Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013DC0172

    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Li tistabbilixxi Skema Ewropea ta’ Taħriġ għall-Infurzar tal-Liġi

    /* COM/2013/0172 final */

    52013DC0172

    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Li tistabbilixxi Skema Ewropea ta’ Taħriġ għall-Infurzar tal-Liġi /* COM/2013/0172 final */


    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

    Li tistabbilixxi Skema Ewropea ta’ Taħriġ għall-Infurzar tal-Liġi

    1.           Introduzzjoni

    Il-kriminalità transnazzjonali tista’ tiġi megħluba biss permezz ta’ kooperazzjoni transfruntiera mal-pulizija, id-dwana, il-gwardji tal-fruntieri u awtoritajiet oħra li jaħdmu flimkien. Mingħajr taħriġ adegwat ta’ dawk l-awtoritajiet, u mingħajr fiduċja reċiproka suffiċjenti, kooperazzjoni bħal din mhix se tkun effettiva.

    Diġà sar progress konsiderevoli fl-UE fir-rigward ta’ taħriġ dwar kwistjonijiet transfruntiera. Pereżempju, għal għadd ta’ snin ġew żviluppati u implimentati kurrikuli komuni u programmi ta’ skambju għal uffiċjali tal-infurzar tal-liġi. L-Istati Membri huma involuti f’dan l-isforz konġunt ta’ aġenziji tal-UE bħall-Kulleġġ Ewropew tal-Pulizija (CEPOL), l-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Europol) u l-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni tal-Kooperazzjoni Operattiva fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (Frontex). Fl-2012, ġew organizzati aktar minn 300 programm ta’ skambju bejn l-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi madwar l-UE . Metodi ġodda ta’ tagħlim, bħall-"webinars" tas-CEPOL, intużaw minn aktar minn 3 000 parteċipant fl-2012. Il-parteċipazzjoni fit-taħriġ tal-UE qed tikber, b’aktar minn 5 000 student mis-CEPOL u 3 000 mill-Frontex is-sena l-oħra.

    Madankollu, jeħtieġ li jsir aktar, pereżempju, biex jissaħħaħ il-profil ta’ strumenti tal-UE għall-kooperazzjoni bejn il-pulizija u r-rwol tal-aġenziji tal-UE li nħolqu biex jappoġġjaw is-servizzi tal-infurzar tal-liġi fil-ġlieda kontra l-kriminalità. Aktar uffiċjali għandhom jużaw ir-riżorsi disponibbli biex jilħqu l-potenzjal kollu tagħhom. It-taħriġ għandu jirrispondi b’mod adegwat għall-ħtiġijiet ta’ taħriġ u jappoġġja b’mod aktar sod il-prijoritajiet bħall-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità[1] u t-traffikar tad-droga u tal-bnedmin, miftiehma fil-livell tal-UE għall-kooperazzjoni operazzjonali. Tinħtieġ koordinazzjoni effettiva bejn l-Istati Membri u l-aġenziji tal-UE, li tqis il-ħidma minn organizzazzjonijiet internazzjonali bħall-Interpol u n-Nazzjonijiet Uniti, biex jiġi żgurat approċċ koerenti għat-taħriġ fil-livell tal-UE skont l-ogħla standards tal-kwalità.

    Għalhekk din il-Komunikazzjoni qed tipproponi Skema Ewropea ta’ Taħriġ għall-Infurzar tal-Liġi (minn hawn 'il quddiem "LETS", jew "l-Iskema ta’ Taħriġ") biex l-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi jiġu mgħammra bl-għarfien u l-ħiliet meħtieġa biex jipprevjenu u jiġġieldu effettivament il-kriminalità transfruntiera permezz ta’ kooperazzjoni effiċjenti mal-kollegi tagħhom fl-UE. L-Iskema ta’ Taħriġ għandha l-għan li tagħmel aktar effettiv ir-rispons tal-UE għall-isfidi komuni għas-sigurtà, li tgħolli l-istandard tal-pulizija madwar l-UE u tistimola l-iżvilupp ta’ kultura komuni tal-infurzar tal-liġi bħala mezz biex jiżdiedu l-fiduċja reċiproka u l-kooperazzjoni. Din tipprova tiddentifika u tindirizza n-nuqqasijiet fit-taħriġ eżistenti għall-infurzar tal-liġi dwar kwistjonijiet transfruntiera billi tappoġġja u, fejn xieraq, tikkoordina t-twettiq tat-taħriġ minn ċentri Ewropej u nazzjonali ta’ eċċellenza.

    L-Iskema ta’ Taħriġ twieġeb għas-sejħa tal-Kunsill Ewropew, fil-Programm ta’ Stokkolma[2], biex iżżid it-taħriġ dwar kwistjonijiet relatati mal-UE u tagħmilhom sistematikament aċċessibbli għall-professjonisti tal-infurzar tal-liġi rilevanti kollha, u li titlob mingħand il-Parlament Ewropew qafas tal-UE aktar b’saħħtu għal taħriġ ġudizzjarju u tal-pulizija[3]. Tipprova tiżgura li:

    · l-istrumenti ta’ kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġi li l-UE żviluppat maż-żmien, bħall-iskambju tal-informazzjoni Prüm u l-bażijiet tad-dejta tal-intelliġenza kriminali tal-Europol[4], ikunu magħrufin u użati aħjar kemm f'’kuntatti bilaterali u anki multilaterali bejn l-Istati Membri.

    · l-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi tal-UE jkunu mgħammra bil-ħiliet u l-għarfien meħtieġa biex ikunu indirizzati dawk ir-reati transnazzjonali li jikkawżaw l-akbar ħsara lill-vittmi u s-soċjetà kollha kemm hi.

    · l-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi li jikkooperaw ma’, u li jieħdu sehem f’missjonijiet ċivili tal-UE f’pajjiżi terzi jkunu mħarrġa tajjeb.

    L-Iskema ta’ Taħriġ proposta f’din il-Komunikazzjoni tapplika għall-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi ta’ kull livell, minn uffiċjali tal-pulizija sa gwardji tal-fruntieri u uffiċjali tad-dwana kif ukoll, fejn xieraq, uffiċjali oħra tal-istat, bħalma huma l-prosekuturi[5]. It-tagħlim għal dawn l-uffiċjali ffaċilitat permezz tal-Iskema ta’ Taħriġ jew mogħti taħtha għandu jibbaża ruħu fuq taħriġ eżistenti fuq livell nazzjonali u tal-UE u għandu jkun ibbażat fuq valutazzjonijiet regolari tal-ħtiġijiet ta’ taħriġ. It-taħriġ għandu jiġi offrut permezz ta’ għodda moderni u effettivi ta’ tagħlim, bħal korsijiet speċjalizzati, kurrikuli komuni, materjali ta’ tagħlim bbażati fuq l-internet , u programmi ta’ skambju.

    Biex timplimenta l-isforz tat-taħriġ maħsub minn din il-Komunikazzjoni, tinħtieġ aġenzija tal-UE b’mandat legali xieraq u r-riżorsi meħtieġa . B’mod parallel ma’ din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni għalhekk tipproponi qafas legali ġdid għall-Europol, li jagħtih is-setgħat biex jaħdem fuq it-taħriġ li jissuperaw is-setgħat tas-CEPOL – bħalissa l-unika aġenzija tal-UE responsabbli esklussivament għat-taħriġ fl-infurzar tal-liġi. Bl-għeluq simultanju tas-CEPOL, se jinħolqu sinerġiji billi t-taħriġ se jkun qrib tal-ħidma operazzjonali u jkun inkorporat fi struttura akbar, u l-ispejjeż amministrattivi se jonqsu, u b’hekk jiġu liberati riżorsi li jwasslu għal aktar riżultati taħt l-Iskema ta’ Taħriġ.

    Għalhekk, direttorat ġdid tat-taħriġ fil-Europol, l-Akkademja tal-Europol, se jkun mistenni li jimplimenta l-Iskema ta’ Taħriġ, b’enfasi fuq l-istandards ta’ kwalità. Sakemm ikun hemm l-adozzjoni mill-Kunsill u l-Parlament Ewropew, u d-dħul fis-seħħ, tal-proposta ta’ amalgamazzjoni, is-CEPOL se tassumi, sa fejn possibbli, dan ir-rwol. L-implimentazzjoni tal-iskema se teħtieġ sforz konġunt tan-netwerk ta’ akkademji ta’ taħriġ nazzjonali, l-akkademji tal-gwardji tal-fruntieri nazzjonali u dawk doganali (minn issa 'l quddiem “in-netwerk tal-akkademji ta’ taħriġ nazzjonali”), l-Akkademja tal-Europol u aġenziji oħra tal-ĠAI – b’mod partikolari l-Frontex. Ir-rwol tal-Kummissjoni se jkun prinċipalment li tissorvelja l-progress fl-implimentazzjoni.

    Din il-Komunikazzjoni tibbaża ruħha fuq pjan direzzjonali tal-ħtiġijiet ta’ taħriġ u t-twettiq immexxi mis-CEPOL[6], il-konsultazzjonijiet mal-esperti tal-Istati Membri u l-aġenziji tal-ĠAI f’erba’ laqgħat tal-esperti u tliet konferenzi, bil-parteċipazzjoni tal-membri tal-Parlament Ewropew, li saru fl-2011 u l-2012.

    L-Akkademja tal-Europol se tkun qed tikkoordina entità tal-UE għat-taħriġ tal-infurzar tal-liġi. Madankollu, il-Frontex se tibqa’ responsabbli mit-taħriġ tal-gwardji tal-fruntiera skont il-qafas legali tagħha.

    2.           Il-prijoritajiet strateġiċi tal-UE dwar il-kriminalità u s-sigurtà u d-diskrepanza fit-taħriġ

    2.1.        Kuntest attwali tat-taħriġ tal-UE

    Fl-Istati Membri kollha hemm strutturi għat-taħriġ ta’ uffiċjali tal-infurzar tal-liġi, kif ukoll kooperazzjoni sistematika mal-aġenziji tal-UE fil-qasam tal-ĠAI. Fil-livell tal-UE, l-aġenziji li ġejjin huma attivi fit-taħriġ tal-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi.

    Is-CEPOL jaħdem mill-qrib man-netwerk tal-akkademji nazzjonali tat-taħriġ. Fl-2012, organizza korsijiet f’86 klassi għal 2059 parteċipant fuq firxa ta’ suġġetti li jinkludu tekniki speċifiċi tal-infurzar tal-liġi – bħall-interrogazzjonijiet tal-pulizija u t-tekniki għall-investigazzjonijiet dwar omiċidji, taħriġ dwar ir-reat ekonomiku, bħall-irkupru tal-assi u l-ħasil tal-flus, u l-immaniġġjar tal-kriżijiet. Is-CEPOL żviluppa wkoll għarfien espert fit-"taħriġ tal-ħarrieġa", implimenta l-“Programm ta’ Skambju għall-puliżija ispirat mill-Erasmus”[7], u stabbilixxa moduli ta’ tagħlim onlajn fuq suġġetti bħaċ-ċiberkriminalità, it-timijiet ta' investigazzjoni konġunta u l-gruppi mobbli għall-kriminalità organizzata. Madankollu, dan it-taħriġ huwa disponibbli biss għal uffiċjali għolja tal-pulizija minħabba l-limitazzjonijiet tal-mandat legali tas-CEPOL, u r-restrizzjonijiet baġitarji jillimitaw l-għadd ta’ korsijiet.

    Il-Europol jaħdem mill-qrib mas-CEPOL billi jipprovdi korsijiet taħt il-qafas tas-CEPOL u żviluppa diversi korsijiet relatati mal-analiżi tal-kriminalità u tipi speċifiċi ta’ kriminalità, bħaċ-ċiberkriminalità. Il-Frontex għandha mandat speċifiku li tħarreġ il-gwardji tal-fruntiera[8] u żviluppat kurrikuli komuni implimentati mill-Istati Membri, inkluż qafas tal-kwalità għall-għassa tal-fruntieri[9]. L-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) imexxi żewġ programmi speċifiċi li jittrattaw it-taħriġ dwar il-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni tal-euro u l-protezzjoni tal-interess finanzjarju tal-UE. L-Aġenzija Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA) toffri għodda ta’ taħriġ dwar id-drittijiet fundamentali għal ħarrieġa tal-pulizija. Iċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga (EMCDDA) u l-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-qasam tal-Asil (EASO) huma t-tnejn involuti fit-taħriġ dwar suġġetti speċifiċi rilevanti għall-mandati tagħhom.

    Fil-livell nazzjonali, fejn ikompli jsir ħafna mit-taħriġ tal-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi, il-kwistjonijiet speċjalizzati bħat-traffikar tad-drogi, iċ-ċiberkriminalità, il-kriminalità finanzjarja u l-ħasil tal-flus, l-investigazzjonijiet tal-kriminalità organizzata transfruntiera, u l-kwistjonijiet legali tal-UE, ġeneralment ikunu koperti, u sikwit implimentati bħala parti minn kooperazzjoni bilaterali bejn l-Istati Membri. Madankollu, il-konsultazzjonijiet mal-esperti juru ħtieġa ċara ta’ aktar taħriġ, bl-għajnuna tal-UE, f’dawn l-oqsma.

    Internazzjonalment, organizzazzjonijiet bħall-Interpol u n-Nazzjonijiet Uniti (NU) joffru taħriġ dwar l-infurzar tal-liġi, l-antiterroriżmu u l-ġestjoni tal-kriżijiet. L-Interpol tipprovdi tagħlim elettroniku dwar diversi suġġetti bħall-investigazzjoni tad-droga, l-interrogazzjoni u suġġetti relatati mat-terroriżmu. In-NU toffri varjetà ta’ korsijiet dwar il-ġestjoni tal-kriżijiet. Minkejja li huma utli għall-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-UE billi jikkomplementaw offerti oħra ta’ taħriġ, dawn il-korsijiet rarament ikopru l-istrumenti speċifiċi tal-UE u mhumiex ġeneralment imfassla biex iqisu l-istandards tal-attivitajiet tal-pulizija tal-UE.

    2.2.        Il-ħtieġa ta’ taħriġ fl-oqsma prijoritarji interni u esterni tal-UE

    Kooperazzjoni effettiva fl-infurzar tal-liġi transfruntier tibda billi l-uffiċjali jkunu mgħammra bl-għarfien bażiku dwar il-kuntest tal-attivitajiet tal-pulizija fl-UE u l-għodod disponibbli bħall-Europol u l-Eurojust, jew dwar strumenti għal skambju ta’ informazzjoni, bħad-Deċiżjonijiet ta’ Prüm[10]. L-għarfien u l-fehim tal-attivitajiet transfruntiera tal-pulizija huma l-punt tat-tluq indispensabbli għall-involviment tal-uffiċjali fil-kooperazzjoni transfruntiera, kemm b’mod bilaterali u anke multilaterali, u għall-bini ta’ fiduċja reċiproka.

    L-UE ddefinixxiet il-prijoritajiet għall-azzjoni kontra t-theddid komuni fl-oqsma tal-kriminalità serja u organizzata, it-terroriżmu, iċ-ċiberkriminalità, is-sigurtà tal-fruntieri u l-ġestjoni tal-kriżijiet. Dawn il-prijoritajiet se jkunu riveduti regolarment, abbażi tal-Valutazzjoni tat-Theddid mill-Kriminalità Serja u Organizzata (SOCTA) prodotta mill-Europol kull erba’ snin (mill-2013). Biex jitnaqqas id-dannu kkawżat minn dan it-theddid, u jiġu appoġġjati l-prijoritajiet operazzjonali miftiehma fuq il-livell tal-UE biex jiġu indirizzati, għandu jkun provdut taħriġ speċjalizzat fejn meħtieġ.

    L-UE tieħu r-responsabbiltà għall-appoġġ tal-iżvilupp tal-kapaċità fil-pajjiżi terzi billi toffri konsulenza u pariri u tgħin biex jiġu stabbiliti strutturi sostenibbli u ċivili tal-pulizija immexxija skont l-istandards internazzjonali. F’pajjiżi terzi jsiru missjonijiet ċivili taħt il-koordinazzjoni tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE). Kull sena jintużaw aktar minn 1000 uffiċjal tal-infurzar tal-liġi tal-UE f’missjonijiet (fl-2012) għal postijiet bħan-Nofsinhar tas-Sudan, il-Kosovo, in-Niġer u l-Iraq. Ir-rwol tal-infurzar tal-liġi f’dawn il-missjonijiet jiffoka fuq il-ħidma tal-pulizija, l-istat tad-dritt, l-amministrazzjoni ċivili, u l-protezzjoni ċivili. Barra minn hekk, l-Istati Membri jaħdmu wkoll ma’ pajjiżi terzi b’mod bilaterali biex jassistu fil-bini tal-kapaċità tal-infurzar tal-liġi fejn hija involuta l-UE, bħalma huma d-demokraziji emerġenti fit-Tramuntana tal-Afrika.

    2.3.        Diskrepanzi fit-taħriġ

    Minkejja l-isforzi tal-atturi nazzjonali, tal-UE u dawk internazzjonali, u l-kooperazzjoni bejniethom, għad hemm diskrepanzi sinifikanti bejn il-ħtiġijiet ta’ taħriġ u l-forniment attwalment disponibbli fl-UE[11].

    Il-programmi ta’ taħriġ tal-Istati Membri normalment ikopru l-għarfien bażiku ta’ strumenti tal-UE u d-dimensjoni ta’ kuljum tal-pulizija tal-UE, iżda mhux neċessarjament bi standard konsistenti.

    L-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u l-aġenziji tal-UE indikaw nuqqas ta’ ħarrieġa kwalifikati u materjali ta’ tagħlim konsistenti dwar investigazzjonijiet transfruntiera. Hemm domanda għolja għat-taħriġ organizzat minn aġenziji tal-UE dwar temi speċjalizzati tal-pulizija, bħall-kriminalità finanzjarja, il-ħasil tal-flus, it-traffikar tad-droga u tal-bnedmin. Il-koordinazzjoni u t-twettiq tat-taħriġ mill-Akkademja tal-Europol f’dan il-qasam se jnaqqsu l-ispejjeż billi titnaqqas il-ħtieġa li kull Stat Membru jinvesti f’programmi simili.

    Il-programmi ta’ skambju għal pulizija, gwardji tal-fruntieri u uffiċjali tad-dwana b’poteri investigattivi diġà qed jgħinu biex ixerrdu prattiki tajbin u jibnu l-fiduċja. Skont id-disponibbiltà tal-fondi, programmi bħal dawn għandhom isiru aktar disponibbli, bħala prinċipju, għal kull livell u bejn l-aġenziji kollha fl-ambitu tal-Iskema ta’ Taħriġ.

    B’mod aktar ġenerali, il-ħiliet fil-lingwi, inkluż l-Ingliż, li qed jintuża dejjem aktar fil-kooperazzjoni transfruntiera, huma kruċjali għall-kompetenza tal-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi kollha involuti fil-kooperazzjoni transfruntiera. Madankollu, f'bosta Stati Membri l-għadd ta’ uffiċjali disponibbli bil-ħiliet lingwistiċi ta’ standard għoli biżżejjed għadu żgħir wisq .

    It-taħriġ qabel l-iskjerament għall-missjonijiet ċivili ħafna drabi ma jkollux biżżejjed koordinazzjoni u standardizzazzjoni, li jwassal għal differenzi inaċċettabbli fil-livell ta’ preparazzjoni ta’ persunal skjerat.

    Barra minn hekk hemm lok għal aktar għajnuna konsistenti u effiċjenti lill-pajjiżi terzi li jitolbu l-assistenza fil-bini tal-kapaċità għall-infurzar tal-liġi billi jiġi offrut taħriġ jew tqassim ta’ għarfien u prattiki tajbin.

    B’mod ġenerali, l-UE ma għandhiex qafas tal-kwalità trasparenti għal ħarrieġa u jopera fuq il-livell tal-UE u proċess sistematiku sabiex jiġu identifikati u indirizzati l-ħtiġijiet strateġiċi ta’ taħriġ, li qegħdin dejjem jevolvu.

    3.           Erba’ oqsma ta’ taħriġ tal-UE

    Sabiex jiżdiedu l-iżvilupp, it-twettiq u l-evalwazzjoni tal-opportunitajiet tat-taħriġ u tat-tagħlim meħtieġa biex jintlaħqu l-isfidi għall-infurzar tal-liġi transfruntier tal-UE, l-Iskema ta’ Taħriġ għandha tiffoka fuq it-titjib tal-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenza[12] f’erba’ oqsma. Dawn ivarjaw minn għarfien ġeneriku għal kompetenzi speċjalizzati ta’ livell għoli, u kollha jibnu fuq it-taħriġ eżistenti fuq livell nazzjonali, tal-UE u internazzjonali.

    3.1.        Qasam 1: Għarfien bażiku tad-Dimensjoni tal-UE tal-Infurzar tal-Liġi

    Kull wieħed mill-1.9 miljun uffiċjal tal-infurzar tal-liġi tal-UE[13] jista’ jkollu bżonn jittratta l-kriminalità transfruntiera f’xi punt tul il-ħajja professjonali tiegħu. L-għarfien ta’ aspetti tal-UE u dawk transfruntiera tal-attivitajiet tal-pulizija hija kompetenza ewlenija f’termini tal-effettività operazzjonali u l-iżvilupp tal-karriera. Dan l-għarfien għandu jinkludi l-prinċipji ta’ kooperazzjoni effettiva fl-infurzar tal-liġi, id-drittijiet fundamentali, ir-rwol tal-Europol, il-Frontex u l-Eurojust u l-użu ta’ għodda u kanali ta’ ġestjoni tal-informazzjoni tal-UE bħal pereżempju "l-Inizjattiva Svediża"[14] u s-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen[15]. Mingħajr dan, hemm riskju ta’ ineffiċjenza serja fil-ħidma transfruntiera tal-pulizija.

    Għalhekk, għandu jiġi żviluppat livell minimu standard ta’ għarfien u ħiliet dwar il-kuntest tal-UE tal-infurzar tal-liġi għall-uffiċjali kollha tal-infurzar tal-liġi f’kull livell. Dan għandu jikkontribwixxi lejn l-iżvilupp ta’ kultura komuni tal-infurzar tal-liġi.

    Il-Kummissjoni se tinkoraġġixxi lill-Istati Membri sabiex jimplimentaw din il-kompetenza fit-taħriġ vokazzjonali u inizjali tagħhom għall-uffiċjali, u f’jiem ta’ taħriġ għall-uffiċjali diġà attivi f’din il-ħidma. L-Akkademja tal-Europol se timmonitorja u tevalwa s-segwitu tagħha u l-eżiti se jiġu integrati f’rapport ta’ kull tliet snin tal-Kummissjoni (ara t-taqsima 5.4).

    Fl-ewwel semestru tal-2014, is-CEPOL, f’kooperazzjoni mal-Istati Membri u Frontex, se jipproponi livell standard tal-UE tal-għarfien u l-ħiliet għall-uffiċjali kollha tal-infurzar tal-liġi dwar id-Dimensjoni tal-UE tal-infurzar tal-liġi.

    3.2.        Qasam 2: Kooperazzjoni bilaterali u reġjonali effettiva

    Is-suċċess ta’ operazzjonijiet transfruntiera tal-pulizija jiddependi, parzjalment, fuq il-ħila tal-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi li japplikaw strumenti tal-UE u internazzjonali, bħalma huma l-Mandat ta’ Arrest Ewropew[16], l-ittri rogatorji[17] u l-proċeduri ta’ riammissjoni[18]. L-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi għandu jkollhom ukoll aktar għarfien speċifiku ta’ arranġamenti bilaterali bejn l-Istati Membri u l-ħila li wieħed jikkomunika b’lingwi rilevanti, b’għarfien ta’ differenzi u sensittivitajiet kulturali.

    L-Istati Membri se jitħeġġu biex jipprovdu taħriġ nazzjonali xieraq f’livell aktar profond mill-istandard ta’ kompetenza għal Qasam nru. 1, filwaqt li jiżviluppaw iktar proġetti ta’ taħriġ bilaterali u reġjonali għall-kooperazzjoni transfruntiera. L-Akkademja tal-Europol se tappoġġja lill-Istati Membri meta mitluba, billi tipprovdi għodod ta’ tagħlim u tiġbor u xxerred l-aħjar prattiki.

    Sa tmiem l-2013, is-CEPOL għandu jippreżenta lill–Kumitat Permanenti dwar is-Sigurtà Interna (COSI) pjan ta’ ħidma biex jappoġġja t-taħriġ bilaterali u reġjonali. Fl-2014, is-CEPOL għandu jippreżenta ħarsa ġenerali aġġornata ta’ attivitajiet ta’ taħriġ bilaterali u ħtiġijiet ta’ taħriġ fl-Istati Membri u sussegwentement, b’mod proattiv, joffri l-aħjar prattiki disponibbli li jissodisfaw dawk il-ħtiġijiet. Fuq talba mill-Istati Membri, is-CEPOL jista’ jagħmel disponibbli l-għodod adegwati ta’ tagħlim.

    3.3.        Qasam 3: Speċjalità tematika tal-ħidma tal-pulizija tal-UE

    Il-prijoritajiet tal-UE għall-kooperazzjoni transfruntiera fl-infurzar tal-liġi huma ddefiniti fl-Istrateġija Interna tas-Sigurtà[19] u fiċ-ċiklu tal-politika tal-UE dwar il-kriminalità serja u organizzata[20] li huwa bbażat fuq l-OCTA tal-Europol (il-Valutazzjoni ta’ Theddid mill-Kriminalità Organizzata) u mis-sena 2013, fuq is-SOCTA (il-Valutazzjoni ta’ Theddid Serju mill-Kriminalità Organizzata). Kull waħda minn dawk il-prijoritajiet tirreferi għall-ħtieġa ta’ approċċ effiċjenti u mmirat għat-taħriġ fuq livell tematiku speċjalizzat għal grupp limitat ta’ uffiċjali. It-taħriġ dwar temi speċifiċi bħat-traffikar tad-droga, tal-bnedmin u tal-armi tan-nar, iċ-ċiberkriminalità, il-korruzzjoni, il-konfiska ta’ assi kriminali, u investigazzjonijiet finanzjarji se jgħaqqad flimkien esperti mill-Istati Membri li, barra li jirċievu t-taħriġ innifsu, se jagħmlu skambju tal-aħjar prattiki, kif ukoll netwerking bejniethom, li se jtejbu l-fiduċja reċiproka. Taħriġ bħal dan jista’ wkoll ikopri, meta jkun partikolarment rilevanti għall-prijorità inkwistjoni, il-kooperazzjoni bejn l-aġenziji fil-livell nazzjonali jew Ewropew bejn l-aġenziji differenti tal-infurzar tal-liġi bħalma huma l-pulizija, il-gwardji tal-fruntiera u d-dwana.

    B’kooperazzjoni mill-qrib man-netwerk ta’ akkademji nazzjonali tat-taħriġ, l-Akkademja tal-Europol għandha tanalizza l-ħtiġijiet tat-taħriġ biex tidentifika d-diskrepanzi bejn livell speċjalizzat eżistenti tal-Istati Membri u t-taħriġ internazzjonali u l-ħiliet u l-għarfien meħtieġa f’dawn l-oqsma. It-taħriġ għandu jingħata permezz tan-netwerk ta’ akkademji nazzjonali tat-taħriġ jew, fejn xieraq, direttament mill-Akkademja tal-Europol. It-taħriġ għandu normalment jieħu l-għamla ta’ korsijiet fil-klassi, supplimentati minn għodod ta’ tagħlim elettroniku. Dan il-qasam għandu eventwalment jesiġi ċertifikazzjoni ta’ taħriġ speċjalizzat skont l-istandards tal-kwalità miftiehma sabiex ikunu rrikonoxxuti mill-Istati Membri kollha (ara t-taqsima 4.2). Il-baġit annwali tal-Akkademja tal-Europol, bħala parti mill-baġit globali tal-Europol, primarjament għandu jkun iddedikat għall-implimentazzjoni ta’ dan il-qasam.

    Ladarba jkunu stabbiliti l-prijoritajiet taċ-“ċiklu tal-politika tal-UE dwar il-kriminalità serja u organizzata” għall-perjodu tal-2013-2017, is-CEPOL għandu jwettaq, u jressaq analiżi tad-diskrepanzi quddiem il-COSI sa tmiem l-2013. Abbażi ta’ dan, it-taħriġ taħt il-Qasam 3 jista’ jiġi żviluppat mis-CEPOL u min-netwerk tal-akkademji nazzjonali tal-pulizija sa mill-2014.

    3.4.        Qasam 4: Missjonijiet ċivili u bini ta’ kapaċità fil-pajjiżi terzi

    It-taħriġ ta’ qabel l-iskjerament għandu jkun prerekwiżit għall-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi kollha li jipparteċipaw f’missjonijiet ċivili tal-UE f’pajjiżi terzi. L-Istati Membri u l-Akkamedja tal-Europol għandhom jirrikonoxxu, jappoġġjaw u jibnu fuq inizjattivi ta’ taħriġ eżistenti bħall-Inizjattiva l-Ġdida tal-Ewropa ta’ Taħriġ għall-Immaniġġjar tal-Kriżijiet Ċivili[21], programm iffinanzjat mill-UE li jiġbor flimkien l-għarfien minn madwar l-UE, in-Nazzjonijiet Uniti u entitajiet internazzjonali oħra biex jippreparaw lill-persunal li qed jipparteċipaw f’missjonijiet ċivili. L-istituti ta’ taħriġ għall-immaniġġjar tal-kriżijiet fl-Istati Membri li jipprovdu taħriġ għall-iskjerament f’missjoni ċivili jistgħu joperaw bħala ċentri ta’ eċċellenza għall-implimentazzjoni tal-qasam 4 u jħarrġu uffiċjali minn Stati Membri li m’għandhomx tali ċentri, ikkoordinati mill-Akkademja tal-Europol.

    Fl-interess ta’ approċċ konsistenti mill-UE, l-Akkademja tal-Europol għandha tipprovdi wkoll gwida u għarfien espert lill-programmi ta’ assistenza ffinanzjati mill-UE relatati mal-infurzar tal-liġi.

    Fl-aħħarnett, l-Akkademja tal-Europol għandha tikkollabora mal-Istati Membri u Frontex dwar talbiet minn pajjiżi terzi għal assistenza fil-bini tal-kapaċità fl-infurzar tal-liġi. Għandha tiżgura li r-rispons għal dawn it-talbiet fir-rigward tat-taħriġ u l-qsim tal-għarfien huwa kemm jista’ jkun effettiv u jevita duplikazzjoni fost il-partijiet involuti.

    L-Akkademja tal-Europol (koordinazzjoni) u s-SEAE b’kooperazzjoni mal-Frontex għandhom joħolqu kurrikulu komuni għat-taħriġ ta’ qabel l-iskjerament u għal taħriġ ieħor speċifiku għall-missjonijiet li għandu jiġi implimentat fl-2015.

    Imsejjes fuq l-eżerċizzju ta’ mmappjar tas-CEPOL tal-2012, it-taħriġ taħt il-qasam 4 għandu jiġi inkluż fl-analiżi futura tal-ħtiġijiet (strateġiċi) ta’ taħriġ mis-CEPOL u l-Akkademja tal-Europol.

    4.           approċċ effiċjenti għat-taħriġ f’konformità mal-prijoritajiet tal-UE

    Għal kull wieħed mill-erba’ oqsma ta’ hawn fuq, l-Iskema ta’ Taħriġ għandha tiġi implimentata skont erba’ prinċipji ta’ gwida.

    4.1.        Identifikazzjoni tal-ħtiġijiet

    It-taħriġ kollu fl-infurzar tal-liġi fil-livell tal-UE għandu jadatta ruħu għall-ħtiġiijiet dejjem jinbidlu. Kull erba’ snin l-Akkademja tal-Europol għandha twettaq analiżi koordinata tal-ħtiġijiet strateġiċi ta’ taħriġ fl-infurzar tal-liġi tal-UE b'kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, il-Frontex, il-Eurojust, is-SEAE, l-EASO, l-FRA u l-Kummissjoni. Għandha tindirizza l-iżviluppi tal-kompetenza fit-tul għall-infurzar tal-liġi, it-titjib fil-kwalità tat-tagħlim (ara t-taqsima 4.2) u d-diskrepanzi fit-taħriġ marbutin mal-istrateġiji u l-politika tal-ĠAI. F’dan ir-rigward, għandu jkun hemm dejta statistika disponibbli kull sena biex tipprovdi ħarsa ġenerali, b’mod partikolari fir-rigward tal-għadd ta’ uffiċjali tal-puliżija mħarrġa u t-tip ta’ taħriġ riċevut. Din se tinforma lill-Kummissjoni, l-Istati Membri, u s-SEAE sabiex jistabbilixxu kif għandhom jiskrejaw ir-riżorsi u liema uffiċjali għandhom ikunu fil-mira ta’ taħriġ speċjalizzat. Fi ħdan dan il-qafas strateġiku, l-Akkademja tal-Europol u l-Frontex għandhom, fuq bażi annwali, jagħmlu analiżi regolari tal-ħtiġijiet ta’ taħriġ li tiddetermina liema taħriġ għandhom joffru fil-mandati rispettivi tagħhom. L-analiżi annwali għandha tiġi allinjata maċ-ċiklu tal-politika tal-UE fuq il-prijoritajiet marbuta mal-kriminalità serja u organizzata, ladarba dawn ikunu ddefiniti fl-2013. L-analiżi kollha għandhom jidentifikaw:

    1.           Eżiti ġodda tat-tagħlim li għandhom jiġu żviluppati;

    2.           Diskrepanzi fil-prestazzjoni u kif dawn jistgħu jitnaqqsu permezz ta’ taħriġ ta’ kwalità għolja li jikkomplementa l-programmi eżistenti tal-UE jew dawk nazzjonali; kif ukoll

    3.           Ir-riżorsi meħtieġa.

    Fl-2014 għandha tiġi ppreżentata l-ewwel analiżi koordinata tal-ħtiġijiet strateġiċi ta’ taħriġ fl-infurzar tal-liġi tal-UE. Din għandha tiġi ppreżentata lill-COSI u tkun approvata mill-Kunsill.

    4.2.        Twettiq ta’ kwalità għolja

    Hemm il-ħtieġa ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ ħiliet u għarfien marbutin mal-infurzar tal-liġi. L-Istati Membri diġà qed jibbenefikaw mill-inizjattivi akkademiċi ġenerali eżistenti bħall-proċessi ta’ Bologna u Kopenħagen[22], li jiżviluppaw standards komparabbli u ekwivalenti għal gradi u kwalifiki oħrajn f’diversi livelli (ibbażat fuq il-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki għat-tagħlim tul il-ħajja[23]) u l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, permezz ta’ sistema ta’ punti ta’ studju kumulattivi rikonoxxuti madwar l-Ewropa (ECTS)[24].

    L-Iskema ta’ Taħriġ għandha tibni fuq dawn l-inizjattivi ta’ rikonoxximent tal-kwalità, li jpoġġu l-enfasi fuq l-prinċipji tat-tagħlim tul il-ħajja. Il-Kummissjoni tikkunsidra li, sal-2020, għandhom jiġu stabbiliti u implimentati kwalifiki li jistgħu jitqabblu fil-livell tal-UE għat-taħriġ fl-infurzar tal-liġi (jiġifieri qafas ta’ kwalifiki settorjali). Dan se japplika għall-oqsma 3 u 4. Bħala l-ewwel pass, l-Akkademja tal-Europol għandha tiżgura li l-moduli u l-korsijiet ta’ taħriġ fil-livell tal-UE huma mfasslin skont is-sistema tal-punti tal-ECTS, u f’termini ta’ riżultati ċari tat-tagħlim. L-Istati Membri huma wkoll imħeġġa biex jieħdu passi biex japplikaw is-sistema tal-punti tal-ECTS mal-moduli ta’ taħriġ nazzjonali tagħhom.

    Barra minn hekk, għandu jkun hemm profil speċifiku għal ħarrieġa li jaġixxu fil-livell tal-UE taħt l-Iskema ta’ Taħriġ. Dan għandu jinkludi definizzjoni ta’ ħiliet ta’ tagħlim, għarfien speċjalizzat u l-profiċjenza fil-lingwi. Jekk meħtieġ, il-ħarrieġa għandhom jiġu offruti taħriġ biex jottimizza dawn il-ħiliet. L-Akkademja tal-Europol b’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri u l-Frontex, għandha tiżviluppa tali profil u timplimenta mekkaniżmu għall-għażla, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni finali ta’ tal-ħarrieġa sal-ewwel semestru tal-2014.

    Biex tittejjeb il-kwalità ta’ taħriġ ipprovdut taħt l-Iskema, CEPOL u atturi oħra involuti se jiġu mħeġġa biex jibbażaw ruħhom fuq l-għarfien espert ta’, u jiżviluppaw sħubija ma’, partijiet privati bħal istituzzjonijiet finanzjarji u kumpaniji tal-IT.

    Is-CEPOL għandu jippreżenta pjan ta’ azzjoni b’konsultazzjoni mal-Istati Membri u l-aġenziji tal-ĠAI fl-2014 dwar l-istabbiliment ta’ qafas komuni tal-kwalità fit-tagħlim marbut mal-infurzar tal-liġi li għandu jiġi implimentat sal-2020 u jressqu quddiem il-COSI.

    4.3.        It-titjib fl-iżvilupp tal-karriera għall-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi

    B’referenza għall-iżvilupp tal-oqfsa tal-kwalità deskritti fit-taqsima 4.2, il-portafoll ta’ ħiliet, għarfien u kompetenzi tal-UE, miksub taħt l-Iskema ta’ Taħriġ, għandu jkun rikonoxxut mill-Istati Membri bħala li jifforma parti mill-portafoll li jibnu l-uffiċjali fuq livell nazzjonali. It-taħriġ offrut taħt l-Iskema għandu jsir komponent naturali tal-portafoll ta’ taħriġ tal-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi, f’konformità mal-prinċipji tat-tagħlim tul il-ħajja. L-Istati Membri għandhom jagħmlu użu sħiħ mill-għodod ta’ taħriġ bħat-tagħlim elettroniku, il-kurrikuli komuni u l-programmi ta’ skambju jew l-użu tal-kunċett ta’ ħarreġ lill-ħarrieġ. It-taħriġ taħt il-qasam 3 tal-Iskema se jgħin, b’mod partikolari, biex jiġu indirizzati d-diskrepanzi bejn il-ħtiġijiet ta’ taħriġ u t-taħriġ attwalment disponibbli fil-livell nazzjonali u internazzjonali.

    4.4.        Użu effiċjenti tar-riżorsi

    L-Iskema ta’ Taħriġ għandha l-għan li twassal għal effiċjenza akbar permezz ta’ speċjalizzazzjoni akbar, koordinazzjoni aktar effettiva, sfruttar tas-sinerġiji u eliminazzjoni tad-duplikazzjoni, u bl-allinjament aktar strett tal-ħtiġijiet ta’ taħriġ mat-twettiq tagħhom. L-Akkademja tal-Europol u l-akkademji nazzjonali tal-pulizija għandhom jisfruttaw l-aktar metodi effiċjenti ta’ taħriġ sabiex jinkisbu riżultati mit-tagħlim, bl-użu pereżempju tal-għodod għat-tagħlim elettroniku

    Skont studju estern ikkummissjonat mill-Kummissjoni, l-ispejjeż diretti kumplessivi tal-implimentazzjoni u l-amministrazzjoni tal-Iskema ta’ Taħriġ huma stmati li jammontaw għal EUR 3,4 miljun (fi prezzijiet attwali) għall-perjodu 2013-2020. Dan ikun jinkludi l-ispejjeż tal-Kumitat Xjentifiku ġdid (EUR 90 000 fis-sena) stabbilit bħala korp konsultattiv għad-Direttur Eżekuttiv u l-Bord ta’ Ġestjoni. Skont l-istess studju, l-iffrankar annwali mill-effiċjenza jista’ jilħaq EUR 23 miljun għall-attivitajiet tal-pulizija fl-UE[25] meta mqabbel ma' xenarju ta’ status quo.

    Il-proposta tal-Kummissjoni għall-Fond għas-Sigurtà Interna[26] (ISF) tal-2014-2020 tinkludi l-għan li jiġu implimentati skemi ta’ taħriġ fuq il-politiki tat-taħriġ tal-UE. L-Istati Membri għandhom jirrappurtaw lill-Kummissjoni dwar l-għadd ta’ uffiċjali tal-infurzar tal-liġi mħarrġin fuq suġġetti transfruntiera bl-għajnuna tal-Fond. Għandhom jintużaw ukoll opportunitajiet biex jiġi appoġġjat it-taħriġ tal-persunal għall-infurzar tal-liġi permezz tal-Fond Soċjali Ewropew[27] taħt ċerti kundizzjonijiet.

    5.           Implimentazzjoni tal-Iskema ta’ Taħriġ: Rwoli u responsabbiltajiet

    L-Iskema ta’ Taħriġ se tkun implimentata konġuntement mal-Kummissjoni, l-Europol, l-aġenziji tal-ĠAI u l-Istati Membri.

    5.1.        L-Akkademja Ewropea fil-Europol

    L-Akkademja tal-Europol se tkun il-forza li tmexxi u tikkoordina l-implimentazzjoni tal-Iskema ta’ Taħriġ, f’kooperazzjoni mill-qrib ma’ aġenziji oħrajn tal-UE u n-netwerk ta’ akkademji nazzjonali tat-taħriġ. Huma proposti sitt kompiti ewlenin:

    1.           L-Akkademja tal-Europol nnifisha għandha tfittex li tiżviluppa fiċ-ċentru ta’ eċċellenza tal-UE għat-tagħlim (transfruntier) għall-infurzar tal-liġi. Għandha timmira sabiex tkun l-awtorità għall-professjonisti f’dan il-qasam u taġixxi bħala intermedjarju għall-iskambju tal-aħjar prattiki. L-Akkademja tal-Europol għandha tfittex li tikkoordina l-kwistjonijiet strateġiċi ta’ tagħlim marbuta mal-infurzar tal-liġi tal-UE u tipprovdi appoġġ għal aġenziji oħrajn tal-UE fejn ikun meħtieġ, inkluż bil-koordinament tal-analiżi tal-ħtiġijiet strateġiċi ta’ taħriġ għall-infurzar tal-liġi fuq livell tal-UE.

    2.           F’konsultazzjoni mal-partijiet interessati tagħha, l-Akkademja tal-Europol għandha tiddefinixxi pakkett ta’ għarfien bażiku inkluż ir-riżultati tat-tagħlim għal qasam 1. L-ewwel verżjoni ta’ dan għandu jkun ippreżentat mis-CEPOL fl-ewwel semestru tal-2014.

    3.           L-Akkademja tal-Europol għandha tipprovdi appoġġ lill-Istati Membri li qed jimplimentaw il-qasam 2 billi xxerred l-aħjar prattiki dwar il-kooperazzjoni transfruntiera u tipprovdi għodod ta’ tagħlim fejn meħtieġ.

    4.           L-Akkademja tal-Europol, flimkien ma’ ċentri oħra ta’ eċċellenza tan-netwerk ta’ akkademji nazzjonali tat-taħriġ għandha tipprovdi taħriġ fil-livell tal-UE għal uffiċjali kif ukoll għall-ħarrieġa nnifishom. Bħala parti mill-qasam 3 u 4, l-Akkademja tal-Europol għandha tindika l-livell għal kull kors b’referenza għall-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki, b’kooperazzjoni man-netwerk tal-akkademji nazzjonali tat-taħriġ. L-Akkademja tal-Europol għandha tiżgura li l-korsijiet huma ppjanati sew u li l-ħarrieġ ikun appoġġjat, evalwat u mħallas sew.

    5.           L-Akkademja tal-Europol għandha tippjana proċeduri ta’ taħriġ u gwida għad-definizzjoni tal-prijoritajiet, tar-rwoli u r-responsabbilitajiet biex tikkoordina u tagħti appoġġ fit-twettiq tal-oqsma kollha tal-Iskema ta’ Taħriġ.

    6.           Flimkien mal-partijiet interessati tagħha, l-Akkademja tal-Europol għandha ssegwi pjan ta’ azzjoni biex timplimenta qafas ta’ assigurazzjoni tal-kwalità propost mis-CEPOL fl-2014, kif deskritt fit-taqsima 4.2.

    5.2.        Akkademji nazzjonali bħala ċentri ta’ eċċellenza

    Għandu jkun ipprovdut taħriġ speċjalizzat taħt l-Iskema mill-korp l-aktar kwalifikat fin-netwerk tal-akkademji ta’ taħriġ nazzjonali jew, fejn xieraq, mill-Akkademja tal-Europol. L-akkademji nazzjonali tal-infurzar tal-liġi speċjalizzati f’temi speċifiċi ta’ prijorità tal-pulizija taħt l-oqsma 3 jew 4, bħall-ħasil tal-flus, it-taħriġ ta’ qabel skjerament għal missjonijiet ċivili jew il-kwistjonijiet speċifiċi tal-gwardji tal-fruntieri jistgħu jingħataw l-istatus ta’ "ċentru ta’ eċċellenza" għal perjodu ta’ żmien miftiehem u jipprovdu taħriġ għall-UE kollha għan-nom tal-Akkademja tal-Europol. Iċ-ċentri ta’ eċċellenza għandhom joperaw f’konformità mal-assigurazzjoni ta’ kwalità komuni żviluppata taħt l-Iskema ta’ Taħriġ u deskritta f’ 4.2. L-akkademji nazzjonali għandhom ikunu jistgħu jissekondaw esperti jew ħarrieġa għall-Akkademja tal-Europol.

    5.3.        L-Istati Membri

    L-Istati Membri se jkunu responsabbli mill-implimentazzjoni tal-oqsma 1 u 2 fil-kurrikuli għat-taħriġ inizjali u promozzjonali u huma mħeġġa jużaw fondi tal-UE għal dan l-għan[28]. Rigward il-qasam 2, l-Istati Membri huma mħeġġa biex jibdew proġetti bilaterali relatati mat-taħriġ għat-titjib tal-kooperazzjoni transfruntiera fuq firxa wiesgħa ta’ kwistjonijiet, bħas-sorveljanza, l-insegwiment u l-iskambju ta’ informazzjoni permezz taċ-Ċentru ta’ Kooperazzjoni tal-Pulizija u tad-Dwana. L-Istati Membri għandhom ikunu responsabbli wkoll biex jagħżlu uffiċjali kkwalifikati biex jipparteċipaw f’missjonijiet ċivili, u biex jinnominaw uffiċjali kkwalifikati biex ikunu ħarrieġa li jgħallmu fil-livell tal-UE fir-rigward tal-oqsma 3 u 4.

    5.4.        Il-Kummissjoni Ewropea

    Il-Kummissjoni se tevalwa b’mod regolari l-progress fl-implimentazzjoni tal-Iskema ta’ Taħriġ, inklużi l-azzjonijiet iddefiniti f’din il-Komunikazzjoni. B’mod partikolari se tevalwa l-miżuri żviluppati biex jipprovdu assigurazzjoni tal-kwalità u l-effettività tal-koordinazzjoni mill-Akkademja tal-Europol. Din se tirrapporta kull tliet snin lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew, bl-ewwel rapport ikun fl-2016.

    5.5.        L-aġenziji tal-UE

    Il-Frontex, l-EMCDDA, il-FRA u l-EASO għandhom ukoll rwol importanti fil-kontribut tal-għarfien espert uniku tagħhom għal tagħlim ta’ kwalità għolja u għar-riżultati mit-tagħlim għall-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi. L-aġenziji kollha għandhom jikkomunikaw regolarment bejniethom u jaħdmu biex iżidu l-effiċjenza u jiġu identifikati sinerġiji f’oqsma trasversali. Pereżempju l-uffiċjali tal-pulizija, il-gwardji tal-fruntieri u l-uffiċjali tad-dwana għandhom jaħdmu flimkien biex jiġġieldu t-traffikar tal-bnedmin. L-Akkademja tal-Europol se jkollha rwol ta’ koordinazzjoni ġenerali kif deskritt fit-taqsima 5.1.

    5.6.        Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna

    Is-SEAE, il-Kummissjoni Ewropea u l-aġenziji tal-UE jaħdmu id f’id sabiex isaħħu l-kooperazzjoni, b’attenzjoni speċjali fuq il-kapaċitajiet u t-taħriġ[29]. Meta l-missjonijiet ċivili ppjanati tal-UE jinkludu l-parteċipazzjoni ta’ uffiċjali tal-infurzar tal-liġi, l-Akkademja tal-Europol għandha tikkontribwixxi fir-rigward tal-aspetti tat-taħriġ fi stadju bikri u għandha tkun orjentata biex tiffaċilita taħriġ speċifiku addizzjonali biex tiżgura livell komuni ta’ għarfien għall-parteċipanti f’dawn il-missjonijiet. Is-SEAE għandu jiġu involut b’mod attiv f’dan il-proċess u għandhom jitiqiesu inizjattivi eżistenti bħal dawk mill-Kumitat għall-Aspetti Ċivili tal-Immaniġġjar tal-Kriżijiet (CivCom).

    6.           Konklużjoni

    Il-parteċipazzjoni sħiħa u kostruttiva tal-Istati Membri, tal-aġenziji ĠAI u tal-partijiet interessati oħra fl-UE se ttejjeb l-effikaċja tar-reazzjoni tal-UE għall-isfidi komuni fir-rigward tas-sigurtà, filwaqt li tagħmel l-aħjar użu mir-riżorsi baġitarji limitati. Dan iżid is-sensibilizzazzjoni dwar kwistjonijiet tal-UE u dawk transfruntiera li jikkonċernaw attivitajiet tal-pulizija, jiżgura r-rikonoxximent ta’ taħriġ speċjalizzat f’oqsma ta’ prijorità, iżid l-istandard ġenerali tal-attivitajiet tal-pulizija madwar l-UE, iżid il-fiduċja bejn l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi u jistimula t-trawwim ta’ kultura ta’ infurzar komuni tal-liġi. Dan isaħħaħ il-kapaċità operazzjonali tal-infurzar tal-liġi tal-UE fil-ġlieda kontra l-kriminalità transfruntiera serja u organizzata u t-terroriżmu.

    Il-Kummissjoni se ssegwi din il-komunikazzjoni f’kooperazzjoni mill-qrib, b’mod partikolari, mal-Parlament Ewropew, l-Istati Membri u l-aġenziji ĠAI.

    [1]               Filwaqt li titqies l-istrateġija tal-UE għaċ-ċibersigurtà; Komunikazzjoni konġunta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni L-Istrategija għaċ-Ċibersigurtà tal-Unjoni Ewropea: Ċiberspazju Miftuħ, Sikur u Sigur. 7.2.2013 JOIN(2013) 1finali.

    [2]               Il-Programm ta’ Stokkolma — Ewropa miftuħa u sikura għas-servizz u l-protezzjoni taċ-ċittadini, ĠU C115, 4.5.2010, p. 1.

    [3]               Ara pereżempju, ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Diċembru 2011 dwar il-Linja Politika tal-UE kontra t-Terroriżmu: il-kisbiet ewlenin u l-isfidi futuri (2010/2311 (INI)).

    [4]               Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/615/ĠAI u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/616/ĠAI, ĠU L 210, 6.08.2008, p. 1 u p. 12.

    [5]               Għaldaqstant, hija tikkomplementa l-politika tal-UE għat-taħriġ ġudizzjarju, ara Inkattru l-Fiduċja f’Ġustizzja Ewropea: dimensjoni ġdida għat-taħriġ ġudizzjarju Ewropew, COM (2011) 551 finali.

    [6]               L-Iskema Ewropea ta’ Taħriġ – l-Ippjanar tat-Taħriġ fl-Infurzar tal-Liġi fl-UE, CEPOL 2012.

    [7]               8309/1/10 REV 1 ENFOPOL 93.

    [8]               L-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1168/2011 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill Nru 2007/2004 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta’ Kooperazzjoni Operazzjonali fil-fruntieri esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea tal-25 ta’ Ottubru 2011, ĠU L 304, 22.11.2011, p. 1.

    [9]               Il-Qafas tal-Kwalifiki Settorjali għall-Gwardjani tal-Fruntieri; www.frontex.europa.eu/training.

    [10]             Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/615/ĠAI u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/616/ĠAI, ĠU L 210, 6.08.2008, p. 1 u p. 12.

    [11]             Sors: L-eżerċizzju tas-CEPOL, imsemmi fin-nota ta' qiegħ il-paġna nru 6.

    [12]             Ir-riżultati tat-tagħlim f’konformità mal-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki għat-Tagħlim tul il-Ħajja (QEK) fihom għarfien, ħiliet u kompetenzi.

    [13]             L-Eurostat – stima ta’ 1.9 m

    [14]             Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2006/960/ĠAI, ĠU L 386, 29.12.2006, p. 89.

    [15]             Il-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen tal-14 ta’ Ġunju 1985, ĠU L 239, 22.9.2000, p. 19.

    [16]             Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat-13 ta’ Ġunju 2002 fuq il-Mandat ta’ Arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ ċediment bejn l-Istati Membri, ĠU 190, 18.07.2002, p. 1.

    [17]             Ittra rogatorja hija talba formali minn qorti f’pajjiż wieħed lil "awtoritajiet ġudizzjarji xierqa" f'pajjiż ieħor, li titlob kostrinġiment ta’ xhieda, evidenza dokumentarja jew oħra, jew effett tas-servizz tal-proċess.

    [18]             Il-ftehim dwar ir-riammissjoni jirregola r-ritorn u r-riammissjoni ta’ persuni bejn żewġ stati jew aktar fi trattat ta’ dritt internazzjonali.

    [19]             Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tat-22 ta’ Novembru 2010, L-Istrateġija tas-Sigurtà Interna tal-UE fl-Azzjoni: Ħames passi lejn Ewropa aktar sikura, COM (2010) 673 finali.

    [20]             Il-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-iffissar tal-prijoritajiet tal-UE għall-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata bejn l-2011 u l-2013, 11050/11, tas-6 ta’ Ġunju 2011.

    [21]             http://www.entriforccm.eu

    [22]             Id-Dikjarazzjoni ta’ Bologna tad-19 ta’ Ġunju 1999; id-dikjarazzjoni ta’ Copenhagen mlaqqa’ fid-29 u t-30 ta’ Novembru 2002.

    [23]             Il-QEK jipprovdi qafas komuni ta’ referenza li jgħin fit-tqabbil tas-sistemi, oqfsa nazzjonali ta’ kwalifiki, u l-livelli tagħhom billi jagħmlu l-kwalifiki aktar faċli biex jinqraw u jinftiehmu madwar pajjiżi differenti u sistemi fl-Ewropa.

    [24]             Is-Sistema Ewropea għat-Trasferiment u l-Akkumulazzjoni ta’ Kredits (l-ECTS) tipprovdi proċeduri ġeneralment aċċettati u validi għar-rikonoxximent tal-kwalifiki ta’ studju miksubin minn studenti f’korsijiet barra minn pajjiżhom.

    [25]             Studju dwar l-emenda tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/681/ĠAI li tistabbilixxi attività tas-CEPOL, GHK, l-10 ta’ April 2012. Din iċ-ċifra tinkludi Kumitat Xjentifiku ġdid (EUR 90 000 fis-sena) biex jagħti parir lid-Direttur Eżekuttiv u l-Bord ta’ Ġestjoni tal-Europol, ara l-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għal Kooperazzjoni u Taħriġ fl-Infurzar tal-Liġi (Europol).

    [26]             Proposta għar-Regolament tal-Parlament Ewropew tal-Kunsill li jistabbilixxi, bħala parti mill-Fond għas-Sigurtà Interna, strument ta’ sostenn finanzjarju għall-kooperazzjoni tal-pulizija, tal-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità, u l-immaniġjar tal-kriżijiet.

    [27]             www.ec.europa.eu/esf

    [28]             Ara hawn fuq, in-nota ta' qiegħ il-paġna nru 26 dwar il-proposta għall-Fond għas-Sigurtà Interna.

    [29]             Fit-30 ta’ Novembru 2011, il-COSI ħarġet opinjoni dwar it-tisħiħ tar-relazzjonijiet bejn is-CSDP u l-atturi tal-FSJ, Dok. 17884/11 JAI 906 COSI 112.

    Top