This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52013IP0226
European Parliament resolution of 23 May 2013 on the 2012 Progress Report on the former Yugoslav Republic of Macedonia (2013/2866(RSP))
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta’ Mejju 2013 dwar ir-Rapport ta' Progress tal-2012 dwar dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja (2013/2866(RSP))
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta’ Mejju 2013 dwar ir-Rapport ta' Progress tal-2012 dwar dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja (2013/2866(RSP))
ĠU C 55, 12.2.2016, p. 100–108
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
12.2.2016 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 55/100 |
P7_TA(2013)0226
Rapport ta' progress 2012 dwar dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta’ Mejju 2013 dwar ir-Rapport ta' Progress tal-2012 dwar dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja (2013/2866(RSP))
(2016/C 055/15)
Il-Parlament Ewropew,
— |
wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew tas-16 ta' Diċembru 2005 biex jagħti lill-pajjiż l-istatus ta' pajjiż kandidat għall-adeżjoni mal-Unjoni Ewropea u l-konklużjonijiet tal-Presidenza li ħarġu wara l-laqgħat tal-Kunsill Ewropew tal-15 u s-16 ta' Ġunju 2006 u tal-14 u l-15 ta' Diċembru 2006, |
— |
wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-13 ta' Diċembru 2012, |
— |
wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Kapijiet ta' Missjoni tal-UE u tal-Istati Uniti tal-11 ta' Jannar 2013, |
— |
wara li kkunsidra r-Rapport ta' Progress tal-2012 tal-Kummissjoni (SWD(2012)0332) u l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-10 ta' Ottubru 2012 bit-titolu “L-Istrateġija tat-Tkabbir u l-Isfidi Ewlenin 2012-2013” (COM(2012)0600), |
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet 845 (1993) u 817 (1993) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, kif ukoll ir-riżoluzzjoni 47/225 (1993) tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u l-Ftehim Interim tal-1995, |
— |
wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja dwar l-Applikazzjoni tal-Ftehim Interim tat-13 ta' Settembru 1995, |
— |
wara li kkunisdra r-rakkomandazzjoni 329 (2012) tal-Kungress tal-Awtoritajiet Lokali u Reġjonali tal-Kunsill tal-Ewropa dwar id-Demokrazija lokali fil-pajjiż, |
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu inkluża r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Novembru 2012 dwar it-tkabbir: politiki, kriterji u interessi strateġiċi tal-UE (1), |
— |
wara li kkunsidra l-għaxar laqgħa tal-Kumitat Parlamentari Konġunt tas-7 ta' Ġunju 2012, |
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, |
A. |
billi l-pajjiżi kollha kandidati u dawk potenzjalment kandidati għandhom jiġu ttrattati skont il-merti proprji tagħhom; |
B. |
billi d-Djalogu ta' Livell Għoli dwar l-Adeżjoni (HLAD) ġab dinamiżmu ġdid għall-proċessi ta' riforma fil-pajjiż; |
C. |
billi l-adeżjoni mal-UE hija fundamentali għall-istabilità fit-tul tal-pajjiż u għal relazzjonijiet interetniċi tajba; |
D. |
billi l-Kunsill Ewropew iddeċieda għar-raba' sena konsekuttiva li ma jiftaħx in-negozjati tal-adeżjoni mal-pajjiż minkejja r-rakkomandazzjoni pożittiva tal-Kummissjoni f'dan ir-rigward; billi dan il-posponiment ulterjuri qiegħed iżid mal-frustrazzjoni li qiegħda dejjem tikber tal-opinjoni pubblika fil-pajjiż dwar l-istaġnar tal-proċess ta' integrazzjoni u jirriskja li jkabbar il-problemi nazzjonali u t-tensjoni interna; billi l-kwistjonijiet bilaterali ma għandhomx jirrappreżentaw ostakolu għall-ftuħ uffiċjali tan-negozjati ta' adeżjoni għalkemm għandhom jiġu solvuti qabel tmiem il-proċess ta' adeżjoni; |
E. |
billi l-pajjiż lest li jniedi n-negozjati ta' adeżjoni mal-UE; |
F. |
billi l-kooperazzjoni reġjonali u r-relazzjonijiet ta' bon viċinat għadhom partijiet essenzjali tal-proċess ta' tkabbir; |
G. |
billi l-kwistjonijiet bilaterali għandhom jiġu indirizzati bi spirtu kostruttiv waqt li jitqiesu l-interessi u l-valuri ġenerali tal-UE; |
Kunsiderazzjonijiet ġenerali
1. |
Itenni l-appell tiegħu lill-Kunsill biex jiffissa data għall-ftuħ tan-negozjati ta' adeżjoni mingħajr iżjed dewmien; |
2. |
Jiddispjaċih li, għar-raba' sena konsekuttiva, waqt l-aħħar laqgħa tiegħu tal-11 ta' Diċembru 2012 il-Kunsill iddeċieda li ma jilqax ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni u għadu ma fetaħx in-negozjati ta' adeżjoni; iqis madankollu li l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew, unanimament approvati għal deċiżjoni bi żmien limitat abbażi ta' rapport ġdid tal-Kummissjoni, jirrappreżentaw pass 'il quddiem awtentiku, filwaqt li jirrikonoxxu l-importanza tal-progress suffiċjenti fir-rigward ta' oqsma fundamentali kif imniżżel fil-konklużjonijiet ta' Diċembru 2012 tal-Kunsill Ewropew; jifraħ lill-Kummissarju inkarigat mit-Tkabbir tal-inizjattivi tiegħu u jistiednu jinkludi fir-rapport imminenti tiegħu valutazzjoni tal-kost li jiġġenera n-nuqqas ta' tkabbir, inklużi r-riskji ewlenin għall-pajjiż f'każ ta' titwil tal-istatus quo; jilqa’ r-rapport tar-Rebbiegħa tas-16 ta’ April 2013 mill-Kummissjoni Ewropea u jistieden lill-Presidenza Irlandiża twettaq diplomazija intensa biex tikseb riżultat sodisfaċenti mmirat għal deċiżjoni tal-Kunsill biex jinfetħu n-negozjati qabel tmiem Ġunju 2013; |
3. |
Jissottolinja l-fatt li r-relazzjonijiet ta' bon viċinat huma pilastru essenzjali għall-proċess ta' adeżjoni tal-UE; jilqa' favorevolment ir-rwol ġenerali kostruttiv tal-pajjiż fir-rigward tar-relazzjonijiet ma' pajjiżi oħra ta' tkabbir; jinkoraġġixxi l-iskambji diplomatiċi kostanti li saru bejn Ateni, Sofja u Skopje u jisħaq fuq l-importanza li l-partijiet kollha juru impenn adegwat lejn “relazzjonijiet ta' bon viċinat” abbażi speċjalment tal-ħbiberija u tar-rispett reċiproċi, tad-djalogu kostruttiv u tax-xewqa awtentika għar-riżoluzzjoni tan-nuqqas ta' qbil u għat-tegħlib tal-ostilitajiet; jappella biex jiġu evitati ġesti, dikjarazzjonijiet u azzjonijiet li jista' jkollhom impatt negattiv fuq ir-relazzjonijiet ta' bon viċinat; jilqa' pożittivament f'dan ir-rigward l-ewwel laqgħa li saret reċentement bejn ir-rappreżentanti tal-gvernijiet ta' Skopje u ta' Sofja mmirat lejn il-possibilità li jiġi ffirmat ftehim bejn iż-żewġ pajjiżi; iħeġġeġ lill-Kummissarju inkarigat mit-Tkabbir jagħti attenzjoni partikolari lir-rapport tiegħu lill-kwistjoni tar-“relazzjonijiet ta' bon viċinat”; jitlob ukoll kollaborazzjoni soċjokulturali akbar fid-dawl tat-tisħiħ tar-rabtiet bejn il-popli tar-reġjun; |
4. |
Itenni l-pożizzjoni tiegħu li l-kwistjonijiet bilaterali għandhom jiġu indirizzati kemm jista' jkun kmieni fil-proċess ta' adeżjoni, bi spirtu kostruttiv u ta' bon viċinat u preferibbilment qabel il-ftuħ tan-negozjati ta' adeżjoni; itenni l-fehma tiegħu li l-kwistjonijiet bilaterali ma għandhomx jiġu evokati biex ixekklu l-proċess ta'adeżjoni mal-UE; |
5. |
Jinsisti li l-pajjiżi kollha kandidati u dawk potenzjalment kandidati għandhom jiġu ttrattati skont il-merti proprji tagħhom fil-proċess ta' integrazzjoni; |
6. |
Jemmen bis-saħħa li l-bidu tan-negozjati jista' hu stess jikkostitwixxi “żvolta”, billi joffri impuls pożittiv u strument effikaċi biex jitkomplew ir-riformi, titjieb is-sitwazzjoni interna, jiġi aġevolat id-djalogu interetniku u jiġu promossi relazzjonijiet favorevoli mal-ġirien; |
7. |
Jikkunsidra li d-Djalogu ta' Livell Għoli dwar l-Adeżjoni (HLAD) ikkostitwixxa strument importanti biex jiżblokka l-istall eżistenti u jnissel dinamiżmu mġedded fil-proċess ta' adeżjoni mal-UE; jilqa' pożittivament il-progress li sar f'aktar minn 75 % tal-oqsma politiċi identifikati; itenni l-importanza ta' implimentazzjoni totali u irreversibbli; jisħaq fuq il-fatt li l-HLAD ma jissostitwixxix in-negozjati ta' adeżjoni; jistieden lill-Kunsill jitlob lill-Kummissjoni tibda l-proċess ta' “screening” malajr kemm jista' jkun sabiex tippermetti aktar progress; |
8. |
Jilqa' pożittivament u jsostni totalment il-ftehim ta' dan l-aħħar li wassal għall-iżblokk tal-istall fl-iżviluppi politiċi interni fil-pajjiż u jqis li dan il-ftehim se jippermetti aktar progress lejn l-adeżjoni mal-UE qabel id-diskussjonijiet tal-Kunsill Ewropew; jistieden liż-żewġ partijiet ikomplu d-djalogu politiku u jisħaq fuq il-bżonn ta' sostenn u involviment trasversali fl-aġenda tal-UE; jissottolinja l-fatt li l-parlament nazzjonali jikkostitwixxi istituzzjoni demokratika fundamentali għad-diskussjoni u għar-riżoluzzjoni tad-differenzi politiċi u jitlob lill-forzi politiċi kollha fil-pajjiż jaġixxu f'dan l-ispirtu u jirrispettaw il-proċeduri tagħha u l-valuri demokratiċi li fuqhom tissejjes; isostni l-inizjattivi li wassalu għal titjieb tal-funzjonament tal-parlament, inkluża l-proposta biex tinħoloq Kummissjoni ta' Inkjesta bil-għan li tistabbilixxi r-responsabilità għall-fatti tal-24 ta' Diċembru 2012, tifformula rakkomandazzjonijiet ulterjuri għal riforma globali tal-proċeduri tal-parlament fuq bażi verament transpartitika, ittejjeb l-awtorità, l-indipendenza u l-leġittimità tal-parlament u tipprevjeni kwalunkwe ripetizzjoni ta' tali inċidenti; jistieden lill-awtoritajiet joħolqu l-Kummissjoni ta' Inkjesta immedjatament, biex din tkun tista' tagħti bidu għall-ħidma importanti tagħha biex il-pajjiż jerġa’ jkollu proċess politiku normali; jiddispjaċih li l-ġurnalisti tkeċċew ukoll mill-parlament u jappella għall-issuktar tad-djalogu bejn il-gvern u l-Assoċjazzjoni tal-Ġurnalisti f'kundizzjonijiet li l-ġurnalisti stess jistgħu jafdaw u joqogħdu fuqhom; |
9. |
Jesprimi tħassib kbir rigward it-tensjonijiet fir-relazzjonijiet interetniċi matul is-sena; iqis li d-djalogu politiku msaħħaħ huwa essenzjali fit-tkomplija tal-progress lejn soċjetà paċifika, multietnika, multikulturali u multikonfessjonali u fl-eliminazzjoni tar-riskju ta' polarizzazzjoni tas-soċjetà skont diviżjonijiet etniċi; jikkundanna enerġikament kull inċident u sinjal ta' intolleranza bbażati fuq raġunijiet etniċi; |
10. |
Jilqa' b'sodisfazzjon ir-rapport tal-gvern dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim Qafas ta' Ohrid (OFA) u jistenna li r-rapport jiġi ppreżentat b'mod pubbliku sabiex jiġġenera appoġġ soċjali u politiku wiesgħa għall-futur multietniku tal-pajjiż; jinkoraġġixxi lill-gvern jgħaddi malajr għall-fażi li jmiss tar-rieżami; |
11. |
Jilqa' favorevolment il-Programm għad-Deċentrament 2011-14 u jappella għall-implimentazzjoni totali tal-Liġi dwar l-Iżvilupp Reġjonali; jinkoraġġixxi lill-gvern ikompli d-deċentrament fiskali bl-objettiv fit-terminu medju li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jkollhom il-possibilità li jonqfu ta' 9 % tal-PDG; ifaħħar ix-xogħol tal-Programm ta' Żvilupp tan-Nazzjonijiet Uniti (UNDP) u l-komunità usa' tad-donaturi f'kollaborazzjoni mal-gvern bil-għan li tinbena l-kapaċità tal-gvern lokali biex tiġi żgurata governanza tajba u aċċess ugwali għaċ-ċittadini kollha; |
12. |
Jilqa' favorevolment l-isforzi tal-awtoritajiet biex jinqatgħu mill-passat ta' komuniżmu, id-divulgazzjoni pubblika tal-ismijiet tal-aġenti affiljati mal-ex servizzi sigrieti Jugoslavi u l-proroga tat-terminu tal-applikabbiltà tal-Liġi dwar it-Tisfija sakemm tiġi adottata l-Liġi dwar l-Aċċess Liberu għall-Informazzjoni Pubblika; fl-istess ħin, iħeġġeġ lill-awtoritajiet jiksbu l-arkivji tas-servizzi sigrieti Jugoslavi mis-Serbja u jinkludu fil-proċess ta' tisfija l-persunal tas-servizzi ta' intelligence u kontrospjonaġġ; iħeġġeġ it-tisħiħ tal-mandat tal-Kummissjoni għall-Verifika tad-Data billi jiġu trasferiti d-dokumenti neċessarji kollha mis-servizzi ta' intelligence u kontrospjonaġġ għar-reċinti tal-Kummissjoni fuq bażi permanenti; jisħaq fuq il-bżonn ta' riforma tas-settur tas-sigurtà u t-tisħiħ tas-superviżjoni parlamentari fuq is-servizzi ta' intelligence u kontrospjonaġġ; |
13. |
Jemmen li soċjetà multietnika tista' tinkiseb bl-aħjar mod permezz ta' djalogu politiku msaħħaħ, tmexxija bbażata fuq l-eżempju li turi aċċettazzjoni u tolleranza lejn etniji oħra, u sistema edukattiva li tgħallem il-valuri ta' soċjetà multietnika; jilqa' favorevolment, għalhekk, il-proġett edukattiv multietniku tal-gvern u jistieden lill-iskejjel kollha jsegwu l-eżempju ta' pijunieri bħal dawk ta' Kumanovo li qegħdin jipprovaw itemmu l-edukazzjoni separata tal-komunitajiet etniċi differenti; |
14. |
Jinkoraġġixxi enerġikament lill-awtoritajiet u lis-soċjetà ċivili jieħdu miżuri xierqa għar-rikonċiljazzjoni storika bil-għan li titneħħa l-firda bejn u fi ħdan id-diversi gruppi etniċi u nazzjonali, inklużi ċ-ċittadini ta' identità Bulgara; itenni l-appell tiegħu biex isir progress pożittiv waqt ċelebrazzjonijiet konġunti ta' avvenimenti u personaġġi komuni mal-Istati Membri tal-UE ġirien; iħeġġeġ it-tentattivi għat-twaqqif ta' kumitati esperti konġunti dwar l-istorja u l-edukazzjoni, bl-għan li jikkontribwixxu għal interpretazzjoni tal-istorja oġġettiva u bbażata fuq il-fatti, it-tisħiħ tal-kooperazzjoni akkademika u l-promozzjoni ta' attitudnijiet pożittivi fiż-żgħażagħ fir-rigward tal-ġirien tagħhom; iħeġġeġ lill-awtoritajiet jintroduċu materjali didattiċi ħielsa minn interpretazzjonijiet ideoloġiċi tal-istorja u mmirati lejn it-titjib tal-fehim reċiproku; josserva bi tħassib il-fenomenu tal-“antikizzazzjoni”; jinsab konvint li l-kultura u l-arti għandhom jintużaw biex ilaqqgħu aktar mill-qrib lin-nies aktar milli jifirduhom; iħeġġeġ lill-gvern jibgħat sinjali ċari lill-pubbliku u lill-mezzi ta' komunikazzjoni li d-diskriminazzjoni abbażi tal-identità nazzjonali mhijiex tollerata fil-pajjiż, inkluż fir-rigward tas-sistema ġudizzjarja, fil-mezzi ta' komunikazzjoni, fl-impjiegi u fl-opportunitajiet soċjali; jissottolinja l-importanza ta' dawn l-azzjonijiet għall-integrazzjoni tad-diversi komunitajiet etniċi u l-istabilità u l-integrazzjoni Ewropea tal-pajjiż; |
15. |
Jilqa' favorevolment il-progress fit-tisħiħ tal-qafas normattiv fil-qasam tal-ġustizzja għat-tfal, inklużi l-emendi tal-liġi dwar il-ġustizzja tal-minorenni, it-twaqqif ta' sistema ta' monitoraġġ u l-iżvilupp ta' strateġija nazzjonali għall-prevenzjoni tad-delinkwenza fost il-minorenni; jinnota bi tħassib in-nuqqasijiet li fadal fil-protezzjoni tat-tfal vittmi ta' delitti, b'mod partikolari l-vittmi ta' abbużi, minħabba nuqqas ta' riżorsi, il-kapaċità limitata tal-persunal professjonali u n-nuqqas ta' sistema ta' rispons effikaċi għat-tfal vittmi; jitlob titjib fir-riżorsi finanzjarji u umani taċ-ċentri ta' xogħol soċjali u l-ħolqien ta' timijiet multifunzjonali li jipprovdu servizzi ta' rkupru, riabilitazzjoni u reintegrazzjoni għat-tfal vittmi; |
Relazzjonijiet ta' bon viċinat u l-kwistjoni tal-isem
16. |
Ikompli jiddispjaċih li l-inkapaċità li tissolva t-tilwima tal-isem imblokkat it-triq tal-pajjiż lejn l-adeżjoni mal-UE; jaqbel mal-Kunsill Ewropew li l-kwistjoni tal-isem teħtieġ tinġieb f'konklużjoni definittiva mill-aktar fis possibbli miż-żewġ naħat u li d-Deċiżjoni tal-Aja, li hija parti mid-dritt internazzjonali, teħtieġ tidħol fis-seħħ; jappoġġa bis-sħiħ l-isforzi tal-mibgħut speċjali tan-NU biex tintlaħaq soluzzjoni aċċettata minn kulħadd; jilqa' pożittivament il-proposta mressqa mill-Kummissarju inkarigat mit-Tkabbir dwar laqgħa trilaterali bejn Skopje, Ateni u Brussell; huwa tal-fehma li tali inizjattiva tista' tgħin biex tagħti spinta lin-negozjati mmexxija min-NU; jilqa' favorevolment l-ispinta ġġenerata għal Memorandum ta' Qbil u l-kuntatt reċenti mal-medjatur tan-NU; jistieden lill-partijiet kollha jaħtfu l-opportunità biex din l-azzjoni tirnexxi, jidħlu fi djalogu kostruttiv bil-għan li jsibu soluzzjoni u jiżblokkaw din is-sitwazzjoni; huwa tal-fehma li l-mexxejja tal-pajjiż u l-Unjoni Ewropea għandhom jispjegaw lill-pubbliku l-benefiċċji ta' soluzzjoni meta din tintlaħaq qabel ir-referendum dwar il-kwistjoni; |
17. |
Itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jibdew jiżviluppaw, bi qbil mat-Trattati tal-UE, mekkaniżmu ta' arbitraġġ ġeneralment applikabbli mmirat li jsolvi l-kwistjonijiet bilaterali bejn il-pajjiżi tat-tkabbir u l-Istati Membri; |
18. |
Jilqa' pożittivament l-użu tat-terminu “Maċedoni” fir-Rapport ta' Progress tal-2012 fir-rispett tad-diversi lingwi, identitajiet u kulturi tal-pajjiż, u l-Istati Membri tal-UE tal-viċinat; |
Kriterji politiċi
19. |
Jaqbel mal-valutazzjoni tal-Kummissjoni li l-pajjiż għadu jissodisfa l-kriterji politiċi; |
20. |
Jappella għat-tisħiħ tar-rwol ta' viġilanza tal-Parlament fil-konfront tal-gvern u għat-titjib tal-Kodiċi Elettorali u għaż-żieda tat-trasparenza tal-finanzjament tal-partiti politiċi; jenfasizza, f'dan ir-rigward, li r-rakkomandazzjonijiet OSKE/ODIHR maħruġa wara l-elezzjonijiet parlamentari tal-2011 ġew parzjalment implimentati biss u jistieden, dawn ir-rigward, lill-gvern jemenda l-liġijiet biex jimplimentaw totalment ir-rakkomandazzjonijiet, anke rigward ir-reviżjoni u l-aġġornament tal-roll elettorali; |
21. |
Jilqa' b'sodisfazzjoni l-isforzi kontinwi fl-avvanzament tal-qafas leġiżlattiv għas-servizz ċivili u pubbliku u l-proċeduri amministrattivi, prinċipalment fir-rigward tal-Liġi dwar il-Ħaddiema Amministrattivi u l-Liġi dwar il-Proċeduri Amministrattivi Ġenerali; jitlob aktar sforzi bil-għan li jiġu garantiti t-trasparenza, l-imparzjalità u l-professjonalità tal-amministrazzjoni pubblika, jiġi żgurat ir-reklutaġġ meritokratiku u jissaħħu l-kontroll finanzjarju, l-ippjanar strateġiku u l-ġestjoni tar-riżorsi umani; |
22. |
Jitlob aktar sforzi biex jiggarantixxu l-indipendenza u l-imparzjalità tal-ġudikatura; iqis bħala importanti d-definizzjoni ta' rekwiżiti ċari għat-destituzzjoni tal-imħallfin bil-għan li jiġu eliminati r-riskji għall-indipendenza tal-ġudikatura; jilqa' pożittivament il-progress fit-tnaqqis ġenerali tal-kawżi akkumulati fil-qrati, iżda jħeġġeġ provvedimenti li jittrattaw l-akkumulu fi ħdan il-Qorti Suprema u l-Qorti Amministrattiva; iħeġġeġ ir-razzjonalizzazzjoni progressiva tan-netwerk tal-qrati u l-appoġġ kontinwu lill-Akkademja tal-Imħallfin u l-Prosekuturi, fid-dawl tar-rwol ewlieni tagħha fl-iżgurar li jitkomplew it-taħriġ, l-iżvilupp professjonali u r-reklutaġġ ibbażat fuq il-mertu; |
23. |
Jilqa' favorevolment l-isforzi biex tiżdied l-effiċjenza u t-trasparenza fis-sistema tal-qorti u b'mod partikolari l-pubblikazzjoni tas-sentenzi tal-qrati fil-livelli kollha fis-siti rispettivi tagħhom; jenfasizza l-ħtieġa li jinħoloq reġistru tal-infurzar għal każijiet ta' prosekuzzjonijiet u kundanni li permezz tiegħu jista' jitkejjel il-progress; jitlob l-unifikazzjoni tal-ġurisprudenza, biex jiġu żgurati sistema ġudizzjarja prevedibbli u l-fiduċja pubblika; |
24. |
Jappoġġa t-Task Force Investigattiva Speċjali (SITF) tal-EULEX u jinkoraġġixxi l-pajjiż jikkoopera bis-sħiħ ma' u jassisti lill-SITF f'xogħolha; |
25. |
Jilqa' b'sodisfazzjon it-tisħiħ tal-qafas ġuridiku kontra l-korruzzjoni, inklużi t-tibdiliet lil-Liġi dwar il-Kunflitti ta' Interess, iżda jinsab imħasseb li l-korruzzjoni għadha mifruxa kemm fil-pajjiż kif ukoll fir-reġjun kollu kemm hu; jitlob sforzi akbar rigward l-implimentazzjoni tal-liġijiet attwalment fis-seħħ u jħeġġeġ sforzi kontinwi biex jiġi stabbilit reġistru tal-kundanni fil-każijiet ta' profil għoli; jilqa' favorevolment il-programm sostnut mill-OSKE kontra l-korruzzjoni, il-proġett PrijaviKorupcija.org li jippermetti r-rapportar tal-korruzzjoni permezz ta' messaġġ SMS u d-dikjarazzjoni ta' għaxar sindki fir-rigward tat-tolleranza żero fil-konfront tal-korruzzjoni fil-muniċipalitajiet tagħhom; |
26. |
Josserva li, filwaqt li s-sentenzi għal reati relatati mall-korruzzjoni huma aktar ħorox, l-ordnijiet għal sekwestru u l-konfiska tal-beni jibqgħu eċċezzjoni; huwa tal-fehma li s-sekwestu u l-konfiska tal-beni huma strumenti kruċjali għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata; jistieden lill-awtoritajiet tal-pajjiż jinfurzaw bis-sħiħ id-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Kriminali tagħhom dwar il-konfiska estiża, l-arrikkiment illeċitu u r-responsabilità kriminali ta' persuni ġuridiċi; |
27. |
Ifaħħar l-emendi għal-Liġi dwar il-Finanzjament tal-Partiti Politiċi; josserva b'mod partikolari r-rwol ewlieni tal-Uffiċċju Statali tal-Awditjar fis-superviżjoni tal-finanzjament politiku; jistieden lill-awtoritajiet tal-pajjiżi jagħtu lill-Uffiċċju Statali tal-Awditjar b'mezzi suffiċjenti biex jippermettu kontroll proattiv u bir-reqqa tal-finanzjament tal-partiti jew tal-kampanji kif ukoll għat-titjib b'mod sinifikanti tat-trasparenza tal-infiq pubbliku u tal-finanzjament tal-partiti politiċi; |
28. |
Josserva li l-attivitajiet għall-ħolqien ta' Bażi tad-Data ta' Intelligence Nazzjonali għadhom għaddejjin; jinkoraġġixxi lill-awtoritajiet ilestu l-proċedura ta' sejħa għall-offerti u jiddeċiedu min se jistabbilixxi l-Bażi tad-Data ta' Intelligence Nazzjonali malajr kemm jista' jkun sabiex jagħtu appoġġ sħiħ lill-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, il-korruzzjoni, il-frodi, il-ħasil tal-flus u reati gravi oħra, inklużi dawk transkonfinali; |
29. |
Jilqa' pożittivament id-depenalizzazzjoni legali tal-malafama u d-djalogu dejjem aktar fil-fond bejn il-gvern u l-ġurnalisti dwar kwistjonijiet marbuta mal-libertà ta' espressjoni; jistieden lill-awtoritajiet ikomplu jsaħħu u jippromwovu l-libertà tal-informazzjoni u l-pluraliżmu tal-mezzi tal-komunikazzjoni, li għandha tkun ħielsa minn kull forma ta' influwenza politika jew finanzjarja u trid tkun applikata kontinwament; jesprimi tħassib, madankollu, li l-pajjżi niżel fl-Indiċi ta' Libertà ta' “Ġurnalisti mingħajr fruntieri” u jitlob aktar sforzi favur it-tisħiħ tal-istandards professjonali fil-ġurnaliżmu u fil-ġurnaliżmu investigattiv, il-promozzjoni tal-pluraliżmu tal-mezzi tal-komunikazzjoni, l-indipendenza tax-xandar tas-servizz pubbliku, l-eżegwibilità tad-drittijiet ta' impjieg tal-ħaddiema fil-mezzi tal-komunikazzjoni, it-trasparenza tas-sjieda tal-midja, is-sostenibilità u l-konformità mal-istandards Ewropej; josserva bi tħassib l-awtoċensura mifruxa fost il-ġurnalisti u n-nuqqas ta' organizzazzjoni tal-midja awtoregolatorja; jesprimi tħassib li l-maġġoranza tar-reklamar iffinanzjat mill-gvern huwa mmirat lejn il-mezzi tal-komunikazzjoni favur il-gvern; isostni lill-attivisti tal-mezzi tal-komunikazzjoni soċjali li eżerċitaw pressjoni kontra ċ-ċensura tal-Internet; |
30. |
Jinsab imħasseb dwar in-nuqqas ta’ rappurtar analitiku u oġġettiv tal-mezzi tax-xandir fil-ġimgħat qabel l-elezzjonijiet lokali f’Marzu 2013, b’mod partikolari fir-rigward tal-attivitajiet tal-oppożizzjoni, li r-rappurtar dwarhom waqt il-kampanja kien kważi non-eżistenti kemm fil-mezzi tax-xandir statali kif ukoll f'dawk privati; jenfasizza li midja viġilanti u professjonali hija fattur indispensabbli għall-iżvilupp ulterjuri ta’ kultura u instituzzjonijiet demokratiċi fil-pajjiż u għat-twettiq tal-kriterji politiċi; |
31. |
Josserva li s-sentenza El-Masri tal-Awla Manja tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tat-13 ta' Diċembru 2012 irrikonoxxiet ksur multiplu tal-Konvenzjoni Ewropea dwar is-sekwestru, il-konsenja straordinarja u t-tortura ta' ċittadin Ġermaniż Khaled El-Masri fil-31 ta' Diċembru 2003 u d-detenzjoni tiegħu għal 23 ġurnata f'lukanda fi Skopje qabel ma ġie trasferit mill-ajruport ta' Skopje għall-Afganistan; jistieden lill-gvern jottempera mingħajr dewmien mal-aspetti kollha tas-sentenza tal-QEDB, billi jagħti dikjarazzjoni uffiċjali ta' skuża lis-sur El-Masri, il-ħlas ta' kumpens ordnat mill-qorti u billi jieħu l-impenn li joħloq kummissjoni ta' inkjesta internazzjonali; |
32. |
Jilqa' b'sodisfazzjon il-Liġi l-ġdida dwar l-Opportunitajiet Indaqs, l-istrateġija għall-ewwel ħames snin dwar l-gender-budgeting (inklużjoni tad-dimensjoni tal-ġeneru fil-baġit) li ġiet żviluppata bi sħubija mal-UN Women, il-finanzjament allokat għall-pjan ta' azzjoni għall-inklużjoni tar-Rom u l-proġett li jgħin lir-Rom jillegalizzaw djarhom; japprezza l-ftuħ tal-uffiċċju l-ġdid ta' sostenn għall-komunità LGBT iżda jesprimi tħassib dwar l-att ta' vandaliżmu kommess kontrih; iħeġġeġ lill-gvern ikompli bl-isforzi tiegħu biex isaħħaħ il-politiki kontra d-diskriminazzjoni, b'mod speċjali dawk relatati mad-diskrimazzjoni bbażata fuq l-etnija kif ukoll fuq l-identità nazzjonali; |
33. |
Jistieden lill-ministri u lill-uffiċjali jikkundannaw pubblikament id-diskriminazzjoni kontra l-persuni LGBT, jiggarantixxu li l-Gay Pride ippjanat jew attivitajiet oħrajn tal-komunità LGBT jkunu jistgħu jsiru mingħajr periklu u b'suċċess u jimpenjaw ruħhom favur in-nondiskriminazzjoni fuq kull raġuni msemmija fit-Trattat tal-UE; jistieden lill-mezzi tal-komunikazzjoni jastjenu mir-retorika anti-LGBT, inklużi d-diskors ta' mibegħda u l-inċitament għall-mibegħda; |
34. |
Jinsab imħasseb dwar każijiet ta' trattament ħażin mill-pulizija; jitlob taħriġ kontinwu, professjonalizzazzjoni u depolitiċizzazzjoni tal-persunal tal-pulizija; jemmen li mekkaniżmu indipendenti ta' superviżjoni għall-aġenziji inkarigati mill-eżekuzzjoni tal-liġi huwa meħtieġ għall-ġlieda kontra l-impunità u biex jiġu żgurati servizzi tal-pulizija demokratiċi u responsabbli; |
35. |
Jisħaq fuq il-fatt li r-reġim ta' eżenzjoni mill-obbligu tal-viża fl-ivvjaġġar mogħti liċ-ċittadini tal-pajjiż u tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent kollha jirrappreżenta benefiċċju importanti ħafna fil-proċess ta' integrazzjoni fl-UE u inċentiv b'saħħtu ħafna għall-aċċelerazzjoni tar-riformi fil-qasam tal-ġustizzja u l-intern; |
36. |
Jistieden lill-awtoritajiet jieħdu miżuri u jikkooperaw mal-Istati Membri tal-UE biex jipprevjenu talbiet għall-asil mhux xierqa miċ-ċittadini tal-pajjiż fl-UE, filwaqt li jiggarantixxu d-dritt li jivvjaġġaw f'reġim ta' eżenzjoni tal-viżi għaċ-ċittadini kollha u jipprevjenu kull diskriminazzjoni jew stigmatizzazzjoni tar-Rom u tal-persuni minn gruppi ta' minoranza etnika; jistieden lill-gvernijiet tal-Istati Membri ma jikkontestawx u ma jxekklux l-eżenzjoni mill-obbligu tal-viża fl-ivvjaġġar taċ-ċittadini tal-pajjiż iżda jħeġġeġ lill-awtoritajiet jimplimentaw politiki li joffru liċ-ċittadini kollha futur deċenti f'pajjiżhom; |
37. |
Filwaqt li japprezza n-numru għoli ta' parlamentari nisa meta mqabbel ma' ċerti Stati Membri, għadu mħasseb dwar il-parteċipazzjoni baxxa tan-nisa fis-suq tax-xogħol; jistieden lill-awtoritajiet isaħħu s-servizzi tat-tħaris tat-tfal għal dawk it-tfal b'diżabilitajiet, għat-tfal tat-triq, għat-tfal li jagħmlu użu mid-drogi u t-tfal li huma vittmi tal-vjolenza domestika, abbuż sesswali jew traffikar; |
38. |
Jilqa' pożittivament il-progress kontinwu li għamlet il-Kummissjoni għall-Protezzjoni kontra d-Diskriminazzjoni; jitlob li din ikollha t-totalità tal-persunal, u jemmen li l-fatt li din tkun aċċettata min-Netwerk Ewropew tal-korpi ta' promozzjoni tal-ugwaljanza sservi ta' eżempju ta' promozzjoni tal-adeżjoni mal-UE permezz tal-integrazzjoni tagħhom stess fin-netwerks Ewropej rilevanti għall-aġenziji u għall-organizzazzjonijiet l-oħra; |
Soċjetà ċivili
39. |
Iqis li l-iżvilupp ta' kultura politika li tibbenefika minn soċjetà ċivili indipendenti, pluralistika, interetnika, interkulturali u mhux partiġġjana hija fundamentali għat-tkomplija tal-progress demokratiku fil-pajjiż u li l-konstatazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jistgħu jarrikkixxu il-possibilitajiet għal tfassil ta' politiki bbażat fuq il-provi; jenfasizza li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (OSĊ) jeħtieġu li jissaħħu, isiru indipendenti mill-interessi politiċi u jintensifikaw il-proġetti konġunti tagħhom għall-ġid reċiproku ma' tali organizzazzjonijiet mill-pajjiżi ġirien u, b'mod aktar ġenerali, mill-UE kollha; |
40. |
Jilqa' b'sodisfazzjon il-konsultazzjoni li saret mal-OSĊ fir-rigward tal-modifiki għal-liġijiet dwar l-assistenza ġudizzjarja u l-fondazzjonijiet; jappella għal konsultazzjoni sħiħa u f'waqtha mas-soċjetà ċivili dwar l-inizjattivi politiċi kollha rilevanti, inkluż id-Djalogu ta' Livell Għoli dwar l-Adeżjoni, u għall-inklużjoni fil-gruppi ta' ħidma governattivi kollha rilevanti ta' membri osservaturi mis-soċjetà ċivili magħżula b'mod trasparenti; |
41. |
Jenfasizza r-rwol kruċjali li jista' jiżvolġu l-OSĊ biex jagħmlu l-proċess ta' integrazzjoni mal-UE aktar trasparenti, responsabbli u inklużiv; |
42. |
Iqis li l-istudju parlamentari dwar l-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA) juri bżonn ta' impenn, min-naħa tal-gvern, favur l-objettivi ta' sħubija mas-soċjetà ċivili u ta' ħolqien ta' fond nazzjonali biex iforni kofinanzjament bil-għan li l-OSĊ jitħallew jipparteċipaw bis-sħiħ fil-programmi ffinanzjati mill-UE; jistieden lill-OSĊ jinvolvu ruħhom totalment fid-deċiżjonijiet dwar il-programmazzjoni tal-IPA li jmiss; |
Kwistjonijiet ekonomiċi
43. |
Ifaħħar lill-pajjiż talli żamm l-istabilità makroekonomika; josserva, madankollu, li d-dejn tas-settur pubbliku żdied, il-kwalità tal-governanza fiskali ddeterjorat u t-tnaqqis ekonomiku globali ħalla effett negattiv fuq l-investiment dirett barrani lejn il-pajjiż; |
44. |
Jilqa' favorevolment il-miżuri leġiżlattivi għat-tisħiħ tal-ambjent tan-negozju u l-azzjoni kontinwa bil-għan li jiġu żviluppati strateġiji makrofiskali għal żmien medju; iħeġġeġ lill-forzi politiċi jiftħu djalogu politiku trasparenti dwar is-sitwazzjoni fiskali u l-obbligi ta' kreditu tal-pajjiż; |
45. |
Josserva bi tħassib li l-qgħad għadu għoli ħafna, u l-qgħad fost iż-żgħażagħ huwa fost l-ogħla fid-dinja kollha u li l-impjieg tan-nisa għadu baxx ħafna; japprezza l-pjan ta' azzjoni dwar il-qgħad fost iż-żgħażagħ żviluppat flimkien mal-programm “Xogħol Deċenti” tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO); jistieden lill-gvern itejjeb il-koordinament bejn il-korpi li jeżegwixxu r-regoli tax-xogħol u jkompli fuq it-taħriġ konġunt organizzat mill-Konfederazzjoni Ewropea tat-Trade Unions (KETU) biex isaħħaħ il-kapaċitajiet tas-sħab soċjali bil-għan li jinvolvu ruħhom fi djalogu soċjali effikaċi; huwa tal-fehma li investiment ulterjuri fit-tisħiħ tar-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u l-kapaċità innovattiva huwa meħtieġ sabiex jiġi ffaċilitat il-bini ta' ekonomija bbażata fuq l-għarfien; |
46. |
Jilqa' pożittivament il-progress li sar fil-modernizzazzjoni tan-netwerks tat-trasport, tal-enerġija u tat-telekomunikazzjonijiet u, b'mod partikolari, l-isforzi biex jitlesta l-Kuritur X (2); fid-dawl tal-importanza tal-kollegamenti ferrovjarji fil-qafas ta' sistema sostenibbli ta' trasport, jilqa' pożittivament l-intenzjoni tal-gvern li jimmodernizza jew jibni kollegamenti ferrovjarji minn Skopje sal-kapitali tal-pajjiżi ġirien u jappella għal aktar progress, inkluża l-finalizzazzjoni tal-finanzjament tal-kollegamenti ferrovjarji fi ħdan il-Kuritur VIII (3); |
47. |
Jenfasizza l-importanza li jinħoloq mekkaniżmu ta' konsulenza bejn il-gvern u l-kumpaniji privati meta jittieħdu d-deċiżjonijiet dwar il-ġlieda kontra l-kriżi ekonomika; isostni wkoll li tali mekkaniżmu jista' jkun soluzzjoni għall-aġġustament tas-sistema edukattiva skont il-bżonnijiet tas-suq, li jista' jnaqqas il-qgħad fost iż-żgħażagħ; |
48. |
Jieħu nota tal-isforzi tal-gvern li jibni mill-ġdid l-infrastruttura stradali lokali fil-pajjiż, bil-għan li jitjiebu t-turiżmu alternattiv u l-ħajja taċ-ċittadini; jinkoraġġixxi, f'dan ir-rigward, lill-pajjiż jieħu approċċ aktar dinamiku fil-proġetti ta' żvilupp reġjonali fl-ambitu tal-IPA li se jżidu l-kooperazzjoni transkonfinali u l-kollegamenti fost il-pajjiżi tar-reġjun; |
49. |
Josserva li huma meħtieġa sforzi sinifikanti fil-qasam tal-ambjent u b'mod partikolari fl-oqsma tal-kwalità tal-ilma, il-ħarsien tan-natura u l-kontroll tat-tniġġis industrijali u l-ġestjoni tar-riskju; jenfasizza l-fatt li ma jista' jsir l-ebda progress sostanzjali mingħajr it-tisħiħ adegwat tal-kapaċità amministrattiva; jistieden lill-gvern tal-pajjiż jieħu l-passi meħtieġa f'dan ir-rigward; |
50. |
Itenni l-potenzjal tal-enerġija rinnovabbli għall-pajjiż u jilqa' favorevolment il-fatt li l-progress li qed isir b'21 konċessjoni ġdida għal impjanti idroelettriċi żgħar diġà garantiti, impjant idroelettriku li diġà qed jopera u x-xogħol għaddej fuq il-kostruzzjoni ta' park eoliku; jistieden lill-gvern iżid il-livell ta' dibattitu pubbliku fuq l-impatt tat-tibdil fil-klima u għal aktar sforzi għall-konformità tal-leġiżlazzjoni nazzjonali mal-acquis tal-UE f'dan il-qasam u jimplimenta l-leġiżlazzjoni nazzjonali, b'mod speċjali dwar il-ġestjoni tal-ilma, il-kontroll tat-tniġġis industrijali, il-ħarsien tan-natura u t-tibdil fil-klima; jenfasizza l-ħtieġa li tissaħħaħ il-kapaċità amministrattiva kemm fil-livell ċentrali kif ukoll f'dak lokali; |
51. |
Iħeġġeġ lill-awtoritajiet iżidu l-isforzi tagħhom għall-introduzzjoni tal-gvern elettroniku bħala parti mir-riformi tal-amministrazzjoni pubblika bl-għan li joffri servizzi effiċjenti, aċċessibli u trasparenti liċ-ċittadini u lill-impriżi; |
Kooperazzjoni reġjonali u internazzjonali
52. |
Japprezza l-fatt li l-pajjiż bħalissa qiegħed jippresjedi u jikkontribwixxi fil-Proċess ta' Kooperazzjoni fl-Ewropa tax-Xlokk, bit-tama li dan se jsaħħaħ aġenda Ewropea soda, relazzjonijiet ta' bon viċinat u inklużjoni; jenfasizza l-importanza tal-kooperazzjoni reġjonali f'konformità mal-aġenda u l-valuri Ewropej u jitlob aktar progress f'dan ir-rigward; jerġa' jafferma li huwa importanti għall-UE li tfittex l-adeżjoni tal-pajjiżi kollha fir-reġjun mingħajr eċċezzjoni; |
53. |
Jemmen li bidla fil-mentalità minn “Balkani tal-Punent” għal “Ewropa tax-Xlokk” taf tgħin f'dan l-isforz; |
54. |
Jilqa' favorevolment il-parteċipazzjoni tal-pajjiż fil-missjoni EUFOR Althea u l-ftehim biex il-pajjiż jipparteċipa fl-operazzjonijiet ta' ġestjoni tal-kriżijiet fl-ambitu tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni (PSDK); jistieden lill-pajjiż jikkonforma ruħu mal-pożizzjoni tal-UE fil-Qorti Kriminali Internazzjonali; |
55. |
Jitlob lill-gvern u lill-organizzazzjonijiet kompetenti kollha jagħmlu sforz biex jilħqu l-kriterji u l-kundizzjonijiet neċessarji għall-arranġamenti tal-eżenzjoni mill-viża fiż-żona Schengen; jenfasizza l-bżonn biex jiġi żgurat li l-pubbliku jkun informat b'mod sħiħ rigward ir-restrizzjonijiet tal-eżenzjoni mill-viża u li ma jseħħ ebda abbuż mill-eżenzjoni jew mill-politika ta' liberalizzazzjoni tal-viża; jenfasizza li s-sospensjoni tal-arranġamenti tal-eżenzjoni tal-viża ma tkunx mingħajr konsegwenzi ekonomiċi u soċjali sfavorevoli; |
o
o o
56. |
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lill-gvern u lill-parlament tal-pajjiż. |
(1) Testi adottati, P7_TA(2012)0453.
(2) Il-Kuritur X huwa wieħed mill-għaxar kurituri tat-trasport pan-Ewropej u jmur minn Salzburg (Awstrija) sa Salonka (Greċja). Il-fergħa D tiegħu jsegwi r-rotta Veles – Prilep – Bitola – Florina – Igoumenitsa (Via Egnatia).
(3) Il-Kuritur VIII huwa wieħed mill-għaxar kurituri tat-trasport pan-Ewropej u jmur minn Durrës (Albanija) sa Varna (Bulgarija). Jgħaddi wkoll minn Skopje.