Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013JC0031

    KOMUNIKAZZJONI KONĠUNTA LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Elementi għar-Rispons Strateġiku tal-UE għall-Isfidi fil-Golf tal-Ginea

    /* JOIN/2013/031 final */

    52013JC0031

    KOMUNIKAZZJONI KONĠUNTA LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Elementi għar-Rispons Strateġiku tal-UE għall-Isfidi fil-Golf tal-Ginea /* JOIN/2013/031 final */


    Elementi għar-Rispons Strateġiku tal-UE għall-Isfidi fil-Golf tal-Ginea

    SOMMARJU EŻEKUTTIV

    L-istati li jmissu mal-kosta tal-Golf tal-Ginea jiffaċċjaw ħafna mill-isfidi familjari għal pajjiżi fl-Afrika kollha. Iżda t-tkabbir riċenti f’theddid li joriġina min-nuqqas ta’ kontroll fuq l-ibħra kostali u l-kontroll dgħajef fuq l-aċċess u s-sigurtà tul il-kosta nnifisha huma ta’ sfida partikolari għall-istati tar-reġjun[1]. Il-konsegwenzi jinkludu żieda fl-attività kriminali u terroristika, li wkoll joħolqu theddida dejjem tikber għall-UE.  Din il-Komunikazzjoni Konġunta għaldaqstant tanalizza l-iskala globali tat-theddida, ir-riskji li toffri għall-Istati kostali u għall-UE, u l-azzjonijiet potenzjali li l-UE tista' tieħu mal-komunità internazzjonali biex tgħin lill-dawk l-Istati jsolvu l-problema. 

    Theddidiet

    It-theddidiet jieħdu diversi forom, huma ta’ spiss marbuta ma’ xulxin bejn il-fruntieri u jistgħu, kollettivament, iwasslu għal attività kriminali li tittieħed, u jpoġġu f’riskju l-istabbiltà jew l-effettività ta’ dawn l-Istati, jnaqqsu il-possibbiltajiet tagħhom ta’ żvilupp ekonomiku b’suċċess jew li jitnaqqas il-faqar, li l-UE hija impenjata li tilħaq.  Hemm tliet tipi distinti ta’ theddid:

    (a) dawk li jseħħu unikament fuq il-baħar, inkluż is-sajd illegali, ir-rimi ta’ skart illegali, u l-piraterija u s-serq bl-użu tal-armi fuq il-baħar[2]

    (b) dawk li jiġu mill-baħar għall fuq l-art, primarjament it-traffikar ta' narkotiċi, armi, prodotti foloz u, ħafna drabi fid-direzzjoni l-oħra, tal-bnedmin.  

    (c) theddid għal attivitajiet ekonomiċi minn fuq l-art marbuta mal-baħar partikolarment għall-industrija taż-żejt u l-gass 'il barra mill-kosta, inklużi teħid ta’ ostaġġi, serq (“bunkering”), u atti kriminali fil-portijiet.

    Mingħajr kontroll, dawn it-theddidiet jikbru sal-punt li kemm l-interess lokali kif ukoll dak internazzjonali ssirilhom ħsara.

    Interessi komuni Afrikani u Ewropej

    L-UE u l-pajjiżi tar-reġjun għandhom interessi komuni ewlenin. Ir-reġjun għandu kosta twila, u huwa rikk fir-riżorsi li huma kruċjali kemm għall-impjiegi u l-konsum lokali kif ukoll għal kummerċ mal-Ewropa. Is-sostenibbiltà ta’ riżorsi marittimi kollha, inkluż is-sajd, hija punt ewlieni ta’ tħassib għall-komunitajiet lokali kif ukoll għall-klijenti Ewropej. Rotot tal-baħar globali siguri huma meħtieġa għall-kummerċ u tas-sajd mingħajr inkwiet. Proporzjon sinifikanti tal-provvista tal-enerġija tal-UE ġej minn dan ir-reġjun, u kemm l-investituri kif ukoll il-ħaddiema għandhom ikunu mħarsa minn attakki fiżiċi.  Narkotiċi u merkanzija oħra illegali traffikati tul il-kosta u madwar il-fruntieri fuq l-art qiegħdin dejjem aktar jagħmlu ħsara lill-komunitajiet lokali u lill-problemi ta' fjuwil fl-Ewropa.

    L-għan prevalenti tal-UE huwa għalhekk li tgħin lill-istati tar-reġjun – ħafna minnhom fraġli ħafna - biex jiksbu l-paċi, s-sigurtà u l-prosperità permezz tal-izvilupp b'suċċess u leġittimu tal-ekonomiji u l-istituzzjonijiet tagħhom, kemm skont l-Arkitettura Afrikana għall-Paċi u s-Sigurtà (APSA) kif ukoll skont il-politika ġenerali tal-UE; Il-bini ta’ kunsens politiku, l-abilitazzjoni u r-rispett tal-appartenenza Afrikana u s-sinkronizzazzjoni ta' programmi eżistenti f’approċċ komprensiv għall-iżvilupp reġjonali u s-sigurtà.  L-esperjenza fi bnadi oħra fl-Afrika, b’mod partikolari fil-Qarn tal-Afrika, is-Saħel u l-Lagi l-Kbar, tissuġġerixxi li l-azzjoni preventiva bikrija, f’koordinazzjoni mill-qrib mal-pajjiżi tar-reġjun u awtoritajiet lokali Afrikani, hija ħafna aktar kosteffikaċi milli kura aktar tard.  Dik l-esperjenza wriet ukoll il-valur ta’ integrazzjoni tal-aspetti kollha għal aktar effett kumulattiv; politika, governanza tajba/kontra l-korruzzjoni, is-sigurtà, istituzzjonali, ekonomika, u l-iżvilupp. 

    Risposta għall-appell

    L-UE tista’ itaffi r-riskji identifikati hawn fuq billi tgħin lill-Istati biex isaħħu l-istat tad-dritt u l-governanza tajba fir-reġjun, inkluż permezz ta’ titjib fl-amministrazzjoni marittima, l-attività tal-infurzar tal-liġi mill-pulizija, il-flotta, il-militar, il-gwardakosta, is-servizzi tad-dwana u tal-immigrazzjoni.

    Minħabba li l-fruntieri marittimi għadhom mhux kompletament delineati u intrinsikament diffiċli għall-pulizija u kompletament permeabbli, it-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn l-istati kostali u mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni reġjonali huwa punt tat-tluq essenzjali.  L-UE tista’ wkoll tappoġġa lill-pajjiżi fir-reġjun biex iwettqu l-obbligi internazzjonali tagħhom bħala stati tal-bnadar u tal-kosta.

    Huwa għalhekk propost li l-UE, inklużi l-istituzzjonijiet, id-Delegazzjonijiet u l-Istati Membri tagħha li qed jaħdmu f’koordinazzjoni ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali oħra u sħab lokali, jadottaw approċċ komprensiv li jiffoka fuq erba’ għanijiet speċifiċi:

    1. Il-bini ta’ għarfien komuni tal-gravità tat-theddid fil-Golf tal-Ginea u l-ħtieġa li tiġi indirizzata fost il-pajjiżi fir-reġjun u l-komunità internazzjonali. 

    2. L-għajnuna lill-gvernijiet tar-reġjun biex jibnu istituzzjonijiet robusti, l-amministrazzjonijiet u l-kapaċitajiet biex jiżguraw l-għarfien marittimu, is-sigurtà u l-istat tad-dritt tul il-kosta.

    3. L-appoġġ ta' ekonomiji prosperi f’dan ir-reġjun skont l-istrateġiji nazzjonali u reġjonali ta’ żvilupp, biex jinħolqu l-impjiegi u jiġu mgħejuna komunitajiet vulnerabbli biex jibnu reżistenza u jirreżistu attivitajiet kriminali jew vjolenti. 

    4. It-tisħiħ tal-istrutturi tal-kooperazzjoni bejn il-pajjiżi tar-reġjun u l-organizzazzjonijiet reġjonali biex jieħdu l-azzjonijiet neċessarji sabiex itaffu t-theddid fuq il-baħar u fuq l-art.

    IN-NATURA U L-EVOLUZZJONI TAT-THEDDIDA

    L-ambitu ġeografiku ta' din il-Komunikazzjoni Konġunta jinfirex ma' 6,000 km ta' kosta mis-Senegal għall-Angola inkluż il-gżejjer tal-Kap Verde u Sao Tome u Principe, u jkopri żewġ żoni geografiċi, politiċi u ekonomiċi: l-Komunità Ekonomika tal-Istati tal-Afrika tal-Punent (ECOWAS) u l-Komunità Ekonomika tal-Istati Ċentrali Afrikani (ECCAS), li t-tnejn li huma affiljati mal-Kummissjoni tal-Golf tal-Ginea (GGC) u l-Unjoni Afrikana (UA).

    Matul l-aħħar għaxar snin, stati tal-Afrika tal-Punent u tal-Afrika Ċentrali esperjenzaw taħlita ta’ tkabbir ekonomiku dinamiku flimkien ma’ tisħiħ tal-governanza f’xi pajjiżi u dgħufija tagħha f’oħrajn.  Xi pajjiżi huma fit-triq it-tajba lejn status ta’ dħul medju, filwaqt li oħrajn għad fadlilhom x'jistinkaw biex inaqqsu l-faqar skont l-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju (MDG).  Madankollu, it-tnejn li huma jistgħu jkunu mhedda minn instabilità dejjem tikber u minn attività kriminali fil-Golf tal-Ginea; u l-instabbiltà jew it-tfixkil ekonomiku hemmhekk ikollhom impatt dirett fuq l-UE nnifisha.

    Il-kriminalità organizzata fil-forom ta’ traffikar ta' drogi, bnedmin, armi, djamanti mhux maħduma, mediċini foloz, skart illegali[3], iċ-ċiberkriminalità u l-ħasil tal-flus relatat spiss isseħħ fl-interfaċċja bejn il-fruntieri porużi fuq l-art u fil-baħar fil-Golf tal-Ginea.  Ir-rotot tat-traffikar ta’ spiss jirkbu fuq żoni ta’ instabilità ta' kriżijiet, u mat-terroriżmu fis-Saħel u n-Niġerja ta' fuq. It-traffikar tad-drogi, b’mod partikolari il-kokaina u l-armi[4] kellu rwol sinifikanti fid-dgħajfien tal-istituzzjonijiet governattivi f’bosta pajjiżi tal-Punent tal-Afrika, l-aktar fil-Ginea Bissaw.  F’xi każijiet din l-attività saret sors ieħor ta’ dħul għal gruppi terroristiċi fis-Saħel. L-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti kontra d-Droga u l-Kriminalità (UNODC) jistma li l-valur ta’ kokaina mibgħuta mill-Afrika tal-Punent lejn l-Ewropa fl-2011 biss, f'ammont ta' USD 1,25 biljun, u li l-biċċa l-kbira tal-migranti illegali, kemm jekk ittraffikati jew le, huma destinati għall-Ewropa.  Traffikar illegali ieħor jinvolvi kawkaw, qoton, injam, ġewż tal-anakardju, deheb u djamanti[5].

    Il-Piraterija u s-Serq bl-użu tal-Armi fuq il-Baħar huma t-tieni theddida li dejjem qed tikber.  Il-kummerċ marittimu lejn u mill-Golf tal-Ginea huwa fil-biċċa l-kbira mmexxi mill-UE. Ir-reġjun huwa wieħed mill-interessi marittimi strateġiċi tal-UE. Hemm medja ta’ 30 bastiment li jtajjar bandiera jew proprjetà tal-UE, fi kwalunkwe ħin, fil-Golf tal-Ginea. Matul l-aħħar għaxar snin, mill-551 attakk u l-attentati ta’ attakk li ġew irrappurtati, il-biċċa l-kbira seħħew f’ġuriżdizzjonijiet nazzjonali, filwaqt li anqas minn 20 % saru f'ibħra internazzjonali, bl-akbar numru fl-2012 'il barra mix-xtut tan-Niġerja u t-Togo.   Dawn l-attakki jseħħu prinċipalment meta l-bastimenti jkunu ankrati, ġejjin lejn jew ħerġin minn pjattaformi taż-żejt lil hinn mill-kosta jew minn kontenituri tal-ħażna.  Madankollu, l-aħħar valutazzjonijiet huma li r-riskju ta’ attakk jista’ jkun aktar ’il barra mill-kosta, simili għall-approċċ użat minn pirati li jużaw bastimenti li jġorru bastimenti oħra żgħar magħhom bbażati fis-Somalja sabiex jattakkaw f’ibħra internazzjonali. Il-biża' hija li l-pirati jistgħu jissimulaw it-teħid ta’ ostaġġi tal-baħħara fil-Qarn tal-Afrika għal dividendi ta’ valur ogħla. Użu imprevvedibli ta’ vjolenza kontra l-ekwipaġġ, inkluż l-użu ta’ armi tan-nar, hija xejra inkwetanti.

    Is-Serq taż-żejt u l-"petro-piracy" jinvolvu kemm “bunkering” kif ukoll ħtif ta’ tankers għas-serq tal-fjuwil.  Dan l-aħħar ġie stmat li n-Niġerja titlef madwar 100 000 barmil kuljum, li mbagħad jerġgħu jinbiegħu fis-suq illegali. Bastimenti tal-irmonk li jwasslu lill-ħaddiema taż-żejt fuq il-pjattaformi kienu wkoll fil-mira tal-pirati, u banditi armati. Dawn l-attivitajiet huma spiża għad-dħul tal-gvernijiet, iżidu l-ispejjeż tas-sigurtà kummerċjali u jiskoraġġixxu aktar investiment.  L-iffukar fuq is-sigurtà tal-industrija taż-żejt mhux maħdum u l-industrija petrokimika hu importanti mhux biss fin-Niġerja (fl-epiċentru sa issa), iżda dejjem aktar lil hinn minnha, lil hinn mill-kosta tal-Ginea Ekwatorjali, il-Gana, il-Kamerun, ir-Repubblika tal-Kongo, il-Gabon, iċ-Ċad, il-Liberja u l-Angola[6]. It-tixrid taż-żejt marbut mas-serq taż-żejt ħafna drabi wkoll jiggrava l-ħsara lil ambjenti kostali u għalhekk l-għajxien tas-sajd u dak agrikolu.   

    Sajd illegali:  Is-sajd jibqa' industrija importanti f'ħafna pajjiżi fil-Golf tal-Ginea, u jikkontrobwixxi 25-30 % tad-dħul fil-Mawritanja; minn 25 sa 30 % tal-esportazzjonijiet tas-Senegal; u 25-40 % tad-dħul tal-Gvern tal-Ginea Bissaw skont il-Bank Dinji u tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura.  Sajd illegali, mhux rappurtat u mhux regolat (IUU) fil-Golf tal-Ginea qed jiswa lill-Istati kostali madwar USD 350 miljun fis-sena, u qed joħloq theddida ambjentali serja għall-istokkijiet tal-ħut u l-kollass globali potenzjali tal-industrija tas-sajd. Il-qabdiet totali stmati fil-kosta tal-Golf tal-Ginea huma maħsubin li huma sa 40 % ogħla minn dak irrappurtat. Riżorsi, dħul, nutrizzjoni u għajxien sinifikanti huma mitlufa bħala riżultat ta’ dan. 

    Il-qgħad f’pajjiżi fil-Golf tal-Ginea huwa stmat f'madwar 40 % b’livelli ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ ta' aktar minn 60 %.  M’hemmx biżżejjed opportunitajiet ekonomiċi, tal-ekonomija legali formali għaż-żgħażagħ. Barra minn hekk, in-nuqqas ta’ sigurtà fl-ikel fil-kampanja ħeġġet il-migrazzjoni miż-żoni rurali għall-ibliet, li wasslet għal tkabbir rapidu tal-popolazzjoni urbana, u tpoġġi pressjoni żejda fuq l-infrastruttura soċjali u ekonomika li diġa' qed titħabat u toħloq tensjonijiet fost il-popolazzjonijiet urbani. Livell għoli ta’ qgħad bħal dan iħeġġeġ liż-żgħażagħ jidħlu f’attività kriminali sempliċiment biex jaqilgħu l-għajxien, biex dawn isiru ġellieda għal gruppi kriminali u illegali, jew iwassalhom għal migrazzjoni illegali f’kundizzjonijiet perikolużi ħafna. 

    L-INTERESSI TAL-UE

    L-UE għandha interessi ekonomiċi, ta’ żvilupp, kummerċjali u ta' sigurtà sinifikanti fil-Golf tal-Ginea.  L-impenn tagħha li tindirizza l-faqar u tappoġġa l-iżvilupp ekonomiku huwa mnaqqax fil-Ftehim ta’ Cotonou.  L-UE hija impenjata wkoll biex tappoġġa l-isfruttar sostenibbli tar-riżorsi naturali fir-reġjun, inklużi l-idrokarburi u l-ħut.  L-Ewropa timporta madwar nofs l-enerġija li teħtieġ, li minnha kważi 10 % taż-żejt u 4 % tal-gass naturali tagħha li jiġu mill-Golf tal-Ginea.  In-Niġerja, l-Angola, il-Ginea Ekwatorjali u l-Gabon huma fornituri sinifikanti ta’ żejt mhux raffinat, u n-Niġerja ta’ gass naturali.  Il-viċinanza tar-reġjun mal-Ewropa b'aċċess faċli bil-baħar jagħtiha vantaġġ komparattiv fuq il-Lvant Nofsani għall-ħtiġijiet ta' żejt tagħna u l-Ewropa tibqa’ suq ta’ esportazzjoni ewlieni għal prodotti reġjonali oħra, inklużi r-riżorsi tal-forestrija, agrikoli u minerali[7].

    Ir-reġjun huwa kalamita dejjem tikber għall-investiment fl-Ewropa, mhux biss f’riżorsi naturali, iżda fil-prodotti tal-konsumatur u s-setturi tas-servizzi, inkluż fis-setturi tat-telefonija mobbli.  Dan jingħaqad flimkien ma' importanza dejjem akbar bħala suq potenzjali għal esportazzjonijiet hekk kif it-tkabbir ekonomiku tar-reġjun jiżdied.  Dan kollu jagħmel għal interess reċiproku dejjem jikber biex jippromwovi t-tkabbir u l-impjiegi billi jiżgura s-sigurtà u l-istabilità.

    Huwa wkoll fl-interess tal-UE li tippromwovi l-istabilità fil-Golf tal-Ginea biex tipproteġi liċ-ċittadini tal-UE stess mit-theddid ta’ drogi, terroriżmu, piraterija u serq bl-armi, u forom oħra ta’ kriminalità li joriġinaw mir-reġjun. 

    X’SAR

    Ir-reazzjonijiet s’issa għal dawn it-theddidiet inkludew firxa ta’ inizjattivi matul dawn l-aħħar 5 snin fuq livelli internazzjonali, reġjonali u nazzjonali:

    - Żewġ riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar il-Piraterija u s-Serq bl-Armi fil-Golf tal-Ginea[8] li stipulaw il-ħtieġa għall-adozzjoni ta’ “strateġija komprensiva mmexxija mill-pajjiżi tar-reġjun biex jiġġieldu t-theddida ta’ piraterija u ta’ serq bl-użu tal-armi fil-baħar fil-Golf tal-Ginea u l-kawżi sottostanti tagħhom”; u l-ħtieġa li jinbena fuq “inizjattivi nazzjonali, reġjonali u extrareġjonali eżistenti biex titjieb is-sikurezza u s-sigurtà marittima fil-Golf tal-Ginea”.  Iż-żewġ riżoluzzjonijiet li jiffukaw fuq it-tħeġġiġ tal-manteniment ta’ paċi u stabbiltà b’mod ġenerali fir-reġjun tal-Golf tal-Ginea.

    - Taħt l-awspiċi tal-G8, tnediet l-inizjattiva tal-Grupp ta' Ħbieb tal-Golf tal-Ginea (FOGG) biex tiġi indirizzata s-sigurtà marittima fil-Golf tal-Ginea, li l-UE hija membru tagħha.  Din tiffoka fuq l-importanza ta’ appartenenza Afrikana; ir-rabta bejn l-iżvilupp ekonomiku u s-sigurtà; l-importanza tal-koordinazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni; u l-ħtieġa għal reazzjoni komprensiva li tinkludi il-governanza u l-ġustizzja.

    - L-UE qed tindirizza s-sajd IUU permezz tal-implimentazzjoni tar-Regolament IUU tal-UE u permezz ta’ Ftehimiet ta’ Sħubija dwar is-Sajd tal-UE ma’ bosta pajjiżi kostali tal-Afrika tal-Punent u l-Afrika Ċentrali u tgħin ir-regolamentazzjoni tas-sajd, inkluż minn bastimenti tal-UE, u tappoġġa l-iżvilupp/il-governanza mtejba u l-isforzi ta’ kontroll fis-settur tas-sajd.  

    - L-Organizzazzjonijiet Reġjonali ECOWAS u ECCAS adottaw politiki u nedew azzjonijiet speċifiċi, l-aktar bħala riżultat kemm taż-żieda tal-pressjoni internazzjonali kif ukoll tal-appoġġ internazzjonali, inkluż għal ECOWAS, Qafas Komprensiv ta' Prevenzjoni ta' Kriżi fl-2008 li jindirizza fost oħrajn kwistjonijiet tas-sigurtà tansfruntiera u ta’ sikurezza marittima, pjan ta' Praia kruċjali biex tiġi indirizzata l-problema tad-droga dejjem tikber u l-Istrateġija ta’ Kontra t-Terroriżmu u l-Pjan ta’ Implimentazzjoni. L-ECCAS għandha Strateġija Integrata għas-Sigurtà Marittima mill-2008 u waqqfet il-CRESMAC (Ċentru Reġjonali għas-Sigurtà Marittima fl-Afrika Ċentrali). L-Unjoni Afrikana adottat Strateġija għas-Sigurtà Marittima Integrata Afrikana (Strateġija 2050 AIM) fl-2012.

    - Pajjiżi individwali fil-Golf tal-Ginea bdew iżidu r-riżorsi u jiżviluppaw strateġiji bi sħubiji biex tiġi indirizzata l-kriminalità organizzata kemm lil hinn mill-kosta kif ukoll fuq l-art bħal rondi konġunti (Operazzjoni Prosperity) mir-Repubblika Federali tan-Niġerja u r-Repubblika tal-Benin.

    - Iż-żieda fl-appoġġ minn programmi bilaterali tal-Istati Membri tal-UE u minn imsieħba internazzjonali oħrajn bħall-Istati Uniti, il-Brażil, iċ-Ċina, l-Indja, l-Afrika t’Isfel, u oħrajn, għall-formulazzjoni tal-politika, il-koordinazzjoni u l-bini ta’ kapaċità istituzzjonali. L-appoġġ tal-Istati Membri tal-UE huwa diġà sostanzjali ħafna, l-aktar f’dak li jirrigwarda l-bini tal-kapaċità tal-istituzzjonijiet u s-servizzi prinċipali.

    - Is-Samit tal-Kapijiet ta' Stat tal-Golf tal-Ginea li nżamm f’Yaoundé fl-24 u l-25 ta’ Ġunju 2013 wassal għal:

    (a) L-Adozzjoni ta’ 'Kodiċi ta’ Kondotta Dwar il-Prevenzjoni u t-Trażżin ta’ Piraterija, Attakki bl-Armi kontra Bastimenti, u Attivitajiet Marittimi Illegali fl-Afrika tal-Punent u l-Afrika Ċentrali', li ser jiġi rieżaminat fi 3 snin[9].

    (b) L-adozzjoni ta’ Memorandum ta’ Qbil (MoU) iffirmat mill-kapijiet tal-ECCAS, l-ECOWAS u l-GGC dwar is-Sigurtà u s-Sikurezza Marittima fl-Afrika tal-Punent u Ċentrali, li jistipula t-twaqqif ta’ grupp ta’ esperti biex jipprepara pjan ta’ azzjoni bħala segwitu għall-implimentazzjoni tal-Kodiċi ta’ Kondotta.

    (ċ) Deċiżjoni biex jiġi lokalizzat iċ-Ċentru ta’ Koordinazzjoni Intrareġjonali (kif spjegat fil-MoU) f’Yaoundé. Dan se jkun il-mekkaniżmu ta' sorveljanza tal-implimentazzjoni, taħt l-awspiċi tal-UA.

    F’termini ta’ definizzjoni tar-rekwiżiti strateġiċi u politiċi meħtieġa, għalhekk diġa' twettaq ħafna xogħol. L-implimentazzjoni, madankollu, ġiet limitata ħafna minħabba l-limitazzjonijiet tar-riżorsi u d-differenza mal-livell ta’ aktar investiment meħtieġ biex treġġa' lura t-tendenza li kull ma jmur dejjem qed tikber ta' kriminalità organizzata li għadha wiesgħa.

    IT-TRIQ ’IL QUDDIEM

    Is-Samit ta’ Yaoundé wera impenn sod min-naħa tal-istati individwali, l-organizzazzjonijiet reġjonali u l-GGC biex jaħdmu flimkien u ma’ msieħba internazzjonali biex tiġi żviluppata s-sigurtà marittima reġjonali fl-iktar sens wiesgħa tagħha.[10] Is-segwitu ta’ dan is-Samit huwa għalhekk punt tat-tluq utli għall-approċċ tal-UE.

     L-approċċ tal-UE għandu jkun ibbażat fuq tliet prinċipji:

    - is-sħubija mal-pajjiżi tal-Golf tal-Ginea, l-organizzazzjonijiet reġjonali tagħhom u organizzazzjonijiet internazzjonali oħra attivi fir-reġjun (ECOWAS, ECCAS, GGC, l-Organizzazzjoni Marittima għall-Afrika tal-Punent u l-Afrika Ċentrali (MOWCA), flimkien ma' Uffiċċji tan-NU għall-Afrika Ċentrali u tal-Punent, UNOCA u UNOWA, u organizzazzjonijiet internazzjonali inkluż l-aġenziji tal-UA u n-NU bħalma huma l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO), kif ukoll l-INTERPOL, l-Organizzazzjoni Doganali Dinjija (WCO) u oħrajn);

    - approċċ komprensiv għall-problemi, li jiżgura li l-kwistjonijiet ta' sigurtà, l-iżvilupp u kwistjonijiet ta’ governanza huma integrati f’qafas strateġiku uniku.

    - l-applikazzjoni tal-lezzjonijiet meħuda mill-istrateġiji tagħna f’reġjuni oħra tal-Afrika.

    L-UE tipproponi approċċ integrat lejn kwistjonijiet ta’ governanza u r-riskji kollha relatati mas-sigurtà u l-isfidi fuq l-art u fil-baħar, li jindirizzaw l-aspetti kollha tal-kriminalità organizzata transnazzjonali fil-qasam marittimu kif stipulat fil-Kodiċi ta’ Kondotta ffirmat f’Yaoundé, li jindirizza l-kawżi sottostanti u jippromwovi l-paċi reġjonali, is-sigurtà, l-istabilità, il-governanza tajba u l-iżvilupp. L-appoġġ tal-ġestjoni tal-fruntieri, l-istat tad-dritt, ir-riforma tal-oqfsa legali u ta’ sigurtà, l-iżgurar tal-aċċess għall-ġustizzja u d-drittijiet tal-bniedem, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata inkluż il-migrazzjoni illegali, huma komponenti essenzjali ta’ ħidma fit-tul fil-ġejjieni. Il-governanza ekonomika hija wkoll importanti, bħal ġestjoni aħjar u l-parteċipazzjoni tas-soċjetà fl-isfruttar tar-riżorsi naturali, inkluż taż-żejt, is-sajd u oħrajn. Elementi importanti oħra għandhom jinkludu l-bini fuq azzjonijiet ta’ suċċess tal-UE eżistenti u t-tagħlim tal-lezzjonijiet tal-istrateġiji tal-UE fis-Saħel u fil-Qarn tal-Afrika; xogħol fuq livelli nazzjonali, reġjonali u internazzjonali, ma’ Stati individwali jew gruppi ta’ Stati li għandhom ir-rieda politika li jaġixxu (u jħeġġu lil oħrajn biex jingħaqdu).

     Filwaqt li nżommu dan quddiem għajnejna, l-approċċ tal-UE se jiffoka fuq l-erba’ għanijiet li ġejjin: 

    Objettiv 1 – Il-bini ta’ għarfien komuni tal-gravità tat-theddid fil-Golf tal-Ginea u l-ħtieġa li tiġi indirizzata fost il-pajjiżi tar-reġjun u l-komunità internazzjonali.

    L-għan huwa li jiġi żviluppat bażi fattwali sod għat-tfassil tal-politika u azzjoni, il-promozzjoni tas-sens ta’ appartenenza fost il-pajjiżi Afrikani, u t-tħeġġiġ tar-rieda politika biex jiġu indirizzati l-problemi.  Se jippermetti wkoll lill-UE biex tiġġudika aħjar l-ispiża u l-benefiċċju tal-azzjonijiet proposti.

    Il-kooperazzjoni ma’ partijiet interessati ewlenin f’pajjiżi u organizzazzjonijiet reġjonali, inklużi l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, Organizzazzjonijiet Mhux Governattivi (NGOs), Organizzazzjonijiet Reġjonali għall-Ġestjoni tas-Sajd (RFMOs) u s-settur privat se jagħmluha possibbli li tiġi ddefinita stampa komprensiva tal-iskala tat-theddida, jiġu identifikati l-opportunitajiet u jkun hemm qbil dwar il-prijoritajiet. 

    Azzjoni possibbli:

    - it-titjib tal-ġbir tad-dejta (bħalissa 30-50 % biss tal-inċidenti marittimi qed jiġu rappurtati) u l-qsim tal-informazzjoni;

    - l-identifikazzjoni ta' żoni prijoritarji ġeografiċi u tematiċi li jiffukaw fuq ir-reazzjoni tal-UE, inklużi, b’kooperazzjoni ma’ atturi internazzjonali oħra;

    - l-indirizzar tal-fatturi usa’ ta’ instabilità skont il-livell ta’ riskju bl-użu ta’ għodod bħas-Sistema ta' Tbassir Bikri tal-Kunflitt u l-Valutazzjoni ta' Riskju tal-Kunflitt, u l-istrateġiji tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-UE;

    - l-iżgurar tal-allinjament ta’ politiki/strateġiji tematiċi (ta' sigurtà, ta' traffikar tad-drogi, tal-ġlieda kontra t-terroriżmu) u ġeografiċi;

    - iż-żamma tal-kuntatti mill-qrib mas-settur privat, b’mod partikolari s-setturi industrijali, tas-sajd artiġjanali, tat-tħaffir għall-minjieri, u l-kumpaniji tat-trasport bil-baħar sabiex jiġi żgurat li jitqiesu l-perspettivi mill-gvernijiet.

    - Djalogu ta' appoġġ mas-soċjetà ċivili, l-industrija u l-gvernijiet.

    Objettiv 2 - L-għajnuna lill-gvernijiet reġjonali tistabbilixxi l-istituzzjonijiet u l-kapaċitajiet biex tiġi żgurata s-sigurtà u l-istat tad-dritt.

    Istituzzjonijiet nazzjonali (u reġjonali) reżiljenti li jistgħu jiġġieldu t-theddid fuq bażi sostenibbli huma essenzjali għal ġlieda effettiva kontra n-netwerks ta’ kriminalità organizzata.  Dawn l-istituzzjonijiet jeħtieġ li jkollhom ir-rieda li jmorru kontra l-kriminalità, il-mandat u r-riżorsi biex jagħmlu dan, kif ukoll il-kapaċità teknika, inkluż f’oqsma speċjalizzati. L-UE għandha l-esperjenza u r-riżorsi biex tgħin fil-bini tal-kapaċità lokali, u għandha tinkoraġġixxi l-appoġġ politiku neċessarju permezz ta’ djalogu politiku.

    L-istituzzjonijiet jinkludu:

    - l-istituzzjonijiet politiċi (pereżempju l-parlamenti, il-korpi ta’ ġestjoni elettorali, il-partiti politiċi) li jistgħu jipprovdu lil istituzzjonijiet oħra b’mandat biex jintervjenu u qafas ġuridiku xieraq biex jagħmlu dan;

    - l-Istituzzjonijiet tas-sigurtà (pereżempju forzi tas-sigurtà interni, il-gwardji tal-kosta, l-awtoritajiet tal-port, l-awtoritajiet doganali u forzi militari – tal-art, tal-baħar u tal-ajru, kollha b’funzjonijiet ta’ ġbir ta' intelliġenza assoċjata) li jistgħu jwettqu operazzjonijiet ta’ sorveljanza u fejn ikun meħtieġ, jintervjenu sabiex jipproteġu r-rotot tal-kummerċ u l-installazzjonijiet taż-żejt u jfixklu attivitajiet illegali tad-droga u t-traffikar tal-bnedmin.  Qafas ġuridiku xieraq u r-responsabbiltà politika jeħtieġu li jkunu stabbiliti sabiex jiġu żgurati responsabbiltajiet ċari fir-rigward ta’ reati serji fuq l-art jew il-baħar.  Huwa meħtieġ tisħiħ tal-kapaċità f’oqsma speċifiċi fejn dawn huma l-iktar dgħajfa (pereżempju fil-ġlieda kontra l-piraterija fuq il-baħar, jew fis-sejba ta’ drogi).

    - Ir-regola tal-istituzzjonijiet legali (pereżempju l-pulizija, il-qrati u l-ħabsijiet, inkluż tribunali speċjalizzati pereżempju fl-oqsma tad-dwana jew tas-sajd) li jistgħu a) jippermettu lill-dawk suspettati li jkunu investigati, ġudikati u mogħtija piena b’mod xieraq skont il-liġi u b’rispett lejn l-istandards tad-drittijiet tal-bniedem; b) jiffaċilitaw l-aċċess għall-ġustizzja u l-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem (anke għal vittmi tat-traffikar tal-bnedmin); jippromwovu riforma tal-ġudikatura u tal-affarijiet interni. Xi dimensjonijiet ewlenin hawnhekk huma l-indipendenza u l-protezzjoni tal-imħallfin u tal-maġistrati inkwirenti, l-kapaċità forensika li jipprovdu provi fil-qorti u jitnaqqas l-użu ta’ metodi ta’ interrogazzjoni illegali.

    - istituzzjonijiet ta' maniġment ekonomiku u ambjentali: l-awtoritajiet nazzjonali jeħtieġu jnaqqsu l-korruzzjoni fejn teżisti, jipprevjenu l-ħasil tal-flus permezz ta' istituzzjonijiet finanzjarji nazzjonali, jevitaw il-maniġment korrott jew inkompetenti ta' kuntratti ta' riżorsi naturali, u jiżguraw maniġment ambjentali sod minn operazzjonijiet kummerċjali. 

    - istituzzjonijiet ta’ sorveljanza u s-soċjetà ċivili (pereżempju l-awditur ġenerali, l-ombudsman, l-istituzzjonijiet ta’ kontra l-korruzzjoni, il-midja, NGOs, gruppi ta’ riflessjoni, gruppi komunitarji) li jistgħu jinkoraġġixxu tmexxija tajba u l-istat tad-dritt li jilqgħu kontra l-permess ta' spazju għal netwerks ta’ kriminalità organizzata biex joperaw fihom.

    L-UE għandha tipprova timpenja ruħha mal-komunitajiet lokali, is-soċjetà ċivili u l-mezzi tax-xandir biex tgħin liċ-ċittadini jżommu lill-dawn l-istituzzjonijiet responsabbli

    Azzjoni possibbli:

    a) it-titjib tal-istat tad-dritt permezz tat-tisħiħ tal-aġenziji nazzjonali tal-infurzar tal-liġi u l-ġudikatura; it-titjib tal-kapaċità ta’ sorveljanza tal-baħar u tal-art; l-appoġġ ta' koordinazzjoni mtejba bejn l-aġenziji u reġjonali fil-ġlieda kontra d-drogi u l-kriminalità organizzata inkluża l-kooperazzjoni ta' sigurtà u l-kooperazzjoni legali, il-qsim tad-dejta, u l-azzjonijiet konġunti kontra t-traffikar transfruntier. l-appoġġ għall-iżvilupp tal-Istrateġija Marittima Integrata Afrika 2050 u t-titjib tal-monitoraġġ u r-rappurtar ta’ ksur tas-sigurtà marittima, inkluż il-ġbir ta’ evidenza għall-prosekuzzjoni

    b) it-titjib tal-governanza ekonomika u ambjentali permezz tal-iżvilupp jew l-infurzar tal-oqfsa legali għas-sajd u l-esplojtazzjoni ta’ minerali lil hinn mill-kosta, inklużi s-sistemi ta’ liċenzjar tal-ħut; il-ħidma ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali, Organizzazzjonijiet Reġjonali tal-Ġestjoni tas-Sajd, u korpi oħra ewlenin sabiex jiġi żgurat ir-rispett tal-liġi internazzjonali u n-normi reġjonali; il-ħidma mas-settur privat – inkluż l-industrija taż-żejt u dik marittima biex jippromwovu l-azzjonijiet tar-responsabilità korporattiva u l-konsultazzjoni mas-soċjetà ċivili u l-komunitajiet lokali.

    Objettiv 3 – L-appoġġ għall-iżvilupp ta’ ekonomiji prosperi fil-pajjiżi kostali, li jippermettulhom jipprovdu servizzi bażiċi, l-opportunitajiet ta’ impjieg u t-tnaqqis tal-faqar għaċ-ċittadini tagħhom.

    Ħafna Stati tal-Golf tal-Ginea huma Pajjiżi l-Anqas Żviluppati fraġli (LDCs), bi ftit indikaturi ewlenin ta’ żvilupp bħall-istennija tal-ħajja, is-saħħa u l-letteriżmu. Il-faqar mifrux, it-tmexxija fqira u s-sottożvilupp jistgħu jiffaċilitaw iit-tfaċċar ta’ attivitajiet kriminali. Il-ġenerazzjoni ta' impjiegi leġittimi u sostenibbli għaż-żgħażagħ jistgħu jgħinu biex jiġu ttrattati l-kawżi sottostanti li jalimentaw l-insigurtà f’ħafna pajjiżi tal-Golf tal-Ginea.

    Il-politika tal-iżvilupp tal-UE, inkluż l-Aġenda tal-UE għall-Bidla, tipprijoritizza l-għajnuna lill-ifqar pajjiżi, partikolarment l-istati fraġli. Il-kwistjonijiet ewlenin indirizzati fl-Aġenda għall-Bidla jinkludu t-tmexxija tajba, tkabbir inklussiv u sostenibbli, l-agrikoltura, is-sigurtà tal-ikel, l-enerġija nadifa, u t-titjib tal-elastiċità għall-konsegwenzi tat-tibdil fil-klima. F’termini ta' nutrizzjoni, kummerċ, żvilupp ekonomiku u impjiegi, l-importanza għar-reġjun ta' titjib fil-ġestjoni tas-settur tas-sajd, b’mod partikolari tas-sajd kostali artiġjanali, hija evidenti.[11]

    Azzjoni possibbli

    - It-tkomplija u l-estensjoni tax-xogħol li għaddej bħalissa biex jitjiebu r-regolamentazzjoni u l-ġestjoni ta’ industriji ewlenin fil-pajjiżi tal-Golf tal-Ginea inkluż is-sajd u estratti;

    - Iż-żieda tal-parteċipazzjoni tal-komunità fl-iżvilupp ekonomiku lokali u l-komunitajiet ta' appoġġ permezz tal-espansjoni tal-aċċess għall-enerġija u s-servizzi bażiċi;

    - L-involviment ma’ Pajjiżi tal-Golf tal-Ginea, Organizzazzjonijiet Reġjonali ta’ Ġestjoni tas-Sajd, Organizzazzjonijiet Internazzjonali u partijiet interessati ewlenin oħra biex titjieb ir-regolamentazzjoni u l-amministrazzjoni tas-sajd u l-industriji tal-estrazzjoni.

    Objettiv 4 – L-istabbiliment ta’ strutturi ta’ kooperazzjoni bejn il-pajjiżi tar-reġjun biex tkun żgurata azzjoni effettiva bejn il-fruntieri fuq il-baħar u fuq l-art.

    L-importanza tal-qsim tal-informazzjoni u l-kooperazzjoni fost firxa wiesgħa ta’ aġenziji u atturi pubbliċi u privati, tagħmilha essenzjali li jiġu żviluppati ppjanar u koordinazzjoni b’saħħithom fost dawn, l-aktar mal-organizzazzjonijiet reġjonali ewlenin; ECOWAS, ECCAS u GGC. Ir-rwol ta’ koordinazzjoni usa’ tal-Unjoni Afrikana wera l-valur tiegħu fil-Qarn tal-Afrika u huwa dejjem aktar apprezzat mill-organizzazzjonijiet reġjonali fil-Golf tal-Ginea.  Il-kooperazzjoni tal-UE għandha bżonn li tappoġġa din l-integrazzjoni u l-koordinazzjoni tal-isforzi. 

    Azzjoni possibbli:

    - It-titjib tal-ippjanar, il-koordinazzjoni u l-komunikazzjoni fost l-imsieħba reġjonali; l-għajnuna lil organizzazzjonijiet reġjonali biex jaħdmu aktar b’mod kollaborattiv fis-segwitu tas-Samit ta' Yaoundé;

    - L-identifikazzjoni ta' fejn imsieħba attivi bħall-Istati Uniti, il-Kanada, il-Ġappun, iċ-Ċina, kif ukoll in-NU, il-Bank Dinji, u organizzazzjonijiet jew istituzzjonijiet multilaterali oħrajn jista’ jkollhom impatt pożittiv, inkluż il-Golf tal-Ginea fid-djalogu politiku tagħna ma’ dawn l-imsieħba;

    - Djalogi politiċi tal-UE mal-Istati u l-Organizzazzjonijiet Reġjonali u korpi reġjonali oħrajn għandhom regolarment jivvalutaw is-sigurtà fuq il-baħar u fuq l-art kif ukoll is-sitwazzjoni, ix-xejriet u l-ħtiġijiet tal-iżvilupp;

    - L-appoġġ lill-ECOWAS, l-ECCAS, GCC u l-Unjoni Afrikana fl-isforzi tagħhom biex jikkoordinaw internament, mal-Istati Membri tagħhom u ma’ xulxin, u ma’ msieħba esterni.

    KONKLUŻJONIJIET

    Għalkemm ittieħdu xi passi pożittivi b’mod nazzjonali, reġjonali u internazzjonali, l-iskala, il-varjetà u ċ-ċaqliq tan-natura ta’ attivitajiet kriminali u l-kumplessità tal-problemi bażiċi jeħtieġu ħafna iktar attenzjoni fuq livelli nazzjonali, reġjonali u internazzjonali. Dan l-approċċ huwa kompletament konsistenti ma’ u kumplimentari għal politiki nazzjonali għat-tnaqqis tal-faqar u inizjattivi reġjonali, kif ukoll f’sinerġija ma’ azzjonijiet implimentati permezz ta’ Ftehimiet ta’ Sħubija dwar is-Sajd u azzjonijiet li jimplimentaw ir-Regolament IUU. Huwa ċar li l-attivitajiet madwar l-għanijiet differenti kif stabbiliti f’dan il-qafas jistgħu jsaħħu lil xulxin b’mod reċiproku u kumplimentari.

    Se tkun importanti madankollu l-koordinazzjoni ta' dawn l-inizjattivi differenti kollha kemm fir-reġjun kif ukoll fost l-istituzzjonijiet tal-UE fi Brussell, u mal-programmi tal-Istati Membri tal-UE stess kif ukoll mal-komunità internazzjonali. Il-livell ta’ ambizzjoni tagħna, għalkemm wiesgħa u jinkludi l-firxa sħiħa ta’ sfidi ekonomiċi, soċjali, ta’ governanza, ta' sigurtà u ta' żvilupp, huwa l-approċċ it-tajjeb f’dan l-istadju.

    Ikun għaqli li nikkonċentraw fejn l-UE jista’ jkollha l-aktar effett. Wara Yaoundé hemm opportunità biex jiġi stimulat l-appoġġ għal pjattaformi ta’ koordinazzjoni reġjonali li qed jiżviluppaw immexxija mill-Afrikani.

    Fl-aħħar mill-aħħar, dan il-qafas strateġiku se jippermettilna niġġudikaw aħjar u nippjanaw il-ħidma tal-UE mal-imsieħba tagħha fil-Golf tal-Ginea b’mod aktar koerenti. Iż-żieda tal-iffukar tal-UE issa fuq koordinazzjoni aħjar se jkollha effetti sinifikanti dwar is-sigurtà, il-fiduċja tal-investituri, il-prosperità, l-għaxjien, l-ambjent, u l-provvista tal-enerġija.

    [1] Inklużi l-ħafna pajjiżi ġirien mingħajr kosta li l-provvisti tagħhom jiddependu fuq l-attivitajiet ekonomiċi tal-kosta.

    [2] Il-liġi internazzjonali tagħmel distinzjoni bejn inċidenti – ta' "piraterija" li jseħħu f'ibħra internazzjonali – u inċidenti ta' "serq bl-użu tal-armi fuq il-baħar" – li jseħħu f'ibħra territorjali.

    [3] Eżempji ta’ skart illegali jinkludu l-erbiċidi u l-pestiċidi, it-tixrid taż-żejt, skart industrijali mhux ittrattat inkluż kontaminanti nukleari u tal-ajrusols.

    [4] 5-7 miljun Arma Żgħira u Armi Ħfief huma stmati mill-UNODC li qed jiċċirkolaw fir-reġjun tal-Golf tal-Ginea.

    [5] Id-djamanti komplew kebbsu l-kunflitt fir-reġjun, li wassal għat-twaqqif tal-Iskema ta' Ċertifikati tal-Kimberley Process (KP) biex jitwaqqfu d-djamanti tal-konflitt milli jilħqu s-swieq internazzjonali.

    [6] Ir-rapport tal-Parlament Ewropew ta' Awwissu 2011, PE 433768: "L-Effetti tal-Attivitajiet ta' Kumpaniji taż-Żejt fuq l-Ambjent, is-Saħħa u l-Iżvilupp fl-Afrika sub-Saħarjana" jiffoka fuq lezzjonijiet mill-Angola u min-Niġerja.

    [7] L-eżempji jinkludu minerali tal-ħadid (in-Niġerja, il-Gabon u l-Kamerun), djamanti (il-Ginea, il-Liberja, is-Sjerra Leone, il-manganiż (Gabon) boksajt (il-Ginea), kobalt u l-injam (il-Kamerun) u l-kawkaw (il-Gana, il-Kosta tal-Avorju).

    [8] L-UNSCR (2011) 2018 u (2012) 2039

    [9] Il-Kodiċi huwa ispirat mill-OMI Kodiċi ta' Kondotta ta' Ġibuti għall-Oċean Indjan tal-Punent. Il-karatteristiċi ewlenin tiegħu huma enfasi partikolari fuq l-iskambju ta’ informazzjoni u l-koordinazzjoni, iffaċilitat permezz ta’ punt ta’ kuntatt nazzjonali deżinjat f’kull Stat, u għadd ta’ ċentri ta' koordinazzjoni għas-sigurtà marittima reġjonali transnazzjonali u transreġjonali; u impenn ċar mill-Istati biex jiddikjaraw iż-żoni ekonomiċi esklussivi tagħhom u jinfurzaw il-liġijiet tagħhom stess, inkluż fuq is-sajd, il-piraterija u s-serq bl-użu tal-armi fuq il-baħar, il-ħarsien ambjentali, ir-rimi tal-iskart u r-riżorsi minerali inkluż iż-żejt. Il-Kodiċi se jinżamm taħt l-awspiċi tal-Unjoni Afrikana, aktar milli OMI, għal aktar appartenenza Afrikana.  Il-Kodiċi mhuwiex vinkolanti għal issa.

    [10] L-UE tiddefinixxi r-Regolament 725/2004, Art 2.5 dwar is-sigurtà marittima bħala l-ġabra ta' miżuri preventivi bl-intenzjoni li jipproteġu t-trasport bil-baħar u l-portijiet kontra t-theddid ta' atti kriminali internazzjonali.

    [11] Għall-UE hemm ukoll benefiċċji potenzjali konsiderevoli mit-tisħiħ tal-kapaċitajiet lokali biex jinżammu u jiġu amministrati stokkijiet tal-ħut, fil-forma ta’ perspettivi aħjar tal-flotot tas-sajd tal-UE u aktar sigurtà ta’ rotot marittimi minħabba sorveljanza lokali aħjar.

    Top