EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013DC0408

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI L-aċċellerazzjoni fl-implimentazzjoni tal-Ajru Uniku Ewropew

/* COM/2013/0408 final */

52013DC0408

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI L-aċċellerazzjoni fl-implimentazzjoni tal-Ajru Uniku Ewropew /* COM/2013/0408 final */


KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

L-aċċellerazzjoni fl-implimentazzjoni tal-Ajru Uniku Ewropew

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

1. DAĦLA 1.1. Affermazzjoni mill-ġdid tal-għanijiet tal-Ajru Uniku Ewropew

L-industrija Ewropea tal-avjazzjoni għandha rwol importanti fl-ekonomija Ewropea, billi tippromwovi l-kummerċ u t-turiżmu u billi taġixxi bħala mezz għat-tkabbir tal-impjiegi. Il-kontroll tat-traffiku tal-ajru huwa fattur ewlieni fil-katina tal-valur tal-industrija tal-avjazzjoni. Dan għandu jiżgura fluss sikur, rapidu u kosteffiċjenti tat-traffiku tal-ajru biex b’hekk jiġi minimizzat il-konsum tal-fjuwil, l-emissjonijiet tal-karbonju u l-ħinijiet tat-tajran.

Madankollu, is-servizzi Ewropej tan-navigazzjoni tal-ajru storikament żviluppaw primarjament fi ħdan il-fruntieri nazzjonali, b’kull Stat Membru jistabbilixxi s-Sistema tal-Ġestjoni tat-Traffiku tal-ajru (ATM) tiegħu stess li jwassal għal frammentazzjoni strutturali għalja u ineffiċjenti tal-ispazju tal-ajru tal-Ewropa, u għal nuqqas persistenti ta’ rispons għall-ħtiġijiet tal-klijenti tagħha — il-linji tal-ajru, u fl-aħħar mill-aħħar il-klijenti li jħallsu.

Fl-2004[1], l-UE nediet l-inizjattiva l-Ajru Uniku Ewropew (Single European Sky/SES) b’għan triplu: "li jittejbu l-istandards attwali [tas-sikurezza] tat-traffiku tal-ajru, biex tikkontribwixxi għall-iżvilupp sostenibbli tas-sistema tat-trasport bl-ajru u biex ittejjeb il-prestazzjoni ġenerali tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru (ATM) u tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru tal-Ewropa"[2]. L-impenn għal dawn l-għanijiet ġie infurzat aktar bil-formulazzjoni ta' għanijiet ta’ livell għoli li għandhom jintlaħqu sal-2020[3]. Proġett ewlieni sabiex tiġi modernizzata t-teknoloġija wara s-sistema tal-ATM Ewropea tnieda fl-2007 (il-"Proġett[4] SESAR"). Fl-2009, kien hemm żieda ta’ aktar għodod konkreti sabiex tittejjeb il-prestazzjoni u tiġi xprunata r-riforma tas-sistema tal-ATM Ewropea[5]: strateġija riveduta li tistimola l-forniment ta’ servizz integrat, proċess ta’ ffissar ta’ miri għall-għanijiet tal-prestazzjoni u l-istabbiliment tal-Maniġer tan-Netwerk sabiex jikkoordina l-azzjoni fil-livell tan-netwerk Ewropew. Finalment inħoloq approċċ fuq ħames livelli li jkopri d-diversi aspetti tal-Ajru Uniku Ewropew: is-sikurezza, il-prestazzjoni, it-teknoloġija, l-ajruporti u l-fattur uman.

Il-kisba tal-Ajru Uniku Ewropew hija waħda mill-prijoritajiet ewlenin tal-politika globali dwar it-trasport tal-Kummissjoni Ewropea[6]. Iżda għalkemm l-Istati Membri kollha jibqgħu impenjati għall-Ajru Uniku Ewropew, l-implimentazzjoni għadha lura ferm meta mqabbla mal-aspettattivi oriġinali, u l-aċċelerazzjoni tal-proċess tar-riforma tas-sistema tal-ATM Ewropea permezz ta’ pakkett ġdid ta’ miżuri ġiet identifikata fl-2012 bħala azzjoni ewlenija għall-iżvilupp tas-Suq Uniku[7]. Id-dewmien tat-traffiku tal-ajru naqas (parzjalment bħala konsegwenza tal-kriżi finanzjarja li naqqset it-traffiku tal-ajru fl-Ewropa). Madankollu, filwaqt li l-livelli ta’ sikurezza nżammu b'mod kostanti, il-kosteffiċjenza ma tjibitx malajr biżżejjed, u l-impatt ambjentali tal-profili subottimali tat-titjriet jibqa’ sinifikanti. Fi żmien meta l-linji tal-ajru Ewropej qed jiffaċċjaw kompetizzjoni iebsa fil-livell globali u t-tkabbir fl-avjazzjoni qed jittrasferixxi lejn ir-reġjuni tal-Lvant Nofsani u tal-Asja-Paċifiku, huwa diffiċli li wieħed jinjora l-potenzjal mhux sfruttat tal-gwadanni mill-Ajru Uniku Ewropew, li jammontaw għal EUR 5 biljun fis-sena[8]. Aktar ma jiġi implimentat malajr l-Ajru Uniku Ewropew, aktar se jiġu realizzati malajr il-profitti mistennija.

L-aħħar previżjoni tindika li sal-2035 fl-Ewropa se jkun hemm 14,4 miljun titjira, 50% aktar milli fl-2012. It-tkabbir fit-traffiku tal-ajru se jirriżulta fi pressjoni fuq il-kapaċità tal-ATM u minħabba dan se jikber id-distakk bejn il-kapaċità tal-ATM u d-domanda tal-ajruport[9] billi kważi żewġ miljun titjira ma jkunux jistgħu jiġu akkomodati minħabba n-nuqqas fil-kapaċità tal-ajruport[10].

L-implimentazzjoni tal-Ajru Uniku Ewropew u tar-riforma assoċjata tas-sistema tal-ATM Ewropea għandha tiġi aċċellerata, billi din se tgħin lill-utenti tal-ispazju tal-ajru tagħna f’ambjent globali iebes u kompetittiv, u tiffaċilita t-tkabbir ekonomiku għall-ġejjieni. Għalhekk il-Kummissjoni, abbażi tal-esperjenza tal-Ajru Uniku Ewropew s’issa, qed tipproponi proposta leġiżlattiva oħra mmirata bir-reqqa biex tiffaċilita l-implimentazzjoni bikrija tal-Ajru Uniku Ewropew, magħmula minn pakkett leġiżlattiv li jikkonsisti fir-riformulazzjoni tal-erba’ Regolamenti li joħolqu l-Ajru Uniku Ewropew u mill-emenda tar-Regolament li jistabbilixxi l-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (EASA) [11].

1.2. L-evoluzzjoni tal-prestazzjoni tas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru

Fl-aħħar tad-disgħinijiet, l-Ewropa ffaċċjat dewmien u ineffiċjenza fil-forniment tas-servizzi tal-kontroll tat-traffiku tal-ajru. Aktar minn għaxar snin aktar tard, il-frammentazzjoni tal-ispazju tal-ajru Ewropew għadha għolja, b’50 ċentru tal-kontroll tat-traffiku tal-ajru f’29 Fornitur tas-Servizzi tan-Navigazzjoni tal-Ajru (Air Navigation Service Providers/ANSPs) differenti[12].

Fl-2011, l-ispejjeż diretti u indiretti totali għall-kontroll tat-traffiku tal-ajru fl-Ewropa kienu jammontaw għal madwar EUR 14-il biljun. L-ispejjeż diretti waħedhom (imposti fil-forma ta’ imposti tal-utent) jikkostitwixxu aktar minn 20 % tal-ispejjeż totali operattivi, eskluż il-fjuwil, tal-linji tal-ajru l-aktar effiċjenti. Ġeneralment, l-ispejjeż diretti tal-kontroll tat-traffiku tal-ajru huma t-tielet l-akbar partita (wara l-fjuwil u l-imposti tal-ajruporti) għal-linji tal-ajru.

Il-produttività (imkejla f'sigħat tal-kontrollur tat-traffiku tal-ajru) żdiedet b’madwar 18 % fl-aħħar għaxar snin, iżda l-ispejjeż ġenerali tal-impjiegi għall-kontrolluri tat-traffiku tal-ajru żdiedu b’mod aktar mgħaġġel (bi kważi 40 %). L-ispejjeż totali tal-kontroll tat-traffiku tal-ajru żdiedu b’10 %, u l-għadd ta’ kontrolluri tat-traffiku tal-ajru Ewropej żdied għal madwar 14 500. Dawn madankollu jibqgħu biss terz tal-persunal totali impjegat mill-Fornituri tas-Servizzi tan-Navigazzjoni tal-Ajru, li jindika għadd kbir ħafna ta’ persunal ta’ appoġġ (madwar 30 000 fl-2011).

Anki bit-tnaqqis osservat fit-traffiku tal-ajru, li naqqas il-pressjoni fuq is-sistema, il-kapaċità kienet wieqfa: id-dewmien medju totali tal-kontroll tat-traffiku tal-ajru għal kull titjira kien bejn wieħed u ieħor l-istess fl-2011 bħal fl-2003. Il-prestazzjoni ambjentali tiddependi fuq l-effiċjenza tat-titjira, jiġifieri l-opportunità li tingħata lill-utenti tal-ispazju tal-ajru biex itiru fuq rotot aktar diretti. Is-suċċess sħiħ f’dan il-qasam għad irid jinħass u l-ispejjeż tal-insuffiċjenzi "gate-to gate" minħabba l-fjuwil addizzjonali u l-ħinijiet tat-titjira huma stmati għal madwar EUR 3.8 biljun fl-2011. L-ATC juri rekord ta’ sikurezza tajjeb u għaddejja ħidma sabiex tissaħħaħ l-implimentazzjoni ta’ programmi ta’ sikurezza, sistemi ta’ ġestjoni u metodi ta’ analiżi.

2. INFURZAR U TITJIB TAR-REGOLI EŻISTENTI

Fl-aħħar rieżami tal-qafas legali tal-Ajru Uniku Ewropew fl-2009, il-Kummissjoni ffukat fuq il-ħtieġa għal titjib radikali tal-prestazzjoni tas-sistema tal-kontroll tat-traffiku tal-ajru. It-twassil tal-għanijiet ta’ prestazzjoni fil-fatt għandu jitqies bħala l-ewwel ambizzjoni fit-twaqqif tal-blokok funzjonali tal-ispazju tal-ajru (FABs), tal-ġestjoni tal-funzjonijiet tan-netwerk (il-Maniġer tan-Netwerk), u tal-proġett SESAR.

Dawn kollha għamlu progress matul dawn l-aħħar sentejn. Il-miri għall-ewwel perjodu ta’ referenza (2012-14) tal-iskema ta’ prestazzjoni ġew deċiżi fl-2011 u l-iskema nnifisha daħlet fis-seħħ fl-2012; il-Maniġer tan-Netwerk[13] sar operattiv fl-2011; u l-iskadenza sabiex jittieħdu passi biex ikun hemm spazju tal-ajru operattiv iktar integrat, ibbażat fuq Blokok Funzjonali tal-Ispazju tal-Ajru, waslet f’Diċembru 2012. L-Impriża Konġunta SESAR, li l-kompitu tagħha huwa li tissorvelja l-iżvilupp tas-SESAR, bdiet twassal l-elementi tas-sistema l-ġdida tal-ATM. Fl-aħħar nett, l-iskadenzi għal xi miżuri ewlenin oħrajn (bħal datalink u l-kwalità tad-dejta ajrunawtika) intlaħqu wkoll iżda f’għadd ta’ każijiet, l-implimentazzjoni għadha lura.

Il-livell ta’ attività flimkien mal-implimentazzjoni tal-Ajru Uniku Ewropew kienu għolja f’dawn l-aħħar sentejn, iżda l-benefiċċji mistennija jistgħu jkunu ġeneralment meqjusa bħala insuffiċjenti. Il-pjanijiet ta’ prestazzjoni miftiehma fil-livell tal-UE għall-2012-14 għandhom iwasslu biex jiġu ffrankati EUR 2.4 biljun matul it-tliet snin. Il-kontribuzzjonijiet ippjanati tal-Istati Membri madankollu għadhom ma laħqux din il-mira globali, u għad fadal nuqqas ta’ EUR 189 miljun. Barra minn hekk, l-utenti tal-ispazju tal-ajru jikkontestaw il-validità ta’ dawn iċ-ċifri, bl-argument li l-inflazzjoni, ir-riporti u l-qsim tar-riskju li jirriżultaw mis-snin preċedenti fil-fatt se jwasslu għal żieda sostanzjali tal-kostijiet tagħhom fl-2014. Il-Maniġer tan-Netwerk mar tajjeb, iżda l-funzjonijiet tiegħu jibqgħu limitati, b’mod partikolari fir-rigward tal-adozzjoni ta’ azzjonijiet ta' rimedju konkreti. Fl-aħħar nett, filwaqt li l-Istati Membri qablu li jistabbilixxu disa’ Blokok Funzjonali tal-Ispazju tal-Ajru, dawn essenzjalment jibqgħu sforzi istituzzjonali u amministrattivi u għadhom ma jipprovdux qligħ operazzjonali konkret.

Il-leġiżlazzjoni eżistenti diġà tista’ tgħin fl-indirizzar ta’ dawn il-kwistjonijiet bis-saħħa ta' poteri mogħtija lill-Kummissjoni biex tiddefinixxi u tinforza miżuri ta’ implimentazzjoni. L-iskemi ta’ prestazzjoni u ta' ċċarġjar ġew riveduti dan l-aħħar biex jiġu mmodernizzati fid-dawl tal-esperjenza tal-ewwel applikazzjoni tagħhom. Il-Kummissjoni għandha tiffissa miri ta’ prestazzjoni bbażati fuq il-leġiżlazzjoni eżistenti għall-perjodu ta’ referenza li jmiss (2015-2019) sa tmiem l-2013. Il-mekkaniżmi tal-governanza għall-implimentazzjoni tas-SESAR ġew introdotti waqt li qed titwitta t-triq għall-għażla ta’ maniġer għall-implimentazzjoni u t-tnedija tal-proċess tal-implimentazzjoni fl-2014.

Il-Kummissjoni hija determinata li tiżgura l-implimentazzjoni tas-SES fl-aspetti kollha, u għalhekk ħadet passi preparatorji biex tniedi proċeduri ta’ ksur kontra l-Istati Membri li s’issa naqsu milli jikkonformaw mar-rekwiżiti għall-istabbiliment tal-Blokok Funzjonali tal-Ispazju tal-Ajru. Bl-istess mod mhix se toqgħod lura milli tieħu passi ulterjuri jekk jiġi kkonfermat in-nuqqas ta’ implimentazzjoni ta’ xi miżuri ta’ interoperabbiltà, pereżempju, is-servizzi tad-datalink.

Iżda l-aktar punt essenzjali, l-aċċellerazzjoni fl-implimentazzjoni tal-ajru uniku Ewropew jirrikjedi li miri ambizzjużi ta’ prestazzjoni, partikolarment fil-oqsma tal-kapaċità u tal-kosteffiċjenza, jiġu stabbiliti fit-tieni u fit-tielet perjodi ta’ referenza tal-iskema ta’ prestazzjoni. F'dan il-kuntest, se tingħata aktar attenzjoni lill-prestazzjoni mill-perspettiva "gate-to-gate". Se jsir dejjem aktar diffiċli sabiex jitwassal il-livell meħtieġ ta' prestazzjoni f'netwerk ikkaratterizzat minn numru akbar ta' ċentri tal-kontroll tat-traffiku tal-ajru u ta' ajruporti ffaċċjati bi kwistjonijiet serji ta' konġestjoni.

Għalhekk, il-Kummissjoni se tkompli tissorvelja mill-qrib l-evoluzzjoni tat-traffiku tal-ajru u l-impatt tiegħu fuq l-ATM u fuq il-kapaċità tal-ajruport fl-Ewropa biex tiżgura li l-profitti ta' kapaċità meħtieġa jitwasslu f'waqthom.

3. TITJIB FL-EFFIĊJENZA TAL-AJRU UNIKU EWROPEW 3.1. Il-Fornituri tas-Servizzi tan-Navigazzjoni tal-Ajru jikkonċentraw fuq il-ħtiġijiet tal-klijenti: it-twassil ta’ prestazzjoni

L-iskema ta’ prestazzjoni hija l-fattur ewlieni għall-kejl tal-kisbiet tal-Ajru Uniku Ewropew. Ibbażata fuq sistema tal-iffissar tal-miri, l-ippjanar, il-monitoraġġ u r-rappurtar fl-erba’ oqsma ta’ prestazzjoni ewlenin li huma s-sikurezza, l-ambjent, il-kapaċità u l-kosteffiċjenza, l-iskema ta’ prestazzjoni tistabbilixxi l-qafas li taħthom il-fornituri tas-servizzi huma mġiegħla jinbidlu sabiex jipprovdu servizzi aħjar bi prezzijiet aktar baxxi. Pereżempju l-miri tal-ispejjeż effettivament jistabbilixxu limitu fuq il-prezz tas-servizzi, li 'l fuq minnu l-fornituri tas-servizzi ma jistgħux jiċċarġjaw lill-utenti, u b’hekk jiġu sfurzati biex ikunu aktar kosteffiċjenti.

L-implimentazzjoni tal-iskema fl-ewwel perjodu ta’ referenza mill-2012-2014 se twassal għal xi riżultati tanġibbli fil-forma ta’ kisbiet fl-effiċjenza. Flimkien mal-miri tal-ambjent u tal-kapaċità, it-titjiriet se jkunu aktar diretti u d-dewmien se jonqos. Fl-istess ħin huwa wkoll ċar li seta' jinkiseb aktar: il-miri inizjali proposti mill-Kummissjoni u mill-Korp ta’ Analiżi tal-Prestazzjoni għall-ewwel perjodu ta’ referenza tnaqqsu fil-proċess ta’ approvazzjoni fil-Kumitat tal-Ajru Uniku fejn l-Istati Membri użaw il-veto kontra l-miri aktar ambizzjużi. Minbarra dan,- kif ġie indikat hawn fuq- -il-pjanijiet ta’ prestazzjoni finali huma neqsin b'ammont żgħir iżda sinifikanti, biex b'hekk, il-livell globali ta’ ambizzjoni jerġa' jonqos.

L-esperjenza turi wkoll li l-Istati Membri, li huma jew s-sidien uniċi jew bil-maġġoranza tal-fornituri tas-servizzi, għandhom tendenza kbira li jiffukaw fuq l-għejun sodi ta’ dħul mis-sistema tas-servizzi tal-kontroll tat-traffiku tal-ajru ffinanzjata mill-utenti, u jistgħu għalhekk joqogħdu lura milli japprovaw bidla fundamentali lejn spazju tal-ajru operattiv iktar integrat li jġib miegħu riskji ta’ strajks jew riperkussjonijiet possibbli għall-baġits nazzjonali li għandhom nuqqas ta’ likwidità.

F'dan l-isfond, l-iskema ta’ prestazzjoni teħtieġ li tissaħħaħ biex tiżdied it-trasparenza u ssir aktar infurzabbli; biex l-iffissar tal-miri jsir aktar tekniku u aktar ibbażat fuq l-evidenza; biex tiżdied l-indipendenza tal-Korp ta' Analiżi tal-Prestazzjoni bħala l-konsulent tekniku ewlieni, u fl-aħħar nett meta l-miri ma jintlaħqux, biex il-kontroll mill-Kummissjoni jiġi rinfurzat u s-sanzjonijiet jiġu ffaċilitati. B'mod parallel l-utenti tal-ispazju tal-ajru għandom jingħataw rwol aktar b'saħħtu fil-proċess.

Skont is-sistema attwali, l-Istati Membri fil-Kumitat tal-Ajru Uniku għandhom id-deċiżjoni aħħarija dwar il-miri, l-adozzjoni tal-pjanijiet ta’ prestazzjoni u l-aċċettazzjoni ta’ miżuri korrettivi f’każ li l-miri ma jintlaħqux. Fil-pakkett leġiżlattiv tagħha, il-Kummissjoni qed tipproponi li jissaħħu l-mekkaniżmi ta' kontroll u ta’ sanzjonijiet. Barra minn hekk, il-membri tal-Korp ta’ Analiżi tal-Prestazzjoni għandhom b’dan jiġu nnominati direttament mill-Kummissjoni, sabiex tiġi żgurata l-imparzjalità.

3.2. Tiżdied l-effiċjenza ta’ servizzi ta’ appoġġ

L-ewwel pakkett tal-Ajru Uniku Ewropew tal-2004 kellu l-għan li jdaħħal mekkaniżmi tas-suq għall-forniment ta’ servizzi ta’ appoġġ, sabiex l-effiċjenza tagħhom titjieb[14]. Fil-prattika ftit inkiseb, għalkemm fiż-żewġ każijiet[15] fejn tali miżuri ittieħdu fl-Isvezja u fir-Renju Unit - ir-riżultati kienu pożittivi (skont stima ta' wieħed mill-Fornituri tas-Servizzi tan-Navigazzjoni tal-Ajru l-iffrankar kien madwar 50 % meta mqabbel mal-forniment ta’ servizzi ta’ appoġġ internalizzati). Għalhekk jista’ u għandu jsir aktar sabiex il-forniment ta’ servizzi ta’ appoġġ jiġi ddelegat lil fornituri speċjalizzati.

L-introduzzjoni ta' mekkaniżmi tas-suq, fejn possibbli, hija kompletament konformi ma’ dak li qed isir xi mkien ieħor fl-industriji Ewropej tal-infrastruttura jew permezz tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq jew permezz tal-kompetizzjoni għas-suq skont il-proċeduri tas-sejħa ta' offerti li jipprovdu konċessjonijiet limitati biż-żmien. Il-ftuħ progressiv tas-servizzi ta’ appoġġ għall-kompetizzjoni mhux biss se jipprovdi opportunitajiet ġodda ta’ negozju lill-industrija tal-ATM u lil hinn, iżda se jippermetti wkoll l-implimentazzjoni iktar rapida u ekonomika ta’ teknoloġiji ġodda. Skont l-aktar stima konservattiva bbażata fuq l-esperjenza reċenti, huwa mistenni li jiġi ffrankat madwar 20 % mis-servizzi ta’ appoġġ.

B’mod ċar, l-introduzzjoni tal-kompetizzjoni fis-servizzi tal-ATM kollha ma tkunx xierqa. L-analiżi tal-Kummissjoni tindika li s-servizzi ewlenin tal-kontroll tat-traffiku tal-ajru huma monopolji naturali għall-inqas bit-teknoloġija attwali: mhuwiex fattibbli pereżempju, li jkun hemm żewġ torrijiet ta’ kontroll f’ajruport uniku jew żewġ kontrolluri fl-istess settur jikkompetu għan-negozju. Fit-teorija, il-proċeduri tal-offerti li joffru konċessjonijiet għal perjodi limitati ta’ żmien jistgħu jiġu kkunsidrati għal dawn is-servizzi ewlenin, iżda dan ikun jeħtieġ regolazzjoni u sorveljanza ekonomiċi qawwija.

Madankollu, servizzi ta’ appoġġ, bħall-meteoroloġija, l-informazzjoni ajrunawtika, il-komunikazzjoni, is-servizzi tan-navigazzjoni jew tas-sorveljanza huma proposti aktar prattiċi. Jeżistu ħafna kumpaniji ġewwa u barra d-dinja tal-ATM li jistgħu joffru dawn is-servizzi, servizzi li jisgħu jinqasmu bejn bosta fornituri bil-għan li l-kompetizzjoni tiġi massimizzata, jew — kif ġie ssuġġerit riċentement mill-Eurocontrol fl-analiżi tiegħu tal-kunċett ta’ “servizzi ċentralizzati”, attribwit lil fornitur wieħed jew lil grupp ta’ fornituri tas-servizz li jistgħu jsostnu diversi fornituri ewlenin.

Il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li għandhom jiġu introdotti mekkaniżmi tas-suq sabiex tiżdied l-effiċjenza fil-forniment tas-servizzi ta’ appoġġ. F’dan il-pakkett leġiżlattiv il-Kummissjoni tipproponi li tfittex li tikseb is-separazzjoni u l-ftuħ tas-suq ta’ wħud minn dawn is-servizzi ta’ appoġġ imsemmija hawn fuq.

3.3. Tisħiħ tal-indipendenza tal-Awtoritajiet Superviżorji Nazzjonali

L-Awtoritajiet Superviżorji Nazzjonali għandhom rwol ewlieni x’jaqdu fl-implimentazzjoni tal-Ajru Uniku Ewropew. Il-kompiti tagħhom żdiedu gradwalment sa mit-twaqqif tagħhom fl-2004 u ħafna għadhom qed jiżviluppaw l-organizzazzjoni u l-kapaċitajiet korrispondenti tagħhom. Ir-responsabbiltajiet primarji tagħhom ikopru l-verifiki tal-konformità tal-Fornituri tas-Servizzi tan-Navigazzjoni tal-Ajru, li jinvolvu s-superviżjoni ta’ forniment ta’ servizz li huwa sikur u effiċjenti, l-organizzazzjoni ta' spezzjonijiet xierqa u l-konklużjoni u l-implimentazzjoni ta' ftehimiet dwar is-superviżjoni tal-Fornituri tas-Servizzi tan-Navigazzjoni tal-Ajru fi ħdan Blokok Funzjonali tal-Ispazju tal-Ajru. L-Awtoritajiet Superviżorji Nazzjonali jikkooperaw ukoll biex jiżguraw is-superviżjoni tal-Fornituri tas-Servizzi tan-Navigazzjoni tal-Ajru li jipprovdu servizzi fi Stat ieħor. Fl-aħħar nett, huma jħejju, jissorveljaw u jimmonitorjaw il-pjanijiet ta’ prestazzjoni tal-ANSP, billi din il-ħidma qed issir dejjem iktar importanti.

Għadd ta’ diffikultajiet fl-implimentazzjoni tal-Ajru Uniku Ewropew jistgħu jiġu attribwiti għad-diffikultajiet min naħa tal-Awtoritajiet Superviżorji Nazzjonali – għal riżorsi inadegwati, għal nuqqas ta’ għarfien espert u għal nuqqas ta’ indipendenza kemm mill-gvernijiet kif ukoll mill-Awtoritajiet Superviżorji Nazzjonali. Dan affettwa kemm il-proċessi ta’ ċertifikazzjoni u ta' superviżjoni tal-Fornituri tas-Servizzi tan-Navigazzjoni tal-Ajru, kif ukoll it-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-iskema ta’ prestazzjoni. Jekk dawn in-nuqqasijiet ma jiġux indirizzati se jkun hemm riskju sinifikanti għall-implimentazzjoni tal-Ajru Uniku Ewropew.

Il-problema ta' riżorsi inadegwati għandha impatt dirett fuq il-ħiliet tekniċi u ddgħajjef l-indipendenza tal-korp regolatorju vis-à-vis l-ANSP, u għandha tiġi solvuta billi ssaħħaħ il-kooperazzjoni reċiproka bejn l-Awtoritajiet Superviżorji Nazzjonali (pereżempju fil-livell tal-Blokk Funzjonali tal-Ispazju tal-Ajru), b’koordinazzjoni iktar intensiva bejn l-Awtoritajiet Superviżorji Nazzjonali billi tippermettilhom jikkondividu l-aħjar prattiki u jipparteċipaw fi programmi ta’ taħriġ u billi jinġabru flimkien l-esperti pereżempju taħt l-awspiċi tal-EASA. Aktar awtonomija finanzjarja għandha tagħmilha possibbli li jkunu indirizzati n-nuqqasijiet eżistenti ta' persunal.

L-Awtoritajiet Superviżorji Nazzjonali għandhom iwettqu d-dmirijiet tagħhom b’imparzjalità u indipendenza. Filwaqt li l-leġiżlazzjoni eżistenti tirrikjedi li "Din l-indipendenza għandha tinkiseb permezz ta' separazzjoni xierqa, għall-inqas fil-livell funzjonali"[16] bejn l-Awtoritajiet Superviżorji Nazzjonali u l-Fornituri tas-Servizzi tan-Navigazzjoni tal-Ajru, il-maġġoranza tal-Istati għażlu separazzjoni strutturata. Madankollu, anki din mhux dejjem kienet ta' suċċess, speċjalment meta r-riżorsi u l-għarfien espert għadhom inadegwati, li jirriżultaw f’influwenza iktar qawwija mill-Fornituri tas-Servizzi tan-Navigazzjoni tal-Ajru. Għalhekk, il-Kummissjoni tipproponi sett ta’ kriterji li jorbtu sabiex ikun żgurat it-tħaddim effettiv u awtonomu tal-Awtoritajiet Superviżorji Nazzjonali.

F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni temmen li l-qafas regolatorju li jittratta l-effiċjenza u l-indipendenza tal-Awtoritajiet Superviżorji Nazzjonali għandu jissaħħaħ bħala kwistjoni ta’ prijorità u se tipproponi speċifikament kriterji vinkolanti relatati mal-indipendenza u l-kapaċità tal-Awtoritajiet Superviżorju Nazzjonali.

4. TNEĦĦIJA TAL-FRAMMENTAZZJONI TAS-SISTEMA TAL-ATM EWROPEA 4.1. L-inkoraġġiment ta' sħubiji industrijali

Il-Blokok Funzjonali ta’ Spazju tal-Ajru, huma maħsuba biex jiġġieldu l-frammentazzjoni tal-ispazju tal-ajru billi tiġi stabbilita kooperazzjoni bejn il-Fornituri tas-Servizzi tan-Navigazzjoni tal-Ajru permezz tal-perfezzjonament tal-organizzazzjoni u tal-użu tal-ispazju tal-ajru minħabba d-disinn tagħhom ta’ setturi ta' kontroll ottimali u tar-rotot fuq żoni akbar u b’hekk jinkisbu sinerġiji globali permezz ta’ ekonomiji ta’ skala. Fl-2009, ġiet stabbilita skadenza vinkolanti ta’ Diċembru 2012 għall-Istati Membri biex jistabbilixxu Blokok Funzjonali tal-Ispazju tal-Ajru inklużi serje ta’ kriterji dettaljati u vinkolanti relatati ma’ prestazzjoni mtejba fil-forniment tas-servizzi.

Filwaqt li saret ħidma kbira mill-Istati Membri u mill-Fornituri tas-Servizzi tan-Navigazzjoni tal-Ajru biex jinħolqu Blokok Funzjonali tal-Ispazju tal-Ajru, il-progress kien wieħed diżappuntanti. Disa’ Blokok Funzjonali tal-Ispazju tal-Ajru ġew mħabbra, iżda fil-fatt l-ebda wieħed minnhom ma huwa operattiv bis-sħiħ, u bosta jidhru intenzjonati li jissodisfaw rekwiżiti formali, iktar milli biex jiġu żviluppati sinerġiji jew ekonomiji ta’ skala.

Żviluppi reali fil-Blokok Funzjonali tal-Ispazju tal-Ajru – bil-kontra ta' dawk sempliċement istituzzjonali – ta' sikwit ġew ostakolati, minħabba l-biżgħat li f'każ li dawn l-iżviluppi tal-FABs kienu jiġu implimentati u s-servizzi razzjonalizzati, pereżempju, billi r-rotot jitqassru, il-fluss tad-dħul mit-tariffi tan-navigazzjoni tal-ajru kien jonqos, u f'xi każijiet b'aktar minn 30 %. Oppożizzjoni qawwija mill-persunal li ddefendew il-livelli attwali tal-persunal tagħhom kienet kwistjoni oħra li l-Istati kellhom iħabbtu wiċċhom magħha f'dan ir-rigward.

Barra minn hekk, saru pretensjonijiet dwar problemi ta' sovranità nazzjonali bil-ħsieb li l-monopolji eżistenti jibqgħu protetti, f'ġieħ il-protezzjoni tal-infrastruttura, tal-għanijiet u tal-operazzjonijiet militari fl-ispazju tal-ajru Ewropew. Filwaqt li l-ħtiġijiet militari ġenwini huma protetti b'mod ġustifikat fil-qafas tal-Ajru Uniku Ewropew, il-firda bejn dawk il-ħtiġijiet validi u l-protezzjoni mhux dovuta tal-interessi nazzjonali ta' sikwit hija mċajpra. Fl-aħħar nett, it-trattament tal-amortizzazzjoni fit-tul u tal-pjanijiet ta' investiment eżistenti dwar l-infrastruttura teknika wera li kien każ sensittiv wisq biex jippermetti l-Istati jaġixxu, minkejja r-rekwiżit regolatorju eżistenti dwar il-ksib tal-użu ottimali tar-riżorsi fl-FABs.

Il-Kummissjoni se tkompli ssegwi każijiet ta’ ksur kontra l-Istati Membri fir-rigward tal-Blokok Funzjonali tal-Ispazju tal-Ajru, partikolarment dawk fejn il-progress lejn ir-riforma ma jkunx jidher ċar fix-xhur li ġejjin, u tibqa’ impenjata għall-adozzjoni mill-Blokok Funzjonali tal-Ispazju tal-Ajru ta’ mudelli organizzattivi tajbin għal spazju tal-ajru operattiv iktar integrat. Jista' jagħti l-każ li l-Blokok Funzjonali tal-Ispazju tal-Ajru realment issa jkunu jeħtieġu iktar flessibbiltà billi jagħmluha legalment aktar ċar li huma jistgħu jsegwu arranġamenti ta’ kooperazzjoni aktar varjabbli bejn il-Fornituri tas-Servizzi tan-Navigazzjoni tal-Ajru sabiex ikunu sfruttati s-sinerġiji u jingħaqdu ma’ sħab differenti għal proġetti differenti sabiex tittejjeb il-prestazzjoni. Dawn l-arranġamenti jistgħu jkopru l-akkwist komuni, it-taħriġ, is-servizzi ta’ appoġġ jew id-delegazzjoni tas-servizzi. Il-Kummissjoni tipproponi li temenda r-regoli biex jippermettu li l-Blokok Funzjonali tal-Ispazju tal-Ajru jsegwu proġetti bħal dawn. Il-mod preċiż kif għandha tittejjeb il-prestazzjoni għandu jitħalla għall-parteċipanti tal-industrija, sakemm iseħħ it-titjib fil-prestazzjoni.

F’dan il-pakkett leġiżlattiv il-Kummissjoni qed tipproponi li l-kunċett tal-Blokk Funzjonali tal-Ispazju tal-Ajru jiġi żviluppat aktar sabiex ikun immexxi aktar mill-prestazzjoni u jsir għodda flessibbli għall-Fornituri tas-Servizzi tan-Navigazzjoni tal-Ajru, ibbażata fuq sħubiji industrijali, bil-għan li jintlaħqu l-miri stipulati mill-skema tal-prestazzjoni tal-Ajru Uniku Ewropew.

Se jkun hemm ukoll aktar enfasi fuq il-Maniġer tan-Netwerk ċentrali fir-rigward tal-ġestjoni tal-ispazju tal-ajru globalment (ara t-Taqsima 4.2)

4.2. Tisħiħ tar-rwol tal-Maniġer tan-Netwerk

Il-Maniġer tan-Netwerk għan-netwerk tal-ATM tal-UE, li beda jaħdem minn 2011, huwa attur ewlieni fl-implimentazzjoni tal-Ajru Uniku Ewropew. Għadd dejjem jikber ta’ funzjonijiet u servizzi fis-sistema tal-ATM Ewropea jistgħu fil-fatt jitwettqu b’mod iktar ċentralizzat. Il-Eurocontrol inħatar mill-Kummissjoni bħala Maniġer tan-Netwerk, u l-prestazzjoni tiegħu kienet waħda tajba[17]; fil-kapaċità tiegħu bħala Maniġer tan-Netwerk, għandu bħala kompitu ewlieni l-prevenzjoni tal-ostakli fl-ispazju tal-ajru u ta' tagħbija żejda fis-sistema fuq bażi ta’ kuljum, kif ukoll l-iffaċilitar ta’ rotot diretti ta’ inġenji tal-ajru. Dawn il-funzjonijiet b’hekk jappoġġjaw direttament il-Fornituri tas-Servizzi tan-Navigazzjoni tal-Ajru biex jilħqu l-miri ta’ prestazzjoni relatati mal-kapaċità u mal-effiċjenza tat-titjiriet. Ir-rwol tal-Maniġer tan-Netwerk huwa rikonoxxut mill-partijiet kollha interessati bħala essenzjali.

Il-promozzjoni tad-dimensjoni tan-netwerk f’termini strateġiċi u operattivi teħtieġ kooperazzjoni mill-qrib ħafna mal-partijiet interessati operattivi kollha. Madankollu, filwaqt li l-intenzjoni oriġinali kienet li tinħoloq governanza qawwija mmexxija mill-industrija b’setgħat eżekuttivi ċari, fil-prattika l-Maniġer tan-Netwerk għandu t-tendenza li jieħu d-deċiżjonjiet permezz tal-kunsens, u dan ta’ spiss iwassal għal kompromessi dgħajfa. Il-kunċett ta’ sħubija industrijali għal forniment tas-servizzi imtejjeb għandu jittieħed bħala għan li jikkonforma wkoll mar-riforma msaħħa tal-Eurocontrol (ara t-Taqsima 5.2). B’hekk il-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru u l-utenti tal-ispazju tal-ajru jkunu jipparteċipaw fil-Maniġer tan-Netwerk bħala tip ta’ impriża konġunta. Dan il-mudell jiżgura s-separazzjoni minn korpi regolatorji għaliex huwa jibdel ir-rwol tal-Maniġer tan-Netwerk minn dak ta' organizzazzjoni intergovernattiva normali aktar lejn dak ta' fornitur tas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru. Barra minn hekk jiffavorixxi investimenti fil-Maniġer tan-Netwerk li huma konsistenti mal-pjanijiet ta’ negozju tal-partijiet interessati operattivi, billi s-sħab tal-industrija se jaraw l-organizzazzjoni bħala parti min-negozju tagħhom stess u għalhekk se jkunu iktar lesti biex jinvestu f’din l-operazzjoni.

Barra minn hekk, l-operazzjonijiet tal-Maniġer tan-Netwerk attwali jkopru biss subsett ta’ funzjonijiet u servizzi meħtieġa għall-ottimizzazzjoni tal-prestazzjoni tan-netwerk. Għalhekk hija meħtieġa estensjoni gradwali tal-ambitu tal-azzjoni inizjali u operattiva tal-Maniġer tan-Netwerk.

F’dan il-pakkett leġiżlattiv il-Kummissjoni għalhekk tipproponi li jissaħħaħ ir-rwol tal-Maniġer tan-Netwerk ibbażat fuq governanza razzjonalizzata ċara li tagħti rwol aktar prominenti lill-industrija (il-Fornituri tas-Servizzi tan-Navigazzjoni tal-Ajru, l-utenti tal-ispazju tal-ajru u l-ajruporti). Dan se jippermetti t-tkabbir tal-ambitu sabiex jinkludi funzjonijiet ġodda (inklużi aspetti ta’ disinn tal-ispazju tal-ajru) u servizzi relatati mal-operazzjonijiet tan-netwerk li għandhom jitwettqu fuq il-livell ċentrali mill-Maniġer tan-Netwerk.

5. BINI TA’ QAFAS ISTITUZZJONALI AKTAR KONSISTENTI 5.1. Ir-rwol tal-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (EASA) fl-ATM

L-EASA kienet ta' importanza kbira għall-politika tal-avjazzjoni tal-UE mill-2002, bl-għan tagħha kemm li jintlaħaq livell għoli u uniformi ta’ sikurezza kif ukoll li jinġiebu 'l quddiem l-għanijiet tradizzjonali tal-UE ta’ kundizzjonijiet ekwi, tal-moviment liberu, tal-ħarsien tal-ambjent, l-evitar ta’ duplikazzjoni regolatorja, il-promozzjoni tar-regoli tal-ICAO eċċ. Fl-2009[18], ir-responsabbiltajiet tal-EASA twessgħu biex ikopru wkoll l-aspetti tas-sikurezza relatati mal-ATM u mal-ajrudromi. L-estensjoni tal-2009 għall-ATM ħolqot duplikazzjoni billi ċerti azzjonijiet huma koperti kemm mil-leġiżlazzjoni tal-Ajru Uniku Ewropew u kemm mir-regolament bażiku tal-EASA. Dan sar intenzjonalment sabiex jiġi evitat li jkun hemm lakuna possibbli fil-qafas regolatorju matul il-fażi ta’ tranżizzjoni. Iżda l-leġiżlazzjoni tistieden lill-Kummissjoni biex tipproponi bidliet għat-tneħħija tad-duplikazzjoni ladarba jkunu ġew stabbiliti r-regoli ta’ implimentazzjoni tal-EASA[19].

F’oqsma bħal-liċenzjar tal-ekwipaġġ tal-ajru jew l-ajrunavigabbiltà tagħhom, l-EASA tiżgura l-abbozzar tar-regoli tekniċi kollha tal-ATM, iżda l-ATM kienet differenti f’li saret distinzjoni bejn ir-regoli ta' “sikurezza” u ta' “non-sikurezza” , minħabba r-rwol residwu qawwi tal-Eurocontrol fi kwistjonijiet ta’ non-sikurezza. Il-problema hija li r-regoli tekniċi kollha tal-ATM jinkludu kemm elementi tas-sikurezza kif ukoll elementi relatati mal-kapaċità, mal-ispiża u mal-effiċjenza, u għalhekk l-implimentazzjoni hija diffiċli, partikolarment billi numru dejjem akbar ta’ regoli ATM għandhom impatti wkoll fl-ajru u għalhekk fuq l-ajrunavigabbiltà, fuq l-operazzjonijiet tal-ajru, fuq it-taħriġ, eċċ. Issa li l-proġett SESAR qed joqrob lejn l-implimentazzjoni, hemm ir-riskju li l-problema tal-allinjament tar-regoli tekniċi differenti tmur għall-agħar minħabba li t-teknoloġiji u l-kunċetti kollha relatati għandhom jiġu ffaċilitati jew awtorizzati mis-sistema regolatorja. Jeħtieġ li noqorbu lejn strateġija regolatorja unika, struttura ta' regoli u proċess ta’ konsultazzjoni fil-qafas tal-EASA, bil-għan ukoll li jkun żgurat l-involviment xieraq tal-partijiet kollha affettwati, bħall-utenti tal-ispajzu tal-ajru, l-ajruporti, il-fornituri tas-servizzi u l-komunità militari.

F’dan il-pakkett leġiżlattiv il-Kummissjoni tipproponi li jitneħħa l-irkib li hemm bejn ir-regolamenti tal-Ajru Uniku Ewropew u tal-EASA u li l-ħidma tinqasam bejn l-istituzzjonijiet differenti skont dan. Il-Kummissjoni għandha għalhekk tiffoka fuq il-mistoqsijiet ewlenin ta’ regolazzjoni ekonomika, filwaqt li l-EASA tiżgura l-abbozzar u s-sorveljanza kkoordinati tar-regoli tekniċi kollha, billi jintuża l-għarfien espert tal-Eurocontrol, tal-Istati Membri, u tal-partijiet interessati tal-industrija. Il-proposta tieħu wkoll l-opportunità biex taġġorna r-Regolament tal-EASA kemm biex dan jinkludi r-referenzi aġġornati għall-proċedura tal-komitoloġija f’konformità mat-Trattat ta’ Liżbona, kif ukoll għall-governanza tal-EASA f'konformità mal-Approċċ Komuni tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar l-aġenziji deċentralizzati tal-UE f’Lulju 2012. Dan il-ftehim jinkludi wkoll l-istandardizzazzjoni tal-ismijiet tal-Aġenziji tal-UE, sabiex l-isem EASA jiġi mmodifikat għal "Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Avjazzjoni (EAA)".

5.2. Eurocontrol jikkonċentra fuq il-ġestjoni u t-tħaddim tan-netwerk Ewropew tal-ATM

Il-Eurocontrol huwa attur ewlieni fl-implimentazzjoni tal-Ajru Uniku Ewropew. Oriġinarjament ġie stabbilit sabiex jipprovdi sistema kollettiva tal-kontroll tat-traffiku tal-ajru f’sitt Stati Membri Ewropej[20], u matul is-snin kellu sett wiesa’ ta’ kompiti relatati mal-ATM u sar ċentru ewlieni tal-għarfien espert tal-ATM. Wara l-estensjoni tal-kompetenza tal-UE għal kwistjonijiet tal-ATM, l-Eurocontrol beda proċess ta’ riorganizzazzjoni biex jikkonforma mal-politika tal-Ajru Uniku Ewropew: l-ewwel nett biex jiġi rrispettat il-prinċipju ta’ separazzjoni ta’ attivitajiet regolatorji mill-forniment tas-servizzi; u t-tieni biex tkun evitata d-duplikazzjoni tar-rwoli dejjem jiżdiedu tal-Kummissjoni u tal-EASA f'attivitajiet regolatorji, tat-tfassil tal-politika, taċ-ċertifikazzjoni, u ta’ sorveljanza. L-UE saret membru provviżorju ta’ din l-organizzazzjoni fl-2003. Il-proċess li għaddej ta' riforma tal-Eurocontrol ffaċilita l-ħatra tiegħu bħala Korp ta’ Analiżi tal-Prestazzjoni (PRB) fl-2010 u ta' Maniġer tan-Netwerk fl-2011 u, b'bidu mill-2007, il-parteċipazzjoni tiegħu fl-Impriża Konġunta SESAR bħala membru fundatur.

Barra minn hekk, bi sforz għall-koordinazzjoni aħjar tal-attivitajiet tagħhom, l-UE u l-Eurocontrol iffirmaw ftehim ta’ livell għoli fl-2012 li jagħraf il-kontribut li l-Eurocontrol jista’ jagħmel għat-twaqqif ta’ sistema effiċjenti tal-ATM Ewropea billi jgħin lill-UE fir-rwol tagħha bħala regolatur uniku Ewropew. F'dan ir-rigward l-Eurocontrol se jkompli jagħti l-appoġġ tiegħu lill-Kummissjoni u lill-EASA fl-abbozzar ta' regoli u ta' regolamenti.

Diġà ttieħdu passi sinifikanti, u l-aħħar parti tal-proċess tar-riforma tal-Eurocontrol beda fl-2013. Jibqa’ organizzazzjoni intergovernattiva u l-Kostituzzjoni tiegħu u l-korpi għat-teħid tad-deċiżjonijiet tiegħu (bħalma huma l-Kunsill Provviżorju) għad ma jirriflettux ir-riżultat tal-bidliet riċenti tar-riforma. Il-Kummissjoni tappoġġa r-riforma għaddejja tal-Eurocontrol li se tiffoka fuq il-ġestjoni u t-tħaddim tan-netwerk Ewropew tal-ATM. L-importanza partikolari ta’ dan ir-rwol diġà ġiet rikonoxxuta mill-UE permezz ta’ mandat għall-Eurocontrol biex iwettaq funzjonijiet ta’ Ġestjoni tan-Netwerk stabbiliti skont il-leġiżlazzjoni tal-Ajru Uniku Ewropew. Dawn il-funzjonijiet jistgħu jissaħħu aktar – u l-effiċjenza tan-netwerk tiġi mtejba aktar – likieku l-Maniġer tan-Netwerk kellu jiġi inkarigat b'funzjonijiet tan-netwerk addizzjonali jew b'servizzi ċentralizzati li jiġu kkuntrattati lill-industrija li l-Fornituri tas-Servizzi tan-Navigazzjoni tal-Ajru jistgħu jagħmlu użu minnha. Dan l-iżvilupp għandu jiġi promoss b’konsistenza sħiħa mal-qafas legali tal-Ajru Uniku Ewropew u mal-implimentazzjoni tas-SESAR. Barra minn hekk, ma jistax jimmaterjalizza mingħajr bidla fil-governanza ta’ din l-organizzazzjoni lejn ambjent immexxi iktar mill-industrija (ara t-Taqsima 4.2).

Il-korpi governattivi proviżorji tal-Eurocontrol bdew id-diskussjoni dwar ir-riforma tal-organizzazzjoni f’Mejju 2013. Il-Kummissjoni biħsiebha tikkontribwixxi għal din id-diskussjoni billi tikkoordina l-pożizzjoni tal-Istati Membri li tiżgura rieżami rapida tal-Konvenzjoni tal-Eurocontrol li tibda mill-2014 u billi tiffoka l-Eurocontrol fuq il-kompiti operattivi li fihom kiseb l-akbar kompetenza.

6. KONKLUŻJONIJIET

Il-kisba tal-Ajru Uniku Ewropew tibqa’ prijorità ewlenija tal-politika Ewropea tal-avjazzjoni bil-potenzjal li għad mhuwiex realizzat li jwassal għal iffrankar kbir fis-settur tal-avjazzjoni u tabilħaqq għall-ekonomija Ewropea kumplessivament. Fuq il-bażi tal-analiżi li tinsab f’din il-Komunikazzjoni u l-valutazzjoni tal-impatt assoċjata, il-Kummissjoni tipproponi pakkett leġiżlattiv (SES2+) biex tikkonsolida u fejn ikun possibbli tħaffef il-proċess tar-riforma tal-ATM fl-Ewropa, billi tkompli tindirizza l-ineffiċjenzi fil-forniment tas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru u billi tkompli tmexxi lejn d-deframmentazzjoni tas-sistema tal-ATM Ewropea. Il-proposti leġiżlattivi jirrappreżentaw evoluzzjoni, mhux rivoluzzjoni, u jibnu fuq, u mhux jieħdu post, ir-riformi preċedenti. Iżda għandhom jikkontribwixxu b’mod sinifikanti sabiex is-sistema tal-ATM Ewropea fis-snin li ġejjin tinbidel fi spazju tal-ajru operattiv integrat u iktar effiċjenti, li jibni fuq ir-riżultati diġà miksuba mill-2004.

[1]               Ir-Regolamenti (KE) Nri 549, 550, 551, 552/2004 tal-10 ta’ Marzu 2004 (ĠU L 96, 31.3.2004, p. 1) kif emendat bir-Regolament Nru 1070/2009 tal-21 ta’ Ottubru 2009 (ĠU L 300, 14.11.2009)

[2]               Ir-Regolament (KE) Nru 549, l-Artikolu 1(1).

[3]               Żieda trippla ta’ kapaċità, titjib fis-sikurezza b’fattur ta’ 10, tnaqqis ta’ 10 % fl-impatt tat-titjiriet fuq l-ambjent u tnaqqis tal-kost tas-servizzi tal-ATM lill-utenti tal-ispazju tal-ajru b’mill-inqas 50 %

[4]               Ir-Riċerka dwar l-ATM tal-Ajru Uniku Ewropew.

[5]               Ir-Regolament (KE) Nru 1070/2009 tal-21 ta' Ottubru 2009 (ĠU L 300 , 14.11.2009, p. 34).

[6]               Irreferi għall-Anness I ta’ COM(2011) 144 finali

[7]               COM(2012) 573 finali.

[8]               Fuq il-bażi ta' estimi dokumentati f’rapporti mill-Korp ta' Analiżi tal-Prestazzjoni tal-Ajru Uniku Ewropew u l-Kummissjoni tal-Analiżi tal-Prestazzjoni.

[9]               Irreferi għall-paragrafu 11 ta' COM(2011)823 finali. "iż-żieda tal-kapaċità fl-ajru tkun inutli jekk il-kapaċità fl-ajruport ma tibqax allinjata mal-kapaċità tal-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru".

[10]             Challenges of Growth 2013, EUROCONTROL – Ġunju 2013.

[11]             Filwaqt li l-Pjan Direzzjonali tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tad-Dikjrazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-UE u l-Kummissjoni Ewropea dwar l-aġenziji deċentralizzati, ta' Lulju 2012, jesiġi l-istandardizzazzjoni tal-ismijiet tal-Aġenziji tal-UE kollha biex jikkonformaw mal-istess format, għal raġunijiet ta' ċarezza, din il-Komunikazzjoni tuża l-isem eżistenti bħalissa tal-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (EASA) fit-test kollu. It-testi tal-proposti leġiżlattivi nfushom ġew adattati skont id-Dikjarazzjoni Konġunta u l-Pjan Direzzjonali ġodda sabiex jintuża l-isem standardizzat "Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Avjazzjoni (EAA)".

[12]             L-ambitu ġeografiku tal-Ajru Uniku Ewropew jestendi fuq Stati Membri mhux fl-UE, bħall-Isvizzera u n-Norveġja, li impenjaw ruħhom li jimplimentawh permezz ta’ ftehimiet bilaterali u multilaterali

[13]             L-Eurocontrol inħatar Maniġer tan-Netwerk, permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-7.7.2011 fuq nomina tal-Maniġer tan-Netwerk għall-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru (ATM) tal-funzjonijiet tan-netwerks tal-ajru uniku Ewropew (C(2011) 4130 finali)

[14]             Ir-Regolament (KE) 550/2004, premessa 13.

[15]             Il-fornitur Svediż tas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru LFV u l-Highlands and Islands Airports (HIAL) jesternalizzaw ħafna mis-servizzi ta’ appoġġ tagħhom.

[16]             L-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 549/2004,

[17]             Il-funzjoni tal-Ġestjoni tan-Netwerk (Network Management Function - NMF) ġiet stabbilita skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 677/2011, u l-Eurocontrol ġie nnominat bħala l-Maniġer tan-Netwerk (NM) permezz ta' Deċiżjoni tal-Kummissjoni ta' Lulju 2011

[18]             Ir-Regolament (KE) Nru 1108/2009 tal-21 ta' Ottubru 2009 (ĠU L 309, 24.11.2009, p. 51).

[19]             Irreferi għall-Artikolu 65a tar-Regolament (KE) 216/2008 tal-20 ta’ Frar 2008 (ĠU L 79, 19.3.2008, p. 1) kif emendata

[20]             Il-Belġju, Franza, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, il-Lussemburgu, il-Pajjiżi l-Baxxi u r-Renju Unit

Top