Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013IR3753

    Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Il-politika industrijali spazjali tal-UE”

    ĠU C 356, 5.12.2013, p. 49–54 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    5.12.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 356/49


    Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Il-politika industrijali spazjali tal-UE”

    2013/C 356/09

    IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

    juri l-aspetti rilevanti li għandhom jiġu regolati fil-kuntest tal-politika spazjali l-ġdida tal-UE: l-istandards industrijali, il-kwistjonijiet relatati mal-operazzjonijiet tekniċi u l-isfruttament kummerċjali tal-infrastruttura tal-komunikazzjoni bis-satellita;

    jaqbel li t-tfassil tal-politika pubblika orjentata lejn id-domanda għas-settur spazjali tal-UE huwa maħsub sabiex jagħti s-setgħa lill-utenti, iżda ma għandux ikun magħmul minn sempliċement sussidji għall-konsumatur;

    iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tistabbilixxi l-kriterji ta' utilità għall-pubbliku fis-servizz tal-kompetenzi u l-ħtiġijiet tal-awtoritajiet pubbliċi li ser jintużaw għall-valutazzjoni tad-domanda tal-utent;

    juri li relazzjoni mill-qrib bejn il-livell lokali/reġjonali, li qed jaħdem mal-industriji sabiex jidentifika u jappoġġja l-ewwel passi tagħhom, u l-livelli nazzjonali/komunitarji għandha tkun aspett vitali tal-politika industrijali tal-UE;

    jixtieq jiġbed l-attenzjoni għall-evidenza miġjuba mill-aqwa prattiki lokali u reġjonali li, fil-maġġoranza kbira ħafna tal-każijiet, is-servizzi downstream ta' Copernicus/GMES jaqdu l-ħtiġijiet tal-politika pubblika u taw prova tal-użu tagħhom għal għanijiet pubbliċi;

    jissuġġerixxi li s-servizzi u l-applikazzjonijiet żviluppati fuq il-bażi ta' teknoloġiji spazjali jistgħu jkunu kofinanzjati mill-Fondi Strutturali, bil-kundizzjoni li hemm rieda politika u għarfien biżżejjed min-naħa ta' dawk li jiġġestjonaw il-fondi. Mekkaniżmu ta' dat-tip diġà intuża fil-Qafas Finanzjarju 2007-2013, fejn fondi ta' koeżjoni/FEŻR mhux użati ġew allokati mill-ġdid għal prijorità ġdida: internet bi broadband bis-satellita għal reġjuni mbiegħda;

    jesprimi l-fehma li l-fażi operattiva ta' Copernicus hija kruċjali għall-iskoperta ekonomika ta' żviluppi teknoloġiċi ġodda, iżda dak l-appoġġ finanzjarju ser ikun meħtieġ sabiex jingħelbu l-ispejjeż tal-bidu tan-negozju marbuta mal-użu tat-teknoloġija l-ġdida minn varjetà ta' utenti.

    Relatur

    Is-Sur STRUZIK (PL/PPE), Marixxal tar-Reġjun ta' Mazovia

    Dokument ta' referenza

    Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Il-politika industrijali spazjali tal-UE. Ir-rilaxx tal-potenzjal għat-tkabbir ekonomiku fis-settur spazjali.

    COM(2013) 108 final

    I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

    IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

    1.

    jilqa' l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, li turi b'mod ċar l-importanza tal-politika industrijali spazjali tal-UE;

    Kummenti preliminari

    2.

    jenfasizza li s-settur spazjali huwa element ewlieni tal-Istrateġija Ewropa 2020 u l-Inizjattivi Ewlenin tagħha, b'mod partikolari l-Unjoni tal-Innovazzjoni u l-Politika Industrijali. It-teknoloġija spazjali hija ta' importanza partikolari għall-ekonomija tal-għarfien, hija tinfluwenza l-kompetittività ekonomika tal-ġejjieni u tipprovdi l-għodda sabiex jissolvew problemi pressanti oħra fuq l-art. Spin-off spazjali tista' tiġi definita bħala xi ħaġa skoperta jew mibdula waqt attivitajiet spazjali, li mbagħad tintuża jew tiġi trasferita għal kuntesti oħra u b'hekk jinħoloq valur ekonomiku addizzjonali;

    3.

    jinnota li skont il-valutazzjoni tal-ESA dwar is-setturi downstream li jżidu l-valur tal-applikazzjonijiet ibbażati fuq it-teknoloġija spazjali, is-suq Ewropew huwa iżgħar u inqas speċjalizzat fis-suq privat meta mqabbel mas-suq dinji. Barra minn hekk, bil-kontra tan-nazzjonijiet spazjali oħra, l-industrija tad-difiża ma tistabbilixxix standards u attivitajiet inizjali. Madwar id-dinja kollha, ħafna kumpaniji joperaw fuq bosta segmenti u tul il-katina tal-valur. Fl-Ewropa, bilkemm insibu atturi li jikkontrollaw il-katina tal-valur kollha. B'mod ġenerali, ir-rata tal-ispeċjalizzazzjoni fl-Ewropa (li tiffoka fuq applikazzjonijiet speċifiċi ta' navigazzjoni tas-satellita) hija ftit inqas minn dik fil-livell dinji;

    4.

    huwa konxju sew mill-kwistjonijiet ta' politika ewlenin għas-settur spazjali tal-UE, li jinkludu l-organizzazzjoni tas-suq, is-semplifikazzjoni amministrattiva, il-prinċipji tal-akkwist, l-aċċess għad-data, ir-rwol ta' klijenti li jaqdu l-istituzzjonijiet pubbliċi u l-qafas regolatorju.

    5.

    jagħraf li, b'mod ġenerali, l-industrija spazjali tal-UE għandha impatt kbir fuq il-pożizzjoni xjentifika u teknoloġika tal-Ewropa. Dan jinkludi inkoraġġiment għall-bażi xjentifika u teknoloġika Ewropea u l-effetti usa' tat-teknoloġija spazjali fuq l-ekonomija aktar fil-wisa';

    6.

    jaqbel mal-Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2013 dwar il-“Politika Industrijali Spazjali tal-UE: Ir-rilaxx tal-potenzjal għat-tkabbir ekonomiku fis-settur spazjali” li, fl-interessi ta' bażi industrijali bilanċjata, il-parteċipazzjoni tal-SMEs fil-katina tal-provvista hija komponent essenzjali tal-kompetittività tal-industrija spazjali Ewropea, u jingħaqad mal-Kunsill biex iħeġġeġ lill-Kummissjoni tivvaluta aktar il-ħtieġa għal strumenti finanzjarji innovattivi ġodda;

    7.

    iqis li, mill-perspettiva tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, huwa partikolarment importanti li jiġi promoss l-użu ta' applikazzjonijiet ibbażati fuq it-teknoloġija spazjali fil-politiki tal-UE u li għaldaqstant l-UE għandha tfassal miżuri ta' appoġġ adegwati sabiex jiġu stimolati l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' applikazzjonijiet ibbażati fuq it-teknoloġija spazjali fost l-utenti pubbliċi u privati, b'mod partikolari fl-awtoritajiet lokali u s-settur tal-SMEs, flimkien mal-miżuri ta' appoġġ għall-innovazzjoni marbuta magħhom;

    A.   Objettivi u azzjonijiet tal-politika industrijali spazjali

    8.

    huwa tal-fehma tal-Kummissjoni li l-ispazju huwa estremament importanti għall-UE u ċ-ċittadini tagħha u, bħall-Kummissjoni, iqis l-isfidi kbar li l-industrija spazjali tal-UE għandha tiffaċċja minħabba l-iżviluppi li qed isiru fi ħdan is-setgħat spazjali li qed jikbru (bħaċ-Ċina u l-Indja). Kif ġie analizzat fil-Komunikazzjoni, din is-sitwazzjoni hija r-riżultat ta' finanzjament insuffiċjenti iktar milli ta' nuqqas ta' effiċjenza min-naħa tas-settur spazjali Ewropew;

    9.

    jifhem li, fi żmien meta l-UE u l-Istati Membri tagħha qed jiffaċċjaw diffikultajiet finanzjarji, il-punt fokali tal-politika industrijali spazjali tal-UE għandu jkun fuq it-tqegħid tal-pedimenti għal spinta futura tas-settur fis-suq globali u fuq it-tneħħija tal-ostakli li jistgħu jxekklu dan il-proċess. Għaldaqstant, il-Kumitat jappoġġja bis-sħiħ l-objettivi deskritti fil-Komunikazzjoni: lit-twaqqif ta' qafas regolatorju, l-iżvilupp ta' bażi industrijali aktar kompetittiva, it-tħeġġiġ tal-kosteffiċjenza, l-iżvilupp tas-swieq fl-applikazzjonijiet u s-servizzi spazjali u l-iżgurar tal-awtonomija teknoloġika u l-aċċess indipendenti għall-ispazju;

    10.

    jappoġġja l-argument li l-governanza spazjali effiċjenti fl-Ewropa teħtieġ ftehim bejn il-partijiet interessati ewlenin, jiġifieri l-KE, l-ESA u l-Istati Membri, filwaqt li jinnota li, mill-pespettiva politika, deċiżjoni konġunta Ewropea tal-politika ta' difiża għandha tiffaċilita l-kooperazzjoni fost is-setturi militari nazzjonali, li minnhom għandu jibbenefika wkoll is-settur tal-ispazju ċivili;

    11.

    jagħraf il-kisbiet tas-suq tas-settur spazjali Ewropew, b'mod speċjali fil-qasam tas-SatCom, u jappoġġja l-Kummissjoni fl-isforzi tagħha biex iżżomm dan is-segment kompetittiv fis-suq globali. Minn din il-perspettiva, il-Kumitat jappoġġja bis-sħiħ l-inizjattiva li jiġi garantit aċċess lill-operaturi Ewropej għall-kanali tal-frekwenza tar-radju. Din il-kwistjoni hija ta' importanza għar-reġjuni, peress li s-SatCom tipprovdi l-mezzi biex jonqos id-distakk fil-broadband fiż-żoni b'popolazzjoni baxxa;

    12.

    jagħraf l-importanza tal-indipendenza teknoloġika tas-settur spazjali Ewropew u jaqbel mas-soluzzjonijiet proposti, bħall-fertilizzazzjoni trasversali ma' setturi mhux spazjali, it-tnedija ta' offerti rilevanti għal proġetti taħt il-Programm Orizzont 2020 u l-investiment fit-taħriġ ta' forza tax-xogħol b'ħiliet kbar għall-industrija spazjali;

    13.

    madankollu huwa mħasseb dwar jekk il-fondi disponibbli (eż. taħt l-Orizzont 2020) hux ser ikunu biżżejjed biex jittieħed pass importanti 'l quddiem fl-iżvilupp tal-indipendenza teknoloġika. Għaldaqstant, iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tippreżenta pjan dettaljat li juri kif għandu jintlaħaq dan l-għan;

    14.

    jissuġġerixxi li, fir-rigward tal-forza tax-xogħol b'ħiliet kbar, il-prijorità inizjali għandha tkun li t-tfittxija tibda fl-Istati Membri l-ġodda tal-UE, li kollha urew l-interess tagħhom, kif ukoll l-ambizzjoni, li jingħaqdu fil-klabb tan-nazzjonijiet spazjali u, ukoll, urew livell għoli ta' edukazzjoni fl-inġinerija u x-xjenzi fiżiċi;

    15.

    jappoġġja bis-sħiħ l-iżvilupp tas-suq għall-applikazzjonijiet u servizzi spazjali u jinnota li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jista' jkollhom rwol fundamentali f'dan il-proċess;

    16.

    f'dan il-kuntest jixtieq ifakkar li l-awtoritajiet lokali u reġjonali huma utent aħħari importanti tas-servizzi spazjali. Madankollu, sabiex jiġi sfruttat bis-sħiħ il-potenzjal tal-applikazzjonijiet spazjali, l-awtoritajiet lokali u reġjonali li huma utenti għandhom jiġu esposti aktar għall-benefiċċji tagħhom. Jinħtieġ djalogu aktar intensiv bejn il-provveditur tas-servizz u l-utent aħħari;

    17.

    barra minn hekk jemmen li, fit-territorji tagħhom, l-awtoritajiet lokali u reġjonali jiġbru flimkien atturi u parteċipanti ekonomiċi differenti involuti fit-trijanglu tal-innovazzjoni. L-awtoritajiet lokali u reġjonali huma responsabbli għall-programmi tal-innovazzjoni u l-SMEs li jistgħu jkunu marbuta mal-ispazju u għaldaqstant jikkontribwixxu strateġikament sabiex is-suq tal-ispazju jikber;

    18.

    jinnota wkoll li, minħabba l-prossimità tagħhom għall-pubbliku, l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom aċċess uniku għall-gruppi soċjetali differenti fit-territorji tagħhom u għaldaqstant għandhom pożizzjoni ideali biex jinformaw lill-pubbliku dwar il-benefiċċji tas-servizzi spazjali; f'dan il-kuntest, in-netwerks tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, bħal pereżempju n-netwerk NEREUS (Netwerk tar-reġjuni Ewropej li jużaw teknoloġiji spazjali) huma ta' importanza partikolari;

    B.   Tħassib lokali u reġjonali ġenerali

    19.

    jagħraf, mill-pożizzjoni tar-reġjuni bħala wieħed mill-utenti ewlenin tal-applikazzjonijiet tas-satellita, b'mod partikolari servizzi u prodotti Copernicus/GMES, li l-politika industrijali spazjali tal-UE għandha tappoġġja l-innovazzjoni teknika u tneħħi l-ostakli li jxekklu l-iżvilupp tagħha. Is-suċċess tal-politika spazjali tal-UE ser jitkejjel f'termini ta' tkabbir, iffrankar ta' spejjeż, effett konsekwenzjali transsettorjali u opportunitajiet ta' impjieg produttiv u b'livell għoli ta' ħiliet;

    20.

    huwa tal-istess fehma tal-Kummissjoni li l-isfida ewlenija li għandha tindirizza l-politika spazjali tal-UE sabiex twassal benefiċċji ekonomiċi lir-reġjuni u ċ-ċittadini tal-UE minn fondi li diġà ġew investiti għall-ispazju mill-Programmi ta' Qafas hija li titħeġġeġ l-innovazzjoni min-naħa tad-domanda;

    21.

    jaqbel li t-tfassil tal-politika pubblika orjentata lejn id-domanda għas-settur spazjali tal-UE huwa maħsub sabiex jagħti s-setgħa lill-utenti, iżda ma għandux ikun magħmul minn sempliċement sussidji għall-konsumatur;

    22.

    iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tistabbilixxi l-kriterji ta' utilità għall-pubbliku fis-servizz tal-kompetenzi u l-ħtiġijiet tal-awtoritajiet pubbliċi li ser jintużaw għall-valutazzjoni tad-domanda tal-utent;

    23.

    josserva, mill-perspettiva reġjonali, li l-utenti aħħara lokali u reġjonali jagħmlu użu mis-servizzi u l-prodotti Copernicus biss jekk jaraw każ ċar ta' negozju fl-użu tagħhom;

    24.

    jirrakkomanda li l-Kummissjoni tindirizza l-kwistjoni tal-mekkaniżmi ta' finanzjament għall-utenti reali u dawk potenzjali li jistgħu jsiru disponibbli mill-UE u l-Istati Membri tagħha meta s-servizzi jibdew joperaw. Fl-Ewropa, kif ukoll fil-bqija tad-dinja, l-osservazzjoni tad-dinja hija infrastruttura pubblika u l-eżerċizzju tal-interess pubbliku jinvolvi dipendenza mill-fondi pubbliċi għar-riċerka u l-iżvilupp kif ukoll għall-implimentazzjoni operattiva tas-servizzi;

    25.

    jesprimi l-fehma li l-fażi operattiva ta' Copernicus hija kruċjali għall-iskoperta ekonomika ta' żviluppi teknoloġiċi ġodda, iżda dak l-appoġġ finanzjarju ser ikun meħtieġ sabiex jingħelbu l-ispejjeż tal-bidu tan-negozju marbuta mal-użu tat-teknoloġija l-ġdida minn varjetà ta' utenti;

    26.

    jistenna li utenti bħalma huma l-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-SMEs ser ikomplu jeħtieġu inċentivi u appoġġ mill-UE u mill-Istati Membri u jinnota li l-ESA tista' tkun involuta wkoll fl-għoti ta' appoġġ lill-utenti;

    27.

    jixtieq jiġbed l-attenzjoni għall-evidenza miġjuba mill-aqwa prattiki lokali u reġjonali li, fil-maġġoranza kbira ħafna tal-każijiet, is-servizzi downstream ta' Copernicus/GMES jaqdu l-ħtiġijiet tal-politika pubblika u taw prova tal-użu tagħhom għal għanijiet pubbliċi;

    28.

    jissuġġerixxi li s-servizzi u l-applikazzjonijiet żviluppati fuq il-bażi ta' teknoloġiji spazjali jistgħu jkunu kofinanzjati mill-Fondi Strutturali, bil-kundizzjoni li hemm rieda politika u għarfien biżżejjed min-naħa ta' dawk li jiġġestjonaw il-fondi. Mekkaniżmu ta' dat-tip diġà intuża fil-Qafas Finanzjarju 2007-2013, fejn fondi ta' koeżjoni/FEŻR mhux użati ġew allokati mill-ġdid għal prijorità ġdida: internet bi broadband bis-satellita għal reġjuni mbiegħda;

    C.   L-indirizzar tal-problemi tas-settur

    29.

    jinnota li s-settur spazjali huwa karatterizzat minn ċikli ta' żvilupp twal. Dan iżid ir-riskji tas-suq, peress li l-potenzjal tas-suq għal applikazzjonijiet ġodda jirrikjedi li jiġi valutat ħafna minn qabel. B'riżultat ta' dan, huwa diffiċli biex l-intraprendituri fil-qasam tal-ispazju jattiraw l-investituri. Barra minn hekk, il-ħajja operattiva twil tal-assi spazjali (10-15-il sena għal satellita tat-telekomunikazzjonijiet) tagħmel is-suq ċikliku ħafna, u huwa diffiċli ħafna biex il-provvista tiġi aġġustata malajr għall-kundizzjonijiet tad-domanda li qed jinbidlu;

    30.

    jagħraf li fis-settur upstream, spejjeż fissi għoljin li ġejjin minn investimenti kbar ta' riċerka u żvilupp u perjodi twal ta' żvilupp u d-daqs żgħir tas-suq jimpedixxu l-ħolqien ta' ekonomiji ta' skala, liema ħaġa tħeġġeġ it-tendenza għal konċentrazzjoni (eż. f'operazzjonijiet ta' lanċar). Min-naħa l-oħra, l-ekonomiji ta' skala kbar huma possibbli fis-settur downstream, u jagħmlu s-swieq akbar aktar ekonomikament vijabbli. In-natura nnifisha ta' dawn l-isfidi tfisser li r-rwol ċentrali tal-gvernijijet fl-ekonomija spazjali Ewropea ma jistax jiġi injorat;

    31.

    jenfasizza li huwa assolutament kruċjali għall-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, f'koordinazzjoni mal-ESA, li mingħajr l-ebda dewmien jieħdu d-deċiżjonijiet politiċi, legali u tekniċi meħtieġa sabiex jipprovdu għar-riżorsi finanzjarji meħtieġa u jiġi żgurat aċċess indipendenti għall-ispazju, jiġu kompletati s-sistemi spazjali li attwalment qed jiġu żviluppati jew ippjanati u jiġu promossi r-riċerka u l-iżvilupp kif ukoll l-iżvilupp ta' servizzi spazjali u applikazzjonijiet innovattivi;

    32.

    jara li minkejja li l-manifattura spazjali hija ta' importanza strateġika, din għadha mhix forza kbira fl-ekonomiji nazzjonali meta mqabbla ma' setturi industrijali oħra fl-Ewropa u jitlob biex il-politika industrijali spazjali futura tal-UE tiżgura aktar indipendenza tal-UE mill-provvista ta' komponenti strateġiċi minn pajjiżi terzi;

    33.

    iħeġġeġ lill-ESA sabiex tkompli tappoġġja lil organizzazzjonijiet interessati fit-trasferiment ta' teknoloġija spazjali f'industriji oħra permezz ta' finanzjament għal studji ta' fattibbiltà, analiżi u prototipar tas-suq. L-appoġġ għall-kumpaniji li qed jibdew in-negozju tagħhom huwa disponibbli permezz ta' inkubaturi ta' negozju kif ukoll mill-'inċentiv' (finanzjament tal-bidu) disponibbli mill-Uffiċċju tal-Programm tat-Trasferiment tat-Teknoloġija (TTPO) tal-ESA. Il-Kumitat jitlob ukoll għal djalogu li jista' jwassal għal żieda fl-opportunitajiet għal atturi fil-livell lokali u reġjonali;

    34.

    jesprimi l-fehma li huwa vitali li l-UE tippromovi “speċjalizzazzjoni intelliġenti” u kooperazzjoni bejn il-programmi reġjonali u ta' finanzjament għall-innovazzjoni tagħha jekk trid tevita li tibqa' lura fil-konfront tal-kompetituri internazzjonali tagħha;

    35.

    jaqbel mal-Konklużjonijiet tal-Kunsill li element ewlieni tal-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti huwa l-involviment tar-reġjuni bħala parteċipanti ewlenin fil-politika Ewropea tal-innovazzjoni, ħaġa li tista' jgħin ukoll biex is-settur tar-riċerka jillibera l-potenzjal finanzjarju tal-fondi reġjonali tal-UE. L-iżvilupp ta' mudelli ta' negozju u l-aġġornament tal-ħiliet ta' negozju disponibbli fl-SMEs fil-qasam tas-servizzi relatati mal-osservazzjoni tad-dinja huma partikolarment importanti mill-perspettiva tal-awtoritajiet lokali u reġjonali;

    36.

    jitlob biex politiki koordinati tal-UE u nazzjonali jħaffu l-proċess ta' maturazzjoni tas-settur Ewropew tal-osservazzjoni tad-dinja kemm mil-lat ta' provvista kif ukoll ta' domanda. Il-mewġa reċenti ta' konsolidazzjoni hija sinjal li l-industrija nnifisha qed tħejji għall-fażi li jmiss. Iż-żmien huwa propizju biex gruppi ta' klijenti kruċjali bħalma huma l-gvernijiet iħaddnu applikazzjonijiet tal-osservazzjoni tad-dinja fuq skala kbira. Meta l-gvernijiet jirnexxilhom jgħaqqdu d-domanda f'kuntest tal-UE, dan, minn naħa, ser iżid id-domanda u, min-naħa l-oħra, ser jippermetti l-istandardizzazzjoni (u ekonomiji ta' skala għall-industrija);

    D.   L-impatt tas-settur spazjali

    37.

    jinnota li, attwalment, għadd ta' spin-offs teknoloġiċi relatati max-xjenzi tal-ħajja mis-settur spazjali mhux qed jiġu sfruttati biżżejjed fl-UE, u li strateġija ta' spin-off immirata kif imiss fil-bidu ta' programm spazjali, li tinvolvi parteċipazzjoni usa' ta' rappreżentanti ta' industriji oħra, toffri benefiċċji kbar ħafna fil-livell Ewropew;

    38.

    jenfasizza l-importanza tat-teknoloġija tas-satellita fis-settur spazjali tal-UE u jinnota li madwar żewġ terzi tal-bejgħ kollu tas-satelliti huwa għal applikazzjonijiet tat-telekomunikazzjonijiet. Fil-kuntest tal-politika industrijali spazjali tal-UE huwa għaldaqstant importanti li jitqies il-fatt li dan is-suq ilu jkun soġġett għal varjazzjonijiet ċikliċi, li jirriflettu l-ewwel nett il-bidliet fid-domanda għal satelliti ta' telekomunikazzjoni GEO u servizzi ta' lanċar marbuta magħhom;

    39.

    josserva li l-mowbajls, l-internet, il-karti ta' kreditu, in-nollijiet fit-toroq, ix-xandiriet televiżivi u t-tbassir tat-temp huma biss ftit eżempji ta' funzjonijiet ta' kuljum li jiddependu parzjalment jew kompletament mis-satelliti. Funzjonijiet aktar strateġiċi jinkludu pereżempju l-biedja, il-monitoraġġ tal-kurrenti tal-oċean u tar-riħ, in-navigazzjoni tal-bastimenti u l-inġenji tal-ajru, il-monitoraġġ tal-emerġenzi, it-tniġġis, il-klima u l-ambjent;

    40.

    jinnota wkoll li ż-żieda tal-atturi privati fil-qasam tal-ispazju għenet biex it-teknoloġiji u s-servizzi spazjali jsiru orħos u aktar aċċessibbli, liema ħaġa ppermettiet biex stati mingħajr programmi spazjali nazzjonali u stati li qed jiżviluppaw jibbenefikaw minn uħud mill-benefiċċji li l-ispazju jista' jipprovdi;

    41.

    jagħraf li s-Seba' Programm Kwadru Ewropew (FP7) diġà kien kontributur importanti għall-promozzjoni tal-innovazzjoni fil-Galileo/EGNOS u servizzi li jakkumpanjawhom; madankollu, ir-relatur jista' jiddeplora l-fatt li fi ħdan l-FP7 l-attenzjoni għall-applikazzjonijiet kienet baxxa immens, filwaqt li kienet konċentrata fuq is-settur upstream;

    E.   L-approċċ futur għall-politika industrijali spazjali tal-UE

    42.

    jistaqsi jekk l-enfasi, li s'issa kienet limitata għas-suq tax-xoħgol, l-infrastruttura u l-konformità mal-kompetizzjoni (fi kliem ieħor, il-kwalità tal-ambjent ekonomiku), hijiex biżżejjed, jew jekk il-punt fokali għandux jitqiegħed fuq il-kapaċità ta' produzzjoni ta' beni u servizzi esportabbli;

    43.

    jilqa' b'sodisfazzjon li l-programmi GALILEO u Copernicus ġew ikkunsidrati fl-ambitu tal-qafas finanzjarju pluriennali 2014-2020;

    44.

    juri li, minkejja l-fatt li l-istrateġija Ewropea għall-perjodu 2014-2020 hija konċentrata fuq ir-riċerka u l-iżvilupp u t-teknoloġija għolja, l-UE tista' titlef il-vantaġġ kompetittiv tagħha f'dan il-qasam kontra l-pajjiżi industrijalizzanti li qed jiżviluppaw malajr bħalma huma l-Indja, iċ-Ċina u l-Brażil, jekk il-baġits tal-Istati Membri għar-riċerka u l-iżvilupp jibqgħu taħt il-mira ffissata fl-Istrateġija ta' Lisbona.

    45.

    jinnota li s-suċċess ta' kwalunkwe politika industrijali hija marbuta bis-sħiħ mat-tendenzi makroekonomiċi fl-UE u l-ekonomiji nazzjonali u jitlob għal żvilupp tal-produzzjoni industrijali b'riċerka intensiva u teknoloġija għolja, fejn il-vantaġġ kompetittiv jista' jintuża;

    46.

    jikkunsidra bħala importanti l-implimentazzjoni bilanċjata tal-Istrateġija Ewropa 2020, u għaldaqstant jistaqsi jekk il-kompetittività f'setturi innovattivi hijiex biżżejjed biex jitjiebu l-impjieg u t-tkabbir madwar l-ekonomija kollha tal-UE u jitlob biex jingħata appoġġ lis-settur spazjali kollu sabiex l-istruttura tas-settur tkun aktar bilanċjata fil-każ ta' kumpaniji kbar, medji u żgħar;

    47.

    jagħraf li filwaqt li l-Kummissjoni Ewropea għandha l-għodda disponibbli (bħall-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti) sabiex ikun żgurat approċċ aktar ġeografiku għall-politika industrijali fis-setturi ewlenin, għad fadal ħafna xi jsir biex jiġi żgurat aċċess suffiċjenti għall-finanzjament (kapital ta' riskju) minn sorsi li ma jibżgħux ħafna mir-riskju;

    48.

    juri li relazzjoni mill-qrib bejn il-livell lokali/reġjonali, li qed jaħdem mal-industriji sabiex jidentifika u jappoġġja l-ewwel passi tagħhom, u l-livelli nazzjonali/komunitarji għandha tkun aspett vitali tal-politika industrijali tal-UE;

    F.   Sussidjarjetà u proporzjonalità

    49.

    jaqbel mal-fehma tal-Kummissjoni li b'konformità mal-Artikolu 4.3 tat-TFUE, fl-oqsma tar-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u l-ispjazju, l-Unjoni għandha l-kompetenza sabiex tieħu azzjonijiet, b'mod partikolari sabiex tiddefinixxi u timplimenta programmi mingħajr ma l-eżerċizzju ta' din il-kompetenza jkun jista' jimpedixxi lill-Istati Membri milli jeżerċitaw tagħhom. Il-kompetenzi kondiviżi ser jibqgħu sa ma l-UE toħloq leġislazzjoni sekondarja tal-UE f'dawn l-oqsma, u hemmhekk il-parlamenti nazzjonali jkollhom ineħħu kwalunkwe liġi nazzjonali kunfliġġenti;

    50.

    jinnota li l-finanzjament frammentat u limitat disponibbli għar-riċerka spazjali huwa meqjus bħala wieħed mill-ostakli għal aktar żvilupp tal-attivitajiet spazjali u għaldaqstant jitlob li jkun hemm koordinazzjoni aħjar tal-attivitajiet spazjali bejn l-UE, l-ESA u l-Istati Membri rispettivi tagħhom, biex b'hekk l-Ewropa tkun tista' tapplika tmexxija globali fis-settur spazjali. L-importanza tal-involviment tal-UE fil-finanzjament tal-attivitajiet ta' riċerka spazjali hija appoġġjata mill-fatt li ħafna attivitajiet ta' riċerka spazjali ma jitwettqux mingħajr l-appoġġ tal-KE. Għaldaqstant, l-azzjoni tal-UE hija meqjusa indispensabbli f'dan ir-rigward;

    51.

    huwa tal-fehma li l-azzjoni proposta fil-Komunikazzjoni hija meħtieġa peress li l-kwistjoni li qed tiġi indirizzata għandha aspetti transnazzjonali li ma jistgħux jiġu regolati b'mod sodisfaċenti mill-Istati Membri u peress li l-miżuri eżistenti u l-assistenza mmirata tal-UE pprovduti f'dan il-qafas mhumiex biżżejjed biex jintlaħqu l-objettivi mixtieqa. L-azzjoni proposta ser tipprovdi benefiċċju ċar, minħabba l-iskala u l-effettività tagħha, meta mqabbla mal-azzjoni frammentata fil-livell nazzjonali, reġjonali jew lokali, l-aktar minħabba l-ekonomiji ta' skala, peress li programmi spazjali komprensivi jeħtieġu livell ta' investiment li l-Istati Membri ma jifilħux jagħmlu waħidhom;

    52.

    jinnota, barra minn hekk, li l-inizjattiva attwali ma tippruvax tissostitwixxi l-inizjattivi meħuda mill-Istati Membri. Hija tipprova tikkomplementa l-azzjoni meħuda fil-livell tagħhom u ssaħħaħ il-koordinazzjoni meta tali koordinazzjoni tkun meħtieġa biex jintlaħqu l-objettivi komuni;

    53.

    iqis li l-argumenti huma ċari, adegwati u konvinċenti. Għaldaqstant, l-azzjoni tal-UE prevista f'din il-Komunikazzjoni tikkonforma mal-prinċipju tas-sussidjarjetà;

    54.

    jaqbel mal-Kummissjoni li, fir-rigward tal-proporzjonalità, l-UE għandha toħloq leġislazzjoni biss sa fejn hu meħtieġ. Għandha tingħata preferenza biex titħeġġeġ il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, tiġi koordinata azzjoni nazzjonali jew biex din l-azzjoni tiġi komplementata jew appoġġjata minn linji gwida, it-twaqqif ta' mekkaniżmi ta' skambju tal-informazzjoni, eċċ. L-aspetti rilevanti li għandhom jiġu regolati fil-kuntest tal-politika spazjali l-ġdida tal-UE ser ikunu l-istandards industrijali, il-kwistjonijiet relatati mal-operazzjonijiet tekniċi u l-isfruttament kummerċjali tal-infrastruttura tal-komunikazzjoni bis-satellita;

    Brussell, 8 ta’ Ottubru 2013.

    Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

    Ramón Luis VALCÁRCEL SISO


    Top