Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013IP0052

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Frar 2013 dwar is-Semestru Ewropew għall-Koordinazzjoni tal-Politika Ekonomika Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2013 (2012/2256(INI))

    ĠU C 24, 22.1.2016, p. 49–55 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    22.1.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 24/49


    P7_TA(2013)0052

    Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika: Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2013

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Frar 2013 dwar is-Semestru Ewropew għall-Koordinazzjoni tal-Politika Ekonomika Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2013 (2012/2256(INI))

    (2016/C 024/08)

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 225 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u partikolarment l-Artikoli 9 u 151 u l-Artikolu 153(1)(e) tiegħu,

    wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-28 u d-29 ta’ Ġunju 2012,

    wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 136 flimkien mal-Artikolu 121(2) tiegħu,

    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta’ Novembru 2012 fir-rigward tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2013 (COM(2012)0750),

    wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Baġits, il-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali (A7-0032/2013),

    A.

    billi ż-żona kollha tal-Euro qiegħda tesperjenza riċessjoni doppja kkaġunata minn dejn eċessiv u mill-kriżi finanzjarja;

    B.

    billi l-kriżi kellha konsegwenzi devastanti għall-ħajja ta' miljuni ta' Ewropej, kif iddokumentat mill-istatistika uffiċjali dwar l-impjiegi: fl-UE, aktar minn 8 miljun persuna diġà tilfu l-impjieg tagħhom mill-2008; aktar minn 25 miljun Ewropew huma attwalment bla xogħol, li minnhom kważi 11-il miljun ilhom qiegħda għal aktar minn sena; attwalment il-qgħad qed jaffettwa kważi 10 miljun żagħżugħ u żagħżugħa; fis-sena li għaddiet biss, 2 miljun ruħ tilfu l-impjieg tagħhom;

    C.

    billi r-riġidità tar-regolamentazzjoni tas-suq tax-xogħol f'bosta Stati Membri tonqsilha dik il-flessibilità biex tassorbi b'mod effikaċi xokkijiet bħall-kriżi attwali; billi l-leġiżlazzjoni attwali fil-qasam tas-suq tax-xogħol tippproteġi sproporzjonatament “l-insders” (ħaddiema relattivament protetti) u tolqot negattivament l-inklużjoni ta' żgħażagħ fil-forza tax-xogħol;

    D.

    billi d-disparità fir-rati tal-qgħad bejn l-Istati Membri żdiedet drastikament;

    E.

    billi għandu jiġi mfakkar li, fl-2007, fil-bidu tal-kriżi, l-iżbilanċ pubbliku fil-medja għaż-żona tal-euro kien ta' 0,7 % biss;

    F.

    billi għandu jiġi mfakkar li, fl-2007, fil-bidu tal-kriżi, xi pajjiżi li llum qegħdin jesperjenzaw diffikultajiet l-aktar iebsin, kienu akkumulaw defiċits eċċessivi fil-kont kurrenti;

    G.

    billi d-defiċit pubbliku medju għaż-żona tal-euro laħaq il-quċċata fl-2009 b'6,3 % u minn dak iż-żmien l-andament biddel il-kors tiegħu billi d-defiċits pubbliċi medji fl-2010 kienu 6,2 %, fl-2011 4,1 % u bi tnaqqis ulterjuri fl-ewwel żewġ trimestri tal-2012;

    H.

    billi impenji kredibbli għal miżuri ta' konsolidament favur it-tkabbir huma prerekwiżit għal kwalunkwe soluzzjoni sostenibbli fir-rigward tad-dejn eċċessiv u s-sitwazzjoni ta' defiċit tal-biċċa l-kbira tal-Istati Membri;

    I.

    billi l-kriżi tenfasizza l-bżonn kruċjali li jitniedu jew jitlestew riformi strutturali sostenibbli, ibbilanċjati, differenzjati li jkattru t-tkabbir;

    J.

    billi s-suq uniku jirrappreżenta mutur fundamentali għat-tkabbir ekonomiku u għall-impjiegi fl-Ewropa u billi implimentazzjoni aktar ambizzjuża tad-Direttiva dwar is-Servizzi waħedha tista' tforni diġà madwar 1,8 % addizzjonali tal-PDG; billi fiċ-ċirkostanzi ekonomiċi attwali, partikolarment, l-Unjoni ma tistax ma tisfruttax tali potenzjali ta' tkabbir; billi traspożizzjoni, implimentazzjoni, applikazzjoni u eżekuzzjoni rigorużi tad-dispożizzjonijiet tas-suq uniku huma għalhekk indispensabbli biex jinsilet vantaġġ minn dawk il-potenzjali immedjati li għadhom ma ntużawx;

    K.

    billi l-livelli ta' dejn mhux sostenibbli għandhom effetti detrimentali fuq is-sitwazzjoni ekonomika ġenerali; u billi d-dixxiplina fiskali u makroekonomika kif ukoll il-koordinament għandu jkunu sostnuti u msaħħa enerġikament sabiex jiġu evitati defiċits u livelli ta' dejn ġenerali tat-tip li rajna fl-Ewropa matul dawn l-aħħar għaxar snin, peress li dawn kellhom effett devastanti fir-rigward tat-tkabbir sostenibblu u l-istabbiltà finanzjarja kif ukoll fuq l-impjieg f'għadd ta' Stati Membri;

    L.

    billi din l-istrateġija tal-issikkar fiskali timmira li żżomm it-tkabbir tal-infiq pubbliku taħt ir-rata ta' tkabbir tal-PDG tal-andament fit-terminu medju;

    M.

    billi l-prosperità ekonomika futura tal-Ewropa tiddependi b'mod kruċjali fuq il-kapaċità tagħha li tuża bis-sħiħ ir-riżorsi tax-xogħol tagħha, anki billi żżid il-parteċipazzjoni tan-nisa u taz-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol;

    N.

    billi l-konsolidament fiskali gradwali u bla xkiel huwa ppreferut minn strateġija biex jitnaqqsu l-iżbilanċi fil-finanzi pubbliċi wisq malajr u f'daqqa iżda l-qagħda tal-ekonomija ta' ċerti Stati Membri ma tħallix alternattiva biex jerġa' jinkiseb aċċess għas-suq u jerġa' lura l-investiment;

    O.

    billi r-rati tal-pajjiżi fqar b'ħafna dejn (HIPC) juru differenzi konsiderevoli fl-UEM kollha;

    P.

    billi l-miżuri ta' konsolidament adottati minn diversi Stati Membri laħqu dimensjoni bla preċedent;

    Q.

    billi, minkejja l-isforzi ta' riforma u konsolidament tal-Istati Membri, is-swieq tal-bonds sovrani taż-żona tal-euro għadhom f'sitwazzjoni problematika kif inhu rifless fid-differenzi kbar u f'volatilità tar-rati ta' mgħax; billi fattur li qajjem u kaġun primarju tad-diverġenzi mingħajr preċedent kien it-tħassib min-naħa tas-swieq finanzjarji dwar is-solidità tal-finanzi pubbliċi u privati f'diversi Stati Membri;

    R.

    billi d-distakk fil-kompetittività fi ħdan ż-żona tal-euro għandu impatt fuq id-diverġenzi fir-rati ta' mgħax sovrani;

    S.

    billi r-rati ta' mgħax sovrani f'ċerti Stati Membri taż-żona tal-euro huma dovuti parzjalment għal nuqqas perċeput ta' kredibbiltà tal-kapaċità tagħhom li jmexxu riformi strutturali;

    T.

    billi ż-żona tal-euro ma rnexxilhiex tuża t-tnaqqis ġenerali tar-rati ta' mgħax sovrani fl-ewwel għaxar snin tal-euro biex tneħħi d-distakk ta' kompetittività, li fost affarijiet oħra kien rifless fid-defiċits persistentement kbar tal-kontijiet kurrenti u fil-kostijiet ta' unità lavorattiva li qed jiżdiedu b'ritmu mgħaġġel f'xi Stati Membri;

    U.

    billi l-aġġustament attwali f'ċerti pajjiżi jkun anqas diffiċli mil-lat politiku, ekonomiku u soċjali kieku l-klima ekonomika pożittiva fl-ewwel għaxar snin tal-euro intużat għall-aġġustament;

    V.

    billi s-self lis-settur privat, li huwa detrimentali għall-finanzjament tal-ekonomija reali, jibqa' dgħajjef u l-flussi tal-kreditu privat jinsabu mrażżna f'diversi Stati Membri, minkejja d-diversi programmi ta' likwidità stabbiliti mill-BĊE;

    W.

    billi l-impriżi ta' daqs żgħir u medju (SMEs) jikkostitwixxu l-mutur tal-ekonomija Ewropea u l-Istati Membri għandhom isostnuhom billi jnaqqsu l-piż amministrattiv li qegħdin iġorru;

    X.

    billi l-aġġustament għandu jiġi perċeput bħala kredibbli jekk irridu li l-flussi ta' investiment jiġu lura;

    Y.

    billi l-kapaċità ta' kontribuzzjoni tal-kontribwenti tinsab taħt pressjoni severa f'diversi Stati Membri; billi l-ekonomija moħbija Ewropea hija stmata li tirrappreżenta 22,1 % tal-attività ekonomika totali u t-telf ta' taxxa li jirriżulta huwa madwar EUR triljun fis-sena; billi sistemi fiskali sempliċi, prevedibbili u baxxi jtejbu l-konformità fiskali;

    Z.

    billi l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2013 (AGS 2013) ifittex li jistabbilixxi l-prijoritajiet ekonomiċi għas-sena 2013;

    AA.

    billi l-pilastru tal-konsolidazzjoni fiskali favur it-tkabbir għandu jiġi żviluppat id f'id mar-riformi strutturali għat-tkattir tat-tkabbir u l-pilastri tas-solidarjetà u tad-demokrazija f'kull Stat Membru;

    AB.

    billi s-suq uniku jikkostitwixxi l-mutur fundamentali tal-UE għat-tkabbir u l-impjiegi permezz ta' ekonomiji ta' skala u kompetizzjoni akbar iżda l-Istati Membri juru kompjaċenza fl-implimentazzjoni interna tal-leġiżlazzjoni dwar is-swieq, partikolarment id-Direttiva dwar is-Servizzi;

    AC.

    billi jeħtieġ li kull Stat Membru jsib l-unità nazzjonali rigward strateġija ta' riforma bil-għan li din tkun tista' tiġi mifhuma u rispettata mill-poplu u mid-diversi atturi ekonomiċi, b'hekk ikunu evitati firdiet, reżistenza u azzjonijiet ibbażati fuq interessi proprji għat-terminu qasir, li jheddu r-realizzazzjoni tal-objettivi stabbiliti;

    AD.

    billi l-politika tal-kompetizzjoni msejsa fuq il-prinċipji tas-swieq miftuħa u parità ta' kundizzjonijiet fis-setturi kollha hija pedament tal-funzjonament mhux ristrett tas-suq intern;

    1.

    Jilqa' favorevolment l-ispirtu tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir (AGS) 2013, kif ippreżentat mill-Kummissjoni; jemmen li huwa segwitu adegwat għas-Semestru Ewropew 2012 inġenerali u b'mod partikolari għall-AGS 2012; jilqa' b'mod partikolari ż-żieda fiċ-ċarezza tal-istrateġiji speċifiċi għal kull pajjiżi li l-Kummissjoni introduċiet permezz tal-prijoritizzazzjoni tal-progress fil-pajjiżi taż-żona tal-euro kif ukoll il-progress li sar f'termini strutturali aktar milli nominali;

    2.

    Jilqa' r-rikonoxximent fil-AGS 2013 li setturi u attivitajiet li jkattru t-tkabbir b'mod sostenibbli u dawk rikki b'impjiegi ħodor huma meħtieġa sabiex noħorġu mill-kriżi, jenfasizza li s-soluzzjonijiet immirati b'mod speċifiku lejn il-kriżi attwali sovrana u finanzjarja, jiġifieri r-riformi strutturali xierqa, għandhom jimxi id f'id ma' miżuri li jagħtu spinta lill-kompetittività u lit-tkabbir fit-tul tal-ekonomija Ewropea u għandhom ikattru mill-ġdid il-fiduċja;

    3.

    Jaqbel mal-Kummissjoni li konsolidazzjoni fiskali favur it-tkabbir hija meħtieġa biex noħorġu mill-kriżi; ifakkar li l-element ewlieni fir-relazzjoni bejn it-tkabbir u l-konsolidazzjoni huwa l-kompożizzjoni tal-konsolidazzjoni; jenfasizza f'dan ir-rigward li taħlita xierqa ta' miżuri mil-lat tal-infiq u tad-dħul tiddependi mill-kuntest, madankollu l-konsolidazzjonijiet ibbażati fuq it-tnaqqis tal-infiq aktar milli fuq iż-żieda fid-dħul għandhom tendenza li jservu aktar u jkattru aktar it-tkabbir fuq perjodu medju ta' żmien, iżda jkunu aktar riċessivi fuq perjodu qasir;

    4.

    Jilqa' d-dispożizzjoni miftiehma dwar “it-two pack” dwar sorveljanza u valutazzjoni aktar kwalitattivi tal-finanzi pubbliċi kif ukoll valutazzjoni tal-kostijiet meta mqabbla mal-benefiċċji tal-investimenti pubbliċi;

    5.

    Jilqa' l-abbozz tad-dispożizzjonijiet “fit-two pack” li jsaħħew id-djalogu ekonomiku u l-iskrutinju ġenerali fuq il-proċess tas-Semestru tal-Parlamenti Nazzjonali u tal-Parlament Ewropew;

    6.

    Jiddeplora n-nuqqas ta' implimentazzjoni fl-Istati Membri, ta' politiki u azzjonijiet miftiehma fl-livell tal-UE, li qed iżommu lura l-miżuri miftiehma milli jagħtu l-potenzjal kollu tagħhom;

    7.

    Jistieden lill-Kummissjoni biex tibqa' viġilanti dwar il-pożizzjoni tal-politika tagħha u taġġustaha skont valutazzjoni ġenerali tal-kostijiet meta mqabbla mal-benefiċċji tat-taħlita tal-politika implimentata fl-Unjoni kollha, u tirrevedi, jekk ikun xieraq u tiċċara aktar ir-rakkomandazzjonijiet politiċi tagħha għas-sena d-dieħla, kif imniżżlin fl-AGS tagħha;

    8.

    Iħeġġeġ lill-Istati Membri jikkoreġu defiċit eċċessiv sal-iskadenzi stabbiliti mill-Kunsill, ifakkar li livell ta' flessibilità huwa previst fis-6-pack;

    9.

    Iħeġġeġ lill-Istati Membri jtejbu l-oqfsa fiskali nazzjonali tagħhom bil-għan li jippromwovu politiki fiskali effiċjenti u sostenibbli;

    10.

    Jenfasizza l-fatt li l-Istati Membri għandhom iħaddmu strateġiji differenzjati skont il-qagħda baġitarja tagħhom u jinsisti li l-Istati Membri għandhom iżommu n-nefqa pubblika taħt ir-rata tat-tkabbir tal-PDG fuq żmien medju;

    11.

    Jilqa' pożittivament ir-rikonoxximent tar-rwol tas-suq uniku u l-bżonn li l-ostakli li għadhom jeżistu fis-settur tas-servizzi jiġu indirizzati; ifakkar li għad hemm ħafna xi jsir biex jinkiseb suq Ewropew tassew uniku;

    12.

    Jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja s-sitwazzjoni l-Istati Membri qegħdin jaffrontaw fid-dawl tat-tnaqqis ekonomiku gravi kif stabbilit fl-SGP rivedut;

    13.

    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jibbilanċjaw il-ħtiġijiet produttivi ta' investiment pubbliku ma' objettivi tad-dixxiplina fiskali billi jikkunsidraw investiment li jżid it-tkabbir fil-valutazzjoni tagħhom tal-Programmi ta' Stabbiltà u Konverġenza, filwaqt li josservaw bis-sħiħ id-dispożizzjonijiet stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-UE; iqis li konsolidament li jiffavorixxi t-tkabbir jista' simultanjament ipoġġi l-finanzi pubbliċi fi triq sostenibbli u jerġa' jikseb il-fiduċja tal-investituri;

    14.

    Jistenna bil-ħerqa, f'dan ir-rigward, ir-rapport tal-Kummissjoni dwar il-kwalità tal-infiq pubbliku u r-reviżjoni tal-ambitu għal azzjoni possibbli fi ħdan il-limiti tal-qafas tal-UE dwar il-kwalifika ta' programmi ta' investiment;

    15.

    Jistieden lill-Kummissjoni biex tibda tiżviluppa b'urġenza modi biex jiġi żgurat li l-elementi ta' dixxiplina fiskali sostenibbli huma paralleli u ssegwi bi proposti konkreti għat-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi u għat-tħeġġiġ tal-investimenti privati li joħolqu elementi ta' tkabbir, is-solidarjetà fost l-Istati Membri u l-leġittimità demokratika, u r-riformi strutturali meħtieġa, jiġifieri li jitnaqqas il-qgħad fost iż-żgħażagħ inkluż billi jitqabblu aħjar il-kwalifiki taż-żgħażagħ mad-domanda tax-xogħol, il-ġlieda kontra s-segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol, li titjieb is-sostenibbiltà tas-sistemi tal-pensjonijiet, tiżdied l-effiċjenza tas-sistemi ta' tassazzjoni, tissaħħaħ il-kompetizzjoni fl-oqsma relevanti tas-settur tas-servizzi, jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-kreditu, titnaqqas il-burokrazija, jitneħħew saffi żejda tal-gvern u titkompla l-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa; jilqa' l-leġittimità demokratika mtejba fi ħdan is-Semestru Ewropew; ifakkar il-ħtieġa li tissaħħaħ il-leġittimità demokratika fi ħdan is-Semestru Ewropew;

    16.

    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jaħdmu biex jirfinaw u itejbu kontinwament il-kwalità, l-ispeċifiċità nazzjonali u l-adegwatezza tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għal kull pajjiż;

    17.

    Itenni li, sabiex tiġi ppreservata l-kredibilità tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir u tal-proċess tas-Semestru kollu, il-Kunsill jeħtieġlu jiġġustifika r-raġunijiet tiegħu jekk jirrifjuta li jsegwi r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni bbażati fuq l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir; jilqa’ l-prinċipju “konformità jew spjegazzjoni” introdott “mis-six pack” dwar ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi, li skontu l-Kunsill huwa pubblikament responsabbli għal kwalunkwe bidla li jintroduċi għall-proposti tal-Kummissjoni, u jqis li dan il-prinċipju għandu jissaħħaħ fil-prattika;

    18.

    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jiżguraw li l-investimenti fir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni jiġu intensifikati u integrati u li r-riżultati jiġu trasformati malajr mis-settur pubbliku u dak privat fl-Ewropa f'vantaġġ kompetittiv u produttività miżjuda;

    19.

    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jintensifikaw l-isforzi biex inaqqsu d-dipendenza fuq l-importazzjonijiet tal-enerġija u l-materji primi sabiex joħolqu Ewropa iktar sostenibbli mil-lat ambjentali, ekonomiku u soċjali;

    20.

    Jistieden lill-Istati Membri jaqblu b'urġenza dwar Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP), biex jiżguraw li r-rwol tiegħu jissaħħaħ bħala sors ta' investiment tant meħtieġ fuq perjodu twil f'setturi u attivitajiet li jtejbu t-tkabbir sostenibbli u li jinvolvu attivitajiet u setturi li jiġġeneraw ħafna impjiegi; jenfasizza l-importanza tal-istruttura tal-baġits tal-UE, li għandhom irawmu l-investiment f'oqsma ta' valur miżjud;

    21.

    Jistieden ukoll lill-Kummissjoni tressaq approċċ olistiku li jindirizza t-tkabbir sostenibbli lejn l-lħuq tal-objettivi EU2020, li għandu jinkludi t-tlestija tas-suq intern, żieda fil-kompetizzjoni, politika industrijali Ewropea ġenwina, politika ta' koeżjoni soda u mmirata b'mod adegwat u l-garanzija li l-Ewropa se tuża l-qawwa u l-influwenza kollha tagħha fir-relazzjonijiet kummerċjali esterni tagħha; jistieden lill-Kummissjoni tisfrutta bis-sħiħ is-sorsi ta' tkabbir ġejjin mill-attrazzjoni tal-IDB [investiment dirett barrani] u l-kummerċ ma' pajjiżi terzi jiġifieri permezz tal-approfondament u l-espansjoni tar-relazzjonijiet ekonomiċi Transatlantiċi; tali aġenda għandha tħaddan il-miri relatati mat-tiġdid u l-ftuħ tas-suq Transatlantiku, it-tisħiħ tar-regoli bażiċi tal-ordni tal-ekonomija internazzjonali, u l-estensjoni tas-sistema multilaterali bbażata fuq ir-regoli biex din tinkludi membri ġodda u oqsma ġodda ta' opportunitajiet ekonomiċi; jistieden ukoll lill-Kummissjoni biex tħaffef il-konklużjoni ta' ftehimiet ta' kummerċ ħieles li għaddejjin;

    22.

    Jilqa' r-rikonoxximent tar-rwol tas-Suq Uniku u l-bżonn li l-ostakli li għadhom jeżistu fis-settur tas-servizzi jiġu indirizzati; ifakkar li għad hemm ħafna xi jsir biex jinkiseb suq Ewropew tassew uniku; jistieden lill-Kummissjoni żżid l-infurzar tal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar is-suq intern; iħeġġeġ lill-Istati Membri jimplimentaw bis-sħiħ il-leġiżlazzjoni dwar is-suq intern, partikolarment id-Direttiva dwar is-Servizzi;

    23.

    Jilqa' l-ewwel rapport dwar l-Istat tal-Integrazzjoni tas-Suq Uniku tal-2013 li jakkumpanja u jikkumplimenta l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir; jenfasizza li s-suq uniku għandu rwol prinċipali biex jerġa' jġib il-kompetittività tal-Unjoni għal li kienet u, b'hekk, jingrana t-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jindirizzaw b'mod adegwat in-nuqqasijiet relatati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għal kull pajjiż u jsaħħu l-valutazzjoni kontinwa u regolari tal-implimentazzjoni u l-infurzar tad-dispożizzjonijiet tas-Suq Uniku għal tkabbir ekonomiku mtejjeb;

    24.

    Jinsab mħasseb dwar il-fatt li ħafna Stati Membri qed jaqgħu lura f'termini ta' produttività; jinsisti dwar ir-rwol tar-riformi strutturali biex tiġi indirizzata din il-problema; jitlob lill-Kummissjoni tirrapporta fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir li jmiss dwar il-monitoraġġ tal-kapital u l-iżviluppi fil-produttività tar-riżorsi;

    25.

    Jenfasizza li politika tal-kompetizzjoni tal-UE bbażata fuq il-prinċipji ta' swieq miftuħa u parità tal-kundizzjonijiet fis-setturi kollha hija l-pedament ta' suq intern ta' suċċess u prekundizzjoni għall-ħolqien ta' impjiegi sostenibbli u bbażati fuq l-għarfien;

    26.

    Jenfasizza li sforzi determinati mill-Istati Membri biex isostnu l-finanzi pubbliċi, b'pass adegwat, jistgħu jirnexxu biss jekk jitnaqqsu l-iżbilanċi makroekonomiċi eċċessivi; jinnotaw li dawn l-objettivi jistgħu jinkisbu biss f'daqqa permezz ta' tkabbir fiż-żona tal-euro kollha kemm hi;

    27.

    Jieħu nota taż-żieda ta' indikatur ġdid fit-tabella għall-iżbilanċi makroekonomiċi dwar is-settur finanzjarju; jiddispjaċih li l-Kummissjoni ma rrispettatx il-proċedura prevista fir-Regolament (UE) Nru 1176/2011 li skontha: “il-Kummissjoni għandha tikkoopera mill-qrib mal-Parlament Ewropew u mal-Kunsill fit-tfassil tat-tabella ta' valutazzjoni u s-sett ta' indikaturi makroekonomiċi u makrofinanzjarji għall-Istati Membri” u b'mod iktar speċifiku li skontha: “Il-Kummissjoni għandha tippreżenta suġġerimenti għal kummenti lill-kumitati kompetenti tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar pjanijiet biex jiġu stabbiliti u aġġustati l-indikaturi u l-livelli ta' limitu”;

    28.

    Ifakkar lill-Kummissjoni li sabiex tinbena l-fiduċja interistituzzjonali u djalogu ekonomiku ta' kwalità huwa ta' importanza kbira li tirrispetta l-proċedura prevista fir-Regolament (UE) Nru 1176/2011 b'mod iktar fidil fil-futur;

    29.

    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jaġixxu malajr sabiex jagħtu sustanza reali u effettività lill-Patt għal Tkabbir u Impjiegi kif maqbul fil-Kunsill Ewropew tat-28 u d-29 ta’ Ġunju 2012;

    30.

    Jitlob għall-adozzjoni rapida tal-hekk imsejjaħ “2-pack”;

    31.

    Jieħu nota tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat dwar l-Istabbiltà, il-Koordinazzjoni u l-Governanza (Patt Fiskali); iqis li l-Patt Fiskali għandu jiġi traspost fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni sekondarja mill-aktar fis possibbli fuq il-bażi ta' valutazzjoni tal-esperjenza bl-implimentazzjoni tagħha u skont il-TUE u t-TFUE;

    32.

    Jilqa' “l-Pjan ta' Azzjoni tal-Kummissjoni għat-tisħiħ tal-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa”, ir-rakkomandazzjonijiet dwar “miżuri maħsuba biex jinkoraġġixxu lill-pajjiżi terzi japplikaw standards minimi ta' governanza tajba fi kwistjonijiet tat-taxxa” u “l-ippjanar fiskali aggressiv” adottati mill-Kummissjoni fis-6 ta' Diċembru 2012; jappoġġja l-pożizzjoni proattiva meħuda mill-Kummissjoni u b'mod partikolari mill-Kummissarju għat-Tassazzjoni, id-Dwana, Kontra l-Frodi, l-Awditjar u l-Istatistiki; jistieden lill-Istati Membri jsegwu r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni, jieħdu azzjoni immedjata u koordinata kontra r-rifuġji fiskali u l-ippjanar fiskali aggressiv u b'hekk jiggarantixxu distribuzzjoni aktar ġusta tal-isforz fiskali u introjtu miżjud tal-Istati Membri;

    33.

    Iqisha ħaġa pożittiva li finalment “l-Istati Membri kollha jirrikonoxxu l-importanza tat-teħid ta' passi effettivi fil-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa u l-frodi tat-taxxa, anki fi żminijiet ta' restrizzjonijiet baġitarji u ta' kriżi ekonomika” kif dikjarat fil-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Ekonomiċi u Monetarju tat-13 ta' Novembru 2012;

    34.

    Ifakkar li l-iskop ta' leġiżlazzjoni komuni dwar l-oqfsa fiskali tal-Istati Membri huwa li jkun żgurat li l-Istati Membri jibqgħu marbuta mar-regoli komuni li sar ftehim dwarhom u mhux li jiġu speċifikati l-għażliet politiki tal-Istat Membru;

    35.

    Jistieden lill-Kummissjoni tersaq quddiem il-kumitati kompetenti tal-Parlament biex tippreżenta l-AGS kull sena fil-bidu ta' Novembru, li jibda mill-4-5 ta’ Novembru 2013, ħalli jkun hemm biżżejjed żmien biex il-Parlament jkun jista' jressaq il-fehmiet tiegħu f’Semestri Ewropej sussegwenti;

    36.

    Jiddispjaċih li, fil-Komunikazzjoni tagħha “Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2013” (COM(2012)0750), il-Kummissjoni ma indirizzatx b’mod xieraq ir-rwol tal-baġit tal-UE fil-proċess tas-Semestru Ewropew; jiddispjaċih, b’mod partikolari, li l-KE, fil-waqt li pproponiet prijoritajiet ewlenin, naqset milli tipprovdi data fattwali u konkreta dwar kif il-baġit tal-UE jista’ attwalment ikollu rwol multiplikatur, katalitiku, sinerġetiku u kumplementari fir-rigward tal-politiki lokali, reġjonali u nazzjonali u tal-investimenti mnedija biex jiġu implimentati dawn il-prijoritajiet;

    37.

    Jinsab konvint li l-finanzjament fil-livell tal-UE jista’ jiġġenera tfaddil għall-baġits tal-Istati Membri kollha u li dan għandu jiġi enfasizzat; iqis li l-baġit tal-UE għandu rwol vitali li jistimula t-tkabbir, it-tisħiħ tal-ħolqien tal-impjiegi u t-tnaqqis b’suċċess tal-iżbilanċi makroekonomiċi fl-Unjoni, u bażikament jikkontribwixxi wkoll biex jintlaħqu l-objettivi tal-istrateġija “UE-2020”; jiddispjaċih mill-ġdid li l-Kummissjoni qed tonqos milli tindirizza din il-kwistjoni fil-Komunikazzjoni tagħha dwar l-AGS;

    38.

    Jirrikonoxxi l-valutazzjoni tal-Kummissjoni li l-livelli ta’ dejn akkumulat minn atturi pubbliċi u privati jirrestrinġu l-ambitu ta' attivitajiet u investimenti ġodda fl-Istati Membri; jistieden, madankollu, lill-Istati Membri, biex la jqisu l-kontribuzzjoni nazzjonali tagħhom tal-ING għall-baġit tal-UE bħala varjant ta’aġġustament fl-isforzi tagħhom ta’ konsolidazzjoni, u lanqas ifittxu li jnaqqsu b’mod artifiċjali l-volum tal-infiq li jsaħħaħ it-tkabbir tal-baġit tal-UE, għall-kuntrarju għall-impenji politiċi li għamlu fl-ogħla livell; madankollu, huwa konxju tat-tensjoni ekonomika bejn il-ħtieġa li jkun hemm konsolidazzjoni tal-finanzi pubbliċi fi żmien qasir, u kwalunkwe żieda potenzjali għal xi Stati Membri fil-kontribuzzjoni tagħhom ibbażata fuq l-ING ikkaġunata minn żieda fil-livell tal-pagamenti fil-baġit tal-UE; għaldaqstant, itenni mill-ġdid l-appelli qawwija tiegħu għar-riforma fl-arranġamenti finanzjarji għall-baġit tal-UE – permezz ta' qbil fil-qafas tan-negozjati tal-QFP 2014-2020 – billi jitnaqqas is-sehem tal-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri bbażati fuq l-ING għall-baġit tal-UE għal 40 % sal-2020, u b’hekk dan jikkontribwixxi għall-isforzi tagħhom ta’ konsolidazzjoni (1);

    39.

    Ifakkar li l-baġit Ewropew huwa primarjament baġit ta’ investiment, b’94 % tat-total tiegħu jiġi investit mill-ġdid fl-Istati Membri;

    40.

    Jitlob lill-Kummissjoni tipprovdi informazzjoni aġġornata dwar l-isforzi attwali tal-Istati Membri biex jiġi pprogrammat mill-ġdid u aċċellerat l-użu tal-fondi strutturali u ta’ koeżjoni sabiex jiġu appoġġjati t-tkabbir u l-koeżjoni soċjali, l-aktar għall-SMEs, u għall-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ;

    41.

    Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.


    (1)  Testi adottati, P7_TA(2012)0245.


    Top