Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013IR5293

    Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni – Għajnuna mill-Istat għas-Sajd u l-Akkwakultura

    ĠU C 114, 15.4.2014, p. 33–36 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    15.4.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 114/33


    Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni – Għajnuna mill-Istat għas-Sajd u l-Akkwakultura

    2014/C 114/07

    I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

    IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

    1.

    jilqa' b'sodisfazzjon ir-reviżjoni tar-regoli dwar l-Għajnuna mill-Istat għas-Sajd u l-Akkwakultura, u l-konsultazzjoni pubblika riċenti li wettqet il-Kummissjoni Ewropea bħala parti minn din ir-reviżjoni;

    2.

    jenfasizza l-importanza li din ir-reviżjoni titqies fil-kuntest ta' (i) ir-riforma tal-Politika Komuni tas-Sajd (PKS), (ii) in-negozjati dwar il-Fond Ewropew Marittimu u tas-Sajd (FEMS), il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (ESIF) oħra, u programmi ta' finanzjament tal-UE oħrajn rilevanti għas-settur tas-sajd u tal-akkwakultura, u (iii) il-Modernizzazzjoni usa' tal-aġenda tal-Għajnuna mill-Istat immexxija mid-DĠ Kompetizzjoni;

    3.

    jesprimi appoġġ qawwi għall-għanijiet globali tar-riforma tal-PKS biex timxi lejn sajd sostenibbli, u jilqa' b'sodisfazzjon il-ftehim politiku li ntlaħaq dwar dan taħt il-Presidenza Irlandiża tal-Kunsill tal-UE;

    4.

    itenni li r-riforma tar-regolamenti dwar l-Għajnuna mill-Istat dwar is-sajd u l-akkwakultura trid tiġi applikata abbażi tal-appoġġ u l-faċilitar tal-implimentazzjoni tar-riforma tal-PKS bħala prinċipju fundamentali bażiku; b'mod simili, in-negozjati dwar l-ESIF iridu jiżguraw li dan il-fond jintuża biex jiġu rispettati l-objettivi tal-PKS;

    5.

    jenfasizza li s-sostenibbilità tas-settur tas-sajd tfisser il-vijabilità u d-durabilità fit-tul tal-istokkijiet tas-sajd fl-ilmijiet tal-UE, u l-futur soċjoekonomiku tal-komunitajiet tas-sajd madwar l-UE, u li jrid jinsab bilanċ bejn l-iżvilupp taż-żewġ aspetti;

    6.

    jiġbed l-attenzjoni għall-paradoss li qed tiffaċċja l-UE, fejn fuq naħa hemm dipendenza għolja fuq l-importazzjoni ta' prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura (madwar 60 % tal-konsum totali) sabiex jintlaqgħu d-domanda u l-aspirazzjonijiet tal-konsumaturi fl-UE, u min-naħa l-oħra ħtieġa essenzjali biex jerġa' jinkiseb u jiġi rispettat ir-rendiment massimu sostenibbli tal-istokkijiet tas-sajd tal-UE sabiex tiġi żgurata disponibilità għal ġenerazzjonijiet futuri; f'dan ir-rigward huwa mfakkar kif l-attivitajiet tal-akkwakultura jikkontribwixxu għall-provvista ta' prodott ekwivalenti għal dak tas-sajd tal-baħar, għalkemm b'mod sostenibbli u mingħajr ma tkun kompromessa l-konservazzjoni tal-istokkijiet tal-ħut; minbarra dan, l-akkwakultura tipprovdi livelli għolja ta' impjiegi li għandhom funzjoni ta' xibka ta' sikurezza soċjali reali fi żminijiet ta' kriżi;

    7.

    jenfasizza l-importanza ta' għajnuna mmirata b'mod effiċjenti għall-flotot ta' skala żgħira li jirrappreżentaw il-maġġoranza tal-flotta totali tal-UE f'termini ta' għadd ta' bastimenti u dawn għandhom jirċievu sehem tal-PKS u tal-FEMS li jirrifletti l-valur numeriku tagħhom, sakemm ikunu qed joperaw abbażi ta' prattiki ta' sajd sostenibbli;

    8.

    jenfasizza li użu iktar sostenibbli tas-sussidji pubbliċi fis-settur tas-sajd jeħtieġ rieda politika u azzjoni qawwija fil-livelli kollha ta' governanza fi ħdan l-UE, kif kien evidenti mill-falliment tar-riformi tal-PKS fl-2002 biex iwettqu l-objettivi ambjentali, soċjali u ekonomiċi ddikjarati, b'22 % biss ta' stokkijiet ta' ħut fil-livell ta' Rendiment Massimu Sostenibbli, 35 % sfruttati b'mod eċċessiv u 43 % barra mil-limiti bijoloġiċi sikuri (sors: studju tal-IEEP għall-Parlament Ewropew, 2011);

    9.

    jinnota r-Rapport Nru 12/2011 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri, u jiddikjara li kapaċità żejda tal-flotta tas-sajd tkompli tkun waħda mir-raġunijiet ewlenin għall-falliment tal-PKS fl-iżgurar ta' attività tas-sajd sostenibbli;

    10.

    jirrikonoxxi li t-tilħiq ta' dan il-għan ta' sostenibbilità jesiġi bidliet strutturali u diversifikazzjoni fi ħdan is-settur tas-sajd, u jenfasizza li regoli u miżuri tal-Għajnuna mill-Istat iridu jiffaċilitaw dawn il-bidliet, b'enfasi partikolari fuq l-appoġġ tal-iżvilupp tal-ekonomija fuq l-art (l-industrija tal-ipproċessar, akkwakultura sostenibbli, swieq tal-ħut lokali, prodotti ġodda, katini tal-provvista lokali, eċċ.), it-tipi ta' sajd ġodda u sostenibbli fl-ibħra u l-oċeani Ewropej, b'enfasi partikolari fuq ir-rwol ta' flotot tas-sajd kostali fuq skala żgħira u tas-sajd artiġjanali, iżda fl-istess ħin għandha tingħata attenzjoni speċjali wkoll lit-titjib tas-selettività, l-użu effiċjenti tal-enerġija, eċċ., fis-segmenti l-oħra tal-flotta li jikkontribwixxu għall-provvista tal-prodotti tas-sajd fl-Unjoni Ewropea, l-aktar jekk dawn ikunu maħsuba għall-konsum mill-bniedem), u l-ekonomija tal-baħar u tal-akkwakultura usa'. L-Għajnuna mill-Istat m'għandhiex tintuża biex jiġu appoġġjati prattiki tas-sajd mhux sostenibbli;

    11.

    jirrikonoxxi l-valur u l-importanza tas-settur tas-sajd għall-UE, jinnota l-konċentrazzjoni għolja ta' impjieg f'ċerti territorji u reġjuni tal-Ewropa, u l-impatt li r-ristrutturar tas-settur tas-sajd kellu direttament fuq dawn il-komunitajiet;

    12.

    jifhem li l-pressjonijiet fuq il-komunitajiet rurali u tas-sajd huma partikolarment kbar fil-kuntest tal-kriżi kontinwa soċjoekonomika li qed tiffaċċja l-Ewropa, u dan ifisser li l-fatt li jiġi mmirat appoġġ fil-livell territorjali huwa importanti ħafna għall-prosperità u l-vijabilità fit-tul ta' dawn il-komunitajiet;

    13.

    jinnota li s-settur tas-sajd, bħal ħafna setturi oħra, huwa sussidjat u li dan jippreżenta sfida sinifikanti – f'termini ta' dipendenza żejda fuq il-fondi pubbliċi – u fl-istess waqt opportunità, billi jagħti lill-Kummissjoni Ewropea, lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet lokali/reġjonali l-kapaċità li jużaw riżorsi pubbliċi biex iwettqu riformi ewlenin f'dan is-settur;

    14.

    itenni l-ħtieġa biex jiġu użati r-riżorsi kollha disponibbli bl-iktar mod effettiv possibbli, u jappella biex tingħata prijorità qawwija fil-preparazzjoni tal-Ftehimiet ta' Sħubija u l-Programmi Operattivi futuri għall-ESIF għall-appoġġ ta' komunitajiet kostali u tas-sajd, fl-isfond ta' qafas regolatorju riformat tal-Għajnuna mill-Istat li huwa sensittiv u jirrispondi għall-ħtiġijiet ekonomiċi ta' dawn il-komunitajiet;

    15.

    jappella għal flessibilità fl-użu tal-ESIF sabiex jiġi żgurat li r-riżorsi jiġu mmirati lejn il-komunitajiet rurali u tas-sajd, u jappella lill-Kummissjoni Ewropea biex tieħu impenn ċar fir-reviżjoni tar-regoli tal-Għajnuna mill-Istat sabiex jiġi żgurat li dawn ir-regoli jippermettu li dan jiġri fil-prattika minflok ixekklu;

    16.

    fil-fehma tiegħu, jekk jiġu mobilizzati b'mod effettiv u effikaċi, dawn ir-riżorsi jipprovdu opportunità biex jiġu trasformati l-industriji tas-sajd u tal-akkwakultura tal-UE, u jgħinu biex isir progress lejn settur tas-sajd u tal-akkwakultura sostenibbli, filwaqt li jappoġġjaw l-aspirazzjonijiet usa' tal-Istrateġija tat-Tkabbir Blu sabiex tissaħħaħ l-ekonomija u tal-baħar u tal-akkwakultura, u r-rabtiet tagħha mal-ekonomija bbażata fl-art; b'mod partikolari jiżdied il-valur tal-prodotti tal-ħut permezz tal-iżvilupp tal-ekonomija fuq l-art, is-swieq lokali, prodotti innovattivi u l-għarfien tal-konsumatur (b'mod partikolari fir-rigward ta' kwistjonijiet bħal katini tal-provvista qosra, l-istaġjonalità u t-tipiċità tal-prodott);

    17.

    jappella lill-Kummissjoni Ewropea, lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet pubbliċi oħra madwar l-Ewropa biex jaħtfu l-opportunità, u jużaw il-perjodu 2014-2020 bħala ż-żmien li fih imexxu 'l quddiem bidliet reali;

    18.

    jinnota li r-regoli de minimis u ta' eżenzjoni tal-kategorija ma jirrappreżentawx l-istampa kollha għal sussidji lis-settur tas-sajd u tal-akkwakultura, peress li l-Istati Membri għandhom il-possibilità li jistabbilixxu skemi ta' għajnuna "notifikati" (li jesiġu approvazzjoni minn qabel mill-Kummissjoni Ewropea);

    19.

    jinnota li s-settur tas-sajd jibbenefika wkoll minn eżenzjonijiet mit-taxxa fuq il-karburant li jipprovdu benefiċċju dirett f'termini tal-ispejjeż operattivi tal-bastimenti tas-sajd, stmati li jilħqu madwar EUR 1,5 biljun fl-UE kull sena; filwaqt li l-għajnuna de minimis tipprovdi wkoll ambitu biex jiġu pprovduti sussidji fuq il-karburant lill-bastimenti;

    20.

    jenfasizza studju kkummissjonat mid-DĠ Affarijiet Marittimi fl-2009 li jistma li madwar EUR 718-il miljun se jkunu disponibbli taħt ir-regolament dwar għajnuna de minimis, għalkemm iċ-ċifri preċiżi dwar għajnuna de minimis huma diffiċli li jinkisbu minħabba nuqqas ta' monitoraġġ effettiv fil-livell tal-UE; EUR 8 miljun aktar fis-sena huma stmati li jiġu garantiti taħt ir-regolament dwar l-eżenzjoni tal-kategorija tas-sajd;

    21.

    jinnota li l-istudju tal-2009 tad-DĠ Affarijiet Marittimi enfasizza wkoll għadd ta' riskji fl-implimentazzjoni tar-regolament de minimis, inkluż: (i) l-impatt negattiv potenzjali fuq l-użu tal-Fond Ewropew għas-Sajd (FES) fi Stati Membri fejn ingħatat prijorità lill-appoġġ de minimis, (ii) l-effett ta' distorsjoni potenzjali tal-varjabilità fl-użu tal-għajnuna de minimis minn Stati Membri differenti, u (iii) ir-riskju li għajnuna de minimis tintuża għall-appoġġ biex bastimenti jinżammu attivi kontra l-objettivi ta' riforma usa' li jitnaqqsu d-daqs u l-iskala tal-flotta tas-sajd;

    22.

    jilqa' b'sodisfazzjon it-trasparenza li ngħatat lill-għajnuna de minimis permezz tal-inklużjoni ta' din id-data fir-rapport annwali tal-Istati Membri dwar l-għajnuna mill-istat bħala fattur importanti li jassigura t-trasparenza tal-iskema

    23.

    jirrikonoxxi li l-Kummissjoni Ewropea trid issib bilanċ fl-isforzi tagħha sabiex titnaqqas il-burokrazija u jiġi semplifikat u jkun iktar effiċjenti l-monitoraġġ ta' rekwiżiti, filwaqt li tiżgura biżżejjed trasparenza u kontroll, u jtenni li l-falliment tar-riformi preċedenti huwa ġustifikazzjoni biżżejjed għal monitoraġġ iktar strett u trasparenti tal-użu tal-Għajnuna mill-Istati f'dan is-settur;

    24.

    jirrikonoxxi li hemm sejħiet biex jiżdiedu l-limiti attwali fuq l-għajnuna de minimis (EUR 30 000 lil intrapriża matul kwalunkwe perjodu ta' tliet snin fiskali) sabiex l-awtoritajiet lokali u reġjonali jingħataw iktar flessibilità biex jiġu appoġġjati interventi fil-livell territorjali, li titqies partikularment importanti meta wieħed iqis il-konċentrazzjoni għolja tas-sajd f'ċerti reġjuni u komunitajiet, u jirrikonoxxi li kull reviżjoni tal-limitu attwali ta' għajnuna de minimis teħtieġ li tqis il-ħtieġa li jiġu rispettati l-kompetizzjoni u s-suq komuni;

    25.

    madankollu, jisħaq li hemm riskju li żieda fil-limiti fuq l-għajnuna de minimis tista' tipprovdi iktar skop għall-appoġġ għal prattiki tas-sajd mhux sostenibbli, u b'hekk jiddgħajjef l-objettiv globali tar-riformi tal-PKS biex ikun hemm sajd sostenibbli fl-UE, minkejja li dan ir-riskju jista' jiġi evitat f'każijiet speċifiċi ta' ambitu nazzjonali fejn in-nuqqas ta' sostenibbiltà jkun ikkawżat minn fatturi li mhumiex relatati mas-settur tal-produzzjoni jew tal-qbid tal-ħut;

    26.

    għaldaqstant, jappella lill-Kummissjoni Ewropea biex fil-valutazzjoni tal-impatt tagħha għar-regolamenti riveduti u bħala parti mill-evalwazzjoni tagħha tal-kontributi lill-proċess ta' konsultazzjoni, tipprovdi analiżi dettaljata tal-impatt potenzjali (f'termini tal-implimentazzjoni tar-riformi usa' tal-PKS) ta' (i) iż-żamma tal-limiti attwali de minimis għas-settur, (ii) żieda fil-limiti de minimis, u (iii) jitnaqqsu jew jitneħħew kollha kemm huma l-limiti de minimis;

    27.

    jargumenta li din il-valutazzjoni tal-impatt għandha tħares ukoll lejn ir-rwol moqdi mill-miżuri ta' għajnuna de minimis bħala parti minn sensiela usa' ta' interventi pubbliċi fis-settur, b'mod partikolari kif huma jindirizzaw "lakuni" fil-provvediment li ma jistgħux jimtlew mill-ESIF il-ġdid, ir-regolament ġenerali dwar eżenzjoni tal-kategorija għas-settur tas-sajd u tal-akkwakultura, u skemi ta' għajnuna notifikati għal dan is-settur;

    28.

    jenfasizza l-ħtieġa għal użu iktar effettiv tal-ESIF matul il-perjodu 2014-2020 milli kien il-każ fir-rigward tal-FES s'issa, meta wieħed iqis li l-ESIF huwa mekkaniżmu ta' finanzjament ewlieni li permezz tiegħu l-appoġġ jista' jiġi mmirat lejn is-setturi tas-sajd u tal-akkwakultura sabiex jilħqu l-għanijiet globali tar-riformi tal-PKS;

    29.

    jikkunsidra li hemm mertu fl-esplorazzjoni tal-potenzjal li l-appoġġ għall-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura jiċċaqlaq mir-regolamenti settorjali de minimis/eżenzjoni tal-kategorija u jiġi inkluż minflok fil-qafas tar-regolamenti ġenerali de minimis/eżenzjoni tal-kategorija;

    30.

    jisħaq li din il-bidla hija konformi mal-loġika tal-objettiv tal-Kummissjoni Ewropea li tistabbilixxi settur tas-sajd u tal-akkwakultura iktar iffokat fuq l-aspetti kummerċjali u tan-negozju, u li jiġu studjati modi kif jiżdied valur lill-prodotti tas-sajd, jiġu żviluppati katini tal-provvista, l-ekonomija fuq l-art usa', u approċċi ġodda u innovattivi;

    31.

    jinnota li bidla fl-appoġġ għal attivitajiet fuq l-art tas-setturi tal-ipproċessar tal-prodotti tas-sajd u l-akkwakultura sostenibbli għal regolament ġenerali de minimis għandha tippermetti li dawn il-miżuri jibbenefikaw mil-limiti ta' intervent ogħla ta' dak ir-regolament (bħalissa EUR 200 000), għandha tgħin biex jingħelbu ostakli għal investimenti fl-ekonomija fuq l-art, u tikkontribwixxi għall għan mixtieq li jiġi massimizzat il-"valur miżjud" potenzjali għall-komunitajiet tas-sajd lokali tal-prodotti ta' ħut;

    32.

    jappella lill-Kummissjoni Ewropea biex tikkunsidra dan fir-reviżjoni tar-regolament dwar l-Għajnuna mill-Istati għas-sajd u l-akkwakultura, b'mod partikolari tevalwa l-benefiċċji ekonomiċi potenzjali li dan l-approċċ jista' jkollu għall-ekonomija fuq l-art u l-komunitajiet tas-sajd, filwaqt li tevalwa wkoll safejn din il-bidla tista' twassal għal "konsegwenzi mhux intenzjonati", pereżempju jiżdiedu l-prattiki tas-sajd mhux sostenibbli;

    33.

    jappella lill-Kummissjoni Ewropea biex tirrivedi l-lista ta' miżuri ta' għajnuna inklużi fir-regolament dwar l-Eżenzjoni tal-Kategorija sabiex tiżgura li dawn ikunu konformi mar-riforma tal-Politika Komuni tas-Sajd, u li tiżgura li ma jkun hemm l-ebda ambitu, kemm permezz tar-regolamenti dwar l-Għajnuna mill-Istati, kif ukoll permezz tal-ESIF, li jiġu appoġġjati prattiki tas-sajd mhux sostenibbli;

    34.

    jenfasizza l-iskop tar-regolament dwar l-Eżenzjoni tal-Kategorija biex jappoġġja firxa ta' miżuri akwa-ambjentali u ta' konservazzjoni, u jappella lill-Kummissjoni Ewropea biex iżżomm u testendi l-ambitu tar-regolament sabiex jiġu permessi investimenti li jipproteġu, jikkonservaw u jsaħħu l-ambjent tal-baħar u marittimu, inkluż appoġġ għal riċerka tal-baħar u tal-akkwakultura, ġbir tad-data, appoġġ għas-settur f'dawk il-każijiet speċifiċi ta' ambitu nazzjonali fejn in-nuqqas ta' sostenibbiltà jkun ikkawżat minn fatturi li mhumiex relatati mas-settur tal-produzzjoni jew tal-qbid tal-ħut, eċċ.;

    35.

    jappella lill-Istati Membri, lill-awtoritajiet lokali u reġjonali, u lil partijiet interessati oħra biex iħarsu b'mod imaġinattiv lejn l-opportunitajiet ippreżentati minn dawn ir-regolamenti (u l-ESIF) sabiex jiżguraw li jiġu ottimizzati l-miżuri kollha li jsaħħu s-sostenibbilità tas-settur tas-sajd, l-ambjent tal-baħar u l-komunitajiet kostali;

    Brussell, 29 ta’ Novembru 2013

    Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

    Ramón Luis VALCÁRCEL SISO


    Top