Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013DC0456

    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Dwar l-Artikolu 8a tad-Direttiva 98/70/KE dwar il-kwalità tal-karburanti tal-petrol u tad-diżil u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/12/KEE

    /* COM/2013/0456 final */

    52013DC0456

    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Dwar l-Artikolu 8a tad-Direttiva 98/70/KE dwar il-kwalità tal-karburanti tal-petrol u tad-diżil u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/12/KEE /* COM/2013/0456 final */


    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

    Dwar l-Artikolu 8a tad-Direttiva 98/70/KE dwar il-kwalità tal-karburanti tal-petrol u tad-diżil u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/12/KEE

    1.           Introduzzjoni

    L-Artikolu 8a tad-Direttiva 98/70/KE (id-"Direttiva") jgħid li l-Kummissjoni għandha tirrapporta l-konklużjonijiet tagħha, lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, dwar l-iżvilupp ta’ metodoloġija għall-ittestjar biex jiġu vvalutati r-riskji għas-saħħa u għall-ambjent minħabba l-użu ta’ additivi metalliċi fil-karburanti.

    L-addittivi metalliċi tal-karburanti (“AMK”) huma sustanzi li jiżdiedu intenzjonalment mal-karburanti (petrol, diżil u bijodiżil) sabiex itejbu r-rendiment tagħhom[1]. Dawn l-addittivi eventwalment jidħlu fl-ambjent minħabba li l-porzjon metalliku tagħhom ma jiġix degradat matul l-ebda stadju tal-produzzjoni jew l-użu tagħhom. Għalhekk, dawn jistgħu jsiru sors ta’ esponiment għall-bniedem u/jew il-bijota matul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom. Dan jista' joħloq impatt fuq is-saħħa u fuq l-ambjent[2] [3]. Dan l-impatt potenzjali jiġġustifika r-regolamentazzjoni tagħhom permezz tal-adozzjoni ta’ valuri ta' limitu bbażati fuq il-prinċipju ta’ prekawzjoni.

    Id-Direttiva fiha l-valur limitu attwali għal (metilċiklopentadienil)trikarbonilmanganiż ("MMT”) ta’ 6 mg ta’ manganiż għal kull litru. Dan il-valur se jsir 2 mg ta’ manganiż għal kull litru mill-1 ta’ Jannar 2014. Dan il-valur limitu jista’ jiġi rivedut, permezz ta’ proċedura tal-Komitoloġija, abbażi ta’ valutazzjoni mwettqa wara l-metodoloġija tal-ittestjar imsemmija f’dan ir-rapport.

    2.           Valutazzjoni tar-riskji potenzjali tal-AMK fuq is-saħħa u l-ambjent

    L-użu tal-AMK fil-karburanti għandu impatt potenzjali fuq is-saħħa u l-ambjent. Dan l-impatt huwa affettwat minn diversi fatturi: it-tip ta' AMK; il-livell ta’ konċentrazzjoni; il-livell u t-tul ta’ żmien tal-esponiment; u l-mogħdija ta' dan l-esponioment. Il-komponenti metalliċi tal-AMK li jistgħu jkunu perikolużi kemm għall-bniedem kif ukoll għall-ambjent minħabba r-reattività u t-tossiċità intrinsika tagħhom, u l-kapaċità possibbli tagħhom biex jakkumulaw f’organiżmi ħajjin.

    Jekk sustanza tkun meqjusa perikoluża għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent din trid tiġi vvalutata u ttikkettata skont ir-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet perikolużi ("ir-Regolament CLP"), qabel ma din titqiegħed fis-suq.

    Sorsi possibbli ta’ emissjonijiet marbuta mal-AMK

    L-emissjonijiet tal-AMK jistgħu jidħlu fl-ambjent matul kwalunkwe stadju taċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom mill-produzzjoni sar-rimi. Dawn l-emissjonijiet jistgħu jirriżultaw f’esponiment dirett jew indirett ta’ bnedmin u bijota għall-AMK, għall-komposti relatati rilaxxati minnhom jew għall-prodotti tat-trasformazzjoni tagħhom, li jikkontribwixxu għar-riskju possibbli li dawn is-sustanzi jistgħu joffru għas-saħħa tal-bniedem u l-ambjent.

    Għall-valutazzjoni tal-impatti potenzjali tal-AMK fuq il-komposti prodotti matul il-kombustjoni tal-karburanti tal-vettura u/jew li jibqgħu fl-egżost, huwa neċessarju li jsir paragun tal-emissjonijiet prodotti bl-użu tal-AMK jew mingħajru. F’dan il-kuntest, iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni żviluppa protokoll għal test[4] għall-monitoraġġ u l-kalkolu tad-dejta dwar l-emissjoni rigward l-AMK, li jiffoka fuq l-istadju tal-użu fiċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom. F’dan il-protokoll, il-kejl isir mal-pajp tal-eġżost u l-emissjonijiet jitqabblu fir-rigward tal-karburant bl-AMK mal-istess karburant mingħajr AMK. Il-protokoll tat-test jinkludi flotta tal-karozzi rappreżentattiva tal-UE, u ma fihx kriterji predefiniti ta' suċċess jew falliment. Il-Protokoll għandu l-għan li:

    · jevalwa l-effetti tal-AMK fuq terminu qasir rigward l-emissjonijiet irregolati (fosthom HC, CO, NOx, PM, PN u CO2);

    · ikejjel il-massa tal-emissjonijiet metalliċi prodotta mill-kombustjoni ta’ karburanti li jkun fihom l-AMK[5], u jiddetermina l-ispeċjazzjoni tal-prodotti tal-kombustjoni kif ukoll id-distribuzzjoni tad-daqs tal-metalli mgħaqqda bil-partikoli; u

    · jevalwa l-effetti tal-AMK fuq il-prestazzjoni tal-emissjonijiet tal-magna tal-vettura u s-sistema ta’ kontroll tal-emissjoni fuq terminu twil.

    Dan il-protokoll tat-test huwa parti integrali mill-metodoloġija, u l-użu tiegħu huwa parti obbligatorja mill-valutazzjoni ġenerali tar-riskji tal-AMK għall-ambjent u għas-saħħa.

    Mogħdijiet ta’ esponiment possibbli

    Ir-rotot predominanti tal-esponiment possibbli matul iċ-ċiklu tal-ħajja tal-AMK huma:

    · fl-istadji tar-riċerka u l-iżvilupp, il-manifattura u l-ħażna;

    · fil-kummerċjalizzazzjoni, id-distribuzzjoni u t-trasport;

    · fil-punt tal-użu; kif ukoll,

    · fuq l-ambjent b’mod ġenerali.

    Huwa mistenni li l-esponiment fuq il-lant tax-xogħol iseħħ prinċipalment fl-ewwel żewġ stadji fiċ-ċiklu tal-ħajja u l-esponiment għall-pubbliku ġenerali ikun limitat l-aktar għall-fażi finali. L-esponiment iseħħ permezz tan-nifs minn rotot orali jew tal-ġilda li huwa wieħed mill-modi prinċipali għall-bnedmin.

    Ir-riżultati u l-implikazzjonijiet

    Fil-passat it-tħassib dwar is-saħħa assoċċjat mal-AMK (bħaċ-ċomb) wassal għat-tneħħija gradwali tal-użu tagħhom. Jidher li l-AMK fihom komponenti metalliċi li jistgħu jkunu perikolużi kemm għall-bniedem kif ukoll għall-ambjent minħabba r-reattività u t-tossiċità intrinsika tagħhom, u l-kapaċità possibbli tagħhom biex jakkumulaw f’organiżmi ħajjin.

    Qed jiġu żviluppati sustanzi ġodda li d-dejta disponibbli tagħhom dwar is-saħħa u l-ambjent hija limitata, u ftit huwa magħruf dwar l-ekotossiċità u t-tossiċità tagħhom. Id-determinazzjoni tat-tossiċità[6] u l-ekotossiċità tagħhom hija prerekwiżit sabiex jiġu vvalutati l-impatti attwali fuq l-ambjent u s-saħħa. Għalhekk hemm il-ħtieġa li tiġi żviluppata metodoloġija għall-ittestjar.

    3.           Metodoloġija tat-test

    L-iskop tal-metodoloġija huwa li jiġu vvalutati r-riskji għas-saħħa u għall-ambjent mill-użu tal-AMK. Hija maħsuba biex tkun ġenerika biżżejjed biex tapplika għal kwalunkwe AMK. Qabel il-valutazzjoni, jista' jkun meħtieġ approċċ olistiku għall-evalwazzjoni tal-implikazzjonijiet ambjentali ta’ diversi għażliet fost il-kimiki, il-prodotti u t-teknoloġiji biex tingħata prijorità lill-isforzi u biex jingħata kontribut lill-ġestjonarji tar-riskji għal teħid aħjar tad-deċiżjonijiet. Metavalutazzjoni bħal din qed tintwera hawn taħt:

    Eżempju ta' approċċ olistiku għall-valutazzjoni tar-riskju tal-kimiki adattat mill-U.S. EPA (2011)

    L-iżvilupp tal-metodoloġija rrikonoxxa li attwalment hemm fis-seħħ metodi u proċessi bħal pereżempju r-Regolamenti tar-REACH u s-CLP. Ir-REACH diġà jipproponi gwida għall-valutazzjoni tar-riskji minn sustanzi kimiċi, għaldaqstant il-metodoloġija għandha tkun konsistenti ma’ dan l-approċċ li diġà jeżisti. Madankollu hemm il-ħtieġa li jiġu vvalutati riskji speċifiċi għas-saħħa u għall-ambjent mill-użu tal-AMK. Konsegwentement il-metodoloġija fil-qosor fil-grafika ta' hawn taħt, hija fl-adattament ta’ dan il-qafas għall-ispeċifitajiet tal-AMK.

    Id-dettalji huma kif ġej:

    Karatteristiċi tal-emissjonijiet tul iċ-ċiklu tal-ħajja

    L-emissjonijiet jistgħu jseħħu tul iċ-ċiklu tal-ħajja tal-AMK kollu, u l-iskop ta’ dan l-istadju huwa li jipprovdi gwida dwar l-istima tal-emissjonijiet tal-AMK fl-ambjent (jiġifieri fl-ilma, fil-ħamrija u fl-arja) inklużi l-komposti maħruqa u l-prodotti tat-trasformazzjoni fil-fażi tal-użu. Il-protokoll tat-test taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni huwa meħtieġ għall-istadju tal-użu tal-vettura.

    Aktar dettalji dwar il-protokoll tat-test jinsabu fuq il-websajt tal-Kummissjoni:

    http://ec.europa.eu/clima/policies/transport/fuel/docs/fuel_metallic_additive_protocol_en.pdf

    Valutazzjoni tal-periklu

    L-għan ta’ dan l-istadju huwa l-ġbir tat-tagħrif kwalitattiv u kwantitattiv dwar il-perikli possibbli tal-AMK, tal-komposti rilaxxati u tal-prodotti ta’ trasformazzjoni għall-bniedem u għall-ambjent.

    Valutazzjoni tal-esponiment

    Il-valutazzjoni tal-esponiment hija l-proċess ta’ kejl jew stima tad-doża jew tal-konċentrazzjoni tas-sustanza li l-bniedem u l-ambjent jistgħu jkunu esposti għaliha skont l-użu tas-sustanza. Il-valutazzjoni tal-esponiment issir f’żewġ stadji: l-iżvilupp ta’ xenarji ta’ esponiment u l-istima tal-esponiment kemm għall-bnedmin kif ukoll għall-ambjent.

    Il-karatterizzazzjoni tar-riskju

    Il-karatterizzazzjoni tar-riskju għandha ssir permezz ta' paragun tal-livelli mistenija ta’ esponiment mal-livelli mistennija mingħajr effett mill-valutazzjoni tal-periklu, kemm għall-bniedem kif ukoll għall-ambjent. Il-proporzjon bejn l-esponiment u l-livelli mingħajr effett jagħti kejl bejn wieħed u ieħor tar-riskju u indikazzjoni dwar (a) jekk hijiex meħtieġa valutazzjoni tar-riskju aktar dettaljata u/jew (b) jekk humiex meħtieġa passi biex inaqqsu jew jimmaniġġjaw ir-riskji.

    Il-Ġestjoni tar-Riskju

    Fil-każ tal-AMK, il-ġestjoni tar-riskju hija tipikament proċess li jsib il-bilanċ bejn il-benefiċċji u r-riskji tas-sustanzi. Minħabba li din il-metodoloġija titlob evalwazzjoni komparattiva tal-karburanti fformulata bl-AMK partikolari u mingħajrhom, l-informazzjoni mogħtija lill-maniġers tar-riskju għandha tippermettilhom jiġġudikaw aħjar ir-riskju jew il-benefiċċju tal-AMK f’termini relattivi peress li l-ġestjoni tar-riskju b’mod inerenti hija kwistjoni ta' għażla bejn għażliet differenti.

    Aktar dettalji dwar il-metodoloġija[7] jinsabu fuq il-websajt tal-Kummissjoni:

    http://ec.europa.eu/clima/policies/transport/fuel/docs/bio_report_en.pdf

    L-Applikazzjoni tal-metodoloġija

    Il-Kummissjoni tinnota li l-metodoloġija tipprevedi li kwalunkwe parti interessata li tapplika l-metodoloġija se tistabilixxi bord konsultattiv magħmul minn membri rikonoxxuti bħala awtoritajiet imparzjali u oġġettivi f’diversi dixxiplini tekniċi, inklużi oqsma bħat-teknoloġija tal-vetturi u l-karburanti, l-analiżi tal-esponiment, l-effetti ekoloġiċi u fuq is-saħħa, u l-valutazzjoni/ġestjoni tar-riskji "biex jgħinu u jagħtu pariri matul it-tħejjija u t-twettiq tal-valutazzjoni." Filwaqt li l-Kummissjoni ma għandhiex bażi legali biex titlob jew tirregola bord konsultattiv bħal dan, hija tirrikonoxxi li dan il-bord konsultattiv jista’ jikkontribwixxi biex ikun żgurat li r-riżultat tal-valutazzjoni jkun jiflaħ skrutinju xjentifiku, ikun kredibbli, riproduċibbli u jkun ġie stabbilit b’mod trasparenti. Il-Kummissjoni, għalhekk, hija lesta tagħti parir dwar il-kompożizzjoni tal-bord konsultattiv meta tintalab tagħmel dan.

    4.           Konklużjoni

    Jidher ċar li l-użu tal-AMK għandu impatt potenzjali fuq is-saħħa u l-ambjent. Sabiex ikun ivvalutat dan l-impatt, ġiet żviluppata metodoloġija li għandha tintuża minn kwalunkwe parti interessata fl-istabbiliment jew fir-reviżjoni ta’ valuri ta’ limitu għall-AMK fid-Direttiva.

    Il-Kummissjoni se timmonitorja l-applikazzjoni ta’ din il-metodoloġija u se tieħu l-inizjattivi kollha xierqa.

    [1]               Dan jiddependi fuq ħafna fatturi oħra bħal kompressjoni tal-magna, kostitwenti oħrajn ta’ karburanti, eċċ.

    [2]               Il-Kumitat Speċjali għat-Teknoloġiji Emerġenti dwar l-effetti fuq is-saħħa (HEI Special Committee on Emerging Technologies) (2011) The Future of Vehicle Fuels and Technologies: Anticipating Health Benefits and Challenges. Il-Komunikazzjoni 16 – L-Istitut dwar l-effetti fuq is-saħħa. Boston, Massachusetts. p.26.

    [3]               Il-Kunsill Internazzjonali dwar it-Trasport Nadif (2008) Pjan Strateġiku 2009-2011.

    [4]               Il-Protokoll taċ-Ċentru tar-Riċerka Konġunta (2011) għall-evalwazzjoni tal-effetti tal-Addittivi Metalliċi tal-Karburanti dwar ir-rendiment tal-emissjonijiet tal-vetturi.

    [5]               l-kejl tal-emissjonijiet għandu jitwettaq skont il-proċedura tal-approvazzjoni tat-tip Ewropew: "Il-gassijiet tal-egżost jiġu dilwiti u jinġabar kampjun proporzjonali f'borża waħda jew aktar. Il-gassijiet tal-egżost ta' ġol-borża/boroż għandhom jiġu analizzati mill-aktar fis possibbli wara li jispiċċa ċ-ċiklu tat-test". Il-proċedura hija deskritta fir-Regolament 83 tal-UNECE, reviżjoni 4, is-26 ta’ April 2011: "Dispożizzjonijiet uniformi dwar l-approvazzjoni ta' vetturi fir-rigward tal-emissjonijiet ta' sustanzi li jniġġsu skont ir-rekwiżiti tal-karburanti tal-magni".

    [6]               Jekk sustanza/taħlita tissodisfa l-kriterji relatati ma’ perikli fiżiċi, għas-saħħa jew għall-ambjent, għandha tiġi kklassifikata qabel ma titqiegħed fis-suq (l-Artikolu 3 CLP). B’hekk, il-manifatturi jkollhom jagħmlu użu mill-informazzjoni kollha disponibbli, inkluż l-informazzjoni minn sustanzi relatati li jistgħu jintużaw. Barra minn hekk, il-fornituri ta’ sustanzi perikolużi għandhom jiżguraw li s-sustanza/it-taħlita jkunu ttikkettati u ppakkjati skont is-CLP (l-Artikolu 4 CLP). Fl-aħħar nett, indipendentement mit-tunnellaġġ tagħhom, sustanzi jew taħlitiet klassifikati bħala perikolużi għandhom jiġu nnotifikati mill-fornituri lill-Inventarju tal-Klassifikazzjoni u l-Ittikkettar tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (l-Artikoli 39-42 CLP).

    [7]               Rapport imħejji mis-Servizz tal-BIJO Intelliġenza għall-Kummissjoni Ewropea: Development of a risk assessment for health and the environment from the use of metallic additives and a test methodology for that purpose.

    Top