Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013JC0009

    RAPPORT KONĠUNT LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Ir-Reġjun Amministrattiv Speċjali tal-Makaw: Rapport Annwali 2012

    /* JOIN/2013/09 final */

    52013JC0009

    RAPPORT KONĠUNT LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Ir-Reġjun Amministrattiv Speċjali tal-Makaw: Rapport Annwali 2012 /* JOIN/2013/09 final */


    RAPPORT KONĠUNT LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

    Ir-Reġjun Amministrattiv Speċjali tal-Makaw: Rapport Annwali 2012

    Introduzzjoni

    Minn mindu l-Makaw għadda għand iċ-Ċina kontinentali 13-il sena ilu, l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha segwew mill-qrib l-iżviluppi politiċi u ekonomiċi fir-Reġjun Amministrattiv Speċjali (RAS) tal-Makaw fil-qafas tal-prinċipju "pajjiż wieħed, żewġ sistemi". Sabiex jinżamm l-impenn li ttieħed fl-1999 fil-konfront tal-Parlament Ewropew, jinħareġ rapport annwali dwar l-iżviluppi fil-Makaw. Dan huwa l-11-il rapport ta' dan it-tip, li jkopri l-iżviluppi li saru fl-2012.

    Ir-relazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea mar-RAS tal-Makaw huma msejsin fuq valuri komuni, wirt Ewropew u interessi komuni fl-ekonomija, fl-ambjent, fl-edukazzjoni u fil-kultura. Matul l-2012, ir-relazzjonijiet bilaterali żviluppaw ulterjorment fi ħdan il-qafas tal-Ftehim għall-Kummerċ u l-Kooperazzjoni. Il-Ftehim li ġie ffirmat fl-1992, daħal fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 1993.

    L-UE tirrikonoxxi l-implimentazzjoni sodisfaċenti tal-politika "pajjiż wieħed, żewġ sistemi" matul l-2012, f'konformità mal-Liġi Bażika tar-RAS tal-Makaw. Id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-poplu tal-Makaw ġew rispettati. Il-politika ekonomika kompliet issegwi l-prinċipji mmexxija mis-suq, b'rispett lejn l-istat tad-dritt. Sar xi ftit tal-progress fil-promozzjoni tat-trasparenza u ta' governanza tajba, li baqgħet tikkostitwixxi prijorità. Is-sistema ta' governanza politika tal-Makaw għamlet pass 'il quddiem billi laħqet livell ogħla ta' demokrazija. L-UE tittama li jsir aktar progress f'dan ir-rigward, li eventwalment iwassal għal vot universali għall-elezzjoni kemm tal-Kap Eżekuttiv kif ukoll tal-Assemblea Leġiżlattiva.

    L-iżviluppi politiċi

    L-2012 kienet it-tielet sena minn mindu daħal fil-kariga Chui Sai On, il-Kap Eżekuttiv tar-RAS tal-Makaw. Fid-diskors annwali tiegħu dwar il-politika, li ta fil-15 ta' Novembru, hu qal li matul is-sena l-Gvern tal-Makaw irnexxielu jżomm b'mod sodisfaċenti tkabbir ekonomiku stabbli u ppermetta d-diversifikazzjoni meħtieġa tal-ekonomija, bil-għan li l-Makaw isir ċentru dinji tat-turiżmu u tad-divertiment. Il-Gvern kompla jagħti prijorità lill-prinċipju "In-nies jiġu l-ewwel" fit-tfassil ta' politika tiegħu u kkommetta lilu nnifsu li jippermetti lil persuni minn kull settur tal-ħajja li jaqsmu l-frott tal-iżvilupp ekonomiku u li jgħolli l-istandard tal-għajxien tagħhom. Il-Kap Eżekuttiv wiegħed li jutilizza kompletament l-vantaġġi tal-Makaw sabiex ikun hemm diversifikazzjoni ekonomika adegwata aktar malajr.

    Wara li saru l-konsultazzjonijiet pubbliċi u b'segwitu għall-approvazzjoni tagħhom mill-Kumitat Permanenti tal-Kungress Nazzjonali tal-Poplu u mill-Assemblea Leġiżlattiva, l-Anness II tal-Liġi Bażika ġie emendat f'dak li jirrigwarda l-metodu użat biex jiġi elett il-Kap Eżekuttiv u biex tiġi ffurmata l-Assemblea Leġiżlattiva tar-RAS tal-Makaw. L-għadd ta' membri fl-Assemblea Leġiżlattiva żdied minn 29 għal 33 membru. Hemm żewġ siġġijiet ġodda tal-kostitwenzi ġeografiċi u żewġ siġġijiet ġodda tal-kostitwenzi funzjonali eletti b'mod dirett. Din l-emenda se tkun fis-seħħ għall-elezzjoni tal-Assemblea Leġiżlattiva f'Settembru tal-2013. Permezz tagħha l-għadd ta' membri tal-kumitat li jeleġġi lill-Kap Eżekuttiv żdied ukoll, u minn 300 tela' għal 400. Hija se tkun il-bażi għall-elezzjoni li jmiss għall-Kap Eżekuttiv fl-2014. Kollox ma' kollox, dan huwa pass 'il quddiem modest iżda pożittiv, orjentat lejn it-tisħiħ tal-bażi demokratika tal-governanza tar-RAS tal-Makaw.

    Ġeneralment, il-libertà tal-espressjoni hija rispettata fil-Makaw. Il-midja stampata u dik elettronika jesprimu firxa wiesgħa ta' opinjonijiet. Madanakollu hemm sentiment li qed jintħass dejjem aktar, li l-midja tiċċensura lilha nnifisha. Billi l-midja tal-Makaw tiddependi ferm fuq is-sussidji tal-gvern, ġie rrappurtat li ċerti deċiżjonijiet biex jiġu impjegati ġurnalisti ttieħdu bil-kunsiderazzjoni tal-interessi (meqjusa bħala tali) tal-Gvern. Hemm il-libertà tal-għaqda iżda ġie rrappurtat li l-korpi tal-infurzar tal-liġi kienu stretti żżejjed f'dan ir-rigward. F'konformità mal-Liġi Bażika tiegħu, il-Makaw irrispetta u pproteġa l-libertà tar-reliġjon u tat-twemmin. Ma ġew irrappurtati l-ebda abbużi jew diskriminazzjoni bbażati fuq affiljazzjoni, twemmin jew prattiki reliġjużi. Il-Gvern irrikonoxxa li l-problema tat-traffikar tal-bnedmin kienet qed tiggrava u fittex li jikseb il-kooperazzjoni tal-imsieħba internazzjonali tiegħu, inkluża l-UE, biex jindirizza l-kwistjoni.

    Il-promozzjoni tat-trasparenza u ta' governanza tajba baqgħet ta' prijorità, hekk kif muri minn diversi każijiet ta' korruzzjoni bi profil għoli. Mill-2012, ir-RAS tal-Makaw ma baqax jidher fl-indiċi dwar il-perċezzjoni tal-korruzzjoni ppubblikat minn Transparency International (TI). Dan ġara minħabba li kien hemm bidla interna fil-metodoloġija li mhix relatata mal-Makaw. Fl-2011, il-Makaw ġab 5.1 fl-indiċi tat-TI, fejn in-numru 10 jindika l-ogħla livell ta' trasparenza. Fl-2012, il-Kummissjoni Kontra l-Korruzzjoni (CCAC) irrappurtat li, mit-804 kawżi ttrattati fl-2011, 350 minnhom kienu kawżi kriminali - tnaqqis kbir, meta wieħed iqabbel din iċ-ċifra mas-768 kawża kriminali mressqa l-qorti fl-2009. Dan juri li t-trasparenza fil-Makaw qed tagħmel progress b'mod kostanti. L-Assemblea Leġiżlattiva ddiskutiet proposta tal-gvern relatata mal-Liġi dwar id-Dikjarazzjoni tal-Assi u tal-Interessi. Din teżiġi li l-persunal ta' livell għoli fit-tliet friegħi tal-gvern jiddivulgaw l-assi kollha tagħhom, kemm dawk lokali kif ukoll dawk mhux lokali. Il-liġi għaddiet fl-4 ta' Jannar 2013.

    L-iżviluppi ekonomiċi

    Fl-2012 l-ekonomija tal-Makaw battiet notevolment, billi l-PDG tiegħu kiber b'9.9 %[1] f'termini reali (b'paragun mat-tkabbir kbir ta' 21.9 % fl-2011). Dan ġara minħabba tkabbir inqas rimarkabbli fl-esportazzjonijiet ta' servizzi ta' logħob u fl-infiq tal-viżitaturi, assoċjat ma' tkabbir relattivament iktar dgħajjef tal-ekonomija Ċiniża. L-għadd totali ta' viżitaturi fil-Makaw kien ta' 28 miljun, li kiber marġinalment b'0.3 % meta mqabbel maċ-ċifra tal-2011. Il-viżitaturi li kienu ġejjin miċ-Ċina kontinentali ammontaw għal 60 % mill-wasliet ta' viżitaturi. In-nefqa tal-konsum u l-investimenti privati ma marrux daqstant ħażin. Matul is-sena, il-pressjoni inflazzjonarja li laħqet is-6.1 %, kienet għolja. Minkejja li t-tkabbir tiegħu batta, il-Makaw baqa' jżomm il-pożizzjoni tiegħu bħala l-ikbar suq għall-casinos fid-dinja fl-2012, pożizzjoni li żamm sa mill-2006. Id-dħul annwali mil-logħob tal-azzard kiber bi 13.5 % biex laħaq rekord ta' 304 biljun patakas[2] (EUR 29,6 biljun).

    Fl-2012, il-PDG kien ta' 611 930 patakas ir-ras (EUR 59 635[3]), li jpoġġi lill-Makaw fost l-ogħla għaxra fid-dinja. Fl-istess ħin, il-qligħ medjan globali fix-xahar kien jammonta għal 12 000 patakas (madwar EUR 1 169) fir-raba' kwart tal-2012. Ħafna miċ-ċittadini tal-Makaw ikollhom diffikultà biex isibu abitazzjoni bi prezz li jilħquh, u l-anzjani ta' spiss isibu lilhom infushom f'pożizzjoni vulnerabbli. Sabiex l-għajxien tal-poplu jmur għall-aħjar, fid-diskors dwar il-politika li ta f'Novembru, il-Kap Eżekuttiv ħabbar li l-iskema tal-bonuses fi flus li nbdiet fl-2008 se titkompla, b'ammont miżjud ta' 8 000 patakas (EUR 780) għar-residenti permanenti kollha u li se jiżdied l-infiq iddedikat għall-benefiċċji soċjali, edukattivi u mediċi. Il-pakkett ta' benefiċċji kien jinkludi vawċer mediku bil-valur ta' 600 patakas (EUR 58), tnaqqis tat-taxxa fuq l-introjtu mis-salarju bi 30 %, tnaqqis tat-taxxi, eżenzjonijiet mit-taxxa tal-bolla, sussidji u pensjoni ta' kull xahar għall-anzjani, sussidji fuq l-edukazzjoni, allowances fuq il-kont tal-elettriku, assistenza għall-familji b'introjtu baxx u injezzjonijiet ta' fondi fil-kontijiet ċentrali tat-tfaddil. Għaxar biljun patakas (EUR 970 miljun) ġew allokati għall-qasam tal-kura tas-saħħa biex tiġi stabbilita sistema medika aktar effikaċi u biex jinħoloq netwerk għall-kura tas-saħħa primarja li jkun jipprovdi servizzi tas-saħħa u servizzi mediċi speċjalizzati b'xejn lir-residenti kollha sal-2020.

    Il-qasam tal-logħob sar importanti, aktar minn qatt qabel, bħala l-pilastru ekonomiku tal-Makaw, u jikkontribwixxi għal aktar minn 40 % tal-PDG, b'paragun ma' inqas minn 30 % ta' deċennju ilu. Is-settur tal-logħob, fis-sens strett tal-kelma, impjega 23 %[4] tal-forza tax-xogħol totali tal-Makaw. Jekk jiġu inklużi s-setturi relatati bħalma huma s-servizzi marbuta mat-turiżmu u l-binjiet maħsuba għall-bejgħ bl-imnut jew għal-logħob, aktarx li din iċ-ċifra taqbeż is-70 %. Fl-2012 it-taxxa mil-logħob ikkontribwixxiet għal 83 % tad-dħul fiskali[5] .

    Id-diversifikazzjoni ekonomika lil hinn mis-settur tal-logħob tibqa' għan iddikjarat tal-Gvern tal-Makaw. Huwa ħa ċerti miżuri biex jiżviluppa attivitajiet ekonomiċi mhux relatati mal-logħob, bħall- attivitajiet tas-settur tal-MICE (Laqgħat, Inċentivi, Konvenzjonijiet u Wirjiet) u l-industriji kreattivi u kulturali. Madanakollu, minħabba l-ostakli fl-infrastruttura, in-nuqqas ta' clusters tan-negozju anċillari u n-nuqqas ta' riżorsi umani, il-progress li sar fir-rigward tad-diversifikazzjoni kien wieħed limitat. In-nuqqas ta' riżorsi umani jirrappreżenta restrizzjoni ewlenija, billi s-settur tal-logħob u s-setturi relatati miegħu baqgħu jattiraw aktar ħaddiema minn setturi oħrajn. Ir-rata tal-qgħad niżlet għal 1,9 % fir-raba' kwart tal-2012, l-aktar rata baxxa fl-aħħar deċennju.

    Sabiex jimmodera t-tkabbir mgħaġġel tal-industrija tal-casinos, il-Gvern tar-RAS kompla jimplimenta diversi miżuri ta' kontroll, li jinkludu l-limitar tal-għadd ta' mwejjed tal-logħob tal-azzard għal 5500 sal-2013, u l-limitar taż-żieda annwali medja tagħhom għal 3 % matul l-għaxar snin li ġejjin. Sal-aħħar tal-2012, kienu qed jitħaddmu 5 485 mejda tal-logħob. Sabiex jiġi evitat li ż-żgħażagħ jinvolvu ruħhom f'attivitajiet tal-logħob tal-azzard, minn Novembru 2012 l-età minima għad-dħul fil-casinos telgħet minn 18 għal 21 sena.

    Sabiex jitnaqqsu l-ostakli fl-infrastruttura u biex l-ekonomija ssir aktar sostenibbli, il-Makaw ikkonkluda mal-Gvern Ċentrali kuntratt ta' kiri ta' plott fuq il-Gżira ta' Hengqin, fil-muniċipalità ġara ta' Zhuhai, fiċ-Ċina kontinentali, li se tiġi żviluppata f'żona ekonomika speċjali. Il-Gvern tal-Makaw eskluda kompletament li jinbnew casinos f'din iż-żona, biex minflok jiffoka fuq setturi mhux relatati mal-logħob, inklużi s-servizzi teknoloġiċi u l-industriji kreattivi. Din iż-żona se tilqa' fiha wkoll kampus ġdid tal-Università tal-Makaw, li l-bini tiegħu se jitlesta fl-2013. Din il-parti mikrija mill-Makaw għall-Università se taqa' taħt il-ġuriżdizzjoni tal-Makaw sas-sena 2049.

    Fit-12 ta' Ottubru, l-Assemblea Leġiżlattiva tal-Makaw għaddiet miżuri biex jitrażżan l-ispekular fis-suq immobiljari. Il-miżuri jestendu t-taxxa tal-bolla speċjali fuq it-tranżazzjonijiet marbuta ma' proprjetajiet residenzjali, introdotta f'Ġunju tal-2011, għal fuq tranżazzjonijiet relatati ma' ħwienet, uffiċċji u parkeġġi. Dawn tal-aħħar saru l-aktar objettiv reċenti tal-ispekulaturi, bil-wasla fis-suq ta' flus jikwu, li rriżultaw parzjalment mit-tafja finanzjarja fl-Istati Uniti. Ir-rata tat-taxxa tal-bolla speċjali ġiet iffissata għal 20 % fl-ewwel sena, u se tonqos għal 10 % fit-tieni sena. Apparti din, tiġi imposta rata addizzjonali ta' 10 % fuq ix-xerrejja barranin u fuq il-korporazzjonijiet.

    Id-disa' suppliment ta' mal-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika aktar mill-Qrib (CEPA) bejn iċ-Ċina u l-Makaw ġie ffirmat fit-2 ta' Lulju 2012. Fl-1 ta' Jannar 2013, daħlu fis-seħħ 48 miżura ġdida għal-liberalizzazzjoni tas-servizzi. Mill-160 settur tas-servizzi li hemm bħalissa fiċ-Ċina kontinentali, 149 issa huma miftuħa għal fornituri tas-servizzi bbażati fil-Makaw. Il-kummerċ fil-prodotti ġie kompletament liberalizzat fl-2006 fil-qafas tas-Suppliment II. L-aktar suppliment reċenti ffoka fuq l-iffaċilitar tal-kooperazzjoni transfruntiera għall-konċessjonijiet ta' stabbilimenti tal-Makaw f'Hengqin. In-negozji Ewropej qed ikomplu jsegwu b'interess l-iżviluppi relatati mas-CEPA u maż-żona ekonomika speċjali ta' Hengqin, minħabba li dawn l-inizjattivi joffru opportunitajiet ta' investiment li jiffavorixxu n-negozju maċ-Ċina kontinentali.

    Minbarra l-integrazzjoni ekonomika mar-Reġjun tad-Delta tax-Xmara tal-Perli, il-Makaw kompla jsaħħaħ il-pożizzjoni tiegħu bħala pont bejn iċ-Ċina kontinentali u l-pajjiżi li jitkellmu bil-Portugiż fil-qafas tal-Forum tal-Makaw għall-Kooperazzjoni Ekonomika u Kummerċjali. Il-Gvern Ċentrali ntrabat li jappoġġja lill-Makaw fl-isforzi tiegħu biex isir ċentru internazzjonali tat-turiżmu u tad-divertiment u pjattaforma għan-negozju u l-kummerċ bejn iċ-Ċina u l-pajjiżi li jitkellmu bil-Portugiż.

    Il-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Makaw

    Il-punt fokali tal-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Makaw kien iż-żjara fl-UE tal-Kap Eżekuttiv Chui Sai On fl-10 ta' Jannar 2012, li matulha ġie milqugħ mill-President Barroso. Is-sena 2012 tfakkar ukoll l-20 anniversarju minn meta ġie ffirmat il-Ftehim għall-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u l-Makaw.

    Il-kummerċ bilaterali bejn l-UE u l-Makaw żdied b'mod kostanti matul l-2012. Fl-ewwel disa' xhur tas-sena, l-esportazzjonijiet mill-UE lejn il-Makaw żdiedu bi 17 %, u laħqu l-ammont ta' EUR 282 miljun[6] hekk kif id-domanda għall-importazzjonijiet tal-Makaw żdiedet, flimkien mal-ekonomija soda tiegħu. Il-Makaw jirrappreżenta suq li qed jikber għall-prodotti ta' lussu, l-ikel gastronomiku, l-inbejjed u l-vetturi tal-UE. Ir-raġuni għal dan hija li l-operaturi tal-casinos qed jivżiluppaw flussi ta' introjtu mhux relatati mal-logħob, bħax-xiri ta' prodotti ta' lussu. L-UE rreġistrat surpluses kummerċjali mal-Makaw sa mill-2009 (EUR 192 miljun fl-ewwel disa' xhur tal-2012), u kienet it-tieni l-akbar sors ta' importazzjonijiet wara ċ-Ċina, li tkopri 23 %[7] tal-importazzjonijiet tal-Makaw fl-2012.

    Kooperazzjoni akbar bejn l-UE u l-Makaw, li tkun tinkludi l-kooperazzjoni f'oqsma ġodda ta' interess komuni bħalma huma l-kultura u l-protezzjoni ambjentali, tibqa' l-għan ewlieni taż-żewġ partijiet. Dan kien ikkonfermat permezz tad-diskussjonijiet kostruttivi waqt il-laqgħa annwali tal-Kumitat Konġunt bejn l-UE u l-Makaw, li saret fi Brussell fl-4 ta’ Diċembru 2012.

    Matul il-laqgħa tal-Kumitat Konġunt, iż-żewġ naħiet eżaminaw mill-qrib l-aktar żviluppi reċenti fir-relazzjoni ta' bejniethom, inklużi l-iżviluppi fl-oqsma tal-kummerċ u tal-investiment. Iż-żewġ naħiet qiesu l-attivitajiet ta' kooperazzjoni, inkluż il-Programm ta’ Kooperazzjoni Legali, il-programm ta’ taħriġ għall-interpreti tal-Makaw kif ukoll l-attivitajiet fil-Makaw fil-qafas tal-Programm tal-UE ta' Informazzjoni dwar in-Negozju għal Ħong Kong u l-Makaw (EUBIP). Huma ddiskutew ukoll il-kooperazzjoni fuq kwistjonijiet ta' taxxa u qasmu l-opinjonijiet tagħhom fuq il-possibbiltajiet ta' kooperazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni tat-tfaddil, filwaqt li kkunsidraw l-iżviluppi internazzjonali reċenti fil-qasam tal-iskambju ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet tat-taxxa u l-ħtieġa li jiġu stabbiliti kundizzjonijiet ekwi fuq livell internazzjonali.

    Il-Ftehim Orizzontali bejn il-Makaw u l-Unjoni Ewropea fuq ċerti aspetti tas-servizzi tal-ajru ġie inizjalat fil-marġni tal-Laqgħa tal-Kumitat Konġunt tal-2011. Il-proċeduri għall-iffirmar formali tiegħu bdew mexjin tajjeb, wara li t-test ġie tradott għaċ-Ċiniż u għall-Portugiż.

    L-attivitajiet tal-EUBIP, kofinanzjati mill-Kummissjoni Ewropea u mmaniġġjati mill-Kamra tal-Kummerċ Ewropea (ECC) f'Ħong Kong, komplew sejrin. Il-programm EUBIP żied b'suċċess ir-rabtiet minn negozju għal negozju bejn l-UE u l-Makaw. Matul is-sena, fil-qafas ta' dan il-programm, ġew organizzati avvenimenti dwar il-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali, dwar il-Ftehim CEPA u dwar ir-relazzjonijiet kummerċjali bejn l-UE u ċ-Ċina Kontinentali, inkluż il-Makaw. Dan il-programm inkoraġġixxa wkoll il-parteċipazzjoni tal-UE f'żewġ avvenimenti annwali importanti tal-Makaw, il-Forum tal-Makaw dwar l-investimenti u l-Forum u l-Wirja tal-Makaw iddedikati għall-kooperazzjoni internazzjonali fil-qasam ambjentali. Il-parteċipazzjoni tal-UE, flimkien mal-Istati Membri tal-UE u n-negozji Ewropej, f’dawn iż-żewġ avvenimenti b'paviljun konġunt tal-UE, tat viżibilità sinifikanti lill-UE. Dawn l-avvenimenti servew ukoll ta' pjattaforma tajba ta' netwerking għall-Makaw u għall-viżitaturi miċ-Ċina kontinentali, u pprovdew l-opportunità biex jiġu ppreżentati n-negozji tal-UE. Il-programm EUBIP intemm f'Novembru 2012; u fl-2013 se jitnieda programm suċċessur.

    Fl-1 ta' Settembru 2012, inbeda l-Programm Akkademiku tal-UE fil-Makaw. Dan il-programm qed jiġi implimentat minn konsorzju li jinkludi l-Università tal-Makaw u l-Istitut tal-Istudji Ewropej tal-Makaw, kif ukoll xi msieħba tal-UE. L-għan tal-programm huwa li jippromwovi r-riċerka akkademika, li jiżviluppa attivitajiet ta’ komunikazzjoni biex tittejjeb il-viżibilità tal-UE u li jsaħħaħ il-kooperazzjoni akkademika ma’ istituzzjonijiet ta' edukazzjoni superjuri tal-UE.

    L-UE u l-Makaw ġeddew il-kooperazzjoni ta' bejniethom fir-rigward tat-taħriġ ta' interpreti bilingwi Ċiniżi-Portugiżi. Fil-21 ta' Novembru 2012, id-Direttur Ġenerali tas-Servizz Komuni għall-Interpretazzjoni u l-Konferenzi tal-UE u s-Segretarja għall-Amministrazzjoni u l-Ġustizzja tal-Makaw iffirmaw Memorandum ta' Qbil f'dan ir-rigward, bil-għan li jiżdied l-għadd ta' interpreti kwalifikati li jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-amministrazzjoni tal-Makaw, fejn ir-reġim lingwistiku jinkludi kemm iċ-Ċiniż kif ukoll il-Portugiż. Fil-qafas ta' dan il-programm, l-interpreti se jkunu mħarrġa fil-Makaw u fi Brussell għal perjodu ta' ħames xhur.

    Fl-4 ta' Diċembru 2012, ġiet inawgurata wirja ta' ritratti dwar il-Makaw, bl-isem "Bridging Time", fil-kwartieri ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea fi Brussell.

    L-UE se tkompli trawwem ir-relazzjoni tagħha mar-RAS tal-Makaw, iżżid ir-rabtiet ekonomiċi u kummerċjali, ittejjeb il-kooperazzjoni man-negozji u mas-soċjetà ċivili u tippromwovi l-mobbiltà u l-iskambji mal-poplu tal-Makaw. L-iskambji u d-djalogi diversi bejn l-UE u l-Makaw huma mistennija li jissoktaw fl-2013. B'mod partikolari, l-UE qed tistenna żieda fl-attivitajiet marbuta mal-iskambji kulturali, mal-kooperazzjoni fl-oqsma akkademiċi, ambjentali u legali u mal-kooperazzjoni relatata mal-għan tal-Makaw li jikseb diversifikazzjoni ekonomika.

    [1]               Sors: Sakemm ma jiġix speċifikat mod ieħor, id-dejta ekonomika kollha hija magħmula miċ-ċifri uffiċjali maħruġa mis-Servizz tal-Istatistika u ċ-Ċensiment tal-Gvern tar-RAS tal-Makaw.

    [2]               Sors: L-Uffiċċju għall-Ispezzjoni u l-Koordinazzjoni tal-Logħob tal-Gvern tar-RAS tal-Makaw.

    [3]               Ir-rata tal-kambju medja għall-euro/patakas fl-2012 hija 10.2612.

    [4]               Sors: Stħarriġ dwar l-Impjiegi 4Q/2012, Servizz tal-Istatistika u ċ-Ċensiment tal-Gvern tar-RAS tal-Makaw.

    [5]               Sors: Uffiċċju tas-Servizzi Finanzjarji tal-Gvern tar-RAS tal-Makaw. Iċ-ċifra tal-2012 kopriet biss minn Jannar sa Novembru 2012.

    [6]               Sors: Eurostat.

    [7]               Sors: Servizz tal-Istatistika u ċ-Ċensiment tal-Gvern tar-RAS tal-Makaw.

    Top