Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013JC0003

    Proposta Konġunta għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament (KE) Nru 329/2007 dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea

    /* JOIN/2013/03 final - 2013/0078 (NLE) */

    52013JC0003

    Proposta Konġunta għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament (KE) Nru 329/2007 dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea /* JOIN/2013/03 final - 2013/0078 (NLE) */


    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    (1) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 329/2007 tas-27 ta’ Marzu 2007 jagħti effett lill-miżuri previsti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/800/PESK tat-22 ta' Diċembru 2010 dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea ("il-Korea ta’ Fuq").

    (2) Fit-18 ta’ Frar 2013, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/88/PESK li temenda d-Deċiżjoni 2010/800/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Korea ta' Fuq li tipprovdi għal miżuri restrittivi addizzjonali.

    (3) Dawn il-miżuri addizzjonali jinkludu kriterju addizzjonali għal deżinjazzjoni awtonoma mill-Unjoni, projbizzjonijiet fuq il-provvista ta’ prodotti addizzjonali rilevanti għal programmi tal-Korea ta’ Fuq relatati mal-armi tal-qerda tal-massa, projbizzjonijiet rigward id-deheb, metalli prezzjużi u djamanti, għal karti ta’ flus tal-Korea ta’ Fuq li għadhom kif ġew stampati jew inħarġu miz-zekka, u għal bonds pubbliċi.

    (4) Il-miżuri jinkludu wkoll projbizzjonijiet dwar il-ftuħ ta’ fergħat ġodda, ta' sussidjarji, jew ta’ uffiċċji rappreżentattivi ta' banek tal-Korea ta’ Fuq fit-territorji tal-Istati Membri, u l-istabbiliment ta' impriżi konġunti ġodda.

    (5) Barra minn hekk, skont il-paragrafu 13 tar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (KSNU) nru 2087 (2013), l-ebda pretensjoni b’rabta mal-eżekuzzjoni ta’ kwalunkwe kuntratt jew transazzjoni affettwata minn miżuri meħuda skont ir-Riżoluzzjonijiet rilevanti tal-KSNU jew minn miżuri tal-Unjoni f’konformità mad-deċiżjonijiet rilevanti tal-KSNU jew koperti minn dan ir-Regolament, ma għandha tingħata lil persuni deżinjati jew lil entitajiet jew lil kwalunkwe persuna oħra jew entità fil-Korea ta’ Fuq.

    (6) Fid-dawl tal-Artikolu 215 tat-TFUE, hija meħtieġa aktar azzjoni mill-Unjoni biex tagħti effett lil dawn il-miżuri.

    (7) Ir-Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u l-Kummissjoni għandhom għalhekk jipproponu li jiġi emendat f'dan is-sens ir-Regolament (KE) Nru 329/2007.

    2013/0078 (NLE)

    Proposta Konġunta għal

    REGOLAMENT TAL-KUNSILL

    li jemenda r-Regolament (KE) Nru 329/2007 dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 215(1) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta konġunta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u tal-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)       Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 329/2007[1] jagħti effett lil miżuri previsti fid-Deċiżjoni 2010/800/PESK.

    (2)       Fit-18 ta’ Frar 2013, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/88/PESK li temenda d-Deċiżjoni 2010/800/PESK dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea[2] li tipprovdi għal miżuri restrittivi addizzjonali kontra r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea (minn hawn 'il quddiem "il-Korea ta’ Fuq"). Id-Deċiżjoni 2013/88/PESK tagħti effett lil miżuri addizzjonali mitluba mir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (KSNU) nru 2087 (2013) u mill-miżuri ulterjuri awtonomi tal-Unjoni.

    (3)       Il-miżuri addizzjonali jinkludu kriterju addizzjonali għall-deżinjazzjoni awtonoma mill-Unjoni ta’ persuni u ta’ entitajiet soġġetti għall-miżuri restrittivi, jiġifieri persuni involuti, inkluż permezz tal-għoti ta’ servizzi finanzjarji, fil-provvista lejn jew provenjenti mill-Korea ta’ Fuq, ta’ armi u ta’ materjal relatat ta’ kull tip, jew ta' oġġetti, materjali, tagħmir, prodotti u teknoloġiji li jistgħu jikkontribwixxu għall-programmi tal-Korea ta’ Fuq marbutin mal-armi nukleari, mal-missili ballistiċi, jew ma’ armi oħrajn tal-qerda tal-massa.

    (4)       Barra minn hekk, il-miżuri jipprojbixxu l-bejgħ, il-provvista, it-trasferiment lejn il-Korea ta’ Fuq ta' ċerta merkanzija oħra rilevanti għall-programmi relatati mal-armi tal-qerda tal-massa tal-Korea ta’ Fuq, b’mod partikolari fis-settur tal-missili ballistiċi tagħha, speċjalment ċerti tipi ta’ aluminju.

    (5)       Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/88/PESK tipprojbixxi wkoll il-bejgħ, ix-xiri, it-trasport jew is-senserija ta’ deheb, metalli prezzjużi u djamanti lejn, minn jew għall-Gvern tal-Korea ta' Fuq u t-twassil ta’ karti ta’ flus u muniti tal-Korea ta’ Fuq li għadhom kemm ġew stampati jew inħarġu miz-zekka jew li għadhom ma nħarġux għall-benefiċċju tal-Bank Ċentrali tal-Korea ta' Fuq, kif ukoll il-bejgħ jew ix-xiri ta’ bonds pubbliċi jew bonds garantiti mill-gvern tal-Korea ta' Fuq. Barra minn hekk, id-Deċiżjoni 2013/88/PESK tikkjarifika li fejn il-Kunsill ipprovda għal projbizzjoni fuq is-servizzi finanzjarji, din tinkludi l-għoti ta’ servizzi ta’ assigurazzjoni u riassigurazzjoni. Jeħtieġ għalhekk li ssir emenda teknika għar-Regolament.

    (6)       Id-Deċiżjoni 2013/88/PESK tipprojbixxi l-ftuħ ta’ fergħat ġodda, ta’ sussidjarji, jew ta' uffiċċji rappreżentattivi ta’ banek tal-Korea ta’ Fuq fit-territorji tal-Istati Membri, l-istabbiliment ta’ impriżi konġunti ġodda, jew it-teħid ta’ interessi ta' sjieda mill-banek tal-Korea ta’ Fuq , inkluż il-Bank Ċentrali tal-Korea ta' Fuq, ma’ banek fil-ġurisdizzjoni tal-Istati Membri.

    (7)       Barra minn hekk, f'konformità mal-paragrafu 13 tar-Riżoluzzjoni tal-KSNU 2087 (2013), jeħtieġ li jiġi stabbilit li l-ebda pretensjoni b’rabta mal-eżekuzzjoni ta’ kwalunkwe kuntratt jew transazzjoni effettwata minn dawn il-miżuri ma għandha tingħata lil persuni nominati jew lil entitajiet jew lil kwalunkwe persuna oħra jew entità fil-Korea ta’ Fuq.

    (8)       Ir-Regolament (UE) Nru 329/2007 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Ir-Regolament Nru 329/2007 huwa emendat kif ġej:

    (1) L-Artikolu 2 jinbidel b'dan li ġej:

    “Artikolu 2

    1.           Huma pprojbiti:

    (a) il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni, dirett jew indirett, ta' prodotti u ta’ teknoloġija, inkluż softwer, elenkati fl-Annessi I, Ia u Ib, kemm jekk joriġinaw fl-Unjoni kif ukoll jekk le, lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fil-Korea ta’ Fuq, jew għal użu fil-Korea ta' Fuq;

    (b) il-parteċipazzjoni, konxja u intenzjonali, f'attivitajiet li l-objettiv jew l-effett tagħhom ikun li ċ-ċirkomvenzjoni tal-projbizzjoni msemmija fil-punt (a).

    2.           L-Anness I għandu jinkludi kull oġġett, materjal, tagħmir, prodott u teknoloġija, inkluż softwer, li huma prodotti jew teknoloġija b’użu doppju kif definit fir-Regolament (KE) Nru 428/2009.*

    L-Anness Ia għandu jinkludi oġġetti, materjali, tagħmir, prodotti u teknoloġija oħra li jistgħu jikkontribwixxu għall-programmi tal-Korea ta’ Fuq marbuta mal-armi nukleari, ma’ armi oħrajn tal-qerda tal-massa jew ma’ missili ballistiċi.

    L-Anness Ib għandu jinkludi ċerti komponenti ewlenin għas-settur tal-missili ballistiċi, bħal ċerti tipi ta' aluminju li jintuża f'sistemi relatati mal-missili ballistiċi.

    3.           Għandu jkun ipprojbit li jinxtraw, jiġu importati jew trasportati mill-Korea ta' Fuq, il-prodotti u t-teknoloġija elenkati fl-Anness I, Ia u Ib kemm jekk l-oġġett ikkonċernat joriġina mill-Korea ta' Fuq kif ukoll jekk le.

    ____________

    * ĠU L 134, 29.5.2009, p. 1."

    (2) Fl-Artikolu 3(1), il-punt (b) jinbidel b'dan li ġej:

    "(b)    li jkunu pprovduti, direttament jew indirettament, finanzjar jew għajnuna finanzjarja relatata ma’ prodotti u teknoloġija elenkati fil-Lista Komuni tal-UE ta’ Tagħmir Militari jew fl-Annessi I, Ia u Ib inklużi b'mod partikolari l-għotjiet, is-self u l-assigurazzjoni fuq kreditu tal-esportazzjoni, kif ukoll l-assigurazzjoni u r-reassigurazzjoni, għal kwalunkwe bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni ta' dawn l-prodotti, jew għal kwalunkwe għoti ta' għajnuna teknika relatata lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp, fil-Korea ta' Fuq jew għall-użu fil-Korea ta' Fuq;”

    (3) Jiddaħħlu l-Artikoli 4a u 4b li ġejjin:

    “Artikolu 4a

    1.         Huma pprojbiti:

    (a) il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni, direttament jew indirettament, ta' deheb, metalli prezzjużi u djamanti, kif elenkat fl-Anness VII, sew jekk joriġinaw mill-Unjoni kif ukoll jekk le, lil jew għall-Gvern tal-Korea ta’ Fuq, lill-korpi pubbliċi, lill-korporazzjonijiet u lill-aġenziji tiegħu, lill-Bank Ċentrali tal-Korea ta’ Fuq u lil kwalunkwe persuna, entità jew korp li jaġixxi f'isimhom jew b'ordni minnhom, jew lil kwalunkwe entità jew korp li jappartjenu lilhom jew li huma kkontrollati minnhom;

    (b) ix-xiri, l-importazzjoni jew it-trasport, direttament jew indirettament, ta' deheb, metalli prezzjużi u djamanti, kif elenkat fl-Anness VII, sew jekk joriġinaw mill-Korea ta’ Fuq kif ukoll jekk le, mill-Gvern tal-Korea ta’ Fuq, mill-korpi pubbliċi, mill-korporazzjonijiet u mill-aġenziji tiegħu, mill-Bank Ċentrali tal-Korea ta’ Fuq u minn kwalunkwe persuna, entità jew korp li jaġixxu f'isimhom jew b'ordni minnhom, jew minn kwalunkwe entità jew korp li jappartjenu lilhom jew li huma kkontrollati minnhom; u wkoll;

    (c) l-għoti, direttament jew indirettament, ta’ għajnuna teknika jew ta’ servizzi ta’ senserija, finanzjament jew għajnuna finanzjarja, relatati mal-merkanzija msemmija fil-punti (a) u (b), lill-Gvern tal-Korea ta’ Fuq, lill-korpi pubbliċi, korporazzjonijiet u aġenziji tiegħu, lill-Bank Ċentrali tal-Korea ta’ Fuq u lil kwalunkwe persuna, entità jew korp li jaġixxu f’isimhom jew b’ordni minnhom, jew lil kwalunkwe entità jew korp li jappartjenu lilhom jew li huma kkontrollati minnhom.

    2.           L-Anness VII għandu jinkludi deheb, metalli prezzjużi u djamanti suġġetti għall-projbizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1.

    "Artikolu 4b

    Għandhom ikunu pprojbiti l-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni, direttament jew indirettament, ta' karti ta’ flus u ta’ muniti ġodda, li għadhom kemm ġew stampati jew li għadhom ma ħarġux, b'denominazzjoni tal-Korea ta’ Fuq, lil jew għal benefiċċju tal-Bank Ċentrali tal-Korea ta’ Fuq.

    (4) Jiżdied l-Artikolu 5a li ġej:

    “Artikolu 5a

    1.           Huwa pprojbit għall-istituzzjonijiet finanzjarji u ta' kreditu li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tal-Artikolu 16 li jagħmlu kwalunkwe waħda minn dawn li ġejjin:

    (a) jiftħu uffiċċju rappreżentattiv ġdid fil-Korea ta’ Fuq jew jistabbilixxu fergħa jew sussidjarja ġdida fil-Korea ta’ Fuq;

    (b) jistabbilixxu impriża konġunta ġdida ma' istituzzjoni finanzjarja jew ta' kreditu domiċiljata fil-Korea ta’ Fuq, jew ma' kwalunkwe istituzzjoni finanzjarja jew ta' kreditu msemmija fl-Artikolu 11a(2).

    2.           Huma pprojbiti:

    (a) l-awtorizzazzjoni tal-ftuħ ta' uffiċċju rappreżentattiv jew l-istabbiliment ta' fergħa jew sussidjarja fl-Unjoni ta' istituzzjoni finanzjarja jew ta' kreditu domiċiljata fil-Korea ta' Fuq, jew ta' kwalunkwe istituzzjoni finanzjarja jew ta' kreditu msemmija fl-Artikolu 11a(2);

    (b) il-konklużjoni ta' ftehimiet għal, jew f'isem, istituzzjoni finanzjarja jew ta' kreditu domiċiljata fil-Korea ta’ Fuq, jew għal, jew f'isem, kwalunkwe istituzzjoni finanzjarja jew ta' kreditu msemmija fl-Artikolu 11a(2), li jagħmlu parti mill-ftuħ ta' uffiċċju rappreżentattiv, jew mill-istabbiliment ta’ fergħa jew ta’ sussidjarja fl-Unjoni;

    (c) l-għoti ta' awtorizzazzjoni għall-ftuħ u t-twettiq ta' negozju ta' istituzzjoni ta' kreditu jew għal kwalunkwe negozju ieħor li jeħtieġ awtorizzazzjoni minn qabel, minn uffiċċju rappreżentattiv, fergħa jew sussidjarja ta' istituzzjoni finanzjarja jew ta' kreditu domiċiljata fil-Korea ta’ Fuq, jew għal kwalunkwe istituzzjoni finanzjarja jew ta' kreditu msemmija fl-Artikolu 11a(2), jekk l-uffiċċju rappreżentattiv, il-fergħa jew is-sussidjarja ma kinitx operattiva qabel id-19 ta' Frar 2013.

    (d) l-akkwist jew l-estensjoni ta' parteċipazzjoni jew l-akkwist ta' kwalunkwe interess ieħor ta' sjieda f'istituzzjoni finanzjarja jew ta' kreditu li taqa’ fil-kamp ta' applikazzjoni tal-Artikolu 16 minn kwalunkwe istituzzjoni finanzjarja jew ta' kreditu msemmija fl-Artikolu 11a(2).

    (5) Fl-Artikolu 6, il-paragrafi 1 u 2 jinbidlu b'dan li ġej:

    "1.          Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu lill-persuni, lill-entitajiet, u lill-korpi elenkati fl-Anness IV jew li huma proprjetà tagħhom jew li huma miżmuma jew ikkontrollati minnhom, għandhom jiġu ffriżati. L-Anness IV għandu jinkludi l-persuni, l-entitajiet u l-korpi deżinjati mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU jew mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet skont il-paragrafu 8(d) tar-RKSNU 1718 (2006).

    2.           Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu lill-persuni, lill-entitajiet u lill-korpi elenkati fl-Anness IV, jew li huma l-proprjetà tagħhom, jew li huma miżmuma jew ikkontrollati minnhom, għandhom jiġu ffriżati. L-Anness V għandu jinkludi l-persuni, l-entitajiet u l-korpi li mhumiex elenkati fl-Anness IV, li, f’konformità mal-Artikolu 5 (b) u (c) u (d) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/800/PESK** kienu ġew identifikati mill-Kunsill:

    (a) bħala responsabbli għall-programmi tal-Korea ta’ Fuq marbutin mal-armi nukleari, ma’ armi oħrajn tal-qerda tal-massa u ma’ missili ballistiċi, kif ukoll persuni jew korpi li jaġixxu f’isimhom jew fuq l-istruzzjonijiet tagħhom jew l-entitajiet li jappartjenu lilhom jew li huma kkontrollati minnhom; jew

    (b) bħala li pprovdew servizzi finanzjarji jew it-trasferiment lejn, permezz ta’ jew mit-territorju tal-Unjoni, jew li involvew ċittadini tal-Istati Membri jew entitajiet organizzati skont il-liġijiet tagħhom, jew persuni jew istituzzjonijiet finanzjarji fit-territorju tal-Unjoni, ta' kwalunkwe assi finanzjarji jew assi oħrajn jew riżorsi li jistgħu jikkontribwixxu għall-programmi tal-Korea ta’ Fuq marbutin mal-armi nukleari, ma’ armi oħrajn tal-qerda tal-massa jew ma' missili ballistiċi, kif ukoll persuni jew korpi li jaġixxu f’isimhom jew fuq l-istruzzjonijiet tagħhom u l-entitajiet li jappartjenu lilhom jew li huma kkontrollati minnhom.

    (c) bħala involuti, inkluż permezz tal-għoti ta’ servizzi finanzjarji, fil-provvista lejn jew provenjenti mill-Korea ta’ Fuq, ta’ armi u ta’ materjali relatati ta’ kull tip, jew ta' oġġetti, materjali, tagħmir, prodotti u teknoloġija li jistgħu jikkontribwixxu għall-programmi tal-Korea ta’ Fuq marbutin mal-armi nukleari, mal-missili ballistiċi, jew ma’ armi oħrajn tal-qerda tal-massa.

    L-Anness V jiġi rieżaminat regolarment u mill-inqas kull 12-il xahar.

    ___________

    ** ĠU L 341, 23.12.2010, p. 32."

    (6) Jiddaħħlu l-Artikoli 9a u 9b li ġejjin:

    “Artikolu 9a

    1.           Huma pprojbiti:

    (a) il-bejgħ jew ix-xiri ta' bonds pubbliċi jew bonds garantiti mill-gvern maħruġa wara d-19 ta' Frar 2013, direttament jew indirettament, lil jew mingħand kwalunkwe wieħed minn dawn li ġejjin:

    (1) il-Korea ta' Fuq jew il-Gvern tagħha, u l-korpi pubbliċi, il-korporazzjonijiet u l-aġenziji tagħha;

    (2) il-Bank Ċentrali tal-Korea ta’ Fuq;

    (3) istituzzjoni finanzjarja jew ta’ kreditu domiċiljata fil-Korea ta’ Fuq jew kwalunkwe istituzzjoni finanzjarja jew ta’ kreditu msemmija fl-Artikolu 11a il-paragrafu 2;

    (4) persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp li jaġixxu f'isem jew fuq ordni ta' persuna ġuridika, entità jew korp imsemmija f’(i) jew (ii);

    (5) persuna ġuridika, entità jew korp li jappartjenu lil persuna, entità jew korp imsemmija f’(i), (ii) jew (iii) jew li huma kkontrollati minnhom;

    (b) l-għoti ta' servizzi ta' senserija fir-rigward ta' bonds pubbliċi jew garantiti mill-gvern maħruġa wara d-19 ta' Frar 2013 lil persuna, entità jew korp imsemmi fil-punt (a);

    (c) l-għajnuna lil persuna, entità jew korp imsemmi fil-punt (a) sabiex joħorġu bonds pubbliċi jew garantiti mill-gvern, billi jiġu pprovduti servizzi ta' senserija, reklamar jew kwalunkwe servizz ieħor fir-rigward ta' tali bonds.

    Artikolu 9b

    1.           L-ebda pretensjoni b'konnessjoni ma' kwalunkwe kuntratt jew tranżazzjoni fejn l-eżekuzzjoni ta' tagħha ġiet affettwata, direttament jew indirettament, b'mod sħiħ jew parzjalment, mill-miżuri imposti skont dan ir-Regolament inklużi pretensjonijiet għal indennizz jew kwalunkwe pretensjoni oħra ta' dan it-tip, bħal pretensjoni għal kumpens jew pretensjoni taħt garanzija, b'mod partikolari pretensjoni għal estensjoni jew ħlas ta' bond, garanzija jew indennizz, b'mod partikolari garanzija finanzjarja jew indennizz finanzjarju, ta' kwalunkwe għamla, ma għandha tiġi ssodisfata, jekk din issir minn:

    (a) persuni, entitajiet jew korpi deżinjati elenkati fl-Annessi IV u V;

    (b) kwalunkwe persuna oħra, entità jew korp mill-Korea ta’ Fuq, inkluż il-Gvern tal-Korea ta’ Fuq, il-korpi, il-korporazzjonijiet u l-aġenziji pubbliċi tiegħu;

    (c) kwalunkwe persuna, entità jew korp li jaġixxu permezz ta' jew f'isem waħda mill-persuni, l-entitajiet jew il-korpi msemmija fil-punti (a) u (b).

    2.           L-eżekuzzjoni ta’ kuntratt jew tranżazzjoni għandha tkun ikkunsidrata bħala affettwata mill-miżuri imposti skont dan ir-Regolament meta l-eżistenza jew il-kontenut tal-pretensjoni jirriżultaw direttament jew indirettament minn dawn il-miżuri.

    3.           Fi kwalunkwe proċediment għall-infurzar ta' pretensjoni, l-obbligu biex ikun pruvat li l-ilqugħ tat-talba mhuwiex ipprojbit bil-paragrafu 1, għandu jkun fuq il-persuna li tkun qed tfittex l-infurzar ta' dik il-pretensjoni.

    4.           Dan l-Artikolu huwa bla ħsara għad-dritt tal-persuni, l-entitajiet u l-korpi msemmija fil-paragrafu 1 għal rieżami ġudizzjarju tal-legalità tan-nuqqas ta' prestazzjoni ta' obbligi kuntrattwali skont dan ir-Regolament.”

    (7) It-test kif stipulat fl-Anness I ta' dan ir-Regolament jiddaħħal bħala Anness Ib.

    (8) Fl-Artikoli 3(1) u 3a, ir-referenzi għal "l-Annessi I u Ia" jinbidlu b’referenzi għal “l-Annessi I, Ia u Ib".

    (9) It-test kif stipulat fl-Anness II ta' dan ir-Regolament jiddaħħal bħala l-Anness VII.”     

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell,

                                                                           Għall-Kunsill

                                                                           Il-President

    ANNESS I

    “ANNESS Ib

    Prodotti msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikoli 2

    Ċerti komponenti ewlenin għas-settur tal-missili ballistiċi, bħal ċerti tipi ta' aluminju li jintuża f'sistemi relatati mal-missili ballistiċi.

    7601 || Aluminju mhux maħdum

    7602 || Skart u fdal tal-aluminju

    7603 || Trabijiet u qxur ta’ aluminju

    7605 || Wajer tal-aluminju

    7606 || Pjanċi, folji u strixxa ta’ aluminju, eħxen minn 0,2 mm

    7609 || Tagħmir għal tubi u pajpijiet ta’ aluminju (pereżempju igganċjar (couplings), liwjiet (elbows), tubi (sleeves))

    7614    || Wajer bis-swiegli, kejbils, ċineg immaljati u bħalhom, ta’ aluminju, mhux insulati għall-elettriku

    7604 || Biċċiet sħaħ tal-aluminju, vireg u profili

    7608 || Tubi u pajpijiet tal-aluminju”

    ANNESS II

    "ANNESS VII

    Lista ta’ deheb, metalli prezzjużi u djamanti msemmija fl-Artikolu 4a

    Kodiċi tas-SA  Deskrizzjoni

    7102    || Djamanti, maħdumin jew le, iżda mhux immuntati jew ingastati

    7106    || Fidda (inkluża fidda miksija bid-deheb jew bil-platinu), mhux maħduma jew f’għamliet semimanifatturati, jew f’għamla ta’ trab

    7108 || Deheb (inkluż deheb miksi bil-platinum), mhux maħdum jew f’għamla semimanifatturata, jew f’għamla ta’ trab

    7109 || Metalli komuni jew fidda, miksijin bid-deheb, mhux maħdumin aktar ħlief semimanifatturati.

    7110 || Platinu, mhux maħdum jew f’forom parzjalment maħdumin, jew f’forma ta’ trab

    7111 || Metalli komuni, fidda jew deheb, miksijin bil-platinu, mhux maħdumin aktar ħlief semimanifatturati.

    7112 || Skart u fdal ta’ metall prezzjuż jew ta’ metall miksi b’metall prezzjuż; skart u fdal ieħor li fih metall prezzjuż jew komposti ta’ metall prezzjuż, ta’ tip użat l-aktar għall-irkupru ta’ metall prezzjuż"

    [1]               ĠU L 88, 29.3.2007, p 1.

    [2]               ĠU L 46, 19.2.2013, p2

    Top