This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52013DC0383
Recommendation for a COUNCIL RECOMMENDATION with a view to bringing an end to the situation of an excessive government deficit in Spain
Rakkomandazzjoni għal RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL bil-għan li tintemm il-qagħda ta’ defiċit eċċessiv tal-Gvern fi Spanja
Rakkomandazzjoni għal RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL bil-għan li tintemm il-qagħda ta’ defiċit eċċessiv tal-Gvern fi Spanja
/* COM/2013/0383 final - 2013/ () */
Rakkomandazzjoni għal RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL bil-għan li tintemm il-qagħda ta’ defiċit eċċessiv tal-Gvern fi Spanja /* COM/2013/0383 final - 2013/ () */
Rakkomandazzjoni għal RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL bil-għan li tintemm il-qagħda ta’
defiċit eċċessiv tal-Gvern fi Spanja IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra
t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari
l-Artikolu 126(7) tiegħu, Wara li kkunsidra
r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea, Billi: (1) Skont l-Artikolu 126
tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) l-Istati Membri
għandhom jevitaw id-defiċits eċċessivi tal-gvern. (2) Il-Patt ta’ Stabbiltà u
Tkabbir huwa bbażat fuq l-objettiv ta’ finanzi tal-gvern sodi bħala
mezz biex jissaħħu l-kundizzjonijiet għall-istabbiltà
tal-prezzijiet u għal tkabbir sostenibbli b’saħħtu li jwassal
għall-ħolqien tal-impjiegi. (3) Fis-27 ta’ April 2009,
il-Kunsill iddeċieda, skont l-Artikolu 104(6) tat-Trattat li
jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (TKE), li fi Spanja kien hemm defiċit
eċċessiv u ħareġ rakkomandazzjoni sabiex jiġi
kkoreġġut id-defiċit eċċessiv sa mhux aktar tard
mill-2012, skont l-Artikolu 104(7) TKE u l-Artikolu 3 tar-Regolament
tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar li
titħaffef u tiġi ċċarata l-implimentazzjoni
tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv[1]. (4) Fit-2 ta’ Diċembru 2009,
il-Kunsill iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 3(5) tar-Regolament
tal-Kunsill (KE) Nru 467/97, li kienet ittieħdet azzjoni effettiva u
li avvenimenti ekonomiċi negattivi mhux mistennija li kellhom konsegwenzi
żvantaġġużi kbar għall-finanzi tal-Gvern kienu
seħħew wara li kienet ġiet adottata din ir-rakkomandazzjoni.[2] B’mod partikolari,
id-deterjorazzjoni kbira għall-prospetti ta’ tkabbir minħabba
l-kriżi ekonomika u finanzjarja globali kellha implikazzjonijiet
baġitarji negattivi kbar. Konsegwentement, il-Kunsill adotta
rakkomandazzjoni riveduta skont l-Artikolu 126(7) tat-TFUE biex
d-defiċit eċċessiv ikun ikkoreġut sa mhux iktar tard
mill-2013 b’manjiera kredibbli u sostenibbli billi tittieħed azzjoni
f’qafas ta’ terminu ta’ żmien medju. (5) Fil-15 ta’ Ġunju 2010,
il-Kummissjoni kkonkludiet li Spanja kienet ħadet azzjoni effettiva
f’konformità mar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill
tat-2 ta’ Diċembru 2009 biex iġġib
id-defiċit tal-Gvern tagħha taħt il-valur referenzjarju ta'
3 % tal-PDG u qieset li għalhekk ma kien meħtieġ l-ebda
pass addizzjonali fil-proċedura ta' defiċit eċċessiv. (6) Fl-10 ta’ Lulju 2009,
il-Kunsill iddeċieda, f’konformità mal-Artikolu 3(5) tar-Regolament
tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97, li kienet ittieħdet azzjoni effettiva
iżda li wara li kienet ġiet adottata r-rakkomandazzjoni riveduta
fl-2009, kienu seħħew żviluppi ekonomiċi negattivi mhux
mistennija li kellhom konsegwenzi żvantaġġużi kbar
għall-finanzi tal-gvern. B’mod partikolari, tnaqqis fil-perspettiva
tat-tkabbir u bidla lejn kompożizzjoni tat-tkabbir li trendi inqas taxxi
kellhom implikazzjonijiet baġitarji negattivi kbar. Il-Kunsill
għalhekk adotta rakkomandazzjoni riveduta skont l-Artikolu 126(7)
tat-TFUE (ir-"rakkomandazzjoni riveduta tal-PDE") u talab lil Spanja
tikkoreġi d-defiċit eċċessiv sa mhux aktar tard mill-2014.
Sabiex id-defiċit nominali tal-gvern jinżel għal inqas minn
3 % tal-valur referenzjarju tal-PDG sal-2014, ġie rrakkomandat lil
Spanja li tagħmel titjib fil-bilanċ strutturali ta’ 2,7 %
tal-PDG fl-2012, 2,5 % tal-PDG fl-2013 u 1,9 % tal-PDG fl-2014,
abbażi tal-aġġornament tas-servizzi tal-Kummissjoni tat-Tbassir
tar-Rebbiegħa 2012. Il-miri tad-defiċit
nominali tal-Gvern għandhom ikunu ta' 6,3 % tal-PDG għall-2012,
4,5 % tal-PDG għall-2013 u 2,8 % tal-PDG għall-2014. Spanja
rċeviet ukoll ir-rakkomandazzjoni li timplimenta l-miżuri adottati
fil-baġit tal-2012 u fil-pjanijiet ta' bbilanċjar mill-ġdid
tal-Komunitajiet Awtonomi u li sa tmiem Lulju 2012 tadotta l-pjan
baġitarju pluriennali mħabbar għall-2013-14, fosthom
strateġija baġitarja għat-terminu medju, li tispeċifika
b’mod sħiħ il-miżuri strutturali meħtieġa biex
isseħħ il-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv sal-2014. (7) Fl-14 ta’ Novembru 2012,
il-Kummissjoni kkonkludiet, abbażi tat-Tbassir tal-Ħarifa 2012
tas-servizzi tal-Kummissjoni, li Spanja kienet ħadet azzjoni effettiva f’konformità
mar-rakkomandazzjoni reveduta tal-Kunsill tal-10 ta’ Lulju 2012
u li l-ebda passi oħra fil-proċedura dwar id-defiċit
eċċessiv ma kienu meħtieġa. (8) Skont l-Artikolu 3(5)
tar-Regolament (KE) Nru 1467/97, il-Kunsill jista’ jiddeċiedi, fuq
rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, li jadotta rakkomandazzjoni riveduta skont
l-Artikolu 126(7) tat-TFUE, jekk tkun ittieħdet azzjoni effettiva u
jekk avvenimenti ekonomiċi negattivi mhux mistennija li jkollhom
konsegwenzi żvantaggużi kbar għall-finanzi tal-gvern
iseħħu wara l-adozzjoni ta' dik ir-rakkomandazzjoni. L-avvenimenti
ekonomiċi żvantaġġużi mhux mistennija b'effetti
baġitarji żvantaġġużi kbar se jiġu vvalutati fuq
l-isfond tat-tbassir ekonomiku li fuqu hija bbażata r-rakkomandazzjoni
tal-Kunsill. (9) Skont l-Artikolu 126(7)
tat-TFUE u l-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97,
il-Kunsill meħtieġ jagħmel rakkomandazzjonijiet lill-Istat
Membru kkonċernat bil-ħsieb li tintemm is-sitwazzjoni ta’ żbilanċ
eċċessiv fi żmien determinat. Ir-rakkomandazzjoni trid
tistabbilixxi żmien massimu ta' sitt xhur sabiex tittieħed azzjoni
effettiva mill-Istat Membru kkonċernat biex jikkoreġi d-defiċit
eċċessiv. Barra minn hekk, f’rakkomandazzjoni biex jiġi
kkoreġut defiċit eċċessiv, il-Kunsill għandu jitlob li
jintlaħqu miri baġitarji annwali li, abbażi tat-tbassir li fuqu
tissejjes ir-rakkomandazzjoni, ikunu konsistenti ma’ titjib minimu annwali
fil-bilanċ strutturali, jiġifieri l-bilanċ aġġustat
ċiklikament minbarra miżuri ta’ darba u miżuri temporanji
oħrajn, ta’ mill-inqas 0,5 % tal-PDG bħala valur ta’ referenza. (10) Wara l-irkupru fl-2011 li dam
żmien qasir, l-ekonomija reġgħet daħlet f’riċessjoni,
u rreġistrat tkabbir reali trimestrali negattiv tal-PDG sa mit-tielet
trimestru tal-2011. F’termini annwali, il-PDG naqas b'1,4 % fl-2012. Skont
it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2013 tas-servizzi tal-Kummissjoni,
ir-reċessjoni hija mistennija li tibqa’ għaddejja fl-2013, fejn
l-esportazzjonijiet netti pożittivi xorta ma kinux kapaċi jikkumpensaw
għat-tnaqqis li kien qed ikompli fid-domanda lokali. Il-produzzjoni hija
mistennija li tistabbilizza biss lejn tmiem l-2013. Il-PDG reali huwa
għalhekk ipprojettat li jonqos b'1,5 % fl-2013, qabel ma jikber
b'0,9 % fl-2014 (taħt suppożizzjoni ta’ ebda bidla
fil-politika). Fil-mument tal-aħħar rakkomandazzjoni tal-Kunsill,
il-PDG reali kien mistenni li jonqos b'1,9 % u 0,3 % fl-2012 u
l-2013, rispettivament, u li jikber b'1,1% fl-2014. Ir-riżultat anqas
negattiv tat-tkabbir fl-2012 kien dovut l-aktar għad-domanda domestika li
kienet kemxejn iktar reżiljenti possibbilment anki grazzi
għal-likwidità injettata permezz tal-iskema tal-ħlas lura
għad-dejn kummerċjali akkumulat mir-reġjuni u l-awtoritajiet
lokali qabel l-1 ta’ Jannar 2012 (EUR 27,4 biljun, jew
2,6 % tal-PDG). Fir-rigward tal-2013 u l-2014, it-Tbassir
tar-Rebbiegħa 2013 tas-servizzi tal-Kummissjoni jipprevedi tnaqqis aktar
qawwi tal-PDG reali fl-2013 u rkupru aktar dgħajjef fl-2014. Dan jinkludi
tnaqqis akbar fid-domanda domestika f’dawn is-sentejn u tnaqqis qawwi aktar fit-tul
fl-impjiegi. Id-deterjorament tal-perspettiva makroekonomika huwa parzjalment
marbut mal-fatt li qed jitqiesu l-miżuri addizzjonali ta’ konsolidazzjoni
inklużi fil-pjan baġitarju 2013-14 u l-baġit tal-2013. (11) Skont it-Tbassir
tar-Rebbiegħa 2013 tas-servizzi tal-Kummissjoni, id-defiċit
ġenerali tal-gvern laħaq 10,6 % tal-PDG fl-2012, meta mqabbel
ma’ mira tal-gvern u tal-PDE ta’ 6,3 % tal-PDG u 9,4 % tal-PDG
fl-2011. Aġġustament għal trasferimenti kapitali lill-banek (li
huma meqjusa bħala operazzjonijiet ta’ darba biss), id-defiċits
korrispondenti kienu ta’ 7,0 % u 9,0 % tal-PDG fl-2012 u l-2011,
rispettivament. It-tnaqqis fil-bilanċ nominali
jikkorrispondi għal titjib fil-bilanċ nominali ta’ 2,4 pps.
(nett mit-trasferimenti kapitali fil-banek), fl-isfond ta’ ekonomija li qed
tonqos u kompożizzjoni tat-tkabbir li trendi anqas taxxa. It-Tbassir
tar-Rebbiegħa 2013 tas-servizzi tal-Kummissjoni jindika titjib
fid-defiċit strutturali ta’ 1,8 pps. fl-2012, meta mqabbel mat-titjib
rakkomandat ta’ 2,7 pps. Meta ssir il-korrezzjoni għar-reviżjoni
ftit 'l isfel tal-produzzjoni potenzjali mill-aħħar rakkomandazzjoni
tal-Kunsill, l-isforz fiskali stmat jibqa' l-istess. Madankollu, il-bidla
stmata fil-bilanċ strutturali kienet affettwata ħafna minn nuqqas
mhux mistenni fid-dħul, li kien jammonta għal madwar 1,0 pp.
Kollox ma’ kollox, meta jitqiesu dawn l-effetti, l-isforz fiskali
aġġustat jiżdied għal 2,9 pps., 'il fuq mill-isforz
rakkomandat mir-rakkomandazzjoni tal-PDE riveduta. Minbarra miżuri ta’
rikapitalizzazzjoni, id-devjazzjoni baġitarja fl-2012 hija marbuta ma’
taħlita ta’ dħul inqas milli mistenni (meta jitqies l-impatt ta’
miżuri diskrezzjonarji u l-effett bażi) u konsum intermedju u
trasferimenti soċjali ogħla. Il-kompożizzjoni tat-tkabbir li
trendi inqas taxxi u deterjorament akbar fis-suq tax-xogħol kienet
timplika tnaqqis qawwi fid-dħul, partikolarment ta’ taxxi diretti u
indiretti, kif ukoll nefqa soċjali ogħla. Spanja adottat miżuri
ta’ konsolidazzjoni mdaqqsa matul l-2012, li ammontaw għal madwar 4 %
tal-PDG, inkluż madwar 1½ % tal-PDG fuq in-naħa tad-dħul u
2½ % tal-PDG fuq in-naħa tan-nefqa. Dawn il-miżuri parzjalment
jikkumpensaw ukoll għal deterjorament sottostanti fil-bilanċ
strutturali minħabba żieda fil-ħlasijiet tal-imgħax u
trasferimenti soċjali ogħla. (12) Għall-2013, skont
it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2013 tas-servizzi tal-Kummissjoni,
id-defiċit tal-gvern huwa projettat li jonqos għal 6,5 %
tal-PDG, meta mqabbel mal-mira tal-PDE ta’ 4,5 % tal-PDG. Il-bilanċ
primarju huwa mistenni li jitjieb b'4,5 pps. (0,9 pps nett
mit-trasferimenti kapitali fil-banek). Wara l-aħħar rakkomandazzjoni
tal-Kunsill, il-Gvern Spanjol ippreżenta f’Awwissu 2012 pjan
baġitarju pluriennali għall-2013-14, fejn iddeskriva xi karatteristiċi
tal-istrateġija ta’ konsolidazzjoni għall-medda medja ta’ żmien.
Bħala total, l-impatt baġitarju tal-miżuri diskrezzjonali
fl-2013 huwa mistenni li jkun ta’ madwar 1 % tal-PDG fuq in-naħa
tan-nefqa u madwar 1½ % tal-PDG fuq in-naħa tad-dħul.
Id-devjazzjoni baġitarja mistennija ta’ madwar 2 % tal-PDG, meta
mqabbla mal-mira tal-PDE hija parzjalment spjegata mill-fatt li
l-pożizzjoni tal-bidu kienet agħar. Madankollu, il-fattur ewlieni
wara d-devjazzjoni huwa l-kompożizzjoni mhux favorevoli tat-tkabbir, fejn
il-konsum privat naqas b’mod aktar qawwi u s-suq tax-xogħol mar agħar
milli kien mistenni fir-rakkomandazzjoni riveduta tal-PDE. It-Tbassir
tar-Rebbiegħa 2013 tas-servizzi tal-Kummissjoni jipprojetta li
d-defiċit strutturali jkompli jonqos b'1,1 pps. fl-2013, meta mqabbel
ma’ sforz irrakkomandat ta’ 2,5 pps. B’korrezzjoni għall-bidla
fit-tkabbir potenzjali stmat u għan-nuqqas akbar milli mistenni
fid-dħul, l-isforz fiskali stmat jitjieb b'1,4 pps., u dan iġib
l-isforz fiskali aġġustat għal 2,5 % tal-PDG, f'konformità
mal-isforz irrakkomandat fir-rakkomandazzjoni riveduta tal-PDE. Fil-programm
ta’ stabbiltà tiegħu għall-2013, il-Gvern Spanjol ħabbar mira
tad-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika ta’ 6,3 % tal-PDG
għall-2013, li kellha tiġi sostnuta minn miżuri ta’
konsolidazzjoni addizzjonali ta’ madwar EUR 3 biljun (0,3 %
tal-PDG) li għadhom iridu jiġu adottati u implimentati din is-sena. (13) Għall-2014,
id-defiċit nominali huwa mistenni li jikber għal 7,0 % tal-PDG
meta mqabbel mal-mira tal-PDE ta’ 2,8 % tal-PDG. Id-defiċit primarju
jitwessa’ b'0,4 % tal-PDG. Minbarra l-effett bażi, id-devjazzjoni
mistennija tirrifletti prinċipalment l-iskadenza ta’ miżuri
temporanji li ttieħdu fis-snin preċedenti u l-fatt li l-miżuri
ta’ konsolidazzjoni ppjanati għall-2014 ma kinux speċifikati
biżejjed fil-pjan baġitarju pluriennali ta’ Awwissu 2012 li
għandu jiġi inkluż fit-tbassir tas-servizzi tal-Kummissjoni.
Barra minn hekk, il-kompożizzjoni tat-tkabbir ekonomiku tibqa’ waħda
li trendi ftit taxxa, fejn il-kontribuzzjonijiet soċjali u t-taxxi
indiretti mhux dejjem qed jikbru b’mod għal kollox proporzjonat mal-PDG
nominali. Il-pagamenti tal-imgħax ukoll se jkomplu jiżdiedu
minħabba stokk ikbar ta’ dejn. Skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2013
tas-servizzi tal-Kummissjoni, id-defiċit strutturali huwa projettat li
jiddeterjora b'1,1 pps., meta mqabbel mat-titjib rakkomandat ta’
1,9 % tal-PDG. Meta ssir korrezzjoni għall-bidla fit-tkabbir
potenzjali stmat u għal nuqqas mhux mistenni fid-dħul, id-distakk
jiżdied b’0,2 pps oħra. (14) Fir-rigward tal-governanza
fiskali, sar progress kbir fir-rappurtar tal-eżekuzzjoni baġitarja
fil-livelli tal-Gvern taħt dak ċentrali. Madankollu,
id-dispożizzjonijiet tal-Liġi dwar l-Istabbiltà Baġitarja dwar
it-twissija bikrija u l-mekkaniżmi korrettivi biex jillimitaw
id-devjazzjonijiet baġitarji ma kinux kompletament effettivi u t-trasparenza
tal-implimentazzjoni tagħhom tista’ tittejjeb. Minkejja l-progress
fir-rigward tar-rapportar baġitarju fil-livell reġjonali, il-kisba
ta’ trasparenza fiskali akbar tkun teħtieġ rappurtar iktar
komprensiv, konsistenti u rapidu, ukoll għall-pjanijiet baġitarji,
fuq bażi konsolidata tal-amministrazzjoni pubblika, f’konformità mal-ESA
95. It-twaqqif ta’ kunsill fiskali, b’indipendenza istituzzjonali u finanzjarja
sħiħa, għadu pendenti. (15) Id-dejn gross
tal-amministrazzjoni pubblika żdied għal madwar 84 % tal-PDG
fl-2012 meta mqabbel mat-80,9 % tal-PDG projettat fit-Tbassir
tar-Rebbiegħa 2012 aġġornat tas-servizzi tal-Kummissjoni.
Iż-żieda fil-proporzjon tad-dejn kienet dovuta għal
żbilanċ ogħla milli mistenni, tkabbir tal-PDG nominali aktar
baxx, l-ispejjeż tal-operazzjonijiet ta’ rikapitalizzazzjoni tal-banek u
l-ħlas b'lura għall-amministrazzjoni pubblika. Skont it-Tbassir
tar-Rebbiegħa 2013 tas-servizzi tal-Kummissjoni, il-proporzjon tad-dejn
mal-PDG huwa mistenni li jiżdied aktar u li jaqbeż il-95 % fl-2014,
abbażi ta’ xenarju ta’ ebda bidla fil-politika, u b’hekk jaqbeż
il-valur ta’ referenza tat-Trattat fis-snin kollha. (16) Fl-10 ta' April 2013,
il-Kummissjoni kkonkludiet, abbażi tal-Eżami fil-Fond tal-2013 dwar
Spanja fil-qafas tal-Proċedura tal-Iżbilanċi Makroekonomiċi[3], li Spanja tinsab
għaddejja minn żbilanċi makroekonomiċi eċċessivi.
Il-korrezzjoni ta’ dawn l-iżbilanċi li akkumulaw matul is-snin
tal-prosperità, u b’mod partikolari l-assorbiment ta’ livelli għolja
ħafna ta’ dejn privat u estern, qed ikollhom konsegwenzi negattivi
importanti fuq it-tkabbir ekonomiku, l-istabbiltà finanzjarja u l-finanzi
pubbliċi. Korrezzjoni sostenibbli tad-defiċit eċċessiv
f’perjodu ta’ żmien medju teħtieġ progress fl-istess waqt sabiex
tiġi żgurata l-korrezzjoni tal-iżbilanċi
makroekonomiċi, appoġġjata minn riformi strutturali li
jsaħħu t-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi u t-tnaqqis
tar-riġiditajiet strutturali li jfixklu l-aġġustament. (17) Skont it-tbassir tas-servizzi
tal-Kummissjoni fit-Tbassir tar-Rebbiegħa 2013, Spanja mhux se tilħaq
il-miri baġitarji nominali stabbiliti fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill
tal-10 ta’ Lulju 2012. Madankollu, Spanja implimentat sforz
strutturali fl-2012 u l-2013 li, meta jitqiesu l-iżviluppi ekonomiċi
negattivi mhux mistennija meta mqabbla ma’ meta nħarġet
ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill, huwa konformi mar-rakkomandazzjoni riveduta
tal-PDE. Dawn l-iżviluppi ekonomiċi negattivi mhux mistennija
ġabu magħhom konsegwenzi sfavorevoli kbar għall-finanzi
tal-gvern. B’mod partikolari, tnaqqis sinifikanti fid-dħul marbut
mar-ribilanċjament tal-ekonomija lejn struttura tat-tkabbir li trendi
anqas taxxa u effetti negattivi assoċjati fuq l-elastiċitajiet
tad-dħul wasslu għal deterjorament sostanzjali fil-pożizzjoni
baġitarja. Barra minn hekk, il-kriżi ekonomika affettwat l-impjieg
b’mod negattiv ħafna u l-qgħad żdied drastikament. Meta jitqiesu
dawn il-fatturi kollha, f'konsistenza mar-regoli tal-Patt tal-Istabbiltà u
t-tkabbir u inkluża l-ħtieġa biex jiġu kkoreġuti
l-iżbilanċi makroekonomċi eċċessivi b’konsegwenzi
sfavorevoli maġġuri għall-finanzi pubbliċi, estensjoni
tal-iskadenza għall-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv fi
Spanja b'sentejn sal-2016 tidher li tkun iġġustifikata. (18) Fl-isfond ta' inċertezzi
kbar fir-rigward tal-iżviluppi ekonomiċi u baġitarji, il-mira
baġitarja rrakkomandata għall-aħħar sena tal-perjodu ta'
korrezzjoni għandha tiġi stabbilita fuq livell li huwa kjarament
taħt il-valur referenzjarju, sabiex tiġi garantita kisba effettiva u
fit-tul tal-korrezzjoni sal-iskadenza mitluba. (19) Il-miri tad-defiċit
nominali intermedji li jwasslu għall-korrezzjoni tad-defiċit
eċċessiv sal-2016 huma stabbiliti kif ġej: 6,5 % tal-PDG
għall-2013, 5,8 % tal-PDG għall-2014, 4,2 % tal-PDG
għal 2015, u 2,8 % tal-PDG għall-2016. Sabiex jintlaħqu
dawn il-miri jenħtieġ titjib annwali fil-bilanċ primarju (wara
l-miżuri ta’ darba) ta’ 1,3 % tal-PDG bħala medja matul
il-perjodu mill-2013 sal-2016 u, abbażi tat-Tbassir tar-Rebbiegħa
2013 tas-servizzi tal-Kummissjoni estiż għall-2016, titjib fil-bilanċ
tal-baġit strutturali ta’ 1,1 % tal-PDG fl-2013, 0,8 % tal-PDG
fl-2014, 0,8 % tal-PDG fl-2015, u 1,2 % tal-PDG fl-2016. Dan
il-proċess ta’ aġġustament aktar gradwali jqis l-ambjent
ekonomiku diffiċli ta’ bħalissa u t-trasformazzjoni strutturali kbira
tal-ekonomija Spanjola li tinsab għaddejja bħalissa u se jkollu jkun
akkumpanjat minn riformi strutturali ambizzjużi. Għalhekk, huwa
mistenni li jappoġġa t-tneħħija gradwali
tal-iżbilanċi makroekonomiċi esterni u interni, itaffi l-impatt
negattiv fuq perjodu ta’ żmien qasir tal-konsolidazzjoni fiskali fuq
it-tkabbir ekonomiku, filwaqt li xorta jistabbilizza u jreġġa’ lura
t-tendenza ta’ żieda fid-dejn tal-amministrazzjoni pubblika. (20) Skont it-Tbassir
tar-Rebbiegħa tas-servizzi tal-Kummissjoni 2013 estiż
għall-2016, li huwa bbażat fuq suppożizzjoni ta’ ebda bidla ta’
politika, l-ebda miżuri addizzjonali ma jidhru meħtieġa f’dan
l-istadju sabiex jinkiseb it-titjib irrakkomandat fil-bilanċ strutturali
għall-2013 (u l-mira l-ġdida tad-defiċit ta' 6,5 %
tal-PGD), iżda l-pjanijiet baġitarji fil-livelli kollha tal-gvern se
jkollhom jiġu implimentati b’mod strett. Għall-perjodu bejn l-2014 u
l-2016, biex id-defiċit jinġieb taħt il-valurreferenzjarju
tat-Trattat fuq bażi sostenibbli ser ikunu meħtieġa miżuri
fiskali strutturali konsiderevoli flimkien ma’ dawk diġà inklużi
fit-tbassir tar-Rebbiegħa 2013 tas-servizzi tal-Kummissjoni. Dawn
il-miżuri, li jammontaw għal madwar 2 % tal-PDG fl-2014,
1 % tal-PDG fl-2015, u 1½ % tal-PGD fl-2016 għandhom iqisu
l-ħtieġa li jkun hemm kumpens għal effetti sekondarji negattivi,
it-tkabbir potenzjalment negattiv tal-produzzjoni, kif ukoll żidiet
fil-ħlasijiet tal-imgħax u dawk soċjali. (21) Il-programm ta’ stabbiltà
tal-2013 jipprevedi triq ta’ aġġustament li hija ġeneralment
konsistenti mal-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv sal-2016, u li
timmira għal defiċits nominali ta’ 6,3 % tal-PDG fl-2013,
5,5 % fl-2014, 4,1 % fl-2015, u 2,7 % fl-2016. Għall-2013,
il-mira hija bbażata fuq miżuri ta’ konsolidazzjoni addizzjonali ta’
madwar EUR 3 biljun previsti fil-programm, li għad iridu jiġu
speċifikati fid-dettall. (22) Miżuri ta'
konsolidazzjoni tal-baġit għandhom jiksbu titjib li jħalli
l-frott fit-tul fil-bilanċ tal-amministrazzjoni pubblika, filwaqt li jkunu
mmirati lejn it-titjib tal-kwalità tal-finanzi pubbliċi u r-raffurzar
tal-potenzjal ta' tkabbir tal-ekonomija. (23) Spanja qed tiffaċċa
riskji għolja għas-sostenibbiltà f'perspettiva fuq terminu medju u
riskji medji fit-tul. Li jerġa' jinkiseb bilanċ strutturali primarju,
madwar -0,5 % tal-PDG kif kien fil-medja fil-perjodu 1998-2012, jgħin
biex jitrażżnu dawn ir-riskji. Ir-riforma tal-2013 tal-iskemi
tal-irtirar kmieni hija mistennija li tikkontribwixxi għas-sostenibbiltà
fit-tul tas-sistema tas-sigurtà soċjali. Madankollu, jidhru
neċessarji miżuri ora sabiex jitrażżan it-tkabbir tal-infiq
marbut mal-età, pereżempju permezz tar-regolamentazzjoni xierqa tal-fattur
tas-sostenibbiltà previst mir-riforma tal-2011 tas-sistema tal-pensjonijiet,
inkluż billi jiġi stipulat li l-età tal-irtirar se tiżdied skont
il-gwadanji fl-istennija tal-ħajja. (24) Minħabba n-natura
deċentralizzata tal-finanzi pubbliċi tagħha, il-pjan ta’
aġġustament fiskali ta’ Spanja għandu jiġi sostnut permezz
ta’ strateġija kredibbli mifruxa fuq medda medja ta’ żmien ta’
konsolidazzjoni li tinkludi (i) pjan dettaljat tal-baġit pluriennali bi
speċifikazzjoni sħiħa tal-miżuri għall-2014-16, (ii)
iktar tisħiħ tal-effettività tal-qafas istituzzjonali (billi
togħla iktar it-trasparenza fl-implimentazzjoni tal-Liġi dwar l-Istabbiltà
Baġitarja kif ukoll billi jiġi stabbilit kunsill fiskali
indipendenti), (iii) teħid ta’ passi konkreti biex jiġi kkontrollat
id-defiċit strutturali li qed jiżdied fis-sistema tas-sigurtà
soċjali, u (iv) tqegħid ta’ enfasi akbar fuq li l-konsolidazzjoni
tkun waħda li tiffavorixxi t-tkabbir (inkluż billi jitwettqu
eżamijiet sistematiċi tan-nefqa kif ukoll reviżjonijiet
tas-sistema tat-taxxa). (25) B'mod parallel
mal-eżamijiet regolari tal-Assistenza Finanzjarja tal-ESM
għar-Rikapitalizzazzjoni tal-Istituzzjonijiet Finanzjarji fi Spanja[4] u kif maqbul fil-Memorandum ta'
Ftehim iffirmat fit-23 ta' Lulju 2012, il-monitoraġġ
tal-progress dwar l-implimentazzjoni tal-impenji tal-PDE ta' Spanja se
jseħħ fuq bażi trimestrali. (26) Spanja tissodisfa l-kundizzjonijiet
għall-estensjoni tal-iskadenza għall-korrezzjoni tad-defiċit
eċċessiv tal-amministrazzjoni pubblika, kif stabbilit
fl-Artikolu 3(5) tar-Regolament (KE) Nru 1467/97 dwar li
titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni
tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv, ADOTTAT DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI: (1)
Spanja għandha ġġib fi tmiemha
l-qagħda preżenti ta’ defiċit eċċessiv sa mhux aktar
tard mill-2016. (2)
Spanja għandha tilħaq
mira tad-defiċit nominali ta' 6,5 % tal-PDG fl-2013, 5,8 %
tal-PDG fl-2014, 4,2 % tal-PDG fl-2015, u 2,8 % tal-PDG fl-2016, li,
fuq il-bażi tat-Tbassir tar-Rebbiegħa tas-servizzi tal-Kummissjoni
estiż għall-2016, huwa konsistenti ma' titjib fil-bilanċ
strutturali ta'1,1 %,0,8 %, 0,8 %, u 1,2 % tal-PDG fis-snin
2013-2016 rispettivament. (3)
Spanja għandha timplimenta l-miżuri
adottati fil-pjanijiet tal-baġit 2013 fil-livelli kollha tal-gvern, u tkun
lesta biex tieħu azzjoni korrettiva f’każ ta’ devjazzjonijiet
mill-pjanijiet baġitarji. L-awtoritajiet għandhom isaħħu
l-istrateġija baġitarja fuq medda medja ta’ żmien b’miżuri
strutturali speċifikati tajjeb għas-snin 2014-16 li huma
neċessarji biex tinkiseb il-korrezzjoni tad-defiċit
eċċessiv sa mhux aktar tard mill-2016. (4)
Il-Kunsill jistabbilixxi l-iskadenza
tal-1 ta’ Ottubru 2013 sabiex il-Gvern Spanjol jieħu
azzjoni effettiva u biex, f’konformità mal-Artikolu 3(4a) tar-Regolament
tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97, jirrapporta fid-dettall l-istrateġija
ta' konsolidazzjoni prevista biex jintlaħqu l-miri. Barra minn hekk, l-awtoritajiet Spanjoli
għandhom (i) isaħħu l-effettività tal-qafas istituzzjonali billi
jżidu iktar it-trasparenza fl-implimentazzjoni tal-Liġi dwar
l-Istabbiltà Baġitarja kif ukoll billi jistabbilixxu kunsill fiskali
indipendenti sabiex jipprovdi analiżi u pariri u jimmonitorja l-konformità
tal-politika fiskali mar-regoli nazzjonali u tal-UE, (ii) jieħdu passi
konkreti sabiex irażżnu ż-żieda fid-defiċit
strutturali fis-sistema tas-sigurtà soċjali, u (iii) jenfasizzaw aktar li
l-konsolidazzjoni tkun tiffavorixxi t-tkabbir, inkluż billi jwettqu eżamijiet
sistematiċi tas-sistema tan-nefqa u t-taxxa.
Minbarra dan, sabiex jiġi żgurat is-suċċess
tal-istrateġija tal-konsolidazzjoni fiskali, se jkun importanti li
l-konsolidazzjoni tiġi appoġġjata permezz ta' riformi
strutturali kumplessivi, f'konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill,
indirizzati lil Spanja fil-kuntest tas-Semestru Ewropew u l-Proċedura
tal-Iżbilanċi Makroekonomiċi. Din ir-rakkomandazzjoni hija indirizzata
lir-Renju ta’ Spanja. Magħmul fi Brussell, Għall-Kunsill Il-President [1] ĠU L 209, 2.8.1997, p. 6. [2] Id-dokumenti kollha relatati mal-proċedura
tad-defiċit eċċessiv fi Spanja jinsabu hawn:
http://ec.europa.eu/economy_finance/economic_governance/sgp/deficit/countries/spain_en.htm
[3] http://ec.europa.eu/economy_finance/publications/occasional_paper/2013/op134_en.htm [4] http://ec.europa.eu/economy_finance/assistance_eu_ms/spain/index_en.htm