Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013IR3751

    Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar il- “Green paper dwar strateġija Ewropea għall-iskart tal-plastik fl-ambjent”

    ĠU C 356, 5.12.2013, p. 30–36 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    5.12.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 356/30


    Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-“Green paper dwar strateġija Ewropea għall-iskart tal-plastik fl-ambjent”

    2013/C 356/06

    IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

    jappella lill-Kummissjoni Ewropea biex sal-2020 tadotta projbizzjoni li fil-miżbliet jintrema plastik u skart li faċilment jieħu n-nar u biex tintroduċi miri speċifiċi u ambizzjużi għall-prevenzjoni, għat-tħejjija għall-użu mill-ġdid u għar-riċiklaġġ tal-iskart mill-plastik li għandhom jiġu armonizzati fid-direttivi rilevanti kollha u għandhom jirriflettu l-kwistjonijiet ambjentali b'rabta mal-materjali. Jistgħu jiġu maħsuba u negozjati mal-Istati Membri miri intermedji u perjodi ta' tranżizzjoni;

    jitlob lill-Kummissjoni Ewropea tikkunsidra li tiffinanzja infrastruttura futura li tirriċikla l-plastik b'mod effettiv u tieqaf tiffinanzja l-miżbliet u l-inċinerazzjoni; il-finanzjament tal-UE għandu jiġi allokat biss għal faċilitajiet ta' rkupru tal-enerġija li jagħmlu parti minn strateġija koerenti tal-ġestjoni tal-iskart, u li tinkludi biżżejjed faċilitajiet għall-istadji bikrin tal-ġerarkija tal-iskart;

    jitlob li ssir implimentazzjoni sħiħa tal-prinċipju ta' “min iniġġes iħallas” u jitlob lill-Kummissjoni Ewropea biex tistudja l-aħjar mod kif tista' tiġi applikata r-responsabbiltà estiża tal-produttur fl-UE. Skemi ta' ħlas ta' depożitu u ta' teħid lura obbligatorju huma miżuri li għandhom jiġu segwiti fil-livell tal-UE għal ċerti prodotti tal-plastik u prodotti li fihom il-plastik. Il-prinċipju ta' “ħallas meta tarmi” għall-oġġetti ingumbranti għandu jitħeġġeġ b'metodi ta' ġbir determinati mill-awtoritajiet lokali u reġjonali. Barra li tipprovdi inċentiv għall-użu mill-ġdid, il-projbizzjoni tal-forniment b'xejn ta' basktijiet tal-plastik għandha tiġi kkunsidrata;

    jemmen li fit-tfassil tal-prodott, l-użu ta' għadd limitat ta' plastik individwali li mhuwiex imħallat ma' materjali oħra, u informazzjoni ċara fuq il-prodotti u l-imballaġġi dwar it-tip ta' plastik huma importanti sabiex jiġu faċilitati l-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ; jemmen li fid-disinni futuri għandu jkun hemm kontenut riċiklabbli minimu obbligatorju;

    jappella għal ftehim internazzjonali dwar il-projbizzjoni tal-użu ta' mikrożibeġ tal-plastik dekomponibbli għall-użu kosmetiku u għal prodotti personali oħra, biex dan is-sors relattivament ġdid ta' tniġġis jinżamm milli jidħol fil-katina tal-ikel; jemmen li hemm evidenza konsiderevoli biex jappella għall-projbizzjoni ta' plastik ossodegradabbli sakemm issir aktar riċerka li tistabbilixxi li dawn il-prodotti għandhom valur miżjud;

    Relatur

    Il-Kunsilliera Linda GILLHAM (UK/AE), Membru tal-Kunsill tal-Borough ta’ Runnymede

    Dokument ta' referenza

    Green Paper dwar Strateġija Ewropea għall-Iskart tal-Plastik fl-Ambjent

    COM(2013) 123 final

    I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

    IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

    1.

    jilqa' bi pjaċir il-Green Paper dwar l-iskart tal-plastik fl-ambjent. Il-ġestjoni tal-iskart bl-aqwa mod possibbli hija waħda mill-ikbar sfidi li qed iħabbtu wiċċhom magħhom l-awtoritajiet lokali u reġjonali llum, kemm fit-tnaqqis tal-impatt ambjentali tal-iskart li qiegħed dejjem jiżdied billi jinħolqu u jiġu finanzjati infrastrutturi għat-trattament u r-rimi tal-iskart, kif ukoll fil-preservazzjoni tar-riżorsi naturali;

    2.

    jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li madanakollu l-prevenzjoni tal-iskart għandha tibqa' l-ogħla prijorità. Flimkien mat-titjib tal-ġestjoni tal-iskart, hemm bżonn ukoll ta' strateġiji komprensivi u ambizzjużi tal-prevenzjoni tal-iskart;

    3.

    f'dan il-kuntest jitlob li ssir implimentazzjoni sħiħa tal-prinċipju ta' “min iniġġes iħallas” peress li dan huwa wieħed mill-aktar metodi effettivi ta' prevenzjoni tal-iskart li jistgħu jgħinu lill-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jilħqu l-miri tagħhom tal-iskart kif ukoll jillimitaw il-piż finanzjarju u organizzattiv fuqhom;

    4.

    jagħraf il-fatt li l-parteċipazzjoni tal-familji hija fundamentali biex jiżdiedu l-miri tal-prevenzjoni, il-ġbir u r-riċiklaġġ. L-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom il-kapaċità jipprovdu liċ-ċittadini b'tagħrif u faċilitajiet biex minn naħa jadattaw l-attitudnijiet tagħhom ta' konsum u min-naħa l-oħra biex jagħtu spinta lill-firxa u 'l-kwalità tal-materjal miġbur. Dan jiddependi mill-impenn li jitħaddan il-kunċett li l-iskart tal-plastik huwa riżorsa potenzjalment ta' valur;

    5.

    jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-iskart tal-plastik mhux ġej mid-djar biss u li trid titpoġġa ferm iktar enfasi b'mod partikolari wkoll fuq l-industrija (pereżempju tat-tagħmir tat-trasport), l-industrija tal-bini kif ukoll oqsma kummerċjali oħra, billi jikkunsmaw livell ferm għoli ta' plastik;

    6.

    jagħraf li hemm id-differenzi bejn l-Istati Membri fil-ġestjoni tal-iskart. Għal diversi raġunijiet, anke oppożizzjoni mill-pubbliku, f'ħafna Stati Membri l-investiment f'faċilitajiet għall-ġestjoni tal-iskart ħa ż-żmien biex wasal, l-istess bħalma damet biex titwassal ukoll l-infrastruttura;

    7.

    jiddispjaċih bin-nuqqas jew il-pass bil-mod tal-ippjanar strateġiku matul il-katina tal-ġestjoni tal-iskart: il-miżuri ta' prevenzjoni u ta' tħejjija għall-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ, is-sistemi tal-ġbir, l-impjanti tat-trattament, inizjattivi mis-suq innifsu. Swieq siguri ser jiżviluppaw biss jekk ikun hemm volumi suffiċjenti ta' materjal tal-plastik riċiklat;

    8.

    jappella lill-Kummissjoni Ewropea tiżgura li l-leġislazzjoni ambjentali eżistenti tal-UE tiġi implimentata u infurzata kompletament fit-28 Stat Membru. jemmen li bħalissa hemm nuqqas ta' riżorsi għall-infurzar u l-kontroll;

    9.

    jilqa' bi pjaċir l-intenzjoni li fl-2014 tiġi riveduta d-Direttiva dwar ir-rimi ta' skart f'terraferma. Jemmen li sal-2020 din għandha tinkludi projbizzjoni li fil-miżbliet jintefa' plastik u skart li faċilment jieħu n-nar. Il-KtR jagħraf il-fatt li l-industrija tal-ġestjoni tal-iskart u l-awtoritajiet lokali u reġjonali jeħtieġu ż-żmien, l-investiment u ċ-ċertezza biex jikkommettu r-riżorsi f'infrastruttura adegwata għall-ġbir, it-tqassim f'kategoriji u pproċessar finali li jkun effiċjenti. Filwaqt li l-Istati Membri li għadhom lura jistgħu jeħtieġu perjodu ta' tranżizzjoni għall-projbizzjoni, l-iskart tal-plastik kollu jrid jiġi mmaniġġjat bħala riżorsa kif maħsub fil-Pjan Direzzjonali għal Ewropa b'Użu Effiċjenti tar-Riżorsi biex jintlaħqu l-għanijiet tal-2020;

    10.

    jagħraf li filwaqt li seba' Stati Membri diġà jużaw il-miżbliet għal inqas minn 10 % tal-iskart, hemm ħdax-il Stat Membru li jużawhom għal aktar minn 60 %. Il-ġestjoni tal-iskart teħtieġ tagħraf il-valur speċifiku tal-plastik b'sistemi ta' ġbir aħjar u aktar effiċjenti biex titnaqqas kemm jista' jkun il-kontaminazzjoni;

    11.

    jappella lill-Kummissjoni Ewropea biex f'reviżjonijiet futuri tadotta approċċ integrat għall-plastik kollu, inkluż l-iskart elettriku (WEEE), il-vetturi li ma għadhomx jintużaw (ELV) u l-imballaġġ. Il-miri tad-Direttiva Qafas dwar l-Iskart huma baxxi wisq u ma jindirizzawx speċifikament l-iskart tal-plastik;

    12.

    jinsisti li miri ġodda għall-plastik għandhom jindirizzaw il-kwistjoni tat-tunnellaġġ, li mhuwiex adegwat bħala għodda għall-kejl speċjalment għall-film tal-plastik ħafif ħafna. Il-miri għandhom jirriflettu l-kwistjonijiet ambjentali b'rabta mal-materjali biex jiżdied il-valur tal-plastik li għandu t-tendenza jitwarrab favur materjali riċiklabbli itqal;

    13.

    jinnota li l-Istati Membri kollha ħaddnu l-kunċett ta' “enerġija mill-iskart” bħala alternattiva leġittima għar-rimi fil-miżbliet tal-iskart residwu li jibqa' wara l-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ. F'dan l-kuntest itenni li l-finanzjament tal-UE għandu jiġi allokat biss għal faċilitajiet ta' rkupru tal-enerġija li jagħmlu parti minn strateġija koerenti tal-ġestjoni tal-iskart, u li tinkludi biżżejjed faċilitajiet għall-istadji bikrin ta' għażla, tindif u riċiklaġġ tal-iskart miġbur. Barra minn hekk, jaħseb li minħabba l-fatt li l-plastik jipprovdi fjuwil ta' Valur Kalorifiku għoli, huwa importanti li jiġu stabbiliti l-miri ta' riċiklaġġ għall-plastik skont il-materjali, fuq il-bażi tal-kapaċità tal-ipproċessar, sabiex tiġi evitata d-domanda għall-fjuwil li tirriżulta fl-inċinerazzjoni ta' riżorsi ta' valur;

    14.

    jemmen li l-miri eżistenti għandhom jiġu infurzati aħjar. Barra minn hekk, jappoġġja l-introduzzjoni ta' miri vinkolanti, speċifiċi u ambizzjużi iżda li jistgħu jintlaħqu għall-prevenzjoni, għat-tħejjija għall-użu mill-ġdid u għar-riċiklaġġ tal-iskart, minbarra l-alternattivi għall-miżbliet, għax dawn jistgħu jitkejlu b'mod aktar preċiż, li għandhom jiġu armonizzati fid-direttivi rilevanti kollha. Jistgħu jiġu maħsuba u negozjati miri intermedji u perjodi ta' tranżizzjoni mal-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali u reġjonali li għadhom ma għamlux progress sodisfaċenti fir-rigward tal-miri tal-iskart;

    15.

    jitlob li dawn il-miri jkunu konformi mal-prinċipji ta' proporzjonalità, prossimità u prekawzjoni;

    16.

    jemmen li dawn il-miżuri ser itellgħu l-iskart mill-plastik aktar 'il fuq fil-ġerarkija tal-iskart u jaqbel mat-talba tal-Parlament Ewropew biex jiġi pprojbit ir-rimi tal-iskart riċiklabbli u organiku kollu fil-miżbliet sal-2020, iżda jwissi li hemm riskju li tiżdied l-esportazzjoni tal-iskart tal-plastik 'il barra mill-Ewropa sakemm ma jkomplix jiġi żviluppat ir-riċiklaġġ tal-plastik fl-UE;

    17.

    jappella biex ir-riċiklaġġ tal-plastik jiġi promoss aktar fl-istadji kollha biex titħeġġeġ ekonomija ċirkolari. It-tfassil inizjali għandu jqis mhux biss ir-riċiklaġġ fi tmiem il-ħajja iżda r-razzjonalizzazzjoni ta' polimeri użati fil-produzzjoni kif ukoll l-użu ta' għadd limitat ta' plastik individwali li mhuwiex imħallat ma' materjali oħra, biex is-separazzjoni għar-riċiklaġġ tkun aktar faċli;

    18.

    iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea tippromovi akkwist pubbliku ekoloġiku b'inċentivi akbar għall-prevenzjoni, it-tħejjija għall-użu mill-ġdid, ir-riċiklaġġ u ż-żieda fil-kontenut ta' plastik riċiklat f'oġġetti ġodda;

    19.

    jitlob lill-Kummissjoni Ewropea tikkunsidra li tiffinanzja infrastruttura futura li tirriċikla l-plastik b'mod effettiv u tieqaf tiffinanzja l-miżbliet u l-inċinerazzjoni, filwaqt li tappoġġja wkoll is-suq għall-plastik riċiklat u b'hekk toħloq l-impjiegi;

    20.

    jagħraf li filwaqt li r-riċiklaġġ tal-materjal iwassal biex l-UE tkun aktar awtosuffiċjenti fil-materja prima għall-faċilitajiet tagħha ta' produzzjoni, u li l-irkupru tal-enerġija għandu jibqa' alternattiva sussidjarja, b'konformità mal-ġerarkija tal-iskart, sabiex jintuża l-potenzjal kollu tal-iskart li ma jkunx għadu qed jintrema fil-miżbliet u biex ma jinħoloqx effett ta' spiera favur l-enerġija mill-iskart, kif tirrakkomanda l-Green Paper;

    21.

    jemmen bil-qawwa li s-sistemi tal-ġbir minn fuq l-għatba għandhom ikunu obbligatorji iżda għandhom ukoll jitfasslu b'mod li jħeġġu s-separazzjoni u jkabbru kemm jistgħu l-irkupru ta' materjali riċiklabbli ta' kwalità għolja. Din hija kwistjoni ta' sussidjarjetà u filwaqt li r-riċiklaġġ xott imħallat qed ikun effiċjenti ħafna f'ċerti Stati Membri, irid jiġi rikonoxxut li l-metodi tal-ġbir ivarjaw bejn żoni urbani u rurali u minn pajjiż għall-ieħor. Filwaqt li mhuwiex prattiku li titwaqqaf politika waħda għal kulħadd, hemm lok għal razzjonalizzazzjoni volontarja u standardizzazzjoni tal-metodi tal-ġbir;

    22.

    itenni l-fehma tiegħu li jista' jkun hemm possibbiltajiet għall-awtoritajiet reġjonali biex jaħdmu flimkien dwar il-ġestjoni tal-iskart b'mod transkonfinali u billi jikkonċentraw f'post wieħed it-trattament tal-iskart minn proprjetajiet simili, i.e. binjiet b'ħafna sulari ta' appartamenti, biex tiġi żgurata ġestjoni effiċjenti tal-flussi tal-iskart u l-aħjar użu tal-infrastruttura u tar-riżorsi disponibbli lis-settur;

    23.

    iqis li r-riċiklaġġ ta' kwalità għolja għandu jkun promoss b'appoġġ attiv għal suq tal-plastik riċiklat u li għandha tiġi mħeġġa l-produzzjoni ta' materjal li jirrispetta l-ambjent biex jonqos l-iskart tal-plastik fin-natura;

    24.

    jiddispjaċih li r-rappurtar attwali tal-miri ta' rkupru taħt id-Direttiva Qafas dwar l-Iskart huwa bbażat fuq il-ġbir u mhux fuq ir-riċiklaġġ jew l-irkupru tal-enerġija reali. Hemm bżonn urġenti li d-definizzjonijiet jiġu ċċarati u li tinstab metodoloġija unika għall-kalkolu tal-prestazzjoni dwar ir-riċiklaġġ;

    25.

    jagħraf li l-Kummissjoni Ewropea diġà introduċiet programm ta' appoġġ għall-għaxar Stati Membri bl-inqas prestazzjoni dwar il-politiki tal-iskart. jiddispjaċih li 18-il Stat Membru għadhom 'il bogħod milli jkunu konformi mad-Direttiva Qafas dwar l-Iskart;

    26.

    jissuġġerixxi li hemm bżonn ta' firxa ta' miżuri, għax strument ta' politika wieħed waħdu mhux ser ikun biżżejjed biex l-iskart imur għar-riċiklaġġ minflok fil-miżbliet. Madanakollu r-riċiklaġġ mhux dejjem huwa strateġija vijabbli, għax ir-riċiklaġġ tal-plastik huwa teknikament diffiċli u mhux dejjem ikun ġustifikat ekonomikament, anke jekk ikun hemm l-aqwa raġunijiet ambjentali;

    27.

    jemmen li l-UE tinsab f'pożizzjoni tajba biex tkun mexxejja globali fit-tneħħija tal-plastik mill-miżbliet u għandha taqsam l-aqwa prattiki fil-ġestjoni tal-iskart mal-livelli lokali, reġjonali, nazzjonali u internazzjonali. L-UE għandha tippromovi l-inizjattivi sostenibbli u tiżgura li r-riċiklaturi jibagħtu l-iskart tagħhom lill-impjanti ta' riċiklaġġ biss jekk dawn ikollhom l-istess obbligi ta' ġestjoni bħall-impjanti tal-UE. L-intermedjarji mhumiex riċiklaturi u l-KtR jappella għal monitoraġġ aktar mill-qrib tal-applikazzjoni tar-regoli dwar it-trasport fil-portijiet Ewropej;

    28.

    f'dan il-kuntest itenni l-appoġġ tiegħu għall-ħolqien ta' pjattaforma Ewropea ta' informazzjoni li tippermetti l-iskambju ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali dwar il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-iskart fl-UE u barra mill-UE;

    29.

    jagħraf li l-plastik għandu destinazzjoni globali, għalhekk il-prattika tajba fl-istadju tat-tfassil, tat-tiswija għall-użu mill-ġdid u fit-tfassil biex oġġett ikun riċiklabbli ser tkun effettiva lil hinn mill-fruntieri tal-UE u ser tgħin biex oġġetti tal-plastik jinżammu milli jsiru skart marittimu fil-ġejjieni;

    30.

    jinnota li ħafna oġġetti tal-konsumaturi, speċjalment elettriċi u elettroniċi, jiġu manifatturati barra l-UE u, minħabba spejjeż tal-manodopera għoljin fl-UE, wara jerġgħu jiġu esportati mill-ġdid biex jiżżarmaw, jiġu riċiklati jew jintremew. Billi jimxi mal-prinċipju tal-prossimità, il-KtR jirrakkomanda li l-infrastruttura għar-riċiklaġġ u l-użu mill-ġdid tiġi żviluppata f'qafas tal-UE, sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jagħmlu użu effiċjenti mill-infrastruttura tal-ġestjoni tal-iskart li teżisti diġà u jiġi evitat l-investiment doppju għalxejn. Għaldaqstant, l-iskart mill-plastik jista' jiġi ttrattat f'pajjiżi ġirien mingħajr il-bżonn li jinbnew ħafna tipi ta' impjanti ta' riċiklaġġ f'kull Stat Membru, filwaqt li tista' tiġi ppjanata infrastruttura speċifika għat-trattament speċjalizzat ta' ċerti tipi ta' skart mal-UE kollha biex tiġi evitata d-dupplikazzjoni. Il-KtR jirrikonoxxi li għandhom jiġu stabbiliti u infurzati kontrolli transkonfinali dwar il-moviment tal-iskart;

    31.

    jemmen li filwaqt li l-azzjoni volontarja tista' tikkomplementa l-leġislazzjoni, ser ikun hemm bżonn ta' xi regolazzjoni biex jiġi żgurat qafas għall-iskart effiċjenti, effettiv, sigur u sostenibbli. Madankollu, il-KtR jemmen li l-Kummissjoni Ewropea għandha tikkunsidra miżuri li jinfurmaw u jinfluwenzaw bidliet fl-imġiba tal-konsumaturi u l-familji qabel ma tasal biex tistabbilixxi taxxi jew projbizzjonijiet;

    32.

    jitlob lill-Kummissjoni Ewropea biex tistudja kif ir-responsabbiltà estiża tal-produttur u l-importatur tista' tiġi applikata aħjar fl-UE, partikolarment rigward l-iskart tal-plastik, li wisq ta' sikwit il-ġestjoni tiegħu hija f'idejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali. Applikazzjoni aħjar ta' din ir-responsabbiltà għandha twassal biex jidħlu fis-suq prodotti li joħolqu inqas skart tal-plastik, u skart tal-plastik li jkun aktar faċli jiġi riċiklat. Il-ħlas ta' depożitu u t-teħid lura obbligatorju ta' oġġett fi tmiem il-ħajja huma miżuri li għandhom jiġu implimentati fil-livell tal-UE għal ċerti prodotti tal-plastik u prodotti li fihom il-plastik sabiex jitnaqqas il-piż minn fuq l-awtoritajiet lokali u reġjonali. Jemmen li jkun tajjeb li jiġu promossi wkoll l-iskemi ta' 'teħid lura' mal-bejjiegħa, l-iskejjel u l-postijiet tax-xogħol fejn il-kwantitajiet ta' riżorsi ta' valur separati jistgħu jitfaddlu biex ir-riċiklaġġ ikun aktar vijabbli. Diġà jeżistu eżempji ta' dan bħall-każ tal-mowbajls u l-iskartoċċi tal-printers;

    33.

    jemmen li l-prinċipju ta' “ħallas meta tarmi” għall-oġġetti ingumbranti għandu jitħeġġeġ b'metodi ta' ġbir determinati mill-awtoritajiet lokali u reġjonali, flimkien ma' sforzi ta' sensibilizzazzjoni u monitoraġġ iktar mill-qrib tal-proċessi tal-iskart sabiex l-iskart (tal-plastik) ma jinħaraqx jew jiġi abbandunat iktar u iktar ta' spiss f'postijiet barra l-faċilitajiet bit-tagħmir tekniku adatt;

    34.

    jagħraf li hemm lok biex l-iskemi ta' depożitu u ritorn jiġu żviluppati każ b'każ. L-irkupru tal-flixken tax-xorb u l-kontenituri rnexxa ħafna f'xi Stati Membru u b'hekk jinġabar materjal ta' kwalità għar-riċiklaġġ. Din tista' tkun alternattiva tajba f'żoni rurali fejn il-ġbir separat mhux vijabbli. Il-ġbir tal-plastik bħall-PET (polyethylene terephthalate) jista' jitħeġġeġ anke aktar mill-awtoritajiet lokali u reġjonali permezz ta' Pjani ta' Sostenibbiltà Ambjentali għal avvenimenti pubbliċi kbar, sakemm ma jkunx hemm alternattivi għall-flixken tal-PET li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent;

    Eko-Disinn

    35.

    iqis li d-disinn tal-prodott huwa fundamentali biex l-iskart jitnaqqas kemm jista' jkun. Jemmen li filwaqt li d-direttiva attwali dwar l-eko-disinn tiffoka fuq il-konsum tal-ilma u tal-enerġija, tista' ssir reviżjoni għat-twessigħ tal-ambitu tagħha biex l-applikazzjoni tagħha titwessa' għal prodotti tal-plastik oħra u jiġu inklużi l-esiġenzi għat-tħejjija għall-użu mill-ġdid, il-ġlieda kontra l-obsolenza, il-proprjetajiet ta' tiswija u r-riċiklaġġ bl-għoti ta' pariri lill-konsumaturi dwar kemm żmien iservi prodott (pereżempju 'passaport tal-prodott' li jakkumpanja prodott). Id-disinn huwa importanti kemm għall-konsumaturi kif ukoll għall-awtoritajiet tal-iskart li huma responsabbli għall-ġestjoni ta' tmiem il-ħajja tal-prodotti. Disinn tajjeb ta' oġġett u l-imballaġġ u ż-żarmar marbutin miegħu ser jiddeterminaw u jtejbu kemm prodott jista' jiġi riċiklat;

    36.

    jiġbed l-attenzjoni għat-tendenza lejn “tħaffif” u l-introduzzjoni ta' boroż fid-disinn tal-ippakkettar għall-konsumatur (it-tluq mill-ħġieġ jew metall għall-plastik); li tnaqqas l-ispejjeż tat-trasport u għaldaqstant l-emissjonijiet tal-karbonju, iżda jirrikonoxxi li filwaqt li dan huwa ta' benefiċċju għal kulħadd, din it-tendenza tista' tkun ta' profitt kbir għall-produtturi filwaqt li toħloq żieda fl-ispejjeż ta' ġbir u trattament għall-awtoritajiet lokali u reġjonali;

    37.

    f'dan il-kuntest iqis li hemm bżonn ta' tnaqqis fit-tipi differenti ta' plastik (kompożizzjoni ta' materjali sintetiċi) sabiex tkun possibbli l-fużjoni ta' materjali tal-plastik kompatibbli separati. F'dan ir-rigward hemm bżonn ukoll ta' informazzjoni ċara fuq l-imballaġġ dwar it-tip ta' plastik sabiex tiġi faċilitata s-separazzjoni. Barra minn hekk, il-plastik m'għandux jinkludi POPs (Persistent Organic Pollutants – sustanzi niġġiesa organiċi persistenti) jew sustanzi kimiċi pprojbiti mir-regolament REACH;

    38.

    jemmen li gwida dwar id-disinn ta' prodott sostenibbli li japplika għaċ-ċiklu kollu tal-ħajja, inkluż it-trattament fi tmiem il-ħajja, ser jgħin lill-utent jifhem il-valur reali ta' oġġett u jżomm milli jinħlew riżorsi prezzjużi għalxejn;

    39.

    jemmen li fir-reviżjonijiet tad-disinn futuri għandu jkun hemm kontenut riċiklabbli minimu obbligatorju filwaqt li jkun hemm fehim li ċerti użi tal-ikel u tas-saħħa personali jeħtieġu standards speċifiċi;

    40.

    jitlob it-tneħħija progressiva tal-użu ta' sustanzi perikolużi fil-plastik kemm fil-prodotti ġodda kif ukoll f'dawk riċiklati sabiex jitnaqqsu r-riskji marbutin mal-użu tagħhom u jiżdiedu l-possibbiltajiet tar-riċiklaġġ tagħhom. Il-Kumitat jaqbel mas-suġġeriment tal-Pjan Direzzjonali għal Ewropa b'użu effiċjenti ta' riżorsi li minn issa sal-2020 is-sustanzi kollha li joħolqu tħassib kbir jiġu inklużi fil-lista REACH tas-sustanzi kandidati, għax b'hekk ikunu jistgħu jiġu indirizzati l-addittivi tal-plastik ikkonċernati. Fid-dawl ta' dan, huwa jitlob li tingħata attenzjoni partikolari lill-mikroplastik u lin-nanopartiċelli li jirrappreżentaw problemi ġodda u li mhumiex neċessarjament koperti mir-Regolament REACH;

    41.

    jitlob li tingħata attenzjoni partikolari għall-ekodisinn tal-printers 3D, peress li l-iżvilupp tagħhom jista' jkollu impatt sinifikanti fuq il-produzzjoni kwantitattiva u kwalitattiva tal-iskart tal-plastik;

    Plastik li jintuża darba u jintrema

    42.

    jemmen li hemm bżonn ta' taħlita ta' miżuri biex jiġu indirizzati l-oġġetti tal-plastik li jintużaw darba li għandhom ħajja qasira u li jintremew, inklużi miżuri biex jitnaqqas l-użu tagħhom u jitħeġġeġ l-użu ta' oġġetti li jintużaw ripetutament. Basktijiet tal-plastik u flixken tal-plastik vojta mormija b'mod irresponsabbli huma xempju tas-soċjetà tagħna fejn kollox jintrema u jgħarrqu l-ambjent tagħna. Barra mill-provvediment ta' inċentivi għall-użu mill-ġdid, il-projbizzjoni ta' forniment b'xejn ta' basktijiet tal-plastik qed tagħti riżultati pożittivi f'għadd ta' reġjuni u għaldaqstant għandha tiġi kkunsidrata;

    43.

    jemmen li l-inizjattivi volontarji fil-livell nazzjonali, inkluża r-responsabbiltà tal-bejjiegħa għat-teħid lura, jistgħu jgħinu biex jiġu trasferiti l-ispejjeż għat-trattament ta' ċertu skart tal-plastik mill-awtoritajiet tal-iskart u dawk ambjentali lejn il-katina tal-valur kollha. Miżuri bħal dawn iridu jinkludu programm ta' edukazzjoni tal-konsumaturi;

    44.

    jemmen li t-'teħid lura' jista' jitħeġġeġ u jiġi estiż lejn postijiet oħra fejn in-nies imorru ta' sikwit (il-postijiet tax-xogħol u l-iskejjel spiss ikollhom skemi ekwivalenti żgħar li jgħinuhom jiġbru kwantità vijabbli għar-riċiklaġġ);

    Bijodegradabbli

    45.

    jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li l-konsumaturi jistgħu jiġu mqarrqa mit-terminu 'bijodegradabbli' meta dan il-plastik sikwit huwa bijodegradabbli biss f'faċilitajiet ta' kompostaġġ industrijali b'temperaturi għoljin;

    46.

    jisħaq li huwa importanti li ssir distinzjoni bejn degradabbli, bijodegradabbli u kompostabbli. Dawn it-termini ta' spiss jintużaw ħażin u minflok terminu jintuża ieħor. Il-plastik jista' jkun degradabbli iżda mhux bijodegradabbli jew jista' jkun kompostabbli biss;

    47.

    jemmen li l-armonizzazzjoni u s-semplifikazzjoni huma essenzjali fit-tikkettar kollu għall-konsumaturi. Madankollu jinsab imħasseb li xi informazzjoni twassal għal konfużjoni jew tagħti ideat żbaljati, u jista' jkun hemm bżonn titneħħa. L-informazzjoni dwar il-proċeduri ta' riċiklaġġ adegwati u l-kontenut riċiklat għandha tkun faċli li tinftiehem;

    48.

    huwa mħasseb ukoll li t-terminu 'plastik b'bażi bijoloġika' jista' jimplika kredenzjali ekoloġiċi mentri l-bijomassa użata fil-produzzjoni tista' ma tkunx sostenibbli jew tista' tikkompeti mal-art maħsuba għall-ikel. Huwa favur il-promozzjoni u l-appoġġ tar-riċerka u l-iżvilupp tal-plastik organiku. L-enfasi għandha tkun fuq disinn ekoloġiku u sostenibbli fejn jidħlu, fost affarijiet oħra, materja prima (l-aħjar jekk tinkiseb mill-iskart), addittivi (tajbin għall-ambjent u għas-saħħa), il-possibbiltà ta' tiswija (li jista' jissewwa faċilment), il-potenzjal ta' riċiklaġġ u l-kapaċità li jiddekomponi;

    49.

    għaldaqstant jappella għal Standards Ewropej ta' Normalizzazzjoni li diġà huma stabbiliti għall-kompostabbiltà (kemm industrijali kif ukoll mid-dar), il-bijodegradabbiltà u degradabbiltà, bħall-EN 13432, EN 14995, biex jiġu applikati bis-sħiħ, iżda wkoll li jiġu verifikati fid-dawl tal-validità tagħhom għal ambjenti adegwati bħall-ħamrija, il-baħar u l-ilma ħelu, l-impjanti għat-trattament tal-ilma tad-dranaġġ u d-diġestjoni anaerobika sabiex tiġi stabbilita sistema ta' tikkettar mal-UE kollha li tagħmel distinzjoni ċara ħafna bejn dawn it-termini;

    50.

    jappella għal ftehim internazzjonali dwar il-projbizzjoni tal-użu ta' mikrożibeġ tal-plastik dekomponibbli għall-użu kosmetiku fi scrubs tal-wiċċ, it-toothpastes u prodotti personali oħra, biex dan is-sors relattivament ġdid ta' tniġġis jinżamm milli jidħol fil-katina tal-ikel;

    51.

    jinsab imħasseb li l-plastik ittikkettat bħala 'ossodegradabbli' huwa biss ossoframmentabbli u mhuwiex bijodegradabbli, u meta ssir il-frammentazzjoni hemm ċans li jħalli mikropartiċelli tal-plastik fl-ambjent. Meta jiġi introdott fil-proċess tar-riċiklaġġ, instab li l-plastik ossoframmentabbli jniġġes u jikkomprometti l-kwalità tal-materjal riċiklat. Għal darb'oħra, hemm evidenza konsiderevoli biex isir appell għall-projbizzjoni ta' plastik ossodegradabbli sakemm issir aktar riċerka li tistabbilixxi li dawn il-prodotti għandhom valur miżjud;

    Skart tal-baħar

    52.

    jaqbel mal-Green Paper li “l-maġġoranza tal-iskart li jinstab fl-ibħra tagħna u fl-oċeani huwa plastik” u din hija problema globali serja. Jemmen li t-tnaqqis fil-volum tal-plastik li jidħol fl-ambjent marittimu għandu jkun prijorità għall-partijiet interessati kollha fiċ-ċiklu tal-ħajja tal-plastik;

    53.

    jagħraf il-bżonn li jsiru aktar studji biex jiġu eżaminati s-sorsi, it-trasport u l-frekwenza ta' żibel tal-plastik kemm makro kif ukoll mikro fl-ambjent. Hemm bżonn ukoll nifhmu l-impatt ta' dawn il-partiċelli mikroskopiċi fuq il-ħajja tal-baħar;

    54.

    jappella għal żieda fil-monitoraġġ u l-ġbir tad-data biex jiġi valutat is-suċċess jew il-falliment ta' miżuri speċifiċi. Dan jgħin ukoll l-iżvilupp ta' soluzzjonijiet possibbli. Iqis li mira speċifika għat-tnaqqis taż-żibel fil-baħar tista' titwaqqaf biss jekk ikun hemm disponibbli data preċiża dwar il-volumi attwali ta' żibel fil-baħar;

    55.

    jirrakkomanda li jkun hemm strateġija maqsuma fi tnejn:

    (a)

    strateġija bbażata fl-art/fix-xtut biex l-iskart tal-plastik jinżamm milli jidħol fl-ambjent akkwatiku;

    (b)

    strateġija bbażata fil-baħar biex tiżgura li l-attivitajiet ibbażati fl-oċean u fil-baħar jieħdu ħsieb l-iskart tagħhom b'responsabbiltà.

    L-istrateġija bbażata fl-art/fix-xtut tistrieħ fuq il-miżuri msemmija hawn fuq, filwaqt li l-istrateġija bbażata fil-baħar tistrieħ fuq l-infurzar aħjar tal-MARPOL (il-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis minn Vapuri) u Konvenzjonijiet oħra;

    56.

    jirrakkomanda li jkun hemm aktar koordinazzjoni tal-politika u infurzar bejn l-UE u l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (l-aġenzija tan-Nazzjonijiet Uniti responsabbli mis-sigurtà tal-bastimenti u l-prevenzjoni tat-tniġġis marittimu mill-bastimenti);

    57.

    jagħraf li d-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina stabbilixxiet miri għaż-żibel marittimu u l-miri ġodda kollha għandhom ikunu jaqblu mal-miri eżistenti dwar l-iskart. Jistgħu jiġu kkunsidrati miri speċifiċi għall-plastik iżda kull mira għandha tkun SMART u mhux biss tappella għal tnaqqis. Hemm bżonn li l-leġislazzjoni eżistenti dwar l-iskart u r-riżorsi taħt il-MARPOL issa tkun infurzata aħjar;

    58.

    jagħraf ir-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-imsieħba tagħhom fis-sensibilizzazzjoni. L-għarfien tal-firxa taż-żibel tal-plastik fl-ambjenti tax-xmajjar u tal-baħar hija prekundizzjoni għal rimedju u biex jitnaqqas id-daqs tal-problema. Dan jista' jinvolvi l-promozzjoni ta' programmi edukattivi fl-iskejjel, it-tħeġġiġ ta' imġiba responsabbli fl-industrija tat-turiżmu, u inizjattivi mill-industrija tal-plastik. L-introduzzjoni ta' “Ġimgħat ta' Tindif Ewropej” jew inizjattivi simili b'reklamar adegwat jistgħu jżidu l-għarfien dwar il-problema;

    59.

    iħeġġeġ il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali flimkien mal-imsieħba tagħhom biex l-inizjattivi ta' “tindif” tant prezzjużi jkunu ffukati aħjar. Filwaqt li l-ġranet ta' tindif max-xtajtiet, il-bramel taż-żibel fil-bajjiet u l-ġbir mill-bajjiet jiġbru biss persentaġġ żgħir ta' żibel, jgħinu wkoll biex jiżdied l-għarfien fil-komunitajiet lokali. Jistgħu jiġu promossi kampanji għall-industrija tas-sajd biex jistadu għaż-żibel fi ġranet fejn ma jsirx sajd u fejn ikunu jistgħu jarmu ż-żibel fl-eqreb port aktar milli l-port tagħhom. F'dan ir-rigward il-KtR jappoġġja pjani tal-Kummissjoni Ewropea biex tniedi fl-2014 Jum ta' Tindif madwar l-Ewropa kollha, u joffri li jesplora kooperazzjoni fuq din l-inizjattiva;

    60.

    jemmen li l-awtoritajiet lokali u reġjonali waħedhom ma jistgħux ikopru l-ispejjeż li joħloq iż-żibel fil-baħar u jappella għal kooperazzjoni akbar fl-Istati Membri fil-livelli kollha ta' gvern, u biex l-istituzzjonijiet responsabbli, l-awtoritajiet tal-ilma, l-awtoritajiet portwarji u l-industrija tal-ġestjoni tal-iskart isibu modi kosteffettivi biex l-iskart tal-plastik jinżamm milli jidħol fl-ambjent marittimu;

    61.

    jappella għal titjib fil-bażi tal-għarfien permezz ta' programmi appoġġjati mill-UE bħal LIFE+ jew fondi tal-EFRE, sabiex jiġi investigat l-impatt tal-iskart tal-plastik kemm fil-ħamrija kif ukoll fl-ambjent marittimu;

    Kummenti tal-għeluq

    62.

    jappella lill-atturi kollha tal-industrija tal-ġestjoni tal-iskart biex jaħdmu flimkien biex inaqqsu l-frekwenza u l-impatt tal-plastik fl-ambjent u l-użu ta' materja prima, u jagħrfu l-potenzjal tiegħu bħala riżorsa prezzjuża. Din hija sfida għax il-plastik huwa rħis u versatili, b'għadd dejjem jikber ta' applikazzjonijiet, iżda l-fatt li jdum ħafna fl-ambjent huwa problema dejjiema. Filwaqt li ż-żibel tal-plastik li qed jinġema' dejjem aktar fl-ambjent marittimu globali huwa allarmanti, huwa fatt magħruf li l-biċċa l-kbira ta' dan ir-rimi bla kontroll oriġina fuq l-art. L-iskart tal-plastik fi kwalunkwe ambjent mhuwiex aċċettabbli!

    Brussell, 8 ta’ Ottubru 2013.

    Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

    Ramón Luis VALCÁRCEL SISO


    Top