EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013IP0078

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Marzu 2013 dwar il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-7 u t-8 ta' Frar 2013 dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali (2012/2803(RSP))

ĠU C 36, 29.1.2016, p. 49–51 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

29.1.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 36/49


P7_TA(2013)0078

Il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-7-8 ta' Frar dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Marzu 2013 dwar il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-7 u t-8 ta' Frar 2013 dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali (2012/2803(RSP))

(2016/C 036/07)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Artikoli 310, 311, 312 u 323 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tad-29 ta' Ġunju 2011 dwar Baġit għall-Ewropa 2020 (COM(2011)0500),

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tad-29 ta’ Ġunju 2011 għal Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar kooperazzjoni f’materji marbuta mal-baġit fir-rigward ta’ ġestjoni finanzjarja soda (COM(2011)0403),

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tad-29 ta' Ġunju 2011 u l-proposta emendata tal-Kummissjoni tas-6 ta' Lulju 2012 għal Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (COM(2011)0398 u COM(2012)0388),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Ġunju 2011 bl-isem 'Ninvestu fil-ġejjieni: Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) ġdid għal Ewropa kompetittiva, sostenibbli u inklużiva' (1),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Ġunju 2012 dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali u riżorsi proprji (2),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta’ Ottubru 2012 bl-iskop li jinkiseb riżultat pożittiv tal-proċedura ta' approvazzjoni tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali għas-snin 2014-2020 (3),

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew adottati fit-8 ta' Frar 2013,

wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

1.

Jieħu nota tal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew dwar il-QFP, li jirrappreżentaw sempliċiment ftehim politiku bejn il-Kapijiet ta' Stat u ta' Gvern; jirrifjuta dan il-ftehim fil-forma kurrenti tiegħu, peress li ma jirriflettix il-prijoritajiet u t-tħassib espressi mill-Parlament – jiġifieri fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Ottubru 2012 – u ma jirrispettax ir-rwol u l-kompetenzi tal-Parlament kif stipulati fit-Trattat ta' Lisbona; iqis li dan il-ftehim, li se jorbot lill-Unjoni għas-seba' snin li ġejjin, ma jistax jiġi aċċettat mingħajr ma jiġu ssodisfati ċerti kundizzjonijiet essenzjali;

2.

Jisħaq fuq ir-rieda tiegħu li jidħol f'negozjati komprensivi mal-Kunsill dwar id-dispożizzjonijiet kollha tar-Regolmaent dwar il-QFP u l-Ftehim Interistituzzjonali, sabiex ikun żgurat li l-Unjoni se tipprovdi baġit tal-UE li jkun modern, progressiv, flessibbli u trasparenti li jista' jrendi tkabbir u impjiegi u jegħleb id-differenzi bejn l-impenji politiki u r-riżorsi baġitarji tal-UE; jenfasizza li se jivvota biss dwar ir-Regolament dwar il-QFP u l-Ftehim Interisituzzjonali wara l-konklużjoni b'suċċess ta' negozjati sostanzjali mal-Kunsill;

3.

Jiddikjara d-determinazzjoni tiegħu li jeżerċita bis-sħiħ il-prerrogattivi leġiżlattivi tiegħu stipulati fit-Trattat ta' Lisbona; jiddikjara għal darba oħra li n-negozjati dwar l-elementi li jaqgħu taħt il-proċedura leġiżlattiva ordinarja ma jistgħux jiġi kkonfiskati mill-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew dwar il-QFP, li għandhom jitqiesu sempliċiment bħala rakkomandazzjonijiet politiċi lill-Kunsill;

4.

Itenni l-fehma li l-QFP għall-2014-2020 għandu jiżgura l-implimentazzjoni b'suċċess tal-Istrateġija Ewropa 2020 u jagħti lill-UE r-riżorsi neċessarji biex tirkupra mill-kriżi u toħroġ minnha iktar b'saħħitha; jenfasizza, għalhekk, l-importanza li jiżdiedu sostanzjalment l-investimenti fl-innovazzjoni, ir-riċerka u l-iżvilupp, l-infrastruttura u ż-żgħażagħ, li jintlaħqu l-objettivi tal-UE dwar it-tibdil fil-klima u l-enerġija, jitjiebu l-livelli tal-edukazzjoni u tiġi promossa l-inklużjoni soċjali, filwaqt li jiġu ssodisfati l-impenji internazzjonali tagħha;

5.

Ma japprovax in-nuqqas ta' trasparenza fil-mod kif il-ftehim politiku ntlaħaq mill-Kunsill Ewropew kemm dwar l-infiq kif ukoll dwar l-introjtu tal-QFP; jinsisti li dan għandu jkollu l-informazzjoni rilevanti kollha għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni fil-livell ta' allokazzjonijiet nazzjonali miftiehma skont il-politika ta' koeżjoni u dik agrikola, inklużi d-derogi u l-allokazzjonijiet speċifiċi għal kull Stat Membru; jitlob ukoll l-informazzjoni rilevanti kollha skont kull Stat Membru dwar l-impatt tad-deċiżjonijiet meħuda dwar l-introjtu tal-QFP;

6.

Jopponi bis-saħħa l-akkumulazzjoni kurrenti u l-finanzjament mill-ġdid tat-talbiet pendenti ta' pagament fil-baġit tal-UE, u jesprimi l-oppożizzjoni ferma tiegħu għal qafas finanzjarju li jista' jdaħħal lill-baġit tal-UE f'defiċit strutturali, kontra d-dispożizzjonijiet tat-Trattat (l-Artikoli 310 u 323 tat-TFUE);

7.

Hu, għalhekk, determinat li jevita kwalunkwe ċaqliq ulterjuri tal-pagamenti mill-2013 għall-QFP li jmiss; ifakkar fid-dikjarazzjoni mehmuża mal-Baġit tal-2013 tal-UE li talbet lill-Kummissjoni tippreżenta, fi stadju bikri fis-sena 2013, abbozz ta' baġit emendatorju bl-uniku skop li jkopri t-talbiet kollha ta' pagament għall-2012 li kienu għadhom ma tħallsux; jenfasizza li mhux se jiftaħ negozjati dwar il-QFP sakemm il-Kummissjoni ma tippreżentax baġit emendatorju li jikkorrispondi mal-impenn politiku, u mhux se jikkonkludi dawn in-negozjati qabel l-adozzjoni finali mill-Kunsill u l-Parlament ta' dan il-baġit emendatorju; jitlob ukoll impenn politiku mill-Kunsill li l-obbligi legali kollha dovuti fl-2013 jitħallsu sal-aħħar ta' din is-sena;

8.

Jagħti mandat qawwi lit-tim negozjanti tiegħu biex iwettaq negozjati dwar pakkett globali li jinkludi, barra l-QFP, reviżjoni obbligatorja u komprensiva, flessibilità massima globali u ftehim dwar ir-riżorsi proprji, u li jiżgura l-unità tal-baġit tal-UE; jikkonferma li n-negozjati se jkunu bbażati fuq l-elementi kollha stipulati fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Ottubru 2012, inkluża r-responsabilità tal-Istati Membri – li għandha tittieħed fil-livell politiku xieraq – għall-ġestjoni tal-fondi tal-UE;

9.

Jemmen bis-saħħa li, sabiex tkun żgurata l-leġittimità demokratika sħiħa, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni li jmiss – li se jibdew il-mandat tagħhom wara l-elezzjonijiet Ewropej tal-2014 – għandhom ikunu f'pożizzjoni li jikkonfermaw mill-ġdid il-prijoritajiet baġitarji tal-Unjoni u jwettqu reviżjoni tal-QFP tal-2014-2020; jenfasizza, għalhekk, il-pożizzjoni tiegħu favur reviżjoni obbligatorja u komprensiva tal-QFP, jew possibilment klawsola ta' skadenza awtomatika (sunset clause); iqis li r-reviżjoni għandha tkun vinkolanti legalment, minquxa fir-Regolament dwar il-QFP u deċiża permezz ta' maġġoranza kwalifikata fil-Kunsill, bl-użu sħiħ tal-klawsola pont (passerelle clause) għall-Artikolu 312(2) tat-TFUE;

10.

Jirrikjedi li l-limiti massimi miftiehma tal-QFP għall-approprjazzjonijiet għal impenji u għal pagamenti jintużaw kompletmaent meta jiġu stabbiliti l-baġits annwali tal-UE; iqis, għalhekk, li l-flessibilità massima globali bejn l-intestaturi u fihom, kif ukoll bejn is-snin finanzjarji, teħtieġ li tiġi żgurata fil-QFP li jmiss u deċiża minn maġġoranza kwalifikata fil-Kunsill; jemmen, b'mod partikolari, li tali flessibilità għandha tinkludi l-possibilità li jintużaw b'mod sħiħ il-marġnijiet disponibbli ta' kull intestatura f'sena finanzjarja waħda (għall-approprjazzjonijiet għal impenji), kif ukoll bħala trasferiment awtomatiku tal-marġni disponibbli għal snin finanzjarji oħra (kemm għall-approprjazzjonijiet għal impenji kif ukoll għal dawk għal pagamenti); jirreferi, barra minn hekk, għall-pożizzjoni dettaljata tiegħu dwar il-flessibilità stipulata fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Ottubru 2012 dwar il-marġni ta' kontinġenza, ir-reċiklaġġ tal-baġit ta' eċċess tal-UE, il-flessibilità leġiżlattiva u l-mekkaniżmi ta' flessibilità individwali 'l fuq mil-limiti massimi tal-QFP;

11.

Jenfasizza l-importanza li jintlaħaq ftehim dwar riforma profonda tas-sistema ta' riżorsi proprji; jenfasizza li l-baġit tal-UE għandu jkun iffinanzjat minn riżorsi proprji ġenwini, kif previst fit-Trattat; jiddikjara, għalhekk, l-impenn tiegħu għal riforma li tnaqqas il-parti tal-kontribuzzjonijiet ibbażati fuq l-ING (introjtu nazzjonali gross) għall-baġit tal-UE għal massimu ta' 40 % u ttemm gradwalment l-iskontijiet u l-mekkaniżmi ta' korrezzjoni eżistenti kollha;

12.

Itenni l-appoġġ tiegħu għall-proposta leġiżlattiva tal-Kummissjoni dwar il-pakkett ta' riżorsi proprji, inkluż pjan direzzjonali vinkolanti; iqis, barra minn hekk, li fil-każ li l-Kunsill inaqqas fil-qawwa ta' dawn il-proposti b'tali mod li ma jirriżultawx fi tnaqqis sinifikanti fil-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri bbażati fuq l-ING għall-baġit tal-UE, il-Kummissjoni għandha tressaq proposti addizzjonali dwar l-introduzzjoni ta' riżorsi proprji ġenwini ġodda; jinsisti li d-dħul mit-Taxxa fuq it-Transazzjonijiet Finanzjarji għandu jiġi allokat għallinqas parzjalment lill-baġit tal-UE bħala riżors proprju ġenwin;

13.

Jinsisti li jitfakkar il-prinċipju tal-unità tal-baġit tal-UE u li dan jiġi definit b'mod ċar fil-Ftehim Interistituzzjonali; jemmen li l-infiq u d-dħul kollha li jirriżultaw minn deċiżjonijiet meħuda mill-istituzzjonijiet tal-UE u f'isimhom, inklużi l-operazzjonijiet ta' self, tislif u garanzija fuq id-dejn, għandhom jiġu deskritti fil-qosor f'dokument mehmuż kull sena mal-abbozz ta' baġit, li jipprovdi ħarsa generali lejn il-konsegwenzi finanzjarji u baġitarji tal-attivitajiet tal-Unjoni; jistenna li dan se jiżgura informazzjoni sħiħa għaċ-ċittadini u kontroll parlamentari adegwat;

14.

Jenfasizza li, b'mod paralleli man-negozjati tal-QFP, il-Parlament u l-Kunsill għandhom jaċċelleraw in-negozjati tagħhom dwar il-bażijiet legali speċifiċi tal-programmi u l-politiki tal-UE għall-perjodu 2014-2020; jenfasizza l-fatt li n-negozjati dwar il-QFP/FI u l-programmi pluriennali jikkostitwixxu pakkett uniku u jafferma mill-ġdid il-prinċipju li xejn ma hu miftiehem qabel kollox jiġi miftiehem;

15.

Ifakkar li jekk l-ebda QFP ma jkun ġie adottat sal-aħħar tal-2013, il-limiti massimi u dispożizzjonijiet oħra korrispondenti għas-sena 2013 se jiġu estiżi sa meta jiġi adottat QFP ġdid; jiġbed l-attenzjoni, f'dan il-każ, lejn il-fatt li hu jkun lest li jasal għal ftehim malajr mal-Kunsill u l-Kummissjoni biex l-istruttura interna tal-QFP tiġi adatta biex tirrifletti l-prijoritajiet politiċi tal-Unjoni, u biex ikun żgurat li l-bażijiet legali xierqa għall-politiki u l-programmi kollha tal-UE jiġu applikati sal-2014;

16.

Jemmen, fid-dawl tal-importanza kruċjali ta' kwalunkwe votazzjoni fuq il-QFP, u sabiex jagħmilha possibbli li l-MPE jiġu responsabilizzati mill-elettorat tagħhom fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew fl-2014, li kwalunkwe votazzjoni fuq il-QFP għandha ssir b'mod miftuħ u trasparenti;

17.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, u lill-istituzzjonijiet u lill-korpi l-oħra kkonċernati.


(1)  ĠU C 380 E, 11.12.2012, p. 89.

(2)  Testi adottati, P7_TA(2012)0245.

(3)  Testi adottati, P7_TA(2012)0360.


Top