Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013IR1997

    Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar il- “CARS 2020: Pjan ta’ azzjoni għal industrija tal-karozzi kompetittiva u sostenibbli fl-Ewropa”

    ĠU C 356, 5.12.2013, p. 55–59 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    5.12.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 356/55


    Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-“CARS 2020: Pjan ta’ azzjoni għal industrija tal-karozzi kompetittiva u sostenibbli fl-Ewropa”

    2013/C 356/10

    IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

    jinnota li f'ħafna Stati Membri d-diffikultajiet tal-industrija tal-karozzi huma ta' natura strutturali u jeħtieġu bidliet drastiċi;

    jenfasizza li huwa importanti li jintużaw il-possibbiltajiet kollha fil-livell tal-awtoritajiet lokali u reġjonali. Dawn jinkludu, skont kif inhuma mqassmin il-kompetenzi f'pajjiżhom, it-tneħħija tal-ostakli burokratiċi, l-aċċellerazzjoni tal-proċeduri ta' awtorizzazzjoni, l-azzjonijiet ta' edukazzjoni u taħriġ kontinwu, it-twaqqif ta' ċentri tal-kompetenzi u l-innovazzjoni, u s-sejħiet għall-offerti għal proġetti innovattivi;

    jiġbed l-attenzjoni għall-possibbiltajiet li joffru l-fondi għall-proġetti fil-qasam tar-riċerka u l-iżvilupp u l-ħolqien ta' clusters. Ċerti reġjuni qed jiżviluppaw il-clusters tal-vetturi fi “clusters tal-mobbiltà” billi jinkludu s-sistemi ferrovjarji, it-trasport bl-ajru u saħansitra r-roti, speċjalment ir-roti elettriċi u l-pedelecs. Bis-saħħa tad-diversifikazzjoni fil-produzzjoni, il-kumpaniji jistgħu jibqgħu dejjem operattivi, anke fi żminijiet ta' kriżi. Din it-tendenza tiġi appoġġjata b'mod partikolari permezz tas-sinerġiji fil-qasam tal-innovazzjoni u t-teknoloġija;

    jilqa' bis-sħiħ l-approċċ tal-Kummissjoni Ewropea li toħloq Grupp ta' Esperti ta' Livell Għoli li l-kompitu tiegħu hu li josserva l-implimentazzjoni tal-miżuri tal-pjan ta' azzjoni u jaġġustahom skont il-bżonn, u jilqa' wkoll l-inklużjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni fil-ħidma tiegħu.

    Relatur

    Is-Sur Christian BUCHMANN (AT/PPE), Membru tal-Gvern Reġjonali tal-Land ta' Steiermark

    Dokument ta' referenza

    Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – CARS 2020: Pjan ta' azzjoni għal industrija tal-karozzi kompetittiva u sostenibbli fl-Ewropa

    COM(2012) 636 final

    I.   KUMMENTI ĠENERALI

    1.

    l-industrija tal-karozzi tirrappreżenta 12-il miljun impjieg dirett u indirett fl-UE kif ukoll EUR 28 biljun f'investimenti fir-riċerka u l-iżvilupp (2009). Hi timmultiplika t-tkabbir u tagħti kontribut pożittiv konsiderevoli fil-bilanċ kummerċjali tal-UE;

    2.

    l-industrija Ewropea tal-karozzi għaddejja minn kriżi serja li x'aktarx ser tkompli tiggrava; din il-kriżi għandha riperkussjonijiet fuq l-ekonomija Ewropea kollha;

    3.

    filwaqt li s-swieq barra l-Ewropa, pereżempju fl-Istati BRIC, jinsabu f'perjodu ta' prosperità, id-domanda Ewropea għall-karozzi hija staġnata kif turi b'mod ċar l-evoluzzjoni tar-reġistrazzjonijiet ġodda tal-karozzi tal-passiġġieri fl-Ewropa. F'Jannar 2013 in-numru ta' reġistrazzjonijiet ġodda tal-karozzi niżel bi 8,7 % għal 885 159 reġistrazzjoni, u b'hekk kien l-aktar wieħed baxx għal Jannar sa minn meta bdiet tinżamm l-istatistika (1);

    4.

    il-manifatturi Ewropej jistgħu jew setgħu jibbenefikaw mill-potenzjal tas-swieq barranin b'mod limitat biss u f'livelli differenti. Filwaqt li l-PSA, il-Peugeot, is-Citroën, il-Ford jew il-Fiat qed jirreġistraw telf konsiderevoli, għall-bidu l-kumpaniji premium bħall-BMW, l-Audi u d-Daimler baqgħu jaraw żieda fin-numru ta' karozzi mibjugħa. Għall-manifatturi tal-massa li s'issa kienu jbigħu l-karozzi ta' daqs żgħir u medju tagħhom l-aktar fl-Ewropa, is-sitwazzjoni ekonomika qed issir dejjem aktar diffiċli;

    5.

    l-esperti mhux qed jistennew li din is-sitwazzjoni titjieb fit-tliet snin li ġejjin. Huwa mistenni li jkompli jsir ristrutturar, jonqsu l-impjiegi u jagħlqu l-fabbriki fis-settur tal-karozzi. Fl-istess ħin wieħed jistaqsi sa liema punt l-attivitajiet ta' riċerka u innovazzjoni jistgħu jiġu appoġġjati u jiżdiedu;

    II.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA' POLITIKA

    IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

    6.

    jinnota li f'ħafna Stati Membri d-diffikultajiet tal-industrija tal-karozzi huma ta' natura strutturali u jeħtieġu bidliet drastiċi;

    7.

    jenfasizza li dawn il-bidliet għandhom isiru fil-kuntest ta' djalogu soċjali intensiv sabiex jiġu limitati kemm jista' jkun il-konsegwenzi għal dawk milquta;

    8.

    jilqa' bi pjaċir il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni CARS 2020 li fiha jiġi propost pjan ta' azzjoni għal industrija tal-karozzi kompetittiva u sostenibbli fl-Ewropa;

    9.

    jaqbel mal-Kummissjoni Ewropea li dawn il-miżuri jridu jiġu implimentati minnufih minħabba s-sitwazzjoni tat-tluq deskritta;

    10.

    jisħaq li huwa importanti li l-industrija tal-karozzi fl-Ewropa tagħti kontribut favur soċjetà sostenibbli fit-tul. F'dan il-kuntest, il-miżuri relatati mal-ambjent, il-klima u s-sigurtà fit-toroq huma ferm importanti;

    11.

    jilqa' bis-sħiħ l-approċċ tal-Kummissjoni Ewropea li toħloq Grupp ta' Esperti ta' Livell Għoli li l-kompitu tiegħu hu li josserva l-implimentazzjoni tal-miżuri tal-pjan ta' azzjoni u jaġġustahom skont il-bżonn, u jilqa' wkoll l-inklużjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni fil-ħidma ta' dan il-Grupp ta' Esperti ta' Livell Għoli;

    12.

    jinsab imħasseb ħafna minħabba n-nuqqas tal-koerenza meħtieġa fil-proposti tal-Kummissjoni Ewropea. Id-Direttorati Ġenerali għall-Intrapriża, il-Klima, l-Ambjent, l-Impjiegi, is-Suq Intern jew il-Kummerċ sikwit jaħdmu għal rashom, u l-inizjattivi tal-oqsma differenti ma jkunux ikkoordinati biżżejjed ma' xulxin;

    13.

    jirreferi, pereżempju, għar-restrizzjonijiet fuq l-għajnuna għall-intrapriżi l-kbar kif ukoll għal-livell limitu attwali baxx ħafna għad-definizzjoni tal-intrapriżi ż-żgħar u ta' daqs medju (SMEs), kif ingħad diġà fl-Opinjoni tal-KtR dwar Il-linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għar-reġjuni għall-perjodu 2014-2020 (CdR 2232/2012_00_00_TRA_AC);

    14.

    f'dan ir-rigward jisħaq fuq l-importanza kbira ta' strumenti flessibbli li jappoġġjaw lill-intrapriżi f'diffikultà, u hawnhekk jagħmel referenza għall-Opinjoni tal-KtR dwar Il-linji gwida tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta' kumpaniji f'diffikultà (CdR 240/2013_00_00_TRA_AC);

    15.

    ifakkar li t-tfassil ta' linji gwida Ewropej dwar l-inċentivi finanzjarji għall-promozzjoni tal-vetturi nodfa kienet waħda mir-rakkomandazzjonijiet imsemmija fir-rapport finali CARS 21 adottat f'Ġunju 2012. F'dan il-kuntest jiddispjaċih li l-Kummissjoni Ewropea fasslet linji gwida dwar l-inċentivi finanzjarji fil-forma ta' dokument ta' ħidma biss aktar milli bħala dokument leġislattiv. Jiddispjaċih ukoll li dan id-dokument ta' ħidma fih biss ħames “prinċipji rakkomandati” li mhumiex vinkolanti u li huma vagi dwar l-impatt tad-differenzi kbar fl-inċentivi fiskali fuq it-tħaddim tas-suq intern;

    16.

    jenfasizza li huwa importanti li jintużaw il-possibbiltajiet kollha fil-livell tal-awtoritajiet lokali u reġjonali. Dawn jinkludu, skont kif inhuma mqassmin il-kompetenzi f'pajjiżhom, it-tneħħija tal-ostakli burokratiċi, l-aċċellerazzjoni tal-proċeduri ta' awtorizzazzjoni, l-azzjonijiet ta' edukazzjoni u taħriġ kontinwu, it-twaqqif ta' ċentri tal-kompetenzi u l-innovazzjoni, u s-sejħiet għall-offerti għal proġetti innovattivi;

    17.

    f'dan il-kuntest jixtieq jinnota li waħda mill-inizjattivi fil-livell reġjonali u lokali tista' tkun li jkun hemm kooperazzjoni rigward l-ambjenti komuni għat-testijiet tal-industrija Ewropea tal-karozzi. Dawn il-proġetti konġunti jistgħu jinvolvu lill-awtoritajiet lokali u reġjonali, l-industrija, ir-riċerkaturi, eċċ., u għandhom potenzjal kbir biex inaqqsu l-ispejjeż globali tal-iżvilupp tal-industrija tal-karozzi, u jħallu impatt pożittiv fit-tul fuq il-kompetittività fis-suq dinji;

    18.

    jindika li l-Komunikazzjoni tiffoka fuq li tkompli t-tiftixa għall-vetturi li jużaw l-enerġija b'mod effiċjenti filwaqt li tevita punt partikolarment importanti għall-kompetittività tal-intrapriżi u l-ambjent, jiġifieri l-użu effiċjenti tal-enerġija fl-istess fabbriki li jipproduċu l-vetturi u l-industrija awżiljari, li għandu jidher bħala linja ta' ħidma li għandha titqies bħala parti mill-Pjan Cars 2020;

    L-INVESTIMENTI FIR-RIĊERKA U L-IŻVILUPP

    19.

    jaqbel mal-Kummissjoni Ewropea li l-investimenti fir-riċerka u l-iżvilupp jaqdu rwol ċentrali għall-iżvilupp futur tal-industrija Ewropea tal-karozzi, kif ingħad diġà wkoll fl-Opinjoni tal-KtR dwar Orizzont 2020 – Il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (CdR 402/2011 fin);

    20.

    jisħaq fost aspetti oħra fuq l-iżvilupp demografiku, li joħroġ fid-dieher b'mod aktar ċar il-ħtieġa li jsiru investimenti kbar fir-riċerka u l-iżvilupp. Popolazzjoni li qed tixjieħ toħloq bżonnijiet ġodda f'dak li hu adattament tat-teknoloġija u l-funzjonijiet tal-vetturi, sabiex dawn jirriflettu l-bidliet fil-ħtiġijiet ta' utenti tal-vetturi li dejjem jixjieħu. B'dan il-mod, il-vetturi aktar effiċjenti, komdi, siguri, silenzjużi, konnessi u aktar faċli għall-utenti jistgħu jirrappreżentaw fattur kompetittiv modern li jista' jsaħħaħ l-industrija Ewropea tal-karozzi fuq perjodu twil ta' żmien;

    21.

    jenfasizza li l-SMEs, b'mod partikolari, jaqdu rwol importanti fl-industrija tal-karozzi bħala innovaturi fil-qasam tal-forniment kif ukoll fil-ħolqien tal-impjiegi. L-appoġġ mil-livell Ewropew li jissemma f'CARS 2020 huwa importanti ferm f'dan il-kuntest;

    22.

    jirreferi għall-esperjenzi mill-programmi qafas ta' riċerka tal-aħħar snin li juru li l-SMEs ftit li xejn jibbenefikaw mill-fondi tal-programmi ta' riċerka Ewropej minkejja l-isforzi tal-Kummissjoni Ewropea biex ittejjeb din is-sitwazzjoni, liema sitwazzjoni tirriżulta mill-piż amministrattiv kbir, il-perjodi twal ta' tħejjija (lead times), kif ukoll mill-fatt li b'mod globali l-allokazzjoni tal-fondi hi żgħira wisq u għalhekk in-numru ta' proġetti li jiġu appoġġjati huwa żgħir;

    23.

    jappoġġja l-proposti tal-Kummissjoni Ewropea biex jiġi ssemplifikat l-appoġġ għall-proġetti fl-Orizzont 2020, u jitlob lill-Parlament Ewropew jagħti l-kontribut korrispondenti tiegħu rigward il-proposti ppreżentati għat-tnaqqis tal-burokrazija sabiex jonqos ukoll il-piż marbut mal-kontroll;

    24.

    jiddispjaċih li ma nżammewx il-proposti kollha tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-allokazzjoni tal-fondi għall-Orizzont 2020;

    IR-RWOL TAL-FONDI STRUTTURALI

    25.

    huwa favur li l-Fondi Strutturali jintużaw bl-aħjar mod mill-awtoritajiet reġjonali u lokali fil-qafas tal-possibbiltajiet li toffri l-leġislazzjoni dwar l-għajnuna;

    26.

    jiġbed l-attenzjoni għall-possibbiltajiet li joffru l-Fondi Strutturali, fosthom l-appoġġ għall-proġetti fil-qasam tar-riċerka u l-iżvilupp u l-ħolqien ta' clusters. Ċerti reġjuni qed jiżviluppaw il-clusters tal-vetturi fi “clusters tal-mobbiltà” billi jinkludu s-sistemi ferrovjarji, it-trasport bl-ajru u saħansitra r-roti, speċjalment ir-roti elettriċi u l-pedelecs. Bis-saħħa tad-diversifikazzjoni fil-produzzjoni, il-kumpaniji jistgħu jibqgħu dejjem operattivi, anke fi żminijiet ta' kriżi. Din it-tendenza tiġi appoġġjata b'mod partikolari permezz tas-sinerġiji fil-qasam tal-innovazzjoni u t-teknoloġija;

    IL-ĦILIET

    27.

    jisħaq fuq il-problemi li jiġu indirizzati wkoll fil-Komunikazzjoni CARS 2020, jiġifieri l-problemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ kontinwu, it-tibdil demografiku, in-nuqqas ta' ħaddiema speċjalizzati, kif ukoll in-nuqqas konsiderevoli ta' żgħażagħ gradwati minn universitajiet tekniċi;

    28.

    jagħmel enfasi fuq il-ħtieġa li r-riżorsi tal-Fond Soċjali Ewropew jintużaw b'mod għaqli biex il-ħaddiema li għadhom mhumiex fir-riskju li jisfaw qiegħda jkomplu jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom. Hija r-responsabbiltà tal-Istati Membri li jippjanaw l-użu tar-riżorsi tal-Fond Soċjali Ewropew. B'dan il-mod għandhom jiġu kkunsidrati l-ħtiġijiet speċifiċi ta' żvilupp li jkollu kull reġjun;

    29.

    f'dan il-kuntest jappoġġja t-talba tal-Parlament Ewropew biex il-Kummissjoni tippreżenta proposta għal direttiva dwar l-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-ħaddiema, l-antiċipazzjoni u l-ġestjoni tar-ristrutturar;

    30.

    jappella li l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni jkollu allokazzjoni suffiċjenti u organizzazzjoni flessibbli, sabiex jittaffew il-konsegwenzi negattivi tal-globalizzazzjoni fuq l-intrapriżi Ewropej u/jew l-impjegati tagħhom;

    31.

    jiġbed l-attenzjoni għall-esperjenzi pożittivi tat-taħriġ bikri taż-żgħażagħ fis-sistema ta' taħriġ fuq żewġ binarji, li fiha l-intrapriżi stess iħarrġu lill-ħaddiema speċjalizzati li jkollhom bżonn u ż-żgħażagħ ikollhom opportunitajiet tajbin li jsibu xogħol mill-ewwel wara li jlestu t-taħriġ tagħhom;

    32.

    jappoġġja l-miżuri intiżi biex jattiraw lin-nisa lejn professjonijiet tekniċi. Ir-rata ta' nisa gradwati minn universitajiet tekniċi fl-Ewropa hi inqas minn 10 %. L-esperjenzi f'reġjuni individwali wrew li n-nisa jipprovdu sensittività siewja ħafna, b'mod speċjali fir-riċerka u l-iżvilupp, u huma partikolarment apprezzati fl-iżvilupp tal-karozzi. Barra minn hekk, in-nisa jirrappreżentaw aktar minn 50 % tax-xerrejja, jiġifieri huma l-akbar grupp ta' xerrejja;

    33.

    iħeġġeġ li jkun hemm kooperazzjoni kontinwa bejn is-sistemi edukattivi vokazzjonali u l-intrapriża, ħaġa li jqis bħala mezz biex il-kurrikuli jiġu allinjati aħjar mal-ħtiġijiet tas-suq li qed jinbidlu;

    IL-KARBURANTI ALTERNATTIVI U L-INFRASTRUTTURA MEĦTIEĠA GĦALIHOM

    34.

    jappella lill-industrija biex tkompli ssaħħaħ l-iżvilupp ta' teknoloġiji ta' propulsjoni alternattivi, u tpoġġi fis-suq soluzzjonijiet adatti għall-ħajja ta' kuljum biex jintlaħqu l-għanijiet klimatiċi stabbiliti kif ukoll biex l-avvanz fit-teknoloġija jkun jista' jintuża mil-lat ekonomiku (tnaqqis tal-ispejjeż tal-kombustibbli użati, bilanċ kummerċjali, impjiegi li joħolqu l-bijokombustibbli, eċċ.) u l-iffrankar tal-enerġija. Dan jinkludi wkoll il-proċeduri u teknoloġiji għall-ħżin ta' riżorsi ġodda tal-enerġija;

    35.

    jipproponi li jsir skambju ta' informazzjoni intensiv bejn l-Istati Membri kollha dwar l-aħjar prattiki tal-kooperazzjoni bejn is-sistema edukattiva vokazzjonali u l-intrapriżi, b'mod li minnu jibbenefikaw ir-reġjuni kollha;

    36.

    f'dan il-kuntest jitlob li jitħeġġeġ l-iżvilupp ta' teknoloġiji differenti b'għanijiet preċiżi, u li ma tiġi eskluża l-ebda alternattiva. Skont l-applikazzjoni ppjanata tagħha, kull teknoloġija għandha sew punti b'saħħithom u sew punti dgħajfa. Fl-istess ħin, ir-regolamentazzjoni dwar l-użu tal-karburanti alternattivi minn sorsi rinnovabbli għandha tikkunsidra l-bilanċ totali tal-enerġija, inkluż il-konsum tal-enerġija fil-ġenerazzjoni tal-karburanti.

    37.

    b'rabta ma' dan jenfasizza l-importanza li jkun hemm l-infrastruttura adegwata, li mingħajrha l-penetrazzjoni fis-suq tkun diffiċli. Għalhekk, għandhom isiru sforzi konġunti sabiex jiġu promossi l-karburanti alternattivi u biex tinħoloq l-infrastruttura meħtieġa għalihom. Għal dan ser ikun hemm bżonn li jinħolqu kumitat speċifiċi għall-koordinazzjoni bejn is-settur u dawk responsabbli mill-ippjanar tal-infrastrutturi. L-iżvilupp ta' dawn l-infrastrutturi għandu jkun ibbażat fuq studji minn qabel u pjani integrati ta' mobbiltà li jippermettu li jiġu analizzati l-għażliet distinti b'rabta mal-mezzi differenti tat-trasport u l-bżonnijiet tar-reġjun jew l-awtorità lokali;

    38.

    jappella għat-tfassil ta' linji gwida Ewropej dwar l-inċentivi finanzjarji favur il-vetturi ekoloġiċi, li għandhom ikunu bbażati fuq data oġġettiva u disponibbli bħall-emissjonijiet ta' CO2;

    39.

    f'dan ir-rigward jilqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropea “Enerġija nadifa għat-trasport” u jagħmel referenza għall-Opinjoni tal-KtR dwar dan (CdR 28/2013_00_00_TRA_AC);

    40.

    jinnota li fil-qasam tal-akkwisti pubbliċi jeżistu soluzzjonijiet innovattivi. Fiż-żoni urbani, b'mod speċjali, it-tekniki ta' propulsjoni alternattivi jistgħu jiġu partikolarment appoġġjati permezz tal-investimenti pubbliċi (bdil tal-flotta).

    41.

    jinnota li r-reġjuni u l-muniċipalitajiet joffru bosta eżempji ta' suċċess li jiftħu toroq ġodda permezz ta' taħlita ta' appoġġ għall-vetturi elettriċi, il-ġestjoni tal-parkeġġi u l-infrastruttura (stazzjonijiet tal-iċċarġjar);

    IL-KUNSIDERAZZJONI TAĊ-ĊIKLU TAL-ĦAJJA U R-RIĊIKLAĠĠ

    42.

    jiġbed l-attenzjoni għad-Direttiva tal-UE 2000/53/KE tat-18 ta' Settembru 2000 li tistabbilixxi li, mill-2015, 95 % tal-piż ta' vettura jrid ikun jista' jiġi rkuprat. B'dan il-mod ikun jista' jonqos il-konsum tar-riżorsi billi jintużaw riżorsi rkuprati, u tkun tista' titnaqqas ukoll id-dipendenza mill-importazzjoni tal-materja prima. Fl-istess ħin, ir-riċiklaġġ iffokat fuq il-proċess qed isir il-bażi għall-ħolqien kontinwu tal-valur, u joħloq impjiegi għal nies kwalifikati fir-reġjuni Ewropej;

    43.

    jenfasizza li l-kunsiderazzjoni konsistenti taċ-ċiklu tal-ħajja tibda mid-disinn ta' vettura u tkopri l-impatti ambjentali kollha fil-proċess tal-produzzjoni, inkluża l-fażi operattiva u fl-aħħar ir-riċiklaġġ u/jew l-ipproċessar tal-vetturi għall-ikrupru tagħhom aktar tard;

    44.

    jinnota li l-kunsiderazzjoni komprensiva toffri fuq kollox opportunitajiet kbar fl-iżvilupp ta' materjali sostenibbli ġodda u tgħin biex jinkisbu l-għanijiet relatati mas-CO2 stabbiliti fl-Istrateġija Ewropa 2020;

    45.

    jenfasizza li bl-esportazzjoni ta' aktar minn 75 % tal-vetturi qodma fi tmiem iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom qed jintilef potenzjal enormi ta' riżorsi, u b'hekk għall-vetturi l-ġodda jkollhom jintużaw riżorsi primarji ġodda li jridu jinxtraw mill-Asja (elementi terrestri rari);

    46.

    f'dan il-kuntest jisħaq fuq il-funzjoni importanti tar-riċiklaġġ biex jinħolqu l-impjiegi u tonqos id-dipendenza mill-fornituri tal-materja prima;

    47.

    għaldaqstant jitlob li jiżdiedu l-isforzi konġunti biex aktar vetturi qodma jintużaw bħala riżorsi. L-għan għandu jkun li jinħolqu regolamenti ċari dwar l-obbligu tar-riċiklaġġ u li jiġi promoss l-iżvilupp ta' materjali sostenibbli;

    48.

    jitlob li tingħata attenzjoni ikbar lis-suq tal-karozzi użati u l-analiżi tad-drawwiet tal-konsumaturi matul il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet fir-rigward tal-valutazzjoni tal-industrija tal-karozzi u l-kwistjonijiet relatati;

    49.

    hija b'xorti ħażina li l-pjan ta' azzjoni jsemmi biss paragrafu wieħed dwar il-karozzi użati u jindika l-karatteristika tal-flotta tal-karozzi li qed tixjieħ fil-pajjiżi tal-Lvant tal-UE. Dan huwa kkawżat mir-rabta bejn il-bejgħ ta' karozzi użati irħas, il-prezzijiet tal-karozzi l-ġodda u l-paga medja netta, kif ukoll minħabba t-tnaqqis fil-livell ta' għajxien.

    Brussell, 9 ta’ Ottubru 2013.

    Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

    Ramón Luis VALCÁRCEL SISO


    (1)  Skont id-data maħruġa mill-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Manifatturi tal-Karozzi (ACEA – European Automobile Manufacturers' Association):

    http://www.acea.be/index.php/news/news_detail/passenger_car_registrations_-8.7_in_january_2013 [21.2.2013].


    Top