EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013DC0278

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Il-programm Marco Polo — Riżultati u perspettivi

/* COM/2013/0278 final */

52013DC0278

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Il-programm Marco Polo — Riżultati u perspettivi /* COM/2013/0278 final */


KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Il-programm Marco Polo — Riżultati u perspettivi

1.           Introduzzjoni

L-Artikolu 14 tar-Regolament 1692/2006[1] jipprevedi li l-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, Komunikazzjoni dwar ir-riżultati miksuba bil-programmi Marco Polo għall-perjodu bejn l-2003 u l-2010.

Il-prestazzjoni tal-programmi kienet ivvalutata fil-qafas ta’ evalwazzjoni esterna[2]. Għall-ħtiġijiet tal-Komunikazzjoni, is-sejbiet tal-evalwazzjoni ġew sussegwentement aġġornati b’tagħrif supplimentari, inkluż dejta operattiva miksuba sa Novembru 2012.

Barra minn hekk, il-Komunikazzjoni tipprovdi prospettiva generali dwar il-passi li jmiss u l-approċċ lejn appoġġ għal soluzzjonijiet innovattivi u servizzi tat-trasport tal-merkanzija sostenibbli fil-perjodu kopert mill-Qafas Finanzjarju Multiannwali li jmiss (MFF) 2014-2020.

Fl-aħħar nett, id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanja din il-Komunikazzjoni jippreżenta dejta statistika rilevanti u analiżi tal-kwistjonijiet speċifiċi msemmija fl-Artikolu 14 (2a) tar-Regolament 1692/2006.

2.           Il-programm Marco Polo bħala strument ta’ appoġġ għas-servizzi tat-trasport tal-merkanzija sostenibbli fil-livell tal-UE

Il-programm ġie stabbilit bħala riżultat tal-White Paper dwar il-Politika Komuni tat-Trasport ta’ Settembru 2001[3]. Il-White Paper Paper tipproponi li użu aktar intensiv ta’ trasport qasir bil-baħar, ferrovija u passaġġi tal-ilma interni għandhom ikunu elementi kruċjali fl-iżvilupp tal-intermodalità bħala meżż prattiku u effettiv biex tinkiseb sistema tat-trasport bilanċjata.

Il-White Paper bassret li jekk ma tittieħed l-ebda azzjoni, it-trasport tal-merkanzija bit-triq għandu jiżdied b’madwar 50 fil-mija sal-2010, li jwassal għal spejjeż addizzjonali ta’ infrastruttura tat-toroq, għadd akbar ta’ aċċidenti, iktar konġestjoni u aktar tniġġis lokali u globali. L-effett dirett ikun tkabbir fit-traffiku internazzjonali (intra UE) ta’ merkanzija stradali b’madwar 12-il biljun kilometri-tunnellati fis-sena[4].

Kontra dan l-isfond, ġie stabbilit il-Programm Marco Polo I (2003-2006)[5]. Baġit ta’ EUR 102 miljun sar disponibbli biex jappoġġa azzjonijiet bil-għan li jċaqilqu ż-żieda mbassra ta’ 48 biljun kilometru-tunnellata ta’ merkanzija mit-toroq għat-trasport marittimu fuq distanzi qosra, il-ferroviji u l-passaġġi tal-ilma interni jew għaqda ta’ arranġamenti ta’ trasport li fihom vjaġġi stradali jkunu kemm jista’ jkun qosra.

Meta jiġi żviluppat it-tieni programm Marco Polo[6] (2007-2013), il-previżjonijiet ta’ tkabbir tat-trasport tal-merkanzija ġew ikkalkulati mill-ġdid[7]. B'riżultat ta’ dan, ġie konkluż li fin-nuqqas ta’ kwalunkwe azzjoni, it-trasport internazzjonali tal-merkanzija bit-triq (intra UE) se jikber b’ 20.5 biljun kilometri-tunnellati fis-sena bejn l-2007 u l-2013. Marco Polo II kien mistenni jaqleb parti sostanzjali ta’ dan it-tkabbir b’baġit ta’ EUR 450 miljun.

3.           Il-karatteristiċi ewlenin tal-programm

Il-programm Marco Polo, li ġie stabbilit biex jitnaqqas it-traffiku fit-toroq u biex tagħmel it-trasport tal-merkanzija iktar effiċjenti u sostenibbli, huwa l-uniku strument ta’ finanzjament tal-UE definit fil-qafas leġiżlattiv tiegħu bħala kontribuzzjoni fissa għal kull intervent. Is-sussidju huwa normalment ikkalkulat fuq il-bażi ta’ bidla modali miksuba espressa f’miljuni ta’ kilometri-tunnellati[8]. Din il-bidla modali tista' mbagħad tiġi ttrasformati f’termini monetarji f’benefiċċji ambjentali, ta' konġestjoni u oħrajn li jipproduċu l-azzjonijiet Marco Polo.

Marco Polo I ippreveda tliet tipi ta’ azzjonijiet:

(a) azzjonijiet ta' bidla modali; it-trasferiment ta' kemm jista’ jkun merkanzija minn trasport bit-triq għal trasport qasir bil-baħar, ferrovija u/jew permezz tal-passaġġi tal-ilma interni;

(b) azzjonijiet ta’ kataliżi: jinbidel il-mod kif jopera t-trasport tal-merkanzija mhux fit-toroq fl-UE u jingħelbu l-ostakli strutturali tas-suq tat-trasport tal-merkanzija Ewropea permezz ta’ avvanz jew kunċett innovattiv ħafna;

(c) azzjonijiet ta’ tagħlim komuni: it-tisħiħ tal-għarfien tas-settur loġistiku tat-trasport ta’ merkanzija u t-trawwim ta’ metodi avvanzati u proċeduri ta’ kooperazzjoni fuq is-suq tat-trasport tal-merkanzija;

Żewġ azzjonijiet oħra ġew miżjuda taħt il-Marco Polo II:

(d) awtostradi tal-baħar; kwalunkwe azzjoni intermodali innovattiva, ta' volum kbir u ta' frekwenza għolja, li direttament tibdel il-merkanzija mit-toroq għat-trasport marittimu fuq distanzi qosra. Din tinkludi kombinazzjoni ta’ trasport qasir bil-baħar u modi oħra ta’ trasport lejn iż-żoni 'l ġewwa mill-kosta u servizzi integrati minn bieb għal bieb li fihom il-vjaġġi stradali jkunu kemm jista’ jkun qosra;

(e) azzjonijiet ta’ evitar tat-traffiku; kull azzjoni innovattiva li tintegra t-trasport mal-loġistikà tal-produzzjoni biex jiġi evitat perċentwal għoli ta’ trasport tal-merkanzija bit-triq mingħajr ma taffettwa b’mod ħażin il-produzzjoni jew il-ħaddiema.

Barra minn hekk, il-baġit kumplessiv żdied minn EUR 102 miljun għal EUR 450 miljun u t-tul tal-programm ġie estiż minn 4 sa 7 snin. Marco Polo II introduċa aktar bidliet ulterjuri: kamp ta' applikazzjoni ġeografiku usa’, regoli tal-finanzjament modifikati għal ċerti tipi ta’ azzjonijiet, definizzjoni ġdida ta’ applikanti eliġibbli u approċċ ġdid għal infrastruttura anċillari.

Marco Polo II ġie rrevdut fl-2009[9] sabiex jiffaċilita l-parteċipazzjoni mill-intrapriżi żgħar u mikro u biex jissimplifika l-proċeduri. Barra minn hekk, l-intensità tal-finanzjament kienet irdoppjata minn EUR 1 għal EUR 2 għal kull 500 kilometru-tunnellata ttrasferiti mit-toroq għal mezzi oħra ta’ trasport.

Mil-lat ta' ġestjoni, l-implimentazzjoni tal-programm ġiet trasferita mill-Kummissjoni għall-Aġenzija Eżekuttiva għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (EACI) fl-2008.

4.           Ir-riżultati miksuba mill-Programmi Marco Polo

Bejn l-2003 u l-2012, ingħataw 172 għotja ,li jipprovdi għajnuna finanzjarja għal aktar minn 650 kumpanija.

Minħabba d-disinn uniku ta’ Marco Polo li jorbot is-sussidju ma’ bidla modali attwali mogħtija minn proġetti, ir-riżultati tal-programm jistgħu jiġu kkwantifikati, jippermettu li jiġu vvalutati l-kisbiet reali tal-programm.

– Effettività

L-effettività tal-programm jitkejjel f’termini ta’ bidla modali/evitar tat-traffiku realizzati[10] (f’kilometri-tunnellati).

Minħabba n-natura differenti ta’ kull waħda mill-azzjonijiet, l-effikaċja tista' titkejjel direttament għal tibdil modal, katalista, l-awtostradi tal-baħar u l-azzjonijiet tal-evitar tat-traffiku. Azzjonijiet ta’ kataliżi għandhom karatteristiċi speċifiċi addizzjonali, li se jiġu indirizzati separatament. Azzjonijiet komuni ta’ tagħlim m’għandhom ebda objettiv ta' bidla modali diretta u għalhekk ma jistgħux jiġu evalwati abbażi ta’ trasport li jkun ġie ttrasferit mit-toroq għal mezzi oħra.

Għal Marco Polo I, il-bidla modali mistennija mill-proġetti magħżula ammontat għal 47.7 biljun kilometri-tunnellati — (btkm), li hija madwar daqs il-mira globali stabbilita għall-programm (48 btkm). Eventwalment, il-proġetti laħqu bidla modali reali ta’ 21.9 btkm. Din iċ-ċifra tirrappreżenta madwar 46 fil-mija tal-mira tal-bidla modali kumplessiva u hija ekwivalenti għal madwar 1,200,000 vjaġġi bit-trakk fuq distanza ta’ 1,000 km b’tagħbija medja ta’ 18-il tunnellata ta’ merkanzija.

Fil-Marco Polo II, il-volum ta’ bidla modali mistenni minn proġetti li ngħataw fis-sejħiet bejn l-2007 u l-2011 jammonta għal 87.7 btkm, 17.54 btkm bħala medja kull sena. F’Novembru 2012 dawn il-proġetti kienu għamlu bidla modali reali ta’ 19,5 btkm (madwar 5 btkm bħala medja, s’issa, għal erba’ snin b’ċifri disponibbli). Billi Marco Polo II għadu għaddej, iċ-ċifri se jiżdiedu matul iċ-ċiklu tal-ħajja tal-programm[11].

Minħabba li l-proġetti Marco Polo huma servizzi tan-negozju, huma sensittivi għal kundizzjonijiet tas-suq u ekonomiċi. B’riżultat ta’ dan, it-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku osservat mill-2008[12]għandu impatt negattiv fuq l-użu u l-effikaċja tal-programm u l-vijabbiltà tal-proġetti[13].

Azzjonijiet ta’ kataliżi, minbarra l-objettiv ta' bidla modali, għandhom l-għan li jidentifikaw u jegħlbu l-ostakli għal approċċi innovattivi tat-trasport tal-merkanzija mhux fit-toroq. Dawn l-ostakli tekniċi u — f’ċerti każijiet — ta' natura "psikoloġika" huma speċifiċi għal kull proġett. Għalhekk, huwa diffiċli biex wieħed jipprovdi riżultati kollettivi diretti tal-benefiċċji kollha tal-azzjonijiet ta’ kataliżi minbarra dawk li jirriżultaw minn bidla modali.

L-effettività tal-azzjonijiet ta’ tagħlim komuni ġiet ivvalutata fuq il-bażi ta’ proġett proġett (eż. jekk l-għadd ta’ konferenzi mbassra seħħew jew l-għadd imbassar ta’ parteċipanti kien miksuba). Dan huwa minħabba li l-għanijiet ta’ kull azzjoni kienu differenti u ma teżisti l-ebda bażi komuni li fuqha jistgħu jiġu ggruppati r-riżultati. Azzjonijiet ta’ tagħlim komuni kienu fil-biċċa l-kbira ta' suċċess fil-kisba tal-objettivi tagħhom, b’għadd ta’ proġetti li jkollhom rata ta’ suċċess ta’ 100 fil-mija. Madankollu, l-impatt fit-tul ta’ azzjonijiet komuni ta’ tagħlim dwar il-prattiki ta’ kumpanija tal-loġistika u dwar il-qasma modali huwa iktar diffiċli biex jiġu vvalutati.

– Il-benefiċċi ambjentali

It-titjib tal-prestazzjoni ambjentali tat-trasport tal-merkanzija hija waħda mill-għanijiet ewlenin tal-programm Marco Polo. Il-bidla modali miksuba f’kilometri-tunnellati hija ttrasformata f’termini monetarji f’benefiċċji ambjentali, tal-konġestjoni u oħrajn, permezz ta’ kalkolatur tal-ispejjeż esterni[14]. Il-kalkolatur jipproduċi valutazzjoni ekonomika għall-mezzi u s-submezzi ta’ trasport differenti ibbażati fuq il-koeffiċjenti tal-ispiża esterna[15] prevista għall-impatti ambjentali (il-kwalità tal-arja, l-istorbju, it-tibdil fil-klima) u l-impatti soċjo-ekonomiċi (aċċidenti, konġestjoni).

Ibbażat fuq ċifri mogħtija minn bidla modali mill-proġetti Marco Polo I, il-benefiċċji ambjentali huma stmati[16] għal EUR 434 miljun. Jekk inqabblu din iċ-ċifra mal-fondi mogħtija lil dawk il-proġetti b’objettiv ta' bidla modali (EUR 32.6 miljun), ifisser li kull euro investit f’dawn l-azzjonijiet ikun iġġenera medja ta' EUR 13.3 f’benefiċċji ambjentali u ffrankar ieħor ta' spejjeż esterni. Dawn il-benefiċċji jinkludu 1.5 miljun tunnellati ta' CO2 li mhux iġġenerat mit-traffiku fit-triq.

Billi Marco Polo II għadu għaddej, ir-riżultati finali għadhom mhumiex disponibbli. Madankollu iċ-ċifri interim (Novembru 2012) jindikaw s'issa mill-programm ġew prodotti EUR 405 miljun f’benefiċċji ambjentali.

Minbarra l-benefiċċji ambjentali diskussi hawn fuq, impatti indiretti importanti oħra jistgħu jiġu kkunsidrati wkoll, pereżempju l-effetti minn nuqqas ta' traffiku fuq il-ħarsien tan-natura jew żoni sensittivi, bħalma huma l-Alpi jew il-Pirenej, jew konsegwenzi ta’ tagħrif u effetti ta' netwerking li nkisbu permezz ta’ kollaborazzjoni bejn entitajiet involuti fil-programm Marco Polo.

– Effiċjenza

L-effiċjenza titkejjel bħala l-proporzjon bejn riżultati (tkm miksuba għal proġetti b’objettiv ta' bidla modali) fuq id-dħul (baġit impenjat jew imħallas).

Għal Marco Polo I il-proġetti għal bidla modali (esklużi tagħlim komuni u azzjonijiet katalisti), meta jieħdu kont tal-pagamenti ttrasferiti lill-benefiċjarji, kull euro investit rriżulta f’bidla ta’ 597 tkm. Dan jista’ jitqabbel mal-effiċjenza medja ta' 743tkm għal kull euro ta’ sussidju[17], mistenni mill-proġetti magħżula taħt sejħiet għal proposti annwali[18].

Għall-programm Marco Polo II, l-effiċjenza mistennija[19] minn proġetti magħżula[20] ma’ objettiv ta' bidla modali ammonta għal 438tkm/euro (Novembru 2012). Kwalunkwe ċifri ġenwini li jirrappreżentaw l-effiċjenza realment miksuba mhumiex disponibbli fil-preżent billi l-programm għadu għaddej.

Tnaqqis fl-effiċjenza matul il-programm Marco Polo II jista’ jiġi spjegat minn bidliet għar-regoli li jirregolaw proġetti, b’mod partikolari, magni li jirduppjaw l-intensità tal-finanzjament mis-sejħa tal-2009 (minn EUR 1 għal EUR 2 għal kull 500tkm) u d-definizzjoni l-ġdida ta’ merkanzija[21].

– Użu tal-Fondi

Minn EUR 102 miljun allokati għall-programm Marco Polo I, kienu impenjati EUR 73,8 miljun. Ir-raġunijiet wara din is-sitwazzjoni hija li għadd limitat biss ta’ proposti ta’ proġetti kkonformaw mal-kriterji u l-kundizzjonijiet stabbiliti mill-programm (265 proposta mressqa u 55 kuntratt ffirmati) u dan wassal għal inqas adozzjoni tal-programm milli huwa mixtieq.

Minn dan l-impenn tal-baġit, tħallsu EUR 41.8 miljun. Il-fatt li l-pagament lill-benefiċjarji huwa kondizzjonali fuq l-ammont reali ta’ ksib tar-riżultati huwa aspett importanti tal-programm u juri allokazzjoni effiċjenti ta’ fondi pubbliċi. Madankollu, dan ifisser li f’każ li ċ-ċifri tal-bidla modali jkunu tabilħaqq inqas minn dawk oriġinarjament ikkalkolati mill-benefiċjarji, eż. minħabba l-effetti negattivi tal-kriżi finanzjarja, il-baġit disponibbli għall-programm ma jintużax kollu.

Xejra simili hija mbassra li għall-programm li għaddej bħalissa tal-Marco Polo II.

Barra minn hekk, bħala regola ġenerali, l-ammonti mħallsa lil proġett ma jistgħux jeċċedu d-defiċit totali li jkun ġie esperjenzat matul il-perjodu ta’ finanzjament (ara n-nota 8 ta’ qiegħ il-paġna). Għalhekk jekk proġett jipproduċi profitt jew jikseb punt fejn id-dħul jibbilanċja l-infiq aktar kmieni milli kien previst fl-applikazzjoni, is-sussidju jista’ jkun irtirat jew imnaqqas rispettivament. Dan kien il-każ għal bosta proġetti Marco Polo, u kkontribwixxa wkoll biex jitnaqqas l-użu ta’ fondi allokati.

– Sostenibbiltà

Is-sostenibbiltà tirreferi għal kemm jekk il-proġett jibqa’ operattiv f’xi forma wara t-tmiem tal-perjodu ta’ finanzjament jew le. Skont l-evalwazzjonijiet imwettqa fuq il-programmi[22], il-maġġoranza tas-servizzi huma mistennija li jkomplu wara t-tmiem tal-Ftehim tal-Għotja. Dan jindika li finanzjament f’terminu qasir seta’ wassal għal bidla fit-tul anke fil-kundizzjonijiet attwali tas-suq li dejjem qed jevolvu. B’riżultat ta’ dan, il-programmi huma mistennija jiġġeneraw benefiċċji addizzjonali f’termini ta’ bidla modali/evitar tat-traffiku u l-ispejjeż esterni ffrankati wara l-perjodu kuntrattwali, iżda li, minħabba n-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ dejta rilevanti, ma jistgħux jiġu inklużi fi kwantifikazzjoni tal-impatti tal-programm.

– Kompetizzjoni

Il-programm Marco Polo jipprovdi għotjiet lil kumpaniji tat-trasport sabiex tiġi ffinanzjata l-fażi tal-bidu ta’ azzjonijiet sabiex tiġi ttrasferita l-merkanzija mit-toroq għal mezzi oħra ta’ trasport. L-enfasi fuq servizzi ta’ trasport ġodda (jew titjib ta' dawk eżistenti) u ċerti livelli ta’ saturazzjoni fuq rotot intermodali jistgħu jwasslu f’xi każijiet għal tħassib dwar il-kompetizzjoni anke jekk ikunu stabbiliti salvagwardji biex jiġi evitati grad ta’ distorsjoni li jmur kontra l-interess komuni (jiġifieri valutazzjoni tal-kompetizzjoni fil-proċess tal-evalwazzjoni tal-proposti, possibiltà ta’ terminazzjoni jew tnaqqis tal-ambitu tal-kuntratti f’każ ta’ prova tad-distorsjoni tal-kompetizzjoni).

Fil-prattika, għalkemm għadd ta’ ilmenti fuq id-distorsjoni tal-kompetizzjoni ġew ippreżentati minn kompetituri tal-benefiċjarji Marco Polo tul iċ-ċiklu tal-ħajja taż-żewġ programmi Marco Polo, m’hemmx evidenza ċara ta’ kwalunkwe effetti avversi sinifikanti tal-kompetizzjoni[23].

– Ġestjoni

Bil-kapaċità li timpenja iktar riżorsi umani, l-EACI wriet prova li tagħti valur miżjud lill-proċess ta’ implimentazzjoni Marco Polo. L-esternalizzazzjoni ippermettiet iż-żieda ta’ sforzi ta’ komunikazzjoni, it-titjib tal-promozzjoni tal-programm, it-titjib ta' kontrolli operazzjonali u tipprovdi żieda fl-assistenza lill-applikanti.

– Proċeduri

Il-proċeduri tal-programm huma bbażati fuq il-prinċipju tal-ġestjoni finanzjarja soda u ġew żviluppati bil-għan li jiġi żgurat ambjent ekwu u li żżomm bilanċ xieraq bejn il-kontrolli amministrattivi meħtieġa dwar l-użu tal-fondi pubbliċi u l-ħtiġijiet tan-negozji. Madankollu, minħabba l-istess natura operattiva tal-programm, f’xi każijiet dawn il-proċeduri jistgħu jkunu meqjusa bħala kumplessi u jistgħu ma jkunux kompatibbli bis-sħiħ mal-prattiki ta’ kuljum tal-kumpaniji privati, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ ambjent fejn ir-riskju finanzjarju qiegħed dejjem jinbidel.

Fatturi oħra importanti

(a) L-adozzjoni tal-programm Marco Polo hija meqjusa bħala mhux sodisfaċenti għal kollox. L-irduppjar tal-intensità tal-finanzjament fl-2009 solva din il-kwistjoni biss parzjalment. Din is-sitwazzjoni tista’ tiġi spjegata permezz ta’ raġunijiet esterni bħal l-grupp fil-mira limitat, bidla fil-kundizzjonijiet tas-suq u klima ekonomika avversa sa mill-2008, iżda wkoll minn fatturi interni bħat-tfassil tal-programm, li, sabiex jiġu protetti l-fondi pubbliċi, jittrasferixxi r-riskji operattivi ewlenin lill-benefiċjarji;

(b) L-introduzzjoni ta’ ċertifikati tal-verifika komplementari mill-2010, iffaċilitat il-verifika tal-kwantitajiet ta’ merkanzija trasportati mill-proġetti tal-Programm Marco Polo u naqset ir-riskju ta’ kalkulazzjoni ħażina u frodi allegata iżda kompliet żiedet il-piż amministrattiv għall-benefiċjarji;

(c) L-orjentazzjoni tal-bidla modali tal-programm (li tippermetti l-pagamenti kważi b'mod esklużiv abbażi tal-bidla modali rrealizzata/l-evitar tat-traffiku[24]) hija waħda mir-raġunijiet għaliex il-benefiċjarji jiffaċċjaw diffikultajiet biex jiffinanzjaw l-infrastuttura anċillari[25], anke jekk l-ispiża mġarrba għal din it-tip ta' infrastruttura tista' tkun eliġibbli wkoll għall-assistenza finanzjarja[26];

(d) L-approċċ tal-bidla modali attwali mhux attraenti għal ċerti Stati Membri insulari. Dan għaliex il-links tat-trasport tal-merkanzija bejn il-gżejjer u l-kontinent u wkoll bejn il-gżejjer infushom huma prinċipalment servizzi marittimi. Bħala riżultat hemm possibbiltajiet limitati biex jiġġeneraw bidla modali/evitar tat-traffiku fil-livelli meħtieġa mill-programm;

(e) Skont għadd limitat tal-benefiċjarji mistħarrġa dwar Marco Polo[27], ma jistax jiġi eskluż li jista’ jkun hemm xi piż mingħajr tagħbija (deadweight) fil-programm, li jfisser li proporzjon tal-proġetti appoġġjati jkunu komplew anke fin-nuqqas tal-fondi Marco Polo. Min-naħa l-oħra, l-għajnuna tal-bidu pprovduta permezz ta’ għotjiet mill-UE setgħet taffiet ir-riskju kummerċjali biex jinbdew dawn l-operazzjonijiet intermodali u għenet xi proġetti biex jintlaħaq il-livell ta’ profitt aktar kmieni milli kien ikun possibbli mingħajr finanzjament. Huwa probabbli wkoll li kien possibbli proġett ta' skala akbar bħala riżultat tas-sussidju li jkun qed jingħata. Il-firxa sħiħa ta’ dan il-fenomenu ta' piż mingħajr tagħbija hija madankollu diffiċli biex tkun kkwantifikata;

(f) Filwaqt li l-parteċipazzjoni ta’ impriżi żgħar u medji mhijiex għan dirett tal-programm, huwa stmat li dawn jirrappreżentaw madwar 24 fil-mija[28] tal-popolazzjoni totali ta’ benefiċjarji.

Ċifri ddettaljati dwar il-prestazzjoni tal-programmi Marco Polo huma ppreżentati fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanja din il-Komunikazzjoni.

5.           Konklużjonijiet dwar ir-riżultati miksuba

Il-programmi Marco Polo ġew stabbiliti bħala strumenti ta’ finanzjament biex titnaqqas il-konġestjoni fit-toroq u biex tittejjeb il-prestazzjoni ambjentali tas-sistema tat-trasport tal-merkanzija. Il-karatteristiċi uniċi u importanti tal-programm huma t-trasparenza tiegħu, il-preċiżjoni li biha r-riżultati jistgħu jitkejlu u r-relazzjoni diretta bejn il-finanzjament tal-UE u r-riżultati miksuba.

Il-programm Marco Polo I diġà lest iġġenera madwar EUR 434 miljun f’benefiċċji ambjentali, u neħħa 21.9 biljun kilometri-tunnellati ta' ġarr tal-merkanzija minn fuq it-toroq Ewropej. Bidla modali sinifikanti ulterjuri u benefiċċji relatati huma mistennija għall-programm Marco Polo II li għaddej bħalissa.

Madanakollu, l-objettivi ambizzjużi ta’ bidla modali stabbiliti mil-leġiżlatur ma ntlaħqux b’mod sħiħ (46 % ta’ bidla modali ppjanata għal Marco Polo I). Barra minn hekk, il-programmi jitqiesu bħala kemxejn kumplessi, u f’xi każijiet mhux faċli biex jintużaw minn kumpaniji Ewropej.

Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li Marco Polo huwa bbażat fuq riżultati kwantifikabbli u l-pagamenti jsiru kważi esklussivament għall-bidla modali li fil-fatt tkun ġiet realizzata. Barra minn hekk, il-kundizzjonijiet tas-suq u s-sitwazzjoni ekonomika huma elementi importanti fid-determinazzjoni tas-suċċess tal-proġetti. Billi soluzzjonijiet intermodali tat-trasport huma aktar kumplessi u diffiċli biex jiġu implimentati minn purament sistema tat-trasport bit-triq, il-programm kien partikolarment sensittiv għall-effetti tal-kriżi ekonomika. Għalhekk, Marco Polo jirrappreżenta eżempju tajjeb ta’ użu effiċjenti tal-fondi tal-UE anki jekk l-għanijiet tal-programm ma ġewx issodisfati bis-sħiħ u l-baġit allokat ma ġiex minfuq għal kollox.

Il-forniment ta’ finanzjament pubbliku direttament għal fuq is-suq qajjem ukoll xi tħassib dwar il-kompetizzjoni matul iċ-ċiklu tal-ħajja tal-programm. Min-naħa l-oħra, ma kien hemm ebda evidenza ċara dwar kwalunkwe effetti avversi sinifikanti tal-kompetizzjoni ta’ proġetti li ġew iffinanzjati.

Marco Polo bħalissa huwa l-uniku strument ta’ finanzjament Ewropew iffokat fuq it-titjib tal-effiċjenza tat-trasport tal-merkanzija. Għalhekk appoġġ kontinwu huwa meqjus utli u xieraq. Madankollu, kwalunkwe skema ġdida ta’ appoġġ tas-servizzi tat-trasport tal-merkanzija sostenibbli jeħtieġ li wieħed jirrifletti fuq il-lezzjonijiet mitgħallma mill-programmi ta’ qabel.

6.           Il-passi li jmiss

– Il-kuntest tal-politika tat-trasport

F’Marzu 2011, il-Kummissjoni ħarġet strateġija għal sistema tat-trasport kompetittiva li se żżid il-mobbiltà u l-aċċessibbiltà, tneħħi l-ostakli l-kbar f’oqsma ewlenin u tikkontribwixxi għal iktar tkabbir u impjiegi[29]. Fost il-miri ewlenin għall-politika tat-trasport tal-UE hemm: l-użu ta’ karburanti nodfa, l-ottimizzazzjoni tal-prestazzjoni ta’ ktajjen loġistiċi multimodali u l-użu ta’ mezzi li huma aktar effiċjenti mil-lat tal-enerġija, tiżdied l-effiċjenza tat-trasport u tal-użu tal-infrastruttura u l-iżvilupp ta’ sistemi ta’ informazzjoni u inċentivi bbażati fuq is-suq. Il-linji gwida ġodda għan-Netwerk trans-Ewropew tat-Trasport (TEN-T)[30] adottati mill-Kummissjoni f’Ottubru 2011, se jipprovdu qafas prinċipali biex jinkisbu l-objettivi tal-politika għat-trasport kif speċifikat fil-White Paper.

Għal Qafas Finanzjarju Multiannwali (QFM) 2014-2020, il-Kummissjoni pproponiet żewġ pilastri biex tinżamm għall-forniment ta’ għajnuna finanzjarja mal-Politika tat-Trasport tal-UE.

Pilastru ta' infrastruttura se jkun kopert fi ħdan il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (CEF)[31]. Fi ħdan il-komponent tat-trasport tiegħu, CEF hija prevista biex taġġorna l-infrastruttura tat-trasport tal-Ewropa, tibni l-konnessjonijiet nieqsa u tneħħi l-ostakli. Billi l-finanzjament se jkun ikkonċentrat fuq il-mezzi ta’ trasport li jniġġsu anqas, l-iskjerar iktar wiesgħa ta’ applikazzjonijiet telematiċi u l-użu ta’ teknoloġiji innovattivi, dan għandu jixpruna s-sistema Ewropea tat-trasport biex issir aktar sostenibbli.

Pilastru ta' innovazzjoni se jiġi implimentat minn partijiet rilevanti tal-programm il-ġdid għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (Orizzont 2020)[32].

– Appoġġ għal servizzi tat-trasport tal-merkanzija innovattivi u sostenibbli — approċċ ta’ politika

Bil-għan li tiġi mtejba l-effiċjenza u s-sostenibbiltà tat-trasport tal-merkanzija Ewropew u l-loġistika, il-Kummissjoni tipproponi approċċ ġdid b’appoġġ tas-servizzi tat-trasport tal-merkanzija fil-perjodu 2014-2020.

Abbażi tar-riżultati miksuba u b’kont meħud tal-kuntest tal-politika evolventi, il-programm Marco Polo II ser jitwaqqaf fil-forma attwali. Minflok, se jiġi integrat segwitu ta’ Marco Polo fi ħdan il-programm TEN-T rivedut u implimentat bl-użu ta’ strumenti ta’ finanzjament ipprovduti minn CEF.

Dan l-approċċ se jwassal biex tiġi armonizzata u koordinata l-implimentazzjoni tal-politika Ewropea tat-trasport. F’dan il-kuntest, is-segwitu ta’ Marco Polo għandu jikkontribwixxi b’mod partikolari għall-ġestjoni u l-użu effiċjenti tal-infrastruttura tat-trasport, li jippermetti l-iskjerament ta’ servizzi tat-trasport tal-merkanzija innovattivi u sostenibbli fuq netwerk ewlieni multimodali, li suppost iservi l-flussi l-aktar importanti tat-traffiku Ewropej.

Dawn is-servizzi għandhom jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-utenti tagħhom, ikunu ekonomikament effiċjenti, jikkontribwixxu biex jintlaħqu l-għanijiet ta’ trasport b’livell baxx ta’ karbonju u nadif, is-sigurtà tal-fjuwil u l-ħarsien ambjentali, ikunu siguri u jkollhom standards ta’ kwalità għolja. Jeħtieġ li jippromwovu l-kunċetti teknoloġiċi u tal-operat avvanzati u jikkontribwixxu għat-titjib tal-aċċessibbiltà fl-Unjoni. Huma wkoll għandu jkollhom rwol importanti biex jixprunaw l-ekonomija Ewropea lejn tkabbir sostenibbli, u b’hekk is-settur tat-trasport u l-loġistika tal-merkanzija bħala wieħed mill-magni ta’ tkabbir tal-Ewropa, li ssaħħaħ il-kummerċ u l-mobilità ta’ persuni, toħloq il-ġid u l-impjiegi u żżomm il-kompetittività tal-kumpaniji Ewropej.

Għalhekk, kif propost mill-Kummissjoni fl-Artikolu 38 tal-Linji gwida l-ġodda tat-TEN-T, l-approċċ il-ġdid għandu jinkludi dan li ġej[33]:

(g) itejbu l-użu sostenibbli tal-infrastruttura tat-trasport, inkluż il-ġestjoni effiċjenti tagħha;

(h) jippromwovu l-iskjerament ta’ servizzi tat-trasport innovattivi jew kombinazzjonijiet ġodda ta’ servizzi tat-trasport eżistenti li l-effiċjenza tagħhom tkun ġiet ippruvata, inkluż permezz tal-applikazzjoni ta' ITS u t-twaqqif ta' strutturi rilevanti ta' governanza;

(i) jiffaċilitaw l-operat tas-servizz tat-trasport multimodali u jtejbu l-kooperazzjoni bejn il-fornituri tas-servizz tat-trasport;

(j) jistimolaw l-effiċjenza fir-riżorsi u l-karbonju, prinċipalment fl-oqsma tat-trazzjoni tal-vetturi, is-sewqan/tisħin bil-fwar, l-ippjanar ta’ sistemi u operat, il-kondiviżjoni tar-riżorsi u l-kooperazzjoni;

(k) janalizzaw, jipprovdu informazzjoni dwar u jagħmlu monitoraġġ tas-swieq, il-karatteristiċi u l-prestazzjoni tal-flotot, ir-rekwiżiti amministrattivi u r-riżorsi umani.

F’dan il-qafas, se tingħata attenzjoni wkoll lil miżuri li jappoġġjaw l-interkonnettività u l-interoperabbiltà ta’ informazzjoni bejn il-modi tat-trasport tal-merkanzija u biex jiġi ffaċilitat l-użu ta’ servizzi ibbażati fuq l-Awtostradi tal-Baħar.

Finalment, dan għandu jwassal għal finanzjament iffukat, integrat sew f’orjentazzjonijiet ta’ politika u infrastrutturali, li jinkoraġġixxi impriżi kummerċjali biex jaqilbu għal soluzzjonijiet aktar innovattivi u sostenibbli, u dan se jgħinhom biex inaqqsu r-riskji assoċjati u biex jindirizzaw fallimenti ewlenin li jseħħu fis-settur tat-trasport tal-merkanzija, bħal: nuqqas ta' adozzjoni tal-innovazzjoni, problemi ta' interkonnettività bejn il-mezzi ta’ trasport, diffikultà ta’ aċċess għall-finanzi, l-internalizzazzjoni insuffiċjenti tal-ispejjeż esterni, użu ineffiċjenti ta’ riżorsi u nuqqas ta’ kooperazzjoni fis-suq.

L-approċċ il-ġdid huwa mistenni li jtejjeb l-effikaċja u l-effiċjenza tal-għajnuna finanzjarja tal-UE. Il-format tal-istrument attwali għaldaqstant ser ikollu jiġi rrivedut fir-rigward tat-tip ta’ azzjonijiet appoġġjati, l-istruttura ta’ ġestjoni u l-proċessi ta’ implimentazzjoni. Barra minn hekk, il-konsistenza ma’ strutturi operattivi tas-CEF se jeħtieġ li jkunu indirizzati b’mod adegwat.

Dan jista’ jfisser li wieħed jitlaq minn għajnuna purament għall-bidu tal-bidla modali bħala l-element ewlieni skont il-programm Marco Polo kurrenti.

– Il-miżuri u l-implimentazzjoni

CEF tipprevedi li l-finanzjament għal servizzi tat-trasport tal-merkanzija sostenibbli jista’ jitwassal fil-forma ta’ strumenti finanzjarji jew fil-forma ta’ għotjiet, fejn l-ammont ta’ għajnuna finanzjarja mill-Unjoni ma taqbiżx l-20 % tal-ispejjeż totali eliġibbli. Din ir-rata massima ta’ finanzjament ser tiġi adattata b’mod xieraq bil-għan li tqanqal interess fis-suq u tiżgura lieva xierqa tal-fondi pubbliċi allokati għal dan il-programm[34].

Sa fejn huma kkonċernati l-għotjiet, il-proposti għandhom jiġu magħżula permezz ta’ sejħa li toħroġ għall-proposti b’kundizzjonijiet ta’ finanzjament, l-eliġibbiltà, l-għażla u l-kriterji tal-għoti, f’konformità mal-għanijiet u l-prijoritajiet stabbiliti fl-FNE u u fil-linji gwida dwar it-TEN-T.

Il-miri operattivi, l-indikaturi pertinenti u l-mekkaniżmi ta' twassil li permezz tagħhom jitwasslu r-riżultati tal-appoġġ tal-UE se, fejn rilevanti, jikkunsidraw ir-riżultati ta’ verifika tal-prestazzjoni dwar il-Programm Marco Polo li attwalment qiegħed jitwettaq mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA).

[1]               Ir-Regolament (KE) Nru 1692/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi t-tieni programm Marco Polo għall-għoti ta’ assistenza finanzjarja tal-Komunità biex tittejjeb il-prestazzjoni ambjentali tas-sistema tat-trasport tal-merkanzija (Marco Polo II), u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1382/2003, kif emendat mir-Regolament (KE) Nru 923/2009, ĠU L 328/1, 24/10/2006.

[2]               Evalwazzjoni tal-Programm Marco Polo 2003-2010, ‘Europe Economics’, April 2011

[3]               White Paper - European transport policy for 2010: time to decide, COM(2001) 370 finali, 12.09.2001

[4]               “Kilometru-tunnellata” (tkm) tfisser it-trasport ta’ tunellata merkanzija, jew l-ekwivalenti volumetriku tagħha fuq distanza ta’ kilometru;

[5]               Abbażi tar-Regolament (KE) Nru 1382/2003.

[6]               Abbażi tar-Regolament (KE) Nru 1692/2006.

[7]               Evalwazzjoni ex-ante tal-Marco Polo II (2007-2013), Ecorys, 2004; stimi ta’ tkabbir tat-trasport tal-merkanzija: Il-mudell PRIMES u l-istatistika tal-Eurostat.

[8]               Skont ir-regoli tal-programm, is-sussidju huwa kkalkulat bħala l-iktar valur baxx minn: (1) kilometri-tunnellati mibdula; (2) telfiet kumulattivi fuq perjodu ta' finanzjament; u (3) 35 % tal-ispejjeż eliġibbli (50 % għal Azzjonijiet ta’ Tagħlim Komuni”). Fil-prattika, għal parti l-kbira tal-azzjonijiet ibbażati fuq bidla modali (esklużi azzjonijiet Komuni ta’ Tagħlim u l-għanijiet speċifiċi tal-azzjonijiet ta’ Kataliżi) il-pagament jiġi limitat għall-massimu ta’ tkm miksuba.

[9]               Ir-Regolament (KE) Nru 923/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 266/2, 9/10/2009).

[10]             Il-metrika għall-evalwazzjoni ta' azzjonijiet ta’ evitar tat-traffiku hija espressa f’kilometri tal-vettura iktar milli f'kilometri-tunnellati. Il-kilometri tal-vettura (vkm) jistgħu jiġu konvertiti f’kilometri-tunnellati (tkm) fejn 1 vkm jkun ugwali għal 20 tkm

[11]             Huwa previst li l-aħħar proġetti tal-Marco Polo II se jkunu qed joperaw sa 2020

[12]             Fis-settur tat-trasport tal-merkanzija kien hemm tnaqqis ġenerali tal-volumi tat-trasport. Għal aktar dettalji ara d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanja l-Komunikazzjoni.

[13]             11-il proġett li mhux mibdi jew mitmum taħt MP I (sejħiet 2003-2006) u 30 proġett mhux mibdija jew mitmuma s’issa taħt MP II (sejħiet 2007-2010)

[14]             Il-kalkolatur Marco Polo (ara aktar fuq http://ec.europa.eu/transport/marcopolo/index_en.htm)

[15]             Il-koeffiċjenti u l-metodoloġija użata fil-kalkolatur ġew aġġustati matul iż-żmien. Il-verżjonijiet reċenti tal-kalkolatur huma bbażati fuq il- “Manwal dwar l-estimi tal-ispejjeż esterni fis-settur tat-trasport” (IMPATT 2008)

[16]             Il-valuri prodott minn kalkolatur jista’ jitqies biss bħala indikattiv.

[17]             L-effiċjenza mistennija mill-proġetti magħżula titkejjel qabel ma jseħħ kwalunkwe pagament lill-proġetti; għalhekk huwa bbażat fuq fondi impenjati

[18]             Fl-2003, l-2004, l-2005 u l-2006

[19]             Ibbażat fuq fondi impenjati

[20]             Dwar proġetti magħżula taħt is-sejħiet għal proposti: 2007, 2008, 2009, 2010 u 2011

[21]             Inkluż il-piż ta’ trasport intermodali vojt u vetturi tat-triq

[22]             Evalwazzjoni tal-Programm Marco Polo (2003-2006), Ecorys, 2007; Evalwazzjoni tal-Programm Marco Polo 2003-2010, ‘Europe economics’, April 2011

[23]             Dawn l-ilmenti ġew eżaminati mill-Kummissjoni/EACI. Bħala konsegwenza ġie introdott rinfurzar tal-proċedura tal-evalwazzjoni interna rigward il-kwistjoni tal-kompetizzjoni sa mis-Sejħa għall-Proposti tal-2011.

[24]             Ara n-nota 8 f'qiegħ il-paġna.

[25]             L-infrastruttura meħtieġa u biżżejjed biex jitwettqu l-għanijiet tal-azzjonijiet, inklużi l-installazzjonijiet tal-merkanzija-passiġġieri

[26]             Il-porzjon tad-deprezzament tal-infrastruttura biss ikun jikkorrispondi ma’ kemm iddum l-azzjoni u r-rata tal-użu attwali għall-finijiet tal-azzjoni tista’ titqies bħala spiża eliġibbli. L-ispejjeż eliġibbli relatati mal-infrastruttura anċillari ma għandhomx ikunu akbar minn 20% tat-total tal-ispejjeż eliġibbli għall-azzjoni.

[27]             Ara n-nota 22 f'qiegħ il-paġna.

[28]             Din iċ-ċifra tirrappreżenta biss SMEs awtonomi (mhux marbuta ma’ intrapriżi oħra); Sors: Dejta EACI

[29]             White Paper – Pjan direzzjonali għal Żona Ewropea Unika tat-Trasport – Lejn sistema tat-trasport kompetittiva u b'użu effiċjenti tar-riżorsi (COM(2011) 0144)

[30]             Proposta għal Regolament fuq linji gwida tal-Unjoni għall-iżvilupp tan-netwerk tat-trasport trans-Ewropew, COM(2011) 650/2

[31]             Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (COM (2011) 665)

[32]             Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni – Orizzont 2020 (2014-2020), COM(2011) 809.

[33]             It-test tal-Linji Gwida tat-TEN-T u dan l-artikolu bħalissa huma soġġetti għal proċedura leġiżlattiva u jistgħu għalhekk jiġu emendati.

[34]             Kif spjegat fin-nota 8 ta’ qiegħ il-paġna, is-sussidju tal-programm attwali ta’ Marco Polo II huwa kkalkulat fuq il-bażi ta’: (1) kilometri-tunnellati mibdula; (2) telfiet kumulattivi esperjenzati fuq perjodu ta' finanzjament; u (3) l-ispejjeż eliġibbli. Ibbażata fuq l-evidenza mill-proġetti appoġġati, ir-rata ta’ finanzjament attwali fil-programm bħala medja ma taqbiżx l-10 % tal-ispejjeż totali eliġibbli.

Top