Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013IR3952

    Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni – Sport, diżabbiltà u rikreazzjoni

    15.4.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 114/27


    Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni – Sport, diżabbiltà u rikreazzjoni

    2014/C 114/06

    I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA' POLITIKA

    IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

    Klassifikazzjoni tal-kuntest

    1.

    jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li huwa stmat li l-UE għandha mat-80 miljun persuna b'diżabbiltà, jiġifieri madwar 15 % tal-popolazzjoni. Skont l-istimi, il-persuni b'mobbiltà mnaqqsa jirrappreżentaw aktar minn 40 % tal-popolazzjoni;

    2.

    jisħaq li minħabba r-riskju akbar ta' diżabbiltà għall-anzjani u ż-żieda ġenerali ta' mard kroniku, in-numru ta' persuni b'diżabbiltà jista' jiżdied. Ir-reġjuni Ewropej għalhekk ser ikollhom jiffaċċjaw sfidi ġodda fil-ġejjieni;

    3.

    jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li ma teżistix definizzjoni komuni ta' "diżabbiltà" fl-UE u li d-definizzjonijiet legali ta' dan il-kunċett ġew diskussi f'ħafna dibattiti u kellhom bosta interpretazzjonijiet semantiċi. Id-diżabbiltà hi fenomenu kumpless u esperjenza multidimensjonali, li tirriżulta mill-interazzjoni bejn il-karatteristiki fiżiċi u intellettwali tal-persuna u l-istat tas-soċjetà fejn tgħix. Għalhekk, jeħtieġ li jiġu introdotti kunċetti bħal "persuni b'diżabbiltà";

    4.

    jinnota n-nuqqas ta' għarfien u l-ideat żbaljati dwar l-effetti reali tad-diżabbiltajiet u jisħaq fuq il-ħtieġa li ssir enfasi fuq il-"kapaċitajiet" li jistgħu jiġu kkunsidrati fil-kuntest tal-prestazzjonijiet sportivi;

    5.

    jirrikonoxxi l-valur u l-importanza tal-attività fiżika u tal-isport għall-persuni b'diżabbiltà, kif ukoll il-kontribut effettiv tiegħu sabiex jintlaħqu l-għanijiet strateġiċi tal-UE, fosthom dawk tal-Istrateġija Ewropa 2020. Fl-aħħar snin sar progress sostanzjali fl-isport adattat u l-isport prattikat mill-persuni b'diżabbiltà. L-iżjed eżempju reċenti huwa l-Logħob Paralimpiku ta' Londra fl-2012, fejn il-mezzi tax-xandir ħabirku bil-bosta biex ikopru u jippromovu l-moviment paralimpiku;

    6.

    jiġbed l-attenzjoni dwar il-fatt li m'hemmx dubju li l-isport huwa ta' siwi għall-benessri ġenerali tal-persuni u għandu impatt pożittiv fuq il-possibbiltajiet ta' riabilitazzjoni u l-abilitazzjoni tal-persuni b'diżabbiltà, u li l-possibbiltà li l-persuni b'diżabbiltà jkollhom biex jipprattikaw attività sportiva hija fuq kollox dritt fundamentali tal-bniedem;

    7.

    jenfasizza l-fatt li l-"isport għall-persuni b'diżabbiltà" jinkludi firxa wiesgħa ta' attivitajiet li jmorru mill-isport ta' livell għoli għall-attivitajiet sportivi rikreattivi, u mill-edukazzjoni fiżika adatta għall-proċess ta' riabilitazzjoni permezz tal-isport; firxa wiesgħa li tkopri jew saħansitra tisboq il-kumplessità li teżisti biex jiġi definit it-terminu "sport". Huwa għalhekk, fost affarijiet oħra, li jeżistu definizzjonijiet differenti fir-reġjuni differenti tal-Ewropa. Fil-qasam tal-attività fiżika u l-isport insibu għadd ta' sfumaturi li jagħmlu l-attività fiżika waħda sportiva, rikreattiva, tajba għas-saħħa, eċċ. Fil-każijiet kollha, ix-xorta ta' attività fiżika tintgħażel mill-prattikant, abbażi tal-idea li b'mod ġenerali l-attività sportiva ttejjeb is-saħħa, sew fiżika u sew mentali, ta' kulħadd;

    8.

    jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li t-termini u l-kunċetti differenti relatati ma' dan is-settur jew użati fih ġew dikussi ħafna. Fil-kuntest preżenti, it-terminu użat hu ta' "sport għall-persuni b'diżabbiltà" b'mod li l-approċċ ikun iffokat fuq il-persuna filwaqt li l-iskop ikun wieħed ġenerali;

    9.

    ifakkar fil-ħtieġa li jiġi rispettat bis-sħiħ il-prinċipju tas-sussidjarjetà u l-awtonomija tal-korpi li jirregolaw l-isport, inklużi l-organizzazzjonijiet sportivi indipendenti. Ir-rakkomandazzjonijiet li qed isiru f'din l-Opinjoni għandhom l-għan li jservu ta' xprun sabiex iżidu l-impatt tal-azzjonijiet imwettqa mill-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali u reġjonali u jħeġġu bidla fil-perċezzjoni, b'enfasi fuq il-kapaċitajiet tal-persuni b'diżabbiltà fil-komunità kollha;

    Kuntest politiku

    10.

    jesprimi s-sodisfazzjon u l-appoġġ tiegħu rigward ir-referenzi li saru fil-politiki tal-UE għar-rikonoxximent tal-isport għall-persuni b'diżabbiltà, fosthom l-Istrateġija Ewropea għall-Persuni b'Diżabbiltà 2010-2020 (1), il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata "L-Iżvilupp tad-Dimensjoni Ewropea fl-Isport" (2) u l-White Paper dwar l-Isport tal-Kummissjoni Ewropea (3);

    11.

    jiddispjaċih, madankollu, dwar in-nuqqas ta' kwalunkwe referenza għall-persuni b'diżabbiltà fil-proposta inizjali tal-Kummissjoni Ewropea għall-ERASMUS+, il-Programm il-ġdid tal-Unjoni għall-Edukazzjoni, it-Taħriġ, iż-Żgħażagħ u l-Isport għall-2014-2020; iħeġġeġ, għal dan il-għan, li l-programm il-ġdid, li attwalment qed jiġi negozjat, jinkludi referenza ċara għall-ħtieġa li jiġi promoss tkabbir sostenibbli u inklużiv billi jiġi faċilitat l-aċċess għall-attivitajiet tal-isport għall-persuni b'diżabbiltà;

    12.

    jaqbel li, fil-qafas tal-kompetenzi u tal-possibbiltajiet finanzjarji tagħhom, l-awtoritajiet nazzjonali u l-awtoritajiet reġjonali u lokali jistgħu jaqdu rwol importanti fl-iżvilupp tal-isport għall-persuni b'diżabbiltà, b'mod partikolari fir-rigward tal-promozzjoni u l-investiment fl-infrastrutturi sportivi u l-attivitajiet sportivi fit-tul, u jenfasizza l-ħtieġa li jiġu żgurati fondi għall-proġetti għal dawk ir-reġjuni fejn l-infrastruttura tal-iskejjel u ta' istituzzjonijiet edukattivi oħra huma sottożviluppati u t-tfal b'diżabbiltà m'għandhomx il-possibbiltà jew għandhom possibilitajiet limitati biex jipprattikaw l-isport;

    13.

    meta jintużaw il-faċilitajiet pubbliċi, il-korpi pubbliċi għandhom iqisu b'mod adegwat l-interessi tal-isport għall-persuni b'diżabbiltà sabiex jinħolqu kundizzjonijiet tal-għajxien ugwali għall-persuni b'diżabbiltà. L-aċċessibbiltà hi fattur essenzjali f'dan ir-rigward;

    14.

    jisħaq fuq ir-rwol tal-partijiet interessati fil-qasam tal-isport għall-persuni b'diżabbiltà biex jisfruttaw il-potenzjal tal-isport f'dik li hi inklużjoni soċjali, integrazzjoni u opportunitajiet indaqs;

    15.

    jenfasizza li f'ħafna każi l-isport għall-persuni b'diżabbiltà jidher li jissemma b'mod speċifiku biss fil-kuntest tal-inklużjoni soċjali. Jappella biex issir distinzjoni estensiva bejn id-dimensjonijiet differenti tal-isport għall-persuni b'diżabbiltà, li jista' jinkludi l-isport ta' livell għoli, l-isport rikreattiv, l-edukazzjoni fiżika, il-possibbiltajiet ta' edukazzjoni u taħriġ permezz tal-isport, l-attivitajiet fiżiċi adatti, ir-riabilitazzjoni permezz tal-isport jew l-attivitajiet sportivi b'għanijiet terapewtiċi speċifiċi;

    16.

    jitlob li jiġu rikonoxxuti aktar ir-rappreżentanti kwalifikati tas-settur fl-attivitajiet kollha ta' żvilupp u evalwazzjoni tal-isport tal-massa appoġġjati mill-istituzzjonijiet Ewropej. Għandha tiġi kkunsidrata l-allokazzjoni ta' riżorsi speċifiċi li jippermettu l-parteċipazzjoni ta' dan it-tip, kif ukoll riżorsi għat-taħriġ speċifiku tal-persunal tekniku professjonali involut fil-qasam tal-isport;

    17.

    jappella li jitħejja dokument strateġiku dettaljat ibbażat fuq il-politiki eżistenti, li jiffoka b'mod partikolari fuq l-isport għall-persuni b'diżabbiltà bil-għan li jiġu stabbiliti l-prijoritajiet fost il-kwistjonijiet ewlenin ta' dan is-settur;

    Sfidi speċifiċi: il-parteċipazzjoni fl-isport

    18.

    jindika li minkejja l-interess politiku dejjem akbar fil-parteċipazzjoni tal-persuni b'diżabbiltà fl-attivitajiet sportivi, ir-rati ta' parteċipazzjoni fl-isport għadhom baxxi wisq. Fost affarijiet oħra, dan huwa minħabba aċċess limitat għal infrastruttura tal-isport adattata għall-ħtiġiet tal-persuni b'diżabbiltà;

    19.

    jinnota li minbarra l-ostakli fiżiċi, soċjoekonomiċi u komunikattivi, il-parteċipazzjoni fl-isport hija affettwata minn ostakli soċjali u kulturali u fatturi psikoloġiċi, fosthom l-attitudni tal-organizzaturi u l-partijiet interessati fl-attivitajiet sportivi tal-massa fir-rigward tad-diżabbiltà. Din l-attitudni hi r-riżultat tan-nuqqas ta' sensibilizzazzjoni u riżorsi għall-indirizzar ta' sitwazzjonijiet differenti. Għandhom jiġu organizzati kampanji ta' informazzjoni u taħriġ sabiex jiġi żgurat li l-persuni b'diżabbiltà jiġu aċċettati fl-attivitajiet sportivi. Huwa rakkomandat li kull miżura intiża biex ittejjeb l-aċċess għall-attivitajiet sportivi titfassal wara li jiġu kkonsultati b'mod adegwat il-partijiet interessati tas-settur, peress li l-gruppi differenti jista' jkolhom bżonn appoġġ differenti;

    20.

    josserva li, sabiex jiżdiedu r-rati ta' parteċipazzjoni fl-isport, huwa kruċjali li tittejjeb l-aċċessibbiltà billi jiġi adattat l-aċċess fiżiku għall-faċilitajiet sportivi u jkun hemm komunikazzjoni aħjar;

    21.

    jappella li jiġu organizzati kampanji ta' sensibilizzazzjoni armonizzati dwar il-possibbiltajiet li jeżistu għall-parteċipazzjoni fl-isport. Dan it-tip ta' kampanji jistgħu jiġu mnedija fil-livell Ewropew, iżda jridu jittieħdu fil-livell reġjonali u lokali fejn fil-fatt jiġi offrut l-isport propost. Huwa importanti li jindirizzaw lill-persuni b'diżabbiltà stess u jinformawhom. L-ideali hu li dawn il-kampanji jiġu organizzati bl-appoġġ tal-korpi li jirregolaw l-isport tal-massa, l-isport nazzjonali u l-isport għall-persuni b'diżabbiltà, kif ukoll tal-organizzazzjonijiet (b'mod partikolari l-assoċjazzjonijiet) tal-persuni b'diżabbiltà; barra minn hekk, huwa importanti li jiġu organizzati kampanji ta' informazzjoni mhux biss għall-persuni b'diżabbiltà, iżda wkoll għall-pubbliku inġenerali, sabiex dawn jiġu megħjuna jifhmu, jaċċettaw, jintegraw u jitgħallmu kif għandhom jgħinu lill-pari tagħhom b'diżabbiltà. Jeħtieġ li tiġi promossa kemm jista' jkun l-awtonomija tal-persuni b'diżabbiltà u għandhom jitħeġġu u jiġu megħjuna biex jipproponu, jippromovu u jorganizzaw avvenimenti bħal dawn;

    22.

    jenfasizza li jista' jkun hemm bżonn li d-diversi gruppi mmirati jiġu indirizzati b'mod individwali abbażi tal-kapaċitajiet tagħhom, l-età u s-sitwazzjoni soċjali tagħhom; huwa importanti b'mod partikolari li jiġu indirizzati u appoġġjati ż-żgħażagħ. Huwa importanti wkoll li tiġi rispettata kemm l-istruttura sportiva ta' kull Stat Membru kif ukoll l-ispeċifiċitajiet lokali u reġjonali. Għandu jkun hemm appoġġ biex tingħata informazzjoni affidabbli, aċċessibbli u aġġornata regolarment sabiex il-gruppi differenti mmirati jkunu jistgħu jiġu informati b'mod permanenti dwar l-isport offrut li jista' jkollhom aċċess għalih. It-tħeġġiġ u l-appoġġ għall-iżvilupp tal-movimenti lokali organizzati f'dan ir-rigward jistgħu jiffaċilitaw it-tixrid ta' din l-informazzjoni u l-aċċessibbiltà;

    23.

    jeħtieġ li, fil-livell lokali u reġjonali, ikun hemm netwerk ta' trasport adatt li jagħmilha possibbli li l-persuni b'diżabbiltà jkunu jistgħu jivvjaġġaw lejn il-faċilitajiet sportivi kemm biex jipprattikaw sport bħala dilettanti kif ukoll jekk l-isport ikun ta' livell kompetittiv;

    24.

    jisħaq li l-ġenituri jaqdu rwol importanti biex jinkoraġġixxu liż-żgħażagħ jipparteċipaw fl-attivitajiet sportivi u li l-volontarji huma s-sinsla ta' dan is-settur. Għaldaqstant hemm il-ħtieġa li jkun hemm sensibilizzazzjoni dwar l-importanza tal-ħidma volontarja u li jiġu ppjanati pjattaformi għar-reklutaġġ u t-taħriġ tal-volontarji kif ukoll miżuri biex jiġi rikonoxxut u kumpensat il-kontribut tagħhom;

    25.

    jirrakkomanda li tinħoloq pjattaforma ta' informazzjoni dwar il-faċilitajiet tal-isport fl-UE, b'sit tal-internet kompletament aċċessibbli fejn il-persuni b'diżabbiltà jkunu jistgħu jiksbu informazzjoni dwar l-infrastruttura tal-isport, il-possibbiltajiet tekniċi, eċċ., fil-postijiet fejn jgħixu;

    26.

    jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li ċerti gruppi tal-popolazzjoni jiffaċċjaw diskriminazzjoni doppja jew tripla għax ikollhom mhux biss diżabbiltà waħda iżda diversi diżabbiltajiet jew għax ikunu ġejjin ukoll minn sfond ta' migrazzjoni jew minoranza, jew huma vittmi ta' esklużjoni soċjali marbuta mal-omofobija jew is-sess. Għandu jiġi żgurat li kulħadd jingħata appoġġ speċifiku u li jkun hemm opportunitajiet indaqs fl-aċċess għall-attivitajiet sportivi;

    27.

    jinnota li l-isport għall-persuni b'diżabbiltà m'għandux jibqa' skartat mis-sistema sportiva tal-massa u li l-ġeneralizzazzjoni tiegħu, jiġifieri li r-responsabbiltà għall-organizzazzjoni tiegħu tinqasam mal-organizzazzjonijiet sportivi l-kbar, diġà tidher li hi għan politiku ewlieni. Għaldaqstant, għandu jiġi żgurat li tissokta l-inklużjoni tal-isport tal-persuni b'diżabbiltà fl-isport tal-massa, u li jkunu jistgħu jintużaw mudelli, formoli u strutturi differenti ta' organizzazzjoni b'mod parallel skont il-kapaċitajiet reali tal-persuni b'diżabbiltà u bil-għan li jiġu inklużi;

    28.

    il-parteċipazzjoni tal-persuni b'diżabbiltà fl-isport għandha tiġi promossa fil-qafas tal-federazzjoni li tintegra fi ħdanha d-dixxiplina sportiva jew l-ispeċjalizzazzjoni korrispondenti. Dan għandu jsir b'rispett għar-rwol tal-federazzjonijiet sportivi li l-attivitajiet tagħhom huma indirizzati l-iżjed għall-persuni b'diżabbiltà u li l-vokazzjoni indispensabbli tagħhom għas-servizz ta' dawn il-persuni għandha tissaħħaħ;

    29.

    il-federazzjonijiet sportivi għandhom jinkoraġġixxu lill-korpi sportivi li l-għan tagħhom hu li jippromovu l-attivitajiet sportivi għall-persuni b'diżabbiltà jieħdu sehem fl-assembleji tagħhom mingħajr id-dritt li jivvotaw, anke jekk ma jkunux jagħmlu parti mill-federazzjoni;

    30.

    jinnota mill-eżempji identifikati li l-approċċ li jgħaqqad it-turiżmu mal-isport rikreattiv għal kulħadd hu strument siewi sabiex jinħoloq l-ewwel kuntatt mal-isport għall-persuni b'diżabbiltà bil-għan li tiżdied ir-rata ta' parteċipazzjoni sportiva u li l-pubbliku inġenerali jsir aktar konxju tal-kapaċitajiet tagħhom;

    31.

    josserva li hemm bżonn li tiġi inkluża informazzjoni ta' kwalità għolja u aġġornata dwar l-attivitajiet sportivi għall-persuni b'diżabbiltà, u dwar it-trasport u l-aċċess adattat għall-faċilitajiet sportivi bil-għan li jiġi promoss it-turiżmu sportiv;

    Sfidi speċifiċi: l-edukazzjoni

    32.

    jirrikonoxxi li l-iżvilupp adegwat tal-isport għall-persuni b'diżabbiltà jirrikjedi professjonisti li għandhom livell għoli ta' edukazzjoni u taħriġ;

    33.

    jikkunsidra li għalkemm il-persuni b'diżabbiltà mhumiex stigmatizzati, huma xorta waħda jistgħu jiġu esklużi għaliex ħafna nies ma jafux jilqgħuhom u jintegrawhom fl-attivitajiet u l-istrutturi sportivi. Hu jitlob informazzjoni konġunta permezz ta' inizjattivi ta' edukazzjoni u taħriġ indirizzati mhux biss għall-persuni kkonċernati direttament mill-organizzazzjoni tal-attivitajiet sportivi, iżda wkoll fuq livell ħafna akbar, għall-pubbliku inġenerali, pereżempju bis-saħħa ta' għodod ta' taħriġ onlajn li jkunu faċilment aċċessibbli. F'dan ir-rigward, jeħtieġ li b'mod parallel in-nies isiru aktar konxji tad-drittijiet, il-bżonnijiet u l-kapaċitajiet tal-persuni b'diżabbiltà;

    34.

    jenfasizza li t-tfal kollha tal-iskola għandu jkollhom aċċess għall-edukazzjoni fiżika u sportiva u li l-ebda diżabbiltà m'għandha tkun ostaklu għall-integrazzjoni fil-programmi sportivi tal-iskola. Ħafna drabi huwa waqt il-lezzjonijiet tal-edukazzjoni fiżika fl-iskola li ż-żgħażagħ jiksbu l-ewwel esperjenza tagħhom fl-attivitajiet sportivi u jiżviluppaw passjoni għall-isport, u l-istess jiġri fil-każ taż-żgħażagħ b'diżabbiltà. Barra minn hekk, l-ambjent sportiv fl-iskola joffri l-opportunità li t-tfal mingħajr diżabbiltà jitgħallmu u jsiru konxji tal-kapaċitajiet ta' sħabhom tal-klassi. F'dan il-kuntest, jeħtieġ li jiġi inkoraġġut b'mod partikolari l-ħolqien ta' "programmi sportivi aċċessibbli għal kulħadd". L-idea tal-integrazzjoni inversa, jiġifieri l-integrazzjoni tal-persuni sportivi żgħażagħ mingħajr diżabbiltà fl-isport għall-persuni b'diżabbiltà, hi eżempju tajjeb biex tinbidel l-attitudni fir-rigward tal-kapaċitajiet ta' parteċipanti oħra. Bl-istess mod, l-inizjattivi bħall-"isport kondiviż" għandhom jiġu appoġġjati u żviluppati. Sabiex jintlaħaq dan l-għan, huwa essenzjali li l-għalliema fiċ-ċentri edukattivi, u b'mod partikolari l-għalliema tal-edukazzjoni fiżika, jingħataw edukazzjoni u taħriġ speċifiċi u li l-ġenituri tat-tfal b'diżabbiltà jingħataw aċċess għall-informazzjoni dwar l-attivitajiet sportivi differenti disponibbli;

    35.

    jinnota li l-għarfien u l-kompetenzi ta' min iħarreġ sikwit ma jintużawx minħabba n-nuqqas ta' skambju u koordinazzjoni bejn il-partijiet interessati fl-isport għall-persuni b'diżabbiltà u fl-isport tal-massa. Huwa propost li jinħolqu inizjattivi ta' taħriġ abbażi ta' kooperazzjoni bejn dawn l-organizzazzjonijiet, bl-appoġġ tal-korpi ta' taħriġ u l-awtoritajiet pubbliċi;

    36.

    jirrakkomanda li r-rappreżentanti tal-edukazzjoni għolja jkunu iktar involuti fil-proċess ta' aġġustament biex tiġi evitata l-esklużjoni tal-persuni b'diżabbiltà. L-għan ta' dan l-involviment għandu jkun li jinbidel it-taħriġ tal-għalliema tal-edukazzjoni fiżika, biex b'hekk jifhmu aħjar id-diversi kwistjonijiet marbutin mas-saħħa tal-istudenti tagħhom;

    37.

    jikkunsidra li l-immaġni tal-isport għall-persuni b'diżabbiltà għandha tingħata valur ġdid, billi jiġi promoss l-isport ta' livell għoli fost l-aqwa persuni sportivi b'diżabbiltà u jinkiseb l-istess status li jirċievu l-persuni sportivi ta' livell għoli mingħajr diżabbiltà. B'mod ġenerali jitqies li s-sensibilizzazzjoni dwar il-prestazzjonijiet tal-atleti b'diżabbiltà fl-isport ta' livell għoli tista' twassal biss għal bidla f'din il-perċezzjoni. Għal dan il-għan, l-istrateġija tal-komunikazzjoni relatata mal-Logħob Paralimpiku u l-avvenimenti sportivi ta' livell għoli għall-persuni b'diżabbiltà hija importanti ħafna;

    38.

    jammetti li l-isport għall-persuni b'diżabbiltà jistrieħ ħafna fuq il-volontarjat. Jirrikonoxxi li għandna nkomplu nippromovu taħriġ ta' kwalità għal dawn il-volontarji. F'ċerti kuntesti, dan it-taħriġ irid jiġi adattat għall-ħtiġijiet tal-partijiet interessati. Barra minn hekk, il-ġestjoni tal-volontarji qed issir dejjem aktar importanti. L-organizzazzjonijiet li jipprovdu l-isport għall-persuni b'diżabbiltà għandhom itejbu l-operat tagħhom bl-użu ta' għodod għall-ġestjoni tar-riżorsi umani u l-iżvilupp tal-kwalità. Jeħtieġ li nħarrġu lill-professjonisti jekk nixtiequ ntejbu l-kwalità. Dawn huma aktar indispensabbli meta jkun ikkonċernat pubbliku partikolari. L-istruttura għandha twassal biex ikun hemm professjonisti ġenwini;

    39.

    jiddispjaċih li sikwit il-potenzjal tal-persuni b'diżabbiltà jiġi sottovalutat. Jenfasizza li fil-każ tal-persuni b'diżabbiltà l-isport jista' jsaħħaħ l-iżvilupp personali tagħhom u b'hekk jista' jagħti kontribut importanti għall-integrazzjoni tagħhom b'suċċess fis-suq tax-xogħol;

    40.

    jappoġġja l-linji gwida tal-UE dwar il-karrieri doppji tal-atleti (4), li jgħidu li jekk il-miżuri li jappoġġjaw il-karrieri doppji jiġu applikati b'mod ekwu għall-atleti kollha, dan ikun jirrappreżenta progress konsiderevoli fl-isport b'mod ġenerali u fl-isport għall-persuni b'diżabbiltà b'mod partikolari. Il-KtR huwa wkoll tal-istess fehma espressa fil-linji gwida li peress li bosta dixxiplini sportivi għall-persuni b'diżabbiltà qed jiġu integrati fl-organizzazzjonijiet tal-isport tal-massa, dan il-grupp għandu jingħata attenzjoni partikolari b'mod li jiġi żgurat trattament ekwu u li jkunu jistgħu jiġu żviluppati oqsma speċifiċi meta ma jkunx possibbli li jintużaw dawk tal-atleti mingħajr diżabbiltà;

    41.

    jenfasizza li s-settur għandu jibda minn issa jagħmel sforz biex jagħmel lill-iżgħar sportivi awtonomi u jakkumpanjahom fl-iżvilupp personali tagħhom. F'dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġu appoġġjati l-azzjonijiet edukattivi speċifiċi proposti għall-persuni sportivi żgħażagħ fl-avvenimenti sportivi;

    Sfidi speċifiċi: is-saħħa

    42.

    jirrikonoxxi l-valur tal-isport għall-promozzjoni tas-saħħa u l-edukazzjoni dwarha, u jagħmel enfasi fuq ir-relazzjoni speċifika bejn l-attivitajiet fiżiċi adatti u r-riabilitazzjoni tal-persuni b'diżabbiltà fir-rigward tas-saħħa fiżika u mentali tagħhom;

    43.

    jappoġġja l-ħidma tal-Grupp ta' Esperti tal-UE dwar "L-isport, is-saħħa u l-parteċipazzjoni", li ngħata mandat mill-Kunsill biex jipproponi miżuri għall-promozzjoni tal-attività fiżika tajba għas-saħħa u l-parteċipazzjoni fl-isport lokali u biex jidentifika miżuri rispettivi sa nofs l-2013; il-KtR jinsisti li l-attività fiżika u l-isport għandhom jiġu appoġġjati u rikonoxxuti b'mod espliċitu bħala għodod terapewtiċi għall-persuni b'diżabbiltà;

    44.

    jieħu nota tar-riżultati tal-ħidma tal-Grupp ta' Esperti tal-UE dwar "Il-ġlieda kontra d-doping", li ngħata mandat mill-Kunsill biex ifassal il-kummenti tal-UE għar-reviżjoni tal-Kodiċi Dinji kontra d-Doping tal-Aġenzija Dinjija tal-Antidoping (WADA) u l-importanza tal-"governanza tajba" fl-isport. Il-KtR jirrakkomanda li jiġu involuti aktar il-partijiet interessati tal-moviment paralimpiku;

    45.

    iqis li l-istrumenti ta' finanzjament kollha tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali għandhom jinkludu l-kwistjoni tal-aċċessibbiltà għall-persuni b'diżabbiltà;

    Sfidi speċifiċi: l-appoġġ finanzjarju u strutturali

    46.

    jieħu nota tal-linja baġitarja għall-isport proposta fil-programm Erasmus+, li għadu qed jiġi negozjat. Iħeġġeġ, madankollu, biex il-Kummissjoni Ewropea tirreferi espliċitament għall-isport tal-persuni b'diżabbiltà fil-gwida tal-programm Erasmus+ maħsuba għall-benefiċjarji, u biex tirrikonoxxi l-isport għal dan il-grupp bħala prijorità fi ħdan l-Azzjoni tal-Isport tal-programm;

    47.

    jissuġġerixxi li l-Kummissjoni tinkoraġġixxi azzjonijiet speċifiċi għall-proġetti li jippromovu l-isport għall-persuni b'diżabbiltà fil-livell lokali u reġjonali;

    48.

    jemmen li f'dan is-settur teżisti ċerta frammentazzjoni bejn l-istrumenti differenti tal-UE li għandhom għanijiet simili. Ikun ta' benefiċċju kbir kieku tittejjeb l-armonizzazzjoni u jittieħdu impenji ta' finanzjament fit-tul, għall-inqas għar-rappreżentanti prinċipali tas-settur fil-livell Ewropew;

    49.

    jinkoraġġixxi l-użu tal-Fondi Strutturali għall-iżvilupp ta' infrastrutturi sportivi aċċessibbli u miftuħin għal kulħadd fil-livell lokali u reġjonali. Il-finanzjament tar-riċerka fil-qasam tat-teknoloġiji relatati mal-persuni b'diżabbiltà permezz tal-Orizzont 2020 huwa essenzjali wkoll. Huwa essenzjali li jsir investiment fir-riċerka u l-innovazzjoni, l-iżjed permezz tal-universitajiet u l-intrapriżi tas-settur. Fil-fatt, bosta professjonisti bħalissa qed iħejju t-teżi tad-dottorat tagħhom f'dan il-qasam. Għandu jsir sforz partikolari fir-rigward tat-terapija bbażata fuq l-isport, pereżempju t-terapija ekwina (terapija bl-għajnuna taż-żwiemel);

    50.

    jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE jkomplu jappoġġjaw f'perjodu twil ta' żmien l-avvenimenti sportivi miftuħin għal kulħadd, l-aktar għaż-żgħażagħ b'diżabbiltà;

    Ir-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali

    51.

    jemmen li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jaqdu rwol fundamentali fl-iżvilupp tad-dimensjoni Ewropea tal-isport għall-persuni b'diżabbiltà, fil-limiti tal-mandat istituzzjonali tagħhom;

    52.

    jisħaq fuq il-ħtieġa li tissaħħaħ il-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali abbażi ta' programm imfassal b'mod konġunt mal-Kummissjoni Ewropea, il-Kunsill u l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-isport, għall-persuni b'diżabbiltà u għall-attivitajiet sportivi organizzati għalihom bil-għan li jintegrawhom fl-isport tal-massa. L-awtoritajiet lokali u reġjonali huma kapaċi jressqu lill-UE lejn il-livell lokali, bil-għan li jkun hemm rabta mal-inizjattivi tal-klabbs, l-iskejjel jew il-ġenituri;

    53.

    jirrikonoxxi li fil-livell lokali u reġjonali, b'mod partikolari, jeżistu esperjenzi u sħubijiet strutturati li jippromovu l-iżvilupp tal-isport u l-parteċipazzjoni sportiva għall-persuni b'diżabbiltà. Jappella li jiġu skambjati l-prattiki tajbin u jindika li hu stess jista' jxerridhom bl-appoġġ rispettiv tal-istituzzjonijiet Ewropej u tal-partijiet interessati kkonċernati. It-traduzzjoni tal-materjal eżistenti hija sfida kbira u għandha tiġi inkoraġġuta. Għandha tiġi kkunsidrata sistema ta' kumpens għall-"prattiki eċċellenti";

    54.

    jappoġġja s-sistema tal-uffiċjali reġjonali responsabbli għall-iżvilupp tal-isport għall-persuni b'diżabbiltà. Huma jistgħu jkunu s-sors tal-iskambju u l-implimentazzjoni tal-prattiki tajbin, fosthom l-użu tal-għodod tal-informatika, u jservu ta' pont bejn il-politiki Ewropej u r-realtajiet reġjonali. Il-promozzjoni u l-implimentazzjoni ta' proġetti Ewropej għall-iskambju ta' prattiki tajbin ser jagħmluha possibbli li jinsabu soluzzjonijiet vijabbli għall-problemi komuni, kif ukoll li jkollna aktar informazzjoni dwar il-bżonnijiet ta' reġjuni u pajjiżi oħra;

    Konklużjonijiet addizzjonali

    55.

    jieħu nota tal-ewwel inizjattivi għall-promozzjoni ta' "Ġimgħa Ewropea tal-Isport" u jenfasizza l-ħtieġa li f'dan il-qafas għandu jkun hemm sport maħsub b'mod speċjali għall-persuni b'diżabbiltà u li dawn jiġu integrati fl-attivitajiet sportivi tal-massa. Jinsisti wkoll li jiġi kkunsidrat il-ħolqien ta' "Jum Ewropew tal-Isport għall-Persuni b'Diżabbiltà" fuq bażi annwali;

    56.

    jinnota n-nuqqas ta' informazzjoni komparabbli fir-reġjuni dwar dan is-settur, u jitlob li jinħolqu proċessi ta' ġbir ta' data affidabbli. Għal dan il-għan, għandu jiġi kkummissjonat pereżempju sondaġġ speċifiku tal-Ewrobarometru dwar l-isport għall-persuni b'diżabbiltà, jew għall-inqas jiġu inklużi mistoqsijiet aktar speċifiċi fuq dan is-suġġett fis-sondaġġi futuri tal-Ewrobarometru dwar l-isport u/jew id-diżabbiltà;

    57.

    jinkoraġġixxi bis-sħiħ il-ħolqien ta' grupp ta' esperti Ewropew dwar din il-kwistjoni, li jirrikonoxxi l-missjoni differenti tas-settur u jiffoka fuq il-kontributi mill-firxa wiesgħa ta' partijiet interessati ta' dan is-settur. Dan il-grupp ta' esperti Ewropew jista' jieħu l-azzjonijiet utli li ġejjin:

    fil-livell semantiku

    jipproponi definizzjoni komuni għall-kunċetti "handisport", "sport adattat" u "sport kondiviż" sabiex jiġi ffaċilitat ir-rikonoxximent tagħhom;

    fil-livell tekniku

    ifittex u jiġbor l-esperjenzi reġjonali u lokali l-aktar sinfikanti sabiex jinkoraġġixxi l-ħolqien ta' mudell għalihom u jxerridhom;

    jagħti lil dawk responsabbli mill-politika l-għodod tekniċi li huma essenzjali għas-sensibilizzazzjoni tagħhom u jippermetti lill-Kumitat tar-Reġjuni jikseb l-għan tiegħu li jkun dak li jiffaċilita l-mobilizzazzjoni f'dan il-qasam fejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali jaqdu rwol prinċipali.

    Brussell, 29 ta' Novembru 2013

    Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

    Ramón Luis VALCÁRCEL SISO


    (1)  COM(2010) 636 final.

    (2)  COM (2011) 12 final.

    (3)  COM (2007) 391 final.

    (4)  http://ec.europa.eu/sport/library/documents/c3/dual-career-guidelines-final.pdf.


    Top