtoritajiet jikkunsidraw li l-intervent pubbliku huwa meħtieġ biex jiġi żgurat livell politikament ta’ min jixtiequ ta’ mobilità fit-territorju taħt ir-responsabbiltà tagħhom. Dan jirrikjedi li l-awtoritajiet kompetenti jfasslu pjanijiet ta’ trasport pubbliku li jiddefinixxu l-għanijiet tal-politika u l-forniment tat-trasport pubbliku tal-passiġġieri, u li jipprovdu xejriet ta’ prestazzjoni mixtieqa għat-trasport pubbliku tal-passiġġieri. Jirrikjedi wkoll li l-awtoritajiet kompetenti jiġġustifikaw it-tip u l-firxa tal-obblgi tas-servizz pubbliku li beħsiebhom jimponu fuq l-operaturi tat-trasport pubbliku, kif ukoll l-ambitu tal-kuntratt tas-servizz pubbliku, bil-għan li jintlaħqu l-għanijiet iddefiniti fil-pjanijiet ta' trasport pubbliku. Għandhom japplikaw kriterji msejsa fuq prinċipji ġenerali tat-Trattat, bħalma huma l-adegwatezza, in-neċessità u l-proporzjonalità, kif ukoll kritejri ekonomiċi bħall-kosteffettività u s-sostenibbiltà finanzjarja. Dan l-Artikolu jirrekjedi wkoll li l-awtorità kompetenti tiżgura l-konsultazzjoni xierqa tal-partijiet interessati, eż. organizzazzjonijiet tal-passiġġieri u tal-impjegati, u operaturi tat-trasport. Għat-trasport ferrovjarju, jirrikjedi li korpi regolatorji ferrovjarji indipendenti jiżguraw ir-reviżjoni legali tal-proċedura. Barra minn hekk, jistabbilixxi limitu massimu għall-volum tat-trasport ferrovjarju tal-passiġġieri taħt kull kuntratt ta’ servizz pubbliku, b'mod flessibbli, sabiex tiġi żgurata kompetizzjoni effettiva filwaqt li jitqiesu d-dimensjonijiet u l-istrutturi amministrattivi differenti tas-swieq ferrovjarji tal-passiġġieri fl-Istati Membri.

    3.3       Forniment ta’ informazzjoni operattiva, teknika u finanzjarja fir-rigward tat-trasport tal-passiġġeri kopert minn kuntratt ta’ servizz pubbliku li għandu joħroġ għal sejħa għall-offerti (l-Artikolu 4(6) u 4(8) ġdid)

    Din id-dispożizzjoni fl-Artikolu 4(8) tobbliga lill-awtoritajiet kompetenti jipprovdu ċerta dejta operattiva, teknika u finanzjarja lil applikanti potenzjali ta' kuntratt ta' servizz pubbliku, sabiex dawn ikunu jistgħu jressqu applikazzjoni infurmata sew, u b'hekk tiġi żgurata kompetizzjoni msaħħa. L-emendar tal-Artikolu 4(6) jiċċara li l-awtoritajiet kompetenti ser ikollhom jindikaw biċ-ċar, fid-dokumenti tal-offerti tagħhom, jekk jeħtiġux li l-operaturi tas-servizz pubbliku jikkonformaw mal-istandards jew il-kriterji soċjali.

    3.4       Limiti massimi għall-għoti dirett ta’ kuntratti ta’ volum żgħir, u għall-għoti dirett lil impriżi żgħar jew ta' daqs medju (l-Artikolu 5(4))

    Din id-dispożizzjoni ddaħħal limiti massimi speċifiċi fuq il-valur tal-għotjiet diretti għal kuntratti ta’ volum żgħir għat-trasport ferrovjarju. Il-limiti eżistenti huma mmirati lejn it-trasport bix-xarabank, u lejn mezzi ta’ trasport fuq binarji għajr il-ferrovija. Il-limitu propost għall-ferrovija jsegwi l-loġika li jiġi permess l-għoti dirett jekk il-kost tal-organizzazzjoni ta’ proċedura ta’ sejħa għall-offerti jkun ogħla mill-benefiċċji mistennija. Il-limitu korrispondenti f'termini ta’ kilometri ferrovjarji jirrifletti l-kost medju tal-unità tal-forniment ta' trasport ferrovjarju.

    3.5       Għoti kompetittiv obbligatorju ta’ kuntratti ferrovjarji (l-Artikolu 5(6) u l-Artikolu 4)

    It-tħassir tal-Artikolu 5(6) iċaħħad lill-awtoritajiet kompetenti l-għażla li jiddeċiedu jagħtux jew le kuntratt ta’ servizz pubbliku għall-ferrovija b'mod dirett jew abbażi ta’ sejħa għall-offerti kompetittiva. Ir-regola ġenerali tas-sejħa għall-offerti kompetittiva ser tapplika wkoll għall-ferrovija.

    3.6       Restrizzjonijiet fuq l-għoti (l-Artikolu 5(6) ġdid)

    Biex tissaħħaħ il-kompetizzjoni wara l-introduzzjoni tas-sejħiet għall-offerti kompetittivi għall-kuntratti ferrovjarji, din id-dispożizzjoni tippermetti lill-awtoritajiet kompetenti jiddeċiedu jekk kuntratti tat-trasport ferrovjarju tal-passiġġieri li jkopru jew partijiet mill-istess netwerk, jew partijiet mill-istess pakkett ta’ rotot, jingħatawx lil impriżi ferrovjarji differenti. Għal dan il-għan, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jiddeċiedu li jillimitaw l-għadd ta' kuntratti li għandhom jingħataw lill-istess impriża ferrovjarja wara proċedura ta' sejħa għall-offerti kompetittiva.

    3.7       Aċċess għall-vetturi ferrovjarji (l-Artikoli 5a u 9a ġodda)

    L-introduzzjoni ta’ obbligu biex l-Istati Membri jiżguraw l-aċċess effettiv u mingħajr diskriminazzjoni għall-vetturi ferrovjarji xierqa, għall-operaturi li jixtiequ jipprovdu servizzi ta' trasport pubbliku ferrovjarju tal-passiġġieri, tindirizza xkiel ewlieni għall-kompetizzjoni effettiva għall-kuntratti ta’ servizz pubbliku. F'dawk l-Istati Membri fejn m'hemmx swieq tajbin tal-kiri tal-vetturi ferrovjarji, huwa f'idejn l-awtoritajiet kompetenti li jieħdu miżuri biex jiżguraw l-aċċess għall-vetturi ferrovjarji bil-għan li jfettħu s-suq. Madankollu, billi s-sitwazzjoni u l-bżonnijiet jistgħu jvarjaw minn pajjiż għall-ieħor, id-dispożizzjoni l-ġdida tħalli lill-awtoritajiet kompetenti ambitu wiesa' biex jagħżlu l-iktar mezzi xierqa biex jilħqu dan il-għan, filwaqt li tindika wkoll il-miżuri l-aktar użati. Id-dettalji tal-proċedura, u l-miżuri għall-iżgurar tal-aċċess għall-vetturi ferrovjarji, għandhom jiġu ddefiniti f'atti ta’ implimentazzjoni bbażati fuq il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 9a ta’ dan ir-Regolament.

    3.8       Pubblikazzjoni ta’ ċerta informazzjoni dwar il-kuntratti ta’ servizz pubbliku (l-Artikoli 7(1) u 7(2))

    Din id-dispożizzjoni tobbliga lill-awtoritajiet kompetenti jinkludu informazzjoni dwar id-data tal-bidu u t-tul ta' żmien tal-kuntratti ta' servizz pubbliku fir-rapporti annwali tagħhom dwar l-obbligi ta' servizz pubbliku, kif ukoll fl-avviżi ta' informazzjoni preliminari dwar il-proċeduri ppjanati ta' sejħa għall-offerti. Din l-informazzjoni addizzjonali, u l-obbligu li l-Istati Membri jiffaċilitaw l-aċċess għar-rapporti annwali ppubblikati mill-awtoritajiet kompetenti, għandhom iżidu t-trasparenza fir-rigward tal-kuntratti ta’ servizz pubbliku mogħtija u rigward il-kuntratti li x'aktarx jingħataw, u b'hekk l-operaturi tat-trasport ikunu jistgħu jħejju aħjar għall-proċeduri futuri tas-sejħa għall-offerti.

    3.9       Perjodu ta’ tranżizzjoni li japplika għas-sejħiet tal-offerti kompetittivi (l-Artikolu 8(2))

    Din id-dispożizzjoni tiċċara li l-perjodu ta’ tranżizzjoni ta’ għaxar snin, sat-2 ta’ Diċembru 2019, japplika biss għall-Artikolu 5(3), fuq l-obbligu li l-awtoritajiet kompetenti jorganizzaw proċedura ta’ sejħa għall-offerti kompetittiva. Id-dispożizzjonijiet kollha l-oħra tal-Artikolu 5 (eż. dwar l-għażla ta’ għoti dirett lill-operatur intern, għal kuntratt ta’ volum żgħir jew bħala miżura ta’ emerġenza, u r-reviżjoni legali tad-deċiżjoni tal-għoti) japplikaw minnufih.

    3.10     Perjodu ta’ tranżizzjoni għall-kuntratti ferrovjarji mogħtija direttament diġà eżistenti (l-Artikolu 8(2a))

    Din id-dispożizzjoni ddaħħal perjodu ta’ tranżizzjoni addizzjonali għall-kuntratti ta’ servizz ferrovjarju pubbliku li jingħataw b'mod dirett bejn l-1 ta’ Jannar 2013 u t-2 ta’ Diċembru 2019. Dawk il-kuntratti jistgħu jibqgħu implimentati sakemm jiskadu, iżda sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2022. Dan jagħti lill-impriżi ferrovjarji li ngħataw direttament kuntratt ta' servizz pubbliku, biżżejjed żmien biex jadattaw u jħejju għall-proċeduri ta' sejħa għall-offerti kompetittivi.

    3.11     Adattamenti ta’ dispożizzjonijiet tar-Regolament 1370/2007 marbutin mal-eżenzjoni tan-notifika ta’ għajnuna mill-istat u l-kundizzjonijiet ta' kompatibilità tal-għajnuna mill-istat minħabba rekwiżiti tat-Trattat

    Fl-abbozz propost tagħha ta’ emendi għar-Regolament (KE) Nru 994/98 (ir-Regolament ta’ Abbilitazjoni)[6], il-Kummissjoni pproponiet ukoll emenda għar-Regolament (KE) Nru 1370/2007 li ġġib skont il-proċeduri previsti fl-Artikoli 108(4) u 109 tat-Trattat l-għajnuna għall-koordinazzjoni tat-trasport jew ir-rimborż għall-qadi ta’ ċerti obbligi inerenti fil-kunċett ta’ servizz pubbliku, kif imsemmi fl-Artikolu 93 tat-Trattat fil-kamp ta’ amplikazzjoni tar-Regolament ta’ Abbilitazzjoni. Il-Kummissjoni bħalissa tistenna li, b'konsegwenza ta’ dan, ikun hemm Regolament ta’ eżenzjoni ta’ kategorija fil-futur, li jieħu post is-sustanza tal-eżenzjoni attwali, għajr safejn ir-Regolament 1370/2007 huwa emendat minn din il-proposta leġiżlattiva fir-rigward tas-settur ferrovjarju.

    2013/0028 (COD)

    Proposta għal

    REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1370/2007 fir-rigward tal-ftuħ tas-suq għas-servizzi tat-trasport ferrovjarju domestiku tal-passiġġieri

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikulari l-Artikolu 91 tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Wara t-trażmissjoni tal-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-Parlamenti nazzjonali,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[7],

    Wara li kkunsidraw l-Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni[8],

    Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

    Billi:

    (1)       Tul l-aħħar deċennju, iż-żieda fit-traffiku ferrovjarju tal-passiġġieri ma kinitx biżżejjed biex jiżdied is-sehem modali tiegħu meta mqabbel mal-karozzi u l-avjazzjoni. Is-sehem modali ta' 6 % tat-trasport ferrovjarju tal-passiġġieri fl-Unjoni Ewropea baqa' pjuttost stabbli. Is-servizzi ferrovjarji tal-passiġġieri ma laħħqux mal-evoluzzjoni tal-bżonnijiet f'termini ta’ disponibbiltà u kwalità.

    (2)       Is-suq tal-Unjoni għas-servizzi tat-trasport ferrovjarju internazzjonali tal-passiġġieri ilu miftuħ għall-kompetizzjoni mill-2010. Barra minn hekk, uħud mill-Istati Membri fetħu għall-kompetizzjoni s-servizzi domestiċi tal-passiġġieri tagħhom, jew billi introduċew drittijiet ta' aċċess miftuħ, jew permezz ta' sejħiet għall-offerti ta' kuntratti ta’ servizzi pubbliku, jew it-tnejn f'daqqa.

    (3)       Fil-White Paper tagħha dwar il-politika tat-trasport tat-28 ta’ Marzu 2011[9], il-Kummissjoni ħabbret il-ħsieb tagħha li tlesti s-suq intern tal-ferrovija, billi tippermetti lill-impriżi ferrovjarji tal-Unjoni jipprovdu kull tip ta’ servizz tat-trasport ferrovjarju mingħajr xkiel tekniku u amministrattiv żejjed.

    (4)       Meta l-awtoritajiet kompetenti jiġu biex jorganizzaw is-servizzi tat-trasport pubbliku tal-passiġġieri tagħhom, iridu jiżguraw li l-obbligi tas-servizz pubbliku, u l-firxa ġeografika tal-kuntratti ta’ servizz pubbliku, ikunu xierqa, meħtieġa, u proporzjonati għall-ksib tal-għanijiet tal-politika tat-trasport pubbliku tal-passiġġieri fit-territorju tagħhom. Din il-politika għandha tiġi spjegata fil-pjanijiet ta’ trasport pubbliku, filwaqt li jitħalla lok għal soluzzjonijiet tat-trasport imsejsa fuq is-suq. Il-proċess ta’ definizzjoni tal-pjanijiet ta’ trasport pubbliku u tal-obbligi ta’ servizz pubbliku għandu jkun trasparenti għall-partijiet interessati rilevanti, inklużi parteċipanti li potenzjalment jidħlu fis-suq.

    (5)       Sabiex jiġi żgurat iffinanzjar sod għall-ilħiq tal-għanijiet tal-pjanijiet ta’ trasport pubbliku, l-awtoritajiet kompetenti jridu jfasslu obbligi ta' servizz pubbliku sabiex jilħqu l-għanijiet ta' trasport pubbliku b'mod kosteffettiv, li jqis il-kumpens għall-impatt finanzjarju nett ta’ dawk l-obbligi, u jridu jiżguraw ukoll is-sostenibbiltà finanzjarja fit-tul tat-trasport pubbliku pprovdut fil-qafas ta' kuntratti ta' servizz pubbliku.

    (6)       Biex is-suq tat-trasport ferrovjarju pubbliku tal-passiġġieri jimxi ħarir, huwa ta’ importanza partikulari li l-awtoritajiet kompetenti jikkonformaw ma' dawn il-kriterji għall-obbligi ta’ servizz pubbliku, kif ukoll mal-firxa tal-kuntratti ta’ servizz pubbliku, għax l-operazzjonijiet ta’ trasport b'aċċess miftuħ jeħtieġu jkunu kkoordinati sew ma' dawk li jsiru fil-qafas ta' kuntratt tas-servizz pubbliku. Għal din ir-raġuni, il-korp regolatorju ferrovjarju indipendenti għandu jiżgura li dan il-proċess jiġi applikat b'mod korrett u trasparenti.

    (7)       Jeħtieġ li jiġi stabbilit volum annwali massimu ta’ kuntratt ta’ servizz pubbliku għat-trasport ferrovjarju tal-passiġġieri, sabiex tiġi ffaċilitata l-kompetizzjoni għal tali kuntratti, filwaqt li tingħata aktar flessibilità lill-awtoritajiet kompetenti biex jottimizzaw il-volum skont kunsiderazzjonijiet ekonomiċi u operattivi.

    (8)       Biex jiġi ffaċilitat it-tfassil ta’ sejħiet għall-offerti u b'hekk tittejjeb il-kompetizzjoni, l-awtoritajiet kompetenti jridu jiżguraw li l-operaturi kollha ta' servizz pubbliku interessati li jressqu applikazzjoni jirċievu ċertu tagħrif dwar is-servizzi ta' trasport u l-infrastruttura koperti mill-kuntratt ta' servizz pubbliku.

    (9)       Jeħtieġ li ċerti limiti massimi għall-għoti dirett ta’ kuntratti ta’ servizz pubbliku jiġu adattati għat-trasport ferrovjarju, skont il-kundizzjonijiet ekonomiċi speċifiċi li fihom isiru s-sejħiet għall-offerti f'dan is-settur.

    (10)     Il-ħolqien ta’ Suq Intern għas-servizzi ta’ trasport ferrovjarju tal-passiġġieri jeħtieġ regoli komuni għas-sejħiet għall-offerti kompetittivi għal kuntratti ta’ servizz pubbliku f'dan is-settur, regoli li għandhom jiġu applikati b'mod armonizzat fl-Istati Membri kollha.

    (11)     Bil-għan li jinħolqu kundizzjonijiet ta’ qafas li jippermettu lis-soċjetà tgawdi bis-sħiħ il-benefiċċju tal-ftuħ effettiv tas-suq għas-servizzi tat-trasport ferrovjarju domestiku tal-passiġġieri, huwa importanti li l-Istati Membri jiżguraw livell xieraq ta’ protezzjoni soċjali għall-persunal tal-operaturi tas-servizz pubbliku.

    (12)     Fejn is-suq ma jiżgurax l-aċċess tal-operaturi tas-servizz pubbliku għall-vetturi ferrovjarji b’kundizzjonijiet xierqa ekonomiċi u mingħajr diskriminazzjoni, tali aċċess għandu jiġi ffaċilitat mill-awtoritajiet kompetenti permezz ta’ miżuri xierqa u effettivi.

    (13)     Ċerti fatturi ewlenin tal-proċeduri li ġejjin ta’ sejħiet għall-offerti għal kuntratti ta’ servizz pubbliku jeħtieġ li jsiru għalkollox trasparenti, biex ikun possibbli rispons aktar organizzat għas-suq.

    (14)     B'mod konsistenti mal-loġika interna tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007, għandu jiġi ċċarat li l-perjodu ta’ tranżizzjoni sat-2 ta’ Diċembru 2019 jirreferi biss għall-obbligu li jiġu organizzati proċeduri ta’ sejħiet għall-offerti kompetittivi għall-kuntratti ta’ servizz pubbliku.

    (15)     It-tħejjija tal-impriżi ferrovjarji għas-sejħiet tal-offerti kompetittivi obbligatorji għall-kuntratti ta’ servizz pubbliku teħtieġ aktar żmien biex tippermetti r-ristrutturar intern effettiv u sostenibbli tal-impriżi li ngħatawlhom direttament tali kuntratti fil-passat. Għaldaqstant, jeħtieġu miżuri ta’ tranżizzjoni għall-kuntratti mogħtija direttament, bejn id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament u t-3 ta’ Diċembru 2019.

    (16)     Ladarba jinkiseb il-ftuħ tas-suq tas-servizzi tat-trasport ferrovjarju domestiku tal-passiġġeri, billi l-awtoritajiet kompetenti aktarx ikunu jridu jieħdu miżuri biex jiżguraw livell għoli ta' kompetizzjoni billi jillimitaw l-għadd ta' kuntratti li jagħtu lil impriża ferrovjarja individwali, għandhom jiġu pprovduti dispożizzjonijiet xierqa għal dan il-għan.

    (17)     Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 5a ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni. Dawn is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni[10].

    (18)     Fil-kuntest tal-emendi għar-Regolament (KE) Nru 994/98 (ir-Regolament ta’ Abbilitazzjoni[11]), il-Kummissjoni pproponiet ukoll emenda għar-Regolament (KE) Nru 1370/2007 (COM(2012) 730/3). Sabiex jiġi armonizzat l-approċċ għar-regolamenti ta’ eżenzjoni ta’ kategorija fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, u skont il-proċeduri previsti fl-Artikoli 108(4) u 109 tat-Trattat, l-għajnuna għall-koordinazzjoni tat-trasport jew ir-rimborż għall-qadi ta’ ċerti obbligi inerenti fil-kunċett ta’ servizz pubbliku, kif imsemmi fl-Artikolu 93 tat-Trattat, għandhom jinġiebu fil-kamp ta’ amplikazzjoni tar-Regolament ta’ Abbilitazzjoni.

    (19)         B'hekk, ir-Regolament (KE) Nru 1370/2007 għandu jiġi emendat skont dan,

    ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Ir-Regolament (KE) Nru 1370/2007 għandu jiġi emendat kif ġej:

    1.           a) Il-punt (c) tal-Artikolu 2 għandu jinbidel b'li ġej:

    "(c) "awtorità kompetenti lokali" tfisser kwalunkwe awtorità kompetenti li l-ambitu ġeografiku tal-kompetenza tagħha mhijiex nazzjonali, u li tkopri l-bżonnijiet ta’ trasport ta’ agglomerazzjoni urbana jew ta’ distrett rurali;"

    b) Il-punt (e) tal-Artikolu 2 għandu jiżdiedlu li ġej:

    "L-ambitu tal-obbligi tas-servizz pubbliku għandu jeskludi kull servizz tat-trasport pubbliku li jmur lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex ikollu impatt ta’ netwerk lokali, reġjunali jew subnazzjonali."

    2.           Jiddaħħal l-Artikolu 2a li ġej:

    "Artikolu 2a

    Pjanijiet ta’ trasport pubbliku u obbligi ta’ servizz pubbliku

    1.      L-awtoritajiet kompetenti għandhom jistabbilixxu u jaġġornaw b'mod regolari l-pjanijiet ta’ trasport pubbliku tal-passiġġieri, b'mod li jkopru l-modi kollha rilevanti ta’ trasport għat-territorju li għalih huma responsabbli. Dawn il-pjanijiet ta’ trasport pubbliku għandhom jiddefinixxu l-għanijiet ta' politika tat-trasport pubbliku, kif ukoll il-mezzi għall-ilħiq tagħhom, b'mod li jkopru l-modi kollha rilevanti ta’ trasport għat-territorju li għalih huma responsabbli. Dawn il-pjanijiet ta' trasport pubbliku għandhom jinkludu mill-inqas:

    (a) l-istruttura tan-netwerk jew tar-rotot;

    (b) ir-rekwiżiti bażiċi li għandhom jiġu sodisfatti mill-offerta ta’ trasport pubbliku, bħall-aċċessibbiltà, il-konnettività territorjali, is-sigurtà, l-interkonnessjonijiet modali u intermodali fiċ-ċentri ewlenin ta' konnessjoni, u karatteristiċi tal-offerti, bħall-ħinijiet tal-operazzjoni, il-frekwenza tas-servizzi, u l-livell minimu ta' użu tal-kapaċità;

    (c) standards ta’ kwalità marbutin ma' elementi bħall-karatteristiċi tat-tagħmir tal-waqfiet jew stazzjonijiet kif ukoll tal-vetturi ferrovjarji, il-puntwalità u l-affidabbiltà, l-indafa, is-servizz u t-tagħrif għall-konsumaturi, il-ġestjoni tal-ilmenti u s-soluzzjoni tagħhom, u l-monitoraġġ tal-kwalità tas-servizz;

    (d) il-prinċipji tal-politika tariffarja;

    (e) rekwiżiti operattivi, bħat-trasport tar-roti, il-ġestjoni tat-traffiku, u pjan ta’ kontinġenza fil-każ ta’ disturbi.

    Fit-tfassil tal-pjanijiet ta' trasport pubbliku, l-awtoritajiet kompetenti għandhom iqisu partikularment ir-regoli applikabbli fir-rigward tad-drittijiet tal-passiġġieri, u l-ħarsien soċjali, tal-impjiegi, u tal-ambjent.

    L-awtoritajiet kompetenti għandhom jadottaw il-pjanijiet ta’ trasport pubbliku wara konsultazzjoni mal-partijiet interessati rilevanti, u mbagħad għandhom jippubblikawhom. Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, il-partijiet interessati rilevanti li għandhom jitqiesu, iridu jkunu, tal-anqas, operaturi tat-trasport, amministratturi tal-infrastruttura fejn xieraq, u organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw il-passiġġieri u l-impjegati.

    2.      L-istabbiliment ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku, u l-għoti ta’ kuntratti ta’ servizz pubbliku, għandhom ikunu konsistenti mal-pjanijiet ta’ trasport pubbliku applikabbli.

    3.      L-ispeċifikazzjonijiet tal-obbligi ta’ servizz pubbliku għat-trasport pubbliku tal-passiġġieri, u l-ambitu tal-applikazzjoni tagħhom, għandhom jiġu stabbiliti kif ġej:

    (a) għandhom jiġu ddefiniti skont l-Artikolu 2(e);

    (b) għandhom ikunu xierqa biex jiksbu l-għanijiet tal-pjan ta’ trasport pubbliku;

    (c) ma għandhomx imorru lil hinn minn dak li hu neċessarju u proporzjonat biex jinkisbu l-għanijiet tal-pjan ta’ trasport pubbliku.

    Il-verifika tal-kwalità xierqa msemmija fil-punt (b) għandha tqis jekk intervent pubbliku fil-forniment ta’ trasport tal-passiġġieri huwiex mezz xieraq biex jinkisbu l-għanijiet tal-pjanijiet ta’ trasport pubbliku.

    Għat-trasport ferrovjarju pubbliku tal-passiġġieri, il-verifika tan-neċessità u tal-proporzjonalità msemmijin fil-punt (c) għandha tqis is-servizzi ta' trasport ipprovduti skont l-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2012/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Novembru 2012 li tistabbilixxi żona ferrovjarja unika Ewropea (riformulazzjoni)[12], u għandha tqis it-tagħrif kollu mgħoddi lill-amministratturi tal-infrastruttura u lill-korpi regolatorji skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 38(4) ta' dik id-Direttiva.

    4.      L-ispeċifikazzjonijiet tal-obbligi ta’ servizz pubbliku, u l-kumpens relatat tal-impatt finanzjarju nett tal-obbligi ta’ servizz pubbliku, għandhom:

    (a) jiksbu l-għanijiet tal-pjan ta’ trasport pubbliku fl-iktar mod kosteffettiv possibbli;

    (b) isostnu finanzjarjament, u fit-tul, il-forniment tat-trasport pubbliku tal-passiġġieri skont ir-rekwiżiti stipulati fil-pjan ta’ trasport pubbliku.

    5.      Meta tiġi biex tħejji l-ispeċifikazzjonijiet, l-awtorità kompetenti għandha tfassal l-abbozz tal-ispeċifikazzjonijiet tal-obbligi ta’ servizz pubbliku u l-ambitu tagħhom, il-passi bażiċi għall-verifika tal-konformità tagħhom mar-rekwiżiti stipulati fil-paragrafi 2, 3 u 4, u r-riżultati tal-verifika.

    L-awtorità kompetenti għandha tikkonsulta, b'mod xieraq, mal-partijiet interessati rilevanti –fosthom, bħala minimu, l-operaturi tat-trasport, l-amministratturi tal-infrastruttura fejn xieraq, u l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-passiġġieri u lill-impjegati–, rigward dawn l-ispeċifikazzjonijiet, u għandha tqis il-pożizzjonijiet tagħhom.

    6.      Għat-trasport ferrovjarju pubbliku tal-passiġġieri:

    (a) il-konformità tal-verifika u tal-proċedura stipulati f'dan l-Artikolu għandha tiġi żgurata mill-korp regolatorju msemmi fl-Artikolu 55 tad-Direttiva 2012/34/UE, inkluż fuq inizjattiva tiegħu stess;

    (b) il-volum annwali massimu ta' kuntratt ta' servizz pubbliku f'termini ta' kilometri ta' ferrovija għandu jkun l-ogħla valur minn 10 miljun kilometru ta' ferrovija jew terz tal-volum totali tat-trasport ferrovjarju pubbliku nazzjonali tal-passiġġieri fil-qafas ta' kuntratt ta' servizz pubbliku."

    3.           L-Artikolu 4 huwa emendat kif ġej:

    (a) Fl-Artikolu 1, il-punt (a) għandu jinbidel b'li ġej:

    "(a) jiddefinixxu biċ-ċar l-obbligi ta’ servizz pubbliku, stipulati fl-Artikolu 2(e) u fl-Artikolu 2a, li l-operatur ta’ servizz pubbliku jkun se jikkonforma magħhom, u ż-żoni ġeografiċi kkonċernati;"

    (b) L-aħħar sentenza tal-paragrafu 1(b) tinbidel b'li ġej:

    "Fil-każ ta’ kuntratti ta’ servizz pubbliku li ma jingħatawx skont l-Artikolu 5(3), dawn il-parametri għandhom jiġu ddeterminati b'mod li l-ebda ħlas ta’ kumpens ma jista' jaqbeż l-ammont meħtieġ biex ikopri l-impatt finanzjarju nett fuq il-kostijiet imġarrba u d-dħul iġġenerat fil-qadi tal-obbligi ta’ servizz pubbliku, b'kunsiderazzjoni għad-dħul marbut miegħu miżmum mill-operatur tas-servizz pubbliku, u qligħ raġonevoli;"

    (c) Il-paragrafu 6 jinbidel b'li ġej:

    "Fejn l-awtoritajiet kompetenti, skont il-liġi nazzjonali, jirrikjedu li l-operaturi ta’ servizz pubbliku jikkonformaw ma' ċerti standards ta’ kwalità jew soċjali, jew fejn jistabbilixxu kriterji soċjali u kwalitattivi, dawn l-istandards u kriterji għandhom jiġu inklużi fid-dokumenti tas-sejħiet għall-offerti, kif ukoll fil-kuntratti ta’ servizz pubbliku."

    (d) Jiżdied il-paragrafu 8 li ġej:

    "8. L-awtoritajiet kompetenti għandhom iqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-partijiet kollha interessati tagħrif għat-tħejjija ta' offerta fil-qafas ta' proċedura ta' sejħa kompetittiva għall-offerti. Dan it-tagħrif għandu jinkludi informazzjoni dwar id-domanda ta’ passiġġieri, it-tariffi, il-kostijiet u d-dħul marbutin mat-trasport pubbliku tal-passiġġieri kopert mill-offerta, u dettalji dwar l-ispeċifikazzjonijiet tal-infrastruttura rilevanti għall-operazzjoni tal-vetturi meħtieġa jew tal-vetturi ferrovjarji, sabiex il-partijiet interessati jkunu jistgħu jfasslu pjanijiet ta’ negozju infurmati sew. L-amministratturi tal-infrastruttura ferrovjarja għandhom jappoġġjaw lill-awtoritajiet kompetenti billi jipprovdu l-ispeċifikazzjonijiet infrastrutturali kollha rilevanti. In-nuqqas ta’ konformità mad-dispożizzjonijiet stipulati hawn fuq ikun suġġett għar-reviżjoni legali pprovduta fl-Artikolu 5(7)."

    4.           L-Artikolu 5 huwa emendat kif ġej:

    (a) Il-paragrafu 4 jinbidel b'li ġej:

    "4. Għajr fejn hu pprojbit bil-liġi nazzjonali, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jiddeċiedu li jagħtu kuntratti ta’ servizz pubbliku b'mod dirett:

    (a) fejn il-valur annwali medju tagħhom huwa stmat għal inqas minn EUR 1 000 000, jew inqas minn EUR 5 000 000 fil-każ ta’ kuntratt ta’ servizz pubbliku li jinkludi t-trasport pubbliku bil-ferrovija, jew

    (b) fejn jikkonċernaw il-forniment annwali ta’ inqas minn 300 000 kilometru ta’ servizzi ta’ trasport ferrovjarju pubbliku tal-passiġġieri, jew inqas minn 150 000 kilometru fil-każ ta’ kuntratt ta’ servizz pubbliku li jinkludi t-trasport ferrovjarju pubbliku.

    Fil-każ ta’ kuntratt ta’ servizz pubbliku li jingħata direttament lil impriża żgħira jew ta’ daqs medju li ma toperax iktar minn 23 vettura bit-triq, dawn il-limiti jistgħu jiżdiedu, jew għal valur annwali medju stmat għal inqas minn EUR 2 000 000, jew għal forniment annwali ta’ inqas minn 600 000 kilometru ta’ servizzi ta’ trasport pubbliku tal-passiġġieri."

    (b) Il-paragrafu 6 jinbidel b'li ġej:

    "L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jiddeċiedu li, sabiex iżidu l-kompetizzjoni bejn l-impriżi ferrovjarji, il-kuntratti għat-trasport ferrovjarju pubbliku tal-passiġġieri li jkopru partijiet mill-istess netwerk jew pakkett ta’ rotot għandhom jingħataw lil impriżi ferrovjarji differenti. Għal dan il-għan, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jiddeċiedu, qabel ma jvaraw il-proċedura tas-sejħa għall-offerti, li jillimitaw l-għadd ta' kuntratti li għandhom jingħataw lill-istess impriża ferrovjarja."

    5.           Jiddaħħal l-Artikolu 5a li ġej:

    "Artikolu 5a

    Il-vetturi ferrovjarji

    1.      F'konformità mar-regoli dwar l-għajnuna mill-istat, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw l-aċċess effettiv u mingħajr diskriminazzjoni għal vetturi ferrovjarji xierqa għat-trasport ferrovjarju pubbliku tal-passiġġieri, f'isem l-operaturi li jixtiequ jipprovdu servizzi ta’ trasport ferrovjarju pubbliku tal-passiġġieri fil-qafas ta’ kuntratt ta’ servizz pubbliku.

    2.      Fejn ma jeżistux, f'suq tat-trasport rilevanti, kumpaniji ta’ kiri tal-vetturi ferrovjarji għall-kiri tal-vetturi ferrovjarji msemmija fil-paragrafu 1 b'kundizzjonijiet kummerċjalment vijabbli u mhux diskriminatorji lill-operaturi kollha kkonċernati tat-trasport ferrovjarju pubbliku tal-passiġġieri, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-riskju ta’ valur residwali tal-vetturi ferrovjarji jiġġarrab mill-awtorità kompetenti skont ir-regoli dwar l-għajnuna mill-istat, fejn l-operaturi li jixtiequ u huma kapaċi jipparteċipaw fi proċeduri ta’ sejħiet għall-offerti għal kuntratti ta’ servizz pubbliku jitolbu dan sabiex ikunu jistgħu jipparteċipaw fl-istess sejħiet għall-offerti.

    L-awtorità kompetenti tista' tikkonforma mar-rekwiżit stipulat fl-ewwel subparagrafu f'wieħed mill-modi li ġejjin:

    (a) billi tikseb hi stess il-vetturi ferrovjarji użati għall-implimentazzjoni tal-kuntratt ta’ servizz pubbliku, bil-għan li tagħmlu disponibbli għall-operatur magħżul tas-servizz pubbliku bi prezz tas-suq, jew bħala parti mill-kuntratt ta' servizz pubbliku skont l-Artikolu 4(1)(b), l-Artikolu 6, u fejn applikabbli, skont l-Anness,

    (b) billi tipprovdi garanzija għall-iffinanzjar tal-vetturi ferrovjarji użati għall-implimentazzjoni tal-kuntratt ta' servizz pubbliku bi prezz tas-suq, jew bħala parti minn kuntratt ta' servizz pubbliku skont l-Artikolu 4(1)(b), l-Artikolu 6, u fejn applikabbli, skont l-Anness. Tali garanzija tista' tkopri r-riskju ta’ valur residwali filwaqt li tirrispetta r-regoli rilevanti dwar l-għajnuna mill-istat fejn applikabbli,

    (c) billi tintrabat, fil-kuntratt ta’ servizz pubbliku, li tieħu lura l-vetturi ferrovjarji fi tmiem il-kuntratt bi prezz tas-suq.

    Fil-każijiet imsemmija fil-punti (b) u (c), l-awtorità kompetenti għandu jkollha d-dritt li tirrikjedu li l-operatur tas-servizz pubbliku jittrasferixxi l-vetturi ferrovjarji, wara l-iskadenza tal-kuntratt ta’ servizz pubbliku, lill-operatur ġdid li jkun ingħata kuntratt. L-awtorità kompetenti tista' tobbliga lill-operatur ġdid tat-trasport pubbliku jieħu l-vetturi ferrovjarji f'idejh. Dan it-trasferiment għandu jsir b'rati tas-suq.

    3.      Jekk il-vetturi ferrovjarji jiġu trasferiti lil operatur ġdid tat-trasport pubbliku, l-awtorità kompetenti għandha tqiegħed għad-dispożizzjoni, fid-dokumenti tas-sejħa għall-offerti, tagħrif iddettaljat dwar il-kost tal-manutenzjoni tal-vetturi ferrovjarji, kif ukoll dwar il-kundizzjoni fiżika tagħhom.

    4.      Sa [18-il xahar mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament], il-Kummissjoni għandha tadotta miżuri li jistipulaw id-dettalji tal-proċedura li għandha tiġi segwita għall-applikazzjoni tal-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 9a(2)."

    6.           Fl-Artikolu 6, il-paragrafu 1 jinbidel b'li ġej:

    "1. Il-kumpens kollu marbut ma' regoli ġenerali jew ma' kuntratt ta’ servizz pubbliku għandu jikkonforma mal-Artikolu 4, irrispettivament minn kif il-kuntratt ikun ingħata. Kull kumpens, tan-natura li jkun, marbut ma' kuntratt ta’ servizz pubbliku li ma jingħatax skont l-Artikolu 5(3), jew marbut ma' regola ġenerali, għandu jikkonforma wkoll mad-dispożizzjonijiet stipulati fl-Anness. "

    7.           L-Artikolu 7 huwa emendat kif ġej:

    (a) Il-paragrafu 1 jinbidel b'li ġej:

    "1. Kull awtorità kompetenti għandha tqiegħed għad-dispożizzjoni, darba fis-sena, rapport aggregat dwar l-obbligi ta' servizz pubbliku li għalihom hija responsabbli, id-data tal-bidu u t-tul ta' żmien tal-kuntratti ta' servizz pubbliku, l-operaturi magħżula ta' servizz pubbliku, u l-ħlasijiet ta' kumpens u d-drittijiet esklussivi mogħtija lill-istess operaturi ta’ servizz pubbliku permezz ta’ rimborż. Ir-rapport għandu jiddistingwi bejn it-trasport bix-xarabank u t-trasport ferrovjarju, għandu jippermetti l-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-prestazzjoni, il-kwalità u l-iffinanzjar tan-netwerk tat-trasport pubbliku, u fejn xieraq, għandu jipprovdi tagħrif dwar in-natura tad-drittijiet esklussivi mogħtija u safejn jaslu. L-Istati Membri għandhom jiffaċilitaw l-aċċess ċentrali għal dawn ir-rapporti, ngħidu aħna permezz ta’ portal tal-internet komuni."

    (b) Fil-paragrafu 2, jiżdied il-punt li ġej:

    "(d) id-data tal-bidu u t-tul ta’ żmien previsti tal-kuntratt ta’ servizz pubbliku."

    8.           L-Artikolu 8 jinbidel kif ġej:

    (a) L-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 2 jinbidel b'li ġej:

    "2. Mingħajr ħsara għall-paragrafu 3, l-għoti ta’ kuntratti ta’ servizz pubbliku bil-ferrovija, bl-eċċezzjoni ta’ modi oħra bbażati fuq il-binarji bħall-metro u t-tramm, għandu jikkonforma mal-Artikolu 5(3) sa mit-3 ta’ Diċembru 2019. Kull kuntratt ta’ servizz pubbliku b'modi oħra bbażati fuq il-binarji u bit-triq irid ikun ingħata skont l-Artikolu 5(3) sa mhux aktar tard mit-3 ta’ Diċembru 2019. Matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni li jibqa' sejjer sat-3 ta’ Diċembru 2019, l-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri biex jikkonformaw progressivament mal-Artikolu 5(3), sabiex jevitaw problemi strutturali serji, partikularment b'rabta mal-kapaċità tat-trasport."

    (b) Jiddaħħal il-paragrafu 2a li ġej:

    "2a. Il-kuntratti ta’ servizz pubbliku għat-trasport ferrovjarju pubbliku tal-passiġġieri li jingħataw bejn l-1 ta’ Jannar 2013 u t-2 ta’ Diċembru 2019 jistgħu jkomplu sad-data tal-iskadenza tagħhom. Madankollu, jiġri x'jigri, ma għandhomx ikomplu lil hinn mill-31 ta’ Diċembru 2022."

    (c) Fil-paragrafu 3, l-aħħar sentenza tat-tieni subparagrafu tinbidel b'li ġej:

    "Il-kuntratti msemmija fil-punt (d) jistgħu jkomplu sakemm jiskadu, dejjem jekk ikunu ta’ tul ta’ żmien limitat simili għall-perjodi speċifikati fl-Artikolu 4."

    9.           Jiddaħħal l-Artikolu 9a li ġej:

    "Artikolu 9a

    Komitoloġija

    1.      Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-Kumitat taż-Żona Ferrovjarja Unika Ewropea, stabbilit bl-Artikolu 62 tad-Direttiva 2012/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Novembru 2012 li tistabbilxxi żona ferrovjarja unika Ewropea (riformulazzjoni)[13]. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fit-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

    2.      Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011."

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell,

    Għall-Parlament Ewropew                           Għall-Kunsill

    Il-President                                                    Il-President

    [1]               White paper: Pjan direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport – Lejn sistema tat-trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b’mod effiċjenti;

    COM(2011) 144.

    [2]               Governanza aqwa tas-suq uniku; COM(2012) 259.

    [3]               http://ec.europa.eu/consumers/consumer_research/cms_en.htm.

    [4]               Komunikazzjoni tal-Kummissjoni "Ewropa 2020: Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv'", COM(2010) 2020.

    [5]               ĠU L 343, 14.12.2012, p. 32.

    [6]               Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 994/98 tas-7 ta’ Mejju 1998 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 92 u 93 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea għal ċerti kategoriji ta' għajnuna Statali orizzontali, u r-Regolament (KE) Nru 1370/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2007 dwar servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq, COM(2012) 730 finali, 5.12.2012.

    [7]               ĠU C , , p. .

    [8]               ĠU C , , p. .

    [9]               White Paper: Pjan direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport – Lejn sistema tat-trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b’mod effiċjenti, COM(2011) 144.

    [10]             ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13.

    [11]             Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 994/98 tas-7 ta’ Mejju 1998 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 92 u 93 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea għal ċerti kategoriji ta' għajnuna Statali orizzontali, u r-Regolament (KE) Nru 1370/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2007 dwar servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq, COM(2012) 730 finali, 5.12.2012.

    [12]             ĠU L 343, 14.12.2012, p. 32.

    [13]             ĠU L 343/32, 14.12.2012.

    Top