EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013DC0374

Rakkomandazzjoni għal RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL dwar il-programm nazzjonali ta' riforma tas-Slovenja għall-2013 u li twassal l-opinjoni tal-Kunsill dwar il-programm ta’ stabbiltà tas-Slovenja 2012-2016

/* COM/2013/0374 final - 2012/ () */

52013DC0374

Rakkomandazzjoni għal RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL dwar il-programm nazzjonali ta' riforma tas-Slovenja għall-2013 u li twassal l-opinjoni tal-Kunsill dwar il-programm ta’ stabbiltà tas-Slovenja 2012-2016 /* COM/2013/0374 final - 2012/ () */


Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar il-programm nazzjonali ta' riforma tas-Slovenja għall-2013 u li twassal l-opinjoni tal-Kunsill dwar il-programm ta’ stabbiltà tas-Slovenja 2012-2016

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta’ pożizzjonijiet ta’ baġit u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta’ politika ekonomika[1], u b'mod partikolari l-Artikolu 5(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi[2], u b'mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea[3],

Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,[4]

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

Wara li kkonsulta mal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Billi:

(1)       Fis-26 ta’ Marzu 2010, il-Kunsill Ewropew qabel mal-proposta tal-Kummissjoni li tniedi strateġija ġdida għat-tkabbir u l-impjiegi u bl-isem ta’ Ewropa 2020, li tkun imsejsa fuq koordinazzjoni msaħħa tal-politiki ekonomiċi, li tiffoka fuq l-oqsma ewlenin fejn tenħtieġ azzjoni li tagħti spinta lill-potenzjal tal-Ewropa għat-tkabbir u l-kompetittività sostenibbli.

(2)       Fit-13 ta’ Lulju 2010, abbażi tal-proposti tal-Kummissjoni, il-Kunsill adotta rakkomandazzjoni dwar il-linji gwida ġenerali għall-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri u l-Unjoni (mill-2010 sal-2014) u, fil-21 ta’ Ottubru 2010, huwa adotta deċiżjoni dwar il-linji gwida għall-politika tal-Istati Membri dwar l-impjiegi[5], li flimkien jagħmlu l-"linji gwida integrati". L-Istati Membri ġew mistiedna jqisu l-linji gwida integrati fil-politiki ekonomiċi u okkupazzjonali nazzjonali tagħhom.

(3)       Fid-29 ta' Ġunju 2012, il-Kapijiet ta' Stat jew tal-Gvern iddeċidew dwar Patt għat-Tkabbir u l-Impjiegi, li jipprovdi qafas koerenti għall-azzjoni fuq il-livelli nazzjonali, tal-UE u taż-żona tal-euro bl-użu tal-għodod, strumenti u politiki kollha. Huma ddeċidew fuq azzjoni li għandha tittieħed fuq il-livell tal-Istati Membri, fejn b'mod partikolari esprimew l-impenn sħiħ tagħhom biex jiksbu l-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020 u biex jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi.

(4)       Fis-6 ta’ Lulju 2012, il-Kunsill adotta rakkomandazzjoni dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tas-Slovenja għall-2012 u ta l-opinjoni tiegħu dwar il-Programm ta’ Stabbiltà aġġornat tas-Slovenja għall-perjodu bejn l-2011 u l-2015.

(5)       Fit-28 ta' Novembru 2012, il-Kummissjoni adottat it-tielet Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir[6], li kien jirrappreżenta l-bidu tat-tielet Semestru Ewropew tal-koordinazzjoni tal-politika ekonomika. Barra minn hekk, fit-28 ta’ Novembru 2012, il-Kummissjoni, abbażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi, adottat ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija[7], li fih hija identifikat lis-Slovenja bħala wieħed mill-Istati Membri li dwaru kellha titwettaq analiżi fil-fond.

(6)       Fl-14 ta’ Marzu 2013, il-Kunsill Ewropew approva l-prijoritajiet biex jiġu ggarantiti l-istabbiltà finanzjarja, il-konsolidazzjoni fiskali u l-azzjoni biex jiġi inkoraġġut it-tkabbir. Huwa enfasizza l-ħtieġa li titwettaq konsolidazzjoni fiskali differenzjata u li tiffavorixxi t-tkabbir, biex l-ekonomija jerġa’ jkollha kundizzjonijiet normali għas-self, biex jiġu promossi t-tkabbir u l-kompetittività, biex jiġu indirizzati l-qgħad u l-konsegwenzi soċjali tal-kriżi, u biex tiġi mmodernizzata l-amministrazzjoni pubblika.

(7)       Fl-10 ta' April 2013, il-Kummissjoni ppubblikat ir-riżultati tar-rieżami fil-fond[8] tagħha għas-Slovenja, skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011. L-analiżi tal-Kummissjoni wasslitha biex tikkonkludi li s-Slovenja qed tesperjenza żbilanċi makroekonomiċi eċċessivi. Hija meħtieġa azzjoni politika urġenti biex twaqqaf it-tkabbir b’rata mgħaġġla ta’ dawn l-iżbilanċi u biex tkun ġestita l-inverżjoni tagħhom. S’issa, il-livelli ta’ dejn privat u pubbliku huma taħt il-livelli limiti tat-twissija tat-tabella ta’ valutazzjoni kif ukoll id-dejn estern nett huwa relattivament limitat. Madankollu, il-problema mhijiex fil-livell tad-dejn iżda fl-istruttura tiegħu, li huwa kkonċentrat ħafna fis-settur korporattiv. Fil-kuntest tax-xejriet ekonomiċi negattivi li qed jaċċelleraw, dawn idgħajfu l-istabbiltà tas-settur finanzjarju u jikkomplikaw il-proċess ta’ diżingranaġġ, inkluż permezz ta’ tgħaqqid flimkien mal-livell ta’ dejn sovran. Dawn ir-riskji huma aggravati b’kapaċità limitata għall-aġġustament fis-swieq tax-xogħol u tal-kapital u minn struttura ekonomika li hi ddominata mis-sjieda tal-istat. Perjodi ta’ inċertezza politika u l-ostakoli legali għar-riforma żammew lis-Slovenja milli tindirizza l-iżbilanċi tagħha b’mod adegwat u ssaħħaħ il-kapaċità ta’ aġġustament tagħha, u b’hekk iżżid il-vulnerabbiltà tagħha fi żmien elevat ta’ stress sovrani tal-iffinanzjar.

(8)       Fid-9 ta' Mejju 2013, is-Slovenja ppreżentat il-programm tagħha ta' stabbiltà għall-2013 li jkopri l-perjodu 2012-2016 u l-programm nazzjonali ta' riforma tagħha għall-2013. Sabiex jitqiesu l-konnessjonijiet bejniethom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati fl-istess waqt.

(9)       Fit-23 ta’ Mejju 2013, l-awtoritajiet Sloveni bagħtu ittra lill-Kummissjoni li tiġbor fiha, temenda u jiġu ċċarati impenji ewlenin fil-programm nazzjonali ta’ riforma.

(10)     Abbażi tal-valutazzjoni tal-programm ta’ stabbiltà tal-2013 skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97, il-Kunsill huwa tal-opinjoni li minkejja tnaqqis konsiderevoli tad-defiċit ikkonċentrat fil-parti tal-aħħar tal-perjodu li wasslu l-iżbilanċ minn 6.2 % tal-PDG fl-2009 għal 4.0 % tal-PDG fl-2012, is-Slovenja mhijiex mistennija tikkoreġi d-defiċit eċċessiv tagħha sal-2013 kif rakkomandat mill-Kunsill tard fl-2009. Dan huwa notevolment marbut ma’ ambjent ekonomiku agħar milli kien mistenni fiż-żmien. Ix-xenarju makroekonomiku li jirfed il-projezzjonijiet baġitarji fil-programm huwa plawsibbli għall-2013, iżda ottimist għall-2014. B’mod partikolari, l-awtoritajiet jipprevedu li wara waqgħa fil-PDG ta' 2,3 % fl-2012 u 1,9 % fl-2013, il-PDG se jikber b’ 0,2 % fl-2014, filwaqt li jassumi li l-miżuri fiskali huma meħuda biex jitnaqqas id-defiċit ġenerali tal-gvern minn 4,2 % tal-PDG (esklużi rikapitalizzazzjonijiet tal-bank) fl-2013 għal 2,6 % tal-PDG fl-2014. Madankollu, il-Kummissjoni tipprevedi li l-PDG se jonqos b’ 0,1 % fl-2014 abbażi ta' suppożizzjoni tal-ebda bidla fil-politika, xenarju li jqis biss miżuri li ġew adottati minn nofs April 2013, u tipprevedi defiċit ta’ 4,9 % tal-PDG għall-2014. L-objettivi prinċipali tal-istrateġija baġitarja spjegata fil-programm huma biex jiġi kkoreġut id-defiċit eċċessiv sal-2014, sena wara l-iskadenza stipulata mill-Kunsill tard fl-2009, biex tinkiseb pożizzjoni strutturali bbilanċjata sal-2017 u tistabbilizza l-proporzjon tad-dejn inqas minn 55 % tal-PDG. Il-programm jikkonferma l-objettiv ta’ terminu medju (OTM), li huwa baġit ibbilanċjat f’termini strutturali. Dan l-OTM mhuwiex konformi mar-rekwiżiti tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir billi ma jqisx b’mod adegwat l-obligazzjonijiet impliċiti relatati mat-tixjiħ. Il-miri nominali ppjanati tad-defiċit fil-programm huma konsistenti ma’ korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv sal-2014. Madankollu, meta wieħed iqis it-tbassir ta’ tkabbir ottimist għal dik is-sena, hemm riskji sinifikanti għall-previżjonijiet dwar id-dħul kif ukoll miżuri dwar l-infiq speċifikati b’mod insuffiċjenti, [il-Kunsill iqis li mhuwiex probabbli li l-iżbilanc eċċessiv se jiġi kkoreġut sal-2014]. F’dawn iċ-ċirkostanzi, il-miżuri ta’ tisħiħ strutturali addizzjonali għandhom jiġu speċifikati, adottati u implimentati sabiex jiġi żgurat li d-defiċit eċċessiv jiġi kkoreġut mhux aktar tard sal-2015, b’mod kredibbli u sostenibbli kif rakkomandat mill-Kunsill [fil-21 ta’ Ġunju 2013]. Il-proporzjon bejn id-dejn u l-PDG tal-gvern ġenerali rdoppja aktar minn 22,0 % fl-2008 għal 54,1 % fl-2012 u huwa mbassar li jkompli jiżdied għal 66,5 % sal-2014 skont it-tbassir tar-Rebbiegħa tal-2013 tal-Kummissjoni. L-awtoritajiet qed jistennew li l-proporzjon tad-dejn meta mqabbel mal-PDG jilħaq quċċata ta’ 63,2 % fl-2014 u l-2015 u mbagħad jinżel għal 62,8 % fl-2016. Ir-riskji marbuta mal-proporzjon tad-dejn għall-PDG ixaqilbu lejn proporzjon ogħla, anke minħabba obbligazzjonijiet kontinġenti kbar u probabbiltà tal-aġġustament bejn il-fondi u l-flussi minn trasferimenti tal-assi lill-Kumpanija tal-Ġestjoni tal-Assi tal-Banek, li mhijiex inkluża fil-proġettazzjonijiet tal-programm.

(11)     F’Mejju 2013, l-awtoritajiet għamlu passi importanti lejn il-konsolidazzjoni tal-finanzi pubbliċi. Huma kisbu ftehim mal-imsieħba soċjali dwar ammont addizzjonali ta’ 1 ¼% tnaqqis fil-pagi bażiċi gross fis-settur pubbliku, minbarra t-3 % tnaqqis li kien miftiehem fl-Att dwar l-ibbilanċjar tal-finanzi pubbliċi f'Mejju 2012. Barra minn hekk, il-Parlament approva bażi kostituzzjonali għall-istabbiliment ta’ regola ġenerali tal-gvern dwar il-bilanċ/eċċess tal-baġit f’termini strutturali. Madankollu, it-traspożizzjoni sħiħa tad-dispożizzjonijiet tal-Patt fiskali se jsir permezz ta’ att speċjali għall-implimentazzjoni kostituzzjonali, skedata għal approvazzjoni parlamentari sa Novembru 2013. Fl-aħħar nett, il-Parlament kważi unanimament issikka r-regoli kostituzzjonali biex isejjaħ u jirbaħ referendum, li hu mistenni jiffaċilita l-introduzzjoni ta’ miżuri ta’ konsolidazzjoni fiskali. Minħabba d-dejn li qed jiżdied b’mod rapidu, huwa aktar u aktar importanti li l-istrateġija tal-baġit tal-2013 hija msaħħa u implimentata b’mod strett, u li l-isforzi ta’ konsolidazzjoni sostanzjali huma mfittxa bis-sħiħ fi snin sussegwenti. Filwaqt li xi taxxi huma taħt il-medja tal-UE, dipendenza fuq żidiet fit-taxxi ma tistax tipposponi b’mod indefinit il-ħtieġa li jiġu ttrattati d-dinamiċi tan-nefqa. Għalhekk jidher xieraq, li l-miżuri biex jiżdied id-dħul jiġu kkumplimentati bi sforzi fiskali addizzjonali permezz ta’ tnaqqis fin-nefqa strutturali. Il-qafas baġitarju għal terminu medju u r-regola dwar in-nefqa għadhom mhumie iffokati biżżejjed fuq il-kisba tal-OTM u l-iżgurar ta’ sostenibbiltà għat-tul. Barra minn hekk, il-limiti baġitarji dwar ċerti unitajiet tal-gvern ġenerali, speċjalment utenti indiretti tal-baġit, ma jidhrux li huma infurzati b’mod sħiħ. Fl-aħħar nett, l-istimi internazzjonali u domestiċi jissuġġerixxu li d-daqs tal-ekonomija klandestina fis-Slovenja huwa ogħla mill-medja tal-UE, li jindika lok għal titjib fil-konformità tat-taxxa.

(12)     F’Diċembru 2012 għaddiet riforma tal-pensjoni u daħlet fis-seħħ f’Jannar 2013. Din tindirizza l-isfidi identifikati fir-rakkomandazzjonijiet tal-2012, għalkemm mhux biżżejjed minħabba li huwa mistenni li għandhom biss impatt fuq medda medja ta’ żmien fuq il-finanzi pubbliċi (sal-2020). Filwaqt li din ir-riforma tal-pensjonijiet hija pass importanti, ma tipprovdix miżuri speċifiċi li jinkludu kostijiet marbuta mal-età lil hinn mill-2020. Huma meħtieġa sforzi ulterjuri fir-riform biex titjieb is-sostenibbiltà tan-nefqa tal-pensjoni fuq terminu twil ta’ żmien, inkluż permezz ta' allinjament tal-età statutorja tal-irtirar maż-żieda fl-għomor tal-ħajja u billi tkompli tirristrinġi l-irtirar kmieni. Fil-qasam tal-kura fuq medda twila ta’ żmien, id-domanda għas-servizzi tgħaddi l-provvista filwaqt li l-infiq għadu relattivament baxx. Id-domanda għal kura fit-tul u nfiq relatat huma mbassra li jikbru sostanzjalment fid-dawl tax-xejriet tat-tixjiħ. Aktar evalwazzjonijiet tal-miżuri eżistenti jistgħu jikkontribwixxi għal aktar tfassil tal-politika bbażat fuq l-evidenza f’dan il-qasam.

(13)     Filwaqt li d-daqs ta’ fis-settur bankarju Sloven huwa relattivament żgħir u anqas minn nofs il-medja għaż-żona tal-euro, l-ikbar banek jesperjenzaw pressjoni sostnuta fuq il-bafers kapitali, li baqgħu baxxi f’paragun reġjonali, u d-dipendenza tagħhom fuq l-istat għall-kapital huwa ta' theddida sostanzjali għall-ekonomija. Il-ħtiġijiet ripetuti ta’ rikapitalizzazzjoni huma kkonċentrati f’banek domestiċi li huma tal-Istat. Filwaqt li l-livelli ta’ dejn privat totali huwa taħt il-medja taż-żona euro u l-limiti massimi tat-twissija ta’ valutazzjoni tal-iżbilanċ makroekonomiku, il-kwistjoni hi ta’ natura strutturali. Ħafna mid-dejn huwa kkonċentrat fis-settur korporattiv u ħafna kumpaniji huma fi stat ta’ dejn eċċessiv, li jwassal għal aktar żidiet f’self mhux produttiv. Fl-aħħar tal-2012, 23,7 % ta’ self korporattiv kienu b'lura b'90 jum jew aktar. Kreditu għall-qawmien mill-ġdid lis-settur korporattiv huwa meħtieġ biex jiffaċilita l-investiment, ittejjeb il-produttività u l-kompetittività. Rikapitalizzazzjonijiet oħra huma previsti fil-programm ta’ stabbiltà. L-awtoritajiet ikkonfermaw bil-miktub l-impenn li jipprovdu kapital addizzjonali jekk meħtieġ. Il-kreditu qed jonqos u l-interazzjoni bejn banek dgħajfa u s-sovran ġiet intensifikata. Ir-rata tal-imgħax fuq kreditu korporattiv (għal self ta’ aktar minn EUR 1 m) huwa aktar minn 2 pps. ogħla fis-Slovenja milli fiż-żona tal-euro kollha kemm hi u dan il-marġni żdied għal darb’ oħra fl-2012. Leġiżlazzjoni ta’ qafas għar-ristrutturazzjoni tal-banek għaddiet iżda għad trid tiġi implimentata b’mod effettiv. Il-Kumpanija tal-Ġestjoni tal-Assi tal-Banek (BAMC) tibqa’ l-pjattaforma istituzzjonali ċentrali għar-rijabilitazzjoni tal-bank. Il-programm nazzjonali ta’ riforma, flimkien ma’ tagħrif riċenti pprovdut mill-Gvern jiddeskrivi pjanijiet għal trasferimenti għall-BAMC ibbażat fuq testijiet tal-istress minn isfel għal fuq imwettqa mill-Bank tas-Slovenja. L-awtoritajiet ikkonfermaw bil-miktub li huma lesti biex jaħdmu mal-Kummissjoni u l-BĊE biex jiżguraw li jitwettqu rieżamijiet indipendenti dwar il-kwalita tal-assi għal għażla ta’ banek. L-eżerċizzju għandu jkun mifrux fuq is-sistema kollha biex jiżgura stabbiltà dejjiema tas-settur bankarju. F’pajjiżi oħra dan l-approċċ irriżulta li hu essenzjali biex tinkiseb mill-ġdid il-fiduċja, il-kredibbiltà u l-aċċess għas-suq. It-tagħrif miksub minn valutazzjoni esterna bir-reqqa hija bażi neċessarja għal strateġija ġenerali tas-settur finanzjarju.

(14)     Il-programm nazzjonali ta’ riforma ma jiddeskrivix kwalunkwe passi addizzjonali biex isaħħaħ is-superviżjoni bankarja, li ġie identifikat bħala meħtieġa fir-rieżami profond tal-2013. F’termini ta’ azzjonijiet superviżorji fir-rigward tal-banek, l-unika informazzjoni ġdida fil-programm tirrigwarda t-testjiet għall-istress tal-bank il-ġdid tas-Slovenja. Eżami addizzjonali ta’ miżuri bħalma huma politiki makroprudenzjali xierqa ma ġiex ipprovdut.

(15)     Riforma fis-suq tax-xogħol ġiet adottata f’Marzu 2013 biex tnaqqas is-segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol u tiżdied il-flessibbiltà fis-suq tax-xogħol. Ir-riforma tnaqqas il-protezzjoni ta’ kuntratti permanenti billi tissimplifika l-proċeduri tas-sensji f’każ ta’ sensji kollettivi u individwali u billi tnaqqas il-kostijiet tas-sensji. Ir-Regolament ta’ kuntratti b’terminu fiss ġie intensifikat iktar biex jitnaqqas l-abbuż, filwaqt li l-użu ta’ xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija huwa ristrett. Għalkemm ir-riforma tmur fid-direzzjoni t-tajba, wieħed għad irid jara jekk hijiex ambizzjuża biżżejjed biex ikollha impatt sinifikanti fuq is-segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol u l-flessibbiltà, u dwar l-attrazzjoni tas-Slovenja għall-investiment dirett barrani. Għadha ma ttieħdet l-ebda miżura biex jiġu indirizzati s-suq tax-xogħol f’żewġ livelli kkawżata mir-Regolament ta' xogħol studentesk . Il-programm nazzjonali ta’ riforma jipproponi miżuri fid-direzzjoni t-tajba. Ir-rata ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ fis-Slovenja żdiedet sew, b’ 4,9 pps. għal 20,6 % fl-2012, filwaqt li r-rata tal-qgħad żdiedet minn 0,7 pp. sa 9 % fl-2012. Minkejja ż-żieda fil-qgħad, l-għadd ta’ nies qiegħda li jipparteċipaw fil-miżuri attivi ta’ politika dwar is-suq tax-xogħol, kofinanzjati mill-Fond Soċjali Ewropew, naqas b’mod konsiderevoli fl-2012 skont dejta nazzjonali preliminari. L-ebda miżuri li ttieħdu biex jadattaw ambjenti tax-xogħol biex titwal il-ħajja tax-xogħol u l-ebda tagħlim tul il-ħajja mfassal apposta jew miżuri attivi tas-suq tax-xogħol ma ġew adottati biex jiżdiedu l-impjiegi taż-żgħażagħ gradwati fil-livell terzjarju, ħaddiema ikbar fl-età u ħaddiema b’ħiliet baxxi. Is-Slovenja ħadet xi miżuri biex ittejjeb it-tqabbil tal-ħiliet mal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol. Proġett pilota dwar kif għandhom jiġu evalwati dawk il-ħtiġijiet qed jitwettaq mis-servizz pubbliku tal-impjiegi iżda jeħtieġ li tiġi żviluppata aktar il-kooperazzjoni mal-partijiet interessati. Huwa meħtieġ li jsir aktar biex titjieb l-attrazzjoni ta’ programmi ta’ edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali rilevanti. Miżuri addizzjonali dwar l-orjentazzjoni għall-karrieri fl-SMEs qed jiġu implimentati wkoll. Ir-rwol ta’ min iħaddem fl-edukazzjoni vokazzjonali u t-taħriġ għad irid jissaħħaħ. Titjib f’dawn l-oqsma jżid il-produttività u l-kompetittività.

(16)     Azzjoni ta’ politika biex ittejjeb il-kompetittività skont in-nefqa kienet biss parzjali. Fl-2012, il-gvern naqqas il-pagi gross nominali għal kull impjegat fis-settur pubbliku b’madwar 3 %. Ġie miftiehem aktar tnaqqis tal-ispejjeż tax-xogħol fis-settur pubbliku mal-imsieħba soċjali f’nofs Mejju 2013. Il-paga minima hija fost l-ogħla fl-UE bħala perċentwal tal-paga medja, hi indiċizzata għall-inflazzjoni, u kienet suġġetta għal żieda diskrezzjonali kbira fl-2010. Għalkemm ir-rata ta’ tkabbir tal-kumpens nominali għal kull impjegat kienet negattiva fl-2012 (-0,4 %) il-kost tax-xogħol unitarju nominali (NULC) irreġistra tkabbir pożittiv moderat fl-2012 (0.7 %) minħabba t-tkabbir tal-produttività aktar negattiva (-1.1 %). Il-miżuri biex jitneħħa t-tkabbir tal-produttività u l-progress sostnut fit-tnaqqis tal-kostijiet tal-unità lavorattiva jgħin biex tinkiseb lura l-kompetittività.

(17)     Is-sjieda tal-istat għandha rwol sinifikanti għall-ekonomija Slovena b’bosta fatturi jibqgħu ma jinbidlux mill-perjodu ta' tranżizzjoni tas-snin disgħin. L-għodo tal-privatizzazzjoni u r-ristrutturar korporattiv adottati matul is-snin disgħin wasslu fl-istat li jibqgħu dominanti, speċjalment fis-settur finanzjarju. Fl-2011, l-intrapriżi proprjetà tal-Istat irrappreżentaw wieħed minn sitta tal-valur totali miżjud għall-ekonomija Slovena, madwar nofs it-total tat-telf fis-settur korporattiv, u impjegaw waħda minn kull tmien persuni. Barra minn hekk, fondi kkontrollati mill-Istat u l-intrapriżi jkollhom impatt fuq il-finanzi pubbliċi permezz tal-interazzjoni livelli għolja ta’ dejn, il-ħtiġijiet ta’ rikapitalizzazzjoni garanziji sinifikanti tal-gvern. Id-daqs u dgħufija tal-intrapriżi tal-istat jżommu lura l-iżvilupp ekonomiku u t-tkabbir u jikkontribwixxu għall-iżbilanċi eżistenti. Dominanza mill-Istat u governanza li spiss ma tiffunzjonax tajjeb ta’ assi Statali timpedixxi l-investiment domestiku u barrani privat, filwaqt li tnaqqas il-produttività u l-kompetittività. It-transproprjetà ta’ intrapriżi tal-Istat fis-settur mhux finanzjarji ma’ istituzzjonijiet finanzjarji tal-Istat joħloq riskji kontaġji, jilimita l-aġġustament u jgħawweġ l-allokazzjoni tar-riżorsi, speċjalment fir-rigward ta' investiment ġdid.

(18)     Il-programm nazzjonali ta’ riforma fassal prijoritajiet ta’ politika fl-oqsma tas-sjieda statali u d-diżingranaġġ korporattiv, iżda ma jipprovdix dettalji tal-miżuri ppjanati. Ir-reviżjoni fil-fond tal-2013 ddeskriviet ir-riżultati ekonomiċi fir-rigward tal-proprjetà tal-istat, f’termini ta’ kostijiet fiskali diretta u kontinġenti, u f’termini ta’ distorsjoni ta’ operazzjonijiet kummerċjali normali. Madankollu, il-programm nazzjonali ta’ riforma jsemmi biss in-nuqqas ta’ koordinazzjoni bħala żvantaġġ għall-imġiba tal-istat bħala sid ta’ intrapriżi mhux finanzjarji. B’mod ġenerali, filwaqt li l-programm nazzjonali ta’ riforma jinkludi elementi pożittivi, ma jipprovdix biżżejjed informazzjoni dwar l-orjentazzjoni strateġika għal kumpaniji li se jibqgħu fil-pussess tal-Istat, u impenji dettaljati, marbuta biż-żmien biex itejbu l-prestazzjoni finanzjarja u l-ġestjoni tagħhom . Ittieħdu xi passi inizjali biex titjieb il-governanza korporattiva, kif inhu rakkomandat fir-rakkomandazzjonijiet tal-2012 speċifiċi għal kull pajjiż, u bie jiġu privatizzati xi impriżi statali. Leġiżlazzjoni li tipprovdi l-istabbiliment tal-futur tas-Slovenia Sovereign Holding (SSH) twettqet, iżda għad trid tiġi implimentata b’mod effettiv. Reġistru ta’ ħatriet tal-Bord tat-Tmexxija u ta’ superviżjoni f’intrapriżi statali bir-rekwiżiti għal divulgazzjoni tal-interessi jista’ jgħin iżid it-trasparenza. Il-programm nazzjonali ta’ riforma jħabbar il-preparazzjoni ta’ strateġija ta’ privatizzazzjoni sal-aħħar kwart tal-2013, li se jitressqu għat-tielet kwart tas-sena, wara l-ittra tat-23 ta’ Mejju 2013. Sadanittant, il-Gvern ippropona lill-Parlament lista ta’ 15-il kumpanija għall-privatizzazzjoni. Minbarra ishma minoritarji u SMEs, din il-lista tinkludi wkoll lill-kumpaniji importanti bħat-tieni l-akbar bank, NKBM.

(19)     Is-Slovenja għandha għadd kbir ta’ professjonijiet regolati u hemm lok għal tnaqqis sinifikanti tal-ostakli għad-dħul li jkollu effett pożittiv fuq l-impjieg u l-kompetizzjoni. L-awtoritajiet Sloveni nedew proċess ta’ riforma fl-2012 biex jirrevedi bosta professjonijiet regolati bil-għan li jiġu definiti aħjar professjonijiet irregolati eżistenti, it-tnaqqis tal-ispejjeż amministrattivi u biex jiġi ssimplifikat l-aċċess għal professjonijiet. L-ewwel sett ta’ liġijiet fil-qasam tal-artiġjanat, it-turiżmu u l-kostruzzjoni kellu jiġi adottat mill-Parlament fil-bidu tal-2013. Madankollu, ir-riforma tinsab lura ħlief għas-settur tal-artiġjanat. Is-Slovenja stabbiliet l-prekundizzjonijiet legali għal Aġenzija għall-Protezzjoni tal-Kompetizzjoni indipendenti iżda għad trid tiżgura li l-livelli tal-persunal se jibqgħu jiġu żgurati. Il-leġiżlazzjoni għandha tkompli tiġi emendata biex tagħti lill-Aġenzija linja tal-baġit separata, minħabba li dan huwa neċessarju biex tiżgura l-indipendenza finanzjarja tagħha. Il-proċedimenti ġudizzjarji tal-Prim’ Istanza f'każijiet ċivili u kummerċjali kif ukoll il-proċeduri ta’ falliment huma twal mingħajr raġuni. Minkejja t-tendenza pożittiva viżibbli biex tqassar tulijiet ta’ każijiet ċivili u kummerċjali hemm bżonn ta’ sforz kontinwu biex jiġu indirizzati dawn il-kwistjonijiet, minħabba li dawn ifixklu l-attività tan-negozju u jnaqqsu l-attrazzjoni tas-Slovenja għal investiment barrani dirett. F’dan il-kuntest, in-nuqqas previst fin-numru tal-imħallfin għal kull abitant kif stabbilit fil-programm ta’ riforma nazzjonali, kien ikun kontrobilanċjat minn żidiet sinifikanti fl-effikaċja.

(20)     Il-programm nazzjonali ta’ riforma jafferma l-ħtieġa li jirristruttura korporazzjonijiet mhux finanzjarji f’diffikultà finanzjarja iżda l-isfida politika u r-risposta ta’ politika dwar ir-ristrutturar korporattiv jeħtieġu iktar elaborazzjoni li tiffoka fuq soluzzjonijiet ibbażati fuq is-suq. Hemm bżonn miżuri addizzjonali biex jattiraw investiment privat, inkluż l-investiment barrani dirett, u sabiex jiġi assigurat biżżejjed qsim tal-piżijiet privati li jippreserva r-riżorsi tal-kontribwenti. Il-proċess ta’ ristrutturar għandu jwassal għall-bejgħ ta’ kumpaniji ristrutturati mingħajr l-involviment ta’ finanzjament pubbliku,

(21)     Is-Slovenja hija fil-proċess li temenda leġiżlazzjoni sabiex tiżdied l-effiċjenza tal-proċeduri ta’ insolvenza. Il-Gvern Emenda l-liġi dwar operazzjonijiet finanzjarji, proċeduri ta’ insolvenza u l-Att dwar ix-xoljiment obbligatorju f’April 2013. L-emendi jirfinaw id-definizzjoni ta’ insolvenza u jintroduċu inċentivi għall-maniġers biex japplikaw għall-falliment fil-ħin. Il-qafas ta’ insolvenza attwali ma għandux biżżejjed inċentivi u sanzjonijiet biex jiżgura li l-kumpaniji japplikaw għall-falliment fi stadju bikri. Proċeduri ta’ soluzzjoni obbligatorja (riorganizzazzjoni fil-qorti) fil-qorti huma kumplessi u proċeduri tal-insolvenza favur id-debitur, b’mod partikolari għall-SMEs u l-kumpaniji mikro. M’hemmx biżżejjed inċentivi għall-kummerċjalizzazzjoni bikrija ta’ kompromess, li jista’ jgħin biex jiġi żgurat li jkun hemm tkomplija ta’ negozji vijabbli. Il-leġiżlazzjoni l-ġdida ġiet imħabbra biex tippermetti r-ristrutturar finanzjarju ta’ kumpaniji fi stat ta’ dejn eċċessiv fi stadju bikri tal-proċess, u bidliet legali sabiex jiffaċilitaw ir-ristrutturar barra l-qorti u l-konverżjoni ta’ dejn se tiġi proposta mill-Ministeru tal-Ġustizzja sal-aħħar ta’ Mejju 2013. Qafas legali xieraq li jipprovdi inċentivi kompatibbli lill-kredituri, is-sidien u l-maniġment ikun essenzjali sabiex jiffaċilita r-ristrutturar finanzjarju ta’ kumpaniji illikwidi vjabbli.

(22)     Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, il-Kummissjoni wettqet analiżi komprensiva tal-politika ekonomika tas-Slovenja. Hija vvalutat il-programm ta’ konverġenza u l-programm nazzjonali ta’ riforma, u ppreżentat rieżami fil-fond. Mhux biss qieset ir-rilevanza tagħhom għall-politika fiskali u soċjoekonomika sostenibbli fis-Slovenja imma qieset ukoll il-konformità tagħhom mar-regoli u mal-gwida tal-UE, fid-dawl tal-ħtieġa li tissaħħaħ il-governanza ekonomika kumplessiva tal-Unjoni billi jingħata kontribut fil-livell tal-UE għad-deċiżjonijiet nazzjonali futuri. Ir-rakkomandazzjonijiet tagħha skont is-Semestru Ewropew huma riflessi fir-rakkomandazzjonijiet (1) sa (9) hawn taħt.

(23)     (19) Fid-dawl ta’ din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm ta’ Stabbiltà tas-Slovenja, u l-opinjoni tiegħu[9] hija riflessa b’mod partikolari fir-rakkomandazzjoni (1) hawn taħt.

(24)     Fid-dawl tar-reviżjoni bir-reqqa tal-Kummissjoni u din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm Nazzjonali ta’ Riforma u l-Programm ta’ Stabbiltà għas-Slovenja. Ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu, skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, huma riflessi fir-rakkomandazzjonijiet kollha ta' hawn taħt,

(25)     Fil-kuntest tas-semestru Ewropew, il-Kummissjoni wettqet ukoll analiżi tal-politika ekonomika fiż-żona tal-euro bħala entità sħiħa. Fuq din il-bażi, il-Kunsill ħareġ rakkomandazzjonijiet speċifiċi indirizzati lill-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro. Is-Slovenja wkoll għandha tiżgura l-implimentazzjoni sħiħa u f’waqtha ta’ dawn ir-rakkomandazzjonijiet.

B’DAN JIRRAKKOMANDA li s-Slovenja tieħu azzjoni fil-perijodu bejn l-2013 u l-2014 biex:

1.           Għas-sena 2013 u għas-snin ta’ wara, timplimenta u ssaħħaħ l-istrateġija baġitarja, appoġġjata minn miżuri strutturali speċifikati biżżejjed, biex tiġi żgurata l-korrezzjoni tal-iżbilanċ eċċessiv sal-2015 b’mod sostenibbli u t-titjib fil-bilanċ strutturali speċifikat fir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill skont il-proċedura ta’ defiċit eċċessiv. Wara l-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv, għandha tfittex li tikseb l-isforz ta’ aġġustament strutturali li tippermetti lis-Slovenja biex jintlaħaq l-MTO sal-2017. Korrezzjoni fit-tul l-iżbilanċi fiskali teħtieġ l-implimentazzjoni ta’ riformi strutturali ambizzjużi, li jżidu l-kapaċità ta’ aġġustament tal-ekonomija u ssaħħaħ it-tkabbir potenzjali u l-impjiegi. Tissalvagwardja l-infiq li jiffavorixxi t-tkabbir, tadotta miżuri biex itejjeb il-konformità mat-taxxa u timplimenta miżuri fuq in-naħa tal-infiq sostnut minn reviżjonijiet sistematiċi tan-nefqa pubblika fil-livelli kollha tal-gvern. Biex tittejjeb il-kredibbiltà ta’ konsolidazzjoni, tlesti l-adozzjoni tar-regola tal-gvern ġenearli dwar il-bilanċ/eċċess f’termini strutturali, tagħmel il-qafas baġitarju fuq perjodu medju vinkolanti, li jħaddan u trasparenti, u jssaħħaħ ir-rwol ta’ korpi indipendenti ta’ monitoraġġ tal-politika fiskali sa tmiem l-2013. Tieħu miżuri biex tnaqqas gradwalment l-obbligazzjonijiet kontinġenti tal-Istat.

2.           Isaħħaħ is-sostenibbiltà fit-tul tas-sistema tal-pensjonijiet lil hinn mill-2020 billi taġġusta aktar parametri rilevanti kollha, inkluż permezz ta' rabta tal-età statutorja tal-irtirar u ż-żieda fl-istennija tal-għomor, filwaqt li l-adegwatezza tal-pensjonijiet tiġi ppreservata. Tinkludi l-infiq marbut mal-età dwar il-kura fit-tul u ttejjeb l-aċċess għas-servizzi billi terġa’ tiffoka fuq l-għoti ta’ kuri minn kura istituzzjonali għal kura fid-dar, tiffoka, timmira u tivverifika l-benefiċċji, u ssaħħaħ il-prevenzjoni biex jitnaqqsu d-diżabilità/d-dipendenza.

3.           Tassigura li l-iżviluppi tal-paga, inklużi l-paga minima, jappoġġjaw il-kompetittività u l-ħolqien tal-impjiegi. Tissorvelja mill-qrib l-effetti reċenti fuq ir-riforma tas-suq tax-xogħol u jekk ikun meħtieġ tidentifika oqsma fejn hija meħtieġa azzjoni ulterjuri li tkattar il-ħolqien tal-impjiegi u tittratta s-segmentazzjoni, inkluż permezz tar-Regolament għal xogħol studentesk. Tieħu aktar miżuri biex jiżdiedu l-impjiegi taż-żgħażagħ gradwati fil-livell terzjarju, persuni anzjani u dawk b’ħiliet baxxi billi tiffoka r-riżorsi fuq miżuri dwar il-politika tas-suq tax-xogħol attiv magħmula apposta filwaqt li tittejjeb l-effikaċja tagħhom. Tindirizza n-nuqqas ta’ tlaqqiegħ fil-ħiliet billi ttejjeb l-attrazzjoni tal-edukazzjoni vokazzjonali rilevanti u l-programmi ta’ taħriġ u billi tiżviluppa aktar il-kooperazzjoni mal-partijiet interessati rilevanti fil-valutazzjoni tal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol.

4.           Tieħu l-passi meħtieġa, b’kontribut minn imsieħba Ewropej, biex tikkuntratta konsulent estern indipendenti sa Ġunju 2013 biex iwettaq rieżami tal-kwalità tal-assi tal-banek mifruxa fuq is-sistema kollha. Ittemm dan l-eżerċizzju fl-2013, bi progress aktar mgħaġġel fil-każijiet taż-żewġ banek diġà suġġetti għall-proċedura ta’ għajnuna mill-Istat, biex iħaffu korrezzjoni tal-karta tal-bilanċ tagħhom. Tkun lesta li tipprovdi kapital addizzjonali jekk it-trasferiment tal-assi jew ir-rieżami tal-kwailtà tal-assi jiżvelaw nuqqasijiet addizzjonali. Il-miżuri kollha, inklużi valutazzjonijiet oġġettivi tal-ħtiġijiet kapitali, it-trasferiment tal-assi lill-Kumpanija tal-Ġestjoni tal-Assi tal-Banek, l-iskema ta’ protezzjoni tal-assi, l-implimentazzjoni operattiva tal-miżuri ta’ ristrutturar għandhom ikunu implimentati b’konformità sħiħa mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat fil-każ li tkun involuta għajnuna mill-Istat. B’mod parallel, tiżviluppa sa Marzu 2014 u timplimenta strateġija settorjali komprensiva biex tiżgura ġestjoni indipendenti ta’ banek riformati u biex tittejjeb sostanzjalment l-governanza, il-ġestjoni tar-riskju u l-profittabbiltà fis-settur, inkluż permezz tal-konsolidazzjoni fejn xieraq. Tipproċedi b’mod mgħaġġel bi preparazzjonijiet għal privatizzazzjoni mħabbra ta’ NKBM u tistabbilixxi, sa Settembru 2013, skeda ambizzjuża għal ċessjoni ta' ishma tal-istat diretti u indiretti tal-banek.

5.           Twettaq rieżami tal-qafas regolatorju tal-Bank sa tmiem l-2013, u abbażi ta’ dan ir-rieżamii, issaħħaħ il-kapaċità superviżorja, it-trasparenza u żvelar statistiku.

6.           Tħaffef ir-riforma ta’ servizzi regolati, inkluż tnaqqis sinifikanti ta’ ostakli għad-dħul. Ittejjeb l-ambjent tan-negozju, inkluż permezz li tkun żgurata l-indipendenza u li tipprovdi biżżejjed u finanzjament awtonomu għall-Aġenzij dwar il-Protezzjoni tal-Kompetizzjoni.

7.           Tibni fuq l-isforzi preċedenti li jnaqqsu ulterjorment it-tul tal-proċedimenti ġudizzjarji fl-ewwel istanza f’każijiet ċivili u kummerċjali u n-numru ta’ każijiet pendenti, partikolarment każijiet ta’ infurzar.

8.           Bħala parti mill-istrateġija ppjanata tal-gvern, li għandu tintemm sa Settembru 2013, tikklassifika l-assi ewlenin u sekondarji tal-Istat skont kriterji ekonomiċi, bil-għan li jitneħħew tal-assi sekondarji. Tagħmel lis-Slovenia Sovereign Holding (SSH) operazzjonali bis-sħiħ fil-ħin, u tittrasferixxi kemm l-appartenenza u l-ġestjoni tal-ishma kollha lill-SSH, potenzjalment teskludi dawk li huma fuq il-lista għal privatizzazzjoni sħiħa u immedjata. Tiżguraw l-ġestjoni professjonali tal-SSH mill-bidu, potenzjalment tinkludi ħiliet internazzjonali, u relazzjoni indipendenti definita b'mod ċar mal-kumpaniji involuti. Għal ishma ewlenin, tiżviluppa strateġiji speċifiċi għas-settur biex ittejjeb il-profittabbiltà u l-governanza korporattiva. Tintroduċu sistema obbligatorja u pubblikament disponibbli ta' reġistru ta’ ħatriet tal-Bord tat-Tmexxija u ta’ superviżjoni f’intrapriżi statali mar-rekwiżiti għal divulgazzjoni ta’ interessi. Tiżgura li l-qafas regolatorju jiffaċilita ċessjoni ta’ assi mhux prinċipali u li l-ostakli amministrattivi tal-Istat jkunu minimizzati.

9.           Tidentifikaw u tibda xogħol dwar it-tneħħija legali kollha eżistenti u l-ostakli amministrattivi għal ristrutturazzjoni sostenibbli ta’ dejn eċċessiv/sottokapitalizzat iżda li tkun vijabbli għall-kumpaniji permezz ta’ soluzzjonijiet ibbażati fuq is-suq. F’dan il-kuntest, tieħu miżuri sabiex tiżgura l-kondiviżjoni suffiċjenti tal-piżijiet privati biex jiżdied l-investiment privat, inkluż l-investiment barrani dirett, kif ukoll biex tinkiseb aktar effiċjenza f’kumpaniji f’diffikultà bħala parti mill-proċess ta’ ristrutturar. Tadotta l-qafas legali meħtieġ għal ristrutturar barra l-qorti sa Settembru 2013, filwaqt li tiżgura li huwa koerenti mad-dispożizzjonijiet eżistenti dwar l-insolvenza u tipprovdi inċentivi biex kemm il-kredituri u l-azzjonisti jilħqu ftehimiet ta’ ristrutturar barra mill-qorti. Ittejjeb l-infurzar ta’ proċeduri ta’ insolvenza korporattiva u soluzzjonijiet fil-qorti, inkluż is-soluzzjoni b'mod rapidu ta' każijet pendenti tal-qorti marbuta mal-proċeduri ta’ falliment, sabiex jiġi massimizzat il-valur ta’ rkupru u biex jiffaċilitaw riżoluzzjoni f’waqtha u effiċjenti ta’ self inadempjenti.

Magħmul fi Brussell,

                                                                       Għall-Kunsill

                                                                       Il-President

[1]           ĠU L 209, 02,08.1997, p. 1.

[2]           ĠU L 306, 23,11.2011, p. 25.

[3]           COM(2013) 374 finali.

[4]           P7_TA(2013)0052 u P7_TA(2013)0053.

[5]           Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/208/UE tas-22 ta' April 2013.

[6]           COM(2012)750 finali.

[7]           COM(2012)751 finali.

[8]           SWD(2013) 122 finali.

[9]           Skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97.

Top