EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013IR1646

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “L-istrateġija ta’ ċibersigurtà”

ĠU C 280, 27.9.2013, p. 19–26 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

27.9.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 280/19


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “L-istrateġija ta’ ċibersigurtà”

2013/C 280/05

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

jilqa’ l-Istrateġija ta’ Ċibersigurtà tal-Kummissjoni u d-Direttiva dwar is-sigurtà tan-netwerks u tal-informazzjoni u jappoġġja l-objettiv tal-Istrateġija li jiġi żgurat spazju ċibernetiku miftuħ, sigur u mingħajr periklu u li l-ambjent onlajn tal-UE jkun l-iktar sigur fid-dinja;

jemmen li jinħtieġ pakkett mill-aktar fis biex jgħaqqad il-ħidma eżistenti u dik proposta f’dan il-qasam u li dan ser jipprovdi viżjoni koordinata u strateġika għall-Ewropa. Il-pakkett huwa milqugħ sabiex tiġi żgurata l-koordinazzjoni, titħeġġeġ il-kooperazzjoni, jitwettqu azzjonijiet ċari u deċiżivi, jinkiseb livell komuni ta’ protezzjoni ċibernetika, tittejjeb ir-reżiljenza tas-sistemi u n-netwerks tal-IT fir-rigward ta’ theddid ċibernetiku ġdid u emerġenti u tonqos il-frammentazzjoni madwar l-UE;

jirrakkomanda li l-Kummissjoni tippubblika pjan ta’ azzjoni biex tispjega kif ser jaħdmu fil-prattika l-għanijiet ambizzjużi stabbiliti fil-pakkett. Il-pjan ta’ azzjoni ser jeħtieġ ukoll gwida għall-valutazzjoni u l-kwantifikazzjoni tal-effett tal-Istrateġija, sabiex jiġi żgurat li l-kooperazzjoni qed isseħħ u jekk hux qed jinkiseb progress;

jenfasizza li l-pakkett il-ġdid għandu jgħin biex jittejbu l-prevenzjoni, l-identifikazzjoni u r-rispons għal inċidenti ċibernetiċi u għandu jwassal għal skambju aħjar tal-informazzjoni u koordinazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni fil-konfront ta’ inċidenti ċibernetiċi ewlenin. Sabiex dan jinkiseb ser ikun hemm bżonn ta’ sħubija ġenwina li taħdem u tinvolvi lill-Istati Membri, l-istituzzjonijeit tal-UE, l-awtoritajiet lokali u reġjonali, is-settur privat u s-soċjetà ċivili.

Relatur

is-Sur Robert BRIGHT (UK/PSE), Membru tal-Kunsill tal-Belt ta’ Newport

Dokumenti ta’ referenza

Komunikazzjoni Konġunta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – L-istrateġija ta’ Ċibersigurtà tal-Unjoni Ewropea

JOIN(2013) 1 final

Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar miżuri li jiżguraw livell għoli komuni ta’ sigurtà tan-netwerks u tal-informazzjoni madwar l-Unjoni

COM(2013) 48 final

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

1.

jilqa’ l-Istrateġija ta’ Ċibersigurtà tal-Kummissjoni u d-Direttiva dwar is-sigurtà tan-netwerks u tal-informazzjoni u jappoġġja l-objettiv tal-Istrateġija li jiġi żgurat spazju ċibernetiku miftuħ, sigur u mingħajr periklu u li l-ambjent onlajn tal-UE jkun l-iktar sigur fid-dinja;

2.

jistenna li l-pakkett il-ġdid dwar iċ-ċibersigurtà (li jinkludi l-Istrateġija u d-Direttiva) jgħolli l-istandards u jagħti kontribut ewlieni għall-iżvilupp tal-istandards tas-sigurtà ċibernetika madwar l-UE, inaqqas l-inċertezza legali, iżid il-fiduċja fis-servizzi onlajn, inaqqas l-ispejjeż bla bżonn u l-piżijiet amministrattivi u b’hekk jappoġġja s-Suq Uniku Diġitali u l-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020;

3.

jemmen li jinħtieġ pakkett mill-aktar fis biex jgħaqqad il-ħidma eżistenti u dik proposta f’dan il-qasam u li dan ser jipprovdi viżjoni koordinata u strateġika għall-Ewropa. Il-pakkett huwa milqugħ sabiex tiġi żgurata l-koordinazzjoni, titħeġġeġ il-kooperazzjoni, jitwettqu azzjonijiet ċari u deċiżivi, jinkiseb livell komuni ta’ protezzjoni ċibernetika, tittejjeb ir-reżiljenza tas-sistemi u n-netwerks tal-IT fir-rigward ta’ theddid ċibernetiku ġdid u emerġenti u tonqos il-frammentazzjoni madwar l-UE;

4.

jirrakkomanda li l-organizzazzjonijiet, inklużi l-awtoritajiet pubbliċi, jirrikonoxxu li l-indirizzar taċ-ċiberkriminalità hija ġlieda kontinwa, u huma mħeġġa jipprijoritizzaw it-theddida ta’ attakki u interruzzjonijiet ċibernetiċi billi jidentifikaw d-dgħufijiet u jiżviluppaw kapaċitajiet organizzattivi għall-ġestjoni ta’ sitwazzjonijiet ta’ ksur. Hekk kif l-internet qed isir dejjem aktar parti integrali mill-ħajja taċ-ċittadini, it-theddida minaċċuża taċ-ċiberkriminalità qed tiżdied u tespandi fl-istess ħin. Iċ-ċiberkriminalità, fil-forom kollha tagħha, hija theddida sofistikata ġdida, li tiżviluppa b’mod mgħaġġel, għall-Istati Membri, l-organizzazzjonijiet u ċ-ċittadini tal-UE fis-seklu 21 u hija theddida li kulma jmur qed tiżdied f’termini ta’ frekwenza u ta’ kumplessità u m’għandhiex limiti;

5.

jirrikonoxxi l-avvanzi ewlenin li l-UE għamlet sal-lum il-ġurnata biex tipproteġi aħjar liċ-ċittadini mill-kriminalità onlajn, anke billi pproponiet leġislazzjoni dwar l-attakki fuq is-sistemi tal-informazzjoni u permezz tat-tnedija ta’ Alleanza Globali kontra l-Abbuż Sesswali tat-Tfal Onlajn. Il-pakkett għandu jibni fuq l-azzjonijiet preċedenti, inklużi dawk identifikati fl-Aġenda Diġitali għall-Ewropa tal-2010 (1) u jiżviluppa politika Ewropea ta’ difiża ċibernetika b’saħħitha. Fid-dawl ta’ dan iħeġġeġ lill-koleġislaturi li bħalissa qed jiddiskutu l-proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva dwar attakki kontra sistemi tal-informazzjoni (2) biex jaslu għal ftehim malajr kemm jista’ jkun dwar il-proposta;

6.

jappoġġja l-ambizzjoni tal-Istrateġija peress li l-għan tagħha mhuwiex biss l-armonizzazzjoni tal-kapaċitajiet fil-qasam taċ-ċibersigurtà tal-Istati Membri u li tiġbor flimkien il-biċċiet differenti ta’ ħidma eżistenti u proposta biex tistabbilixxi standards komuni u kundizzjonijiet ekwivalenti iżda għandha l-għan ukoll li tikkoordina u tikseb konsistenza bejn it-tliet oqsma ta’ politika – l-infurzar tal-liġi, l-Aġenda Diġitali u l-politika ta’ difiża, sigurtà u dik barranija – li l-kompetenzi tagħhom kienu separati;

7.

jissuġġerixxi li l-pakkett jista’ jibbenefika mill-evidenza li qed tinġabar minn gvernijiet nazzjonali, u li għandu jipproponi sensiela ta’ standards armonizzati relatati mas-sigurtà tan-netwerks u tal-informazzjoni;

8.

jilqa’ l-approċċ, li jinvolvi diversi partijiet interessati, meħud mill-pakkett fir-rigward tat-tfassil tal-politika. Il-pakkett jirrikonoxxi l-importanza tal-kooperazzjoni pubblika-privata, u tat-twaqqif ta’ sħubija ġenwina li taħdem b’riżorsi adegwati. Il-pakkett jimmira wkoll lejn it-tlestija tas-Suq Uniku Diġitali tal-UE, biex jinħoloq ambjent onlajn, prosperu, sigur u mingħajr perikli għall-kumpaniji, il-gvernijiet u ċ-ċittadini;

9.

jilqa’ l-miżuri proposti fid-Direttiva, inkluża r-rakkomandazzjoni li l-Istati Membri jadottaw strateġija nazzjonali ta’ sigurtà tan-netwerks u tal-informazzjoni, jistabbilixxu Gruppi ta’ Rispons ta’ Emerġenza tal-Kompjuters (CERTs – Computer Emergency Response Teams) biex jaħdmu mal-Aġenzija Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Networks u l-Informazzjoni (ENISA) u li jinħoloq mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni ċar fost l-Istati Membri u l-Kummissjoni għall-iskambju ta’ twissijiet bikrija dwar riskji u inċidenti permezz ta’ infrastruttura sigura. Dawn il-miżuri u l-approċċ regolatorju meħud fid-Direttiva għandhom jikkontribwixxu ħafna biex tittejjeb il-konsistenza, jiġi stabbilit livell minimu komuni ta’ preparazzjoni fil-livell nazzjonali u jissaħħu d-difiżi ċibernetiċi madwar l-UE;

10.

iħeġġeġ lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex jadottaw malajr kemm jista’ jkun il-proposta għal Direttiva dwar livell għoli komuni ta’ sigurtà tan-netwerks u tal-informazzjoni madwar l-Unjoni Ewropea;

11.

jissuġġerixxi li jkun utli li l-pakkett jinkludi aktar dettalji dwar kif l-Istati Membri jistgħu jirrapportaw, jiġbru u jqabblu data dwar iċ-ċiberkriminalità kif ukoll speċifiċitajiet addizzjonali dwar kif għandhom jiġu implimentati l-miżuri. Ser ikun hemm bżonn ta’ sistemi ta’ rappurtar komuni u aktar ċarezza dwar ir-rekwiżiti ta’ notifika biex jiġu evitati l-inċertezza u n-nuqqas ta’ konsistenza dwar kif awtorità nazzjonali kompetenti tas-sigurtà tan-netwerks u tal-informazzjoni tiddefinixxi u tkejjel l-inċidenti ċibernetiċi li għandhom “impatt sinifikanti”. Huwa assolutament importanti wkoll li fit-twaqqif ta’ awtorità kompetenti tas-sigurtà tan-netwerks u tal-informazzjoni tiġi kkunsidrata d-diviżjoni tal-kompetenzi fi ħdan l-Istati Membri, b’mod partikolari dawk bi strutturi federali jew deċentralizzati ħafna;

12.

għalhekk jesprimi xi tħassib dwar ċerti aspetti regolatorji u legali tal-pakkett, b’mod partikolari fir-rigward tan-nuqqas ta’ ċarezza fejn tidħol id-definizzjoni tal-kriterji li jridu jiġu sodisfati sabiex Stat Membru jkun awtorizzat jipparteċipa fis-sistema sigura ta’ kondiviżjoni ta’ informazzjoni, aktar speċifikazzjoni tal-avvenimenti li jwasslu għal azzjoni ta’ twissija bikrija, u d-definizzjoni taċ-ċirkostanzi li fihom l-operaturi tas-suq u l-amministrazzjonijiet pubbliċi huma meħtieġa jibagħtu notifika dwar l-inċidenti. L-assenza ta’ regoli stabbiliti b’mod ċar dwar dawn il-kwistjonijiet timpedixxi ċ-ċertezza legali;

13.

jesprimi tħassib li d-Direttiva tista’ tqiegħed piż regolatorju mhux meħtieġ fuq l-intrapriżi u l-korpi pubbliċi. Għandu jsir minn kollox biex tiġi evitata d-duplikazzjoni tar-regolamentazzjoni u biex jiġi żgurat li kwalunkwe regolamenti addizzjonali jirrispettaw il-prinċipju tal-proporzjonalità. Dan ser ikun partikolarment rilevanti għal dawk l-organizzazzjonijiet li abbli diġà għandhom obbligu ta’ notifika li huwa sostanzjalment simili għal dak li qed jiġi kkunsidrat hawnhekk;

14.

jirrakkomanda li l-Kummissjoni tippubblika pjan ta’ azzjoni biex tispjega kif ser jaħdmu fil-prattika l-għanijiet ambizzjużi stabbiliti fil-pakkett. Il-pjan ta’ azzjoni ser jeħtieġ ukoll gwida għall-valutazzjoni u l-kwantifikazzjoni tal-effett tal-Istrateġija, sabiex jiġi żgurat li l-kooperazzjoni qed isseħħ u jekk hux qed jinkiseb progress;

15.

iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha biex jiżviluppaw strateġija nazzjonali ta’ ċibersigurtà (sal-2012 kien hemm 10 Stati Membri biss li fasslu tali strateġija) li tikkomplementa l-Istrateġija l-ġdida tal-UE. Il-komplementarjetà bejn l-istrateġiji nazzjonali, u l-Istrateġija tal-UE hija importanti sabiex tiġi żgurata l-konsistenza. Huwa importanti wkoll li l-azzjonijiet tal-UE jikkomplementaw l-istrutturi eżistenti u l-prattika tajba fl-Istati Membri;

16.

jilqa’ l-azzjonijiet li għandhom jittieħdu mill-Kummissjoni biex jiġu żviluppati l-kapaċitajiet tal-UE fil-qasam tas-sigurtà ċibernetika, inklużi t-tnedija ta’ proġett pilota għall-ġlieda kontra l-botnets u l-malwer, l-impenn għat-titjib tal-kooperazzjoni bejn is-CERTs nazzjonali, l-ENISA u ċ-Ċentru Ewropew il-ġdid taċ-Ċiberkriminalità; l-iżvilupp ta’ netwerk ta’ ċentri ta’ eċċellenza nazzjonali taċ-ċiberkriminalità; u t-tnedija ta’ pjattaforma pubblika-privata dwar soluzzjonijiet li jikkonċernaw is-sigurtà tan-netwerks u tal-informazzjoni biex jiġu żviluppati inċentivi għall-adozzjoni ta’ soluzzjonijiet siguri tal-ICT. Ta’ min jilqa’ wkoll l-għan tal-Istrateġija li jlaqqa’ l-partijiet rilevanti biex jiġi valutat il-progress fi żmien 12-il xahar;

17.

jenfasizza li strateġija ta’ ċibersigurtà li tirnexxi trid tkun ibbażata fuq il-kooperazzjoni mill-qrib bejn l-awtoritajiet kompetenti ta’ sigurtà tan-netwerks u tal-informazzjoni u l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi. Għal dan il-għan, huwa ta’ importanza ewlenija li l-inċidenti li hemm suspetti li huma ta’ natura kriminali serja jiġu rappurtati b’mod sistematiku lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi;

L-involviment lokali u reġjonali

18.

jemmen li l-prijoritajiet elenkati fil-pakkett huma bbilanċjati u adatti. Il-prijoritajiet, bħall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, id-data personali u l-privatezza, il-governanza effiċjenti li tinvolvi diversi partijiet interessati u r-responsabbiltà kondiviża għall-iżgurar tas-sigurtà, ilkoll huma oqsma fejn il-bliet u r-reġjuni għandhom jaqdu rwol ewlieni fil-kapaċità tagħhom ta’ detenturi tal-informazzjoni tas-settur pubbliku;

19.

jissuġġerixxi li r-reġjuni jiġu rikonoxxuti flimkien mal-Istati Membri bħala l-promoturi ewlenin ta’ kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn l-utenti u l-produtturi ta’ innovazzjonijiet tal-ICT f’partijiet differenti tal-gvernijiet u l-amministrazzjonijiet, inklużi s-sigurtà ċibernetika u l-protezzjoni tad-data;

20.

jenfasizza li l-pakkett il-ġdid għandu jgħin biex jittejbu l-prevenzjoni, l-identifikazzjoni u r-rispons għal inċidenti ċibernetiċi u għandu jwassal għal skambju aħjar tal-informazzjoni u koordinazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni fil-konfront ta’ inċidenti ċibernetiċi ewlenin. Sabiex dan jinkiseb ser ikun hemm bżonn ta’ sħubija ġenwina li taħdem u tinvolvi lill-Istati Membri, l-istituzzjonijeit tal-UE, l-awtoritajiet lokali u reġjonali, is-settur privat u s-soċjetà ċivili;

21.

jagħraf li l-ġlieda kontra t-theddid ċibernetiku ser tirrikjedi aktar riżorsi, sensibilizzazzjoni dwar it-theddida li tirrappreżenta ċ-ċiberkriminalità u l-bżonn ta’ ċibersigurtà effettiva u adegwata. Fir-rigward tal-governanza f’diversi livelli, approċċ b’saħħtu għaċ-ċibersigurtà għandu jikkunsidra l-awtoritajiet lokali u reġjonali li għandhom jiġu involuti bis-sħiħ u b’mod effettiv fil-governanza ta’ inizjattivi relatati mal-ICT;

22.

jemmen li peress li l-ksur tas-sigurtà jikkostitwixxi theddida għas-servizzi pubbliċi, pereżempju l-ilma u l-enerġija lokali, u peress li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jużaw u jipposedu ħafna prodotti u servizzi ta’ informazzjoni diġitali, dawn għandhom rwol ewlieni x’jaqdu fl-indirizzar taċ-ċiberkriminalità, il-ġbir ta’ data relatata mal-ispazju ċibernetiku u l-protezzjoni tas-sigurtà tad-data. Kulma jmur l-awtoritajiet lokali u reġjonali qed jingħataw aktar responsabbiltà biex jipprovdu, pereżempju, servizzi diġitali liċ-ċittadini u l-komunitajiet u jipprovdu taħriġ fil-qasam tas-sigurtà tan-netwerks u tal-informazzjoni fl-iskejjel. Il-gvernijiet, inklużi dawk fil-livell lokali u reġjonali, huma responsabbli għas-salvagwardja tal-aċċess u tat-trasparenza, filwaqt li jiġu rispettati u protetti d-drittijiet fundamentali onlajn u jinżammu l-affidabbiltà u l-interoperabbiltà tal-internet;

23.

jissuġġerixxi li, bil-għan li jkun hemm tfassil aħjar tal-liġijiet u fid-dawl tal-kompetenzi u r-rwol ewlieni li jaqdu l-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-ippjanar u l-implimentazzjoni ta’ kwalunkwe miżura fil-qasam tal-ICT (b’mod partikolari għal aspetti relatati mal-privatezza, il-protezzjoni tad-data u ċ-ċibersigurtà), dawn l-awtoritajiet għandhom jiġu kkonsultati b’mod sistematiku mill-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri kemm fit-tfassil kif ukoll fl-implimentazzjoni ta’ miżuri intiżi biex l-Aġenda Diġitali għall-Ewropa tidħol fis-seħħ. Fil-fatt huwa ta’ dispjaċir li ma sar l-ebda sforz partikolari biex jinġabru l-fehmiet tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fit-tħejjija tal-proposta għal Direttiva. Il-KtR għamilha ċara li hu lest jgħin lill-Kummissjoni bil-konsultazzjonijiet preleġislattivi, kif iddikjarat fil-Protokoll dwar il-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-KtR (3);

24.

jirrakkomanda li jiġu inklużi miżuri applikabbli għal-livell lokali u reġjonali fl-Artikolu 14 (1) tad-Direttiva. Dawn il-miżuri jistgħu jinkludu t-tfassil ta’ valutazzjoni tar-riskju u tal-proċess ta’ ġestjoni, l-infurzar tal-politika tas-sigurtà tal-informazzjoni u s-sensibilizzazzjoni dwar kwistjonijiet relatati maċ-ċibersigurtà u t-titjib tal-kompetenzi u l-ħiliet diġitali;

25.

jenfasizza li, fil-livell sottonazzjonali, għandhom jitħeġġu u jiġu żviluppati sħubijiet bejn l-atturi rilevanti kollha għall-ħidma fuq azzjonijiet ikkoordinati għaċ-ċibersigurtà u biex dawn jikkontribwixxu għall-azzjonijiet dwar iċ-ċibersigurtà fil-livell nazzjonali u dak tal-UE sabiex tiġi miġġielda l-kriminalità elettronika u jiġu minimizzati l-effetti tagħha kkawżati minn serq dirett tal-proprjetà finanzjarja jew intellettwali, l-isfrattar tal-komunikazzjonijiet jew ħsara lid-data li hija ta’ importanza kritika għan-negozju;

Is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità

26.

jinnota li, b’mod ġenerali, jidher li ġew sodisfatti ż-żewġ kundizzjonijiet ta’ konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, il-bżonn ta’ azzjoni tal-UE u l-valur miżjud ta’ azzjoni fil-livell tal-UE. L-azzjonijiet proposti huma neċessarji għaliex jinvolvu aspetti transnazzjonali li ma jistgħux jiġu regolati sew mill-Istati Membri jew/u mill-awtoritajiet lokali u reġjonali waħedhom. L-azzjonijiet proposti x’aktarx jipprovdu wkoll benefiċċju ċar meta mqabbel ma’ azzjoni iżolata fil-livell nazzjonali, reġjonali jew lokali għax, pereżempju, id-data personali hija trasferita bejn il-fruntieri nazzjonali, kemm dawk interni kif ukoll dawk esterni, b’rati dejjem aktar mgħaġġla. Barra minn hekk, l-obbligi regolatorji fil-livell tal-UE ser jgħinu b’mod ċar biex jinħolqu kundizzjonijiet ekwivalenti u biex jiġu eliminati l-lakuni leġislattivi;

27.

jilqa’ l-impenn tad-Direttiva fundamentali fir-rigward tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità. Fid-dawl tal-aspetti transkonfinali tal-inċidenti u r-riskji tas-sigurtà tan-netwerks u tal-informazzjoni, l-objettivi stabbiliti fid-Direttiva jistgħu jinkisbu aħjar fil-livell tal-UE, b’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà. Ir-riċerka turi li ċ-ċittadini tal-UE jafdaw lill-istituzzjonijiet bħall-Kummissjoni fir-rigward tal-protezzjoni tad-data personali (4). Id-Direttiva essenzjalment tikkonforma wkoll mal-prinċipju tal-proporzjonalità, billi tiżgura li l-proposta għal Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jinkisbu dawn l-objettivi. Madanakollu l-fatt li l-proposta tipprevedi biss awtorità kompetenti waħda jew CERT nazzjonali wieħed għal kull pajjiż iqajjem tħassib fir-rigward tar-rispett tal-prinċipju tal-proporzjonalità u tal-istrutturi interni ta’ governanza tal-Istati Membri tal-UE;

28.

jemmen li, filwaqt li l-bażi legali tal-pakkett hija msejsa fuq l-Artikoli 26 u 114 tat-TFUE, l-azzjonijiet proposti jmorru lil hinn minn dawn l-Artikoli peress li l-proposta tkopri s-sistemi ta’ informazzjoni kollha tal-amministrazzjoni pubblika, inklużi s-sistemi ta’ informazzjoni interni bħall-intranet;

Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali

29.

jilqa’ l-impenn tad-Direttiva fir-rigward tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. L-istandards, il-prinċipji u l-valuri tal-UE għandhom japplikaw kemm fid-dinja diġitali kif ukoll f’dik fiżika. It-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICT) għandhom jinkludu l-bżonnijiet tal-membri kollha tas-soċjetà, inklużi dawk li qegħdin fil-periklu ta’ esklużjoni soċjali. L-utenti kollha tal-internet għandhom jippretendu standards minimi f’firxa wiesgħa ta’ bżonnijiet, inklużi l-affidabbiltà, is-sigurtà, it-trasparenza, is-sempliċità, l-interoperabbiltà u t-tnaqqis tar-riskju u tar-responsabbiltà. Fl-interess tal-protezzjoni effettiva tad-drittijiet fundamentali, iċ-ċertezza legali u ż-żamma tar-riżerva ta’ skrutinju parlamentari, il-Kumitat jitlob għal iktar regoli konkreti li jiddefinixxu l-istandards tas-sigurtà tan-netwerk u l-informazjoni li għandhom jiġu inklużi fid-Direttiva nnifisha. F’dan ir-rigward għandhom jitfasslu b’mod partikolari rekwiżiti għas-sigurtà tan-netwerk u l-informazzjoni f’termini ta’ drittijiet fundamentali, il-ħarsien tad-data u l-liġi dwar is-sigurtà tad-data;

30.

jenfasizza li t-tentattivi għall-protezzjoni u d-difiża taċ-ċittadini onlajn għandhom ikunu bbilanċjati b’mod adatt mad-drittijiet, il-libertajiet u l-prinċipji mogħtija liċ-ċittadini fil-Karta. L-importanza li l-politiki ċibernetiċi jħaddnu l-valuri ewlenin tal-UE hija milqugħa. Kif enfasizzat f’Opinjonijiet preċedenti (5), ser ikun kruċjali li jiġi żgurat li r-rekwiżiti kollha ta’ sigurtà huma sodisfatti f’kull livell sabiex jiġu żgurati l-aqwa livelli ta’ privatezza u protezzjoni tad-data personali u għall-prevenzjoni ta’ kwalunkwe tip ta’ traċċar mhux awtorizzat tal-informazzjoni u l-profili personali;

31.

jenfasizza li minkejja li l-operaturi privati qed isiru dejjem aktar responsabbli għall-infrastrutturi kritiċi u s-servizzi onlajn u l-bżonn li jiġi rikonoxxut ir-rwol tas-settur privat, fl-aħħar mill-aħħar, l-Istat għandu jkun responsabbli kemm għall-preservazzjoni tal-libertà kif ukoll għall-protezzjoni tas-sigurtà taċ-ċittadini tiegħu onlajn;

Is-semplifikazzjoni

32.

jinnota li l-introduzzzjoni madwar l-Ewropa tal-prinċipju li d-dettalji tal-individwi u d-dettalji tal-oġġetti jiġu reġistrati darba waħda biss, it-tneħħija tal-bżonn li formola timtela ripetutament ser tikkontribwixxi ħafna għall-eliminazzjoni ta’ burokrazija żejda għall-pubbliku u ser tgħin biex jitnaqqsu l-ispejjeż tal-amministrazzjoni pubblika. Għaldaqstant, huwa importanti li jiġi żgurat li l-liġi dwar il-protezzjoni tad-data tibqa’ tiġi rispettata;

It-taħriġ

33.

jenfasizza li difiżi ċibernetiċi effettivi jirrikjedu t-taħriġ u t-titjib tal-ħiliet tal-persunal, inklużi dawk li jaħdmu fi ħdan l-awtoritajiet lokali u reġjonali. Għandu jiġi provdut taħriġ estensiv għall-persunal kollu, b’mod partikolari għat-tekniċi speċjalizzati, il-persunal li jaħdem direttament fil-qasam tal-proċeduri tas-sigurtà jew li huwa involut indirettament fl-inizjattivi ta’ innovazzjoni u ta’ modernizzar fir-rigward ta’ kwistjonijiet relatati mal-fiduċja u s-sigurtà. It-taħriġ kontinwu huwa importanti għas-suċċess tal-governanza elettronika lokali, u l-awtoritajiet lokali u reġjonali qed jaqdu rwol dejjem akbar fil-provvista ta’ informazzjoni u gwida liċ-ċittadini dwar kif jużaw is-sistemi sew u kif jirrikonoxxu t-theddid ċibernetiku (6);

34.

jenfasizza li l-involviment tal-livell tal-ġestjoni huwa fattur importanti ħafna tas-suċċess. Għal din ir-raġuni hemm bżonn ta’ taħriġ immirat tal-gruppi eżekuttivi u ta’ ġestjoni sabiex jingħataw għarfien u bażi tajba għall-iżvilupp ta’ kultura ta’ sigurtà fl-organizzazzjonijiet rispettivi tagħhom;

35.

jinnota t-titjib fl-edukazzjoni u t-taħriġ permezz tal-introduzzjoni tat-taħriġ dwar is-sigurtà tan-netwerks u tal-informazzjoni u t-twaqqif ta’ kampjonat taċ-ċibersigurtà fl-2014. Dan għandu jikkunsidra l-avvenimenti stabbiliti li jiġu organizzati fl-Istati Membri u jinkoraġġixxi l-iskambju tal-aħjar prattiki. Jilqa’ l-ambizzjoni li permezz tal-Istrateġija jiġi introdott it-taħriġ dwar is-sigurtà tan-netwerks u tal-informazzjoni fl-iskejjel. Madankollu, fid-dawl tal-fatt li l-edukazzjoni hija kompetenza tal-Istati Membri, jissuġġerixxi li sabiex dan jinkiseb sal-2014 ser ikun hemm bżonn ta’ riżorsi u pjanar konsiderevoli;

Appoġġ għall-intrapriżi, l-innovazzjoni u s-soluzzjonijiet tekniċi

36.

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-protezzjoni tal-privatezza tiddependi minn ċerti fatturi, inklużi l-istrutturar tal-korpi tas-settur pubbliku (li l-biċċa l-kbira huma fil-livell lokali), il-konverġenza tal-leġislazzjoni tal-UE, it-trawwim ta’ kultura innovattiva fost l-uffiċjali tal-awtoritajiet pubbliċi, anke permezz tal-użu ta’ kodiċi komuni tal-etika, u fost iċ-ċittadini billi jiġu definiti d-drittijiet tal-konsumatur diġitali u jkun hemm sensibilizzazzjoni f’dan ir-rigward, u l-ġestjoni tal-applikazzjonijiet ibbażati fuq l-ICT;

37.

itenni li attivitajiet oħrajn għandhom jistimolaw u jħeġġu l-iżvilupp u l-applikazzjoni ta’ soluzzjonijiet tekniċi għall-indirizzar ta’ kontenut illegali u mġiba dannuża onlajn, u għandhom ikunu mmirati wkoll lejn il-promozzjoni ta’ kooperazzjoni u skambju tal-aħjar prattika fost firxa wiesgħa ta’ partijiet interessati fil-livell lokali, reġjonali, Ewropew u internazzjonali. F’dan ir-rigward, huma importanti ħafna l-help-lines għat-tfal, il-ġenituri u dawk inkarigati jieħdu ħsieb individwi oħra, il-hotlines biex jiġi rappurtat l-abbuż, is-softwer li jippermetti l-identifikazzjoni mtejba ta’ kontenut abbużiv u r-rappurtar faċli u ta’ malajr;

38.

jirrakkomanda li jsir kull sforz biex jiżdied il-persentaġġ żgħir ta’ intrapriżi fl-UE (26 % f’Jannar 2012) li fasslu formalment politika ta’ sigurtà tal-ICT (7). L-intrapriżi ta’ kull daqs għandhom jitħeġġu jinvestu fiċ-ċibersigurtà, investiment li jista’ jintuża bħala għodda ta’ kummerċjalizzazzjoni għal klijenti prospettivi u fl-istess ħin għall-mitigazzjoni tal-effetti katastrofiċi taċ-ċiberkriminalità. L-intrapriżi għandhom jadottaw approċċ immexxi min-negozju fir-rigward taċ-ċibersigurtà, bl-appoġġ tat-teknoloġija, filwaqt li jipprijoritizzaw l-aktar assi jew proċessi importanti tan-negozju tagħhom;

Il-potenzjal ekonomiku tal-ICTs

39.

jenfasizza li, fid-dawl tal-potenzjal ekonomiku enormi tal-ICTs għall-ekonomija Ewropea (attwalment madwar 6 % tal-PDG tal-UE (8)), issa jinħtieġu passi konkreti biex jiġi indirizzat il-fenomenu taċ-ċiberkriminalità u terġa’ titrawwem il-fiduċja fis-sigurtà tal-internet kemm min-naħa taċ-ċittadini kif ukoll min-naħa tal-kumpaniji (u fil-proċess jitnaqqas l-ammont ta’ utenti tal-internet fl-UE li huma mħassba dwar is-sigurtà, pereżempju, tal-pagamenti onlajn (9));

40.

itenni li sabiex jonqsu l-ammonti enormi ta’ fondi li jintilfu minħabba ċ-ċiberkriminalità u tissaħħaħ il-fiduċja tal-konsumaturi, jinħtieġu sforzi urġenti fil-livell lokali/reġjonali, nazzjonali u dak tal-UE għall-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità;

41.

jissuġġerixxi li jkun utli li l-Istrateġija tinkludi aktar dettalji dwar kif għandu jiġi protett u żviluppat il-cloud computing, li għandu potenzjal ekonomiku enormi. Ma jidhirx li ż-żieda rapida fl-użu ta' apparat elettroniku ser tbatti. Skont Gartner, sal-2016 tal-anqas 50 % tal-utenti tal-posta elettronika mobbli tal-intrapriżi ser ikunu qed jiddependu minn tagħmir u sistemi mobbli (mobile client) (10). Għandhom jiġu analizzati l-problemi u l-opportunitajiet ġodda li jinħolqu mill-apparat elettroniku mobbli u l-cloud computing. Barra minn hekk, il-cloud computing jeħtieġ struttura adatta għall-ksib tal-aqwa livelli ta’ sigurtà (11). Fil-fatt, il-Kumitat esprima t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li l-Komunikazzjoni reċenti tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-cloud computing ma titkellimx f’biżżejjed dettall dwar ir-rabtiet bejn l-istrateġija proposta u kwistjonijiet oħra, bħall-ipproċessar sigur tad-data, il-liġi tad-dritt tal-awtur kif ukoll l-iżvilupp tal-aċċessibilità u l-portabbiltà tad-data (12);

Il-kooperazzjoni internazzjonali

42.

jemmen li fid-dawl tat-theddida globali, interkonnessa u transkonfinali taċ-ċiberkriminalità l-kooperazzjoni u d-djalogu internazzjonali lil hinn mill-fruntieri tal-UE huma mħeġġa wkoll sabiex jiġi żgurat approċċ verament globali u koordinat għaċ-ċibersigurtà. F’dan ir-rigward, l-Istati kollha għandhom jitħeġġu jimpenjaw lilhom innifishom fil-Konvenzjoni Internazzjonali dwar iċ-Ċiberkriminalità (il-Konvenzjoni ta’ Budapest) (13). Hija importanti wkoll il-kooperazzjoni kontinwa fil-livell bilaterali, b’mod partikolari mal-Istati Uniti, u fil-livell multilaterali ma’ firxa ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali;

Ir-rabtiet mal-programmi ta’ finanzjament tal-UE u l-qafas baġitarju

43.

jenfasizza l-importanza li tittejjeb il-koordinazzjoni mal-istrumenti ta’ finanzjament eżistenti u futuri, bħall-Orizzont 2020, il-Qafas għall-Kooperazzjoni Ewropea, u l-Fond għas-Sigurtà Interna, sabiex jiġi żgurat approċċ aktar ikkoordinat fir-rigward tal-investimenti ċibernetiċi;

44.

jistaqsi jekk l-allokazzjoni baġitarja ta’ EUR 1.25 miljun hijiex ser tkun biżżejjed biex tiġi provduta infrastruttura tas-sigurtà tan-netwerks u tal-informazzjoni b’saħħitha u adegwata, u jinsab iddiżappuntat dwar it-tnaqqis fl-allokazzjoni finanzjarja għall-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa fil-ftehim tal-Kunsill tat-8 ta’ Frar dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2014-2020. Jinħtieġ baġit akbar u b’saħħtu biex jiġi provdut l-appoġġ finanzjarju għall-infrastruttura ewlenija tal-ICT, li torbot il-kapaċitajiet tas-sigurtà tan-netwerks u tal-informazzjoni tal-Istati Membri u b’hekk tiffaċilita l-kooperazzjoni madwar l-UE.

II.   RAKKOMANDAZZJONIJIET SABIEX JITRESSQU L-EMENDI

Emenda 1

Preambolu (4)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

Għandu jiġi stabbilit mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni fil-livell tal-Unjoni li jippermetti l-iskambju ta’ informazzjoni u l-iskoperta u r-rispons ikkoordinati rigward is-sigurtà tan-netwerks u tal-informazzjoni (“NIS”). Biex dak il-mekkaniżmu jkun effettiv u inklużiv, huwa essenzjali li l-Istati Membri kollha jkollhom kapaċitajiet minimi u strateġija li tiżgura livell għoli tal-NIS fit-territorju tagħhom. Rekwiżiti minimi ta’ sigurtà għandhom japplikaw ukoll għall-amministrazzjonijiet pubbliċi u l-operaturi ta’ infrastruttura kruċjali tal-informazzjoni sabiex jippromovu kultura ta’ ġestjoni tar-riskju u jiżguraw li l-inċidenti l-aktar serji jiġu rrapportati.

Għandu jiġi stabbilit mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni fil-livell tal-Unjoni li jippermetti l-iskambju ta’ informazzjoni u l-iskoperta u r-rispons ikkoordinati rigward is-sigurtà tan-netwerks u tal-informazzjoni (“NIS”). Biex dak il-mekkaniżmu jkun effettiv u inklużiv, huwa essenzjali li l-Istati Membri kollha jkollhom kapaċitajiet minimi u strateġija li tiżgura livell għoli tal-NIS fit-territorju tagħhom. Rekwiżiti minimi ta’ sigurtà għandhom japplikaw ukoll għall-amministrazzjonijiet pubbliċi, inklużi l-awtoritajiet lokali u reġjonali , u l-operaturi ta’ infrastruttura kruċjali tal-informazzjoni sabiex jippromovu kultura ta’ ġestjoni tar-riskju u jiżguraw li l-inċidenti l-aktar serji jiġu rrapportati.

Emenda 2

Preambolu (9)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

Biex jikseb u jżomm livell għoli komuni ta’ sigurtà tas-sistemi tan-netwerks u tal-informazzjoni, kull Stati Membru għandu jkollu strateġija nazzjonali dwar il-NIS li tiddefinixxi l-għanijiet strateġiċi u l-azzjonijiet politiċi konkreti li għandhom ikunu implimentati. Jeħtieġu li jiġu żviluppati pjanijiet ta’ kooperazzjoni tal-NIS fil-livell nazzjonali li jikkonformaw mar-rekwiżiti essenzjali sabiex jintlaħqu livelli ta’ rispons ta’ kapaċità li jippermettu kooperazzjoni effettiva u effiċjenti fil-livell nazzjonali u tal-Unjoni f’każ ta’ inċidenti.

Biex jikseb u jżomm livell għoli komuni ta’ sigurtà tas-sistemi tan-netwerks u tal-informazzjoni, kull Stati Membru għandu jkollu strateġija nazzjonali dwar il-NIS li tiddefinixxi l-għanijiet strateġiċi u l-azzjonijiet politiċi konkreti li għandhom ikunu implimentati. Jeħtieġu li jiġu żviluppati pjanijiet ta’ kooperazzjoni tal-NIS fil-livell nazzjonali, bil-parteċipazzjoni sħiħa tal-awtoritajiet lokali u reġjonali , li jikkonformaw mar-rekwiżiti essenzjali sabiex jintlaħqu livelli ta’ rispons ta’ kapaċità li jippermettu kooperazzjoni effettiva u effiċjenti fil-livell nazzjonali u tal-Unjoni f’każ ta’ inċidenti.

Emenda 3

Preambolu (35)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

Huwa ta’ importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq il-konsultazzjonijiet xierqa waqt il-ħidma ta’ preparazzjoni tagħha, inkluż fil-livell tal-esperti. Il-Kummissjoni, meta tħejji u tfassal atti ddelegati, għandha tassigura trażmissjoni simultanja, f’ħinha u xierqa tad-dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

Huwa ta’ importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq il-konsultazzjonijiet xierqa waqt il-ħidma ta’ preparazzjoni tagħha, inkluż fil-livell tal-esperti. Il-Kummissjoni, meta tħejji u tfassal atti ddelegati, bil-għan li jiġu supplementati jew emendati ċerti elementi mhux essenzjali tal-att bażiku , għandha tassigura trażmissjoni simultanja, f’ħinha u xierqa tad-dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

Emenda 4

Kapitolu 4

Artikolu 14(1)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

Ir-rekwiżiti ta’ sigurtà u n-notifika tal-inċidenti

1.   L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-amministrazzjonijiet pubbliċi u l-operaturi tas-suq jieħdu l-miżuri tekniċi u organizzattivi xierqa sabiex jindirizzaw ir-riskji maħluqa għas-sigurtà tas-sistemi tan-netwerks u tal-informazzjoni li huma jikkontrollaw u jużaw fl-operazzjonijiet tagħhom. Wara li jikkunsidraw l-aħħar teknoloġiji, dawn il-miżuri għandhom jiggarantixxu livell ta’ sigurtà xieraq għar-riskju ppreżentat. B’mod partikolari, għandhom jittieħdu miżuri għall-prevenzjoni u t-tnaqqis tal-impatt tal-inċidenti li jaffettwaw is-sistema tan-netwerks u tal-informazzjoni tagħhom fuq is-servizzi ewlenin li jipprovdu u b’hekk jassiguraw il-kontinwità tas-servizzi msejsa fuq dawk is-sistemi ta’ netwerks u ta’ informazzjoni.

Ir-rekwiżiti ta’ sigurtà u n-notifika tal-inċidenti

1.   L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-amministrazzjonijiet pubbliċi u l-operaturi tas-suq jieħdu l-miżuri tekniċi u organizzattivi xierqa sabiex jindirizzaw ir-riskji maħluqa għas-sigurtà tas-sistemi tan-netwerks u tal-informazzjoni li huma jikkontrollaw u jużaw fl-operazzjonijiet tagħhom. Dawn il-miżuri jistgħu jinkludu, fil-livell lokali u reġjonali, it-twaqqif ta’ proċess ta’ valutazzjoni u ta’ ġestjoni tar-riskju, l-infurzar tal-politika tas-sigurtà tal-informazzjoni u t-tisħiħ fil-perċezzjoni ta’ kwistjonijiet taċ-ċibersigurtà u t-titjib fil-kompetenzi u l-ħiliet diġitali. Wara li jikkunsidraw l-aħħar teknoloġiji, dawn il-miżuri għandhom jiggarantixxu livell ta’ sigurtà xieraq għar-riskju ppreżentat. B’mod partikolari, għandhom jittieħdu miżuri għall-prevenzjoni u t-tnaqqis tal-impatt tal-inċidenti li jaffettwaw is-sistema tan-netwerks u tal-informazzjoni tagħhom fuq is-servizzi ewlenin li jipprovdu u b’hekk jassiguraw il-kontinwità tas-servizzi msejsa fuq dawk is-sistemi ta’ netwerks u ta’ informazzjoni.

Raġuni

Ir-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità huwa kruċjali u għandu jiġi rikonoxxut bis-sħiħ.

Emenda 5

Kapitolu 4

Artikolu 16

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

L-istandardizzazzjoni

1.   Biex tkun żgurata implimentazzjoni konverġenti tal-Artikolu 14(1), l-Istati Membri għandhom iħeġġu l-użu ta’ standards u/jew speċifikazzjonijiet rilevanti għas-sigurtà tan-netwerks u tal-informazzjoni.

2.   Il-Kummissjoni għandha tfassal, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni lista tal-istandards imsemmija fil-paragrafu 1. Il-lista għandha tkun ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

L-istandardizzazzjoni

1.   Biex tkun żgurata implimentazzjoni konverġenti tal-Artikolu 14(1), l-Istati Membri għandhom iħeġġu l-użu ta’ standards u/jew speċifikazzjonijiet armonizzati rilevanti għas-sigurtà tan-netwerks u tal-informazzjoni.

2.   Il-Kummissjoni għandha tfassal, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni lista tal-istandards imsemmija fil-paragrafu 1. Il-lista għandha tkun ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Raġuni

Il-Kummissjoni Ewropea tirrikonoxxi li l-applikazzjoni ta’ standards diverġenti mid-diversi Stati Membri hija sfida kbira. Għalhekk, l-armonizzazzjoni tal-istandards hija essenzjali sabiex jiġi żgurat livell komuni ta’ sigurtà tan-netwerks u tal-informazzjoni madwar l-UE.

Brussell, 3 ta’ Lulju 2013.

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Ramón Luis VALCÁRCEL SISO


(1)  COM(2010) 245, http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=COM:2010:0245:FIN:MT:HTML

(2)  COM(2010) 517, http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=M:2010:0517:FIN:MT:PDF

(3)  Il-Protokoll dwar il-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Kumitat tar-Reġjuni, li ġie ffirmat fis-16 ta’ Frar 2012, R/CdR 39/2012 punt 7.

(4)  http://ec.europa.eu/public_opinion/archives/ebs/ebs_359_en.pdf

(5)  CdR 104/2010 fin.

(6)  http://www.enisa.europa.eu/publications/archive/scandinavian-approaches-survey

(7)  http://epp.eurostat.ec.europa.eu/statistics_explained/index.php/ICT_security_in_enterprises

(8)  http://europa.eu/rapid/press-release_MEMO-13-71_en.htm

(9)  http://ec.europa.eu/public_opinion/archives/ebs/ebs_390_en.pdf

(10)  http://www.sophos.com/medialibrary/PDFs/other/SophosSecurityThreatReport2012.pdf

(11)  http://www.mcafee.com/hk/resources/reports/rp-sda-cyber-security.pdf

(12)  CdR 1673/2012.

(13)  http://conventions.coe.int/Treaty/Commun/ChercheSig.asp?NT=185&CM=&DF=&CL=ENG


Top