EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013DC0077

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL U LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Lulju 2008 li jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-akkreditament u għas-sorveljanza tas-suq relatati mal-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 339/93

/* COM/2013/077 final */

52013DC0077

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL U LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Lulju 2008 li jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-akkreditament u għas-sorveljanza tas-suq relatati mal-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 339/93 /* COM/2013/077 final */


RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL U LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW

dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Lulju 2008 li jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-akkreditament u għas-sorveljanza tas-suq relatati mal-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 339/93

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

1.           Introduzzjoni

Dan ir-rapport jagħti ħarsa ġenerali lejn l-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 765/2008 (ukoll "ir-Regolament") li jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-akkreditament u għas-sorveljanza tas-suq relatati mal-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 339/93. Dan ir-Regolament japplika mill-1 ta' Jannar 2010. L-għan ewlieni tiegħu huwa li jkun żgurat li l-prodotti fis-Suq Uniku koperti mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni jissodisfaw ir-rekwiżiti applikabbli, li jipprovdu livell għoli ta' protezzjoni tas-saħħa u tas-sigurtà u interessi pubbliċi oħra. Għal dan il-għan ir-Regolament jistabbilixxi qafas għall-akkreditament u għas-sorveljanza tas-suq.

Ir-rapport tħejja b'koperazzjoni mal-Istati Membri permezz tas-'SOGS', jiġifieri il-Grupp tal-Uffiċjali Anzjani għall-Istandardizzazzjoni u l-Istima tal-Konformità tal-Politika u l-grupp ad hoc tas-sorveljanza tas-suq imsejjaħ 'SOGS-MSG'. Dan ir-rapport jevalwa r-rilevanza tal-istima tal-konformità, l-akkreditament u l-attivitajiet ta' sorveljanza tas-suq li jirċievu finanzjament mill-Unjoni fid-dawl tar-rekwiżiti tal-politiki u l-leġiżlazzjoni tal-UE.

2.           Akkreditament

2.1.        Entitajiet nazzjonali ta' akkreditament

Ir-Regolament (KE) Nru 765/2008 jintroduċi għall-ewwel darba qafas legali għall-akkreditament. Dan japplika kemm għas-setturi volontarji kif ukoll dawk regolati. L-għan huwa li jissaħħaħ l-akkreditament bħala l-aħħar livell ta' kontroll fil-qafas tas-sistema tal-istima tal-konformità u sabiex tissaħħaħ il-fiduċja f'riżultati tal-istima tal-konformità filwaqt li jwieġeb għall-bżonnijiet tas-swieq kif ukoll tal-awtoritajiet pubbliċi.

Ir-Regolament jintroduċi numru ta' prinċipji u rekwiżiti ġenerali għall-entitajiet nazzjonali ta' akkreditament[1]. Dawn ir-rekwiżiti huma f'konformità ma' rekwiżiti aċċettati globalment stipulati fid-dispożizzjonijiet rilevanti tal-istandards internazzjonali tal-ISO/IEC, għalkemm uħud minnhom jistgħu jitqiesu bħala aktar rigorużi, li jmorru lil hinn mir-rekwiżiti stabbiliti fl-istandards applikabbli. Dan huwa l-każ tar-rekwiżiti li skonthom ikun hemm biss entità ta' akkreditament waħda għal kull Stat Membru, l-akkreditament isir bħala attività ta' awtorità pubblika, l-akkreditament jitħaddem b'bażi mhux kummerċjali u bla profitt, u l-entitajiet ta' akkreditament ma jikkompetux mal-entitajiet tal-istima tal-konformità jew bejniethom.

Sabiex jissodisfaw ir-rekwiżiti tar-Regolament, l-Istati Membri kellhom jintroduċu bidliet fis-sistemi nazzjonali tal-akkreditament tagħhom fi gradi differenti. Filwaqt li għal xi Stati Membri kienu meħtieġa biss xi bidliet jew bidliet minuri, oħrajn kellhom ibiddlu b'mod sostanzjali s-sistema nazzjonali tal-akkreditament tagħhom. F'xi każijiet, kien meħtieġ li jingħaqdu għadd ta' entitajiet ta' akkredetiment. L-Istati Membri kollha, kif ukoll il-pajjiżi tal-EFTA u t-Turkija stabbilixxew entitajiet nazzjonali ta' akkreditament[2].

Il-proċess ta' ristrutturar u adattament għar-Regolament issa huwa kważi komplut, filwaqt li l-konsolidazzjoni għadha għaddejja, u f'xi każijiet l-entitajiet nazzjonali ta' akkreditament għad iridu jissaħħu fil-kuntest nazzjonali tagħhom.

2.2.        Akkreditament transfruntieri

Ir-Regolament jipprevedi li l-entitajiet tal-istima tal-konformità għandhom jitolbu l-akkreditament fl-Istat Membru fejn huma stabbiliti. Madankollu, hemm tliet xenarji fejn entità tal-istima tal-konformità tista' tfittex akkreditament addizzjonali xi mkien ieħor:

(1) L-ewwel wieħed huwa li l-Istat Membru inkwistjoni ma jkunx waqqaf entità nazzjonali ta' akkredetiment.

(2) It-tieni xenarju huwa li l-entità nazzjonali ta' akkreditament ma twettaqx l-akkreditament għall-attività li għaliha jkun qed jitfittex l-akkreditament.

(3) It-tielet xenarju huwa dak li l-entità nazzjonali ta' akkreditament rilevanti ma jkunx irnexxielha tgħaddi mill-stima bejn il-pari.

S'issa l-ewwel xenarju ma feġġx peress li l-Istati Membri kollha waqqfu entità nazzjonali tal-akkredetiment. It-tieni u t-tielet ix-xenarji huma aktar frekwenti billi mhux kull entità nazzjonali ta' akkreditament twettaq l-ambitu kollu tal-attivitajiet.

Filwaqt li dawn id-dispożizzjonijiet dwar l-akkreditament transfruntieri wrew li kienu relattivament sempliċi, kwistjoni li fl-aħħar snin saret dejjem aktar importanti hija li dik dwar entitajiet internazzjonali tal-istima tal-konformità b'siti multipli u s-subappalt. Il-Kummissjoni, bi qbil mal-Istati Membri, adottat dokument politiku li jispjega kif l-entitajiet ta' akkreditament għandhom jipproċedu f'każijiet bħal dawn bil-għan li jevitaw akkreditamenti multipli[3]. Il-Koperazzjoni Ewropea għall-Akkreditament, l-EA (ara t-taqsima dwar l-infrastruttura tal-akkreditament), imbagħad ipprovdiet linji gwida dwar kif jitwettqu fil-prattika dawn il-prinċipji tal-politika. Jista' jkun li, wara li tkun inġabret esperjenza aħjar b'dawn il-linji gwida, l-implimentazzjoni ta' dawn il-prinċipji tal-politika jkun jeħtiġilha tiġi rfinata.

2.3.        Stima bejn il-pari

X'aktarx stima bejn il-pari hija l-aktar għodda essenzjali biex ikun żgurat li s-sistema Ewropea ta' akkreditament tilħaq l-aspettattivi li tkun żgurata l-kwalità fis-sistema Ewropea tal-istima tal-konformitа. Stima bejn il-pari li tirnexxi hija prerekwiżit għal rikonoxximent reċiproku taċ-ċertifikati ta' akkreditament.

Għalhekk, mekkaniżmu riġoruż ta' stima bejn il-pari bejn entitajiet nazzjonali ta' akkreditament huwa ċentrali biex issir implimentazzjoni tajba tar-Regolament. Dan jiżgura kontroll kontinwu tal-kwalità f'ħidmet l-entitajiet nazzjonali ta' akkreditament, filwaqt li jipprovdi wkoll proċess ta' tagħlim mhux biss ta' dawk stmati iżda wkoll tal-istimaturi. Hija l-istima bejn il-pari li tiddistingwi u tagħżel l-akkreditament bi tqabbil ma' mezzi oħra ta' stima tal-kompetenza u l-prestazzjoni ta' entitajiet tal-istima tal-konformità. L-għan li jmiss huwa li jibqa' jissaħħaħ il-proċess ta' stima bejn il-pari, tittejjeb id-disponibbiltà ta' stimaturi bejn il-pari mħarrġa u tal-esperjenza u jibqgħu jiġu armonizzati l-approċċi, partikolarment fis-settur regolat.

2.4.        Infrastruttura Ewropea ta' akkreditament

Kif imniżżel fir-Regolament, il-Kummissjoni gћarfet il-Kooperazzjoni Ewropea għall-Akkreditament (EA) bħala infrastruttura Ewropea ta' akkreditament[4]. Imbagħad din ikkonkludiet ftehim li jispeċifika l-kompiti dettaljati tal-EA, id-dispożizzjonijiet dwar il-finanzjament u d-dispożizzjonijiet dwar is-superviżjoni tiegħu.

F'April 2009, il-Kummissjoni, l-EFTA, l-Istati Membri u l-EA ffirmaw linji gwida ta' kooperazzjoni ġenerali li jenfasizzaw l-impenn politiku tagħhom biex jaħdmu flimkien mill-qrib biex tirnexxi l-implimentazzjoni tal-kapitolu tar-Regolament dwar l-akkreditament[5]. Dan jesprimi fehim komuni dwar l-importanza tal-akkreditament għall-ekonomija Ewropea kif ukoll ir-rwol li jaqdi biex jappoġġa bosta politiki Ewropej u leġislazzjoni korrispondenti. Il-linji gwida jistabbilixxu għanijiet speċifiċi tal-politika għall-akkreditament sabiex dan jilħaq l-għanijiet tiegħu espressi fir-Regolament.

F'Ġunju 2010, il-Kummissjoni u l-EA ffirmaw ftehim qafas ta' sħubija għall-perjodu bejn l-2010 u l-2014. Dan il-ftehim qafas ta' sħubija jippermetti appoġġ finanzjarju għall-EA biex twettaq ħidmietha kif previst mir-Regolament u sabiex jintlaħqu l-għanijiet dettaljati fil-linji gwida. L-attivitajiet tal-EA eliġibbli għall-finanzjament mill-UE jinkludu xogħol tekniku marbut ma' sistema ta' stima bejn il-pari, informazzjoni tal-partijiet interessati u l-parteċipazzjoni f'organizzazzjonijiet internazzjonali fil-qasam tal-akkreditament, il-tfassil u l-aġġornament tal-kontribut fil-linji gwida relatati mal-akkreditament, in-notifika ta' entitajiet tal-istima tal-konformità, l-istima tal-konformità u s-sorveljanza tas-suq, u l-attivitajiet ta' assistenza lil pajjiżi terzi[6].

Il-ftehim qafas ta' sħubija jistipula l-possibbiltà ta' għotja operattiva annwali għall-ħidma kontinwa tal-EA u s-segretarjat tagħha. Waqt li qed jinkiteb dan ir-rapport, ingħataw żewġ għotjiet operazzjonali annwali ta' EUR 375,000, jiġifieri madwar 40% tal-baġit globali tal-EA.

L-għotja appoġġat ix-xogħol marbut mal-operazzjoni u l-ġestjoni tas-sistema tal-istima bejn il-pari li fl-2010 u l-2011 inkludiet 32 stima - inklużi prestimi, ristimi, stimi inizjali u stimi straordinarji tal-entitajiet nazzjonali ta' akkreditament - u tmien esperjenzi ta' taħriġ lill-istimaturi. L-attivitajiet f'dan il-qasam jinkludu wkoll it-tnedija ta' proċess ġenerali biex tittejjeb is-sistema tal-istima bejn il-pari li tat numru ta' proposti li bħalissa qed jiġu diskussi.

Barra minn hekk, il-kumitat tal-EA għall-armonizzazzjoni orizzontali kif ukoll il-kumitati tal-laboratorju, taċ-ċertifikazzjoni u tal-ispezzjoni ħadmu biex jiżdied il-ftehim komuni dwar kif għandu jsir l-akkreditament u biex jappoġġaw l-akkreditament fis-setturi regolati rilevanti. Dan irriżulta f'għadd ta' dokumenti ta' gwida[7].

L-EA kienet ukoll attiva ħafna twettaq ħidmietha biex tipprovdi l-għarfien espert lis-servizzi differenti tal-Kummissjoni għall-inklużjoni tal-akkreditament fi proġetti leġiżlattivi jew f'termini tal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni settorjali eżistenti[8].

Barra minn hekk, l-EA ilha taħdem mal-partijiet interessati permezz tal-Bord Konsultattiv tagħha u ssodisfat l-obbligi tagħha li tipparteċipa fl-organizzazzjonijiet internazzjonali ta' akkreditament ILAC/IAF billi tieħu sehem fil-proċess tagħhom ta' stima bejn il-pari u fil-gruppi differenti ta' ħidma tagħhom. Din ħolqot ukoll relazzjonijiet konsolidati ma' pajjiżi terzi billi aċċettat l-entitajiet nazzjonali ta' akkreditament tal-EFTA u l-pajjiżi kandidati bħala membri sħaħ u billi ffirmat ftehimiet ta' assoċjazzjoni ma' entitajiet nazzjonali ta' akkreditament ta' pajjiżi li jieħdu sehem fil-Politika Ewropea tal-Viċinat. L-EA bħalissa għandha 35 membru sħiħ u 13-il membru assoċjat[9].

Minbarra għotja operazzjonali annwali, il-ftehim qafas ta' sħubija mal-EA jistipula wkoll il-possibbiltà ta' għotjiet ta' azzjoni għal proġetti speċifiċi. S'issa, ma sar l-ebda użu minn din il-possibbiltà.

Il-kooperazzjoni mal-EA tat ħafna frott kollox ma' kollox. Saru sforzi konsiderevoli biex jintlaħqu ċ-ċirkustanzi mibdula għall-akkreditament bid-dħul fis-seħħ tar-Regolament u r-rwol il-ġdid tal-EA bħala infrastruttura Ewropea ta' akkreditament f'dan il-kuntest. Il-progress li sar sa issa għandu jiġi kkonsolidat aktar biex jibqa' jittejjeb ir-rwol tal-akkreditament bħala l-aħħar livell ta' kontroll fis-sistema Ewropea tal-istima tal-konformitа. Hekk kif l-akkreditament qed jintuża dejjem aktar għall-finijiet ta' leġiżlazzjoni tal-UE, dan jista' jfisser ukoll reviżjoni tar-riżorsi u appoġġ finanzjarju disponibbli għall-EA.

2.5.        L-akkreditament bħala appoġġ ta' notifika

Ir-Regolament huwa ċar ħafna fil-preferenza tiegħu tal-akkreditament bħala l-mezz biex tintwera l-kompetenza teknika ta' entita tal-istima tal-konformità għall-finijiet ta' "notifika" skont leġiżlazzjoni speċifika, jiġifieri fl-aħħar mill-aħħar li jirrikonoxxi l-abbiltà tal-entità li tistima l-konformità tal-prodott mar-rekwiżiti ta' Regolament jew Direttiva partikolari.

L-akkreditament għandu l-benefiċċju li jkun attività trasparenti bbażata fuq l-istandards, filwaqt li l-proċess tal-istima bejn il-pari huwa fis-seħħ biex jiżgura li jinżammu livelli komparabbli ta' kwalità. Dan mhux il-każ għal notifiki li mhumiex ibbażati fuq l-akkreditament. Għalhekk il-Kummissjoni, b'kunsens mal-Istati Membri, ħarġet dokument ta' gwida dwar it-tip ta' informazzjoni li għandha tinkludi notifika mhux akkreditata[10]. Billi notifiki mhux akkreditati mhux dejjem ikunu akkumpanjati minn dokumentazzjoni xierqa u l-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom qafas ta' żmien itwal biex jagħmlu oġġezzjonijiet, f'dawn il-każijiet il-proċess ta' notifika jista' jieħu fit-tul u jsir aktar problematiku.

L-użu ta' akkreditament għall-finijiet ta' notifika huwa differenti fost l-Istati Membri u bejn is-setturi. Filwaqt li xi Stati Membri għamlu akkreditament għall-finijiet ta' notifika obbligatorju, dan mhuwiex il-każ f'oħrajn li japplikaw approċċ pjuttost imħallat. Huwa fatt li fi tmiem l-2009, qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament, minn fost 2249 notifika, 1089 ma kinux akkreditati u 1118 kienu akkreditati, filwaqt li sa Ġunju 2012 kien hemm 3106 notifika li 861 minnhom ma kinux akkreditati u 2196 kienu akkreditati. Għalhekk l-akkreditament qed jirnexxielu jaqdi r-rwol li għandu favur in-notifika. Għalhekk hija ġustifikata komunikazzjoni aktar mill-qrib bejn l-awtoritajiet nazzjonali u l-entità ta' akkreditament.

2.6.        Dokumenti ta' gwida

Il-Kummissjoni, bi qbil mal-Istati Membri, ħarġet dokumenti ta' gwida li huma stabbiliti fid-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni mehmuż.

2.7.        Sfidi

Filwaqt li r-Regolament stabbilixxa qafas legali solidu għall-akkreditament, l-isfidi ewlenin fl-implimentazzjoni tal-kapitolu tar-regolament dwar l-akkreditament għas-snin li ġejjin se jkunu biex tkun ikkonsolidata u msaħħa s-sistema kif ukoll biex titqajjem kuxjenza u jsir fehim aħjar tal-benefiċċji tal-akkreditament. Apparti minn għadd ta' kwistjonijiet ġuridiċi madwar l-akkreditament, dan se jkun jeħtieġ aktar tisħiħ tas-sistema tal-istima bejn il-pari bħala l-għodda ewlenija biex tkun żgurata kwalità kontinwa taċ-ċertifikati madwar l-UE. Barra minn hekk l-akkreditament għall-finijiet ta' notifika se jkun jeħtieġlu jingħata aktar prominenza u se jkollu jintuża b'mod iktar sistematiku fil-leġiżlazzjoni tal-UE fejn din tal-aħħar tipprovdi għall-istima tal-konformità u għall-ħatra tal-entitajiet tal-istima tal-konformità. Dan jaf ikun jeħtieġ li l-Kummissjoni u EA jiżviluppaw skemi ta' akkreditament settorjali biex jiżguraw li l-entitajiet tal-istima tal-konformità jilħqu l-livell ta' kompetenza meħtieġ mil-leġiżlazzjoni ta' armonizzazzjoni tal-Unjoni f'oqsma b'rekwiżiti speċifiċi[11].

3.           Qafas ta' sorveljanza tas-suq tal-Unjoni għall-prodotti

Din it-taqsima tiġbor fil-qosor is-sitwazzjoni tal-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ewlenin tar-Regolament (KE) Nru 765/2008 dwar l-istabbiliment ta' qafas ta' sorveljanza tas-suq għall-prodotti armonizzati kollha fis-suq uniku. Dan il-kapitolu jikkumplimenta l-informazzjoni li hemm fl-istima tal-impatt li takkumpanja l-proposti tal-Kummissjoni għal Regolament dwar is-Sigurtà tal-Prodotti għall-Konsumatur u r-Regolament dwar is-Sorveljanza tas-Suq.

3.1.        Rekwiżiti għall-organizzazzjoni tas-sorveljanza tas-suq mill-Istati Membri

Ir-Regolament jistabbilixxi rekwiżiti speċifiċi għall-organizzazzjoni tas-sorveljanza tas-suq mill-Istati Membri mill-2010 'l hawn. Imbagħad ħafna minnhom irfinaw l-istrutturi amministrattivi tagħhom u stabbilixxew soluzzjonijiet speċifiċi biex jiżguraw li jintlaħqu dawk ir-rekwiżiti. It-tweġibiet tal-Istati Membri fil-kwestjonarju dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament jistgħu jitqassru[12] kif ġej:

· Ir-responsabbiltà u l-identità tal-awtoritajiet: fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, ir-Regolament kellu bżonn biss aġġustamenti żgħar fl-attivitajiet preeżistenti tas-suq (eż. jkun stabbilit programm biex tittejjeb is-sorveljanza tas-suq) billi l-Istati Membri kienu diġà stabbilixxew il-proċeduri tagħhom tas-sorveljanza tas-suq b'leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti.

· Il-mekkaniżmi tal-komunikazzjoni u l-koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq ivarjaw fost l-Istati Membri: il-kanali tal-komunikazzjoni xi drabi jissejsu fuq ftehim informali, jew il-komunikazzjoni isir b'entità ta' koordinazzjoni għas-sorveljanza tas-suq, permezz tal-Grupp ta' Ħidma responsabbli mill-implimentazzjoni tal-Qafas Leġiżlattiv il-Ġdid jew permezz tal-Kumitat tas-Sorveljanza tas-Suq.

· Il-proċedura li għandha tiġi segwita għall-ilmenti: qabel ir-Regolament, ħafna Stati Membri diġà kellhom sistemi għall-ilmenti. Minkejja li dawn is-sistemi jiġu aġġornati fuq bażi regolari, il-maġġoranza tal-Istati Membri jindikaw li dawn jistgħu jkomplu jittejbu.

· Il-proċedura għall-monitoraġġ tal-inċidenti u d-dannu għas-saħħa: xi Stati Membri jemmnu li hemm bżonn sistema aħjar għad-dejta dwar l-inċidenti u din tista' tissejjes fuq il-Bażi tad-Dejta attwali tal-Korrimenti tal-UE.

· Tisħiħ tas-setgħat tal-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq: saru aġġustamenti minuri fl-Istati Membri billi s-setgħat tal-infurzar kienu fil-maġġorparti kompatibbli ma' dawk mitluba mir-Regolament. Xi Stati Membri kellhom jemendaw il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom biex din tkun konformi mar-Regolament (KE).

· Tisħiħ tar-riżorsi umani u finanzjarji tal-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq: ir-riżorsi finanzjarji u umani għas-sorveljanza tas-suq naqsu minħabba t-trazzin finanzjarju f'bosta Stati Membri, filwaqt li f'għadd żgħir ta' Stati Membri s'issa l-ebda aġġustamenti ewlenin ma tqiesu meħtieġa.

· Penali għall-operaturi ekonomiċi: qabel dan ir-Regolement daħal fis-seħħ, diġà kienu jeżistu penali għall-operaturi ekonomiċi li ma jkunux konformi, iżda dawn ġew emendati xi ftit f'ċerti Stati Membri minħabba l-kompetenzi l-ġodda tal-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq.

Fil-bidu tal-2010 l-Istati Membri kollha, l-Islanda u t-Turkija, infurmaw lill-Kummissjoni dwar l-awtoritàjiet tagħhom tas-sorveljanza tas-suq u l-oqsma ta' kompetenza tagħhom kif speċifikament jitlob ir-Regolament[13]. Dawn il-komunikazzjonijiet jagħtu ħarsa ġenerali tajba lejn id-distribuzzjoni tal-kompiti u r-responsabbiltajiet fil-qasam tas-sorveljanza tas-suq għal oġġetti armonizzati, inklużi d-dettalji ta' kuntatt rilevanti. Dawn ġew ippubblikati fuq il-websajt tal-Kummissjoni[14] u bla dubju jikkontribwixxu għat-trasparenza fuq l-awtoritajiet nazzjonali ta' sorveljanza tas-suq fl-UE.

3.2.        Programmi nazzjonali tas-sorveljanza tas-suq

Skont ir-Regolament[15], l-Istati Membri jridu jistabbilixxu, jimplimentaw u jaġġornaw il-programmi tagħadhom tas-sorveljanza tas-suq. Dawn għandhom jikkomunikaw ukoll il-programmi lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni u jagħmluhom aċċessibbli għall-pubbliku fuq l-internet. L-għan ta' dawn il-programmi huwa li jippermettu li l-awtoritajiet ta' pajjiżi oħra, kif ukoll iċ-ċittadini inġenerali jifhmu kif, meta, fejn u f'liema oqsma ssir sorveljanza tas-suq. Il-programmi nazzjonali mbagħad ikun fihom informazzjoni dwar l-organizzazzjoni ġenerali tas-sorveljanza tas-suq fuq livell nazzjonali (eż. mekkaniżmi ta' koordinazzjoni bejn awtoritajiet differenti, ir-riżorsi allokati lilhom, il-metodi ta' ħidma, eċċ.) u dwar oqsma speċifiċi ta' intervent (eż. il-kategoriji tal-prodotti, il-kategoriji tar-riskju, tipi ta' utenti, eċċ.).

Il-maġġoranza tal-Istati Membri kkomunikaw il-programmi nazzjonali tagħhom (ġenerali jew settorjali) u kull reviżjoni meħtieġa lill-Kummissjoni fl-2010, fl-2011 u l-2012 (ara t-Tabella 1). Fl-2012, il-Kummissjoni ppubblikat fuq il-websajt tagħha verżjoni mhux kunfidenzjali oriġinali u tradotta tal-aħħar programmi nazzjonali li waslu mingħand l-Istati Membri, l-Islanda u t-Turkija[16].

B'mod ġenerali l-istima tal-isforzi li għamlu l-Istati Membri hija pożittiva ħafna, minkejja l-fatt li xi pajjiżi kellhom jenfasizzaw aktar fuq l-informazzjoni dwar l-organizzazzjoni ġenerali tas-sorveljanza tas-suq, filwaqt li oħrajn għażlu li jagħtu preferenza lill-informazzjoni dwar l-attivitajiet tas-settur, u allura l-informazzjoni mhix dejjem komparabbli għalkollox. Iċ-ċarezza dwar kif l-Istati Membri organizzaw il-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet differenti u mad-dwana tista' tittejjeb.

Il-Kummissjoni għenet lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni ta' dawn id-dispożizzjonijiet tar-Regolament b'mod partikolari billi pproponiet qafas komuni biex jistabbilixxu l-programmi tas-settur tagħhom. Dan issa jiffaċilita ħafna l-komparabbiltà tal-informazzjoni nazzjonali f'oqsma speċifiċi ta' prodotti jew leġiżlazzjoni u bih l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq ikunu jistgħu jippjanaw kooperazzjoni transfruntiera f'oqsma ta' interess komuni.

Tabella 1: Il-Programmi Nazzjonali tas-Sorveljanza tas-Suq (NMSP) is-sitwazzjoni attali 2010-2012

Pajjiż || Tip ta' programm[17]: || 2010 || 2011 || 2012

L-Awstrija || Ġenerali u Settorjali || x || x || x

Il-Belġju || Generali* || x || x || x

Il-Bulgarija || Generali* || x || x || x

Ċipru || Ġenerali u Settorjali || x || x || x

Ir-Repubblika Ċeka || Settorjali || x || x || x

id-Danimarka || Ġenerali u Settorjali || x || x || x

L-Estonja || Ġenerali u settorjali || x || x || x

Il-Finlandja || Settorjali || x || x || x

Franza || Ġenerali u settorjali || x || x || x

Il-Ġermanja || Generali* || x || x || x

Il-Greċja || Ġenerali || x || x || x

L-Ungerija || Settorjali || x || x || x

Irlanda || Generali* || x || x || x

L-Italja || Ġenerali || x || x || x

Il-Latvja || Ġenerali u Settorjali || x || x || x

Il-Litwanja || Settorjali || x || x || x

Il-Lussemburgu || Ġenerali u Settorjali || x || x || x

Malta || Settorjali || x || x || x

Il-Pajjiżi l-Baxxi || Settorjali || x || x || x

Il-Polonja || Ġenerali u Settorjali || x || x || x

Il-Portugall || Ġenerali u Settorjali || x || x || x

Ir-Rumanija || Ġenerali u Settorjali || x || x || x

Is-Slovakkja || Ġenerali u Settorjali || x || x || x

Is-Slovenja || Ġenerali u Settorjali || x || x || x

Spanja || Settorjali || -- || x[18] || x

L-Isvezja || Ġenerali u Settorjali || x || x || x

Ir-Renju Unit || Ġenerali u Settorjali || x || x || x

Islanda || Ġenerali || x || x || x

It-Turkija || Ġenerali || x || x || x

*Il-programm ikopri wkoll xi informazzjoni dwar setturi speċifiċi, għalkemm din mhix fid-dettall

3.3.        Prodotti li jippreżentaw riskju gravi

Ir-Regolament jistabbilixxi obbligu ġenerali għall-Istati Membri biex jiżguraw li l-prodotti li x'aktarx jikkompromettu s-saħħa jew is-sigurtà tal-utenti (konsumaturi u ħaddiema) jew fi kwalunkwe każ ma jkunux konformi mar-rekwiżiti tal-prodott stabbiliti fil-leġiżlazzjoni ta' armonizzazzjoni tal-UE jiġu rtirati, ipprojbiti jew ristretti fil-provvista tagħhom[19]. Barra minn hekk, dan jistipula wkoll li meta prodotti – abbażi ta' valutazzjoni xierqa tar-riskju – jitqiesu li jippreżentaw riskju serju, l-Istati Membri għandhom ukoll jinfurmaw lill-Kummissjoni mingħajr dewmien bil-miżuri li ħadu bl-użu tas-sistema ta' informazzjoni rapida "RAPEX"[20].

L-inklużjoni fir-Regolament ta' referenza għas-sistema RAPEX għarfet l-importanza ta' dan il-mekkanizmu ta' skambju tal-informazzjoni għas-sorveljanza tas-suq fis-suq uniku u r-rabta ta' dan il-mekkaniżmu mar-Regolamenti speċifiċi għall-prodott. Ir-referenza għas-sistema RAPEX kellha wkoll l-effett li testendi l-obbligu li tibgħat in-notifiki tar-RAPEX għall-oġġetti kollha li jaqgħu fl-ambitu tal-leġiżlazzjoni ta' armonizzazzjoni tal-UE, inklużi prodotti għall-użu f'kuntest professjonali (eż. il-makkinarju industrijali) u l-prodotti li jistgħu jippreġudikaw l-interessi pubbliċi għajr is-saħħa u s-sigurtà (eż. l-ambjent, is-sikurezza, l-operat ġust tat-tranżazzjonijiet kummerċjali, eċċ.).

Din l-estensjoni tat kontribut partikolari għall-protezzjoni tal-ħaddiema[21] u l-ħarsien tal-ambjent[22], għalkemm in-numru totali ta' notifiki ġodda kien pjuttost limitat matul l-ewwel sentejn tal-implimentazzjoni tar-Regolament. Minbarra n-notifiki tar-RAPEX skont id-Direttiva dwar is-Sigurtà Ġenerali tal-Prodotti, fl-2010 l-Kummissjoni rċeviet 20 notifika skont ir-Regolament (KE) Nru 765/2008 (sebgħa minnhom jippreżentaw riskju gravi); fl-2011 irċeviet 25 notifika bħal dawn (17 minnhom jippreżentaw riskju gravi)[23]. B'mod ġenerali, disa' Stati Membri trażmettew notifiki dwar oġġetti u prodotti professjonali li jistgħu jippreġudikaw l-interessi pubbliċi għajr is-saħħa u s-sigurtà.

Xejriet aktar reċenti juru żieda fin-numru ta' komunikazzjonijiet li jaslu bħal fil-każ tal-2012 meta l-Kummissjoni vvalidat b'kollox 37 notifika ġdida, li 31 minnhom ippreżentaw riskju serju. Fl-istess perjodu beda jinnotifika Stat Membru ieħor. Dawn iċ-ċifri huma definittivament mistennija li jiżdiedu hekk kif l-Istati Membri jsiru aktar proattivi fil-qasam tal-prodotti professjonali u jaġġustaw għalkollox il-prattika tagħhom għall-ambitu usa' tar-RAPEX.

Fuq in-naħa tal-Kummissjoni l-implimentazzjoni tar-Regolament ħtieġet xi sforzi biex tkun koordinata l-kompetenza meħtieġa biex jiġu stmati notifiki ġodda u biex ikunu aġġustati l-proċeduri operattivi għas-sistema ta' ambitu usa'. It-tlestija tal-pjattaforma l-ġdida tal-IT għan-notifiki tar-RAPEX, imsejħa GRAS-RAPEX[24], kien pass kbir 'il quddiem biex jiġu trattati notifiki ġodda.

3.4.        Metodoloġija xierqa għall-valutazzjoni tar-riskju

Bħala parti mill-implimentazzjoni tar-Regolament mwettqa permezz tal-gruppi "SOGS", fl-2011 il-Kummissjoni waqqfet fl-2011 Task Force għall-Valutazzjoni tar-Riskju magħmula minn esperti tal-Istati Membri. Il-missjoni tat-task force kienet li tagħti pariri dwar il-mezzi adegwati biex issir valutazzjoni tar-riskju għal kull prodott li mhux għall-ikel u għar-riskji kollha li jaqgħu taħt il-leġiżlazzjoni ta' armonizzazzjoni. Il-Linji Gwida tar-RAPEX[25] eżistenti diġà jipprovdu metodoloġija għall-valutazzjoni tar-riskju ta' prodotti għall-konsumatur, li bla dubju tikkostitwixxi referenza importanti għall-Istati Membri. Imbagħad it-task force intalbet biex tistima: (i) jekk il-metodoloġija eżistenti, li hija l-aktar iffokata fuq il-prodotti mhux armonizzati, tistax tqis b'mod adegwat ir-rekwiżiti ġuridiċi ta' oġġetti armonizzati; (ii) kif tista' tiġi indirizzata l-ħtieġa li jiġu vvalutati r-riskji għall-interessi pubbliċi għajr is-saħħa u s-sigurtà, li din il-metodoloġija ma tqisx.

Fl-aħħar tal-proġett it-Task Force għall-Valutazzjoni tar-Riskju kkonkludiet li l-metodoloġija msemmija mil-Linji Gwida tar-RAPEX hija bażi tajba, madankollu l-adegwatezza tagħha għall-parti armonizzata għandha tittejjeb billi jiddaħħlu referenzi espliċiti għar-rekwiżiti essenzjali tal-prodott u għall-istandards armonizzati rilevanti. Barra minn hekk, il-lingwa tal-metodoloġija għandha tiġi aġġustata għal ġabra usa' ta' interessi pubbliċi billi tiffoka fuq il-kunċett ta 'ħsara' minflok dak ta' 'dannu'[26].

3.5.        Sistema ġenerali ta' appoġġ informattiv - ICSMS

Skont ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tiżviluppa u żżomm sistema ġenerali ta' arkivjar u ta' skambju tal-informazzjoni, dwar kwistjonijiet relatati ma' attivitajiet tas-sorveljanza tas-suq[27].

L-esperti tal-Kummissjoni eżaminaw l-alternattivi possibbli (tinkiseb għodda eżistenti, tiġi żviluppata għodda ġdida, eċċ.) u waslu għall-konklużjoni li l-aktar soluzzjoni xierqa hija li tinkiseb l-għodda "ICSMS" (Sistema ta' Informazzjoni u Komunikazzjoni għas-Sorveljanza tas-Suq), li hija l-unika sistema ta' informazzjoni tax-xorta tagħha li diġà titħaddem. F'dak il-mument, l-ICSMA intużat minn 12-il Stat Membru tal-UE/EFTA (l-Awstrija, il-Belġju, Ċipru, l-Estonja, il-Ġermanja, il-Lussemburgu, Malta, il-Pajjizi l-Baxxi, is-Slovenja, l-Isvezja, l-Isvizzera u r-Renju Unit) bħala mezz ta' komunikazzjoni għall-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq biex jiskambjaw informazzjoni dwar l-investigazzjonijiet ta' prodotti speċifiċi u attivitajiet relatati.

F'Novembru 2011, il-Kummissjoni qablet mal-ICSMS-AISBL (l-entità li terġa' tgħaqqad l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq fl-Istati Membri tal-UE/EFTA li jużaw l-ICSMS) u l-LUBW (l-Aġenzija għall-kejl ambjentali dipendenti fuq il-Ministeru tal-Ambjent u t-Trasport ta' Baden-Wuerttemberg li tospita fiżikament l-ICSMS) li tixtri l-ICSMS għal EUR 1 940 940. Skont il-kuntratt, l-ICSMS-AISBL u l-LUBW intrabtu li:

– jittrasferixxu l-IPRs tal-għodda ICSMS lill-Kummissjoni;

– jintegraw lill-Istati Membri li għadhom mhumiex membri tal-ICSMS u jagħtu taħriġ lill-utenti tal-pajjiżi membri ġodda fil-ICSMS. L-ewwel taħriġ ingħata f'Mejju-Ġunju 2012;

– jagħtu appoġġ u assistenza tekniċi lill-utenti kollha tal-ICSMS (inkluż il-helpdesk);

– jimmaniġġjaw l-ICSMS ta' kuljum u jiżguraw il-kwalità tas-servizz;

– jgħaddu l-għarfien tal-ICSMS lill-Kummissjoni.

Appoġġata mill-internet, l-ICSMS tippermetti skambju komprensiv tal-informazzjoni bejn l-entitajiet kollha tas-sorveljanza tas-suq. Is-sistema tippermetti li fost l-utenti tagħha jixterdu malajr u b'mod effiċjenti r-riżultati tat-testijiet, id-dejta tal-identifikazzjoni tal-prodott, l-informazzjoni dwar l-operatur ekonomiku, ritratti, il-valutazzjonijiet tar-riskju inkluża dejta dwar ir-riskju, l-informazzjoni dwar l-inċidenti, u l-miżuri li ħadu l-awtoritajiet tas-sorveljanza.

L-ICSMS tikkonsisti minn parti interna u parti pubblika. Il-parti interna jużawha l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq. Din tista' tintuża wkoll mill-awtoritajiet doganali u l-uffiċjali tal-UE. Din fiha l-informazzjoni kollha disponibbli (id-deskrizzjoni tal-prodott, ir-riżultati tat-testijiet, il-miżuri meħuda, eċċ.). Il-parti pubblika tal-websajt jużawha l-konsumaturi u l-operaturi ekonomiċi. L-informazzjoni viżibbli għall-pubbliku tagħti biss id-dejta, li tagħti r-referenzi għall-prodott u n-nuqqas ta' konformità tiegħu u mhux għal kwalunkwe dokumenti interni (jiġifieri bejn l-awtorità u l-manifattur/importatur, eċċ.).

L-ICSMA diġà ġabret ir-riżultati tat-testijiet fuq aktar minn 47 500 prodott u telenka aktar minn 650 awtorità fil-pajjiżi kollha taż-ŻEE għal aktar minn 45 direttiva. B'kollox hemm 3 600 kont tal-utent. Bl-ICSMS, l-utenti kollha interni u pubbliċi jkunu jistgħu jagħmlu tfittxija speċifika. Tfittxija tista' ssir, pereżempju, skont il-prodotti individwali, u skont ir-riżultati tat-testijiet għal gruppi kollha tal-prodott. Jistgħu jinkisbu riżultati tat-testijiet għal prodotti minn pajjiżi speċifiċi. L-informazzjoni tista' tinkiseb għal prodotti li jaqgħu taħt ċerti direttivi, notifiki skont il-klawżola ta' salvagwardja, informazzjoni dwar notifiki tar-RAPEX, għall-manifatturi, l-importaturi u n-negozjanti. L-aspetti tal-kunfidenzjalità huma protetti b'sistema ta' aċċess bl-awtorizzazzjonijiet.

Kull awtorità tas-sorveljanza tas-suq tista' ddaħħal dejta dwar prodotti investigati, li jkun għadhom mhumiex fil-bażi tad-dejta u żżid kummenti f'fajl eżistenti bl-informazzjoni dwar il-prodott, jiġifieri tista' tagħti rispons dwar l-attivitajiet tal-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq dwar il-prodotti investigati. Barra minn hekk, teżisti l-possibbiltà li r-responsabbiltà għal prodott timxi minn awtorità għal oħra (l-hekk imsejħa "baton passing") u din tintuza ferm.

Evalwazzjoni tal-kuntratt tal-ICSMS hija prematura peress li l-kuntratt ġie ffirmat f'Novembru 2011 u l-introduzzjoni tas-sistema fil-pajjiżi tal-UE li ma kien għadhom ma sarux membri għadha kemm bdiet. Madankollu, fid-dawl tal-potenzjal tal-ICSMS, il-kuntratt joffri "valur tajjeb għall-flus" għall-Kummissjoni u l-partijiet interessati konċernati kollha (l-awtoritajiet nazzjonali, il-manifatturi, iċ-ċittadini). Is-sistema ġenerali ta' appoġġ informattiv stabbilita mir-Regolament hi maħsuba biex tkun għodda tal-politika li tiffaċilita s-sorveljanza tas-suq fl-Unjoni Ewropea kollha, b'mod partikolari billi żżid l-effikaċja u l-koerenza tal-investigazzjonijiet li jsiru fuq livell nazzjonali.

Skont l-esperti li jużaw l-ICSMA, l-iskambju tal-informazzjoni dwar ir-riżultati tat-testijiet u l-investigazzjonijiet, joffri vantaġġi għall-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq bħal:

– Intervent f'waqtu: informazzjoni dwar il-prodotti mhux siguri tista' titħabbar minnufih u jistgħu jittieħdu miżuri mill-ewwel;

– Deterrenza: il-manifatturi notorji jinqabdu minn kmieni u jiġu kkastigati b'mod aktar effettiv;

– Jiġi evitat xogħol doppju: ir-riżultati tat-testijiet minn awtorità tas-sorveljanza waħda jsiru disponibbli minnufih fl-Istati Membri l-oħra kollha;

– Il-possibilità li tiġi ġġenerata statistika skont is-settur, il-prodott, eċċ.;

– Il-kopertura tal-kwistjonijiet kollha li għandhom x'jaqsmu man-nuqqas ta' konformità tal-prodotti.

Barra minn hekk, l-ICSMA tipprovdi pjattaforma indispensabbli għall-implimentazzjoni tal-politika Ewropea tas-sorveljanza tas-suq billi toħloq il-bażi għal:

– Il-koordinazzjoni ta' interventi mas-suq kollu kontra l-prodotti suspettati;

– L-elaborazzjoni tal-aqwa prattiċi, l-iskambju tal-għarfien ġenerali u l-esperjenza;

– L-adozzjoni ta' approċċ komuni għas-sorveljanza tas-suq f'pajjiżi differenti (biex b'hekk ikun evitat ix-xkiel għall-kompetizzjoni);

– Id-disponibbiltà ta' enċiklopedija bl-intelliġenza dwar is-sorveljanza tas-suq fl-UE;

– L-informazzjoni taċ-ċittadini dwar prodotti mhux konformi u d-dettalji ta' kuntatt tal-awtoritajiet kompetenti[28].

3.6.        Appoġġ għal kooperazzjoni amministrattiva

Ir-Regolament (KE) Nru 765/2008 jagħti lill-Kummissjoni il-bażi legali biex tassisti b'għajnuna finanzjarja u appoġġ lill-Istati Membri fir-rigward tal-attivatjiet tal-gruppi tal-ADCO[29] (il-Kooperazzjoni Amministrattiva dwar is-Sorveljanza tas-Suq).

L-għan ewlieni tal-gruppi tal-Kooperazzjoni Amministrattiva dwar is-Sorveljanza tas-Suq huwa li jiggarantixxu applikazzjoni uniformi u xierqa tad-dispożizzjonijiet tekniċi tad-direttivi (il-proċeduri ta' ċertifikazzjoni) u għalhekk jillimitaw l-użu mill-Istati Membri ta' restrizzjonijiet fuq it-tqegħid fis-suq ta' prodotti ċċertifikati li huma konformi.

Bħalissa hemm 20 grupp tal-ADCO. Huma jtellgħu, b'mod ġenerali, madwar 40 laqgħa fis-sena li jkopru oqsma bħall-kostruzzjoni, is-sikurezza tal-ġugarelli, l-emissjonijiet tal-istorbju, il-murtali, ir-radju u t-tagħmir tat-terminali tat-telekomunikazzjoni, il-kompatibbiltà elettromanjetika, l-apparat ta' vultaġġ baxx, it-tagħmir mediku, l-apparat u s-sistemi protettivi intiżi għall-użu f'atmosferi esplożivi, il-pressjoni u t-tagħmir tal-pressa trasportabbli, il-makkinarju, il-liftijiet, il-cableways, it-tagħmir protettiv personali, l-ekodisinn, it-tikkettar tal-enerġija, l-istrumenti tal-kejl u dawk tal-użin mhux awtomatiċi jew l-artiġjanat rikreazzjonali. Il-parteċipanti jkunu uffiċjali tal-awtoritajiet nazzjonali tas-sorveljanza tas-suq li jiżguraw ukoll il-presidenza tal-laqgħat. Il-Kummissjoni hija wkoll rappreżentata fil-gruppi.

Madankollu, ġew innotati livelli differenti ta' attendenza għal-laqgħat tal-gruppi tal-ADCO, minn setturi għal ieħor. Ir-raġuni ewlenija għal attendenza dgħajfa ta' diversi gruppi jidher li hija n-nuqqas ta' riżorsi finanzjarji għall-ivvjaġġar u l-akkomodazzjoni tar-rappreżentanti. Min-naħa l-oħra, xi awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq ma japplikawx għall-presidenza tal-grupp minħabba l-istess problema finanzjarja biex jorganizzaw il-laqgħat.

4.           Kontrolli ta' prodotti li jidħlu fis-suq tal-UE

Barra minn hekk, ir-Regolament (KE) Nru 765/2008 jistabbilixxi qafas regolatorju għal kontrolli tal-fruntieri esterni[30]. L-għan ġenerali ta' dawn id-dispożizzjonijiet huwa li jkun żgurat li l-Istati Membri jkollhom mekkaniżmi xierqa ta' kontroll fis-seħħ sabiex jivverifikaw li prodotti li joriġinaw minn pajjiżi terzi u li jidħlu fis-suq tal-UE jkunu konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni. Għal dan il-għan, ir-Regolament jistabbilixxi prinċipji bażiċi dwar l-operat tal-kontrolli tal-fruntieri esterni, dwar l-awtorizzazzjoni jew le tar-rilaxx tal-merkanzija għal ċirkolazzjoni libera u dwar il-kooperazzjoni tal-awtoritajiet kollha involuti fejn jidħlu dawn iż-żewġ kompiti. Dawn id-dispożizzjonijiet jibnu fuq ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 339/93[31], li ġie revokat mir-Regolament.

4.1.        L-implimentazzjoni mill-Istati Membri

Għalhekk l-Istati Membri implimentaw dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-kontrolli fil-fruntieri billi:

· Stabbilixxew punt waħdieni ta' kuntatt biex isiru kontrolli effettivi u effiċjenti fil-fruntieri;

· Għamlu disponibbli fondi għall-kontrolli fil-fruntieri;

· Sawru politika dwar kif għandhom isiru l-kontrolli fil-fruntieri;

· Wessgħu l-kontrolli fil-fruntieri biex dawn ikopru aktar punti tad-dħul;

· Żguraw li l-kontrolli fil-fruntieri jkunu mmirati sew u li l-faċilitazzjoni tal-kummerċ ma tintlaqatx ħażin;

· Stabbilixxew ftehimiet bil-miktub bejn l-awtoritajiet doganali u l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq biex isaħħu l-kooperazzjoni fil-qasam tal-kontrolli fil-fruntieri;

· Tejbu l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet doganali u l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq (eż. tjieb il-qsim tal-informazzjoni, żdiedet il-kooperazzjoni mal-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq f'pajjiżi terzi);

· Taw assistenza lill-uffiċjali doganali li jagħmlu l-kontrolli doganali;

· Għamlu analiżi tar-riskju jew assistew fiha;

· Armonizzaw l-azzjonijiet doganali;

· Ħarrġu lill-uffiċjali tad-dwana.

4.2.        Gwida mill-Kummissjoni

Sabiex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 765/2008, il-Kummissjoni, flimkien mal-Istati Membri, abbozzat linji gwida għal kontrolli tal-importazzjonijiet fil-qasam tas-sigurtà tal-prodotti u l-konformità tagħhom[32]. Il-linji gwida huma maħsuba li jkunu strument li jgħin lill-awtoritajiet doganali u tas-sorveljanza tas-suq biex itejbu l-metodi ta' kooperazzjoni u l-prattika amministrattiva tajba. Fl-istess ħin, il-linji gwida jiffokaw fuq mistoqsijiet prattiċi li jsiru lid-dwana meta tkun qed tagħmel kontrolli relatati mas-sigurtà tal-prodotti u l-konformità tagħhom.

Il-linji gwida fihom Parti Ġenerika u Parti Speċifika. Il-parti ġenerika hija essenzjali biex wieħed jifhem il-leġiżlazzjoni rilevanti globali applikabbli tal-UE u b'mod partikolari l-obbligi dwar kontrolli tas-sigurtà u l-konformità, u l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali rilevanti. Il-parti speċifika tal-linji gwida tagħti għodod prattiċi għall-uffiċjali tad-dwana, jiġifieri paġni b'informazzjoni u listi ta' verifika għal gruppi ta' prodotti individwali maħsuba biex jitħeffu l-kontrolli.

Il-Kummissjoni qed tikkoordina l-isforzi tal-Istati Membri biex ixerrdu u jużaw il-linji gwida fil-livell nazzjonali. Din hija involuta wkoll fi programm estensiv ta' żjarat fil-pajjiżi biex tagħti gwida mill-aktar wiesgħa lill-uffiċjali nazzjonali u biex tindirizza kwistjonijiet speċifiċi li jista' jkollhom.

Dawn l-inizjattivi kollha ġew iffinanzjati permezz tal-Programm Doganali 2013[33].

5.           Il-marka CE u l-Istima tal-Konformità

Il-Kummissjoni fil-passat għarfet li fost l-operaturi ekonomiċi, b'mod partikolari l-SMEs, kien hemm nuqqas ta' għarfien dwar xi tfisser il-marka CE. Għal din ir-raġuni, ir-Regolament (KE) Nru 765/2008 jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali li jirfdu l-marka CE. F'dan ir-rigward, fuq talba tal-Parlament Ewropew u bħala parti mill-implimentazzjoni tar-Regolament, il-Kummissjoni impenjat ruħha li tagħmel kampanja informattiva dwar il-marka CE indirizzata b'mod partikolari lill-operaturi ekonomiċi (b'attenzjoni partikolari fuq l-SMEs) iżda wkoll lill-awtoritajiet pubbliċi u lill-konsumaturi.

5.1.        Il-kampanja informattiva dwar il-marka CE

Il-kampanja informattiva dwar il-marka CE kienet maħsuba biex iżżid l-għarfien tal-partijiet interessati dwar il-marka CE. Din ġiet iffinanzjata mill-programm għall-Intraprenditorija u l-Innovazzjoni fl-2009 u b'kollox swiet EUR 2 miljun. Il-kampanja bdiet fl-ewwel kwart tal-2010 u damet sa Marzu 2012.

Ir-riżultati tal-kampanja jinkludu:

– Inħolqot websajt dedikata bil-lingwi kollha tal-UE/EFTA li sservi ta' punt waħdieni b'informazzjoni dwar il-marka CE (http://ec.europa.eu/enterprise/policies/single-market-goods/cemarking/)

– Tittella' stand fil-fieri kummerċjali[34]; seminars edukattivi fil-pajjiżi kollha tal-UE/EFTA (fil-każ tal-Isvizzera u l-Lichtenstein sar seminar wieħed għalihom it-tnejn f'salt);

– Il-produzzjoni ta' fuljetti u browxers bil-lingwi kollha tal-UE/EFTA għall-professjonisti u l-konsumaturi; il-produzzjoni ta' żewġ filmati u materjal promozzjonali; il-produzzjoni ta' factsheets li jispjegaw is-sitwazzjoni rigward il-Marka CE fis-setturi varji bil-lingwi kollha tal-UE/EFTA u għadd ta' artikli fl-istampa speċjalizzata.

Il-kampanja jidher li laħqet il-miri tagħha. Ir-rispons mis-seminars u l-fieri (l-għadd kbir ta' parteċipanti[35] u evalwazzjonijiet pożittivi li kitbu), id-domanda għolja għall-materjal informattiv[36] u l-interess qawwi fil-mezzi stampati u onlajn[37] juru li l-kampanja rnexxiet.

Barra dan, il-biċċa l-kbira tal-mistoqsijiet li qed jaslu mill-partijiet interessati dwar il-marka CE juru li l-partijiet interessati issa huma aktar familjari mat-tifsira tal-marka CE u huma aktar konxji mid-drittijiet u l-obbligi tagħhom. L-għadd ta' mistoqsijiet li kitbu l-partijiet interessati lill-Kummissjoni żdied matul il-kampanja. Il-mistoqsijiet innifishom saru aktar kumplessi u mirquma, u dan juri li żdied l-għarfien dwar il-marka CE. Barra minn hekk, il-gwida li tagħti l-websajt tnaqqas ir-riskju possibbli li jsiru żbalji jew li ma jkunx hemm fehim.

5.2.        Gwida għal-leġiżlatur settorjali u partijiet interessati oħra

L-użu tajjeb tal-marka CE jippresupponi għarfien tajjeb tal-proċeduri tal-istima tal-konformità applikabbli għal prodotti differenti. Sabiex tgħin lill-leġiżlaturi, lill-awtoritajiet nazzjonali, lill-Entitajiet ta' Akkreditament, lill-Entitajiet tal-Istima tal-Konformità, lill-operaturi u lill-partijiet interessati l-oħra jagħżlu l-proċeduri t-tajba tal-istima, il-Kummissjoni tat gwida speċifika fid-dokumenti tal-politika:

· Is-SOGS-N593 EN jew is-CERTIF 2009-03 "Orientations for selecting and implementing the modules of Decision 768/2008 and SMEs specificities in the area of conformity assessment" jagħti gwida lil-leġiżlattur settorjali dwar kif jagħzel il-moduli tal-istima tal-konformità mill-"menù" tad-Deċizjoni 768/2008/KE. Barra minn hekk, dan jagħti gwida lill-Entitajiet Notifikati li jwettqu l-istima tal-konformità. F'konformità mal-għanijiet ta' regolamentazzjoni aħjar, il-leġiżlatur irid iqis il-komplessità tal-prodott, id-daqs tal-impriżi li joperaw fis-settur indirizzat (eż. l-SMEs), it-teknoloġija inkwistjoni, ir-riskju għall-interess pubbliku, u l-massa jew in-natura serjali tal-proċess tal-produzzjoni. L-entitajiet notifikati iridu, bl-istess mod, jevitaw piż bla bżonn fuq l-operaturi ekonomiċi, filwaqt li jżommu l-livell għoli meħtieġ ta' protezzjoni tal-interess pubbliku.

· Is-SOGS-N594 EN jew is-CERTIF 2009-04 "Introduction to conformity assessment of the New Legislative Framework as laid down in Decision 768/2008" huwa indirizzat lil dawk li għadhom ġodda (il-leġiżlaturi, l-Entitajiet Notifikati, il-manifatturi) fl-istima tal-konformità. Dan jispjega x'inhi stima tal-konformità u jfisser il-mekkanizmi tagħha u r-rwol li din taqdi fil-katina tal-provvista tal-prodott. Barra minn hekk, jispjega r-rwol tal-partijiet interessati involuti u jagħti analiżi fid-dettall tal-proċeduri tal-istima tal-konformità kif definiti fid-Deċizjoni 768/2008.

· Is-SOGS N612 EN jew is-CERTIF 2009-08 "Using Harmonised Standards to assess the competence of Conformity Assessment Bodies in the context of the New Legislative Framework" huwa indirizzat l-aktar lill-Entitajiet ta' Akkreditament u jiddeskrivi għal kull modulu tal-istima tal-konformità liema fost l-Istandards Armonizzati ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jirriflettu l-kriterji li l-Entitatjiet tal-Istima tal-Konformità għandhom jissodisfaw biex jiġu nnotifikati bil-modulu inkwistjoni.

Id-dokumenti jistgħu jinstabu fuq il-websajt tal-Kummissjoni[38].

[1]               Ara l-Artikoli 4, 6 u 8 tar-Regolament.

[2]               Id-dettalji ta' kuntatt tagħhom jistgħu jinstabu fuq il-websajt tal-Kummissjoni fl-indirizz li ġej: http://ec.europa.eu/enterprise/newapproach/nando/index.cfm?fuseaction=ab.main

[3]               CERTIF 2009-06 Rev. 6.0 Attivitajiet tal-Akkreditament Transfruntieri (Ara d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni mehmuż).

[4]               Ara l-Artikolu 14 tar-Regolament.

[5]               Linji Gwida Ġenerali għall-kooperazzjoni bejn il-Kooperazzjoni Ewropea għall-Akkreditament u l-Kummissjoni Ewropea, l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles u l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali ĠU 2009/C 116/04: http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=OJ:C:2009:116:0006:0011:MT:PDF

[6]               Ara l-Artikolu 32 tar-Regolament.

[7]               http://www.european-accreditation.org/content/publications/pub.htm.

[8]               L-attivitajiet ma ġewx limitati għas-servizzi tad-Direttorat Ġenerali "Intrapriża u Industrija" iżda twessgħu għal Direttorati Ġenerali oħra (fost oħrajn, DĠ SANCO, DĠ AGRI, DĠ ENV, DĠ MOVE, DĠ CLIMA). Eżempju prim ikun il-kooperazzjoni dwar l-Akkredetiment ta' Skambju tal-Kwoti tal-Emissjonijiet (ETS) Ewropew ġdid r-Regolament dwar il-Verifiki, fejn l-EA kkooperat mill-qrib ma' DĠ ENTR u DĠ CLIMA sabiex isibu soluzzjoni li tissodisfa l-bżonnijiet ta' din il-leġiżlazzjoni. (Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 600/2012 tal-21 ta' Ġunju 2012 dwar il-verifika tar-rapporti dwar l-emissjonijiet tal-gassijiet serra u r-rapporti dwar it-tunnellati kilometri u l-akkreditazzjoni tal-verifikaturi skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Test b'relevanza għaż-ŻEE).

[9]               http://www.european-accreditation.org/content/ea/members.htm

[10]             CERTIF 2010-08 Rev. 1 Notifika mingħajr akkreditament (Art. 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 765/2008).

[11]             Ara l-Artikolu 13(3) tar-Regolament.

[12]             Ħarsa ġenerali sħiħa lejn it-tweġibiet tista' tinstab fid-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni mehmuż.

[13]             Ara l-Artikolu 17.

[14]             http://ec.europa.eu/enterprise/policies/single-market-goods/regulatory-policies-common-rules-for-products/market-surveillance-authorities/index_en.htm.

[15]             Ara l-Artikolu 18(5).

[16]             http://ec.europa.eu/enterprise/policies/single-market-goods/regulatory-policies-common-rules-for-products/national-market-surveillance-programmes/index_en.htm.

[17]             Is-sitwazzjoni tirrifletti b'mod partikolari l-approċċ segwit għall-2012.

[18]             Għal għadd limitat ta' prodotti biss.

[19]             Ara l-Artikolu 16

[20]             Ara l-Artikoli 20 u 22. Ir-RAPEX hija sistema ta' twissija diġà stabbilita skont l-Artikolu 12 tal-.

[21]             Eżempji ta' dan huma n-notifika ta' mikser tal-għalf li jintuża fl-agrikoltura u li nstab mhux konformi mad-Direttiva dwar il-Makkinarju 2006/42/KE wara li kkawża inċident fatali fil-pajjiż notifikatur, u l-bosta għodod professjonali perikolużi li nstabu li ma kinux skont id-Direttiva tal-Vultaġġ Baxx 2006/95/KE.

[22]             Eżempji ta' dan huma n-notifiki dwar bosta tagħmir protettiv tal-konsumatur u pakketti tal-ġugarelli li jkun fihom kwantità ta' kadmju li taqbeż il-limitu permess fir-Regolament REACH (KE) Nru 1907/2006 u n-notifiki dwar il-logħob tan-nar li jkun fih pollutanti organiċi persistenti.

[23]             Tista’ ssib aktar dettalji dwar dawn in-notifiki (l-Istati Membri notifikanti, il-kategoriji tal-prodott, eċċ.) fil-kapitolu 2.3 tar-Rapporti Annwali tar-RAPEX għall-2010 u l-2011, li huma disponibbli hawn: http://ec.europa.eu/consumers/safety/rapex/key_docs_en.htm.

[24]             Il-GRAS-RAPEX ħadet post l-applikazzjoni tar-RAPEX-REIS fid-29 ta' Mejju 2012. Il-pjattaforma l-ġdida tal-IT fiha funzjonalitajiet aktar avvanzati fosthom dropdown menus li bihom il-Punti ta' Kuntatt tar-RAPEX ikunu jistgħu jtellgħu informazzjoni dwar prodotti professjonali u riskji oħrajn għajr is-saħħa u s-sigurtà.

[25]             Adottati bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/15/UE tas-16 ta' Diċembru 2009, ĠU L 22, 26.1.2010, p. 1, http://ec.europa.eu/consumers/safety/rapex/docs/rapex_guid_26012010_en.pdf

[26]             Id-dokument SOGS-MSG N 031 Rev. 1 jew is-CERTIF 2012-01 Rev. 1.

[27]             Ara l-Artikolu 23 tar-Regolament.

[28]             Ara l-Artikolu 19(2).

[29]             Ara l-Artikolu 32(1)(e).

[30]             Ara l-Artikoli 27, 28 u 29.

[31]             Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 339/93 tat-8 ta' Frar 1993 dwar il-kontrolli għall-konformità mar-regoli dwar is-sigurtà tal-prodott fil-każ ta' prodotti importati minn pajjiżi terzi (ĠU L 40, 17.2.1993, p. 1).

[32]             http://ec.europa.eu/taxation_customs/resources/documents/common/publications/info_docs/ customs/product_safety/guidelines_en.pdf.

[33]             Id-Deċiżjoni 624/2007/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Mejju 2007 li tistabbilixxi programm ta' azzjoni għad-dwana fil-Komunità.

[34]             Preżenza f'dawn il-fieri: Hannover Messe 2010 (April 2010), Paris Hopital Expo (Mejju 2010), London CEDIA EXPO (Ġunju 2010), Berlin IFA (Settembru 2010), Madrid Orto Pro Care (Settembru-Ottubru 2010), Krakow Eurotool (Ottubru 2010), Nuernberg International Toy Fair (Frar 2011), Milano Fair (Jannar 2011), Hannover Cebit (Marzu 2011), Brno (ir-Repubblika Ċeka) Amper Fair (Marzu-April 2011), Hannover Messe (April 2011).

[35]             Kważi elfejn parti interessata segwew is-seminars. F'xi fieri, aktar minn elfejn persuna żaru l-istands tal-kampanja, filwaqt li aktar minn mitejn viżitatur ħadu sehem f'diskussjonijiet aktar profondi mal-persunal tal-istands.

[36]             Sittin elf kopja ta' fuljetti u browxers diġà tqassmu.

[37]             Aktar minn mija u erbgħin materjal għall-istampa/pubblikazzjoni f'rivisti, bullettini u f'siti speċjalizzati fuq l-internet.

[38]             http://ec.europa.eu/enterprise/policies/single-market-goods/documents/certif_doc_en.htm.

Top