This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52013IR2447
Opinion of the Committee of the Regions on ‘Entrepreneurship 2020 Action Plan’
Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar il- “Pjan ta’ azzjoni dwar l-intraprenditorija 2020”
Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar il- “Pjan ta’ azzjoni dwar l-intraprenditorija 2020”
ĠU C 356, 5.12.2013, p. 68–74
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
5.12.2013 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 356/68 |
Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-“Pjan ta’ azzjoni dwar l-intraprenditorija 2020”
2013/C 356/12
IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
— |
jagħraf x'ifisser il-Pjan ta' Azzjoni, jenfasizza l-importanza tal-azzjoni ta' koordinazzjoni mill-awtoritajiet fil-livell sovranazzjonali, nazzjonali u qabel kollox il-livell reġjonali u lokali biex l-għanijiet tal-Pjan jiġu implimentati b'suċċess; |
— |
jenfasizza li l-involviment tal-awtoritajiet u l-partijiet interessati lokali u reġjonali fl-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni huwa kruċjali peress li l-awtoritajiet lokali u reġjonali huma l-eqreb livell ta' governanza għall-SMEs u għall-fornituri tal-appoġġ għall-intrapriżi, u peress li l-biċċa l-kbira tal-SMEs huma integrati fis-swieq reġjonali u lokali u joperaw fihom; |
— |
jenfasizza li l-premju tar-Reġjuni Intraprenditorjali Ewropej (EER), mogħti mill-Kumitat tar-Reġjuni mill-2010 'l hawn, jista' jservi bħala punt ta' riferiment Ewropew għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' politiki favur l-intraprenditorija u għall-appoġġ adattat għall-SMEs u għall-istrateġiji li jħarsu 'l quddiem; |
— |
jenfasizza li għandu jingħata rwol iktar prominenti lill-impjieg indipendenti u l-iżvilupp tal-intrapriżi, u li dawn jitqiesu bħala alternattiva realistika u pożittiva. Jenfasizza wkoll li huwa importanti li l-intraprenditorija soċjali tiġi promossa iktar bħala alternattiva ta' valur għall-modi tradizzjonali tal-kummerċ kemm f'forma għall-profitt kif ukoll mhux għall-profitt; |
— |
jenfasizza li l-Ewropa jrid jirnexxilha tippreżenta l-intraprenditorija liż-żgħażagħ bħala karriera futura vijabbli u promettenti, u b'hekk tkebbes mill-ġdid l-ispirtu intraprenditorjali. Jisħaq li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom il-kompitu li jippromovu l-edukazzjoni u jdaħħlu fiha l-aspett intraprenditorjali. |
Relatur |
Is-Sur ADAMOWICZ (PL/PPE), Sindku tal-Belt ta' Gdańsk |
Dokument ta' referenza |
Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Pjan ta' Azzjoni dwar l-Intraprenditorija 2020 – Tkebbis mill-ġdid tal-ispirtu tal-intraprendenza fl-Ewropa COM(2012) 795 final |
I. RAKKOMANDAZZJONIJIET TA' POLITIKA
IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
1. |
jilqa' l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Pjan ta' Azzjoni dwar l-Intraprenditorija 2020, li għandha l-għan li trawwem kultura ta' intraprenditorija fl-Ewropa, tipprovdi aċċess aħjar għall-finanzi, twassal servizzi ta' appoġġ ta' kwalità għolja għall-intrapriżi, tiżviluppa mudelli eżemplari u l-mira lejn gruppi speċifiċi; |
2. |
jistqarr mill-ġdid l-appoġġ tiegħu għall-azzjonijiet immirati lejn it-trawwim tal-intraprenditorija u t-tneħħija tal-ostakli għall-iżvilupp tal-SMEs, u b'hekk jirrikonoxxi r-rwol ewlieni tagħhom fil-proċess biex l-Unjoni Ewropea ssir iktar kompetittiva; |
3. |
jenfasizza li l-awtoritajiet fil-livelli kollha għandhom jippruvaw jissemplifikaw il-proċeduri tagħhom ta' approvazzjoni u kontroll kif ukoll il-miżuri amministrattivi l-oħra. Huma għandhom jaħdmu favur skambju ta' informazzjoni iktar faċli, terminoloġija standardizzata u sistemi operattivi li permezz tagħhom tkun tista' tiġi aċċessata awtomatikament informazzjoni minn sistemi u bażijiet tad-data oħrajn; |
4. |
jenfasizza kemm huwa importanti li d-deċiżjonijiet li ttieħdu diġà jiġu implimentati malajr. Aktar diskussjonijiet teoretiċi mhuma ser jikkontribwixxu xejn għall-iżvilupp tal-ambjent intraprenditorjali; |
5. |
jenfasizza li t-tnaqqis riċenti fl-attività ekonomika kien ferm diffiċli għall-intraprendituri tal-SMEs Ewropej, b'mod partikolari fir-reġjuni periferiċi li raw żieda konsiderevoli fir-rati tal-fallimenti tal-intrapriżi; |
6. |
jagħraf l-importanza kritika ta' ambjent intraprenditorjali adegwat u ta' suq intern kompletat għall-irkupru u t-tkabbir ekonomiku tal-Ewropa u livell ta' koeżjoni soċjali ogħla; |
7. |
jisħaq li l-ambjent lokali u reġjonali ta' negozju huwa fattur kritiku għas-suċċess: għandhom jittieħdu passi sabiex jiġu żviluppati l-kapaċità tal-innovazzjoni u mentalità li tiffavorixxi l-innovazzjoni miftuħa, li fost il-pedamenti tagħhom hemm l-użu effettiv tal-għarfien minn sorsi differenti, id-djalogu li jimmotiva, il-kollaborazzjoni u l-kokreattività; |
8. |
iqis lill-Pjan ta' Azzjoni bħala pass meħtieġ biex jitħeġġeġ il-ħolqien ta' ambjent li jappoġġja lill-intraprendituri fi ħdan is-Suq Uniku u b'hekk jikkontribwixxi bħall-irkupru ekonomiku fl-UE; |
9. |
jappoġġja l-għażla tal-prijoritajiet tal-Pjan ta' Azzjoni kif inhi rappreżentata mit-tliet pilastri tagħha (jiġifieri l-iżvilupp tal-edukazzjoni u t-taħriġ fl-intraprenditorija; il-ħolqien ta' ambjent kummerċjali xieraq; il-mudelli eżemplari u l-mira lejn gruppi speċifiċi) u jilqa' r-riżultati mistennija minn dan il-Pjan ta' Azzjoni; |
10. |
jenfasizza li għandu jingħata rwol iktar prominenti lill-impjieg indipendenti u l-iżvilupp tal-intrapriżi, u li dawn jitqiesu bħala alternattiva realistika u pożittiva. Dawn huma element essenzjali biex tissaħħaħ il-kompetittività tal-ekonomija Ewropea, u għalhekk jeħtieġu appoġġ f'diversi livelli li jkun integrat. Dan jimplika li l-livelli kollha ta' governanza jieħdu miżuri biex inaqqsu drastikament il-burokrazija għal dawk li jaħdmu għal rashom, itejbu l-protezzjoni soċjali u d-drittijiet tal-pensjoni tagħhom u jnaqqsu l-pressjoni tat-taxxi; |
11. |
jagħraf li n-nisa mhux qed jaslu biżżejjed fl-isfera tan-negozju, fejn in-nisa intraprendituri jirrappreżentaw biss 30 %. Jagħraf ukoll l-impatt sinifikanti ta' taħriġ u appoġġ li jkun speċifiku għall-ġeneru biex jiżdied l-għadd ta' intraprendituri nisa, u jappella għall-ħolqien ta' ċentri tan-negozju ddedikati għan-nisa; |
12. |
itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni, li ressaq fl-Opinjonijiet reċenti tiegħu dwar il-politika industrijali (1) u l-għajnuna mill-Istat għar-reġjuni (2), biex tindirizza l-kwistjoni tal-“effetti ta' livell limitu” marbutin mad-definizzjoni tal-kategoriji ta' intrapriżi u tirrevedi d-definizzjoni tal-SMEs. B'mod konkret, il-Kummissjoni għandha "tirfina l-kapaċità ta’ analiżi tagħha kif ukoll l-għodda ta’ appoġġ għall-intrapriżi billi tistudja l-possibbiltà li toħloq, kif aċċettat li tagħmel għall-industriji agroalimentari, kategorija ġdida ta’ intrapriżi medji, bejn l-SMEs u l-intrapriżi l-kbar, li jkollhom bejn 250 u 750 ħaddiem u valur ta' bejgħ ta’ anqas minn EUR 200 miljun. Il-Kumitat tar-Reġjuni jappella wkoll biex tinbeda diskussjoni sabiex jiġu kkunsidrati l-intrapriżi ta’ daqs intermedju, li jħaddmu bejn 250 u 5 000 impjegat, li jkunu ħarġu minn SMEs li jkunu kibru u li fil-ġejjieni ser jagħtu kontribut importanti għar-rikkezza Ewropea. Dawn il-kategoriji ġodda ta’ intrapriżi jistgħu jibbenefikaw minn rati ta’ appoġġ adatti, ogħla minn dawk għall-intrapriżi l-kbar u inqas minn dawk għall-SMEs; |
13. |
jenfasizza li l-artiġjanat – parti mis-settur tal-SMEs – kellu u għad għandu rwol importanti fit-tkabbir tal-ekonomija Ewropea bħala bażi għall-iżvilupp industrijali u l-bżonnijiet speċifiċi tiegħu għandhom jitqiesu iktar; dan japplika b'mod partikolari għall-iżvilupp u t-titjib taċ-ċentri ta' taħriġ vokazzjonali; |
14. |
jixtieq jenfasizza wkoll ir-rwol partikolari tal-intrapriżi li qed jevolvu fis-settur tal-ekonomija soċjali u solidali. Dawn l-intrapriżi jikkontribwixxu għall-attività ekonomika u biex jissaħħu r-rabtiet soċjali fiż-żoni żvantaġġati u jwettqu missjonijiet ta' interess ġenerali li jiġġustifikaw trattament divrenzjat, b'mod partikolari f'dak li jirrigwarda r-regolazzjoni/l-issettjar tar-rati ta' intervenzjoni pubblika; |
15. |
jinnota li aktar deindustrijalizzazzjoni tista' tħalli impatt fuq l-impjieg u l-prosperità Ewropea u għalhekk l-UE trid twettaq riformi strutturali li jistimolaw il-kompetittività internazzjonali b'mod partikolari f'termini ta' potenzjal industrijali; |
16. |
jaqbel li r-rwol tal-imprendituri fis-soċjetà jistħoqqlu iktar rikonoxximent u għandu jissaħħaħ b'mod konsiderevoli; |
17. |
jilqa' l-approċċ miftuħ u inklużiv tal-Pjan ta' Azzjoni mmirat lejn grupp mifrux ta' partijiet interessati u li għandu l-għan li jiġi involut f'varjetà wiesgħa ta' SMEs stabbiliti, imprendituri li għadhom jibdew u imprendituri ġodda potenzjali; |
18. |
ħa l-impenn li jippromovi Ewropa iktar intraprenditorjali u l-implimentazzjoni sħiħa tal-Pjan ta' Azzjoni għall-Intraprenditorija 2020 u l-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar (SBA) għall-Ewropa fil-livell lokali u reġjonali; |
19. |
jinsab diżappuntat li r-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali ma ngħatax ir-rikonoxximent li jistħoqqlu fil-Pjan ta' Azzjoni minkejja l-fatt li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jingħataw rwol sinifikanti indispensabbli fit-twettiq tal-għanijiet kollha stabbiliti fi ħdan it-tliet pilastri ewlenin tal-Pjan ta' Azzjoni; |
20. |
jenfasizza r-rwol ewlieni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-oqsma ewlenin tal-Pjan ta' Azzjoni Intraprenditorija 2020, jiġifieri l-edukazzjoni u t-taħriġ, il-provvista ta' prattiki amministrattivi trasparenti, il-ħolqien ta' ambjent li jappoġġja lill-imprendituri u l-promozzjoni tal-intraprenditorija; |
21. |
jenfasizza li ħafna miżuri u inizjattivi importanti fl-oqsma tal-Pjan ta' Azzjoni diġà ttieħdu mill-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-Istati Membri kollha; |
22. |
jinsab diżappuntat li r-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni ma ġiex ikkunsidrat biżżejjed, filwaqt li d-dimensjoni reġjonali tissemma biss bħala parti min-netwerk orizzontali għall-appoġġ tal-intrapriżi; |
23. |
jenfasizza li l-involviment tal-awtoritajiet u l-partijiet interessati lokali u reġjonali fl-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni huwa kruċjali peress li l-awtoritajiet lokali u reġjonali huma l-eqreb livell ta' governanza għall-SMEs u għall-fornituri tal-appoġġ għall-intrapriżi, u peress li l-biċċa l-kbira tal-SMEs huma integrati fis-swieq reġjonali u lokali u joperaw fihom; |
24. |
jenfasizza r-rwol ċentrali tal-awtoritajiet lokali u reġjonali f'li jagħtu l-momentum organizzattiv u politiku li jirrilaxxa s-sinerġiji tal-kooperazzjoni fost l-atturi stabbiliti fil-livell reġjonali, bħall-kmamar tal-kummerċ jew l-artiġjanat, l-organizzazzjonijiet professjonali, iċ-ċentri tat-teknoloġija, il-parks tat-teknoloġija, l-inkubaturi tan-negozji (business incubators), l-universitajiet, l-inizjattivi tal-clusters jew oħrajn li huma msieħba adatti biex jgħinu lill-SMEs, l-imprendituri li għadhom jibdew, l-istartups b'rata għolja ta' tkabbir u oħrajn fil-proġetti tagħhom; |
25. |
jenfasizza li l-atturi lokali u reġjonali huma responsabbli għat-tfassil tal-istrateġiji intraprenditorjali reġjonali li jistgħu jiġu appoġġjati iktar minn qatt qabel matul il-perspettiva finanzjarja li jmiss tal-UE, jiġifieri mill-Fondi Strutturali; |
26. |
jisħaq li hemm bżonn iktar intervent u appoġġ pubbliku fl-għoti tas-servizzi u l-prodotti pubbliċi, l-informazzjoni, l-għarfien u l-finanzi għall-SMEs u l-istartups innovattivi, inkluż l-iżvilupp tal-ġestjoni u t-taħriġ għal intraprendituri progressivi, partikolarment fl-ippjanar finanzjarju, l-istrateġiji u l-kummerċjalizzazzjoni; |
27. |
jemmen li hemm bżonn ta' titjib fl-approċċ u fil-proċeduri ta' ħafna banek fil-valutazzjoni tar-riskju intraprenditorjali u fil-finanzjament tal-kumpaniji li jkunu qed jibdew u tal-SMEs; fejn l-awtoritajiet pubbliċi għadhom jappoġġjaw lill-banek, dan għandu jingħata prijorità; |
28. |
jenfasizza li l-premju tar-Reġjuni Intraprenditorjali Ewropej (EER), mogħti mill-Kumitat tar-Reġjuni mill-2010 'l hawn, jista' jservi bħala punt ta' riferiment Ewropew għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' politiki favur l-intraprenditorija u għall-appoġġ adattat għall-SMEs u għall-istrateġiji li jħarsu 'l quddiem. L-EER jistgħu jappoġġjaw ukoll l-iżvilupp ta' “sħubijiet tal-SBA” lokali u reġjonali għal “sħubijiet intraprenditorjali”, u jgħinu biex jiġu implimentati l-għanijiet tal-Pjan ta' Azzjoni u l-Programm COSME; |
29. |
jagħraf ir-rwol kritiku tal-SMEs bħala l-ixprun ewlieni għall-ħolqien tal-impjiegi u t-tkabbir ekonomiku fl-Ewropa (85 % tal-impjiegi ġodda netti fl-UE bejn l-2002 u l-2010 inħolqu mill-SMEs), jenfasizza l-isfida għall-awtoritajiet lokali u reġjonali f'li jimmiraw lejn l-SMEs, jadattaw l-appoġġ għal ħafna tipi differenti ta' SMEs – speċjalment il-mikrointrapriżi – u jipprovdu miżuri ta' appoġġ eċċellenti; |
30. |
jagħraf li għalkemm l-awtoritajiet lokali u reġjonali jaqdu rwol ewlieni fit-tneħħija tal-ostakli għall-intraprenditorija, l-UE għandha parti ewlieni fil-proċess billi tneħħi t-tfixkil fit-tħaddim tas-Suq Uniku u ttejjeb l-ambjent tal-intrapriżi; |
31. |
jagħraf x'ifisser il-Pjan ta' Azzjoni, jenfasizza l-importanza tal-azzjoni ta' koordinazzjoni mill-awtoritajiet fil-livell sovranazzjonali, nazzjonali u qabel kollox il-livell reġjonali u lokali biex l-għanijiet tal-Pjan jiġu implimentati b'suċċess; |
32. |
fil-kuntest tan-natura orizzontali u trasversali tal-proġetti biex titrawwem l-intraprenditorija, jenfasizza l-bżonn ta' kooperazzjoni mtejba bejn id-diversi Direttorati Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea; |
33. |
fid-dawl ta' dan kollu, jappella lill-Kummissjoni Ewropea biex tiżgura komplementarjetà sħiħa bejn id-diversi programmi ta' finanzjament tal-UE għall-intrapriżi, speċjalment bejn COSME, il-Fondi Strutturali u l-Programm Orizzont 2020 sabiex jiġu sfruttati sal-massimu s-sinerġiji u tiġi evitata d-duplikazzjoni ineffiċjenti; |
34. |
jenfasizza li d-duplikazzjoni potenzjali tal-isforzi tista' tkun ineffettiva u ineffiċjenti u għalhekk jappella għall-integrazzjoni u l-koordinazzjoni bejn il-miżuri ta' politika implimentati fid-diversi livelli ta' governanza; |
35. |
fid-dawl ta' kemm hija sinifikanti l-problema, jitlob informazzjoni iktar dettaljata dwar il-fondi speċifiċi allokati għall-implimentazzjoni tad-diversi miżuri proposti; |
36. |
jinsab diżappuntat li l-Komunikazzjoni ma tqisx l-ispeċifiċità tad-diversi kulturi u ekosistemi intraprenditorjali li jeżistu fir-reġjuni Ewropej, b'differenzi maġġuri speċjalment bejn l-Istati Membri l-“antiki” u dawk il-“ġodda”, bejn ir-reġjuni metropolitani u dawk li mhumiex metropolitani kif ukoll ir-reġjuni ċentrali u periferiċi; |
37. |
jistieden lill-awtoritajiet lokali u reġjonali biex iżidu l-interess fil-promozzjoni tad-dinamika tal-intrapriżi u l-istimolu tat-tkabbir sostenibbli permezz ta' kumpaniji innovattivi fir-reġjuni tagħhom; |
38. |
jenfasizza l-miżuri li għandhom l-għan li jimplimentaw l-iskoperta intraprenditorjali, li hija meqjusa bħala waħda mill-pedamenti tal-użu tal-fondi strutturali u tal-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti; |
39. |
jappella lill-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jiżviluppaw il-Programmi Operattivi tagħhom b'tali mod li jantiċipaw il-miżuri adatti biex jippromovu l-għanijiet tal-Pjan ta' Azzjoni u jiżguraw li d-diversità u l-ugwaljanza bejn is-sessi tiġi riflessa fis-Sħubijiet tal-Fondi Strutturali; |
40. |
jenfasizza li t-tikketta tal-premju tar-Reġjun Intraprenditorjali Ewropew (EER) tal-Kumitat tar-Reġjuni hija eżempju tajjeb, li juri li r-reġjuni jistgħu jiżviluppaw strateġiji b'fokus speċifiku fuq l-intraprenditorija u appoġġ adattat għall-SMEs sabiex jiġu indirizzati aħjar l-isfidi li jiffaċċjaw li huma komuni u speċifiċi għar-reġjun; |
41. |
jissottolinja li r-reġjuni li rebħu l-premju EER (2011-2013) kollha taw bidu għal miżuri ġodda interessanti jew estendew dawk eżistenti biex ifasslu l-politika ekonomika reġjonali tagħhom; |
42. |
jappella għall-iżvilupp tan-netwerk tal-EER, li juża l-programm ewlieni tal-Kummissjoni Ewropea COSME (2014-2020) bħala wieħed mill-mezzi adatti; |
43. |
jappella għall-implimentazzjoni tal-għanijiet imfissra fil-COSME (Programm għall-Kompetittività tal-Intrapriżi u l-SMEs), li għandu l-għan li jiffaċilita l-aċċess għall-finanzi għall-SMEs, joħloq ambjent favorevoli għall-ħolqien u t-tkabbir tal-intrapriżi u jħeġġeġ kultura intraprenditorjali fl-Ewropa, iżid il-kompetittività sostenibbli tal-kumpaniji tal-UE, jgħin lill-intrapriżi ż-żgħar joperaw barra pajjiżhom u jtejbu l-aċċess tagħhom għas-swieq; |
44. |
jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni Ewropea li tissemplifika l-ġestjoni tal-programm COSME meta mqabbel mal-predeċessuri tiegħu bħas-CIP (2007-2013) sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż amministrattivi u minflok jiffoka fuq l-għoti ta' miżuri ta' appoġġ aħjar għall-intrapriżi; |
45. |
jitlob li l-Kumitat tar-Reġjuni jiġi mistieden għal-laqgħat futuri tal-Kumitat ta' Ġestjoni tal-COSME; |
46. |
jisħaq li l-Pjan ta' Azzjoni għandu jiffoka fuq il-qafas ta' politika ġenerali u jinsab diżappuntat li d-dilemma intraprenditorjali tidher li qed titqies mill-Kummissjoni Ewropea prinċipaliment bħala sfida kwantitattiva (iż-żieda tal-għadd ta' intrapriżi); |
47. |
jagħti attenzjoni lill-miżuri li b'mod sinifikanti jżidu l-attivitajiet ta' twaqqif ta’ negozji marbuta mal-universitajiet u istituzzjonijiet edukattivi oħra. Għodda essenzjali tikkonsisti fl-abbozzar ta' eżempji meqjusa eċċellenti f'mod li jista' jiġi ripetut fl-UE kollha; |
48. |
jenfasizza li l-intrapriżi innovattivi u kompetittivi huma kruċjali għat-tkabbir ekonomiku, u barra minn hekk, hemm bżonn li nħeġġu b'mod partikolari aspirazzjoni akbar għat-tkabbir lejn is-swieq globali u li nkunu globalment kompetittivi. Sabiex ir-reġjuni li għadhom lura jilħqu (jikkonverġu) mal-oħrajn, u biex oħrajn iżommu l-kompetittività internazzjonali tagħhom, it-tħeġġiġ tat-tkabbir ta' kumpaniji effiċjenti huwa indispensabbli; |
49. |
jinsab imħasseb li minħabba t-tibdil demografiku, ħafna intraprendituri tal-familja ser jilħqu l-età tal-irtirar fis-snin li ġejjin iżda mhux dejjem jirnexxilhom isibu suċċessur biex jieħu f'idejh il-kumpanija, u dan jista' jipperikola l-futur tal-kumpanija u l-impjiegi; |
50. |
huwa tal-fehma li sabiex tiġi promossa l-internazzjonalizzazzjoni tal-intrapriżi l-għarfien tal-lingwi barranin, kemm min-naħa tal-intraprendituri kif ukoll min-naħa tat-tfal tal-iskola u l-istudenti, għandu jittejjeb. Barra minn hekk, għandu jikber ukoll l-għarfien dwar il-possibbiltajiet tas-suq komuni tal-Unjoni Ewropea, u tal-ambjent tas-suq globali; |
51. |
ifakkar li l-fondi tal-UE għandhom jintużaw ukoll sabiex jiġi adottat mudell ta' għalliem-apprentista fl-intraprenditorija. It-trasferiment tal-għarfien bejn il-ġenerazzjonijiet joħloq valur miżjud sinifikanti, peress li ħaddiema akbar fl-età jkunu jistgħu jgħaddu modi ta' ħsieb u għarfien prattiku filwaqt li ħaddiema iżgħar joffru ideat friski u entużjażmu. Għaldaqstant, il-mudell tal-għalliem-apprentista huwa bidirezzjonali (3); |
52. |
jisħaq li l-fornituri tal-appoġġ għall-intrapriżi lokali u reġjonali għandhom isaħħu l-isforzi sabiex l-SMEs jibbenefikaw mill-użu sħiħ tal-potenzjal tas-Suq Uniku tal-UE; f'dan ir-rigward, jenfasizza li l-attivitajiet tan-Netwerk Enterprise Europe għandhom jitkomplew; |
53. |
jenfasizza li atturi reġjonali oħra bħall-fornituri tal-appoġġ għall-intrapriżi, l-universitajiet, iċ-ċentri ta' trasferiment teknoloġiku, il-clusters, eċċ, għandhom ifasslu mill-ġdid l-impenn tagħhom fl-iżvilupp reġjonali, sabiex jidentifikaw l-aħjar tendenzi possibbli għall-kooperazzjoni li jippermettu lill-intrapriżi reġjonali tagħhom jirċievu appoġġ professjonali u komprensiv biex jaħkmu swieq ġodda; |
54. |
jaqbel li irrispettivament mill-kooperazzjoni u s-sħubijiet b'saħħithom, ir-reġjuni tal-UE għandhom ikunu jistgħu jiddefinixxu l-potenzjal proprju għat-tkabbir u jixprunaw l-innovazzjoni kemm fis-setturi b'użu kbir tat-teknoloġija kif ukoll f'dawk b'użu baxx tat-teknoloġija, b'konformità mal-prekundizzjonijiet speċifiċi skont ir-reġjun; |
55. |
jagħraf li għal xi reġjuni Ewropej it-teknoloġiji abilitanti ewlenin (il-materjali avvanzati, in-nanoteknoloġija, il-mikroelettronika u n-nanoelettronika, il-bijoteknoloġija u l-fotonika) jistgħu jkunu tal-ikbar importanza bħala xpruni ta' tkabbir u impjiegi. Dawn is-setturi huma parti minn bidla lejn ekonomija b'emissjonijiet baxxi tal-karbonju u bbażata fuq l-għarfien. L-imprendituri attivi f'dawn it-teknoloġiji jistgħu jikkontribwixxu b'mod sinifikanti biex jintlaħqu l-isfidi soċjetali tal-lum u l-modernizzazzjoni tal-industrija tal-UE; |
56. |
jisħaq fuq l-importanza li, flimkien mal-intraprenditorija konvenzjonali, jiġu aċċellerati miżuri sabiex tiżdied b'mod sinifikanti l-intraprenditorija akkedemika fost dawk li għandhom dottorati u l-istudenti tad-dottorati fl-Istati Membri kollha; |
57. |
jenfasizza li l-UE għandha kompetenzi ta' appoġġ fl-oqsma koperti mill-Pjan ta' Azzjoni, soġġetti għall-prinċipju tas-sussidjarjetà. Huwa jisħaq li l-Pjan ta' Azzjoni jipprovdi skema volontarja għall-awtoritajiet lokali u reġjonali; |
58. |
jirrikonoxxi li l-azzjonijiet proposti jimmiraw speċifikament in-nuqqasijiet ta' politika u n-nuqqasijiet tas-suq, bħall-asimmetriji tal-informazzjoni li jistgħu jiġu indirizzati biss fil-livell tal-UE u għalhekk huma konformi mat-Trattat ta' Lisbona; |
59. |
jagħraf li l-Pjan ta' Azzjoni huwa konformi mal-prinċipju ta' proporzjonalità. Id-daqs u l-iskala tal-azzjoni ppjanata huma mistennija jiġġeneraw impatti pożittivi permezz tal-effetti tal-crowding-in u tal-multiplikatur immirati lejn nuqqasijiet tas-suq speċifiċi; |
Il-promozzjoni tal-edukazzjoni u t-taħriġ tal-intraprenditorija
60. |
jenfasizza li l-Ewropa jrid jirnexxilha tippreżenta l-intraprenditorija liż-żgħażagħ bħala karriera futura vijabbli u promettenti, u b'hekk tkebbes mill-ġdid l-ispirtu intraprenditorjali; |
61. |
jissottolinja li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom il-kompitu li jippromovu l-edukazzjoni u jdaħħlu fiha l-aspett intraprenditorjali; |
62. |
jenfasizza li l-kapaċità tal-awtoritajiet lokali u reġjonali li jippromovu l-intraprenditorija għandha tiġi rikonoxxuta; |
63. |
jappella lill-organizzazzjonijiet tat-taħriġ lokali u reġjonali u s-sistemi edukattivi biex jipprovdu iktar opportunitajiet ta' tagħlim formali u mhux formali iktar adattati fit-taħriġ tal-intraprenditorija u l-iżvilupp tal-intrapriżi għal udjenzi destinatarji speċifiċi; |
64. |
jenfasizza s-sinifikanza tal-qafas Ewropew tal-kompetenzi ewlenin, li fihom l-edukazzjoni tal-intraprenditorija ġiet identifikata bħala ferm importanti, flimkien mal-matematika, it-teknika għas-soluzzjoni tal-problemi, il-komunikazzjoni, l-għarfien tal-lingwi u kompetenzi oħrajn; |
65. |
jappella lill-Kummissjoni biex tippromovi t-tagħlim intraprenditorjali fl-iskejjel li jipprovdu edukazzjoni ġenerali u fl-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni terzjarja b'enfasi fuq l-akkwist ta' ħiliet prattiċi u tagħlim informali bejn l-intraprendituri u t-tfal tal-iskola u l-istudenti; |
66. |
jappella lill-awtoritajiet lokali u reġjonali jintroduċu jew itejbu l-kwalità tal-programmi edukattivi u tat-taħriġ offruti bħalissa; |
67. |
jenfasizza l-importanza tal-programmi tas-sensibbiltà u t-titjib tal-ħiliet intraprenditorjali minn kmieni, sa mill-edukazzjoni primarja, sabiex jitrawwem il-potenzjal innovattiv u n-natura esperimentali tal-ġenerazzjoni żagħżugħa; |
68. |
jemmen li l-awtoritajiet lokali u reġjonali huma kapaċi jniedu programmi edukattivi ta' dan it-tip. Dawn il-programmi għandhom itejbu l-ispirtu intraprenditorjali taż-żgħażagħ f'setturi ekonomiċi speċifiċi għar-reġjun, b'kontribut għall-iżvilupp ta' qasam ekonomiku partikolari u anke tar-reġjun kollu kemm hu; |
69. |
jenfasizza l-importanza tad-djalogu fost l-imprendituri li għadhom jibdew u dawk potenzjali, bħal dak promoss permezz tal-programm Ewropew “Erasmus għall-Imprendituri Żgħażagħ”; |
70. |
jenfasizza li xi reġjuni li għandhom it-tikketta tal-EER impenjaw lilhom infushom serjament f'dan il-programm u r-riżultati għall-imprendituri tagħhom kienu ferm inkoraġġanti. Il-programm joffri lill-imprendituri futuri taħriġ f'SMEs stabbiliti, fejn l-imprendituri esperjenzati fl-istess ħin jibbenefikaw minn imprendituri (futuri) żgħażagħ motivati li jagħtuhom ħarsa ġdida lejn l-isfidi ta' kuljum (produzzjoni jew proċessi eżistenti). Għalhekk, hemm potenjal ġdid biex tiżdied il-kapaċità għall-innovazzjoni tal-kumpaniji involuti f'tali skambji; |
71. |
jenfasizza li huwa importanti li l-intraprenditorija soċjali tiġi promossa iktar bħala alternattiva ta' valur għall-modi tradizzjonali tal-kummerċ kemm f'forma għall-profitt kif ukoll mhux għall-profitt. L-intraprenditorija soċjali tista' tkun attività kummerċjali sodisfaċenti ħafna speċjalment peress li l-kriżi finanzjarja u ekonomika li għadha għaddejja titlob attività intraprenditorjali aktar sostenibbli; |
Noħolqu ambjent fejn l-imprendituri jistgħu jiffjorixxu u jikbru
72. |
jagħraf li s-sensibbiltà għandha tiżdied fost l-intrapriżi u l-imprendituri futuri biex jinħatfu l-opportunitajiet offruti mis-Suq Uniku; |
73. |
iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex b'mod effiċjenti jneħħu l-ostakli eżistenti għall-intraprenditorija kif hemm indikat fit-tieni pilastru tal-Pjan ta' Azzjoni. Barra minn hekk, iqis li s-sistemi tas-sigurtà soċjali m'għandhomx jiddiskriminaw kontra l-intraprendituri u n-nies li jaħdmu għal rashom; |
74. |
jirrimarka li sabiex jinħoloq ambjent favorevoli għall-iżvilupp tal-intrapriżi, l-awtoritajiet pubbliċi jridu jinvestu f'infrastruttura ta' kwalità, kemm fil-qasam tat-trasport kif ukoll f'dak diġitali, u għal dan il-għan għandhom bżonn l-appoġġ tal-Unjoni Ewropea; |
75. |
jagħraf b'mod partikolari li fis-snin li ġejjin, mijiet ta' eluf ta' sidien tal-kumpaniji fl-UE li huma mdaħħla fiż-żmien ser ikollhom jew jittrasferixxu l-intrapriżi tagħhom lill-ġenerazzjoni li jmiss jew jagħlqu; għalhekk, l-istrateġiji tas-suċċessjoni ser ikollhom jiġu implimentati u s-sensibilizzazzjoni dwar il-problema għandha tiżdied. F'dan ir-rigward, il-Kumitat tar-Reġjuni jtenni s-sejħa tiegħu espressa fl-Opinjoni dwar l-għajnuna mill-Istat għar-reġjuni (4), biex l-akkwiżizzjonijiet tal-kumpaniji (takeovers) isiru eliġibbli taħt il-linji gwida tal-għajnuna mill-Istat għar-reġjuni; |
76. |
jaqbel li l-proċeduri tal-falliment għandhom jiġu semplifikati sabiex l-imprendituri jingħataw it-tieni ċans; |
Nippromovu mudelli eżemplari fost gruppi destinatarji speċifiċi
77. |
jemmen li huwa essenzjali li tonqos b'mod kontinwu l-burokrazija b'rabta mat-twaqqif jew it-tkabbir tal-intrapriżi; |
78. |
jappoġġja l-idea li intraprenditorija titrawwem fost il-gruppi destinatarji filwaqt li jitqiesu l-isfidi speċifiċi li jridu jiġu ffaċċjati; |
79. |
jenfasizza r-rwol kruċjali tal-imprendituri mdaħħla fiż-żmien fl-ekonomija tal-UE u jissottolinja li minħabba l-proċessi demografiċi osservati, ir-rwol tagħhom x'aktarx jiżdied; |
80. |
japprezza l-fatt li l-Pjan ta' Azzjoni jindirizza r-rwol tal-anzjani bħala riżorsa ta' valur għall-intraprenditorija fl-UE u li b'hekk iwassal għal sinerġiji potenzjali b'politiki soċjali li jimmiraw li jżidu l-attività ekonomika fost il-ġenerazzjoni li għandha 'l fuq minn 50 sena; |
81. |
jissottolinja li, minħabba l-esperjenza twila tax-xogħol, l-impjegati mdaħħla fiż-żmien huma sors rikk ta' għarfien u jistgħu jkunu kruċjali biex jgħinu ġenerazzjoni ġdida ta' negozjanti biex iwaqqfu jew jikkonsolidaw il-kumpaniji; |
82. |
jaqbel li l-fornituri tal-appoġġ għall-intrapriżi għandhom jidentifikaw iktar mudelli li jaħdmu li jippermettu lill-ħaddiema mdaħħla fiż-żmien biex jibqgħu attivi, abbażi tar-rieda tagħhom u li jgħinu jżidu l-impjegabbiltà kemm tal-istudenti kif ukoll tal-imprendituri li għadhom jibdew (permezz ta' programmi ta' mentoring); |
83. |
f'dan ir-rigward, huwa jirrakkomanda li tiġi stimulata attitudni tat-tixjiħ attiv fis-soċjetà. Il-benefiċċji tat-tixjiħ attiv ma jibbenefikawx biss lil dawk konċernati direttament, imma jistgħu jkunu wkoll sors ta' tkabbir u innovazzjoni. Fil-livell lokali u reġjonali, il-persuni li jieħdu d-deċiżjonijiet jistgħu jesploraw u jippromovu iktar 'l-opportunitajiet tad-deheb' offruti mill-ekonomija tal-fidda, li ser jiddependu mill-qrib fuq l-attitudnijiet li qed jinbidlu lejn il-politiki l-ġodda sensibilizzati għall-età; |
84. |
jissottolinja li xi reġjuni Ewropej diġà mmiraw lil gruppi speċifiċi sabiex iżidu l-potenzjal intraprenditorjali tagħhom, u jħeġġeġ lil oħrajn jagħmlu użu mill-għarfien miksub; a good example here is the Principi Attivi programme implemented by Puglia Region; |
Inżidu l-potenzjal tal-Ewropa għall-innovazzjoni permezz tal-intraprenditorija
85. |
jaqbel li l-ekonomija ekoloġika toffri potenzjal konsiderevoli għall-innovazzjoni, u li dan jista' jkun immirat b'mod iktar effettiv mill-SMEs Ewropej; |
86. |
jirreferi għar-rwol importanti li l-inkubaturi tan-negozji, l-inizjattivi tal-clusters u l-clusters jistgħu jaqdu fil-promozzjoni tat-trasferiment b'inqas xkiel tal-għarfien xjentifiku u l-għarfien vijabbli lill-ekonomija reali, u t-tisħiħ tal-bażi kompetittiva u s-setgħa ta' promozzjoni tal-ekonomiji reġjonali; iħeġġeġ il-kummerċjalizzazzjoni tal-għarfien xjentifiku; |
87. |
jenfasizza li hemm eżempji promettenti f'ħafna mir-reġjuni li għandhom it-tikketta tal-EER fejn l-inizjattivi tal-clustering u ċ-ċentri ta' inkubazzjoni għall-imprendituri l-ġodda rriżultaw fi prodotti u servizzi ġodda b'potenzjal għat-tkabbir. Eżempji ta' tali suċċessi huma l-Eco World Styria (reġjun EER 2013), il-Park Xjentfiku ta' Golm fi Brandenburg (reġjun EER 2011) jew il-Park Xjentifiku b'inkubatur fir-Reġjun ta' Murcia (reġjun EER 2011); |
88. |
jilqa' t-tisħiħ tan-Netwerk Enterprise Europe u l-baġit miżjud abbinat mal-għan speċifiku “Intejbu l-aċċess għas-swieq”, li huwa appoġġjat min-Netwerk; |
89. |
jappella biex kull attur reġjonali rilevanti jiġi rappreżentat fin-Netwerk Enterprise Europe sabiex jiġu mmirati t-tipi kollha ta' SMEs u jinbnew relazzjonijiet iktar b'saħħithom. |
Brussell, 9 ta’ Ottubru 2013.
Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni
Ramón Luis VALCÁRCEL SISO
(1) Opinjoni tal-KtR tal-11 ta' April 2013, CDR2255-2012_00_00_TRA_AC, punt 18.
(2) Opinjoni tal-KtR tal-31 ta' Jannar 2013, CDR2232-2012_00_00_TRA_AC, punt 45.
(3) CdR 14/2012 fin, ECOS-V-025, punt 64.
(4) Opinjoni tal-KtR tal-31 ta' Jannar 2013, CDR2232-2012_00_00_TRA_AC, punt 49.