EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013DC0214

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2009/33/KE dwar il-promozzjoni ta’ vetturi ta’ trasport fuq it-triq nodfa u effiċjenti fl-użu tal-enerġija

/* COM/2013/0214 final */

52013DC0214

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2009/33/KE dwar il-promozzjoni ta’ vetturi ta’ trasport fuq it-triq nodfa u effiċjenti fl-użu tal-enerġija /* COM/2013/0214 final */


RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2009/33/KE dwar il-promozzjoni ta’ vetturi ta’ trasport fuq it-triq nodfa u effiċjenti fl-użu tal-enerġija

Introduzzjoni

Dan huwa l-ewwel rapport dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2009/33/KE tat-23 ta' April 2009 dwar il-promozzjoni ta' vetturi ta' trasport fuq it-triq nodfa u effiċjenti fl-użu tal-enerġija[1] ("id-Direttiva dwar il-vetturi nodfa"), u dwar l-azzjonijiet ta' appoġġ li ħadu l-Istati Membri, kif meħtieġ skont l-Artikolu 10 ta' din id-Direttiva.

Id-Direttiva 2009/33/KE ilha fis-seħħ biss għal żmien qasir, u l-implimentazzjoni tagħha f'għadd ta' Stati Membri ddewmet b'mod konsiderevoli. Barra minn hekk, l-analiżi kienet diffiċli minħabba li l-Istati Membri mhumiex obbligati li jirrappurtaw dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva u minħabba l-inkonsistenzi fid-dejta disponibbli. Għaldaqstant, dan ir-rapport jista' jipprovdi biss analiżi kwalitattiva limitata, li hija bbażata l-iżjed fuq studji tal-każijiet. Il-materjal iddettaljat ingħata fi studju mħejji għall-Kummissjoni[2].

Id-Direttiva dwar il-vetturi nodfa għandha l-għan li tistimula s-suq tal-vetturi nodfa u effiċjenti fl-użu tal-enerġija, u b'hekk li tikkontribwixxi għall-politiki tal-UE dwar l-enerġija, il-klima u l-ambjent fis-settur tat-trasport. Id-data tal-iskadenza biex isiru t-traspożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva kienet ġiet stabbilita bħala l-4 ta' Diċembru 2010.

Id-Direttiva tapplika għall-vetturi mixtrijin minn awtoritajiet kontraenti u entitajiet kontraenti kif iddefiniti fid-Direttivi dwar l-akkwist pubbliku[3], u għall-operaturi tat-trasport pubbliku kif iddefiniti fir-Regolament dwar servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri[4]. Id-Direttiva teħtieġ li jitqiesu l-konsum operattiv tal-enerġija tul il-ħajja tal-prodott, l-emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju (CO2), u l-emissjonijiet tal-ossidi tan-nitroġenu (NOx), l-idrokarburi li mhumiex tal-metan (NMHC) u l-materja partikulata (PM). B'hekk, id-Direttiva dwar il-Vetturi Nodfa għall-ewwel darba daħħlet l-obbligi ta' sostenibbiltà fil-liġi dwar l-akkwist pubbliku għall-UE kollha.

Id-Direttiva tagħti żewġ għażliet biex jitqiesu l-impatti fuq l-enerġija u fuq l-ambjent: L-ewwel għażla tikkonsisti fit-twaqqif ta' speċifikazzjonijiet tekniċi għall-prestazzjoni tal-vetturi f’dak li għandu x’jaqsam mal-impatti fuq l-enerġija u fuq l-ambjent. It-tieni waħda toffri l-opportunità li dawn l-impatti jintużaw bħala kriterji tal-għoti.

Id-Direttiva tiddefinixxi metodoloġija biex jiġu kkalkulati l-kosti tal-konsum tal-enerġija, l-emissjonijiet tas-CO2 u l-emissjonijiet tas-sustanzi li jniġġsu tal-vetturi tul il-ħajja operattiva tagħhom. Dan l-approċċ tal-għoti ta’ valur monetarju jinternalizza l-kosti esterni tat-trasport, li hija mira fit-tul tal-politika tal-UE. Dan jagħti vantaġġ lill-vetturi li jużaw l-enerġija b'mod aktar effiċjenti u li huma aktar nodfa, u jħaffef il-penetrazzjoni tagħhom fis-suq, kemm għal dawk li jkollhom magna ta' kombustjoni interna konvenzjonali u kemm għal dawk li jaħdmu bi fjuwils alternattivi.

1.           L-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar il-vetturi nodfa fl-Istati Membri

Id-data tal-iskadenza biex isiru t-traspożizzjonijiet tad-Direttiva kienet ġiet stabbilita bħala l-4 ta' Diċembru 2010. Sa dik id-data tliet Stati Membri biss kienu ssodisfaw dan l-obbligu. Il-Kummissjoni kellha tniedi proċedimenti ta' ksur kontra l-Istati Membri li ma ssodisfawx l-obbligu. Meta kien qed jitħejja l-abbozz ta' dan ir-rapport, il-proċedimenti ta' ksur li kienu għaddejjin kollha ngħalqu malli saret it-traspożizzjoni tad-Direttiva mill-Istati Membri rispettivi.

Madankollu, għad fadal Stat Membru wieħed li għadu ma għamilx traspożizzjoni sħiħa tad-Direttiva fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu. Dan l-Istat Membru, il-Latvja, għadu fil-proċess li jtemm it-traspożizzjoni. It-Tabella nru 1 tagħti ħarsa ġenerali lejn l-evoluzzjoni tal-proċess tat-traspożizzjoni.

It-Tabella nru 1: Ħarsa ġenerali lejn il-proċess tat-traspożizzjoni tad-Direttiva dwar il-Vetturi Nodfa fl-Istati Membri

|| Stat Membru || Traspożizzjoni nazzjonali || L-azzjoni meħuda mill-Kummissjoni

Data stabbilita fid-Direttiva: l-4 ta' Diċembru 2010 || Ir-Repubblika Ċeka Id-Danimarka u l-Portugall || Settembru 2010 Diċembru 2010 || Mhux applikabbli

2011 || Il-Litwanja Il-Bulgarija, Ċipru, l-Ungerija, l-Italja u Spanja ir-Rumanija Franza, il-Ġermanja, il-Polonja u Malta || Frar 2011 Marzu 2011 April 2011 Mejju 2011 || 27.01.2011: Ittra ta' avviż formali mibgħuta lil 13-il Stat Membru tal-UE minħabba li dawn ma kkomunikawx il-miżuri nazzjonali tagħhom (il-Belġju, il-Ġermanja, Spanja, il-Finlandja, Franza, l-Italja, Ċipru, il-Litwanja, l-Ungerija, Malta, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Polonja u r-Rumanija)

Il-Greċja, l-Irlanda, il-Lussemburgu, il-Pajjiżi l-Baxxi, is-Slovakkja u l-Isvezja Ir-Renju Unit Il-Belġju u l-Estonja || Ġunju 2011 Lulju 2011 Ottubru 2011 || 16.06.2011: Intbagħtet opinjoni motivata lil 10 Stati Membri tal-UE (l-Awstrija, il-Bulgarija, l-Estonja, il-Greċja, l-Irlanda, il-Lussemburgu, is-Slovenja, is-Slovakkja, l-Isvezja u r-Renju Unit) 25.11.2011: Intbagħtet opinjoni motivata lill-Finlandja minħabba n-nuqqas ta' miżuri fir-rigward tal-Provinċja ta' Åland

2012 || L-Awstrija Is-Slovenja Il-Finlandja Il-Latvja || Frar 2012 Marzu 2012 April 2012 2013 (ippjanati) || 22.03.2012: Deċiżjoni tal-Kummissjoni biex tieħu l-każ tal-Finlandja quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE (proċedimenti li twaqqfu wara notifika dwar traspożizzjoni sħiħa min-naħa tal-Finlandja)

Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, il-proċess tat-traspożizzjoni kien jinvolvi l-emendi għal atti eżistenti dwar l-akkwist pubbliku u mhux l-adozzjoni ta' leġiżlazzjoni ġdida. Bosta Stati Membri ħejjew ukoll dokumenti ta' gwida b'rabta mal-implimentazzjoni tad-Direttiva 2009/33/KE jew beħsiebhom iħejju t-tali dokumenti.

L-Istati Membri ma rrappurtaw l-ebda eżenzjoni kif stipulat fl-Artikolu 2 ta' din id-Direttiva.

Biex tiffaċilita l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar il-Vetturi Nodfa, fit-30 ta' Marzu 2009, li kienet id-data tal-adozzjoni tad-Direttiva mill-Kunsill tal-Ministri, il-Kummissjoni fetħet portal fuq l-internet dwarha. Il-portal kompla jispjega aktar fid-dettall id-Direttiva. Huwa inkluda wkoll kalkulatur biex jingħata valur monetarju lill-ispejjeż tal-enerġija, tal-emissjonijiet tas-CO2 u tas-sustanzi li jniġġsu, kif ukoll biex tingħata informazzjoni dwar politiki u miżuri relatati fl-Istati Membri. Sussegwentement, infetaħ portal aktar elaborat għall-Vetturi Nodfa[5] dwar it-traspożizzjoni tad-Direttiva 2009/33/KE biex jiffaċilita l-applikazzjoni tagħha. Dan il-portal jipprovdi d-dejta disponibbli għall-kalkolu tal-kosti tul il-ħajja tal-vetturi kollha fis-suq. Jiffaċilita l-akkwist konġunt biex jgħin ir-raggruppament tax-xiri tal-vetturi sabiex jinkisbu ekonomiji ta' skala minħabba volumi akbar. Il-portal jagħti wkoll informazzjoni dwar il-leġiżlazzjoni dwar l-akkwist pubbliku u programmi u inċentivi speċifiċi għax-xiri u t-tħaddim ta' vetturi nodfa u effiċjenti fl-użu tal-enerġija fil-livell tal-UE u fl-Istati Membri differenti, fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali.

2.           L-azzjonijiet ta' appoġġ li ħadu l-Istati Membri

F'dawn l-aħħar snin, ħafna Stati Membri implimentaw miżuri addizzjonali biex jappoġġaw l-iżvilupp ta' suq għall-vetturi nodfa u effiċjenti fl-użu tal-enerġija, u dawn ikkontribwixxew għall-istess miri mogħtija fid-Direttiva dwar il-Vetturi Nodfa. Dawn il-miżuri jinkludu inċentivi u appoġġ għall-vetturi nodfa mill-awtoritajiet pubbliċi, kif ukoll miżuri li indirettament jistimulaw ix-xiri u l-użu ta' vetturi nodfa u effiċjenti fl-użu tal-enerġija, bħal restrizzjonijiet selettivi fuq l-aċċess u l-immaniġġar tad-domanda lokali permezz tad-divrenzjar skont kriterji ambjentali, u miżuri ta' tassazzjoni fuq il-vetturi.

Fejn ikunu stabbiliti restrizzjonijiet fuq l-aċċess, il-vetturi normalment ikollhom jikkonformaw ma' standard jew livell ta' emissjonijiet meħtieġ jew ma' kriterji oħrajn biex ikunu jistgħu jiddaħħlu fis-suq. Għalhekk, filwaqt li l-miżuri huma mmirati biex itejbu l-kundizzjonijiet ambjentali f'żona partikolari, jista' jkun li l-benefiċċji tagħhom ikunu usa’ jekk, bħala riżultat tagħhom, jiġi stimulat ix-xiri ta' vetturi nodfa u effiċjenti fl-użu tal-enerġija.

Il-proġetti ta’ dimostrazzjoni, bħal dawk appoġġati mill-Inizjattiva CIVITAS, potenzjalment jistgħu jippromwovu l-aħjar prattiki u jippromwovu l-interess f'vetturi nodfa u effiċjenti fl-użu tal-enerġija għas-settur pubbliku, b'mod partikolari f’każ li jkun hemm benefiċċji marbutin ma’ dan.

Il-forniment tal-infrastruttura x-xierqa għall-mili tal-fjuwil jew għall-iċċarġjar tal-batteriji huwa ta' importanza kbira meta wieħed ikun qed jimmira li jżid ix-xiri u l-użu ta' vetturi nodfa u effiċjenti fl-użu tal-enerġija li jitħaddmu bi fjuwils jew teknoloġiji alternattivi. Jekk ikun hemm nuqqas ta' fiduċja min-naħa tal-konsumaturi fid-disponibbiltà tal-fjuwils alternattivi, dan jista' jnaqqas l-użu tagħhom. L-importanza ta' dan l-aspett hija enfasizzata fil-proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva dwar l-implimentazzjoni ta' infrastruttura tal-fjuwils alternattivi[6].

Il-forniment tal-infrastruttura għall-mili tal-fjuwil jew għall-iċċarġjar tal-batteriji tvarja ħafna bejn Stat Membru u ieħor u fl-Istati Membri stess u trid tiġi armonizzata iktar sabiex jiġi sfruttat bis-sħiħ is-suq intern biex ikun hemm użu aktar mifrux ta' vetturi nodfa u effiċjenti fl-użu tal-enerġija li jużaw fjuwils alternattivi, hekk kif issemma fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni msejħa “Enerġija nadifa għat-trasport: Strateġija Ewropea għall-fjuwils alternattivi”[7].

3.           L-applikazzjoni tal-għażliet previsti fid-Direttiva dwar il-vetturi nodfa

Il-maġġoranza tal-Istati Membri żammew l-għażliet differenti kollha stipulati fl-Artikolu 5(3) tad-Direttiva dwar il-Vetturi Nodfa meta kienu qegħdin jittrasponu din id-Direttiva fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom.

Dan jippermetti lill-awtoritajiet pubbliċi jinkludu l-impatti tal-vetturi fuq l-enerġija u l-ambjent fil-proċeduri tal-akkwist jew billi jiffissaw speċifikazzjonijiet tekniċi, jew billi jinkludu l-impatti bħala kriterji tal-għoti. Fit-tieni każ, dawn l-impatti jistgħu jissarrfu fil-valur monetarju tagħhom.

Ir-raġunijiet prinċipali li taw l-Istati Membri għaż-żamma tal-għażliet kollha stipulati fl-Artikolu 5(3) tad-Direttiva dwar il-Vetturi Nodfa kienu li jagħtu aktar flessibbiltà lill-awtorità x-xerrejja, li jippermettu lill-awtorità x-xerrejja tuża l-għażliet li jkunu l-aktar adattati għall-ħtiġijiet tal-akkwist tagħha, u li jippermettu l-iżjed għażliet ix-xierqa skont iċ-ċirkostanzi lokali. Il-pajjiżi li llimitaw dawn l-għażliet għal raġunijiet ta' sempliċità jew għall-konsistenza mal-approċċ nazzjonali eżistenti kienu biss is-Slovenja, li ppermettiet biss li l-impatti fuq l-enerġija u fuq l-ambjent jintużaw bħala kriterji tal-għoti, ir-Repubblika Ċeka, li ma ppermettietx l-użu tal-għażla tal-għoti ta’ valur monetarju, u l-Isvezja, li ma tat l-ebda possibbiltà li l-impatti fuq l-enerġija u fuq l-ambjent jintużaw bħala kriterji tal-għoti. It-Tabella nru 2 tagħti ħarsa ġenerali lejn l-applikazzjoni tad-Direttiva.

It-Tabella nru 2: L-applikazzjoni tal-Artikolu 5(3) fl-Istati Membri tal-UE

L-azzjoni li ħadu l-Istati Membri b’rabta mal-Artikolu 5(3) || L-Istati Membri

L-għażliet kollha huma permessi || 24 Stat Membru: l-Awstrija, il-Belġju, il-Bulgarija. Ċipru, id-Danimarka, l-Estonja, Franza, il-Finlandja, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Ungerija, l-Irlanda, l-Italja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, Malta, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovakkja, Spanja u r-Renju Unit

Hija permessa biss l-għażla nru 1 (jiġifieri li jiġu ffissati speċifikazzjonijiet tekniċi għall-prestazzjoni tal-vetturi b’rabta mal-enerġija u l-ambjent) || -

Hija permessa biss l-għażla nru 2a (jiġifieri li l-impatti fuq l-enerġija u l-ambjent jintużaw bħala kriterji tal-għoti) || Is-Slovenja

Hija permessa biss l-għażla nru 2b (jiġifieri li jingħata valur monetarju għall-impatti fuq l-enerġija u l-ambjent) || -

L-għażliet nri 1 u 2a || Ir-Repubblika Ċeka

L-għażliet nri 1 u 2b || L-Isvezja

 

Fil-livell nazzjonali, il-Ġermanja tat evidenza aneddotali dwar l-għażliet li jintużaw l-iżjed mill-awtoritajiet xerrejja (l-għażliet previsti kollha jistgħu jingħażlu bħalissa skont il-leġiżlazzjoni trasposta fil-Ġermanja), fejn l-Għażla nru 1 tqieset bħala l-iżjed waħda li tintuża, u warajha, l-Għażla nru 2a. Ġie nnutat li l-Għażla nru 2b probabbilment kienet l-inqas waħda li tintuża, primarjament minħabba d-diffikultajiet marbutin mal-applikazzjoni tagħha. Kuntatti mill-belt ta' Hamburg kienu ta’ din il-fehma, u qalu li s’issa huma użaw biss l-Għażla nru 1, l-iżjed minħabba li huwa faċli biex tapplikaha. F'Kopenħagen l-għażliet kollha ntużaw mill-awtoritajiet tat-trasport pubbliku, u dawn irrappurtaw li kellhom esperjenzi tajbin b'rabta ma’ kull waħda minnhom. Il-belt ta’ Bologna użat l-Għażliet nri 2a u 2b, iżda għad ma għandhiex evidenza dwar l-esperjenzi marbutin ma’ dawn il-metodi, kemm pożittivi u kemm negattivi. Is-Slovenja użat il-metodoloġija għall-kosti tul il-ħajja operattiva tal-prodott, minkejja li tqies li ma kienx hemm biżżejjed informazzjoni dwar il-prestazzjoni marbuta mal-emissjonijiet. L-ebda wieħed mir-rappreżentanti minn Kopenħagen, minn Bologna u mis-Slovenja għadu ma fforma opinjoni dwar jekk l-għażliet għandhomx jinżammu jew jiġu emendati. Il-belt ta’ Ghent tuża l-għażliet kemm tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u kemm tal-kriterji tal-għoti (jiġifieri l-għażliet nri 1 u 2a). Għall-ewwel għażla, it-teknoloġija li jrid ikollha l-vettura li tkun se tinxtara hija l-unika waħda li għandha tiġi speċifikata (abbażi ta' analiżi tal-vetturi fis-suq), filwaqt li fil-każ tal-kriterji tal-għoti, il-vetturi jridu jilħqu prestazzjoni ambjentali minima. Fi Stokkolma, id-Direttiva 2009/33/KE tippermetti li jibqa' jintuża l-approċċ li kien jintuża qabel fil-belt, li effettivament jiffissa l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, jiġifieri jistgħu jinxtraw biss vetturi li jilħqu d-definizzjoni nazzjonali ta' x'inhi vettura nadifa. Ir-rappreżentanti tal-bliet ta’ Ghent u Stokkolma kienu tal-fehma li kien hemm bżonn ta' aktar gwida dwar l-użu tal-impatti fuq l-enerġija u fuq l-ambjent bħala rekwiżiti tekniċi u li hemm bżonn jiġu bbilanċjati mill-ġdid il-fatturi li jintużaw fl-għażla tal-għoti ta’ valur monetarju rispettivament. L-operaturi tat-trasport pubbliku f'Londra, fi Vjenna u fir-Rumanija kollha jispeċifikaw l-istandards ambjentali li jridu jikkonformaw magħhom il-vetturi li jkunu se jinxtraw, filwaqt li l-belt ta’ Barċellona tagħmel stima tal-kosti tal-vettura tul iċ-ċiklu ta’ ħajja tagħha, flimkien ma' fatturi oħrajn.

Il-maġġoranza tal-Istati Membri kienu tal-fehma li għandhom jinżammu l-għażliet kollha. Dan kien primarjament minħabba l-esperjenza limitata li kellhom sa issa b’rabta mad-Direttiva 2009/33/KE minn meta ġiet trasposta. U wkoll minħabba n-nuqqas ta' valutazzjonijiet li twettqu sa issa biex jiġu ddeterminati l-impatti ta' din id-Direttiva, fosthom fuq l-iżvilupp tas-suq tal-vetturi nodfa u li jużaw l-enerġija b'mod effiċjenti. Xi Stati Membri qalu wkoll li s-sistemi nazzjonali jvarjaw madwar l-UE, u għaldaqstant huwa importanti li tinżamm l-għażla bejn l-alternattivi differenti sabiex ma jkunx hemm Stati Membri li jkunu żvantaġġati.

Dwar jekk għandhomx jiġu emendati xi għażliet, l-Istati Membri reġgħu kienu tal-fehma li minħabba l-esperjenza limitata miksuba b’rabta mad-Direttiva 2009/33/KE, fil-preżent ma setgħux jissuġġerixxu b'liema mod jistgħu jittejbu l-għażliet. Biex ikunu jistgħu jagħmlu hekk, jeħtieġ li jiksbu aktar esperjenza u li jagħmlu valutazzjoni tal-impatti b’rabta ma’ dan.

Gwida speċifika dwar l-applikazzjoni tal-għażliet differenti tad-Direttiva 2009/33/KE u dwar il-ponderazzjoni relattiva li għandha tingħata lid-dispożizzjonijiet tagħha tħejjiet biss minn għadd żgħir ta' Stati Membri, bħall-Pajjiżi l-Baxxi, il-Latvja, id-Danimarka, Franza u r-Renju Unit.

4.           L-impatt tad-Direttiva dwar il-vetturi nodfa

Il-valutazzjoni tal-impatt tad-Direttiva 2009/33/KE kienet imxekkla ħafna min-nuqqas ta' obbligi tal-Istati Membri li jirrappurtaw dwarha, u din is-sitwazzjoni kompliet tiggrava minħabba n-nuqqas ta' dejta komprensiva, kemm min-naħa tax-xerrejja u kemm min-naħa tal-manifatturi. Ma nstabet l-ebda ġabra ta' dejta konsistenti dwar il-prestazzjoni marbuta mal-użu effiċjenti tal-enerġija u mal-emissjonijiet tas-CO2 u ta’ sustanzi li jniġġsu tal-vetturi mixtrijin skont it-termini ta' din id-Direttiva.

L-implimentazzjoni tad-Direttiva 2009/33/KE f'għadd ta' Stati Membri ħafna wara d-data ffissata fil-bidu għat-traspożizzjoni tagħha wkoll ippreveniet milli jkun mistenni xi impatt kbir ta' din il-leġiżlazzjoni f’dan l-istadju bikri.

F'għadd żgħir ta' każijiet biss twettqu valutazzjonijiet tal-impatt mistenni tad-Direttiva dwar il-Vetturi Nodfa. Rigward l-impatti potenzjali stmati tal-għażliet stipulati fl-Artikolu 5(3) tagħha, kienu ftit ħafna dawk l-Istati Membri li wettqu valutazzjoni ta’ dan. Fir-Renju Unit, twettqet valutazzjoni tal-impatt tal-leġiżlazzjoni trasposta, iżda din kienet tittratta d-Direttiva kollha kemm hi u mhux l-għażliet speċifiċi. Minn din il-valutazzjoni ġie konkluż li fir-Renju Unit se jkun hemm benefiċċji ekonomiċi ta’ EUR 27 miljun assoċjati mal-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva. Iżda minħabba d-dewmien fil-proċess tat-traspożizzjoni u n-nuqqas ta' dejta reali ta' wara l-implimentazzjoni, għad ma hemm ebda valutazzjoni tal-impatt konklużiva dwar l-impatt reali ta' wara t-traspożizzjoni.

Għadd ta' Stati Membri diġà kellhom rekwiżiti "ekoloġiċi" għall-akkwist pubbliku marbutin mal-akkwist tal-vetturi qabel l-introduzzjoni tad-Direttiva 2009/33/KE. Għaldaqstant, l-impatt ta' din id-Direttiva fuq il-qagħda eżistenti kien minimu. Madankollu, ġie rrikonoxxut li jista’ jkun li l-korpi pubbliċi jibbenefikaw mill-formalizzazzjoni tal-kriterji għall-akkwist, u dawk l-Istati Membri li qabel ma kellhom l-ebda kriterji dwar dan huma mistennija jibbenefikaw minnha.

Bosta bliet fl-UE waqqfu politiki bil-ħsieb li jakkwistaw vetturi aktar nodfa u li jkunu iktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija. Dawn il-politiki għinu biex jitnaqqsu l-emissjonijiet mill-flotot ta' vetturi pubbliċi f'dawn l-ibliet. Ta' sikwit, dawn l-akkwisti saru minħabba l-ħtieġa biex jikkonformaw mal-istandards tal-kwalità tal-arja tal-UE. Bid-dħul fis-seħħ tad-Direttiva dwar il-Vetturi Nodfa, huwa mistenni jkun hemm aktar bliet li jibdlu l-flotot tal-vetturi tagħhom biex jagħmluhom iktar nodfa skont l-għażliet li toffri din id-Direttiva.

Il-manifatturi indikaw li hemm għadd ikbar ta' awtoritajiet pubbliċi li qegħdin jevalwaw il-kosti u l-impatti tal-vetturi tul-il-ħajja operattiva tagħhom u li mhux qegħdin jikkonċentraw biss fuq l-ispiża tax-xiri tal-vetturi. F'dan ir-rigward, id-Direttiva 2009/33/KE donnha qed twassal għal bidla fl-attitudni li jista' jkollha impatt aktar sinifikanti fit-tul fuq id-deċiżjonijiet tal-akkwist tal-awtoritajiet pubbliċi u tal-operaturi tat-trasport pubbliku.

Madankollu, rigward l-impatti aktar mifruxin, inħass li jkun diffiċli ħafna li jiġu vvalutati l-impatti tad-Direttiva 2009/33/KE, billi jista' jkun li impatti simili mistennija setgħu ġew stimulati minn miżuri politiċi oħrajn. Minkejja li s-suq għall-vetturi b'livell baxx ta' emissjonijiet qed jikber, huwa diffiċli li dan jiġi attribwit għall-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva, u dan x’aktarx li qed iseħħ l-aktar minħabba fatturi oħrajn (inklużi l-iżviluppi teknoloġiċi, leġiżlazzjoni oħra tal-UE, il-politiki nazzjonali ta' tassazzjoni fuq il-vetturi, il-kundizzjonijiet tas-swieq, l-iskemi ta' inċentivi eżistenti tal-gvernijiet, eċċ.).

Bosta Stati Membri semmew li l-attività ta' akkwist pubbliku marbuta mal-vetturi (u ma’ setturi oħrajn) kienet baxxa f'dawn l-aħħar snin – ħafna minnhom għandhom ftit wisq fondi disponibbli minħabba r-riċessjoni dinjija biex ikunu jistgħu jġeddu l-flotot tal-vetturi/il-kuntratti tas-servizzi.

Kif qal Stat Membru partikulari, fattur ieħor li jista' jkollu impatt fuq id-deċiżjonijiet tax-xiri tal-awtoritajiet pubbliċi u tal-partijiet interessati mis-settur privat huwa l-prezzijiet għoljin tal-petrol/tal-enerġija. Huwa stmat li dawn il-kunsiderazzjonijiet jistgħu jkunu applikabbli b'mod ġenerali. Il-kosti totali tas-sidien tal-vetturi f'ċerti każijiet għandhom rwol importanti fid-deċiżjonijiet tax-xiri (b'mod partikolari għall-vetturi heavy-duty u għall-vetturi tal-flotta), u dan jista' jkun qiegħed ipoġġi pressjoni fuq il-manifatturi tal-vetturi biex iżidu s-sensiela ta' vetturi nodfa tagħhom u l-offerti tagħhom fuqhom.

In-nuqqas ta' proċeduri komuni għall-kejl tal-emissjonijiet tas-CO2 mill-vetturi heavy-duty fixkel l-applikazzjoni tad-Direttiva 2009/33/KE għall-vetturi ta’ dan it-tip. Għaldaqstant ġiet ipprovduta metodoloġija speċifika għall-kalkolu tal-emissjonijiet fil-Portal għall-Vetturi Nodfa. Barra minn hekk, l-Assoċjazzjoni Internazzjonali tat-Trasport Pubbliku (l-UITP) u l-Assoċjazzjoni tal-Manifatturi Ewropej tal-Karozzi (l-ACEA) ħadmu flimkien biex jiftehmu dwar kif l-operaturi u x-xerrejja setgħu japplikaw id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar il-Vetturi Nodfa fl-offerti għall-karozzi tal-linja. Tista' ssir kollaborazzjoni simili dwar tipi ta' vetturi heavy-duty oħrajn.

Mill-2013 'il quddiem, il-magni tal-vetturi heavy-duty kollha se jiġu ttestjati skont iċ-ċiklu tranżitorju għall-vetturi heavy-duty armonizzat għall-użu madwar id-dinja kollha msejjaħ il-"Worldwide Harmonized Heavy-Duty Transient Cycle" iddefinit taħt il-patroċinju tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti. Kif iddikjarat fir-rapport finali[8] tal-grupp ta' ħidma rispettiv, l-għan tar-riċerka inizjali mwettqa kien l-iżvilupp ta' ċiklu ta' testijiet għall-magni tal-vetturi armonizzat għall-użu madwar id-dinja kollha għall-kejl tal-emissjonijiet tal-egżost mill-magni. Din l-għodda se tintuża biex jitkejlu l-emissjonijiet tas-sustanzi li jniġġsu l-arja, l-emissjonijiet tas-CO2 u l-konsum tal-fjuwil. Dan il-kejl se jappoġġa applikazzjoni aktar mifruxa tal-għażla tal-għoti ta’ valur monetarju mogħtija fid-Direttiva dwar il-Vetturi Nodfa.

Sal-lum ma nstabet l-ebda prova ta' għażla tat-teknoloġija, u dan jikkonferma li l-approċċ ta' din id-Direttiva huwa kompletament newtrali mil-lat tat-teknoloġija.

5.           Ir-replikazzjoni tal-Approċċ tad-Direttiva dwar il-vetturi nodfa

Id-Direttiva dwar il-Vetturi Nodfa hija parti minn bidla gradwali fil-politika tal-UE lejn inklużjoni aktar proattiva u konsistenti tar-rekwiżiti ambjentali fil-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-akkwisti u l-prodotti. Ilhom għadd ta' snin jittieħdu approċċi simili għal dak tad-Direttiva dwar il-Vetturi Nodfa rigward l-inklużjoni tal-impatti operattivi tal-prodotti tul-il-ħajja tagħhom fuq ir-riżorsi u fuq l-ambjent f'xi setturi oħrajn bħal dak tal-bini, tal-apparat li jaħdem bl-elettriku u tat-tagħmir tal-uffiċċji. Inizjattivi ta’ dan it-tip, flimkien ma' vetturi li qed isiru dejjem iżjed nodfa u effiċjenti fl-użu tal-enerġija, se jkollhom rwol importanti biex tintlaħaq il-mira tal-UE ta' titjib ta’ 20 % fl-effiċjenza enerġetika tal-UE sal-2020.

L-iżvilupp fil-leġiżlazzjoni dwar l-akkwisti lejn approċċ ta' kosteffikaċja, bħall-kejl tal-kosti tul iċ-ċiklu tal-ħajja tal-prodotti, ġie ġġeneralizzat fil-proposta tal-Kummissjoni tal-20 ta' Diċembru 2011 għal analiżi tad-Direttivi eżistenti dwar l-akkwist pubbliku[9], u b'mod partikolari fl-Artikolu 66 dwar il-kriterji tal-għoti ta' kuntratt u l-Artikolu 67 dwar l-ispejjeż tul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħha. Il-bidliet inklużi fil-qafas rivedut propost għandhom iwasslu għal kunsiderazzjoni aktar konsistenti tal-kriterji ambjentali fid-deċiżjonijiet tal-akkwist pubbliku fl-UE.

Filwaqt li ma nstabet ebda prova li d-Direttiva 2009/33/KE tinfluwenza b'mod dirett l-approċċ tas-settur privat lejn l-akkwist ta' vetturi nodfa u li jużaw l-enerġija b'mod effiċjenti, xorta waħda nstabu eżempji tal-akkwist ta' iktar vetturi li jużaw l-enerġija b'mod effiċjenti fis-settur privat. B'danakollu, ta' min jinnota li l-akkwist ta' vetturi li jużaw l-enerġija b'mod effiċjenti fis-settur privat huwa element wieħed biss tal-ġestjoni tal-flotta. L-akkwist ta' vetturi ta’ dan it-tip jista' jwassal għal tnaqqis fl-ispejjeż tal-ġestjoni ta' flotta, b'mod partikolari f’każ li l-ispejjeż ta' vettura b'użu effiċjenti tal-enerġija tul il-ħajja tagħha jkunu inqas minn dawk ta' vetturi konvenzjonali. Iżda elementi oħrajn tal-ġestjoni ta' flotta li tkun effiċjenti fl-użu tal-enerġija jinkludu t-tkabbir kemm jista’ jkun tat-tagħbija, it-tnaqqis tal-vjaġġi mingħajr tagħbija u s-sewqan ekoloġiku. Għalhekk, ħafna ditti li jkollhom flotot kbar, pereżempju l-kumpaniji tal-kurriera bħad-DHL, it-TNT u l-UPS, jimmaniġġaw il-flotot tagħhom b'mod li jnaqqsu l-konsum tal-enerġija, u b'hekk inaqqsu l-emissjonijiet. Għal dawn il-kumpaniji, il-ġestjoni tal-flotot tal-vetturi tagħhom b'dan il-mod jagħmel sens ekonomiku, minbarra li jwieġeb għat-tħassib ambjentali usa’, inkluż tal-klijenti tagħhom stess. Wieħed jista' jidentifika diversi eżempji ta' prattika tajba fir-rigward tal-ġestjoni nadifa tal-flotot madwar id-dinja.

Fil-Finlandja, l-approċċi stabbiliti fid-Direttiva 2009/33/KE ġew adottati fis-settur privat. Il-pariri dwar l-akkwist prodotti b'rabta mal-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar il-Vetturi Nodfa tqassmu wkoll lix-xerrejja l-privati l-kbar, bħalma huma x-xerrejja tal-karozzi tal-kumpaniji, u dan huwa importanti, għaliex kważi waħda minn kull ħames karozzi ġodda li jinxtraw fil-Finlandja huma karozzi tal-kumpaniji.

6.         Konklużjonijiet

Id-dewmien fit-traspożizzjoni tad-Direttiva dwar il-Vetturi Nodfa fil-maġġoranza tal-Istati Membri llimita l-esperjenza miksuba b’rabta ma' din id-Direttiva s’issa u għaldaqstant ikkumplika l-valutazzjoni tal-impatti tagħha fl-ambitu ta' dan ir-rapport ta' monitoraġġ. Din il-qagħda kompliet tiggrava minħabba n-nuqqas ta' obbligi tal-Istati Membri li jirrappurtaw dwar din id-Direttiva.

Jidher li tinħtieġ gwida addizzjonali dwar l-applikazzjoni tal-għażliet differenti tad-Direttiva biex jitqiesu l-konsum tal-enerġija u l-emissjonijiet tas-CO2 u tas-sustanzi li jniġġsu meta jkunu qed jiġu akkwistati l-vetturi. Jinħtieġ li jiġi appoġġat ukoll l-approċċ tal-għoti ta’ valur monetarju, li għadu ġdid. L-Istati Membri għandhom jipprovdu din il-gwida, filwaqt li jqisu b'mod partikolari l-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti tagħhom. Għandu jitqies ukoll taħriġ apposta għall-persunal inkarigat mill-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti.

Il-Portal dwar il-Vetturi Nodfa huwa meqjus bħala għodda utli għall-awtoritajiet pubbliċi fl-akkwist ta' vetturi nodfa u effiċjenti fl-użu tal-enerġija, u b’rabta mal-prevalenza tal-esperjenza miksuba fil-kuntest ta' din id-Direttiva. Il-Kummissjoni se taġġorna l-Portal dwar il-Vetturi Nodfa biex twieġeb għall-aspettattivi tax-xerrejja pubbliċi u privati. Barra minn hekk, il-funzjonalità marbuta mal-promozzjoni tal-akkwist konġunt ta' vetturi nodfa u effiċjenti fl-użu tal-enerġija fuq il-Portal se tittejjeb u dan jinkludi li jitħaffu aktar il-kuntatti mill-qrib bejn l-awtoritajiet rilevanti nazzjonali u reġjonali fl-UE 27 u lil hinn minnha.

Dan mistenni jgħin biex jibni s-saħħa tas-suq tal-vetturi nodfa u effiċjenti fl-użu tal-enerġija b'rata aktar mgħaġġla sabiex l-industrija tkun tista' tibbenefika mill-ekonomiji tal-iskala u toffri prodotti aktar kompetittivi. Jekk tingħata aktar attenzjoni lill-klijenti privati wkoll jista’ jiżdied l-impatt tad-Direttiva 2009/33/KE, skont il-mira oriġinali li l-ewwel jiġi indirizzat b'mod dirett is-settur pubbliku u mbagħad wara jiġi indirizzat l-akkwist fis-settur professjonali u f’dak privat.

Għadd ta' partijiet interessati, bħalma huma l-assoċjazzjonijiet industrijali tal-UE, jistgħu jiżviluppaw gwida għall-membri rispettivi tagħhom, kif għamlet l-Assoċjazzjoni Internazzjonali tat-Trasport Pubbliku (l-UITP), sabiex jiżdied l-għarfien dwar din id-Direttiva.

Il-Kummissjoni varat Osservatorju Ewropew għall-Elettromobbiltà (bl-Ingliż imsejjaħ “European Electro-mobility Observatory” (EEO)) f'Diċembru tal-2012[10], li se jiżgura l-ġbir u t-tqassim tad-dejta statistika ewlenija dwar l-elettromobbiltà (il-vetturi li jaħdmu bl-elettriku bil-batterija u dawk li jaħdmu bl-elettriku biċ-ċelluli tal-fjuwil) b'mod konsistenti mill-awtoritajiet reġjonali u lokali. L-Osservatorju Ewropew għall-Elettromobbiltà għandu jsir il-pjattaforma ewlenija ta' informazzjoni dwar l-elettromobbiltà tar-reġjuni Ewropej. Għandu jipprovdi wkoll informazzjoni dwar il-mod kif l-akkwist pubbliku fil-livell lokali jinfluwenza l-iżvilupp tas-suq tal-vetturi li jaħdmu bl-elettriku jew tal-vetturi li jaħdmu bl-elettriku biċ-ċelluli tal-fjuwil fl-Ewropa.

Fl-analiżi li jmiss tad-Direttiva dwar il-Vetturi Nodfa, li hija ppjanata li ssir fl-2014, il-Kummissjoni qed tippjana li tivvaluta bl-akbar reqqa l-valur miżjud tad-Direttiva. F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni għandha mnejn tikkunsidra l-possibbiltà li tiffaċilita l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva billi tissimplifikaha. Dan jista' jsir billi jitnaqqsu l-għażliet fil-livell tal-Istati Membri, pereżempju billi tingħata l-iżjed attenzjoni lill-approċċ l-iktar sempliċi fejn jidħlu l-kalkoli li jridu jitwettqu. Dan iwassal biex tiġi evitata l-possibbiltà ta' frammentazzjoni tas-suq intern minħabba għażliet teknoloġiċi differenti. Dan imbagħad jista' jwassal għal kundizzjonijiet aħjar għall-ekonomiji tal-iskala għat-teknoloġiji innovattivi tal-vetturi permezz tar-raggruppament tad-domanda fis-suq intern. Jistgħu jiġu imposti fuq l-Istati Membri wkoll obbligi ċari ta' rrappurtar.

[1]                      Id-Direttiva 2009/33/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 dwar il-promozzjoni ta’ vetturi ta’ trasport fuq it-triq nodfa u effiċjenti fl-użu tal-enerġija, ĠU L 120/5 (http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=OJ:L:2009:120:0005:0012:mt:pdf)

[2]                      http://ec.europa.eu/transport/themes/urban/vehicles/directive/index_en.htm

[3]               Id-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament u tal-Kunsill li tikkoordina l-proċeduri ta' akkwisti ta' entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi ta' l-ilma, l-enerġija, t-trasport u postali; id-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-koordinazzjoni tal-proċeduri għall-ippremjar tal-kuntratti tax-xogħlijiet pubbliċi, il-kuntratti tal-forniment pubbliku u l-kuntratti tas-servizzi pubbliċi

[4]           Ir-Regolament (KE) 1370/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2007 dwar servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq

[5]               http://www.cleanvehicle.eu/

[6]               COM(2013) 18 finali.

[7]               COM(2013) 17 finali.

[8]               http://www.unece.org/fileadmin/DAM/trans/doc/2001/wp29grpe/TRANS-WP29-GRPE-42-inf02.pdf

[9]                      COM(2011) 896.

[10]             http://www.hyer.eu/publications/newsletters/hyer-update-december-2012/hyer-signs-european-electromobility-observatory-contract

Top