Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013IP0096

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Marzu 2013 dwar it-theddidiet nukleari u d-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea (2013/2565(RSP))

    ĠU C 36, 29.1.2016, p. 123–126 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    29.1.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 36/123


    P7_TA(2013)0096

    It-theddidiet nukleari u d-drittijiet tal-bniedem fil-Korea ta' Fuq

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Marzu 2013 dwar it-theddidiet nukleari u d-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea (2013/2565(RSP))

    (2016/C 036/19)

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea (RDPK),

    wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin tat-18 ta' Frar 2013 dwar ir-RDPK,

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet 1718 (2006), 1874 (2009), 2087 (2013), 2094 (2013), 825 (1993), 1540 (2004), 1695 (2006) u 1887 (2009) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU,

    wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-istrumenti internazzjonali kollha rilevanti tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, adottati u ratifikati mir-RDPK,

    wara li kkunsidra l-Konvenzjoni kontra t-Tortura u Trattamenti jew Pieni Oħra Krudili, Inumani jew Degradanti tal-1984,

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, partikolarment dik adottata b'kunsens fid-19 ta' Marzu 2012 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-1 ta' Frar 2013 ta' Marzuki Darusman, Rapporteur Speċjali tan-NU għas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea,

    wara li kkunsidra l-Artikoli 110(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    A.

    billi l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU kkundannaw is-'satellita' mtellgħa mir-RDPK fit-12 ta' Diċembru 2012, bl-użu ta' teknoloġija tal-missili balistiċi, u t-test nukleari mwettaq fit-12 ta' Frar 2013, li b'mod ċar jikser l-obbligi internazzjonali fl-ambitu tar-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u joħloq theddida għall-paċi u s-sigurtà reġjonali u internazzjonali;

    B.

    billi l-proliferazzjoni tal-armi nukleari, kimiċi u bijoloġiċi u l-vetturi tagħhom jirrappreżentaw theddida għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali; billi r-RDPK rtirat mit-Trattat ta' Nonproliferazzjoni (TNP) fl-2003 u ilha twettaq testijiet nukleari sa mill-2006, filwaqt li fl-2009 ddikjarat uffiċjalment li żviluppat arma nukleari; billi l-iżvilupp ta' programmi illegali nukleari u ta' missili balistiċi jikkostitwixxi sfida għar-reġim internazzjonali ta' nonproliferazzjoni nukleari u joħloq ir-riskju li t-tensjonijiet reġjonali jaggravaw;

    C.

    billi dan ma jgħinx l-objettiv mistqarr tar-RDPK li ttejjeb is-sigurtà tagħha; billi r-RDPK, bl-ekonomija tagħha kkonċentrata fuq l-armata, għadha 'l bogħod ħafna milli tilħaq l-objettiv mistqarr tagħha li ssir nazzjon b'saħħtu u għani, u minflok kompliet tiżola u tfaqqar dejjem aktar lill-poplu tagħha permezz tal-kisba ta' armi ta' qerda massiva u l-vetturi tagħhom;

    D.

    billi r-RDPK reċentement irtirat mit-Trattat ta' Armistizju Korean mar-Repubblika tal-Korea, u qatgħet il-linja ta' kuntatt dirett bejn Pjongjang u Seul; billi l-Peniżola Koreana ilha għexieren ta' snin tiffaċċa tensjonijiet u konfrontazzjonijiet militari; billi l-UE tappoġġa bil-qawwa l-idea tad-denuklearizzazzjoni tal-Peniżola Koreana, u tqis li hu essenzjali għall-paċi u l-istabbiltà fir-reġjun li jissuktaw it-Taħditiet bejn is-Sitt Partijiet,

    E.

    billi r-reġim tar-RDPK ma kkooperax man-Nazzjonijiet Uniti u rrifjuta r-riżoluzzjonijiet kollha tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-drittijiet tal-bniedem fil-Korea ta' Fuq; billi naqas milli jikkoopera mar-Rapporteur Speċjali tan-NU għas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż, u rrifjuta kull assistenza offruta mill-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem;

    F.

    billi l-UE hi difensur u promotur tad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fid-dinja; billi s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u umanitarja fir-RDPK għadha allarmanti ħafna; billi l-Gvern tar-RDPK ma jippermettix oppożizzjoni politika organizzata, elezzjonijiet liberi u ġusti, midja ħielsa, libertà reliġjuża, libertà ta' assoċjazzjoni, negozjar kollettiv jew moviment liberu;

    G.

    billi s-sistema ġudizzjarja hi sottomessa għall-Istat, filwaqt li l-piena kapitali hija fis-seħħ għal firxa wiesgħa ta' delitti kontra l-Istat u hi perjodikament estiża permezz tal-Kodiċi Kriminali, u ċ-ċittadini, inkluż it-tfal, huma furzati jattendu għall-eżekuzzjonijiet pubbliċi; billi l-awtoritajiet statali tar-RDPK sistematikament iwettqu eżekuzzjonijiet extraġudizzjarji, detenzjonijiet arbitrarji u għejbien ta' persuni, fosthom anke fil-forma ta' ħtif ta' ċittadini barranin, filwaqt li internaw aktar minn 200 000 persuna f'ħabsijiet u f'kampijiet ta' 'riedukazzjoni';

    H.

    billi l-poplu tar-RDPK ilu għexieren ta' snin espost għas-sottożvilupp, b'assistenza sanitarja skarsa u livelli għolja ta' malnutrizzjoni materna u infantili, f'kuntest ta' iżolament politiku u ekonomiku, diżastri naturali rikorrenti u żidiet internazzjonali fil-prezz tal-prodotti tal-ikel u tal-karburanti; billi partijiet kbar tal-popolazzjoni qed ibatu l-ġuħ u huma, fil-parti l-kbira, dipendenti fuq l-għajnuna tal-ikel internazzjonali; billi l-iskarsezza massiva tal-ikel u l-karistija għandhom implikazzjonijiet sinifikanti għal firxa wiesgħa ta' drittijiet tal-bniedem; billi għexieren ta' eluf ta' Nord Koreani ħallew pajjiżhom minħabba l-ġuħ u r-repressjoni mifruxa, u ħarbu lejn iċ-Ċina;

    Theddidiet nukleari

    1.

    Jikkundanna t-testijiet nukleari u l-attivitajiet ta' missili mwettqa mir-RDPK u jħeġġiġha ttemm kwalunkwe azzjoni ta’ provokazzjoni billi tissospendi l-attivitajiet kollha relatati mal-programm tagħha ta' missili balistiċi u tabbanduna, għalkollox u b'mod irriversibbli, il-programmi nukleari eżistenti; jistieden lir-RDPK tiffirma u tirratifika t-Trattat dwar il-Projbizzjoni Totali ta' Provi Nukleari (CTBT) mingħajr dewmien;

    2.

    Jikkundanna t-tħabbira uffiċjali min-naħa tar-RDPK li l-pajjiż jirriżerva d-dritt li jwettaq attakk nukleari preventiv; jistieden lir-RDPK tirrispetta l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti li tobbliga lill-Membri tagħha jastjenu mit-theddid jew mill-użu tal-forza kontra kwalunkwe Stat ieħor;

    3.

    Jiddeplora l-fatt li r-RDPK rtirat mill-patt ta' nonaggressjoni mar-Repubblika tal-Korea, għalqet il-linja ta' komunikazzjoni diretta tagħha ma' Seul u għalqet ukoll il-punt ta' qsim komuni fil-fruntiera bejn iż-żewġ pajjiżi, filwaqt li poġġiet lit-truppi tal-ewwel linja tagħha fuq allerta ta' gwerra potenzjali; Jilqa' t-tisħiħ addizzjonali tas-sanzjonijiet mill-Kunsill u mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU permezz tal-vot tas-7 ta' Marzu 2013 wara l-aktar test nukleari reċenti; jistieden lir-RDPK tagħżel triq aktar kostruttiva billi tipparteċipa mal-komunità internazzjonali, għax din hi t-triq li tista' twassal għal stabilità reġjonali u għal titjib fil-benessri tal-poplu Nord Korean;

    4.

    Iħeġġeġ lir-RDPK terġa' tistabbilixxi l-impenji preeżistenti tagħha favur moratorja fuq it-tlugħ ta' missili u terġa' tissieħeb fit-Trattat ta' Nonproliferazzjoni, li hu l-ġebla tax-xewka tar-reġim ta' nonproliferazzjoni nukleari u l-pedament tal-isforzi għad-diżarm nukleari u l-użu paċifiku tal-enerġija nukleari; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu intensifikati l-isforzi biex jissaħħaħ it-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari; ifakkar id-dikjarazzjoni finali tal-Konferenza għar-Reviżjoni tat-Trattat ta' Nonproliferazzjoni 2010 li tesprimi 'tħassib kbir dwar il-konsegwenzi katastrofiċi ta' kwalunkwe użu ta' armi nukleari' u terġa' tafferma 'l-ħtieġa li l-Istat kollha f'kull waqt jikkonformaw mad-dritt internazzjonali applikabbli, inkluż id-dritt umanitarju internazzjonali';

    5.

    Jafferma x-xewqa tiegħu għal soluzzjoni diplomatika u politika għall-kwistjoni nukleari tar-RDPK; itenni l-appoġġ tiegħu għat-Taħdidiet bejn is-Sitt Partijiet u jitlob li dawn jissuktaw; iħeġġeġ lill-parteċipanti kollha fit-Taħditiet bejn Sitt Partijiet jintensifikaw l-isforzi tagħhom; jistieden lir-RDPK terġa' timpenja ruħha b'mod kostruttiv mal-komunità internazzjonali, u b'mod partikolari mal-membri tat-Taħditiet bejn is-Sitt Partijiet, sabiex taħdem favur paċi u siġurtà dejjiema f'peniżola Koreana ħielsa min-nukleari u bħala l-aħjar mezz kif jiġi żgurat ġejjieni aktar għani u stabbli għar-RDPK;

    6.

    Jistieden ir-Repubblika Popolari taċ-Ċina – membru permanenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u s-sieħba kummerċjali ewlwenija tar-RDPK – teżerċita l-influwenza tagħha fuq ir-RDPK biex tiżgura li s-sitwazzjoni ma tkomplix teskala, u jinnota l-appoġġ tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina għar-riżoluzzjoni 2094 (2013) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU; jinnota l-kunsens fost il-membri tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU fir-reazzjoni tagħhom għat-test nukleari reċenti tar-RDPK;

    7.

    Jissottolinja f'dan il-kuntest il-bżonn ta' intensifikazzjoni tal-isforzi f'livell dinji lejn id-diżarm nukleari; jitlob għal miżuri provviżorji u ta' bini tal-fiduċja;

    Drittijiet tal-bniedem

    8.

    Jesprimi t-tħassib serju tiegħu għad-deterjorament tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-RDPK, li ġiet deskritta mir-Rapporteurs Speċjali preċedenti u attwali tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Korea ta' Fuq bħala sitwazzjoni f'kategorija għaliha, distinta, mifruxa u sistematika, li possibilment hi ekwivalenti għal delitti kontra l-umanità; jistieden lir-RDPK tipparteċipa fi djalogu ġenwin mal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem;

    9.

    Jistieden lill-Gvern tar-RDPK jwettaq l-obbligi tiegħu fl-ambitu tal-istrumenti tad-drittijiet tal-bniedem li hi parti fihom, u biex jiżgura li l-organizzazzjonijiet umanitarji, osservaturi indipendenti tad-drittijiet tal-bniedem u r-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-RDPK jkollhom aċċess għall-pajjiż u jingħataw il-kooperazzjoni meħtieġa;

    10.

    Jilqa' l-ħolqien ta' Kumitat ta' Inkjesta tan-NU dwar ir-RDPK, kif propost mill-UE u l-Ġappun;

    11.

    Jistieden lill-gvern jiddikjara moratorja fuq l-eżekuzzjonijiet kollha, bl-għan li l-piena kapitali tiġi abolita fil-ġejjieni qarib; jistieden lir-RDPK ttemm il-qtil extraġudizzjarju u l-għejbien imġiegħel, teħles lill-priġunieri politiċi u tippermetti liċ-ċittadini tagħha jivvjaġġaw liberament, kemm fil-pajjiż kif ukoll barra minnu; jistieden lill-RDPK tippermetti l-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-istampa għall-midja nazzjonali u internazzjonali, kif ukoll aċċess għall-internet mingħajr ċensura liċ-ċittadini kollha tagħha;

    12.

    Jesprimi t-tħassib partikolari tiegħu dwar il-gravità tas-sitwazzjoni tal-ikel li l-pajjiż qiegħed iħabbat wiċċu magħha u l-impatt tagħha fuq id-drittijiet ekonomiċi, soċjali u kulturali tal-popolazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tkompli l-programmi ta' għajnuna umanitarja u l-linji ta' komunikazzjoni eżistenti mar-RDPK, u biex tiżgura l-wasla sikura tagħhom lill-partijiet immirati tal-popolazzjoni; jistieden lill-awtoritajiet tal-RDPK jiżguraw l-aċċess liċ-ċittadini kollha għall-ikel u l-għajnuna umanitarja abbażi tal-ħtieġa, skont il-prinċipji umanitarji;

    o

    o o

    13.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-Gvern tar-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea, lill-Gvern tar-Repubblika tal-Korea, lill-Gvern tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina, lir-Rapporteur Speċjali tan-NU għas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-RDPK u lis-Segretarju Ġenerali tan-NU.


    Top