EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013DC0165

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Lejn Unjoni Ekonomika u Monetarja Profonda u Ġenwina L-introduzzjoni ta’ Strument ta’ Konverġenza u Kompetittività

/* COM/2013/0165 final */

52013DC0165

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Lejn Unjoni Ekonomika u Monetarja Profonda u Ġenwina L-introduzzjoni ta’ Strument ta’ Konverġenza u Kompetittività /* COM/2013/0165 final */


KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Lejn Unjoni Ekonomika u Monetarja Profonda u Ġenwina L-introduzzjoni ta’ Strument ta’ Konverġenza u Kompetittività

1. Introduzzjoni

Sfond

Il-Pjan ta’ Azzjoni għal Unjoni Ekonomika u Monetarja Profonda u Ġenwina tal-Kummissjoni adottat fit-28 ta’ Novembru 2012[1] kien fih proposti għal miżuri fuq medda qasira, medja u twil ta' żmien dwar kif għandha tissaħħaħ il-kooperazzjoni u l-integrazzjoni fl-oqsma finanzjarji, fiskali, ekonomiċi u anke politiċi. Fost il-kwistjonijiet li għandhom jiġu implimentati fuq medda qasira ta' żmien biex jitlesta l-qafas ta’ governanza għal koordinazzjoni ta’ politika ekonomika b’mod ġenerali, u għall-munita unika b’mod partikulari, hemm l-“arranġamenti kuntrattwali” flimkien ma mekkaniżmu ta’ solidarjetà għal riformi strutturali nazzjonali għall-kompetittività u t-tkabbir li n-nuqqas ta’ implimentazzjoni tagħhom ikollu effett konsekwenzjali fuq Stati Membri iżda l-implimetazzjoni tagħhom teħtieġ li ssir mill-Istat Membru kkonċernat taħt stress partikulari. L-għan huwa biex l-Istati Membri li qed iħabbtu wiċċhom ma' diffikultà li tista' taffettwa ż-żona tal-euro kollha kemm hi jiġu megħjuna jwettqu r-riformi meħtieġa aktar malajr milli jkunu jistgħu waħidhom, permezz tal-Istrument ta' Konverġenza u Kompetittività (CCI) li jgħaqqad arranġament kuntrattwali ma’ mekkaniżmu għall-appoġġ finanzjarju. Abbażi tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-Kummissjoni u tar-Rapport tal-erba’ Presidenti dwar Unjoni Ekonomika u Monetarja ġenwina[2], il-Kunsill Ewropew ta’ Diċembru 2012 qabel fuq pjan direzzjonali għat-tlestija tal-UEM. Sal-Kunsill Ewropew ta’ Ġunju 2013, se titkompla l-ħidma fl-oqsma ta': koordinazzjoni tar-riforma nazzjonali, id-dimensjoni soċjali tal-UEM fosthom id-djalogu soċjali, il-fattibiltà u l-modalitajiet ta’ kuntratti miftiehma b’mod reċiproku, u mekkaniżmu ta’ solidarjetà[3]. Fir-rapport ta’ Diċembru tal-erba’ Presidenti, il-kwistjonijiet tal-arranġamenti kuntrattwali u mekkaniżmu ta’ fondi ta’ solidarjetà huma indirizzati wkoll b’mod separat.

Il-proposta tal-Kummissjoni

L-Istrument ta’ Konverġenza u Kompetittività, kif propost mill-Kummissjoni, inkluda kemm l-idea ta’ kuntratti miftiehma b’mod reċiproku kif ukoll dik ta’ mekkaniżmu ta’ solidarjetà. L-azzjoni reċiproka bejn iż-żewġ pilastri tipprovdi solidarjetà fil-forma ta’ għajnuna finanzjarja li tappoġġja aktar responsabbiltà ekonomika u dixxiplina fiskali li tkun stabbilita b’mod ċar u b’kundizzjonijiet permezz ta’ “arranġamenti kuntrattwali”. B’mod speċifiku, Strument ta’ Konverġenza u Kompetittività jkun ibbażat fuq żewġ pilastri:

· Arranġamenti kuntrattwali li jistabbilixxu l-miżuri ewlenin li Stat Membru jimpenja ruħu li jpoġġi fis-seħħ, bi skadenzi miftiehma. Dawn il-miżuri jkunu mfassla biex jimplimentaw ir-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiż miftiehma bħala parti mis-Semestru Ewropew, b'mod partikulari dawk li joħorġu mill-Proċedura ta' Żbilanċi Makroekonomiċi.

· Appoġġ finanzjarju għall-implimentazzjoni tar-riformi fl-arranġament kuntrattwali.

Din il-Komunikazzjoni tippreżenta għażliet u mistoqsijiet biex tistimula input mill-partijiet interessati dwar x’għandu jkun il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Istrument ta’ Konverġenza u Kompetittività, liema Stati Membri għandhom ikunu eliġibbli, kif għandu jkun iffinanzjat u kif għandu jidħol fis-sistema ġenerali ta’ governanza ekonomika taż-żona tal-euro u tal-UE. Il-Komunikazzjoni għandha l-għan li tindirizza dawn il-mistoqsijiet bħala parti mid-dibattitu li għaddej bħalissa bejn il-partijiet interessati ewlenin dwar il-passi li jmiss lejn it-tlestija tal-UEM, b’mod partikulari l-Parlament Ewropew, l-Istati Membri u l-parlamenti nazzjonali.

2. Strument ta’ Konverġenza u Kompetittività: arranġamenti kuntrattwali u appoġġ finanzjarju 2.1. Ir-raġuni għal Strument ta’ Konverġenza u Kompetittività

L-interdipendenza tal-Istati Membri li jipparteċipaw f’munita unika tfisser li kull Stat Membru għandu x’jitlef jekk l-Istati Membri l-oħra ma jsegwux politiki baġitarji u ekonomiċi sodi. Il-kriżi wriet li nuqqas ta’ riformi meħtieġa jew nofs miżuri fi Stat Membru wieħed jista’ jkollhom effetti negattivi fi Stati Membri oħrajn. Bħala parti mill-governanza ekonomika ġdida taż-żona tal-euro u tal-UE, hemm bżonn li niżguraw li r-riformi strutturali li huma meħtieġa biex jitneħħew dgħufijiet ewlenin f’xi ekonomiji jseħħu u jseħħu aktar kmieni milli kien il-każ riċentement. Il-Kummissjoni tarah bħala strument imfassal biex jilħaq il-ħtiġijiet speċifiċi li jiriżultaw mis-sħubija fiż-żona tal-euro. Li tintrabat f’żona b’munita unika jimplika l-ħtieġa għal riformi fil-ħin u mmirati. Għaldaqstant, jeħtieġ strument ieħor biex jippromwovi u jappoġġja r-riformi li wkoll jista’ jkollhom impatt pożittiv fuq l-oħrajn meta l-Istati Membri individwali jkunu taħt stress.

L-implimentazzjoni ambizzjuża tar-riformi strutturali mill-Istati Membri b’mod ikkoordinat, filwaqt li tqis id-dimensjoni taż-żona tal-euro, jista’ jkollha impatt aħjar fuqhom, li jikkontribwixxi għat-tkabbir sostenibbli, għall-impjiegi u għall-koeżjoni soċjali. Livelli għolja ta’ kapaċita tal-aġġustament u l-kompetittivita jipproteġu aħjar lill-Istati Membri kollha kontra l-impatt ta' tnaqqis fir-ritmu ekonomiku u jevitaw l-iżvilupp ta’ żbilanċi makroekonomiċi dannużi bil-kostijiet ekonomiċi u soċjali assoċjati tagħhom.

Il-qafas attwali ta’ sorveljanza ekonomika tal-UE diġà jipprovdi inċentivi sabiex jitwettqu riformi, pereżempju permezz tal-iffissar ta’ miri komuni li jridu jintlaħqu minn kull Stat Membru, id-dispożizzjoni regolari ta’ pariri u sorveljanza ta’ politika, l-użu ta’ pressjoni soċjali u l-iskambju tal-aħjar prattiki biex jinħoloq ambjent li jwassal għall-promozzjoni tal-konverġenza u tal-kompetittività, kif ukoll permezz ta’ miżuri aktar diretti bħal sanzjonijiet u kundizzjonalità makroekonomika.

Fil-Pjan ta’ Azzjoni tagħha, il-Kummissjoni spjegat għaliex tqis li l-qafas eżistenti għandu jikber biex jinkludi l-użu ta’ strument iddedikat li jgħin lill-Istati Membri jwettqu ċerti riformi ewlenin billi jipprovdi għajnuna finanzjarja għal miżuri ta’ sostenn sabiex jingħelbu diffikultajiet soċjali u politiċi possibbli fl-implimentazzjoni ta’ dawn ir-riformi. Filwaqt li riformi bħal dawn huma l-ewwel u qabel kollox fl-interess ta’ Stat Membru li jwettaqhom, huma wkoll fl-interess taż-żona tal-euro usa’ u l-UE: Stati Membri aktar reżiljenti jikkontribwixxu b’mod pożittiv għall-benessri tas-sħab tagħhom filwaqt li t-tidwim ta’ riformi meħtieġa minħabba impatti domestiċi negattivi fuq medda qasira ta’ żmien jista’ jkollhom effetti konsekwenzjali negattivi fuq sħabhom. Appoġġ finanzjarju għal sett ta’ riformi definit sew ikun ta’ importanza partikulari f’każijiet fejn l-iżbilanċi jippersistu minkejja adeżjoni sħiħa ma’ Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiż preċedenti indirizzati lill-Istat Membru kkonċernat.

It-tfassil tal-Istrument ta’ Konverġenza u Kompetittività jkun jinkludi salvagwardji biex jipprevjenu danni morali kkawżati mill-perċezzjoni li r-riformi jiġu ppremjati jekk isiru wara li jkunu dovuti, u dan jista' jdewwem ir-riformi sal-mument meta kienu eliġibbli għall-appoġġ finanzjarju, kif ukoll ir-riskju ta' telf deadweight li jseħħ meta jiġu pprovduti inċentivi għal riforma li setgħet ġiet implimentata anke mingħajr dak l-inċentiv. Dan il-mekkaniżmu ta’ appoġġ finanzjarju ġdid għandu jintervjeni biss biex jappoġġja riformi sinifikanti b’impatt potenzjali fuq Stati Membri oħra u ż-żona tal-euro u l-UE kollha kemm hi. Taħt dawn iċ-ċirkustanzi, ikun ta’ għajnuna jekk ikun hemm riformi li normalment ma jitwettqux, jew li ma jkunux jistgħu jitwettqu f’perjodu ta’ żmien partikulari minħabba l-kostijiet tagħhom għall-Istat Membru li jwettaqhom jew li jitwettqu biss aktar tard b'kost ogħla għall-Istat Membru u għaż-żona tal-euro usa' u l-UE.

2.2. Arranġamenti kuntrattwali

Kopertura: għażliet għall-parteċipazzjoni tal-Istati Membri

Kif ipprevediet il-Kummissjoni, l-"arranġament kuntrattwali" skont l-Istrument ta' Konverġenza u Kompetittività jibni fuq il-qafas eżistenti ta' sorveljanza tal-UE. Huwa jorbot il-pariri ta’ politika li jirriżultaw mir-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiż fis-Semestru Ewropew u l-proċess nazzjonali tal-implimentazzjoni ta’ riforma strutturali.

Mistoqsija ewlenija li għandha tiġi indirizzata hija għal liema Stati Membri għandu jitwaqqaf Strument ta’ Konverġenza u Kompetittività? Dan jista’ jinkludi l-kopertura ta’:

· L-Istati Membri kollha taż-żona tal-euro (ħlief dawk bi programm ta’ aġġustament makroekonomiku[4]).

· Għandhom ukoll jinstabu mezzi li jippermettu lill-Istati Membri li mhumiex parti miż-żona tal-euro jidħlu f’arranġament kuntrattwali b’mod partikulari fir-rigward tal-Istati Membri li jkunu qed jippreparaw għall-adeżjoni fl-euro, filwaqt li jitqies ukoll l-istadju ta’ tħejjija.

Kwistjoni ewlenija oħra li għandha tiġi indirizzata hija dwar meta jixkatta l-użu tal-Istrument ta’ Konverġenza u Kompetittività? Għażliet possibbli jinkludu:

· L-użu tal-Istrument ta’ Konverġenza u Kompetittività jkun disponibbli għall-Istati Membri parteċipanti kollha.

· L-Istrument ta’ Konverġenza u Kompetittivita jintuża meta Stat Membru parteċipanti jkun għaddej minn Proċedura ta’ Żbilanċi Makroekonomiċi. Il-parteċipazzjoni għandha tkun volontarja jew obbligatorja?

· L-użu tal-Istrument ta’ Konverġenza u Kompettittività jixkatta bi stedina mill-Kummissjoni għal Stat Membru parteċipanti.

Liema riformi għandhom jiġu koperti?

Hemm għażliet differenti għall-implimentazzjoni ta’ dan l-istrument il-ġdid skont il-kopertura magħżula. Pereżempju:

· Fil-każ ta’ parteċipazzjoni volontarja, l-Istati Membri jistgħu jippreżentaw pjan għal sett ta’ riformi konkreti bi skadenzi ċari li jibnu fuq ir-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiż rilevanti[5]. Dan jifforma l-qalba tal-arranġament kuntrattwali.

· Jekk l-istrument il-ġdid japplika għall-Istati Membri taż-żona tal-euro skont il-parti preventiva tal-proċedura ta’ żbilanċi makroekonomiċi, allura r-riformi proposti għandhom jinkludu r-rakkomandazzjonijiet maħruġa skont il-proċedura ta’ żbilanċi makroekonomiċi u, b’mod partikulari, miżuri li jindirizzaw il-kompetittività, jippromwovu l-istabbiltà finanzjarja u jtejbu l-funzjonament tas-swieq tax-xogħol, tal-prodotti u tas-servizzi u għaldaqstant l-aġġustament tal-kapaċità tal-ekonomija.

· Għall-Istati Membri taż-żona tal-euro taħt il-proċedura ta’ żbilanċi eċċessivi, sabiex jiġi evitat it-trikkib ta’ għodod ta’ sorveljanza, il-Pjan ta' Azzjoni Korrettiv (mandatorju) jissostitwixxi l-arranġament kuntrattwali. F’dan il-każ, is-CCI tħaffef il-korrezzjoni tal-iżbilanċi. Il-proċedura għall-konklużjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni Korrettiva, kif ukoll is-sistema sussegwenti tal-monitoraġġ tal-implimentazzjoni, tkun il-proċedura definita fir-Regolament (UE) Nru 1176/2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi.

Mistoqsijiet għall-konsultazzjoni:

· Għal liema Stati Membri għandu japplika l-Istrument ta’ Konverġenza u Kompetittività?

· F’liema stadju għandu jixkatta l-Istrument ta’ Konverġenza u Kompetittività?

· X’tipi ta’ riformi għandhom ikunu eliġibbli għall-appoġġ skont l-Istrument ta’ Konverġenza u Kompetittività? Għandu jkun hemm limitu f’termini ta’ daqs jew importanza tar-riformi li għandhom jiġu appoġġjati? Taqbel mal-kategoriji deskritti hawn fuq? Jekk iva, għaliex? Jekk le, għaliex?

· Tara modi oħra kif jistgħu jiġu definiti riformi li għandhom jiġu koperti skont is-sitwazzjoni tal-Istati Membri differenti li għandhom jiġu koperti mill-istrument il-ġdid?

Proċedura

F’konformità mas-sistemi ta’ monitoraġġ u sorveljanza, il-pjanijiet ta’ riforma ta’ Stat Membru jiġu vvalutati mill-Kummissjoni. Din il-valutazzjoni tiffoka b’mod speċjali fuq l-adegwatezza tal-miżuri proposti, l-isforz addizzjonali tar-riforma u sa fejn dawn jindirizzaw id-dgħufijiet ekonomiċi li jiddaħħlu fir-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiż rilevanti. Hija tħares ukoll lejn l-effetti konsekwenzjali fuq Stati Membri oħra, kif ukoll il-fattibbiltà tal-implimentazzjoni anke fid-dawl tal-iskadenzi proposti. Il-valutazzjoni tal-impatt mistenni tinkludi, fejn ikun rilevanti, l-impatt fuq is-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi u l-impatt soċjali tagħhom.

Abbażi tal-valutazzjoni tagħha, il-Kummissjoni tinnegozja d-dettalji tal-pjan mal-Istat Membru li jipproponieh qabel tagħmel proposta formali lill-Kunsill biex japprova l-arranġament kuntrattwali. Ir-riformi li għandhom jiġu appoġġjati jvarjaw skont is-sitwazzjoni speċifika tal-Istat Membru li jipproponihom – għal uħud dawn jistgħu jkunu ta’ durata qasira, għal oħrajn dawn jistgħu jieħdu diversi snin biex jimplimentawhom bis-sħiħ.

Il-Kunsill japprova (possibilment b’modifiki) l-azzjonijiet speċifiċi proposti flimkien mal-iskeda ta’ żmien miftiehma. Jekk l-Istat Membru u l-Kummissjoni ma jirnexxilhomx jilħqu ftehim, jew jekk il-Kunsill ma jaqbilx mal-arranġament, ma jkun hemm l-ebda arranġament kuntrattwali u sussegwentement l-ebda appoġġ finanzjarju.

Il-Kummissjoni tissorvelja l-implimentazzjoni tal-arranġament fuq bażi annwali bħala parti mis-Semestru Ewropew, u l-Istati Membri jirrapportaw dwar il-progress li jkun sar fil-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma tagħhom. Il-Kummissjoni tivvaluta l-progress fl-implimentazzjoni tar-riformi u tevalwa l-adegwatezza tal-pjanijiet ta’ riforma miftiehma fil-konfront tal-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni ekonomika u l-isfidi li jħabbat wiċċu magħhom l-Istat Membru. Fejn meħtieġ, kemm il-Kummissjoni kif ukoll l-Istat Membru jistgħu jipproponu bidliet fl-arranġament kuntrattwali, li jwassal għal proċess ġdid ta’ negozjar.

Peress li jista’ jkun mistenni li l-miżuri inklużi fl-arranġamenti kuntrattwali jkunu jinkludu pjanijiet maġġuri ta’ riforma ekonomika fis-sens tal-proċess ta’ koordinazzjoni ex ante previst, għandu jkun hemm rabta mill-qrib bejn iż-żewġ strumenti. Għal din ir-raġuni l-Kummissjoni qed tnied b’mod simultanju konsultazzjoni dwar koordinazzjoni ex ante ta’ riformi maġġuri ta’ politika ekonomika.

Mistoqsijiet għall-konsultazzjoni:

· Taqbel li l-arranġamenti kuntrattwali proposti għandhom ikunu nnegozjati mill-Kummissjoni mal-Istat Membru kkonċernat?

· Taqbel li dawn għandhom jiġu deċiżi mill-Kunsill?

· Taqbel li kemm il-Kummissjoni kif ukoll l-Istat Membru kkonċernat għandu jkollhom id-dritt li jipproponu bidliet għall-arranġamenti kuntrattwali miftiehma? Taħt liema ċirkustanzi?

· Taqbel li għandu jkun hemm rappurtar annwali dwar l-arranġamenti kuntrattwali permezz tas-Semestru Ewropew?

2.3. Leġittimità demokratika u responsabbiltà

Wieħed mill-għanijiet ewlenin tat-twaqqif tal-Istrument ta’ Konverġenza u Kompetittività huwa li jappoġġja lill-Istati Membri fil-proċess, li xi kultant ikun diffiċli, ta’ implimentazzjoni tar-riformi maġġuri li huma meħtieġa biex jindirizzaw id-dgħufijiet identifikati fir-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiż. Aktar involviment tal-UE fil-proċess ta’ riforma jeħtieġ involviment fil-ħin u attiv tal-parlamenti nazzjonali u partijiet interessati nazzjonali oħra.

L-Istati Membri jeħtieġu li jiżguraw impenn nazzjonali għall-implimentazzjoni tal-aranġamenti kuntrattwali billi jinvolvu l-assemblej parlamentari nazzjonali tagħhom, preferibbilment qabel is-sottomissjoni tal-pjanijiet tagħhom għal sett ta' riformi konkreti. Fiċ-ċirkustanzi kollha, il-parlamenti nazzjonali għandhom ikunu involuti qabel l-approvazzjoni tal-arranġamenti kuntrattwali mill-Kunsill. Fejn ikun xieraq, u skont in-natura speċifika tar-riformi previsti, partijiet interessati oħra bħas-sħab soċjali għandhom ikunu involuti wkoll. Fejn ikun rilevanti u xieraq, ir-rappreżentanti tal-Kummissjoni jkunu disponibbli biex jipparteċipaw fi djalogu mal-parlamenti nazzjonali dwar l-applikazzjoni tal-istrument.

Fl-iżgurar tal-leġittimità demokratika u r-responsabbiltà fil-livell tal-UE, il-Parlament Ewropew għandu jkun involut bis-sħiħ. Minħabba l-importanza tal-miżuri ta' riforma li huma mistennija li jiġu koperti mill-Istrument ta’ Konverġenza u Kompetittività għall-funzjonament tajjeb tal-UEM kollha kemm hi, ir-rappreżentanti tal-Kummissjoni jkunu disponibbli għal djalogu mal-Parlament Ewropew meta jkun hemm bżonn. Jistgħu jiġu previsti arranġamenti għal djalogu mar-rappreżentanti tal-Kunsill u l-Istati Membri.

Mistoqsijiet għall-konsultazzjoni:

· Kif għandhom ikunu involuti l-parlamenti nazzjonali f’deċiżjonijiet dwar arranġamenti kuntrattwali?

· Kif għadhom jiġu kkonsultati partijiet interessati nazzjonali oħra? Liema? F’liema stadju tal-proċess?

· Kif għandhom ikunu involuti rappreżentanti tal-Kummissjoni fi djalogu mal-parlamenti nazzjonali dwar l-arranġamenti kuntrattwali?

· Kif għandhom ikunu disponibbli rappreżentanti tal-Kunsill u tal-Istati Membri rilevanti biex jipparteċipaw fi djalogu mal-Parlament Ewropew dwar l-arranġamenti kuntrattwali? F’liema stadju tal-proċess?

3. Appoġġ finanzjarju biex jiffaċilita l-implimentazzjoni tar-riformi

Fil-Pjan ta’ Azzjoni tagħha għal UEM Profonda u Ġenwina, il-Kummissjoni tqis li se jkun meħtieġ appoġġ finanzjarju li jappoġġja l-implimentazzjoni tar-riformi strutturali. Għażla waħda hija li l-Istati Membri parteċipanti kollha jikkontribwixxu għal mekkanżimu ta’ appoġġ finanzjarju. Il-Kummissjoni qed tqis għażliet differenti, anke fir-rigward tal-obbligu ta’ kontribuzzjoni għall-mekkaniżmu l-ġdid – dan jista’ jintalab mill-Istati Membri parteċipanti kollha, huwa obbligatorju għall-Istati Membri kollha taż-żona tal-euro, irrispettivament ta’ jekk japplikawx biex jibbenefikaw minnu, eċċ. Irrispettivament tal-għażla magħżula, il-mekkaniżmu jista’ jkun ibbażat jew fuq kontribuzzjonijiet iddedikati, pereżempju abbażi ta' kodiċi tad-DNG, jew fuq id-dħul minn riżorsi finanzjarji speċifiċi ġodda ddedikati għalih. Il-Kummissjoni tipprevedi li l-mekkaniżmu jiġi inkluż fil-baġit tal-UE bħala dħul assenjat estern. Dan ifisser li ma jaqgħux taħt il-limiti stabbiliti fir-Regolament tal-QFP. Dan il-mekkaniżmu jiġi definit f’att legali ġdid li jiddefinixxi l-benefiċjarji potenzjali (pereżempju l-Istati Membri li jikkontribwixxu biss jibbenefikaw) u jawtorizza l-infiq. Il-Kummissjoni tipprevedi li d-daqs tal-mekkaniżmu jkun limitat sa mill-bidu. Dan jista’ jikber maż-żmien u bl-esperjenza jekk juri li huwa mod effettiv u kosteffiċjenti sabiex jippromwovi r-riforma. Ladarba jidħol fis-seħħ mekkaniżmu bħal dan jeħtieġ li jiġu stipulati l-modalitajiet għat-tħaddim tiegħu. Għażliet li qed jitqiesu mill-Kummissjoni jinkludu l-ħlas ta’ somma f’daqqa li għandha tiġi attribwita skont l-arranġament kuntrattwali, pereżempju permezz ta’ appoġġ baġitarju. Id-definizzjoni u l-użu tal-ammonti involuti u l-iżburżar jiddependi mill-kundizzjonijiet stretti speċifikati fl-arranġament kuntrattwali. Il-kundizzjonalità tintrabat mal-implimentazzjoni tar-riformi miftiehma, iżda mhux mal-kisba ta’ eżitu ekonomiku speċifiku ta’ dawk ir-riformi. L-appoġġ finanzjarju jsaħħaħ ukoll id-dimensjoni soċjali tal-UEM. Pereżempju, il-fondi mill-Istati Membri jistgħu jkunu mmirati lejn l-appoġġ tal-immodernizzar tas-sistemi ta’ taħriġ vokazzjonali jew aktar effettività ta’ politiki attivi tas-swieq tax-xogħol attivi iżda ma jistgħux jintrabtu direttament ma’ għadd definit ta’ nies li qed ifittxu impjieg.

L-istrument finanzjarju l-ġdid jeħtieġ li jkun konsistenti, koerenti u kumplimentarju mal-istrumenti eżistenti, bħall-Fondi Strutturali, u b’mod partikulari l-Fond Soċjali Ewropew. Il-valur miżjud ta’ dan il-mekkaniżmu finanzjarju fl-appoġġ ta’ miżuri bħal dawn ikun li jipprovdi appoġġ immirat, limitat biż-żmien u rapidu. Dan huwa importanti b’mod kruċjali fil-każ tal-kundizzjonalità makroekonomika prevista taħt il-Fondi Strutturali għall-perjodu bejn l-2014 u l-2020.

Sabiex timmassimizza l-impatt potenzjali tiegħu, il-Kummissjoni qed tikkunsidra li tipproponi li l-appoġġ finanzjarju jkun impenjat bil-quddiem fil-mument tal-approvazzjoni tal-arranġament kuntrattwali u mħallas b’pagamenti akkont regolari jew b’pagamenti akkont oħra marbuta mal-iskeda ta’ żmien miftiehma għar-riformi. L-appoġġ finanzjarju jkun ikkundizzjonat mill-implimentazzjoni sħiħa u f’waqtha tar-riformi stabbiliti fl-arranġament. Il-Kummissjoni tista’ toħroġ twissijiet jekk Stat Membru ma jissodisfax il-kuntratt billi titlob lill-Istat Membru biex jikkoreġi d-devjazzjoni, inkluż bi skeda ta’ żmien ġdida. Meta dan ma jintlaħaqx, jinżamm l-appoġġ finanzjarju. Istanzi ta’ nuqqas ta’ konformita jiġu rrapurtati fil-valutazzjoni annwali tal-Kummissjoni, u skont il-gravità tagħhom dawn jistgħu jwasslu għal sospensjoni tal-pagamenti. Arranġamenti simili japplikaw f’każijiet fejn riformi preċedentement implimentati jiġu invertiti jew fejn jittieħdu miżuri oħra li jinnegaw l-impatt tar-riformi miftiehma.

Mistoqsijiet għall-konsultazzjoni:

· Taqbel li l-Istrument ta’ Konverġenza u Kompetittività jeħtieġ strument finanzjarju ġdid?

· Taqbel li dan għandu jkun fi ħdan il-baġit tal-UE iżda mhux suġġett għal-limiti tal-QFP kif deskritt hawn fuq? Jekk le, x’tipproponi?

· Taqbel li l-mekkaniżmu finanzjarju għandu jiġi ffinanzjat minn kontribuzzjonijiet diretti minn Stati Membri? L-Istati Membri kollha taż-żona tal-euro għandu ikunu obbligati jikkontribwixxu?

· Taqbel li għandhom jiġu identifikati xi tip ta’ riżorsi finanzjarji speċifiċi biex jiffinanzjaw il-mekkaniżmu? Għandek proposti oħrajn?

· Taqbel li dawk l-Istati Membri li jikkontribwixxu għall-fond biss għandhom ikunu kapaċi jibbenefikaw minnu?

· Taqbel li n-nuqqas li timplimenta r-riformi miftiehma kif suppost jista’ jwassal għal sospensjoni tal-pagamenti?

4. Il-passi li jmiss

Abbażi ta’ diskussjoni ulterjuri mal-Parlament Ewropew u mal-Kunsill, il-Kummissjoni se tagħmel proposta leġiżlattiva fl-2013.

[1]               http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/president/news/archives/2012/11/pdf/blueprint_en.pdf

[2]               http://www.consilium.europa.eu/uedocs/cms_data/docs/pressdata/en/ec/134069.pdf

[3]               http://www.consilium.europa.eu/uedocs/cms_data/docs/pressdata/en/ec/134353.pdf, par 12.

[4]               Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ekonomika u baġitarja tal-Istati Membri li jesperjenzaw jew ikunu mhedda b'diffikultajiet gravi fir-rigward tal-istabilità finanzjarja tagħhom fiż-żona tal-euro -      http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=COM:2011:0819:FIN:MT:PDF

[5]               Adottati mill-Kunsill fil-kuntest tas-Semestru Ewropew.

Top