EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013JC0008

RAPPORT KONĠUNT LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar il-progress tal-Kosovo( fl-indirizzar ta’ kwistjonijiet stipulati fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill ta’ Diċembru 2012 minħabba deċiżjoni possibbli dwar il-ftuħ tan-negozjati dwar il-ftehim ta’ Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni

/* JOIN/2013/08 final */

52013JC0008

RAPPORT KONĠUNT LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar il-progress tal-Kosovo( fl-indirizzar ta’ kwistjonijiet stipulati fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill ta’ Diċembru 2012 minħabba deċiżjoni possibbli dwar il-ftuħ tan-negozjati dwar il-ftehim ta’ Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni /* JOIN/2013/08 final */


RAPPORT KONĠUNT LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar il-progress tal-Kosovo* fl-indirizzar ta’ kwistjonijiet stipulati fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill ta’ Diċembru 2012 minħabba deċiżjoni possibbli dwar il-ftuħ tan-negozjati dwar il-ftehim ta’ Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni

1. Introduzzjoni

F’Ottubru 2012, il-Kummissjoni ħarġet Studju ta’ Fattibbiltà għal Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kosovo[1]. L-istudju kkonkluda li l-Kosovo kien lest fil-parti l-kbira tiegħu biex jiftaħ negozjati għal Ftehim ta’ Stabbilizzazjoni u Assoċjazzjoni. Huwa ssuġġerixxa wkoll li l-Kummissjoni tipproponi direttivi ta’ negozjati għal ftehim bħal dan, ladarba l-Kosovo jieħu għadd ta’ passi speċifiċi fuq l-istat tad-dritt, l-amministrazzjoni pubblika, il-protezzjoni tal-minoranzi u l-kummerċ.

Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill ta’ Diċembru 2012 ħadu nota tal-istudju ta’ fattibbiltà u tal-intenzjoni tal-Kummissjoni li tipproponi direttivi ta’ negozjati għal Ftehim ta’ Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni malli l-Kosovo jissodisfa dawn il-prijoritajiet fuq medda qasira ta’ żmien. Il-Kunsill talab ukoll lill-Kosovo biex ikompli jimplimenta b’rieda tajba l-ftehimiet li ntlaħqu fid-djalogu bejn Belgrad u Pristina sal-lum u biex jimpenja ruħu b’mod kostruttiv fil-firxa sħiħa ta’ kwistjonijiet.

Minbarra d-djalogu bejn Belgrad u Pristina u l-prijoritajiet fuq medda qasira ta’ żmien tal-istudju ta’ fattibbiltà, il-Konklużjonijiet tal-Kunsill enfasizzaw l-isforzi li saru biex tissaħħaħ ir-riforma tal-amministrazzjoni pubblika u jiġi kkonsolidat l-istat tad-dritt, b’mod partikulari billi tiġi pprovduta evidenza tal-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni, ir-riforma ġudizzjarja u l-libertà tal-espressjoni. Il-Konklużjonijiet ikkonfermaw li l-inizjattivi li tnedew mill-Kummissjoni, inkluż id-Djalogu Strutturat dwar l-Istat tad-Dritt, id-djalogu dwar il-liberalizzazjoni tal-viża u d-Djalogu dwar il-Proċess ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, għandhom rwol importanti sabiex jiggwidaw l-isforzi ta’ riforma tal-Kosovo fuq dawn l-oqsma prijoritarji.

Il-Kunsill enfasizza l-importanza għall-Kosovo li jsaħħaħ il-kooperazzjoni mill-qrib mal-EULEX u jirrispetta l-mandat imġedded tal-missjoni. Il-Konklużjonijiet laqgħu l-isforzi kontinwi tal-Kummissjoni biex tinnegozja ftehim qafas mal-Kosovo dwar il-parteċipazzjoni tiegħu fil-programmi tal-Unjoni. Il-Kunsill innota wkoll is-sħubija tal-Kosovo tal-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp u l-possibbiltà għall-Bank Ewropew tal-Investiment biex jissaħħaħ is-sehem tagħha fil-Kosovo.

Bil-ħsieb ta’ deċiżjoni possibbli biex jinfetħu negozjati għal Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni mal-Kosovo, il-Kunsill impenja ruħu li jeżamina l-progress fuq il-kwistjonijiet kollha ta’ hawn fuq. Il-Kunsill intrabat ukoll li jeżamina r-rapport matul din il-Presidenza u — sakemm il-valutazzjoni tkun waħda pożittiva — li jadotta d-direttivi ta’ negozjati.

Filwaqt li jitqiesu dawn l-elementi, dan ir-rapport huwa maqsum fi tliet partijiet ewlenin. L-ewwel parti tanalizza l-progress tal-Kosovo biex jindirizza l-prijoritajiet fuq medda qasira ta’ żmien li huma identifikati fl-istudju ta’ fattibbiltà. It-tieni parti tagħti ħarsa lejn il-kwistjonijiet kollha l-oħra identifikati fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill ta’ Diċembru, fosthom id-djalogu politiku bejn il-Prim Ministri tal-Kosovo u s-Serbja li kien iffaċilitat bir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, u l-implimentazzjoni tal-ftehimiet milħuqa sal-lum. Il-parti finali tar-rapport tasal għal konklużjonijiet.

2. Il-Kosovo jindirizza prijoritajiet fuq medda qasira ta’ żmien tal-istudju ta’ fattibbiltà

Skont l-istudju ta’ fattibbiltà, il-Kosovo kien meħtieġ li jieħu aktar passi dwar l-istat tad-dritt, l-amministrazzjoni pubblika, il-protezzjoni tal-minoranzi u l-kummerċ qabel ma l-Kummissjoni tipproponi direttivi ta’ negozjati għal Ftehim ta’ Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni.

· L-istat tad-dritt: juri impenn ċar biex jikseb riżultati fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni, inkluża t-tnedija ta’ investigazzjonijiet u l-iżgurar ta’ kooperazzjoni tajba kontinwa mal-EULEX. Jappoġġja l-ħidma tat-Task Force Investigattiva Speċjali. Filwaqt li jimplimenta l-istruttura l-ġdida tal-qrati, jiżgura li l-Prosekuzzjoni Speċjali responsabbli għal kawżi ta’ kriminalità organizzata, delitti tal-gwerra u korruzzjoni żżomm il-kompetenzi tagħha. Jadotta l-leġiżlazzjoni dwar il-konfiska tal-assi u jirrevedi l-liġi dwar il-prevenzjoni tal-ħasil ta' flus u l-finanzjament tat-terroriżmu. Jadotta strateġija ġdida kontra l-korruzzjoni.

Il-mexxejja politiċi tal-Kosovo u l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u dawk ġudizzjarji żammew l-impenn tagħhom fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni. L-awtoritajiet tal-Kosovo u tal-EULEX jaħdmu flimkien fuq kwistjonijiet operattivi prattiċi fuq bażi ta’ kuljum, permezz ta’ attivitajiet ta’ konsulenza jew permezz ta’ “kooperazzjoni bejn il-pari” f’investigazzjonijiet konġunti. Il-kooperazzjoni bejn il-Kosovo u l-EULEX hija waħda tajba. Ir-riżultati tas-sħubija qed isiru aktar evidenti. Eżempju reċenti u importanti huwa ż-żarmar ta’ netwerk kriminali tat-traffikar tal-bnedmin madwar l-Ewropa fl-aħħar ta’ Jannar. L-isforzi konġunti tal-pulizija tal-EULEX u tal-Kosovo ikkontribwixxew għall-arrest ta’ 103 persuni f’10 pajjiżi differenti madwar l-Ewropa, fosthom il-Kosovo. Minn Ottubru tas-sena l-oħra, il-Prosekuzzjoni Speċjali tal-Kosovo nediet investigazzjonijiet f’sitt każijiet ta’ korruzzjoni (żewġ każijiet huma trattati minn prosekuturi lokali speċjali) u sitt każijiet ta’ kriminalità organizzata (erba’ b’dimensjoni transfruntiera, żewġ każijiet huma ttrattati minn prosekuturi lokali speċjali). Il-kooperazzjoni bejn il-prosekuturi tal-EULEX u l-prosekuturi lokali tal-uffiċċju tal-Prosekuzzjoni Speċjali intensifikat ruħha matul il-perjodu ta’ rappurtar. Id-dipartiment speċjali ta’ kontra l-korruzzjoni tal-pulizija tal-Kosovo, f’kooperazzjoni mal-EULEX, nedew tmien investigazzjonijiet matul il-perjodu minn Ottubru 2012 sa Jannar 2013 li jkopri atti kriminali bħall-kriminalità organizzata, l-abbuż ta’ dmirijiet uffiċjali, l-għoti u r-riċeviment ta’ rikatti u frodi.

Fil-qafas tal-Bord ta’ Koordinazzjoni Konġunt dwar l-Istat tad-Dritt li huwa bbażat fi Pristina, it-tliet Kopresidenti tal-Bord (il-Viċi Prim Ministru u l-Ministru tal-Ġustizzja, ir-RSUE/il-Kap tal-Uffiċċju tal-UE u l-Kap tal-EULEX) iffirmaw dokument (“Patt”) fid-9 ta’ Novembru. Dan id-dokument jipprovdi qafas li jistabbilixxi l-prinċipji ewlenin tal-istat tad-dritt u l-għanijiet konġunti, u jidentifika l-mezzi li permezz tagħhom għandhom jiġu implimentati. Il-Bord għandu l-intenzjoni li jirrevedi l-implimentazzjoni tiegħu b’mod regolari. Fil-laqgħa tiegħu fis-7 ta’ Marzu, kellu l-ewwel diskussjoni dwar Mekkaniżmu ta’ Kontroll tal-Patt. L-awtoritajiet tal-Kosovo stiednu lil EULEX biex tissorvelja r-reklutaġġ ta’ uffiċjali f’pożizzjonijiet għolja f’istituzzjonijiet ewlenin tal-Istat tad-Dritt, fosthom il-pulizija u l-ġudikatura. Jeħtieġ li tinżamm kooperazzjoni prattika kif ukoll impenn politiku qawwi mill-awtoritajiet tal-Kosovo biex jappoġġaw il-ħidma ta’ EULEX u l-implimentazzjoni tal-mandat tagħha.

L-awtoritajiet tal-Kosovo jkomplu bir-rieda tagħhom li jappoġġjaw il-ħidma tat-Task Force Investigattiva Speċjali. L-istruttura l-ġdida tal-qorti ġiet introdotta fl-1 ta’ Jannar 2013 u l-implimentazzjoni tagħha bdiet b’suċċess. L-eżitu tal-implimentazzjoni tar-riforma ġudizzjarja jista' jiġi apprezzat biss ladarba jitlesta l-proċess. F’dan il-kuntest, il-Kosovo żamm il-kompetenzi tal-Prosekuzzjoni Speċjali, f’konformità mal-impenji tiegħu wara l-istudju ta’ fattibbiltà. Jekk l-implimentazzjoni li għaddejja bħalissa tar-riforma ġudizzjarja tagħti prova li hija effettiva u tikkonferma l-ħtieġa u wara reviżjoni bir-reqqa f’koordinazzjoni mill-qrib mal-UE, il-Kosovo u l-UE jistgħu jibdew riflessjoni konġunta dwar l-aħjar mod kif wieħed jista’ jadatta l-kompetenzi tal-Prosekuzzjoni Speċjali għas-sistema ristrutturata tal-ġustizzja kriminali.

Matul it-tieni nofs tal-2012, il-Kosovo adotta strateġiji u pjanijiet ta’ azzjoni ġodda kontra l-kriminalità organizzata, in-narkotiċi u t-terroriżmu. Għandu wkoll strateġija u pjan ta’ azzjoni kontra t-traffikar tal-bnedmin. Il-qafas ta’ politika kontra l-korruzzjoni tlesta permezz ta’ strateġija ġdida kontra l-korruzzjoni li hija akkumpanjata minn pjan ta’ azzjoni adottat fil-11 ta’ Frar. L-Assemblea approvat ukoll liġi dwar il-konfiska tal-assi u rrivediet il-liġi dwar il-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu. Din il-leġiżlazzjoni u dawn l-istrateġiji tejbu kemm il-politika kif ukoll l-oqfsa leġiżlattivi għall-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni, u jeħtieġ li l-Kosovo jkompli bl-implimentazzjoni tagħhom.

· L-amministrazzjoni pubblika: jadotta l-leġiżlazzjoni sekondarja meħtieġa ta’ liġijiet dwar is-servizz pubbliku u dwar is-salarji għas-servizz pubbliku. Jalloka bini għall-Istituzzjoni tal-Ombudsperson u jiżgura l-indipendenza baġitarja tagħha permezz tal-obbligar tal-gvern biex jinkludi l-abbozz tal-proposta baġitarja tal-Ombudsperson fl-abbozz tal-baġit globali sottomess lill-parlament mingħajr bidliet.

Sa mill-adozzjoni tal-istudju ta’ fattibbiltà, il-Kosovo daħħal leġiżlazzjoni sekondarja ta’ liġijiet dwar is-servizz pubbliku u dwar is-salarji għas-servizz pubbliku meħtieġa għall-implimentazzjoni tagħhom. Dan jinkludi r-regolamenti adottati dwar il-promozzjoni fil-karriera tal-ħaddiema taċ-ċivil, ir-regolament dwar il-kundizzjonijiet għal restrizzjonijiet fuq id-dritt tal-istrajk f’servizzi speċifiċi fis-servizz pubbliku, ir-regolament għal proċeduri ta’ kura għal ħaddiema taċ-ċivil minħabba diżabbiltà u problemi tas-saħħa, u r-regolament dwar kwoti f’salarji u kumpens ieħor għall-ħaddiema fis-servizz pubbliku, u r-regolament dwar is-sigħat tax-xogħol u l-kumpens għall-ħaddiema taċ-ċivil tal-Assemblea.

Fit-3 ta’ Diċembru, bi ftehim mal-Istituzzjoni tal-Ombudsperson, il-Ministeru tal-Amministrazzjoni Pubblika ħareġ deċiżjoni li talloka l-bini attwali tal-Qorti Kostituzzjonali lill-Ombudsperson. Il-Qorti Kostituzzjonali se timxi lejn il-Palazz tal-Ġustizzja ffinanzjat mill-UE malli jitlesta aktar tard din is-sena. Il-bini l-ġdid u l-post tiegħu huma xierqa għall-Istituzzjoni tal-Ombudsperson u jiżguraw aċċess faċli għall-pubbliku ġenerali. L-Istituzzjoni tal-Ombudsperson ipproponiet il-baġit tagħha f’Ġunju 2012. Il-Gvern inkludieh fl-abbozz tal-baġit globali, li tressaq quddiem l-Assemblea mingħajr modifiki.

· Il-protezzjoni tal-minoranzi: jiżgura l-eżistenza ta’ korp li jippermetti konsultazzjoni diretta dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tal-wirt reliġjuż u kulturali mal-komunitajiet reliġjużi, speċjalment il-Knisja Ortodossa Serba.

Il-Ministru tal-Ambjent u tal-Ġestjoni tat-Territorju adotta l-istruzzjoni amministrattiva dwar it-twaqqif tal-Kunsill tas-Sorveljanza tal-Implimentazzjoni (Implementation Monitoring Council - IMC) fit-12 ta’ Frar. Il-Kunsill għandu ħames Membri: rappreżentanti tal-Knisja Ortodossa Serba, tal-Ministeru tal-Ambjent u tal-Ġestjoni tat-Territorju, tal-Ministeru tal-Kultura, Żgħażagħ u Sport, tal-OSKE u tal-UE. Il-Ministeru tal-Ambjent u tal-Ġestjoni tat-Territorju u r-rappreżentanti tal-UE jippresedu l-IMC. L-IMC kellu l-ewwel laqgħa ta’ ħidma tiegħu fis-26 ta’ Frar meta l-partijiet kollha kkonfermaw l-impenn qawwi tagħhom għal dan il-proċess. It-tieni laqgħa li indirizzat il-ħsibijiet tal-Knisja seħħet fit-3 ta’ April.

· Il-kummerċ: jimplimenta d-deċiżjoni tal-gvern dwar ir-ristrutturar tal-Ministeru tal-Kummerċ u tal-Industrija, jpoġġi fis-seħħ mekkaniżmu li jmexxi u jikkoordina negozjati fi ħdan il-Kosovo u jipprepara analiżi tal-impatt tal-aspetti tal-kummerċ ta’ Ftehim ta’ Stabbilizzazjoni u Assoċjazzjoni.

Il-Kosovo lesta r-ristrutturar tal-Ministeru tal-Kummerċ u tal-Industrija. L-istruttura organizzattiva ġdida tal-Ministeru tiżgura organizzazzjoni effettiva tal-korpi responsabbli li jiġu negozjati l-partijiet relatati mal-kummerċ tal-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni. Il-pożizzjonijiet ewlenin inħatru.

Il-partijiet interessati, fosthom l-operaturi ekonomiċi, jistgħu jagħtu l-kontribut tagħhom fil-politika tal-kummerċ tal-Kosovo permezz ta’ konsultazzjonijiet formali u regolari. Dawn il-konsultazzjonijiet isiru fil-kunsill ekonomiku, fil-kunsill interministerjali dwar il-politika tal-kummerċ u fil-grupp ta’ ħidma dwar il-politika tal-kummerċ, u fil-ħames sottogruppi tiegħu (il-ftehimiet dwar il-kummerċ, il-faċilitazzjoni tal-kummerċ, l-industrija, l-agrikoltura u s-servizzi). Fi Frar, il-Gvern tal-Kosovo adotta deċiżjoni dwar l-istruttura tal-grupp ta’ negozjaturi għall-Ftehim ta’ Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni. Fi ħdan din l-istruttura, il-Ministeru tal-Kummerċ u tal-Industrija se jmexxi l-grupp tekniku li jappoġġja n-negozjati dwar l-aspetti relatati mal-kummerċ tal-Ftehim.

Il-Ministeru tal-Kummerċ u tal-Industrija lesta l-ewwel analiżi tal-impatt tal-aspetti tal-kummerċ ta’ Ftehim ta’ Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni. L-analiżi tinkludi valutazzjoni tal-effetti tal-liberalizzazzjoni tal-kummerċ fuq il-flussi tal-kummerċ, il-finanzi pubbliċi, il-produzzjoni u l-impjiegi. Huwa ċar li dan id-dokument jeħtieġ li jkompli jevolvi, filwaqt li jqis id-dejta ġdida u aġġornata. Fl-istess ħin, il-metodoloġija proposta u l-ewwel riżultati tal-analiżi jipprovdu bażi tajba biex il-Kosovo jipprepara għan-negozjati.

3. Kwistjonijiet oħra tal-Konklużjonijiet tal-Kunsill ta’ Diċembru

L-involviment tal-Kosovo fid-djalogu bejn Pristina u Belgrad u l-implimentazzjoni tal-ftehimiet

Id-djalogu bejn Belgrad u Pristina, wara l-elezzjonijiet tas-Serbja, ġie aġġornat għal proċess politiku fuq livell għoli bil-faċilitazzjoni tar-Rappreżentant Għoli.

Bdiet serje ta' laqgħat ta' livell għoli bejn iż-żewġ Prim Ministri f'Ottubru 2012. Ir-RGĦ kien ċar ħafna maż-żewġ naħat mill-bidu dwar il-kunċett tal-proċess: dan se jkun proċess ta' pass pass, li jgħaddi minn kwistjonijiet eħfef għal oħrajn aktar ikkomplikati u mhux se jkollu tmiem previst. L-għan kien in-normalizzazzjoni gradwali tar-relazzjonijiet bejn iż-żewġ naħat, mingħajr ħsara għall-pożizzjonijiet taż-żewġ partijiet dwar l-istatus, u l-ksib tal-progress għat-tnejn li huma fil-mixja rispettiva tagħhom lejn l-UE.

Saru għaxar laqgħat bejn Ottubru 2012 u l-aħħar ta' April 2013[2]. Saret laqgħa wkoll fis-6 ta Frar bejn il-Presidenti Nikolic u Jahjaga.

Fl-ewwel parti tad-djalogu fuq livell għoli sa Diċembru 2012 id-diskussjonijiet trattaw is-sett ta' dawk li kienu meqjusa kwistjonijiet eħfef bħat-tlestija tal-implimentazzjoni tal-IBM, il-patrimonju reliġjuż u kulturali, l-arranġamenti ta' koordinazzjoni. Intlaħqu ċerti riżultati inizjali sinifikanti f'dawk l-ewwel xhur.

L-aktar wieħed importanti kien l-implimentazzjoni tal-IBM. Sa l-aħħar ta' Diċembru 2012 kien hemm erba' Passaġġi, fosthom żewġ Passaġġi fit-Tramuntana tal-Kosovo, li kienu qed jaħdmu u, minn Frar, is-sitt Passaġġi kollha kemm huma bejn is-Serbja u l-Kosovo bdew jaħdmu. Fil-kuntest tad-diskussjonijiet ta' implimentazzjoni, iż-żewġ naħat qablu wkoll li jibdew ġbir doganali u li jwaqqfu Fond għall-iżvilupp tat-Tramuntana tal-Kosovo. Fir-rigward tal-moviment liberu, is-sistema ta' vjaġġar bil-karta tal-identità tpoġġiet fis-seħħ u qed taħdem tajjeb. Il-ftehim dwar it-timbri doganali jkompli jiġi implimentat miż-żewġ naħat. Kien hemm progress tajjeb fir-rigward tar-reġistru ċivili u l-implimentazzjoni għandha titlesta sa Jannar 2014. Fir-rigward tal-katast, iż-żewġ naħat għadhom fil-proċess li jieħdu l-passi preparatorji meħtieġa. Il-ftehim dwar l-aċċettazzjoni tad-diplomi universitarji għaddej bla xkiel. Il-kooperazzjoni tas-Serbja mal-EULEX kompliet titjieb f'għadd ta' oqsma. Dan jeħtieġ li jiġi intensifikat hekk kif in-normalizzazzjoni bejn iż-żewġ naħat tintensifika. Il-kuntatti diretti ta' livell għoli u l-kuntatti regolari fil-livell operazzjonali jkomplu jiffaċilitaw il-kooperazzjoni, fosthom fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata. Is-Serbja hija impenjata għal implimentazzjoni sħiħa tal-protokoll tal-pulizija mal-EULEX.

Riżultati sinifikanti oħra li nkisbu miż-żewġ Prim Ministri huma l-ftehim dwar it-twaqqif ta' arranġamenti ta' koordinazzjoni u l-ftehim dwar it-titjib tal-protezzjoni tas-siti ta' patrimonju reliġjużi u kulturali (il-ħolqien ta' unità tal-pulizija speċjali/multietnika fil-Kosovo).

Fit-tieni parti tad-djalogu ta' livell għoli, minn Jannar 2013, il-laqgħat taż-żewġ Prim Ministri iffukaw fuq it-Tramuntana tal-Kosovo u t-twettiq ta' strutturi li jissodisfaw il-ħtiġijiet tas-sigurtà u tal-ġustizzja tal-popolazzjoni lokali b'mod li jiżgura l-funzjonalità ta' stabbiliment uniku istituzzjonali u amministrattiv fil-Kosovo, f'konformità mal-Konklużjonijiet tal-Kunsill ta' Diċembru 2012.

Matul id-diskussjonijiet tagħhom, iż-żewġ naħat qablu li l-eżitu tad-diskussjonijiet tagħhom għandu jkun sett ta' prinċipji u arranġamenti li jagħtu lill-komunità Serba fil-Kosovo viżjoni ġdida tal-futur tagħhom, billi jindirizza t-tħassib u l-ħtiġijiet tagħhom iżda b'mod li jħares il-funzjonalità tal-istituzzjonijiet u l-qafas legali tal-Kosovo.

Matul il-proċess ta' livell għoli, iż-żewġ naħat urew impenn u involviment. Iż-żewġ Prim Ministri b'mod partikulari waqqfu relazzjoni ta' ħidma tajba u wrew kuraġġ u maturita politika fid-dikussjonijiet tagħhom ta' kwistjonijiet ta' sensittività u kumplessita kbira, ta' spiss bi sfond u atmosfera politika diffiċli. Ta' min ifaħħarhom. Fl-aħħar fażi tad-djalogu, il-Viċi Prim Minisitri miż-żewġ naħat ingħaqdu fil-laqgħat u l-presenza tagħhom żiedet element ta' leġittimità politika lokali u għarfien espert.

Id-diskussjonijiet dwar it-Tramuntana tal-Kosovo u t-tħassib dwar il-komunità Serba fil-Kosovo tlestew fid-19 ta' April bl-inizjalizzazzjoni ta' "L-ewwel ftehim tal-prinċipji li jmexxu n-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet".

Dan il-ftehim jipprevedi t-twaqqif ta' Assoċjazzjoni/Komunità ta' muniċipalitajiet Serbi fil-Kosovo li se jaħdem/jopera fi ħdan il-qafas legali eżistenti tal-Kosovo. L-Assoċjazzjoni/Il-Komunità se jkollha statut u l-korpi tagħha fuq il-bażi tal-Asoċjazzjoni l-oħra eżistenti fil-Kosovo u se jkollha rwol rappreżentattiv fil-gvern ċentrali. 

Fir-rigward tal-pulizija, it-test tal-ftehim jafferma l-prinċipju ta' forza tal-pulizija unika fil-Kosovo u l-integrazzjoni tal-pulizija kollha fit-Tramuntana tal-Kosovo mal-Pulizija tal-Kosovo. Kmandant tal-Pulizija reġjonali huwa maħtur għall-erba' muniċipalitajiet tat-Tramuntana. Huwa nnominat mill-Ministeru għall-Affarijiet Interni tal-Kosovo minn lista pprovduta mill-erba' sindki. Dan ifisser li ġie miftiehem li l-erba' sindki tal-muniċipalitajiet b'maġġoranza Serba fit-Tramuntana jikkonsultaw lill-Assoċjazzjoni/lill-Komunità u jissottomettu lista lill-Ministeru għall-Affarijiet Interni li jinnominaw lil xi ħadd minn dik il-lista.

Fir-rigward tal-ġudikatura, it-test jafferma l-prinċipju ta' integrazzjoni u l-funzjonament tal-awtoritajiet ġudizzjarji fi ħdan il-qafas legali tal-Kosovo.  Twaqqfet Qorti tal-Appell fi Pristina biex tittratta l-muniċipalitajiet kollha tal-Kosovo b'maġġoranza Serba u diviżjoni minn din il-Qorti tpoġġi b'mod permanenti fit-Tramuntana ta' Mitrovica.

L-elezzjonijiet muniċipali, skont il-ftehim, se jiġu organizzati fil-muniċipalitajet tat-Tramuntana fl-2013 bil-faċilitazzjoni tal-OSKE.

It-test tal-ftehim jipprevedi wkoll il-konklużjoni tad-diskussjonijiet dwar l-enerġija u t-telekomunikazzjonijiet sa nofs Ġunju.

Iż-żewġ partijiet qablu li l-ebda naħa ma timblokka, jew tinkoraġġixxi lill-oħrajn biex jimblukkaw il-progress tan-naħa l-oħra fil-mixjiet rispettivi tagħhom lejn l-UE.

Fir-rigward ta' xi jmiss, iż-żewġ partijiet qablu li jadottaw pjan ta' implimentazzjoni sas-26 ta' April u li jwaqqfu kumitat ta' implimentazzjoni bil-faċilitazzjoni tal-UE.

L-UE tistenna wkoll li ż-żewġ partijiet, fl-ispirtu tal-ftehim/relazzjoni ġdid/a bejniethom u mingħajr ħsara għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus tal-Kosovo, ikomplu jaħdmu aktar għan-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet bejniethom u f'dan il-qafas jindirizzaw, fost kwistjonijiet oħrajn, l-integrazzjoni/il-parteċipazzjoni tal-Kosovo f'korpi internazzjonali.

Ir-riforma tal-amministrazzjoni pubblika

L-istudju tal-fattibbiltà kkonkluda li l-qafas legali meħtieġ għal amministrazzjoni pubblika stabbli u professjonali fil-biċċa l-kbira tiegħu diġà jeżisti. Permezz tal-ilħiq tal-prijoritajiet fuq medda qasira ta’ żmien li huma stabbiliti fl-istudju, il-Kosovo kompla jtejjeb il-qafas legali tiegħu u ħoloq il-kundizzjonijiet għall-implimentazzjoni tal-liġijiet dwar is-servizz pubbliku u dwar is-salarji tal-ħaddiema tas-servizz pubbliku. Issa l-Kosovo beda jikkonċentra l-isforzi tiegħu fuq l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni, l-istrateġija għar-riforma fl-amministrazzjoni pubblika u l-pjan ta’ azzjoni tiegħu.

Il-Kosovo għamel ukoll sforzi tajba biex tissaħħaħ l-Istituzzjoni tal-Ombudsperson. Il-baġit tiegħu li huwa approvat mill-Assemblea għal din is-sena żdied minn dak tas-sena l-oħra ta’ EUR 636 000 għal ftit aktar minn EUR 1 miljun. Dan jippermetti żieda fil-persunal minn 48 għal 60 impjegat.

Ir-riforma tal-amministrazzjoni pubblika hija sforz fuq medda twila ta’ żmien. Pajjiżi oħra tal-Balkani tal-Punent li jibbenefikaw minn Ftehimiet ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni qed ikomplu jħabbtu wiċċhom ma’ din l-isfida. Il-progress tal-Kosovo sa issa jipprevedi l-bażi meħtieġa (l-oqfsa leġiżlattivi u tal-politika) biex jimxi ’l quddiem f’dan il-qasam importanti.

Il-konsolidazzjoni tal-istat tad-dritt

L-istudju tal-fattibbiltà kkonkluda li l-qafas istituzzjonali u legali ċentrali biex jiżgura l-istat tad-dritt fil-Kosovo huwa fis-seħħ. F’għadd ta’ okkażjonijiet, il-mexxejja tal-Kosovo tennew l-impenn politiku tagħhom fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni. Dan l-impenn politiku jipprovdi bażi tajba għall-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u dawk ġudizzjarji fil-Kosovo biex ikomplu jtejbu l-prestazzjoni tagħhom, speċjalment fir-rigward tal-għoti ta' evidenza kontra l-kriminalità organizzata u l-korruzjoni. Jeħtieġ li l-Kosovo tkompli timplimenta miżuri biex tipprevjeni u tiġġieled kontra t-traffikar tal-bnedmin, tad-droga u tal-armi.

Jeħtieġ li l-Kosovo jkompli jimplimenta miżuri biex jipprevjeni u jiġġieled kontra t-traffikar ta' persuni, drogi u armi. Xi każijiet importanti tressqu quddiem il-qorti mill-prosekuzzjoni. F’Novembru li għadda, il-Qorti Distrettwali ta’ Pristina kkonfermat l-akkuża ppreżentata mill-prosekuzzjoni għal akkużi ta’ abbuż mill-kariga uffiċjali jew awtorità, u frodi kontra eks ministri; il-proċedura tal-qorti għadha għaddejja. F’Novembru 2012, il-Qorti Distrettwali ta’ Pristina kkonfermat ukoll l-akkuża kontra l-eks maniġer tal-uffiċċju ta’ prokura muniċipali ta’ Pristina u ħames uffiċjali oħra minħabba li abbużaw mill-kariga uffiċjali jew l-awtorità tagħhom.

F’Ottubru u Novembru 2012 il-qorti muniċipali f’Pejë/Peć sabet ħatja u kkundannat 34 individwu, fosthom uffiċjali għolja tal-Fakultà tan-Negozju f’Pejë/Peć, fuq akkużi li jinkludu abbuż tal-kariga uffiċjali jew l-awtorità tagħhom, miżapproprjazzjoni fil-kariga tagħhom, frodi fil-kariga tagħhom u falsifikazzjoni ta’ dokumenti uffiċjali. Is-sentenza tal-Qorti tipprojbixxi wkoll l-eżerċizzju ta’ ħidma uffiċjali għal dawk l-uffiċjali li nstabu ħatja. F’Jannar 2013, bord imħallat ta’ mħallfin tal-Kosovo u ta’ EULEX fil-Qorti Ordinarja ta’ Pejë/Peć sab disa’ konvenuti ħatja ta’ reati relatati mat-traffikar ta’ migranti. B’mod ġenerali, fl-2012 il-qrati tal-Kosovo rriżolvew 183 każ ta’ “abbuż mill-kariga uffiċjali u l-awtorità tagħhom”, 6 każijiet ta’ kriminalità organizzata, 22 każ ta’ traffikar tal-bnedmin, 186 każ ta’ reati relatati man-narkotiċi u 24 każ ta’ reati relatati mal-armi.

Dawn ir-riżultati konkreti ta’ sforzi konġunti tal-Kosovo u tal-EULEX juru l-viċinanza tal-kooperazzjoni prattika tagħhom. Fl-istess ħin, il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni għadha sfida u jeħtieġ li l-Kosovo jkompli jagħmel progress f’dan il-qasam kemm waħdu kif ukoll f’kooperazzjoni mal-EULEX.

L-istudju tal-fattibbiltà kkonkluda li l-istituzzjonijiet bażiċi tal-ġudikatura bdew jaqdu r-rwol tagħhom, u li l-leġiżlazzjoni tipprevedi garanziji b’saħħithom tal-indipendenza tal-ġudikatura. Fl-1 ta’ Jannar daħlu fis-seħħ il-liġijiet dwar il-qrati u dwar il-prosekuzzjoni, li jintroduċu struttura tal-qorti u tal-prosekuzzjoni ġdida. Din tieħu post l-istruttura antika ta’ qrati muniċipali u distrettwali b’seba’ qrati ordinarji u qorti tal-appell waħda. L-implimentazzjoni tagħha bdiet mingħajr diffikultajiet maġġuri. Il-qafas legali l-ġdid jikkontribwixxi għall-indipendenza, l-effettività, ir-responsabbiltà ul-imparzjalità tas-sistema ġudizzjarja fil-Kosovo u l-implimentazzjoni tiegħu se jkun suġġett għal aktar analiżi fil-futur.

Il-kodiċi kriminali l-ġdid u l-kodiċi tal-proċedura kriminali daħlu fis-seħħ fl-istess waqt tal-liġijiet dwar il-qrati u l-prosekuzzjoni. Dan ġab miegħu tiġdid maġġuri fis-sistema ġudizzjarja u kriminali tal-Kosovo. Il-kodiċi kriminali l-ġdid fih dispożizzjonijiet, fost l-oħrajn, dwar il-kuntrabandu ta’ migranti, it-traffikar ta’ bnedmin, il-produzzjoni u t-traffikar ta’ drogi, il-kriminalità organizzata, il-korruzzjoni u t-traffikar ta’ armi. Id-dispożizzjonijiet tiegħu jirrispettaw il-kompetenzi esklużivi u sussidjarji tal-Prosekuzzjoni Speċjali. Billi l-implimentazzjoni tagħhom għadha kemm bdiet, għadu kmieni wisq fil-proċess biex jiġi kkwalifikat l-impatt prattiku ta’ dawn ir-riformi ġudizzjarji. Huwa mistenni li l-implimentazzjoni prattika ta’ riformi kumplessi bħal dawn tkun teħtieġ aktar modifiki leġiżlattivi.

L-istudju ta’ fattibilità kkonferma li l-libertà tal-espressjoni hija garantita fil-Kostituzzjoni. Il-Kosovo ħassar żewġ Artikoli dwar ir-responsabbiltà kriminali u l-protezzjoni tas-sorsi tal-ġurnalisti mill-kodiċi kriminali f’Ottubru tas-sena l-oħra. Il-kodiċi l-ġdid ta’ proċedura kriminali jinkludi wkoll lill-ġurnalisti fil-kategorija ta’ xhieda eżentati mid-dmir li jixhdu. Bħala riżultat ta’ dan, il-midja mhijiex kriminalment responsabbli. Fit-28 ta’ Frar, il-kumitat rilevanti tal-Assemblea organizza, bl-appoġġ tal-OSKE, smigħ pubbliku għar-rappreżentanti tal-assoċjazzjonijiet tal-ġurnalisti. Waqt is-smigħ, ġew diskussi kwistjonijiet li jaffettwaw il-libertajiet tal-midja, b’mod partikulari attakki fiżiċi u theddid kontra l-ġurnalisti. Fi tmiem is-sena l-oħra, il-Pulizija tal-Kosovo, f’kooperazzjoni mal-EULEX, investigaw theddid lil membri ta’ organizzazzjoni mhux governattiva li kienu ħarġu rivista dwar kwistjonijiet LGBT.

L-awtoritajiet tal-Kosovo jibqgħu jkunu regolarment ikkontestati fl-Assemblea, fil-midja, mis-soċjetà ċivili jew permezz ta’ protesti pubbliċi. Jeħtieġ li l-Kosovo jkompli joħloq ambjent li jwassal għal-libertà tal-espressjoni u jeħtieġ li jiżgura li l-attakki fuq il-ġurnalisti jkunu investigati tajjeb.

Sett ta’ għodod li jappoġġjaw lill-Kosovo fl-isforzi ta’ riforma tiegħu

Sabiex jiggwidaw l-isforzi ta’ riforma tal-Kosovo, il-Kummissjoni żviluppat għadd ta’ strumenti. Id-Djalogu dwar il-Proċess ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, li tnieda wara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-2009, Kosovo – Fulfilling its European Perspective[3], wera li huwa għodda essenzjali biex jimmobilizza, jiddiskuti u jipprijoritizza l-aġenda ta’ riforma Ewropea ġenerali tal-Kosovo. Id-Djalogu Strutturat dwar l-Istat tad-Dritt qed jiffissa prijoritajiet komuni bejn l-UE u l-Kosovo biex jiġu indirizzati l-isfidi tal-istat tad-dritt. Huwa jipprevedi tmexxija politika b'saħħitha għar-riforma biex tikkonsolida l-istat tad-dritt. Id-djalogu għal-liberalizzazjoni tal-viża mal-Kosovo tnieda f’Jannar 2012 u, bħal fil-pajjiżi l-oħra tal-Balkani tal-Punent, huwa qafas ċentrali għall-Kosovo sabiex jadotta u jimplimenta r-riformi fil-qasam tal-istat tad-dritt. F’dawn il-proċessi kollha, il-Ministeru tal-Integrazzjoni Ewropea għandu rwol importanti x’jaqdi. Huwa waqqaf mekkaniżmi solidi fi ħdan il-Kosovo biex jipprijoritizza, jikkoordina u jiżgura t-twettiq ta' riżultati.

Elementi oħra tal-perspettiva Ewropea tal-Kosovo tal-Konklużjonijiet tal-Kunsill ta’ Diċembru

F’Diċembru, il-Kunsill fakkar ir-rieda tal-UE biex tassisti l-iżvilupp ekonomiku u politiku tal-Kosovo permezz ta’ perspettiva Ewropea ċara, f’konformità mal-perspettiva Ewropea tar-reġjun. Reġa’ enfasizza l-ħtieġa li jittieħdu passi konkreti għal dan l-għan. Fil-Komunikazzjoni tagħha tal-2009 dwar il-Kosovo, il-Kummissjoni pproponiet li teżamina l-opportunità ta’ ftehim qafas mal-Kosovo dwar il-prinċipji ġenerali tal-parteċipazzjoni tagħha fil-programmi tal-UE. F’Ottubru 2012, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni sabiex tinnegozja ftehim bħal dan. Fil-bidu ta' din is-sena, il-Kummissjoni kkonkludiet in-negozjati u għandha l-intenzjoni li tadotta mill-aktar fis il-proposti għad-deċiżjonijiet tal-Kunsill dwar l-iffirmar u l-konklużjoni ta' ftehim qafas mal-Kosovo.

Il-Kosovo sar membru tal-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (BERŻ) u Pajjiż ta’ Operazzjonijiet f’Diċembru 2012. Il-BERŻ qed iħejji strateġija tal-pajjiż għal tliet snin. Dan se jippermetti lill-Bank biex iwessa’ u jiddiversifika l-intervent tiegħu b’appoġġ għall-iżvilupp soċjoekonomiku tal-Kosovo. Missjoni tal-BERŻ żaret il-Kosovo f’Diċembru. L-uffiċċji tal-Bank fi Pristina ġew ittrasferiti għal bini akbar bil-ħsieb li jiżdied il-persunal tiegħu fil-Kosovo. Il-President tal-Bank żar il-Kosovo fit-8 ta’ Frar.

Attwalment. il-Bank Ewropew tal-Investiment qed jiddiskuti qafas ta’ ftehim mal-gvern tal-Kosovo. Hemm bżonn li l-partijiet jaqblu dwar oqsma li fihom il-Bank se jinvesti. L-intenzjoni hija li japprova u jiffirma l-Ftehim fir-rebbiegħa. L-operazzjonijiet tal-BEI jistgħu jibdew eżattament wara. Missjoni konġunta bejn il-BEI u l-Kummissjoni żaret il-Kosovo f’Diċembru 2012. Il-BEI ma jippjanax li jkollu preżenza permanenti fil-Kosovo.

4. Konklużjonijiet

Mill-adozzjoni tal-istudju ta' fattibiltà f'Ottubru 2012 u l-konklużjonijiet tal-Kunsill ta' Diċmebru 2012, il-Kosovo kiseb il-prijoritajiet kollha identifikati fl-istudju fuq medda qasira ta' żmien .

Il-Kosovo wera l-impenn tiegħu fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni. Huwa adotta l-leġiżlazzjoni u d-dokumenti strateġiċi meħtieġa, u żamm il-kompetenzi tal-Prosekuzzjoni Speċjali. Tnedew għadd ta' investigazzjonijiet fil-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni. Il-Kosovo żamm kooperazzjoni tajba mal-EULEX u jkompli bir-rieda tiegħu li jappoġġja l-ħidma tat-Task Force Investigattiva Speċjali.

Ġie allokat bini ġdid għall-Istituzzjoni tal-Ombudsperson. Il-gvern qagħad lura milli jimmodifika l-baġit propost tal-Ombudsperson qabel is-sottomissjoni tal-abbozz tal-baġit ġenerali lill-Assemblea. Ġiet adottata wkoll il-leġiżlazzjoni sekondarja meħtieġa għall-implimentazzjoni tar-riforma tal-amministrazzjoni pubblika.

Il-Kunsill il-ġdid tal-Implimentazzjoni u l-Monitoraġġ li jgħaqqad flimkien lill-Knisja Ortodossa Serba, lill-awtortiajiet tal-Kosovo, lill-UE u lill-OSKE tpoġġa fis-seħħ u beda jopera.

Il-Ministeru għall-Kummerċ u l-Industrija ġie ristrutturat u nħatru l-pożizzjonijiet ewlenin. Mekkaniżmu li jmexxi u jikkoordina n-negozjati dwar kwistjonijiet tal-kummerċ fil-kuntest ta' Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni huwa fis-seħħ. Il-Kosovo se jkun kapaċi jiddefinixxi l-pożizzjoni ta' negozjar tiegħu fuq il-bażi tal-analiżi tal-impatt tal-aspetti tal-kummerċ u ta' Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni.

B'riżultat ta' dan, il-Kummissjoni tissottometti l-proposta tagħha għal deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza l-ftuħ tan-negozjati dwar Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kosovo[4].

Il-Kosovo ħa passi sinifikanti ħafna lejn titjib viżibbli u sostenibbli fir-relazzjonijiet mas-Serbja, f'konformità mal-konklużjonijiet tal-Kunsill ta' Diċembru 2012. Il-Kosovo impenja ruħu b'mod attiv u kostruttiv fid-djalogu ffaċilitat mill-UE mas-Serbja u daħal f'diskussjonijiet dwar il-firxa sħiħa ta' kwistjonijiet meħtieġa biex jinkiseb titjib viżibbli u sostenibbli fir-relazzjonijiet mas-Serbja.

Id-djalogu ġie aġġornat għal proċess politiku ta' livell għoli bil-faċilitazzjoni tar-Rappreżentant Għoli. Saru għaxar laqgħat bejn Ottubru 2012 u l-aħħar ta' April 2013. Saret laqgħa wkoll fis-6 ta Frar bejn il-Presidenti Nikolic u Jahjaga. Tkompliet ukoll l-implimentazzjoni tal-ftehimiet li ntlaħqu fid-djalogu s'issa. Fir-rigward ta' Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri, infetħu punti għall-qsim interim konġunti fis-sitt passaġġi kollha kemm huma u qegħdin jiffunzjonaw. Il-ftehim dwar il-protezzjoni tas-siti ta' patrimonju reliġjużi u kulturali ta' Diċembru 2012 qed jiġi implimentat. Il-ftehim dwar it-timbri doganali jkompli jiġi implimentat miż-żewġ naħat. Kien hemm progress tajjeb fir-rigward tar-reġistru ċivili u l-implimentazzjoni għandha titlesta sa Jannar 2014. Fir-rigward tal-katast, iż-żewġ naħat għadhom fil-proċess li jieħdu l-passi preparatorji meħtieġa. Il-ftehim dwar l-aċċettazzjoni tad-diplomi universitarji għaddej bla xkiel.

Iż-żewġ naħat qablu wkoll li jibdew ġbir doganali u li jwaqqfu Fond għall-iżvilupp tat-Tramuntana tal-Kosovo. Fit-tieni parti tad-djalogu ta' livell goli, minn Jannar 2013, il-laqgħat taż-żewġ Prim Ministri iffukaw fuq it-Tramuntana tal-Kosovo, li wassal għall-inizjalizzazzjoni tal-ftehim tad-19 ta' April 2013 dwar "L-ewwel ftehim ta' prinċipji li jmexxu n-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet".

Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni tqis li l-Kosovo impenja ruħu b'mod serju u kostruttiv biex jieħu passi lejn titjib viżibbli u sostenibbli tar-relazzjonijiet mas-Serbja.

*           Din id-deżinjazzjoni hija mingħajr ħsara għall-pożizzjonijiet u l-istatus, u hija f'konformità ma' UNSCR 1244/1999 u mal-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni ta’ indipendenza tal-Kosovo.

[1]           COM(2012) 602 finali

[2]           Id-19 ta' Ottubru, 7 ta' Novemrbu, l-4 ta' Diċembru u s-17 ta' Jannar, l-20 ta' Frar, l-4 ta' Marzu, l-20 ta' Marzu, it-2 ta' April, is-17 ta' April u d-19 ta' April

[3]           COM(2009) 534 finali

[4]           COM(2013) 200 finali

Top