EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013IP0344

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Settembru 2013 dwar lejn suq intern tal-enerġija effiċjenti (2013/2005(INI))

ĠU C 93, 9.3.2016, p. 8–21 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

9.3.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 93/8


P7_TA(2013)0344

Lejn suq intern tal-enerġija effiċjenti

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Settembru 2013 dwar lejn suq intern tal-enerġija effiċjenti (2013/2005(INI))

(2016/C 093/02)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata “Lejn Suq Intern tal-Enerġija Effiċjenti” u d-dokumenti ta' ħidma li jakkumpanjawha (COM(2012)0663),

wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tat-12 ta' Marzu 2013 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar linji gwida għall-infrastruttura tal-enerġija trans-Ewropea u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1364/2006/KE (1),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 994/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ottubru 2010 dwar miżuri li jissalvagwardaw is-sigurtà tal-provvista tal-gass u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 2004/67/KE (2),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru.1227/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2011 dwar l-integrità u t-trasparenza tas-swieq tal-enerġija bl-ingrossa (3),

wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali (4),

wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/72/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku (5) u li temenda d-Direttiva 2003/54/KE,

wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 714/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 dwar kondizzjonijiet għall-aċċess għan-netwerks għall-bdil bejn il-fruntieri fl-elettriku u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1228/2003,

wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 715/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 dwar il-kondizzjonijiet għall-aċċess għan-netwerks ta' trażmissjoni tal-gass naturali u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1775/2005,

wara li kkunsidra d-Direttiva 2012/27/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija (6),

wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2009/71/Euratom tal-25 ta’ Ġunju 2009 li tistabbilixxi qafas Komunitarju għas-sikurezza tal-installazzjonijiet nukleari (7),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Marzu 2010 bit-titolu: “Europa 2020 – Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv” (COM(2010)2020),

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 994/2012/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 li tistabbilixxi mekkaniżmu ta' skambju ta' informazzjoni fir-rigward tal-ftehimiet intergovernattivi bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi fil-qasam tal-enerġija (8),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta’ Diċembru 2011 bit-titolu “Pjan Direzzjonali għall-Enerġija 2050” (COM(2011)0885),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Ottubru 2012 bit-titolu “Att dwar is-Suq Uniku II Flimkien għal Tkabbir Ġdid” (COM(2012)0573),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Ġunju 2012 bit-titolu “L-Enerġija Rinnovabbli: attur ewlieni fis-suq Ewropew tal-enerġija” (COM(2012)0271),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta’ Novembru 2010 intitolata “Lejn Strateġija ġdida dwar l-Enerġija għall-Ewropa 2011-2020” (9),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Ġunju 2012 dwar il-Kooperazzjoni fil-qasam tal-politika dwar l-enerġija ma' pajjiżi lil hinn mill-fruntieri tagħna. Approċċ strateġiku għal provvista sikura, sostenibbli u kompetittiva tal-enerġija  (10),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Diċembru 2012 dwar l-industrija tal-azzar tal-UE (11),

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet maħruġa fit-12 ta' Frar 2013 mir-Round Table ta' Livell Għoli dwar il-futur tal-industrija tal-azzar Ewropea,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta’ Marzu 2012 dwar Pjan direzzjonali għal ekonomija kompetittiva b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju fl-2050 (12),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Marzu 2013 dwar il-pjan direzzjonali għall-Enerġija 2050, futur b'enerġija (13),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu dwar l-aspetti industrijali, tal-enerġija u aspetti oħra tal-gass u ż-żejt tax-shale (14) u r-riżoluzzjoni tiegħu dwar l-impatti ambjentali tal-attivitajiet ta' estrazzjoni ta' gass tax-shale u żejt tax-shale (15), it-tnejn adottati fil-21 ta' Novembru 2012,

wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u l-opinjoni tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (A7-0262/2013),

A.

billi l-Istati Membri impenjaw ruħhom għal skadenzi ċari għat-tlestija tas-suq intern tal-enerġija sal-2014 u għall-eliminazzjoni tal-'gżejjer ta' enerġija' tal-UE sal-2015;

B.

billi suq intern tal-enerġija komplut huwa indispensabbli għas-sigurtà u s-sostenibilità tal-enerġija globali tal-Unjoni, u huwa ta' valur essenzjali għall-kompetittività globali, it-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien ta' impjiegi ġodda tal-Unjoni kif rikonoxxut fis-Suq Uniku Att II u l-istrateġija Ewropa 2020;

C.

billi l-istrateġija Enerġija 2020 tal-Kummissjoni tibni fuq il-kalkoli li l-bżonnijiet ta' investiment meħtieġa fis-settur tal-enerġija li jammontaw għal EUR 1 triljun sal-2020, li minnu EUR 540 biljun huma għall-ġenerazzjoni tal-enerġija u EUR 210 biljun huma għal netwerks tal-elettriku u tal-gass ta' importanza Ewropea;

D.

billi l-Pjan Direzzjonali tal-Enerġija 2050 jenfasizza li l-integrazzjoni sħiħa tan-netwerks tal-enerġija Ewropej u l-ftuħ tas-swieq huma kritiċi biex jinżamm bilanċ bejn is-sigurtà tal-enerġija, il-kompetittività, il-kosteffiċjenza, ekonomija sostenibbli u l-interessi tal-konsumaturi; billi l-Pjan Direzzjonali tal-Enerġija 2050 isostni li l-effiċjenza enerġetika, l-enerġija rinnovabbli u l-infrastrutturi tal-enerġija huma l-għażliet “mingħajr dispjaċir”;

E.

billi s-sehem tas-sorsi ta' enerġija rinnovabbli (SER) fit-taħlita enerġetika tal-Ewropa qed jikber fiż-żmien qasir, medju u fit-tul; billi l-integrazzjoni fuq skala kbira tas-SER tipprevedi adattament tal-grilja u flessibilità akbar;

F.

billi suq tal-enerġija uniku jagħti s-setgħa lill-Unjoni li titkellem b'vuċi waħda fir-rigward tas-sħab esterni u jiżgura kundizzjonijiet ekwi għall-kumpaniji kollha tal-UE u mhux tal-UE, filwaqt li jiggarantixxi wkoll standards soċjali u ambjentali u jaħdem lejn reċiproċità f'pajjiżi terzi;

G.

billi hemm bżonn li tiġi stabbilita sistema li tippermetti lill-Istati Membri li joffru skambju tal-informazzjoni dwar ftehimiet fuq il-provvista tal-enerġija ma' pajjiżi terzi;

H.

billi suq intern tal-enerġija Ewropew u s-swieq tal-enerġija nazzjonali rispettivi tiegħu jridu jkunu kompetittivi u joffru għażla reali u informazzjoni trasparenti lill-konsumaturi kollha, li għandhom rwol ċentrali fis-suq tal-enerġija; billi t-tlestija tas-suq intern tal-enerġija hija essenzjali biex twaqqa' l-ispejjeż u l-prezzijiet tal-enerġija għal livelli kompetittivi u li wieħed jista' jaffordja fi żmien qasir, medju u twil; billi prezzijiet imnaqqsa fuq is-swieq tal-enerġija sikwit ma jiġux mgħoddija lill-konsumaturi;

I.

billi l-Komunità tal-Enerġija Ewropea, li tapplika l-metodu tal-Komunità, trid tkun ibbażata fuq suq tal-enerġija komuni b'saħħtu, il-koordinazzjoni tax-xiri tal-enerġija barra mill-UE u l-finanzjament Ewropew komuni ta' teknoloġiji tal-enerġija sostenibbli ġodda, b'mod partikolari fl-oqsma tar-riċerka u l-innovazzjoni;

J.

billi sar ċertu progress lejn il-kooperazzjoni transkonfinali miżjuda, l-eliminazzjoni parzjali tal-gżejjer ta' enerġija u l-prevenzjoni tan-nuqqasijiet fil-provvisti;

1.

Jilqa', b'mod ġenerali, il-Komunikazzjoni u l-Pjan ta' Azzjoni li takkumpanjaha, li jagħmlu sommarju tal-progress li ntlaħaq s'issa u l-isfidi futuri għat-tlestija tas-suq intern tal-enerġija;

2.

Jirrikonoxxi li t-tendenza li jiżdiedu l-prezzijiet tal-enerġija se tkompli, minħabba l-fatt li dawn il-prezzijiet jinsabu attwalment marbutin – fil-każ tal-gass – mal-prezzijiet taż-żejt għal kull barmil, u – fil-każ tal-elettriku – mal-prezzijiet volatili tal-fjuwil, u huma affettwati aktar mid-dipendenza tal-Ewropa fuq l-importazzjonijiet taż-żejt u tal-gass, minħabba l-impatt tal-miżuri li jintervjenu, l-azzjonijiet insuffiċjenti biex titħeġġeġ l-effiċjenza tal-enerġija, u minħabba n-nuqqas ta' investimenti meħtieġa biex is-sistemi tal-enerġija jkunu mantnuti u modernizzati (inklużi l-flussi inversi u interkonnetturi) bil-għan li jiġu ggarantiti livelli għoljin ta' sigurtà tal-provvista u tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni tas-SER; Għalhekk huwa favur is-separazzjoni tal-mekkaniżmu tal-ipprezzar tal-gass mill-indiċizzazzjoni tal-prezzijiet taż-żejt għal alternattivi iktar flessibbli filwaqt li tiġi rrispettata l-libertà tal-iskambju kummerċjali;

3.

Jenfasizza li l-iżvilupp ta' riżorsi indiġeni jwassal għall-bidu ta' ċentri ta' kummerċ ġodda fl-UE u ta' swieq immedjati ġodda għall-gass u l-elettriku, u b'hekk jippreżenta opportunità reali għall-UE u l-Istati Membri biex jiddeterminaw il-prezzijiet tal-enerġija tagħhom stess, inkluż f'livell reġjonali u lokali;

4.

Jirrikonoxxi l-valur miżjud Ewropew li jkun hemm koordinazzjoni u kooperazzjoni aħjar tal-politiki tal-enerġija fost l-Istati Membri, fi spirtu ta' solidarjetà, u li jinħolqu sistemi tal-enerġija transkonfinali effiċjenti u sikuri, b'hekk jinħolqu s-sinerġiji permezz ta' mmaniġġjar aħjar tal-provvista u d-domanda tal-enerġija, iffaċilitati permezz ta' teknoloġiji intelliġenti fil-livell tas-sistema ta' distribuzzjoni;

5.

Jinnota l-importanza ta’ swieq reġjonali u ta' kooperazzjoni bejn l-Istati Membri fir-rigward tat-tneħħija tal-ostakli, it-tħaffif tal-proċess ta’ integrazzjoni u t-titjib tal-effiċjenza tan-netwerk;

6.

Ifakkar l-appoġġ tiegħu għall-ħolqien ta' Komunità tal-Enerġija Ewropea bejn l-Istati Membri u jitlob lill-Kummissjoni u lill-Kunsill Ewropew jirrapportaw dwar il-progress lejn il-ħolqien tagħha;

Suq orjentat lejn il-konsumatur

7.

Jenfasizza li konsumaturi tal-enerġija aħħarin – kemm l-individwi, l-SMEs kif ukoll l-industrija – huma fil-qalba tas-suq intern tal-enerġija trasparenti u li huwa faċli għall-utenti; jinnota li, bħala tali, huma jridu jiġu protetti kif suppost, u infurmati b'mod preċiż b'aċċess faċli għall-informazzjoni, sabiex ikunu jistgħu jeżerċitaw għal kollox id-drittijiet tagħhom, filwaqt li jiġu mħeġġa jieħdu rwol aktar attiv biex jistimulaw il-kompetizzjoni tas-suq, billi jersqu minn reċipjenti tas-servizzi passivi għal konsumaturi u “prosumers” informati u attivi;

8.

Jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat suq tal-enerġija kompetittiv, faċilment immaniġġjat u trasparenti li joffri għażla reali u prezzijiet kompetittivi lill-konsumaturi kif ukoll li jipprovdi lill-konsumaturi tal-enerġija kollha tal-UE b'enerġija sikura, affidabbli u li wieħed ikun jista' jaffordja;

9.

Huwa tal-opinjoni li parteċipazzjoni akbar min-naħa tal-konsumaturi tiġi ffaċilitata mill-kooperattivi lokali għall-enerġija rinnovabbli, inizjattivi ta' qlib kollettiv u aggregaturi, jew faċilitaturi oħra, bħall-ħżin deċentralizzat u apparat elettrodomestiku; jemmen li tali faċilitaturi għandhom jgħinu lill-konsumaturi jifhmu u jimmaniġġjaw aħjar il-konsum tal-enerġija tagħhom u għalhekk jistgħu jsiru aktar flessibbli u reattivi (kemm mil-lat ta' domanda kif ukoll mil-lat ta' provvista), u li jistgħu jsaħħu l-aċċess għall-enerġija rinnovabbli u jiġġeneraw l-investimenti finanzjarji neċessarji;

10.

Jiġbed l-attenzjoni għall-vantaġġ tal-applikazzjoni ta’ tariffi għall-użu ta’ netwerk varjabbli sabiex il-konsumaturi jitħeġġu jikkunsmaw enerġija barra mill-perjodi intensi, fl-interess tat-tħeġġiġ tal-użu sostenibbli tal-enerġija;

11.

Jemmen li t-teknoloġiji intelliġenti jridu jipprovdu informazzjoni preċiża, li tinftiehem u faċli għall-konsumaturi, u jridu jingħataw is-setgħa biex jimmaniġġjaw il-konsum u l-produzzjoni tal-enerġija tagħhom; għalhekk jemmen li t-teknoloġiji intelliġenti jridu jiġu kompluti b'immaniġġjar tal-grilja tat-trażmissjoni u d-distribuzzjoni dinamiku u onlajn li jinkorporaw servizzi bħal servizzi tal-appoġġ tal-grilja, rispons volontarju mil-lat ta' domanda, servizzi ta' effiċjenza enerġetika, mikroġenerazzjoni u soluzzjonijiet ta' ħżin, u intermedjarji lokali jew tad-domiċilju; jirrimarka, madankollu, li l-livelli tal-konsum tal-enerġija meħtieġa biex l-arloġġi intelliġenti jipprovdu vantaġġi ekonomiċi jridu jiġu analizzati bir-reqqa u li l-konsumaturi ta' volumi tal-enerġija taħt dawk il-livelli m'għandhomx jiġu obbligati li jinvestu fihom;

12.

Jesprimi tħassib dwar żviluppi li jħeġġu kumpaniji tat-telekomunikazzjoni biex jimmaniġġjaw id-data tal-grilja tad-distribuzzjoni, billi tali responsabilità mill-parti tagħhom tqajjem mistoqsijiet serji dwar il-protezzjoni tad-data kif ukoll ir-riskju li l-operaturi jkollhom biex jixtru d-data teknika li għandhom bżonn biex jissodisfaw il-funzjonijiet tagħhom bħala operaturi tan-netwerk ta’ distribuzzjoni;

13.

Jirrikonoxxi li l-faqar enerġetiku jippreżenta sfidi konsiderevoli fl-Istati Membri; jinnota li l-approċċ universali ma jqisx id-diversità tar-realtajiet nazzjonali; għalhekk iqis li l-konsumaturi vulnerabbli jeħtieġu protezzjoni speċjali u effettiva, u li, għal dak il-għan, iridu jitwaqqfu mekkaniżmi xierqa, filwaqt li jiġu evitati d-distorsjonijiet tas-suq; jenfasizza li diġà jeżistu miżuri speċifiċi kif inhu meħtieġ mit-Tielet Pakkett tal-Enerġija;

14.

Jieħu nota tal-fatt li r-rivoluzzjoni tal-gass tax-shale fl-Istati Uniti naqqset l-emissjonijiet tas-CO2 filwaqt li ħolqot vantaġġ kompetittiv sinifikanti għall-industrija tal-Istati Uniti;

Sfidi attwali fit-tlestija tas-suq intern tal-enerġija

15.

Jenfasizza li s-suq intern tal-enerġija għadu ma tlestiex u li s-swieq nazzjonali tal-enerġija ma jirnexxilhomx jissodisfaw għal kollox il-bżonnijiet u l-aspettattivi tal-konsumaturi għax f'ċerti Stati Membri jkomplu jaffaċċjaw prezzijiet għoljin, għażla limitata ta' fornituri, produtturi u tariffi; kwalità globalment baxxa tas-servizzi; ħarsien tal-konsumatur li ta' spiss mhux b’saħħtu u diffikultajiet biex ibiddlu l-fornitur; għalhekk jisħaq fuq il-bżonn li jinbena suq aktar faċli għall-utenti fejn il-konsumaturi jista’ jkollhom rwol attiv u jsiru “prosumers” f'suq mal-UE kollha li fih ikunu infurmati dwar it-termini offruti minn fornituri individwali b'tali mod li jiffaċilita t-tqabbil; Jinnota, f’dan ir-rigward, tar-rwol ta’ qlib kollettiv fl-għoti tas-setgħa lill-konsumaturi u għal kontijiet tal-enerġija iktar baxxi;

16.

Jemmen li n-nuqqas ta' implimentazzjoni sħiħa tal-leġiżlazzjoni tas-suq intern tal-enerġija jibqa' wieħed mill-ostakli ewlenin għat-tlestija ta' dan is-suq; jemmen li l-konsolidazzjoni neċessarja tas-suq intern tinkludi t-tkabbir tal-infrastruttura tagħha filwaqt li tiġi implimentata l-liġi dwar is-suq intern u jiġu infurzati r-regoli dwar il-kompetizzjoni;

17.

Jenfasizza li l-modernizzazzjoni tal-infrastruttura tal-enerġija eżistenti, u l-bini ta' infrastruttura ġdida għall-ġenerazzjoni, it-trażmissjoni (speċjalment interkonnetturi tal-gass u l-elettriku), il-ħżin u d-distribuzzjoni huwa essenzjali għal suq tal-enerġija stabbli, integrat sew u konness sew, fejn jiġi evitat kwalunkwe effett negattiv, bħall-flussi tal-enerġija mhux ippjanati, fejn tkun żgurata l-provvista bi prezzijiet kompetittivi u li wieħed jaffordja, fejn ikunu għal kollox sfruttati l-potenzjal sħiħ tas-sorsi tal-enerġija sostenibbli kollha, u tal-mikroġenerazzjoni, tal-koġenerazzjoni u l-effiċjenza, l-immaniġġjar u l-ħżin mil-lat ta’ domanda, u fejn, sal-2015, l-ebda Stat Membru ma jibqa' iżolat minn netwerks tal-gass u tal-elettriku Ewropej, li jrid jintlaħaq, jiġifieri, permezz tal-integrazzjoni sinkronika tas-sistemi tal-enerġija iżolati fin-netwerks kontinentali Ewropej; jenfasizza li l-investimenti fuq skala kbira għandhom isiru b’mod parallel b'investimenti fin-netwerks reġjonali jew saħansitra lokali, peress li l-ġenerazzjoni tal-enerġija dejjem qed issir iktar fil-livell reġjonali/lokali;

18.

Jinnota, f’dan ir-rigward, li provvista tal-enerġija rinnovabbli diċentralizzata tnaqqas il-ħtieġa li jinbndew linji ta’ trażmissjoni ġodda – u b’hekk l-ispejjeż assoċjati – bħal teknoloġiji diċentralizzati – li jistgħu jiġu integrati direttament fid-djar, il-bliet u ż-żoni remoti – huma ħafna eqreb il-konsumatur finali;

19.

Jirrikonoxxi li l-fatt li l-produzzjoni tal-elettriku rinnovabbli titħalla tikber mingħajr żvilupp proporzjonali tal-infrastruttura meħtieġa tista’ twassal għal flussi (loop-flows) transkonfinali mhux ikkoordinati u konsegwentement prezzijiet tal-enerġija subottimi;

20.

Ifakkar li l-mira tal-Istati Membri biex jilħqu livell ta' interkonnessjonijiet tal-elettriku u tal-gass ekwivalenti ma' tal-inqas 10 % tal-kapaċità tal-produzzjoni installata, kif kien hemm qbil dwarha waqt is-samits tal-Kunsill Ewropew fl-2002 u l-2007, għadha ma ntlaħqitx;

21.

Jilqa’ l-enfasi tal-Kummissjoni fuq il-fatt li s-sistemi tal-enerġija futuri tal-Ewropa se jkunu karatterizzati mill-flessibbiltà; jinnota li, fl-iskedi taż-żmien kollha, swieq bl-ingrossa transkonfinali li jaħdmu sew ikunu sorsi aċċessibbli faċilment ta' flessibbiltà; jitlob għal iktar sforzi biex jiġi stimulat l-użu futur tat-teknoloġiji ta’ ħżin tal-enerġija u r-reazzjoni min-naħa tad-domanda, li kollha huma sorsi addizzjonali ta’ flessibbiltà;

22.

Jemmen li l-effiċjenza enerġetika hija waħda mill-metodi l-iktar sostenibbli u kosteffikaċi għat-tnaqqis tal-kontijiet tal-enerġija, għat-titjib tas-sigurtà tal-provvista, għat-tnaqqis tal-bżonn ta’ importazzjoni tal-fjuwils fossili u għall-evitar tal-emissjonijiet tal-karbonju; Jagħraf li kwalunkwe miżura li tippromwovi l-effiċjenza enerġetika għandha tkun xierqa għall-bżonnijiet tal-konsumaturi, tkun kosteffikaċi u appoġġata mill-inċentivi t-tajbin;

23.

Jenfasizza li skont is-sejbiet tal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija, azzjoni iktar b'saħħitha dwar l-effiċjenza enerġetika tista’ tnaqqas l-importazzjonijiet tal-gass tal-UE b’terz fl-2035 li jikkorrispondi għal 100bmk ta’ gass;

24.

Ifakkar li s-sinerġiji bejn l-iżvilupp, l-implimentazzjoni u l-manutenzjoni tal-infrastruttura tat-telekomunikazzjoni u tal-enerġija għandu jkollhom rwol ewlieni xi jwettqu fl-objettivi tal-Unjoni Ewropea għall-effiċjenza enerġetika;

25.

Jenfasizza l-ħtieġa li titkompla s-separazzjoni tas-swieq Ewropej tal-enerġija sabiex tiġi assigurata l-kompetizzjoni u tiġi żgurata l-provvista tal-elettriku bl-irħas prezz possibbli;

26.

Jemmen li l-investiment fl-infrastruttura għandu bżonn jitħeġġeġ permezz ta' oqfsa regolatorji stabbli, prevedibbli u favur l-innovazzjoni li ma jfixkilx il-funzjonament tas-suq intern, u li l-fondi tal-pensjonijiet u l-investituri istituzzjonali għandhom ikunu permessi jinvestu fit-trażmissjoni, billi jiġi rikonoxxut li dan ma jistax jintlaħaq sakemm ma jkunx immexxi mis-suq; fl-istess ħin jirrikonoxxi, madankollu, li f'ċerti każijiet speċifiċi, it-transformazzjonijiet tal-infrastruttura ma tantx jistgħu jintlaħqu jekk ma jkunx provdut l-iffinanzjar biex jappoġġja proġetti ewlenin tal-infrastruttura li jafu ma jkunux vijabbli f'termini kummerċjali; jenfasizza f’dan ir-rigward, l-importanza tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, u jiddispjaċih li s-sehem li għandu dan il-mekkaniżmu fil-baġit tal-enerġija huwa inqas mill-ammont propost mill-Kummissjoni;

27.

Jitlob biex isiru studji li jesploraw il-possibilità li jitwaqqaf fond Ewropew għall-investiment fin-netwerks tal-enerġija;

28.

Jenfasizza li l-integrazzjoni ta’ proċeduri ta’ awtorizzazzjoni fl-Istati Membri se tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ netwerks tal-infrastruttura u tagħti lok għal investimenti; jenfasizza li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandu jkollhom rwol importanti f’dan ir-rigward billi jissimplifikaw il-proċeduri tal-ippjanar u jintegraw l-infrastruttura tal-enerġija fl-iskemi tal-ippjanar lokali u reġjonali tagħhom;

29.

Jinnota li n-nuqqas ta' aċċess miftuħ u mhux diskriminatorju għall-infrastruttura tat-trażmissjoni jkompli, f'ċerti każijiet, ifixkel lil dawk li jidħlu ġodda milli jingħaqdu ma' netwerk, jew anki, jikkompetu fis-suq b'mod ġust kontra l-kumpaniji stabbiliti; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu indirizzati d-distorsjonijiet tas-suq li jwasslu għal-livell għoli ta' konċentrazzjoni eżistenti f'ħafna Stati Membri;

30.

Jenfasizza, f’dan ir-rigward, li r-regoli dwar it-tielet pakkett tal-enerġija għandhom jiġu applikati b’mod sħiħ kemm għall-kumpaniji Ewropej kif ukoll għal dawk barranin; jemmen li kwalunkwe eżenzjoni minn dawn ir-regoli li tingħata mill-Kummissjoni għandha tkun limitata fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha u fit-tul ta’ żmien tal-applikazzjoni u tkun soġġetta għal rieżami mill-Parlament u l-Kunsill;

31.

Jenfasizza li n-nuqqas ta’ trasparenza u l-eżistenza ta’ prattiki kontra l-kompetizzjoni fis-swieq tal-enerġija bl-ingrossa jipperikolaw il-fiduċja tal-konsumatur; jemmen li hemm ħtieġa urġenti li tiġi mifhuma l-formazzjoni tal-ispejjeż fis-swieq bl-ingrossa kif ukoll l-impatt fuq il-kontijiet tal-konsumaturi;

32.

Jappoġġa bis-sħiħ miżuri meħuda biex jintroduċu kundizzjonijiet ekwi billi joħolqu mudelli tas-suq iktar deċentralizzati u kompetittivi, peress li joħolqu iktar opportunitajiet għall-produtturi tal-enerġija lokali u għal atturi industrijali ġodda;

33.

Ifakkar li sabiex fornituri stabbiliti u dominanti ma jitħallewx jostakolaw il-ftuħ tas-suq, huwa importanti li jkunu jistgħu jiġu żviluppati mudelli ta' negozji ġodda, bħall-possibilità li jsiru kuntratti simultanjament ma' diversi fornituri;

34.

Jinnota li qafas regolatorju stabbli – għal produtturi, regolaturi, operaturi tan-netwerks, fornituri tal-enerġija, fornituri tas-servizzi relatati mad-domanda u, l-aktar importanti, konsumaturi u “prosumers” aħħarin – huwa essenzjali għal suq intern li jiffunzjona sew u biex jiġbed investiment fuq tul ta' żmien twil fl-iżvilupp tal-infrastruttura; jenfasizza li l-iżvilupp ta' kodiċi tan-netwerks li jkopru regoli sodi, non-diskriminatorji u bbilanċjati sew, għandu jwassal għall-armonizzazzjoni tal-ġestjoni tal-grilji, id-disinn tas-suq u l-interoperabilità; jenfasizza li hu kruċjali li l-ftehimiet dwar is-separazzjoni ta’ netwerks ta’ trażmissjoni u l-produzzjoni u l-kunsinna jiġu rrispettati madwar l-UE, inklużi l-ftehimiet dwar il-pożizzjoni indipendenti tar-regolaturi tal-enerġija u dwar ir-rekwiżiti għall-ħarsien tal-konsumatur; jenfasizza għalhekk il-bżonn li jiġi appoġġat u żviluppat iktar ir-rwol tal-Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER) tal-UE, b’mod partikolari l-kapaċità tagħha biex tiskrutinizza deċiżjonijiet regolatorji nazzjonali u ssolvi t-tilwim;

35.

Jinnota li jeżisti tħassib dwar il-fatt li ċerti Stati Membri diġà implimentaw jew ippjanaw li jimplimentaw mekkaniżmi nazzjonali ta’ remunerazzjoni skont il-kapaċità (CRMs) sabiex jiżguraw il-provvista tal-elettriku mingħajr ma jesploraw kif suppost is-soluzzjonijiet alternattivi potenzjali kollha, b'mod partikolari f'termini ta' soluzzjonijiet transkonfinali u riżorsi ta' flessibilità; jirrikonoxxi li għalkemm f'ċerti ċirkustanzi dawn il-mekkaniżmi huma neċessarji, jistgħu joħolqu interferenza u distorsjoni tad-disinn tas-suq bl-ingrossa u, jekk ikun iddisinjat ħażin, potenzjalment jistgħu joħolqu effetti “lock-in”; jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura approċċ aktar ikkoordinat fil-livell tal-UE biex tiggarantixxi li kwalunkwe CRMs bħal dawn ikunu bżonnjużi, effiċjenti, trasparenti, teknoloġikament newtrali u mhux diskriminatorji;

36.

Jiddispjaċih li, sa issa, il-mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni introdotti mid-Direttiva 2009/28/KE dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli għadhom ma ġewx utilizzati; jirrimarka li l-Kummissjoni rriżultalha li utilizzazzjoni aħjar tal-mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni eżistenti tista’ tħalli benefiċċji konsiderevoli, bħal pereżempju tagħti spinta lill-kummerċ; għalhekk jistieden lill-Istati Membri biex jagħmlu użu aħjar mill-mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni, fejn dan ikun f’loku, u biex iżidu l-komunikazzjoni bejniethom;

37.

Jirrikonoxxi li, mingħajr ħsara la għad-dritt tal-Istati Membri li jagħżlu t-taħlita tal-enerġija tagħhom u lanqas għall-bżonn ta’ koordinazzjoni aħjar mal-UE kollha, l-UE fis-sħuħija tagħha trid tagħmel użu sħiħ tal-potenzjal tas-sorsi tal-enerġija sostenibbli kollha li huma għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri, b'rispett sħiħ tal-objettivi maqsuma fi tlieta tal-politika tal-enerġija tal-UE fis-sħuħija tagħha, b'mod partikolari l-kompetittività, is-sostenibbiltà u s-sigurtà tal-provvista;

38.

Jinnota li xi Stati Membri, billi huma “gżejjer ta’ enerġija”, għadhom totalment iżolati min-netwerks Ewropej tal-gass u tal-elettriku u jkomplu jħallsu prezz ogħla għar-riżorsi tal-enerġija, li jbiddel il-kompetittività tagħhom; jinnota li mingħajr investiment sostanzjali fl-infrastruttura, dawk l-Istati Membri mhux se jkunu kapaċi jilħqu l-impenn imtenni mill-Kunsill Ewropew li sal-2015 l-ebda Stat Membru ma għandu jibqa' iżolat min-netwerks tal-UE; jemmen li l-Kummissjoni għandha, fuq talba ta' dawk l-Istati Membri, tieħu sehem fin-negozjati ma' fornituri tal-enerġija mhux tal-UE dwar is-suġġett tal-prezzijiet tal-enerġija, per eżempju fejn ikun ikkonċernat ix-xiri tal-gass;

39.

Jisħaq fuq il-fatt li s-solidarjetà bejn l-Istati Membri, mitluba mit-Trattat dwar l-UE, għandha tapplika kemm għall-attivitajiet ta' kuljum, kif ukoll għall-ġestjoni tal-kriżijiet tal-politika interna u esterna dwar l-enerġija; jistieden lill-Kummissjoni tagħti definizzjoni ċara ta’ “solidarjetà tal-enerġija” sabiex tiżgura li din tiġi rispettata mill-Istati Membri kollha;

40.

Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi indirizzat it-tkabbir antiċipat tal-importazzjonijiet tal-gass u l-elettriku minn pajjiżi terzi lejn l-UE fit-terminu qasir u medju bil-għan tas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija, il-qsim tal-piżijiet u l-funzjonament ġust tas-suq intern; itenni li, għal xi Stati Membri, din l-isfida hija marbuta mill-qrib ma’ dipendenza fuq l-importazzjonijiet tal-gass u taż-żejt minn pajjiż terz wieħed u li biex tintlaħaq jeħtieġ li jsiru azzjonijiet orjentati lejn id-diversifikazzjoni tal-portafoll tal-fornituri, ir-rotot u s-sorsi tal-enerġija; jirrikonoxxi li, objettivi strateġiċi f’dan ir-rigward, huma r-realizzazzjoni ta’ Kuritur tal-Gass tan-Nofsinhar, inkluż il-pipeline Nabucco u l-linja potenzjali tiegħu lejn pajjiżi tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, u l-kisba tar-rotta ta’ provvista lejn l-UE, li kapaċi tipprovdi madwar 10-20 % tad-domanda għall-gass tal-UE sal-2020, bil-għan li kull reġjun Ewropew ikollu aċċess fiżiku għal tal-inqas żewġ sorsi ta’ gass differenti;

41.

Jemmen li suq intern miftuħ u trasparenti, fejn il-kumpaniji kollha tal-UE u ta’ pajjiżi terzi jirrispettaw l-acquis communautaire fil-qasam tal-enerġija, jista’ jgħin biex isaħħaħ il-pożizzjoni ta’ negozjar tal-fornituri tal-enerġija tal-UE fir-rigward tal-kompetituri esterni, li hija partikolarment importanti għall-potenzjal li jiġi kkoordinat aktar ix-xiri tal-enerġija esterna fil-livell tal-UE; jistieden lill-UE biex tikkunsidra l-istabbiliment ta’ aġenzija għax-xiri konġunt tal-gass, u l-mekkaniżmi meħtieġa għal dan, sabiex tikkontrobilanċja l-pożizzjoni monopolistika tal-fornituri esterni dominanti; jinnota li l-prinċipju tar-reċiproċità jrid jintuża biex jiggwida r-relazzjonijiet mal-fornituri tal-enerġija tal-UE u tal-pajjiżi terzi; jinsisti fuq il-ħtieġa li l-Kummissjoni, fir-relazzjonijiet tagħha mal-fornituri tal-enerġija ta’ pajjiżi terzi, tieħu inkunsiderazzjoni u titkellem dwar il-konsegwenzi tad-deċiżjonijiet tagħhom fuq il-prezz għall-konsumaturi;

42.

Huwa konvint li l-Kummissjoni għandha tingħata mandati biex twettaq negozjati dwar proġetti tal-infrastruttura ta’ importanza strateġika li jaffettwaw is-sigurtà tal-provvista għall-UE fis-sħuħija tagħha, u li dawk il-mandati għandhom jiġu kkunsidrati wkoll fil-każijiet ta’ ftehimiet intergovernattivi oħrajn meqjusa li jkollhom impatt sinifikanti fuq l-għanijiet fit-tul tal-politika tal-enerġija tal-UE, b’mod partikolari l-indipendenza enerġetika tagħha; jilqa' f'dan ir-rigward il-progress miksub fin-negozjati mmexxija mill-Kummissjoni dwar it-trattat bejn l-UE, l-Ażerbajġan u t-Turkmenistan biex tinbena Sistema ta' Pajpijiet Trans-Kaspika;

43.

Jenfasizza li l-konverġenza progressiva tal-inċentivi relatati mal-fjuwils rinnovabbli u mal-effiċjenza, u tal-ispejjeż tal-enerġija awżiljarja mal-Istati Membri kollha ta' wara l-2020, hija essenzjali għal suq intern tal-enerġija effiċjenti u li jiffunzjona sew, kemm fil-livell ta’ ingrossa kif ukoll ta’ imnut, u biex jinħolqu kundizzjonijiet favorevoli għall-iżvilupp fuq tul ta’ żmien twil, u għall-użu fuq skala kbira, tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli;

44.

Jemmen li, fi żmien qasir, raggruppamenti reġjonali ta’ Stati Membri ġirien għandhom jiġu inkoraġġuti biex jimxu lil hinn minn pjanijiet nazzjonali u lejn skema ta’ appoġġ reġjonali armonizzata jew unika għall-enerġija rinnovabbli;

45.

Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jirrevedu regolarment it-tariffi feed-in jew ta’ appoġġ oħra tagħhom b’mod trasparenti li jippermetti l-aġġustament tagħhom skont it-tnaqqis fl-ispejjeż teknoloġiċi u ta’ provvista;

46.

Jirrikonoxxi li l-proġetti tar-riċerka konġunti tal-UE appoġġjati mill-programmi ta’ qafas u inizjattivi bħall-Pjan SET ma ntużawx biżżejjed fl-iżvilupp ta' teknoloġiji ġodda li jippermettu t-titjib fl-effiċjenza, l-enerġija rinnovabbli, is-sikurezza u s-sigurtà tal-impjanti tal-enerġija nukleari, l-użu b’emissjonijiet baxxi tal-fjuwils fossili, u netwerks intelliġenti, li huma kollha oqsma importanti għas-suq tal-enerġija;

47.

Jemmen li huwa importanti li jsir aktar progress fuq l-awtostradi tal-elettriku tal-futur u b’mod partikolari s-“South Eastern – North Electricity Highway” (SENEH) li tgħin ukoll fl-akkomodazzjoni tat-trasferiment tal-enerġija prodotta minn parks fotovoltajċi, bħall-proġett Helios, mix-Xlokk tal-Ewropa sat-Tramuntana u l-Punent;

Hemm bżonn ta’ azzjonijiet urġenti

Suq intern tal-enerġija kompetittiv, integrat sew, miftuħ u regolat sew

48.

Jistieden lill-Istati Membri biex jittrasponu u jimplimentaw għal kollox il-leġiżlazzjoni relevanti kollha tal-UE, partikolarment it-tielet pakkett tal-enerġija, b’mod urġenti; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tieħu azzjoni kontra dawk l-Istati Membri li fihom l-implimentazzjoni kienet imdewma bla bżonn; jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni diġà bdiet proċeduri formali biex tinvestiga l-ksur tar-regoli tal-UE;

49.

Jenfasizza l-bżonn li jiġu ttrattati d-distorsjonijiet tas-suq strutturali, u n-nuqqas ta' trasparenza fis-swieq; jistieden lill-Kummissjoni żżid l-isforzi tagħha biex tinforza l-implimentazzjoni tat-tielet pakkett tal-enerġija;

50.

Jitlob lill-Kummissjoni biex timmonitorja mill-qrib l-implimentazzjoni effettiva tal-leġiżlazzjoni tal-enerġija tal-UE, b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet li joħolqu drittijiet tal-konsumaturi essenzjali, kif ukoll dawk li jirrigwardaw l-operaturi tas-sistemi, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali u r-regoli tal-kompetizzjoni u tal-għajnuna statali, u dawk li jfittxu li jnaqqsu l-fenomenu tal-flussi (loop flows) fis-suq intern tal-elettriku, b’dan tal-aħħar li jikkostitwixxi sfida sinifikanti, għalkemm tista' tiġi mmaniġġjata, għas-suq intern tal-enerġija għax idgħajjef is-sigurtà tas-sistema tal-enerġija billi jnaqqas l-għażliet tal-ħżin u l-kapaċità tan-netwerk; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tuża l-mezzi l-aktar xierqa għad-dispożizzjoni tagħha biex tindirizza kwalunkwe nuqqas ta’ konformità kontinwu mal-leġiżlazzjoni relevanti tal-UE;

51.

Jinnota li kwalunkwe qtugħ fl-elettriku s’issa kien riżultat tan-nuqqasijiet operattivi, mhux tan-nuqqas tal-kapaċità; jirrikonoxxi li bħala riżultat tar-riċessjoni ekonomika, il-prezzijiet għoljin tal-gass naturali u s-sehem li dejjem jikber tal-produzzjoni intermittenti tal-elettriku rinnovabbli, l-investituri fl-UE jaffaċċjaw inċertezza konsiderevoli meta jiżviluppaw kapaċitajiet flessibbli ta’ ġenerazzjoni tal-elettriku; jistieden lill-Kummissjoni biex twettaq valutazzjoni komprensiva dwar l-adegwatezza tal-ġenerazzjoni ibbażata fuq metodoloġija armonizzata u biex tipprovdi gwida dwar kif tiġi msaħħa l-flessibilità u tinżamm il-provvista;

52.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex jikkoordinaw proġetti tal-infrastruttura b’mod aħjar u biex jippjanaw b'mod konġunt l-iżvilupp, b’hekk jiġu żgurati l-konnettività u l-kosteffettività sħaħ tas-sistema mal-UE kollha billi jittieħed vantaġġ mis-sinerġiji transkonfinali u netwerk tal-infrastruttura tal-enerġija aktar effiċjenti; jinnota li għandu jitħeġġeġ approċċ integrat li jinkludi l-operaturi tad-distribuzzjoni; iħeġġeġ, għal dak il-għan, lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex jiżguraw il-valutazzjoni rapida, l-għażla, il-permess u l-implimentazzjoni tal-proġetti ta’ interess Ewropew komuni, speċjalment fir-rigward tal-interkonnetturi transkonfinali tal-elettriku u tal-gass, inklużi l-mekkaniżmi ta’ inverżjoni tal-fluss, il-gass naturali likwifikat, l-infrastruttura għall-ħżin tal-enerġija u netwerks intelliġenti ta’ trażmissjoni u distribuzzjoni, li huma vitali għal suq tal-enerġija integrat sew u li jiffunzjona sew;

53.

Jirrakkomanda li, fl-implimentazzjoni tal-baġit tal-enerġija tal-Faċilità “Nikkollegaw l-Ewropa”, il-Kummissjoni tagħti prijorità lil proġetti li għandhom l-akbar impatt fuq il-funzjonament tas-suq intern, biex b'hekk tingħata spinta lill-kompetizzjoni, titħaffef il-penetrazzjoni fis-suq tas-sorsi tal-enerġija rinovabbli, jinħolqu l-interkonnessjonijiet transfruntieri neċessarji, u tissaħħaħ is-sigurtà tal-provvista;

54.

Jistieden lill-Kummissjoni biex twettaq reviżjoni ġdida ta’ pjanijiet eżistenti għall-proġetti tal-enerġija, speċjalment għall-bini ta’ stazzjonijiet ta’ gass naturali likwifikat ġodda skedati li jieħdu aktar minn 10 snin biex jitlestew, biex jiġi vvalutat il-benefiċċju ekonomiku – b’kunsiderazzjoni tal-istazzjonijiet ta’ gass naturali likwifikat li diġa’ qed jinbnew jew qegħdin fl-istadju ta’ ppjanar fi Stati Membri individwali u li, fil-futur qrib, se jikkontribwixxu għas-sikurezza tal-provvista tal-enerġija fi Stati Membri klassifikati bħala “gżejjer ta’ enerġija” – u biex jikkontribwixxu għall-iffinanzjar ta’ proġetti bħal dawn;

55.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex iwaqqfu sistema effiċjenti ta’ mmaniġġjar tal-konġestjoni sabiex irawmu l-użu effiċjenti tal-kapaċità eżistenti tat-trażmissjoni tal-gass u tal-elettriku, filwaqt li titnaqqas l-ispiża tal-estensjoni tal-kapaċitajiet tan-netwerk, u jiffaċilitaw il-konnessjoni akbar ta’ sorsi ta’ ġenerazzjoni rinnovabbli man-netwerk tal-elettriku;

56.

Jistieden lill-Istati Membri biex jieqfu, kemm jista' jkun malajr, milli jużaw limiti fuq il-prezzijiet jew prezzijiet tal-enerġija bl-imnut irregolati stabbiliti, fil-livell nazzjonali, b'mod aktar baxx mill-ispiża li tkun saret, billi tali miżuri jistgħu joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni u jheddu serjament l-investimenti futuri fil-kapaċità u l-infrastruttura fis-settur tal-enerġija; madankollu jenfasizza li politiki f'dan ir-rigward għandhom iqisu l-interessi leġittimi tal-konsumaturi vulnerabbli li mhux dejjem ikunu jistgħu jibbenefikaw minn kompetizzjoni reali fis-swieq tal-enerġija;

57.

Jilqa’ d-determinazzjoni tal-Kummissjoni biex tinfurza r-regoli tal-antitrust u tal-għajnuna statali vis-à-vis l-impriżi kollha tas-settur tal-enerġija u s-sussidjarji tagħhom li joperaw fit-territorju tal-Unjoni Ewropea, li jiżguraw li jiġu stabbiliti kundizzjonijiet ekwi b’kundizzjonijiet ugwali ta’ aċċess għall-parteċipanti kollha tas-suq; jistieden lill-Kummissjoni biex toħroġ linji gwida dwar kif tivvaluta l-abbuż ta' pożizzjoni dominanti minn kwalunkwe kumpanija fis-swieq tal-gass u l-elettriku, kif ukoll biex tipprovdi gwida dwar l-aħjar prattiki u dwar l-esperjenzi akkwistati mill-iskemi ta' appoġġ tal-enerġija rinnovabbli;

58.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tirrevedi r-regoli tal-għajnuna statali fir-rigward ta’ miżuri nazzjonali għall-effiċjenza tal-enerġija, kif ukoll proġetti ta’ enerġija kofinanzjati taħt il-politika ta’ koeżjoni, sabiex jiġi żgurat li aktar minn dawn l-azzjonijiet ikunu eliġibbli għal finanzjament mill-istat, li jwassal għal aktar proġetti kompluti;

59.

Jirrakkomanda li l-Kummissjoni tuża s-setgħat ta’ skrutinju tal-għajnuna mill-istat tagħha biex tħeġġeġ l-iżvilupp ta’ infrastruttura transkonfinali; jemmen li dawn l-interkonnetturi għandhom rwol vitali meta jiġu għaż-żieda fil-kapaċità li jintużaw il-provvisti tal-viċinat f’każ ta’ emerġenza jew żbilanċ ta’ enerġija u għat-tnaqqis tas-sussidji tul iż-żmien;

60.

Jappoġġja bis-sħiħ l-isforzi tal-Kummissjoni, abbażi tal-ħidma kkoordinata żviluppata mill-ENTSOs, biex tintroduċi l-kodiċi tan-netwerks armonizzati sal-2014 u r-regoli bi qbil mal-pjan, u biex tiżgura l-istabilità u f’kemm dan ikun favur l-innovazzjoni b'mod miżjud tal-qafas regolatorju tas-suq intern tal-enerġija;

61.

Jappoġġja bis-sħiħ il-miżuri regolatorji mwettqa mill-ACER u l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali biex jitħeġġeġ, jitjieb u jiġi ssimplifikat il-kummerċ tal-enerġija transkonfinali, inklużi fi swieq ta’ bbilanċjar fl-istess jum u ta’ jum bil-quddiem, u biex jitnaqqas id-distakk bejn is-sistemi tal-enerġija fi Stati Membri differenti billi jitħeġġeġ l-użu trasparenti tal-interkonnetturi; jenfasizza l-bżonn ta' numri xierqa ta' staff – bi kwalifiki, esperjenza u kompetenza neċessarji – fl-ACER u l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali biex iwettqu l-ħidmiet relatati mal-monitoraġġ tat-tranżazzjonijiet bl-ingrossa u l-identifikazzjoni ta’ prattiki ta’ abbuż fil-kummerċ minn informazzjoni privileġġata u tentattivi ta’ manipulazzjoni tas-suq;

62.

Fir-rigward tas-suq tal-elettriku intern, jistieden lill-Kummissjoni biex tipprovdi b'mod urġenti analiżi dettaljata tal-adegwatezza tas-sistema u l-flessibilità tal-kapaċitajiet tal-ġenerazzjoni nazzjonali fuq tul ta’ żmien qasir u twil, filwaqt li jitqies b’mod sħiħ il-kontribut potenzjali tal-miżuri flessibbli kollha, bħal rispons għad-domanda, ħżin tal-enerġija u interkonnessjoni, u biex tirrapporta fuq l-impatt tal-miżuri nazzjonali applikati relatati mal-valutazzjoni tal-kapaċità u l-ippjanar tal-iżvilupp għas-suq intern tal-enerġija u r-regoli tal-kompetizzjoni, filwaqt li jitqiesu l-konsegwenzi f'termini kemm ta' sigurtà tal-provvista kif ukoll ta' aspetti transkonfinali ta’ din il-politika kumplimentarja tad-disinn tas-suq; jitlob, f’dan ir-rigward, biex isiru aktar sforzi fuq l-użu futur ta’ teknoloġiji ta’ ħżin tal-enerġija u rispons mil-lat ta’ domanda, li huma kollha sorsi addizzjonali ta’ flessibilità;

63.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tipprepara gwida dwar l-użu u l-varar ta’ riżorsi ta’ flessibilità – bħall-immaniġġjar mil-lat ta’ domanda, il-ħżin u l-infrastrutturi fiżiċi, inklużi dawk transkonfinali – sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jippreparaw u jimplimentaw strateġiji nazzjonali biex ivaraw riżorsi ta’ flessibilità fit-territorji tagħhom;

64.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-ENTSO-E biex jiżviluppaw metodoloġija koerenti u allinjata li tiżgura l-adegwatezza tal-ġenerazzjoni fl-Ewropa, inkluż il-kontribut pożittiv ta’ sorsi tal-enerġija rinnovabbli u b’mod partikolari enerġija rinnovabbli varjabbli;

65.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tesplora forom futuri ta’ swieq tal-enerġija li, għall-kuntrarju tal-mekkaniżmi nazzjonali preżenti tal-kapaċità, jistgħu jipprovdu flussi ta’ dħul nondiskriminatorji addizzjonali għall-investituri fil-forom kollha ta’ ġenerazzjoni tal-enerġija u tiżgura l-provvista kosteffettiva ta’ servizzi ta’ flessibilità fis-settur tal-enerġija;

66.

Jistieden lill-Kummissjoni biex twaqqaf regoli li jippromwovu l-iżvilupp ulterjuri ta’ suq għas-servizzi anċillari miftuħ għall-parteċipazzjoni tas-sorsi kollha tal-enerġija, inkluża l-enerġija rinnovabbli;

67.

Jistieden lill-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-partijiet interessati relevanti biex jipprovdu inċentivi u biex jappoġġjaw inizjattivi u sħubijiet reġjonali, bil-għan li jkun hemm integrazzjoni tas-suq aktar mill-qrib, permezz tat-twaqqif ta' skambji tal-enerġija reġjonali u ċentri ta’ kummerċ tal-gass, u permezz ta' regoli aktar armonizzati għall-kummerċ tal-gass u mekkaniżmi tal-akkoppjament tas-swieq fil-limiti taż-żmien kollha u permezz tal-użu ta’ livell adegwat ta’ likwidità u trasparenza tas-suq;

68.

Jenfasizza li l-miżuri tas-suq intern għandhom jippromwovu d-diversifikazzjoni tas-sorsi tal-enerġija, kemm indiġeni kif ukoll esterni, u m’għandhomx jiffokaw primarjament fuq l-iżvilupp jew it-tkabbir ulterjuri ta’ rotot u provvisti attwali;

69.

Jiġbed l-attenzjoni lejn id-dimensjoni esterna tas-suq tal-enerġija, li hu maħsub biex jiffaċilita lill-Istati Membri kollha biex jaċċessaw is-sorsi differenti tal-enerġija; Jistieden lill-Kummissjoni biex, f'koordinazzjoni mas-SEAE, tuża l-istrumenti tal-politika barranija tagħha ħalli tħeġġeġ ir-regoli u l-istandards tas-suq intern tal-enerġija fir-rigward ta’ pajjiżi terzi u, speċjalment, fil-viċinat tal-UE; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex issolvi, fi djalogi bilaterali mal-pajjiżi terzi relevanti, il-kwistjoni tar-regoli ċari tal-immaniġġjar tal-konġestjoni f’konnessjonijiet tal-elettriku u tal-gass transkonfinali u aċċess minn partijiet terzi għan-netwerks ta’ trażmissjoni; iħeġġeġ bis-sħiħ lill-Kummissjoni biex tieħu miżuri biex tipprevjeni prattiki antikompetittivi min-naħa ta’ kumpaniji ta’ pajjiżi terzi li jistgħu jwasslu għal restrizzjoni tal-kompetizzjoni, prezzijiet aktar għoljin jew tnaqqis fis-sigurtà tal-provvista tal-enerġija; jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura, fir-relazzjonijiet tagħha mas-sħab esterni, li l-kumpaniji tal-UE jkunu kapaċi jikkompetu fuq l-istess livell b’mod globali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex issaħħaħ il-kooperazzjoni mal-pajjiżi tal-viċinat tal-UE dwar is-sikurezza nukleari; jistieden lill-Kummissjoni biex tkun trasparenti dwar il-fatturi kollha li għadhom qed jikkawżaw il-problemi fir-rigward tal-implimentazzjoni tat-tielet pakkett dwar l-enerġija, u biex tippreżenta ċifri ċari dwar l-impatt tagħhom fuq il-prezzijiet għall-konsumaturi;

70.

Jitlob lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex iżidu l-appoġġ politiku u finanzjarju lill-Komunità tal-Enerġija u biex iwettqu aktar miżuri biex jappoġġjaw l-estensjoni ta' regoli tas-suq intern għall-Ewropa tax-Xlokk u tal-Lvant;

71.

Jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri, fid-dawl tal-ħolqien ta’ mekkaniżmu ta’ skambju ta’ informazzjoni għall-ftehimiet intergovernattivi bejn l-Istati Membri tal-UE u pajjiżi terzi dwar politika tal-enerġija, biex juru aktar ambizzjoni fl-iżgurar li l-ftehimiet li jmorru kontra l-leġiżlazzjoni tas-suq intern ma jidħlux fis-seħħ; huwa tal-opinjoni li l-Kummissjoni għandha tkun tista’ teżamina abbozzi ta’ ftehimiet għall-kompatibbiltà tagħhom mal-acquis communautaire u tipparteċipa fin-negozjati kull meta jkun rilevanti;

72.

Ifakkar lill-Kummissjoni li s-suq intern mhuwiex indipendenti mis-suq globali; jitlob lill-Kummissjoni biex tqis b’mod sħiħ ir-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament dwar id-dimensjoni esterna tal-politika tal-enerġija (16) meta tippjana l-azzjonijiet tas-suq intern tagħha; jikkonferma l-appoġġ tiegħu għall-idea li huwa biss suq intern li jiffunzjona bis-sħiħ li jippermetti lill-UE titkellem b’vuċi waħda globalment; jitlob lill-Kummissjoni biex tiżviluppa aktar azzjonijiet addizzjonali fil-qasam tal-politika esterna tal-enerġija;

73.

Jemmen li l-Ftehim futur tal-Kummerċ Ħieles bejn l-UE u l-Istati Uniti għandu jinkludi kapitolu li jiffoka biss fuq kwistjonijiet tal-enerġija bħal dawn li jistgħu jaffettwaw is-suq intern, inkluż, fost l-oħrajn: kummerċ tal-enerġija bl-ingrossa, kummerċ tal-komoditajiet, regoli marittimi tat-trasport tal-enerġija, skemi kummerċjali tal-emissjonijiet, standards ta’ sikurezza tal-fjuwil, prattiki tal-kontabilità, sussidji ta’ enerġija mill-Istat u t-trasferiment tal-proprjetà intellettwali fir-rigward tal-esplorazzjoni, il-produzzjoni u t-trasformazzjoni tal-energija u t-tmiem ta’ ċiklu tal-ħajja tal-prodotti;

74.

Jappoġġja l-mandat mogħti mill-Kunsill Ewropew lill-Kummissjoni biex tippreżenta analiżi tal-kompożizzjoni u l-fatturi tal-prezzijiet tal-enerġija u l-ispejjeż fl-Istati Membri individwali qabel tmiem l-2013, b'fokus partikolari fuq l-impatt fuq id-djar, l-SMEs u l-industriji intensivi f'termini ta' enerġija, u b'mod aktar wiesa' fuq il-kompetittività tal-UE fir-rigward tal-kontropartijiet ekonomiċi globali; Jistieden ukoll lill-Kummissjoni timmonitorja kontinwament il-prezzijiet u l-ispejjeż tal-enerġija fl-Istati Membri;

75.

Fir-rigward tas-suq intern tal-gass, jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jirrevedu l-kuntratti kollha tal-gass ibbażati fuq mekkaniżmi tal-ipprezzar skaduti – partikolarment fuq il-prinċipju tal-indiċjar taż-żejt – li jimponu prezzijiet għoljin fuq il-konsumaturi u jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tassisti fl-esplorazzjoni tal-possibbiltajiet tan-negozjar mill-ġdid ta’ dawn il-kuntratti, mhux biss fil-kuntest tat-tiġdid tagħhom; jenfasizza l-ħtieġa li l-prodotti u l-mekkaniżmi kollha mmirati lejn it-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-kummerċ tal-gass għal żmien qasir jiġu żviluppati u appoġġjati; jenfasizza li l-miżuri msemmija qabel huma kruċjali biex tiġi żgurata l-kompetittività reali fir-rigward tal-prezz tal-provvisti tal-gass lill-konsumaturi kollha fis-suq intern tal-gass.

Protezzjoni u appoġġ effettiv għall-konsumaturi

76.

Jistieden lill-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-partijiet interessati relevanti biex itejbu l-kwalità u d-disponibilità tal-informazzjoni offruta lill-konsumaturi, biex jiġu pprovduti b’metodi ta’ ffatturar ċari u trasparenti, biex jistabbilixxu għodod għat-tqabbil tal-prezzijiet li jippermettuhom jagħmlu l-aktar għażliet infurmati, u li jagħmluhom konxji dwar modi ta’ kif jikkontrollaw il-konsum tal-possibilitajiet għall-iffrankar tal-enerġija, l-effiċjenza enerġetika u l-produzzjoni fuq skala żgħira; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jimplimentaw id-Direttiva dwar is-Soluzzjoni Alternattiva tat-Tilwim u r-Regolament dwar is-Soluzzjoni Onlajn għat-Tilwim tal-Konsumaturi; jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni biex tiġi stabbilita pjattaforma tal-informazzjoni dwar id-drittijiet tal-konsumaturi; jirrakkomanda li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jwettqu kampanji ta’ informazzjoni adattati għall-konsumaturi fejn il-gvernijiet u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għandhom jieħdu sehem attiv;

77.

Jirrimarka li għalkemm il-prezzijiet tal-enerġija fuq swieq tal-enerġija bl-ingrossa niżlu globalment, il-konsumaturi għadhom iħallsu prezzijiet għoljin; jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri, u lir-regolaturi tal-Istati Membri, biex jiżguraw li l-konsumaturi jibbenefikaw b'mod dirett u adegwat mill-iżviluppi fil-prezzijiet fis-suq bl-ingrossa;

78.

Jistieden lill-Istati Membri u l-Kummissjoni biex jiżviluppaw strateġija komprensiva li tfittex li tħeġġeġ lill-konsumaturi u l-“prosumers” biex jipparteċipaw attivament fis-suq tal-enerġija, fost l-oħrajn bl-inklużjoni permezz tal-leġiżlazzjoni eżistenti kif ukoll permezz tal-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet relevanti tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija; iħeġġeġ li jiġi aġġustat b’mod regolari s-sinjal tal-prezz tal-użu tan-netwerks biex l-utenti eżistenti iżda wkoll dawk futuri jiġu ggwidati kif suppost u b’hekk tiġi żgurata l-koerenza tan-netwerks u d-deċiżjonijiet individwali.

79.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tħeġġeġ aktar kooperazzjoni bejn is-setturi tal-enerġija u tal-informazzjoni u tat-teknoloġija tal-komunikazzjoni (ICT), u biex tagħmel rieżami tal-oqfsa regolatorji eżistenti biex ikunu mħeġġa l-innovazzjonijiet relatati mal-enerġija, li jkunu ta’ benefiċċju għall-konsumaturi kollha, u li jiffaċilitaw il-varar ta’ grids intelliġenti b’mod li jkunu faċli biex jintużaw, sikuri u affidabbli, b'mod li ma jitfgħux piż finanzjarju fuq il-konsumaturi u li jqisu l-privatezza tad-dejta tagħhom; jitlob kooperazzjoni fl-iżvilupp ta’ grids intelliġenti fil-livell Ewropew, nazzjonali u reġjonali u fl-iżvilupp ta’ standards Ewropej għall-grids intelliġenti;

80.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri, u l-awtoritajiet reġjonali u lokali, biex jinkorporaw u joħolqu inċentivi finanzjarji għall-investimenti f'soluzzjonijiet tal-ICTs fi grids intelliġenti, u biex jimmiraw lejn suq ta’ prosumers, li jwasslu għal aktar flessibilità, l-effiċjenza/frankar tal-enerġija u l-parteċipazzjoni mil-lat ta’ domanda;

81.

Jinsab ħerqan dwar il-linji gwida tal-Kummissjoni li jgħinu biex jitwaqqfu objettivi ta’ politika ambizzjużi fir-rigward ta’ konsumaturi vulnerabbli, li se jgħinu lill-Istati Membri biex jiddefinixxu aħjar l-approċċ tagħhom għal din il-kategorija ta’ konsumaturi; jistieden lill-Kummissjoni biex tipprepara dawn il-linji gwida, filwaqt li tqis il-mekkaniżmi u l-istrumenti nazzjonali eżistenti għall-protezzjoni ta’ tali konsumaturi, bil-għan li jinkiseb approċċ aktar koerenti u komprensiv fil-livell tal-UE, filwaqt li l-Istati Membri jitħallew fil-libertà li jagħżlu l-istrumenti l-aktar xierqa biex jipprovdu tali appoġġ; iżid li servizzi konsultattivi komprensivi għal din il-kategorija ta' konsumaturi, u l-iskambju tal-aħjar prattiki, jista' jkollhom rwol importanti;

82.

Jilqa’ l-analiżi imminenti tal-Kummissjoni dwar il-faqar enerġetiku fl-UE; jemmen li, bħala parti mill-analiżi tagħha, il-Kummissjoni għandha tagħmel sforzi biex tiżgura li l-ġlieda kontra l-faqar enerġetiku ssir parti mill-basket tas-servizzi soċjali għall-Ewropa, eż. permezz tal-fondi soċjali u ta’ koeżjoni; jistipula li l-programmi eżistenti u ġodda tal-effiċjenza enerġetika għandhom dejjem jinkludu enfasi mmirata fuq il-gruppi bi dħul baxx;

83.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżviluppa u tirrakkomanda disinn xieraq tas-suq bl-imnut li jiffoka fuq il-fornituri biex jiġu armonizzati s-swieq bl-imnut Ewropej u b’hekk itaffu l-piż amministrattiv fuq il-konsumaturi billi l-fornituri jitħallew jimponu t-taxxi kollha direttament fuq il-kont tad-dawl.

Għajnuna għall-isfidi futuri tal-enerġija u tal-klima

84.

Jistieden lill-Istati Membri, il-Kummissjoni u l-partijiet interessati relevanti biex jaqilbu l-iskemi ta' appoġġ neċessarji għall-ġeneraturi kollha tal-enerġija f'mekkaniżmi trasparenti, prevedibbli, konverġenti u mmexxija mis-suq, hekk kif ikun fattibbli, sabiex jinħoloq suq komuni għal fatturi ta' appoġġ rikjesti – bħall-effiċjenza fl-enerġija, il-prosumers, il-koġenerazzjoni, il-flessibilità, l-enerġija rinnovabbli u s-servizzi tal-appoġġ tal-grilja – b'mod li jiżgura l-kompatibilità tagħhom u li jevita kwalunkwe rduppjar; jistieden lill-Kummissjoni biex tippreżenta gwida dwar l-iskemi ta' appoġġ effiċjenti u kosteffettivi għall-enerġija rinnovabbli;

85.

Jistieden lill-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali biex jirrevedu l-indikaturi użati biex ikejlu l-grad ta’ kompetizzjoni fis-swieq tal-enerġija u jinkludu indikaturi bħall-proporzjon tal-konsumaturi fuq l-irħas tariffi, il-kapaċità li għandhom il-kumpaniji ġodda biex jidħlu fis-suq u l-livelli ta’ servizz tal-klijent u innovazzjoni, li kollha se jgħinu sabiex tkun ipprovduta stampa reali dwar il-livell tal-kompetizzjoni fis-suq;

86.

Fir-rigward tas-suq intern tal-elettriku, jistieden lill-Kummissjoni biex teżamina fid-dettall l-implikazzjonijiet li jiġu integrati s-sehem dejjem jikber tal-enerġija rinnovabbli, fi grilji tal-enerġija fir-rigward tal-appoġġ finanzjarju, ir-rekwiżiti tekniċi mas-sistema kollha u d-disinn tas-suq; tenfasizza li n-nuqqas ta’ approċċ ikkoordinat favur dawn is-sorsi, s’issa kkomplika l-integrazzjoni tagħhom fis-sistemi tal-enerġija Ewropej; jenfasizza l-fatt li l-grilja tal-enerġija Ewropea attwali u l-infrastrutturi tal-ħżin għandhom jiġu adattati għall-kontribut tal-ġenerazzjoni distribwita mill-enerġija rinnovabbli; jisħaq fuq l-importanza tal-gass bħala fjuwil alternattiv biex ikampa bil-varjabilità tal-produzzjoni tal-elettriku rinnovabbli, u jitlob lill-Kummissjoni biex tivvaluta l-livell neċessarju ta' flessibilità fis-sistema tal-enerġija (grilja intelliġenti, l-immaniġġjar u l-ħżin mil-lat ta’ domanda u l-kapaċità alternattiva flessibbli); jemmen li ħżin ippumpjat għandu rwol kbir fil-ħżin tal-elettriku;

87.

Jitlob lill-Kummissjoni biex tkompli tuża l-fond għall-iżvilupp reġjonali, il-fond ta’ koeżjoni u fondi strutturali oħra tal-UE biex tappoġġja l-ħolqien ta’ grilji intelliġenti tal-gass u tal-enerġija fil-perjodu li jmiss sabiex jiġu assorbiti aħjar tipi u sorsi ġodda ta’ enerġija u għall-modernizzazzjoni tar-reġjuni kollha tal-Ewropa; jemmen li l-operaturi tan-netwerk ta’ distribuzzjoni għandhom jiġu mħeġġa wkoll biex jaċċettaw adattamenti għan-netwerks tagħhom;

88.

Jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex jippromwovu inċentivi li jiftħu l-possibilitajiet mhux sfruttati tal-mikroġenerazzjoni u biex joqogħdu attenti għall-bżonn li jiżviluppaw aktar il-koġenerazzjoni billi hija waħda mill-aktar mezzi effiċjenti ta’ produzzjoni tal-enerġija elettrika u tas-sħana, u biex din l-għażla tkun ibbażata fuq l-implimentazzjoni wiesgħa tat-tisħin u t-tkessiħ distrettwali effiċjenti;

89.

Jenfasizza l-potenzjal ta’ sħana u elettriku kkombinati/tisħin u tkessiħ distrettwali biex jiġi akkomodat is-sehem li dejjem jikber tal-enerġija intermittenti billi tiżdied il-flessibilità u r-reżistenza għas-suq tal-enerġija u jiġi pprovdut ħżin ekonomiku tal-enerġija għall-elettriku żejjed. jistieden lill-Kummissjoni biex tindirizza u tippremja din il-kapaċità fl-inizjattiva li jmiss tagħha dwar is-CRMs u biex tappoġġja dan it-tip ta’ integrazzjoni transettorjali u bbilanċjar taħt l-“Orizzont 2020”.

90.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tvara studju li janalizza disinni ta’ swieq ġodda u kosteffiċjenti għas-suq Ewropew tal-elettriku bil-għan li jiġi żgurat li l-konsumaturi jirċievu elettriku bi prezz raġjonevoli, u biex tiġi evitata t-tnixxija tal-karbonju;

91.

Jilqa’ l-ħidma li saret biex tagħmel din ir-riċerka fil-qasam tal-enerġija prijorità tal-programm Orizzont 2020 u jistieden lill-Istati Membri biex japprofittaw bis-sħiħ minn dan il-qasam ta’ programmazzjoni; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex jappoġġjaw ir-riċerka dwar it-teknoloġiji tal-enerġija innovattivi, u l-iżvilupp tagħhom, u biex itejbu t-teknoloġiji eżistenti li jaqgħu barra mill-qafas tal-proġetti Orizzont 2020 u Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT); iħeġġeġ lill-Istati Membri biex joħolqu sinerġiji bejn programmi ta' riċerka tal-UE u dawk nazzjonali, bħala rikonoxximent tal-fatt li r-riċerka hija l-unika mod progressiv biex jitnaqqsu l-emissjonijiet, titjieb is-sigurtà tal-enerġija, tikber il-pożizzjoni kompetittiva tal-industrija tal-UE fis-suq globali, tinżamm it-tmexxija teknoloġika tal-UE, u jingħata kontribut għall-aġenda Ewropew għat-tkabbir u l-impjiegi; jenfasizza fuq il-bżonn li tkun offruta ċertezza leġiżlattiva tal-industrija tul medda ta’ żmien li testendi wara l-2020;

92.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tagħmel biżżejjed fondi disponibbli għall-iżvilupp ta’ grids ta’ distribuzzjoni intelliġenti, li huma l-aktar mod kosteffiċjenti għall-penetrazzjoni fuq skala kbira ta’ ġenerazzjoni distribwita minn sorsi tal-enerġija rinnovabbli filwaqt li jiżguraw is-sigurtà tal-provvista u jisfruttaw bl-aħjar mod mill-potenzjali għall-iffrankar tal-enerġija;

93.

Jinnota li s-sistema attwali, ikkaratterizzata mis-suq intern frammentat, toħloq sfidi għall-istabilità fit-tul tal-kumpaniji u l-investituri, li tista’ twassal għall-għeluq ta’ impjanti u inċertezzi fir-rigward tal-impjieg u l-kapaċità; jitlob lill-Kummissjoni biex tagħmel evalwazzjoni indipendenti tal-futur tas-suq intern għall-elettriku u l-gass li fiha, il-kwistjonijiet li għandhom x'jaqsmu mal-investimenti, l-impjiegi fis-settur, l-ambjent u l-protezzjoni tal-konsumaturi, ikollhom rwol ċentrali; jitlob biex din l-evalwazzjoni tkun lesta sa Marzu 2014, u li tkun inklużiva billi tqis l-opinjonijiet ta’ partijiet interessati bħas-sħab soċjali, ir-rappreżentanti ta’ familji bi dħul baxx, l-organizzazzjonijiet ambjentali u l-SMEs;

o

o o

94.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.


(1)  Testi adottati, P7_TA(2013)0061.

(2)  ĠU L 295, 12.11.2010, p. 1.

(3)  ĠU L 326, 8.12.2011, p. 1.

(4)  ĠU L 211, 14.8.2009, p. 94.

(5)  ĠU L 211, 14.8.2009, p. 55.

(6)  ĠU L 315, 14.11.2012, p. 1.

(7)  ĠU L 172, 2.7.2009, p. 18.

(8)  ĠU L 299, 27.10.2012, p. 13

(9)  ĠU C 99 E, 3.4.2012, p. 64.

(10)  Testi adottati, P7_TA(2012)0238.

(11)  Testi adottati, P7_TA(2012)0509.

(12)  Testi adottati, P7_TA(2012)0086.

(13)  Testi adottati, P7_TA(2013)0088.

(14)  Testi adottati, P7_TA(2012)0444.

(15)  Testi adottati, P7_TA(2012)0443.

(16)  Testi adottati P7_TA(2012)0238.


Top