This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52013IP0222
European Parliament resolution of 23 May 2013 on future legislative proposals on EMU: response to the Commission communications (2013/2609(RSP))
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta’ Mejju 2013 dwar proposti leġiżlattivi futuri dwar l-UEM rispons għall-komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni (2013/2609(RSP))
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta’ Mejju 2013 dwar proposti leġiżlattivi futuri dwar l-UEM rispons għall-komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni (2013/2609(RSP))
ĠU C 55, 12.2.2016, p. 79–84
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
12.2.2016 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 55/79 |
P7_TA(2013)0222
Proposti leġiżlattivi futuri dwar l-UEM
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta’ Mejju 2013 dwar proposti leġiżlattivi futuri dwar l-UEM rispons għall-komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni (2013/2609(RSP))
(2016/C 055/11)
Il-Parlament Ewropew,
— |
wara li kkunsidra l-komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar “Koordinazzjoni ex-ante ta' pjanijiet għal riformi maġġuri ta' politika ekonomika” (COM(2013)0166) u dwar “L-introduzzjoni ta' Strument ta' Konverġenza u Kompetittività” (COM(2013)0165), |
— |
wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar proposti leġiżlattivi futuri dwar l-UEM (O-000060/2013 – B7-0204/2013), |
— |
wara li kkunsidra t-Trattat dwar Stabbiltà, Koordinazzjoni u Governanza fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja tat-2 ta' Marzu 2012, minn hawn il-quddiem “il-Patt Fiskali”, |
— |
wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-13 u d-14 ta' Diċembru 2012, |
— |
wara li kkunsidra l-Pjan ta’ Azzjoni tal-Kummissjoni għal Unjoni Ekonomika u Monetarja Profonda u Ġenwina tat-28 ta' Novembru 2012, |
— |
wara li kkunsidra r-rapport mill-President tal-Kunsill Ewropew tal-5 ta’ Diċembru 2012 bl-isem “Lejn Unjoni Ekonomika u Monetarja Ġenwina”, |
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-20 ta' Novembru 2012 b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar ir-rapport tal-Presidenti tal-Kunsill Ewropew, il-Kummissjoni Ewropea, il-Bank Ċentrali Ewropew u l-Grupp tal-euro “Lejn Unjoni Ekonomika u Monetarja ġenwina” (1), minn hawn il-quddiem “Ir-rapport Thyssen”, |
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Ottubru 2010 b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar it-titjib tal-governanza ekonomika u tal-qafas ta' stabilità tal-Unjoni, b'mod partikolari fiż-żona tal-euro (2), minn hawn 'il quddiem “ir-rapport Feio”, |
— |
wara li kkunsidra r-Regolamenti (UE) Nru 1176/2011 u (UE) Nru 1175/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011, minn hawn 'il quddiem “is-six-pack”, |
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-1 ta' Diċembru 2011 dwar is-Semestru Ewropew għall-Koordinament tal-Politiki Ekonomiċi (3), |
— |
wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru … 2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar dispożizzjonijiet komuni għall-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-abbozzi tal-pjanijiet baġitarji u l-iżgurar tal-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv tal-Istati Membri taż-żona tal-euro u wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru …/2013 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ekonomika u baġitarja ta' dawk l-Istati Membri fiż-żona tal-euro li qegħdin jesperjenzaw jew huma mhedda b'diffikultajiet serji fejn tidħol l-istabilità finanzjarja tagħhom, minn hawn 'il quddiem “it-two-pack”, |
— |
wara li kkunsidra l-istqarrija konġunta mill-President Barroso u l-Viċi President Rehn fl-okkażjoni tal-qbil fit-trilogu dwar il-leġiżlazzjoni tat-Two-Pack dwar il-governanza ekonomika fiż-żona tal-euro tal-20 ta' Frar 2013 (referenza MEMO/13/126) |
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, |
A. |
billi fl-Artikolu 11 tal-Patt Fiskali l-Istati Membri firmatarji “jiżguraw li r-riformi maġġuri kollha ta' politika ekonomika li biħsiebhom jagħmlu se jiġu diskussi ex-ante u, fejn xieraq, ikkoordinati bejniethom”, u li barra minn hekk, li tali “koordinazzjoni għandha tinvolvi l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea kif jitlob id-dritt tal-Unjoni Ewropea”; |
B. |
billi, skont l-Artikolu 15 tal-Patt Fiskali, it-trattat għandu jiġi inkorporat fid-dritt tal-UE fi żmien mhux aktar minn ħames snin “abbażi ta' valutazzjoni tal-esperjenza tal-implimentazzjoni tiegħu” u billi l-Komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni COM(2013)0165 u COM(2013)0166, kif ukoll il-proposti leġiżlattivi possibbli mistennija bħala segwitu, jistgħu jitqiesu bħala passi f'din id-direzzjoni; |
C. |
billi fir-rapport Feio fl-2010 l-Parlament diġà kien talab “l-istabbiliment ta' proċeduri speċifiċi u rekwiżit li l-Istati Membri, b'mod partikolari dawk fiż-żona tal-euro, jinfurmaw lil xulxin u lill-Kummissjoni qabel ma jieħdu deċiżjonijiet ta' politika ekonomika b'effetti mistennija konsekwenzjali sinifikanti, li jistgħu jipperikolaw il-funzjonament bla xkiel tas-suq intern u tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja (UEM)”; |
D. |
billi d-dikjarazzjoni li takkumpanja t-two-pack talbet il-ħolqien ta' qafas sostanzjalment imsaħħaħ ta' kontroll u sorveljanza ekonomika u baġitarja, kif ukoll kapaċità fiskali Ewropea aktar żviluppata għall-implimentazzjoni f'waqtha ta' riformi strutturali li jippromwovu t-tkabbir sostenibbli u li jappoġġaw il-prinċipju li skontu passi lejn aktar responsabbiltà u dixxiplina ekonomika għandhom jingħaqdu flimkien b'aktar solidarjetà u b'integrazzjoni approfondita tal-proċess deċiżjonali f'oqsma tal-politika bħat-tassazzjoni u s-swieq tax-xogħol, bħala strument ta' solidarjetà importanti; billi d-dikjarazzjoni msemmija hawn fuq tenfasizza l-prinċipju li passi lejn koordinazzjoni msaħħa tal-politika ekonomika jeħtieġ li jmorru id f'id ma' aktar solidarjetà; |
E. |
billi l-paragrafu 11 “tar-rapport Thyssen” enfasizza li “UEM ġenwina” ma tistax tkun limitata għal sistema ta' regoli iżda teħtieġ kapaċità baġitarja akbar ibbażata fuq riżorsi proprji speċifiċi; |
F. |
billi “r-Rapport Thyssen” fakkar li Statistika Ewropea ta' kwalità għolja u affidabbli għandha rwol essenzjali fil-qalba tal-governanza ekonomika ġdida u fl-eżerċizzji deċiżjonali ewlenin tagħha, li l-indipendenza effettiva tas-Sistema tal-Istatistika Ewropea kemm fl-livell nazzjonali kif ukoll Ewropew għandha tiġi salvagwardjata bħala prerekwiżit, u li l-mixja lejn standards ta' kontabilità pubblika fl-Istati Membri kollha b'mod standardizzat se jkun komplement essenzjali għas-setgħat akbar ta' infurzar tal-Kummissjoni biex tivverifka l-kwalità tas-sorsi nazzjonali użati għall-kalkolu ta' ċifri ta' dejn u ta' defiċit f'unjoni fiskali żviluppata bis-sħiħ. |
Valutazzjoni ġenerali tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni
1. |
Jirrikonoxxi l-isforz tal-Kummissjoni biex tagħmel aktar progress fil-qasam tal-governanza makroekonomika fl-Unjoni, billi tibni fuq is-six-pack u t-two-pack; jenfasizza madankollu li l-implimentazzjoni sħiħa tal-qafas il-ġdid għandu jkollha preċedenza fuq kwalunkwe proposta ġdida; |
2. |
Jirrimarka li l-ħolqien ta' mekkaniżmu ta' infurzar ibbażat fuq l-inċentivi u mmirat biex iżid is-solidarjetà, il-koeżjoni u l-kompetittività għandu jmur id f'id ma' saffi addizzjonali tal-koordinazzjoni tal-politika ekonomika kif mistqarr fid-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li takkumpanja “it-two pack” sabiex jiġi rispettat il-prinċipju li skontu “l-passi lejn aktar responsabbiltà u dixxiplina ekonomika jingħaqdu flimkien ma' aktar solidarjetà”; |
3. |
Jenfasizza li kwalunkwe proposta oħra għandu jkollha valur miżjud ċar fir-rigward tal-istrumenti li diġà jeżistu, bħal dawk taħt il-politika ta' koeżjoni; |
4. |
Jisħaq li l-isforzi ta' koordinazzjoni ma għandhomx iċajpru r-responsabbiltajiet rispettivi ta' livelli differenti tal-proċess deċiżjonali; |
5. |
Jafferma mill-ġdid li l-governanza fl-UE ma għandhiex tikser il-prerogattivi tal-Parlament Ewropew u tal-parlamenti nazzjonali, speċjalment meta jkun previst kwalunkwe trasferiment ta' sovranità; jenfasizza li leġittimità u responsabbilità xierqa jeħtieġu deċiżjonijiet demokratiċi u għandhom jiġu żgurati fl-livell nazzjonali u tal-UE mill-parlamenti nazzjonali u mill-Parlament Ewropew, rispettivament; ifakkar il-prinċipju stipulat fil-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Diċembru 2012 li “matul il-proċess, l-objettiv ġenerali jibqa' li jiġu żgurati l-leġittimità u r-responsabbiltà demokratika fil-livell li fih jittieħdu u jiġu implimentati d-deċiżjonijiet”; jenfasizza li l-mekkaniżmi għall-koordinazzjoni u s-CCIs ex-ante għandhom japplikaw għall-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro bil-possibbiltà li Stati Membri oħra jingħaqdu fuq bażi permanenti; jistieden lill-Kummissjoni tipprevedi tali validazzjoni obbligatorja min-naħa tal-parlamenti nazzjonali fi proposti leġiżlattivi li jmiss u tiżgura involviment akbar tal-partijiet soċjali fil-koordinazzjoni ekonomika; |
6. |
Huwa tal-opinjoni li t-twaqqit tal-komunikazzjonijiet mhuwiex ottimali; jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposta għall-adozzjoni ta' kodiċi ta' konverġenza fis-Semestru tal-UE, ibbażata fuq l-UE 2020 u li tinkludi pilastru soċjali b'saħħtu. |
7. |
Ifakkar li l-Kummissjoni jeħtiġilha tqis bis-sħiħ ir-rwol tal-Parlament bħala koleġiżlatur; huwa diżappuntat li l-komunikazzjonijiet reċenti dwar l-UEM ma jirriflettux il-pożizzjoni li ttieħdet mill-Parlament Ewropew matul in-negozjati dwar l-Approfondiment tal-UEM u jipprevedu biss skrutinju parlamentari limitat ħafna meta jipproponu struttura ta' djalogu; ifakkar li l-Parlament huwa awtorità leġiżlattiva u baġitarja fuq l-istess livell tal-Kunsill; |
8. |
Jiddispjaċih li l-oqsma ta' politika koperti fil-komunikazzjonijiet fil-biċċa l-kbira tagħhom jiffokaw fuq il-kompetittività tal-prezzijiet u ma jinkludux l-evitar tat-taxxa u d-dimensjoni soċjali u tal-impjiegi; |
9. |
Jenfasizza li l-proposti leġiżlattivi relatati maż-żewġ komunikazzjonijiet għandhom isegwu l-proċedura leġiżlattiva ordinarja; |
Koordinazzjoni ex-ante ta' pjanijiet għal riformi maġġuri ta' politika ekonomika
10. |
Huwa tal-fehma li koordinazzjoni ex-ante formali għal riformi ta' politika ekonomika fil-livell tal-UE hija importanti u għandha tissaħħaħ fi ħdan il-metodu Komunitarju u li għandha tikkonċerna r-riformi ekonomiċi nazzjonali ewlenin previsti fil-Programmi Nazzjonali ta' Riforma b'effetti konsegwenzjali potenzjali dimostrabbli; jemmen li tali koordinazzjoni ex-ante għandha tiġi allinjata mal-istrumenti tas-Semestru tal-UE għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika msemmija fl-Artikolu 2-a tar-Regolament (UE) Nru 1175/2011 u, fejn meħtieġ, titfassal flimkien ma' strumenti ġodda bbażati fuq is-solidarjetà u l-inċentivi; |
11. |
Huwa tal-fehma li integrazzjoni approfondita ta' koordinazzjoni ex-ante u tal-proċess deċiżjonali f'oqsma politiċi fil-livell tal-Unjoni għandha tibni fuq saff solidu magħmul minn statistika uffiċjali u b'mod partikolari, li koordinazzjoni baġitarja ulterjuri fl-Unjoni teħtieġ data kkonsolidati dwar il-kontijiet pubbliċi tal-Unjoni, tal-Istati Membri u tal-awtoritajiet lokali u reġjonali. jemmen, għalhekk, li l-Kummissjoni għandha tinkludi l-istabbiliment ta' tali data konsolidata fil-proposti leġiżlattivi li ġejjin; |
12. |
Jiddeplora l-abbozzar vag u d-definizzjonijiet laxki żżejjed ta' xi wħud mill-filtri proposti għal riformi maġġuri ta' politika ekonomika, bħal “kunsiderazzjonijiet politiċi dwar l-ekonomija”; jitlob l-introduzzjoni ta' filtri speċifiċi ġodda bbażati fuq is-Semestru tal-UE u fuq l-istrumenti tal-UE 2020 għall-identifikazzjoni ta' riformi ewlenin, filwaqt li jitqiesu l-ispeċifiċitajiet nazzjonali u tiġi rispettata s-sussidjarjetà; |
13. |
Jenfasizza li l-mekkaniżmi li għandhom jiġu stabbiliti għal koordinazzjoni ex-ante għandhom japplikaw għall-Istati Membri kollha taż-żona tal-euro u jkunu miftuħa għall-Istati Membri tal-Unjoni filwaqt li jqisu l-interdipendenza akbar tal-Istati Membri taż-żona tal-euro; huwa tal-opinjoni li l-Istati Membri taħt il-programm għandhom jitħallew jipparteċipaw fuq bażi volontarja; |
14. |
Jitlob il-pubblikazzjoni, it-trasparenza u l-inklussività tal-pjanijiet ta' riforma; jitlob ukoll djalogu soċjali fejn il-partijiet interessati soċjali jkollhom rwol ċentrali u espliċitu matul diskussjonijiet ta' koordinazzjoni ex-ante; |
15. |
Jitlob disinn diliġenti tal-proċess li permezz tiegħu l-Kummissjoni tkun infurmata u f'pożizzjoni li tikkummenta dwar ir-riformi ppjanati qabel l-adozzjoni finali tagħhom; |
16. |
Jitlob li dan l-istrument ġdid ta' koordinazzjoni jiddaħħal ukoll fil-proċess tas-Semestru Ewropew, u li l-Parlament Ewropew jingħata r-rwol meħtieġ ta' responsabilità demokratika; |
17. |
Jenfasizza li l-koordinazzjoni ex-ante ma għandhiex tifga l-isforzi nazzjonali u għandha minflok tiżgura li r-riformi ma jiddewmux, għajr jekk l-effetti sekondarji li jġibu magħhom ikunu sinifikanti biżżejjed biex jiġġustifikaw li r-riformi jiġu vvalutati mill-ġdid; |
L-introduzzjoni ta' Strument għall-Konverġenza u l-Kompetittività (CCI)
18. |
Huwa tal-opinjoni li kwalunkwe strument ġdid propost (CCI) għandu jkun ibbażat fuq il-kondizzjonalità, is-solidarjetà u l-konverġenza. jemmen li tali strument għandu jiġi varat biss wara li tiġi identifikata l-ħtieġa għal riformi strutturali maġġuri u fit-tul għat-tisħiħ ta' tkabbir sostenibbli u jiġu identifikati żbilanċi soċjali abbażi tal-valutazzjoni tal-koerenza bejn il-kodiċi ta' konverġenza u l-pjanijiet ta' implimentazzjoni nazzjonali b'involviment formali xieraq tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-parlamenti nazzjonali; |
19. |
Jenfasizza li l-mekkaniżmu ġdid (CCI) li għandu jiġu stabbilit għandu japplika għall-Istati Membri kollha taż-żona tal-euro u jkun miftuħ għall-Istati Membri tal-Unjoni kollha filwaqt li jqis l-interdipendenza akbar tal-Istati Membri taż-żona tal-euro; huwa tal-fehma li l-Istati Membri taħt il-programm għandhom jitħallew jipparteċipaw fuq bażi volontarja; |
20. |
Huwa tal-fehma li huwa importanti ħafna li jiġi żgurat li dan l-istrument ġdid jiġi adottat skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, ikun ibbażat fuq il-metodu Komunitarju u jiżgura skrutinju xieraq min-naħa tal-Parlament Ewropew billi jippermetti l-adozzjoni, każ b'każ, tal-approprjazzjonijiet baġitarji relevanti; |
21. |
Jikkonferma li r-rappurtar u l-monitoraġġ annwali tal-implimentazzjoni tal-pjan nazzjonali għandhom isiru permezz ta' Semestru Ewropew imsaħħaħ, mingħajr preġudizzju għall-iskrutinju tal-baġit tal-UE; |
22. |
Huwa tal-fehma li s-CCI għandu jservi ta' vettura għal żieda fil-kapaċità baġitarja u jkun immirat lejn appoġġ kundizzjonali tar-riformi strutturali, u b'hekk iżid il-kompetittività, it-tkabbir u l-koeżjoni soċjali, filwaqt li jiżgura koordinazzjoni aktar mill-qrib tal-politiki ekonomiċi u konverġenza sostenuta tal-prestazzjoni ekonomika tal-Istati Membri, u jindirizza l-iżbilanċi u d-diverġenzi strutturali; huwa tal-fehma li tali strumenti jservu ta' pedamenti lejn kapaċità fiskali ġenwina; |
23. |
Jenfasizza li tali kapaċità baġitarja tista' naturalment tibbenefika biss l-Istati Membri li jikkontribwixxu għaliha; |
24. |
Jiddispjaċih li l-komunikazzjonijiet, meta jipprevedu kuntratti bejn l-UE u l-Istati Membri, ma jirrispettawx l-ordinament ġuridiku uniku Ewropew; huwa tal-opinjoni li l-espressjoni “arranġamenti kuntrattwali” mhijiex adatta peress li l-mekkaniżmu previst fil-komunikazzjonijiet mhuwiex fil-veru sens “kuntratt” irregolat mid-dritt pubbliku jew privat iżda mekkaniżmu ta' infurzar ibbażat fuq l-inċentivi għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika; |
25. |
Jenfasizza li l-pjanijiet ta' riforma għandhom jitfasslu mill-Istati Membri, bl-involviment xieraq tal-Parlamenti Nazzjonali tagħhom skont l-arranġamenti kostituzzjonali interni tagħhom, u f'kollaborazzjoni mal-Kummissjoni, b'rispett sħiħ għall-prinċipju tas-sussidjarjetà u għall-ħtieġa li jiġi ppreservat l-ispazju politiku adegwat għall-implimentazzjoni nazzjonali u l-proċessi demokratiċi fi ħdan kull Stat Membru; |
26. |
Jirrimarka li l-effetti negattivi possibbli f'tul ta' żmien qasir tal-implimentazzjoni tar-riformi strutturali, u b'mod partikolari d-diffikultajiet soċjali u politiċi, jistgħu jittaffew u jiġu aċċettati aktar faċilment miċ-ċittadini bl-istabbiliment ta' mekkaniżmu li jinċentiva l-appoġġ tar-riformi. jistqarr ukoll li dan il-mekkaniżmu għandu jiġi ffinanzjat permezz ta' faċilità ġdida attivata u rregolata skont il-metodu Komunitarju bħala parti integrali tal-baġit tal-UE iżda lilhinn mil-limiti massimi tal-MFF, sabiex jiġi żgurat li l-Parlament Ewropew ikun involut bis-sħiħ bħala awtorità leġiżlattiva u baġitarja; |
27. |
Jistqarr li l-miżuri li ttieħdu ma għandux ikollhom effetti negattivi fuq l-inklużjoni soċjali, id-drittijiet tal-ħaddiema, il-kura tas-saħħa u fuq kwistjonijiet soċjali oħra, anki fiż-żmien qasir; |
28. |
Jenfasizza li l-istrument għandu jevita problemi marbutin mal-periklu morali; f'dan is-sens, il-Kummissjoni għandha tiżgura li r-riformi ma jiddewmux sakemm isiru eliġibbli għal appoġġ finanzjarju u li l-istrument ma jipprovdix inċentivi għal riformi li xorta kienu se jiġu implimentati, anke mingħajr appoġġ mill-Unjoni; |
29. |
Jenfasizza li l-istrument għandu jevita tirkib mal-politika ta' koeżjoni; |
o
o o
30. |
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni u lill-Kunsill. |
(1) Testi adottati P7_TA(2012)0430.
(2) ĠU C 70 E, 8.3.2012, p. 41.
(3) Testi adottati, P7_TA(2011)0542.