This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52013IR8074
Opinion of the Committee of the Regions — Multilevel governance in promoting the EU Biodiversity Strategy to 2020 and implementing the international Aichi Targets
Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni – Il-governanza f’diversi livelli fil-promozzjoni tal-Istrateġija għall-Bijodiversità 2020 tal-UE u l-implimentazzjoni tal-objettivi internazzjonali ta’ Aichi
Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni – Il-governanza f’diversi livelli fil-promozzjoni tal-Istrateġija għall-Bijodiversità 2020 tal-UE u l-implimentazzjoni tal-objettivi internazzjonali ta’ Aichi
ĠU C 271, 19.8.2014, p. 45–52
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
19.8.2014 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 271/45 |
Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni – Il-governanza f’diversi livelli fil-promozzjoni tal-Istrateġija għall-Bijodiversità 2020 tal-UE u l-implimentazzjoni tal-objettivi internazzjonali ta’ Aichi
2014/C 271/09
Relatur |
Kadri Tillemann (EE/PPE) President tal-Kunsill tal-Muniċipalità Rurali ta’ Keila |
Dokument ta’ referenza |
Ittra mill-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea tat-13 ta’ Diċembru 2013 |
I. RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA
IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
A. Governanza f’diversi livelli tal-bijodiversità fl-implimentazzjoni tal-Istrateġijia għall-Bijodiversità 2020 tal-UE u d-Deċiżjoni X/22 tas-CBD
1. |
jirrikonoxxi li f’Marzu 2011, il-mexxejja tal-UE impenjaw ruħhom li jwettqu l-mira primarja tal-UE 2020 li, sal-2020, jitwaqqaf it-telf tal-bijodiversità u d-degradazzjoni tas-servizzi tal-ekosistemi fl-UE, u li dawn jerġgħu jiġu kif kienu safejn hu fattibbli, filwaqt li jiġi intensifikat il-kontribut tal-UE biex ikun evitat it-telf tal-bijodiversità globali. L-Istrateġija tal-UE dwar il-Bijodiversità sal-2020, kif adottata mill-Kummissjoni Ewropea f’Mejju 2011 (1), u appoġġata mill-Kunsill (2), tinkludi 6 miri ewlenin u 20 azzjoni sabiex jgħinu lill-UE biex tilħaq l-objettiv tal-bijodiversità tal-2020; |
2. |
jirrikonoxxi li l-istrateġija tal-UE għandha mandat globali. Hija tittraduċi l-miri u l-impenji globali li l-UE ħadet fl-10 Konferenza tal-Partijiet Interessati (COP 10) tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Diversità Bijoloġika (CBD) fl-2010, jiġifieri l-Pjan Strateġiku għall-Bijodiversità 2011-2020 (Deċiżjoni X/2), inkluż l-20 Objettiv tal-Bijodiversità għall-2020 ta’ Aichi (3); |
3. |
ifakkar li t-telf tal-bijodiversità huwa problema globali, li għandha konsegwenzi ambjentali, soċjoekonomiċi u fuq is-saħħa serji li jaffetwaw il-kwalità tal-ħajja tal-persuni. Dan huwa fenomenu li nibet minn diversi fatturi, mhux l-anqas l-azzjoni tal-bniedem; |
4. |
jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-awtoritajiet lokali u reġjonali (4) jaqdu rwol kritiku fl-implimentazzjoni fil-prattika tal-objettivi tal-UE u dawk internazzjonali tal-bijodiversità, u għalhekk li jgħinu lill-gvernijiet nazzjonali biex jevitaw iżjed telf tal-bijodiversità. Bħala riżultat tad-deċentralizzazzjoni kontinwa li qiegħda sseħħ f’ħafna Stati Membri, l-awtoritajiet lokali u reġjonali żiedu r-responsabbiltà għall-implimentazzjoni ta’ politiki relatati mal-bijodiversità; |
5. |
jenfasizza l-importanza li jiġu applikati l-prinċipji tal-White Paper tal-KtR dwar il-governanza f’diversi livelli u l-Karta għall-Governanza f’Diversi Livelli fl-Ewropa adottata mill-KtR f’April 2014 (5) fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija għall-Bijodiversità u l-objettivi ta’ Aichi. Il-KtR jikkunsidra li l-governanza f’diversi livelli hija azzjoni kkoordinata mill-UE, l-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali u reġjonali, abbażi ta’ sħubija fil-fażijiet kollha taċ-ċiklu tal-politiki tal-UE mit-tfassil sal-implimentazzjoni. Il-governanza ta’ servizzi tal-bijodiversità u tal-ekosistemi timplika għodod ta’ politika koerenti u mandati fil-livelli kollha ta’ gvern; |
6. |
jappella lill-Kummissjoni Ewropea biex tħejji valutazzjoni tal-Istati Membri dwar il-governanza f’diversi livelli tal-bijodiversità u tidentifika r-rwol attiv tal-gvernijiet reġjonali u lokali fit-tali governanza. L-istess dokument għandu jidentifika ż-żoni li l-bijodiversità tagħhom tkun mhedda min-nuqqas ta’ mudell ta’ governanza li joħloq rabta bejn l-Istati Membri, il-gvernijiet reġjonali u lokali u l-partijiet interessati ekonomiċi u soċjali rilevanti u jipprovdi suġġerimenti dwar kif dan it-theddid jista’ jiġi indirizzat; |
7. |
jilqa’ b’sodisfazzjon f’dan ir-rigward il-fatt li l-Istrateġija tal-Bijodiversità sal-2020 tiddikjara li “jinħtieġ li l-miri kondiviżi bejn l-UE u s-CBD ikunu segwiti permezz ta’ taħlita ta’ azzjonijiet fuq livelli subnazzjonali, nazzjonali u dak tal-UE” u li l-Kummissjoni Ewropea tipprova tibni “sħubijiet effettivi fit-tul” mal-“partijiet interessati oħrajn li huma involuti fl-ippjanar tal-ispazju u l-ġestjoni tal-użu tal-art fl-implimentazzjoni tal-istrateġiji tal-bijodiversità fil-livelli kollha”; |
8. |
jenfasizza l-importanza tad-Deċiżjoni X/22 tas-CBD (6), li tinkludi l-“Pjan ta’ azzjoni dwar il-gvernijiet sottonazzjonali, il-bliet u awtoritajiet lokali oħrajn għall-bijodiversità (2011-2020)” u tad-Deċiżjoni XI/8(A) tas-CBD (7). Il-KtR jaħseb li d-Deċiżjoni X/22 tas-CBD hija unika fis-sens li tippreżenta d-deċiżjoni l-iżjed avvanzata ta’ “governanza f’diversi livelli” fi Ftehim Multilaterali dwar l-Ambjent (MEA); |
9. |
ifakkar li l-Opinjoni tal-KtR li tħejji għall-COP 10 tas-CBD (8) u d-delegazzjoni tal-KtR dwar il-COP 10 appoġġjaw bis-saħħa l-adozzjoni tad-Deċiżjoni X/22 tas-CBD; barra minn hekk, il-KtR, fil-Memorandum ta’ Ftehim iffirmat mal-UNEP fl-2012, qabel li jippromovi l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni tas-CBD; |
10. |
jappella lill-Istati Membri biex jimplimentaw l-impenji li għamlu fid-Deċiżjoni X/22 tas-CBD biex itejbu l-mekkaniżmi ta’ governanza u l-istrumenti legali u volontarji tagħhom sabiex jikkollaboraw u jappoġġaw l-awtoritajiet lokali u reġjonali f’azzjonijiet lokali u reġjonali tal-bijodiversità, filwaqt li jitqiesu l-missjoni, l-objettivi u l-lista ta’ azzjonijiet indikattiva taħt id-Deċiżjoni X/22 tas-CBD u l-miri u l-azzjonijiet tal-Istrateġija tal-UE dwar il-Bijodiversità sal-2020; |
11. |
jilqa’ b’sodisfazzjon ir-referenza li għamel il-Kunsill fil-konklużjonijiet tiegħu tat-12 ta’ Ġunju 2014 dwar il-COP 12 tas-CBD f’Ottubru 2014 (9) għar-rwol li jaqdu l-awtoritajiet lokali u reġjonali biex imexxu ‘l quddiem l-implimentazzjoni tal-Pjan Strateġiku tas-CBD għall-2020 u biex jintlaħqu l-Miri tal-Bijodiversità ta’ Aichi; jappella lill-Kunsill biex, fil-konklużjonijiet futuri tiegħu dwar il-COPs tas-CBD, jirrifletti l-approċċ imsejjes fuq il-governanza f’diversi livelli billi jsaħħaħ ir-rikonoxximent tiegħu fil-konfront tal-awtoritajiet lokali u reġjonali bħala partijiet interessati governattivi b’mod distint minn partijiet interessati oħra mhux governattivi fi ħdan il-proċess tas-CBD; |
12. |
jixtieq jaqsam l-esperjenzi tiegħu ta’ governanza fuq ħafna livelli fil-qasam tal-bijodiversità u l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni X/22 tas-CBD mal-awtoritajiet lokali u reġjonali minn reġjuni oħra tad-dinja billi jakkumpanja d-delegazzjoni tal-UE għall-COP12 tas-CBD bħala osservatur f’Ottubru 2014, biex b’hekk jibni fuq il-parteċipazzjoni tal-KtR fil-COP 10 u l-Memorandum ta’ Fehim tiegħu mal-UNEP, sabiex jiġi żgurat li l-leħen tal-awtoritajiet lokali u reġjonali tal-UE jkun rappreżentat b’mod adatt; |
B. Ir-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali Ewropej u l-appoġġ neċessarju mill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-Bijodiversità tal-UE sal-2020 u l-objettivi ta’ Aichi
13. |
jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li kkummissjona studju dwar “Governanza f’diversi livelli tal-kapital naturali tagħna” (10) biex jappoġġa din l-Opinjoni u janalizza l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali u reġjonali tagħhom, l-azzjoni innovattiva tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, u l-aħjar prattiki attwali, kif ukoll jipprovdi suġġerimenti iżjed dettaljati għat-titjib tal-governanza f’diversi livelli; |
14. |
iħeġġeġ lill-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jagħtu eżempju bit-tmexxija tagħhom u jilqa’ bis-sħiħ l-istrateġiji, l-azzjonijiet u l-approċċi innovattivi li bosta awtoritajiet lokali u reġjonali ħadu biex jipproteġu u jiġġestixxu l-bijodiversità u l-ekosistemi tagħhom b’mod sostenibbli; jilqa’ wkoll l-inizjattivi tajbin li diġà qed jieħdu xi Stati Membri biex jappoġġjaw lill-awtoritajiet lokali u reġjonali tagħhom. Dawn l-azzjonijiet kollha jispiraw ir-rakkomandazzjonijiet ta’ politika li ġejjin; |
Parteċipazzjoni fi strateġiji nazzjonali u l-governanza
15. |
jappella lill-Istati Membri biex jiżguraw jew itejbu l-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fit-twaqqif, ir-reviżjoni u l-implimentazzjoni ta’ Strateġiji u Pjani ta’ Azzjoni Nazzjonali għall-Bijodiversità (NBSAP), billi jinkludu, pereżempju, assoċjazzjonijiet nazzjonali ta’ awtoritajiet lokali u reġjonali f’kummissjonijiet/kumitati ta’ tmexxija nazzjonali għall-bijodiversità; |
16. |
iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jiżviluppaw aktar, f’kooperazzjoni mal-assoċjazzjonijiet nazzjonali tal-awtoritajiet lokali u reġjonali tagħhom, dokumenti ta’ gwida, inizjattivi ta’ bini tal-kapaċità u servizzi ta’ konsulenza prattika għal strateġiji lokali u reġjonali tal-bijodiversità, pjani ta’ azzjoni u miżuri; |
17. |
iħeġġeġ bil-qawwa lill-awtoritajiet reġjonali biex jiżviluppaw Strateġiji u Pjani ta’ Azzjoni Reġjonali għall-Bijodiversità (RBSAP), u biex il-bliet u l-muniċipalitajiet ifasslu Strateġiji u Pjani ta’ Azzjoni Lokali għall-Bijodiversità (LBSAP) u jirrikkonoxxi inizjattivi li diġà ttieħdu f’dan il-qasam. Dawn jistgħu jipprovdu kemm viżjoni komprensiva kif ukoll qafas prattiku għall-ġestjoni sostenibbli tal-bijodiversità fil-livelli sottonazzjonali, billi jiġu meqjusal-miri tal-bijodiversità definiti fil-livell nazzjonali, Ewropew u tas-CBD; |
18. |
iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jappoġġjaw, pereżempju f’kooperazzjoni mal-assoċjazzjonijiet nazzjonali tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, l-istabbiliment ta’ rabtiet bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali tagħhom biex isaħħu l-ġestjoni tal-bijodiversità u biex jistabbilixxu jew jappoġġjaw finanzjarjament skemi nazzjonali ta’ premji/rikonoxximent li jippromovu azzjonijiet favur il-bijodiversità li jittieħdu mill-awtoritajiet lokali u reġjonali; |
19. |
iħeġġeġ lill-awtoritajiet lokali u reġjonali jadottaw approċċ komprensiv lejn il-bijodiversità fid-dipartimenti amministrattivi tagħhom u jibnu l-kapaċità fi ħdan l-amministrazzjonijiet tagħhom, filwaqt li jagħmlu l-aħjar użu mill-proġetti ta’ bini ta’ kapaċità amministrattiva, il-pakketti ta’ taħriġ jew ta’ konsulenza provduti għall-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-livell nazzjonali, Ewropew jew internazzjonali; iħeġġeġ ukoll lill-awtoritajiet lokali u reġjonali jsaħħu l-kollaborazzjoni tagħhom fir-rigward tal-bijodiversità fl-assoċjazzjonijiet, in-netwerks jew il-pjattaformi tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-livell nazzjonali, tal-UE u internazzjonali bħala mezz importanti biex jiġu indirizzati l-isfidi komuni u jiġu provduti pariri ta’ politika konġunta lill-Istati Membri, l-UE u lis-CBD; |
20. |
jappella lill-Istati Membri biex itejbu l-koordinazzjoni mal-awtoritajiet lokali u reġjonali tagħhom meta jħejju pożizzjonijiet nazzjonali u segwiti fir-rigward tal-Qafas Komuni ta’ Implimentazzjoni tal-Istrateġija għall-Bijodiversità tal-UE jew fil-kuntest tal-attivitajiet nazzjonali relatati mas-CBD (rappurtar); |
21. |
jitlob lill-Istati Membri biex, fi qbil mal-awtoritajiet lokali u reġjonali, jistabbilixxu indikaturi kompatibbli biex il-kundizzjonijiet u l-iżviluppi fl-oqsma ta’ azzjoni tal-istrateġiji tal-bijodiversità jkunu komparabbli f’livelli differenti; |
Tisħiħ tal-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni tal-UE dwar in-Natura
22. |
jisħaq fuq il-ħtieġa li l-Istati Membri u l-awtoritajiet reġjonali u lokali jikkooperaw b’mod effikaċi u malajr biex jiffinalizzaw l-istabbiliment tal-pjani ta’ ġestjoni ta’ Natura 2000 jew strumenti ekwivalenti li jistabbilixxu l-miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ restorazzjoni meħtieġa biex tintlaħaq il-mira 1 tal-Istrateġija tal-Bijodiversità tal-UE; |
Iż-żamma u r-riabilitazzjoni tal-ekosistemi u tas-servizzi tagħhom
23. |
jistenna li tittieħed azzjoni kollettiva mill-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali u reġjonali biex tintlaħaq it-tieni mira tal-Istrateġija tal-Bijodiversità tal-UE għall-2020, li għandha l-għan li tirrestawra tal-anqas 15 % tal-ekosistemi degradati sal-2020; kif ukoll li ttemm it-telf tal-bijodiversità u d-degradazzjoni tal-ekosistemi u tirrestawrahom fit-territorju Ewropew kollu, u mhux biss fis-siti tan-Natura 2000; |
24. |
itenni l-appell tiegħu (11) biex l-awtoritajiet lokali u reġjonali japplikaw il-prinċipju ta’ “l-ebda telf nett tal-bijodiversità u s-servizzi tal-ekosistemi” għall-ippjanar urban u reġjonali, l-awtorizzazzjoni tal-infrastruttura tad-djar, l-industrija, l-agrikoltura, is-sajd, il-forestrija, ir-rikreazzjoni, it-turiżmu, l-enerġija jew it-trasport u l-għajnuna finanzjarja, billi jiżguraw miżuri ta’ kumpens/ibbilanċjar għal kwalunkwe impatt negattiv li fadal fuq is-servizzi ta’ bijodiversità u tal-ekosistemi; |
25. |
ifakkar li l-prevenzjoni tad-degradazzjoni tal-ekosistemi u l-irkupru tal-funzjonalitajiet tal-ekosistemi degradati għandhom jingħataw preferenza assoluta, għaliex il-miżuri għall-ġestjoni tal-konsegwenzi tal-iżbilanċi ekoloġiċi li jirriżultaw mill-attività tal-bniedem huma dejjem aktar għaljin, twal u fuq kollox mingħajr ċertezza rigward ir-riżultati tagħhom; |
26. |
jenfasizza l-importanza ta’ studji TEEB (L-Ekonomija tal-Ekosistemi u l-Bijodiversità) nazzjonali, reġjonali u lokali dwar il-valur ta’ servizzi tal-ekosistemi u l-ħtieġa biex dan l-approċċ jiġi applikat għal proġetti lokali sabiex jintwerew il-benefiċċji soċjoekonomiċi, pereżempju ta’ żoni protetti fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali; jenfasizza wkoll il-ħtieġa li jiġi inkorporat il-valur tal-kapital naturali fil-prattiki ta’ pjanar, kontabbiltà/rappurtar u baġitjar nazzjonali, reġjonali u lokali b’appoġġ għall-Azzjoni 5 tal-Istrateġija tal-UE dwar il-Bijodiversità; |
27. |
iqis li għalkemm l-evalwazzjoni ekonomika tas-servizzi tal-ekosistemi tista’ tgħin sabiex tittieħed deċiżjoni bejn għanijiet konfliġġenti fil-kuntest ta’ ċerti studji tal-ispejjeż-benefiċċji, din l-evalwazzjoni tinvolvi diffikultajiet metodoloġiċi u etiċi. Għaldaqstant, il-KtR jappoġġja modi alternattivi u flessibbli biex jiġu evalwati l-ispejjeż tat-telf tal-bijodiversità, inklużi dawk imsemmija fl-Opinjoni tiegħu, CDR4577-2013_00_00_TRA_AC; |
28. |
jara li hemm ħtieġa biex jingħata appoġġ għall-isforzi tal-awtoritajiet lokali u reġjonali biex itejbu l-qagħda tal-għarfien dwar il-bijodiversità, l-ekosistemi u s-servizzi tagħhom u l-immappjar tal-GIS, bl-użu ta’ skali li huma adatti għall-ippjanar lokali/reġjonali u l-monitoraġġ tal-istatus ta’ ekosistema, filwaqt li jitqiesu dawn il-ħtiġijiet fil-MAES (Mappjar u Evalwazzjoni tal-Ekosistemi u s-Servizzi tagħhom fl-Ewropa); iqis ukoll li hemm bżonn li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jiġu appoġġjati fil-ġestjoni tad-data dwar l-ispazju ambjentali b’mod li jikkonforma mal-INSPIRE sabiex jiġi ffaċilitat l-iskambju tad-data kif ukoll sabiex l-infrastrutturi ekoloġiċi jiġu konnessi b’mod transkonfinali; |
29. |
jindika l-ħtieġa li jitniedu portali għal informazzjoni onlajn u aġġornata dwar il-bijodiversità biex iservu bħala punt ta’ riferiment ewlieni għall-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-pubbliku interessat, b’reviżjoni u manutenzjoni regolari u jilqa’ b’sodisfazzjon it-twaqqif tal-Atlas Diġitali MAES madwar l-UE kollha. |
30. |
jirrimarka li l-urbanizzazzjoni hija sfida kif ukoll opportunità biex jinżammu u jiġu ġestiti s-servizzi tal-ekosistemi. Huwa ċar li jinħtieġ jiġu kkunsidrati r-relazzjonijiet interkonnessi tal-forzi u l-impatti kif ukoll il-flussi li jidħlu u li joħorġu li jorbtu lill-bliet mal-ekosistemi ġewwa u barra mit-territorju tagħhom. Ir-reġjuni urbani għandhom jiġu mħeġġa u appoġġjati biex jieħdu iktar responsabbiltà ħalli jippromovu u jiżviluppaw metodi sabiex jiġu integrati l-ambjent naturali u l-ħtiġijiet umani kif ukoll il-benesseri tal-bniedem. Għandha tiġi enfasizzata wkoll l-importanza tal-pajsaġġ bħala espressjoni tar-relazzjoni tal-bniedem mal-ambjent u r-responsabbiltà tiegħu li jieħu ħsieb il-pajsaġġ, liema aġir ikollu impatt importanti fuq il-bijodiversità. Huwa importanti wkoll li tissemma l-Konvenzjoni Ewropea tal-2000 dwar il-Pajsaġġ u tiġi enfasizzata l-opportunità li jsir tiftix ta’ sinerġiji mal-Istrateġija għall-Bijodiversità; |
31. |
jiġbed l-attenzjoni għall-perspettiva ekonomika tal-iżvilupp ta’ servizzi tal-ekosistema – l-għajxien fil-limiti ta’ ekosistemi f’saħħithom u l-infurzar tal-valur tagħhom naturalment se jappoġġa l-aspetti l-iżjed importanti ta’ ekonomija ekoloġika: progress ekonomiku sostenibbli; tnaqqis tat-tniġġis u effiċjenza fl-użu tar-riżorsi. Sabiex wieħed jisfrutta l-benefiċċji tal-ġestjoni ta’ ekosistema ta’/minn ekonomija ekoloġika, il-proċessi tagħha jridu jagħmlu parti integrali mill-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet fil-livelli kollha ta’ governanza (i.e. lokali, reġjonali, nazzjonali u globali) biex tiġi appoġġata r-razzjonalizzazzjoni tal-użu ta’ riżorsi; |
32. |
jenfasizza l-potenzjal tal-infrastruttura ekoloġika bħala għodda territorjali integrata u multifunzjonali għat-twettiq tal-prinċipji tal-governanza f’diversi livelli fil-ġestjoni u l-protezzjoni tal-bijodiversità, u għat-titjib tas-servizzi tal-ekosistema fir-reġjuni, b’kontribut għall-Aġenda territorjali tal-istrateġija Ewropa 2020 għar-raffurzar tal-koeżjoni u tal-identità territorjali; |
Implimentazzjoni tal-infrastruttura ekoloġika
33. |
itenni l-appell tiegħu (12) biex l-awtoritajiet lokali u reġjonali jimplimentaw, iżommu u jimmonitorjaw infrastruttura ekoloġika rurali u urbana, b’mod partikolari permezz tar-responsabbiltajiet tagħhom territorjali u ta’ ppjanar urban u ta’ ppjanar spazjali, ir-regolamenti dwar l-użu tal-art, il-proċeduri tal-awtorizzazzjoni tal-ippjanar, l-istandards, ir-regolamenti u l-kodiċi tal-bini; |
34. |
jappella lill-Istati Membri biex jappoġġaw inizjattivi lokali u reġjonali ta’ ġestjoni u ppjanar tal-infrastruttura ekoloġika billi jipprovdulhom ir-riżorsi, il-pariri u d-direzzjoni neċessarji, inkluża d-desinjazzjoni ta’ netwerks nazzjonali ta’ infrastruttura ekoloġika, u dispożizzjonijiet fil-liġijiet/politika nazzjonali ta’ ppjanar spazjali għall-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jiġi kkunsidrat il-forniment ta’ infrastruttura ekoloġika fis-sistema ta’ ppjanar spazjali, urban u territorjali tagħhom; |
35. |
jisħaq li għal implimentazzjoni effikaċi tal-GI hemm bżonn li l-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali u reġjonali jżommu u jiżviluppaw l-iskemi ta’ kooperazzjoni għall-awtoritajiet lokali u reġjonali attwali u jistabbilixxu oħrajn ġodda għall-kooperazzjoni transkonfinali fil-livell makroreġjonali u dak pan Ewropew, u għall-kooperazzjoni għall-iżvilupp deċentralizzata biex jissaħħu u jiġu sfruttati l-isforzi konġunti ta’ ħarsien integrat tal-bijodiversità u ta’ ġestjoni; |
Involviment tal-pubbliku inġenerali, il-partijiet interessati u l-imsieħba
36. |
jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li komunitajiet lokali ta’ sikwit għandhom għarfien imsejjes fuq esperjenza tradizzjonali jew personali fir-rigward tal-kapaċità tar-riżorsi naturali biex jipprovdu għall-komunitajiet u l-mezz ta’ għajxien tagħhom. Din il-kapaċità tista’ tiffaċilita ż-żamma u r-restawr ta’ servizzi tal-ekosistemi jekk jiġu appoġġjati b’mod adegwat u integrati b’mod effettiv fit-tfassil u l-ippjanar ta’ politika tal-bijodiversità; iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżviluppaw inizjattivi nazzjonali bil-għan li jappoġġjaw is-sħubijiet awtonomi tal-komunità lokali li jikkontribwixxu għall-ksib tal-objettivi nazzjonali dwar il-bijodiversità; |
37. |
jenfasizza r-rwol sinifikanti tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-komunikazzjoni, l-edukazzjoni u s-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku (attivitajiet CEPA (communicating, educating and raising public awarness)). Il-pubbliku inġenerali huwa relattivament mhux familjari mal-objettivi tal-politika tal-bijodiversità. Madankollu, huwa essenzjali għaċ-ċittadini u l-gruppi usa’ tal-partijiet interessati biex ikunu konxji ta’ dak kollu li jista’ jiġi ggwadanjat jew mitluf f’dan ir-rigward. Il-KtR iqis il-promozzjoni tax-xjenza taċ-ċittadini bħala metodu importanti għall-involviment u l-edukazzjoni tan-nies u l-użu tal-għarfien lokali b’mod effettiv; iħeġġeġ ukoll lill-Istati Membri jgħinu lill-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-attivitajiet CEPA tagħhom pereżempju permezz ta’ mekkaniżmu ta’ koordinament nazzjonali adatt; |
38. |
jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jkomplu jżidu l-isforzi tagħhom biex ikabbru s-sensibbiltà tal-partijiet interessati u tal-pubbliku dwar l-għanijiet tal-bijodiversità u, biex jagħmlu dan, jimplimentaw jew jippromovu programmi ta’ sensibilizzazzjoni mmirati; |
39. |
iħeġġeġ lill-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jappoġġaw u jifformalizzaw sħubijiet ġodda bejn diversi partijiet interessati u kumpaniji privati, is-soċjetà ċivili, inklużi l-NGOs ambjentali, u l-komunità tar-riċerka; u biex joħolqu kooperazzjoni lokali/reġjonali ma’ dawn l-imsieħba bil-għan li jsir użu effiċjenti mill-fondi nazzjonali jew Ewropej (pereżempju Orizzont 2020); iħeġġiġhom ukoll jippromovu l-impenji volontarji tas-setturi ewlenin bħall-assoċjazzjonijiet jew il-kumpaniji fil-qasam tal-agrikoltura, it-turiżmu u l-isports fuq barra; |
40. |
jenfasizza l-ħtieġa biex il-livelli kollha ta’ gvern ikkonċernati jiżguraw parteċipazzjoni ta’ suċċess u komprensiva tal-partijiet interessati fil-proċessi ta’ ppjanar u ta’ implimentazzjoni tal-politika tal-bijodiversità peress li aktarx dan se jwassal għal riżultati soċjali tajbin, bħal fehim komuni aħjar tal-valuri tal-partijiet interessati, iktar fiduċja u tagħlim; dan jinkludi wkoll proċeduri parteċipattivi effettivi, pereżempju fl-identifikazzjoni ta’ żoni ta’ konservazzjoni tan-natura; |
Il-ġlieda kontra speċijiet eżotiċi invażivi
41. |
qed jistenna Regolament futur tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-introduzzjoni u t-tixrid ta’ speċijiet eżotiċi invażivi (13) biex l-awtoritajiet lokali u reġjonali jingħataw l-għajnuna biex jindirizzaw dan il-periklu serju għall-bijodiversità lokali, is-servizzi tal-ekosistemi kif ukoll is-saħħa tal-bniedem u l-ekonomiji. Fil-kuntest ta’ qafas legali tal-UE dwar speċijiet eżotiċi invażivi, u b’konformità mal-leġislazzjoni u l-programmi nazzjonali u l-inizjattivi transkonfinali, l-awtoritajiet lokali u reġjonali huma fil-qagħda adatta biex jieħdu azzjoni effettiva biex jimmonitorjaw, jevitaw, jeradikaw, jillimitaw u jikkontrollaw dawn l-ispeċijiet u biex jipprovdu appoġġ u għarfien lokali biex jinstab il-bilanċ neċessarju bejn l-interessi soċjoekonomiċi u ambjentali kkonċernati u biex jitjieb il-fehim pubbliku tal-problema; |
L-integrazzjoni u l-finanzjament tal-bijodiversità
42. |
jinnota li l-bijodiversità hija kwistjoni intersettorjali. Għall-implimentazzjoni effettiva tal-politika, il-ħarsien tal-bijodiversità għandu jiġi integrat fl-aġenda ta’ diversi setturi ta’ governanza nazzjonali, reġjonali u lokali (ippjanar spazjali u ppjanar urban, pajsaġġ, agrikoltura, forestrija, sajd, enerġija, tibdil fil-klima, saħħa, trasportazzjoni, djar, użu tal-art, eċċ.) b’konformità mas-suġġerimenti tal-Istrateġija tal-Bijodiversità tal-UE sal-2020 u l-objettivi tas-CBD ta’ Aichi; |
43. |
jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa speċjali biex l-awtoritajiet fil-livelli kollha ta’ governanza jirrikonoxxu u jindirizzaw il-kwistjoni tal-bijodiversità agrikola minħabba l-potenzjal ta’ bijodiversità sinifikanti tal-ispeċijiet, ir-razez/varjetajiet u r-riżorsi ġenetiċi ta’ interess agrikolu u l-agroekosistema inġenerali; |
44. |
jappella lill-awtoritajiet lokali u reġjonali u lill-Istati Membri, kif inhu mitlub mill-Istrateġija tal-Bijodiversità tal-UE, biex jimmiraw aħjar il-finanzjament mill-FAEŻR għall-ħarsien tal-bijodiversità, inkluż l-integrazzjoni ta’ objettivi kwantifikati tal-bijodiversità fil-programmi reġjonali tal-iżvilupp rurali u l-lokalizzazzjoni koerenti u l-allokazzjoni baġitarji ta’ miżuri agroambjentali. Għal dan il-għan ikun partikolarment utli li jiġu promossi Inizjattivi ta’ Żvilupp Lokali Mmexxija mill-Komunità relatati mal-bijodiversità (pereżempju bdiewa u forestiera sabiex jirnexxielhom joħolqu kontinwità fl-elementi tal-pajsaġġ, il-ħarsien ta’ riżorsi ġenetiċi); |
45. |
iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet lokali u reġjonali jiżguraw li jsir użu ottimu mill-opportunitajiet finanzjarji offruti mill-FEŻR, peress li għall-ewwel darba l-bijodiversità u l-ekosistemi ġew inklużi fl-objettivi u b’hekk jipprovdu sorsi addizzjonali ta’ finanzjament għat-tnedija ta’ infrastruttura ekoloġika; |
46. |
jenfasizza l-importanza tal-Programm LIFE għall-proġetti ta’ infrastruttura ekoloġika u tal-bijodiversità tal-awtoritajiet lokali u reġjonali u jħeġġeġ lill-punti ta’ kuntatt nazzjonali tal-LIFE jikkooperaw mill-qrib mal-awtoritajiet lokali u reġjonali u mal-punti ta’ kuntatt reġjonali tal-LIFE fit-tħejjija tal-applikazzjonijiet tal-LIFE; jixtieq ukoll li jara kategorija ġdida ta’ finanzjament tal-proġetti integrati tal-LIFE sabiex jissaħħaħ l-appoġġ għall-proġetti fuq skala reġjonali u jiġi mobilizzat l-appoġġ minn fondi oħra tal-UE, nazzjonali u privati; (14) |
47. |
iħeġġeġ lill-awtoritajiet lokali u reġjonali, bl-appoġġ mill-Istati Membri tagħhom, biex jesploraw modi innovattivi ta’ finanzjament, inkluż, pereżempju, fondazzjonijiet privati/kummerċjali jew fondazzjonijiet taħt il-liġi pubblika, il-lotteriji reġjonali/nazzjonali, is-sħubijiet pubbliċi/privati, proġetti ta’ restawr tal-foresti/torbieri u bjar tal-karbonju, inċentivi tat-taxxa, pagamenti għal servizzi tal-ekosistema (PES), tikkettar/ċertifikazzjoni volontarji; jew sħubijiet intraprenditorjali lokali; id-dħul mill-ħruġ ta’ permessi marbutin mal-ġestjoni tat-territorju u l-kostruzzjoni għandu jiġi allokat b’mod dirett għal inizjattivi fil-livell lokali u reġjonali relatati mal-bijodiversità; |
48. |
jinkoraġixxi l-awtoritajiet lokali biex jaħdmu b’mod effikaċi f’kull livell ta’ finanzjament bil-għan li jwaqqfu s-sussidji u l-mekkaniżmi fiskali li jagħmlu ħsara lill-bijodiversità; |
49. |
jenfasizza l-importanza ta’ proġetti tal-UE nazzjonali kofinanzjati li jgħinu lill-awtoritajiet lokali u reġjonali japplikaw għal proġetti tal-UE relatati mal-bijodiversità kofinanzjati sabiex itejbu l-kapaċità tagħhom biex jisfruttaw l-opportunitajiet biex jiffinanzjaw soluzzjonijiet għall-bijodiversità u l-infrastruttura ekoloġika adattati għall-post taħt il-programmi operattivi tal-fondi tal-UE, u li jinvestu fil-bini tal-kapaċità transsettorjali meħtieġa, il-kofinanzjament u n-netwerking; jirrikonoxxi wkoll l-importanza tal-programmi nazzjonali ta’ finanzjament li jiffinanzjaw l-azzjonijiet (pilota) tal-awtoritajiet lokali u reġjonali li jikkonktribwixxu għall-objettivi nazzjonali dwar il-bijodiversità; |
C. |
Elementi għall-konsiderazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea fir-reviżjoni ta’ nofs it-term tagħha tal-Istrateġija għall-Bijodiversità tal-UE sal-2020 |
50. |
jemmen li r-reviżjoni ta’ nofs it-term tal-Kummissjoni Ewropea għandha tqis kull bidla li saret bejn it-tnedija tal-istrateġija fl-2011 u r-reviżjoni ta’ nofs it-term fl-2015, b’mod partikolari l-qafas finanzjarju l-ġdid u l-fondi tal-UE bejn l-2014-2020 u ħafna mill-azzjonijiet tal-istrateġija, li għandhom jiġu implimentati qabel ir-reviżjoni ta’ nofs it-term. F’dan ir-rigward, il-KtR jappoġġa bil-qawwa l-fehma tal-Kunsill li l-Kummissjoni Ewropea għandha tirrakkomanda azzjonijiet ulterjuri (15), u b’hekk jikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-effettività tat-tieni stadju tal-implimentazzjoni tal-istrateġija, sabiex jiġi żgurat li l-mira ewlenija tal-istrateġija tintlaħaq sal-2020; |
51. |
jaqbel mal-Parlament Ewropew li eżami kruċjali tal-impenn tal-UE għat-tilħiq tal-miri tal-bijodiversità se tkun l-implimentazzjoni finali tal-fondi tal-UE ġodda għall-perjodu 2014-2020 f’dan il-qasam. Il-livell inadegwat ta’ integrazzjoni tal-protezzjoni tal-bijodiversità f’politiki oħra tal-UE wassal biex l-ewwel strateġija tal-UE falliet fl-2010 (16). Hija meħtieġa metodoloġija għat-traċċar tal-infiq relatat mal-bijodiversità madwar il-baġit tal-UE, simili għal dik li qed tiġi żviluppata għall-infiq relatat mal-klima; |
52. |
jenfasizza l-importanza tal-ekoloġizzazzjoni bħala pilastru ċentrali tal-Politika Agrikola Komuni (PAK) sabiex jinkisbu l-miri tal-bijodiversità. Huwa essenzjali li r-reviżjoni ta’ nofs it-term tal-PAK tieħu passi iżjed ċari f’din id-direzzjoni sabiex tiżgura li l-ekoloġizzazzjoni twassal għal titjib ambjentali ġenwin, inkluża l-bijodiversità fiż-żoni rurali madwar l-Ewropa kollha; |
53. |
jemmen fil-potenzjal kbir tal-infrastruttura ekoloġika bħala għodda biex jitwaqqaf it-telf tal-bijodiversità u tiġi evitata l-frammentazzjoni tal-ħabitat, u għaldaqstant jistenna li r-reviżjoni tal-istrateġija tindika elementi ewlenin għal konsiderazzjoni fir-rapport ta’ progress tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-infrastruttura ekoloġika, li huwa mistenni lejn l-aħħar tal-2017, u b’mod partikolari li jipprevedi fl-2018 proposta għal leġislazzjoni tal-UE dwar it-TEN-G, Infrastruttura Ekoloġika Trans-Ewropea (bħala parti mill-baġit tal-UE wara l-2020), u jtenni r-rakkomandazzjonijiet preċedenti tiegħu f’dan ir-rigward; |
54. |
jirreferi għat-talba tiegħu (17) lill-Kummissjoni biex l-għan li jkun evitat kwalunkwe telf tal-bijodiversità u tas-servizzi tal-ekosistemi jiddaħħal fil-leġislazzjoni Ewropea, b’kunsiderazzjoni tal-ħidma tal-Kummissjoni Ewropea marbuta mal-azzjoni 7b tal-istrateġija tal-UE favur il-bijodiversità fil-programm Orrizont 2020; |
55. |
jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex twaqqaf skema ta’ impenn/premju tal-UE għal kisbiet tal-bliet u reġjuni fil-qasam tal-bijodiversità u pjattaforma għal skambju, sabiex l-awtoritajiet lokali u reġjonali Ewropej jiġu rikonoxxuti għall-kontribut ta’ suċċess u importanti tagħhom biex l-Istrateġija għall-Bijodiversità tal-UE tilħaq l-għanijiet tagħha; F’dan ir-rigward, il-KtR jirrikonoxxi l-Premju Natura 2000 ġdid, iżda dan huwa immirat lejn firxa wiesgħa ta’ partijiet interessati; |
56. |
jitlob li fil-BISE (Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Bijodiversità) tiżdied id-disponibbiltà ta’ data aktar lokalizzata u ta’ riżoluzzjoni għolja tas-servizzi tal-ekosistemi u ta’ data oħra ta’ monitoraġġ billi tiġi inkluża wkoll data miġbura mill-osservatorji reġjonali tal-bijodiversità u d-data aggregata bbażata fil-bliet (bħall-valutazzjonijiet tal-bliet tal-UE ibbażati fuq pereżempju l-Indiċi tal-Bijodiversità fil-Bliet/l-Indiċi ta’ Singapore) sabiex jiġu promossi l-iskambju tad-data u l-informazzjoni bejn il-bliet u r-reġjuni u konsulenza aktar divrenzjata mil-lat reġjonali fil-politika tal-UE u sabiex jiġi ffaċilitat ir-rappurtar dwar titjib fil-livell reġjonali/lokali madwar l-Ewropa; |
57. |
jirrimarka dwar il-ħtieġa li jikomplew b’mod effettiv id-djalogu u l-kooperazzjoni tal-UE ma’ msieħba ewlenin fil-pajjiżi kandidati u dawk li potenzjalment huma kandidati sabiex jingħataw l-għajnuna biex jiżviluppaw u jaġġustaw il-politiki tagħhom biex jilħqu l-miri tal-bijodiversità tal-2020. L-awtoritajiet lokali u reġjonali tal-UE jistgħu jagħtu l-appoġġ li l-awtoritajiet lokali u reġjonali mhux fl-UE jeħtieġu sabiex ikunu jistgħu jikkontribwixxu ħalli jintlaħqu l-miri tal-bijodiversità Ewropej u globali, billi jaqsmu l-għarfien u l-aħjar prattiki tagħhom kif ukoll permezz tal-Kumitati Konsultattivi Konġunti, il-Gruppi ta’ Ħidma rilevanti tal-KtR, l-ARLEM u l-CORLEAP; f’dan ir-rigward; il-KtR jappella lill-Kummissjoni Ewropea biex tippromovi kooperazzjoni tal-iżvilupp deċentralizzata bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali tal-UE u l-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw fi ħdan il-faċilità li għadha kemm inħolqot EU Biodiversity for Life (B4Life); |
58. |
jitlob li l-Istrateġija tal-UE tirrikonoxxi u tiżgura aktar appoġġ għall-impenn tal-awtoritajiet lokali bħala msieħba ewlenin fl-inizjattiva BEST, li tippromovi l-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tal-bijodiversità unika fir-Reġuni Ultraperiferiċi tal-UE u l-Pajjiżi u t-Territorji extra-Ewropej; |
D. |
Elementi għal konsiderazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea fir-rappurtar futur tagħha lis-CBD dwar id-Deċiżjoni X/22 tas-CBD |
59. |
jappella lill-Kummissjoni Ewropea biex tenfasizza l-fatt li tagħti importanza kbira lid-Deċiżjoni X/22 tas-CBD u l-implimentazzjoni tagħha fl-Ewropa; |
60. |
jappella lill-Kummissjoni Ewropea biex tirrimarka li ntlaħaq kunsens fl-UE li hemm bżonn kbir biex l-istituzzjonijiet tal-UE, l-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali u reġjonali jimplimentaw approċċ f’diversi livelli, kooperattiv u integrat lejn it-tilħiq tal-Objettivi tal-Bijodiversità ta’ Aichi u l-miri relatati tal-Istrateġija għall-Bijodiversità tal-UE. Għalkemm diġà sar progress sostanzjali biex dan jintlaħaq, u jeżistu diversi prattiki tajba f’diversi Stati Membri, jinħass li dan il-proċess ta’ kooperazzjoni u governanza f’diversi livelli għadu ma ġiex stabbilit b’mod adegwat madwar l-UE u għalhekk irid jitjieb iżjed; |
61. |
jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex tirrikonoxxi fir-rappurtar tagħha l-involviment attiv ta’ diversi awtoritajiet lokali u reġjonali tal-UE f’attivitajiet u netwerks tal-bijodiversità globali, inklużi l-kumitati konsultattivi stabbiliti taħt id-Deċiżjoni X/22 tas-CBD; bħall-Kumitat Konsultattiv dwar il-Gvernijiet Sottonazzjonali u l-Kumitat Konsultattiv dwar il-Bliet fis-Sħubija Dinjija favur l-azzjoni lokali u sottonazzjonali għall-bijodiversità; |
62. |
jirrikonoxxi l-kontribut tal-Kummissjoni Ewropea għad-Deċiżjoni X/22 tas-CBD, permezz ta’ din l-Opinjoni ta’ prospettiva u kooperazzjoni fuq l-istudju relatat tal-KtR, u l-parteċipazzjoni tal-KtR fil-Qafas Komuni ta’ Implimentazzjoni tal-istrateġija tal-UE, barra mill-appoġġ permezz tal-programmi LIFE u INTERREG, għall-bini tal-kapaċità u l-qsim tal-aħjar prattika, u opportunitajiet ġodda fil-Proċess Bijoġeografiku ġdid u l-Pjattaforma ta’ Natura 2000; |
63. |
iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea biex tinkludi r-rwol speċifiku tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-azzjoni esterna tal-UE fir-rappurtar tagħha lis-CBD dwar id-Deċiżjoni X/22 bħala waħda mill-azzjonijiet ewlenin li l-KE/UE beħsiebha tenfasizza aktar fil-ġejjieni, bil-għan li tesplora – b’kooperazzjoni mal-KtR – mezzi addizzjonali kif tappoġġa kooperazzjoni deċentralizzata bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali Ewropej u dawk fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw jew fil-pajjiżi tal-viċinat tal-UE fir-rigward tal-ġestjoni sostenibbli tal-bijodiversità u l-ekosistema, b’rabta mal-azzjoni (g) tad-Deċiżjoni X/22 tas-CBD. |
Brussell, 26 ta’ Ġunju 2014
Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni
Michel LEBRUN
(1) COM(2011) 244 final.
(2) Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Ambjent tal-21 ta’ Ġunju u tad-19 ta’ Diċembru 2011.
(3) http://www.cbd.int/decision/cop/default.shtml?id=12268.
(4) L-Opinjoni tuża t-terminu “awtoritajiet lokali u reġjonali”, kif inhu użat fil-kuntest tal-UE. Fil-kuntest tan-NU u s-CBD, fejn ir-reġjuni huma mifhuma bħala reġjuni sopranazzjonali/dinjija, dan ifisser “awtoritajiet lokali u gvernijiet sottonazzjonali”.
(5) CDR273-2011_FIN_AC, COR 2014-01728-00-00-RES-TRA.
(6) http://www.cbd.int/decision/cop/default.shtml?id=12288.
(7) http://www.cbd.int/decision/cop/default.shtml?id=13169.
(8) CdR 112/2010 fin
(9) Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Ambjent, http://www.consilium.europa.eu/uedocs/cms_Data/docs/pressdata/en/envir/143185.pdf
(10) Studju li twettaq minn Ecologic/ICLEI f’Ġunju 2014, http://cor.europa.eu/en/documentation/studies/Pages/studies-2014.aspx
(11) CDR4577-2013_00_00_TRA_AC.
(12) CDR4577-2013_00_00_TRA_AC.
(13) Proposta tal-Kummissjoni Ewropea COM(2013) 620 final.
(14) CdR 86/2012 fin
(15) Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Ambjent tad-19 ta’ Diċembru 2011.
(16) Riżoluzzjoni tal-PE (2011/2307(INI)).
(17) CDR4577-2013_00_00_TRA_AC