Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013AR6402

    Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni – Il-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea

    15.4.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 114/48


    Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni – Il-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea

    2014/C 114/10

    I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA' POLITIKA

    IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

    Kummenti ġenerali

    1.

    iqis li l-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (minn issa 'l quddiem imsejjaħ “il-Fond”) huwa l-istrument ewlieni li jippermetti lill-Unjoni tirreaġixxi meta jseħħu diżastri naturali fl-Istati Membri jew pajjiżi kandidati għas-sħubija, b'turija ta' solidarjetà mal-pajjiżi, ir-reġjuni u l-komunitajiet milquta (b'konformità mal-Artikolu 222 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea);

    2.

    jinnota li fis-sura attwali tiegħu, b'mod ġenerali, il-Fond wera li hu effikaċi, iżda li l-mod kif jaħdem jista' jitjieb, speċjalment billi jiġu ssemplifikati l-proċeduri amministrattivi indispensabbli għall-mobilizzazzjoni tal-Fond sabiex jitnaqqas b'mod sinifikanti l-ammont ta' żmien li jgħaddi bejn id-diżastru u l-għoti tal-għajnuna. Ir-regoli tal-mod kif jaħdem il-Fond jistgħu jkunu aktar ċari u l-Fond innifsu jista' jkun immirat biex jindirizza aħjar il-ħtiġijiet taż-żoni milquta;

    3.

    jiddispjaċih li l-Kummissjoni Ewropea tipproponi EUR 500 miljun (prezzijiet tal-2011) għall-allokazzjoni annwali massima għall-Fond, l-istess ammont sa mill-2002, u dan jipperikola l-għajnuna li titwassal malli jseħħ diżastru mdaqqas, speċjalment issa li dawn id-diżastri qed iseħħu dejjem aktar ta' sikwit;

    Is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità

    4.

    jemmen li r-Regolament eżistenti kif ukoll l-emendi proposti huma konformi mal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità;

    Rilevanza għal-livelli lokali u reġjonali

    5.

    jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li d-diżastri naturali l-kbar ikissru l-ewwel u qabel kollox lill-komunitajiet u lir-reġjuni milqutin. Fiż-żoni milquta, ta' sikwit ħafna, iġarrbu ħsarat gravi l-infrastrutturi bażiċi kif ukoll il-wirt naturali u kulturali;

    6.

    ifakkar li l-awtoritajiet lokali u reġjonali normalment ikunu s-sidien ta' din l-infrastruttura mkissra, u li għaldaqstant huma jkunu responsabbli li jerġgħu jwaqqfuhom fuq saqajhom. Huma jridu wkoll jieħdu ħsieb is-servizzi ta' salvataġġ, il-kenn temporanju tal-persuni evakwati u t-tindif taż-żoni milquta;

    7.

    għaldaqstant huwa jqis li minkejja li l-Istati Membri jew il-pajjiżi kandidati huma l-benefiċjarji ewlenin tal-appoġġ tal-Fond, l-għajnuna mogħtija minn dan il-Fond fl-aħħar mill-aħħar tippermetti l-finanzjament ta' miżuri li jitwettqu mil-livelli reġjonali u lokali;

    8.

    jisħaq li għall-awtoritajiet reġjonali u lokali, l-aktar aspetti importanti huma r-rapidità tar-reazzjoni tal-Fond u l-possibbiltà li r-riżorsi disponibbli jiġu mmirati b'mod li jwieġbu bl-aħjar mod għal ħtiġijiet reali;

    9.

    jilqa' bi pjaċir kbir il-proposti tal-Kummissjoni li jgħinu biex l-għajnuna tal-Fond tasal aktar malajr u tkun immirata aħjar, u jissuġġerixxi xi rakkomandazzjonijiet importanti, speċjalment għall-awtoritajiet lokali u reġjonali;

    10.

    jiġbed l-attenzjoni għall-bżonn li tiġi kkunsidrata s-sitwazzjoni partikolari tar-reġjuni ultraperiferiċi, li huma iktar vulnerabbli għall-fenomeni metereoloġiċi estremi;

    Kamp ta’ applikazzjoni tal-Fond (Artikolu 2)

    11.

    jifraħ li l-kamp ta' applikazzjoni tal-Fond ġie ċċarat, għax dan inaqqas l-inċertezza legali ezistenti u b'hekk jiġi evitat li jitressqu talbiet li ma jobdux il-kundizzjonijiet;

    Il-mobilizzazzjoni tal-Fond f'każ ta' diżastru reġjonali mhux tas-soltu (Artikolu 2)

    12.

    japprova l-isforzi tal-Kummissjoni biex tissemplifika d-definizzjoni tal-kunċett ta' “diżastru reġjonali” billi ddaħħal il-kriterju tal-PDG. Din id-definizzjoni ġdida ser tiffaċilita l-valutazzjoni tat-talbiet mill-Kummissjoni Ewropea u tikkontribwixxi għat-titjib tat-trasparenza u l-effikaċja tal-Fond. Għal dawk li potenzjalment jitolbu l-għajnuna mill-Fond, ser ikun aktar faċli li jiġi valutat minn qabel jekk id-diżastru inkwistjoni jkollux dritt għall-miżuri ta' għajnuna;

    13.

    jipproponi li jitwaqqaf il-kriterju li għandu jippermetti l-klassifikazzjoni ta' diżastru bħala “diżastru naturali reġjonali” għal 1,0 % tal-PDG reġjonali għar-reġjuni fil-livell NUTS 2. Fil-fehma tal-Kumitat, dan il-kriterju għandu jirrifletti aħjar ir-rieda li, f'każ ta' diżastru naturali reġjonali, tingħata għajnuna li d-daqs tagħha ma jvarjax wisq;

    14.

    iqis li l-indikaturi kkwotati għandhom jiġu aġġustati fil-każ ta' diżastri naturali li jseħħu fi kwalunkwe waħda mill-gżejjer fir-reġjuni tal-arċipelagu, tal-livell NUTS 2, sabiex jiġi evitat li xi kunsiderazzjoni purament reġjonali twassal biex il-Fond ma jaħdimx f'każijiet bħal dawn;

    Definizzjoni ta' kriterju reġjonali għall-mobilizzazzjoni tal-Fond fil-livell NUTS 3 (Artikolu 2)

    15.

    jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li dejjem aktar ta' sikwit, id-diżastri qed jolqtu żoni li jkunu differenti ħafna mir-reġjuni fil-livell NUTS 2 (f'ċerti Stati Membri dawn jiġu definiti biss b'mod amministrattiv), u li saħansitra jaqbżu l-fruntieri ta' diversi reġjuni mmarkati bħala tali; għaldaqstant, jekk il-kriterju reġjonali ma jqisx ħlief il-limitu tar-reġjuni fil-livell NUTS 2, ikun fil-periklu li ma jkunx oġġettiv;

    16.

    jipproponi li jiddaħħal kriterju għad-diżastri reġjonali li jolqtu żoni fil-livell NUTS 3 għal każijiet fejn diversi reġjuni ġirien fil-livell NUTS 3 li jkunu ntlaqtu minn diżastru, flimkien jiffurmaw territorju li d-daqs tiegħu jilħaq il-livell tan-NUTS 2 (li jgħodd għal mill-inqas 800 000 abitant). F'dan il-każ, il-persentaġġ tal-PDG li jirriżulta jiġi kkalkulat mill-medja peżata taċ-ċifri tad-diversi reġjuni fil-livell NUTS 3;

    Diżastri naturali transkonfinali ta' natura eċċezzjonali (Artikolu 2)

    17.

    jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li minħabba n-natura transkonfinali ta' għadd kbir ta' diżastri, f'dawn il-każijiet, l-intervent tal-UE jkollu valur miżjud kbir u jagħti sinjal pożittiv ħafna liċ-ċittadini;

    18.

    jissuġġerixxi li, għad-definizzjoni tal-kunċett ta' “diżastru naturali transkonfinali ta' natura eċċezzjonali”, jintuża l-kriterju tal-livell NUTS 3 li ssemma aktar qabel, li għalih ir-reġjuni ġirien fil-livell NUTS 3 jistgħu jkunu parti minn Stati Membri differenti;

    Definizzjoni tal-miżuri eliġibbli (Artikolu 3)

    19.

    jifraħ bil-possibbiltà li jsir użu mill-Fond mhux biss għal miżuri “immedjati”, iżda anke għal dawk li huma marbutin direttament mad-diżastru, iżda li n-natura nnifisha tagħhom teħtieġ implimentazzjoni aktar fit-tul;

    20.

    jisħaq li wara d-diżastri, fil-livelli lokali u reġjonali jkun hemm bżonn ġenwin li l-infrastrutturi jerġgħu jitqajmu fuq saqajhom b'mod li jkunu jistgħu jiffaċċjaw diżastri futuri oħrajn; f'xi każijiet jista' jkun hemm bżonn li dawn l-infrastruttri jitressqu f'post aktar adegwat;

    21.

    jissuġġerixxi li l-miżuri eliġibbli tal-Fond jiġu kompletati u li tiġi inkluża l-possibbiltà li jiġi finanzjat mhux biss ir-restawr tal-infrastrutturi, iżda anke t-tħaddim mill-ġdid f'sura li tista' tilqa' aħjar għal xi diżastri naturali oħrajn. Jipproponi wkoll li mal-miżuri eliġibbli għall-Fond jiżdied ukoll iċ-ċaqliq tal-infrastrutturi li jinsabu f'post li fil-ġejjieni jista' jerġa' jkun mhedded minn diżastri naturali;

    Assistenza teknika (Artikolu 3)

    22.

    jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li għal ċerti awtoritajiet lokali u reġjonali, l-assistenza teknika esterna ta' sikwit tkun indispensabbli biex jiffaċċjaw id-diżastru u biex iwettqu sew il-miżuri marbutin mar-restawr taż-żoni milqutin;

    23.

    jipproponi li l-ispejjeż marbutin mal-assistenza teknika esterna jiġu inklużi mal-ispejjeż eliġibbli għall-Fond, u sal-ogħla livell ta' 2 % tal-kontribut totali tal-Fond;

    Skadenza għat-tressiq tat-talbiet (Artikolu 4)

    24.

    jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li t-tħejjija tat-talba mill-awtoritajiet pubbliċi tieħu ħafna żmien, speċjalment minħabba l-valutazzjoni tal-ħsarat u l-ġbir tal-elementi ta' prova għall-appoġġ tat-talba, u li din trid issir sew fl-istess żmien meta l-awtoritajiet pubbliċi jridu jieħdu l-miżuri neċessarji biex jirrimedjaw għall-konsegwenzi tad-diżastru. Id-diffikultà hija terġa' ikbar meta jkun il-każ ta' diżastru li qed jevolvi bil-mod, bħan-nixfiet, iżda anke fenomeni bħall-għargħar li xi kultant jistgħu jdumu diversi ġimgħat, u saħansitra diversi xhur. F'dan il-każ, il-ħsarat jistgħu jiġu valutati biss wara li jbattu l-ilmijiet. Għaldaqstant il-gravità tad-diżastru titkejjel aktar tard;

    25.

    għalhekk japprova l-proposta tal-Kummissjoni li tqis l-ispeċifiċitajiet tad-diżastri li jevolvu bil-mod;

    26.

    jiġbed ukoll l-attenzjoni għall-fatt li għad-diżastri naturali l-oħra, il-proposta leġislattiva żżomm id-dispożizzjonijiet eżistenti u li ma ssolvix il-problemi marbutin mat-tħejjija tat-talba f'każ ta' għargħar fuq żmien twil;

    27.

    jipproponi għalhekk li f'każ ta' għargħar fuq żmien twil, tinfetaħ il-possibbiltà li t-talba tiġi introdotta fi skadenza ta' għaxar ġimgħat mit-tmiem tad-diżastru naturali (pereżempju meta jitneħħa l-istat ta' emerġenza ddikjarat mill-Istat Membru jew l-awtorità reġjonali, eċċ.);

    Dispożizzjonijiet li jiffavorixxu l-prevenzjoni tad-diżastri (Artikolu 4)

    28.

    jaqbel mal-fehma tal-Kummissjoni Ewropea li fil-każ tad-diżastri naturali, l-adozzjoni tal-miżuri ta' prevenzjoni neċessarji hija indispensabbli u li dejjem għandu jsir sforz biex dawn jitjiebu;

    29.

    jibża' li l-obbligu li fit-talba għal informazzjoni dwar il-prevenzjoni jiġu inklużi r-riskji ta' diżastri tista' tkun piż amministrattiv żejjed, u ttawwal it-tfassil u t-trattament tat-talbiet, u dan imur kontra l-għan ewlieni, jiġifieri li jiġu ssemplifikati l-proċeduri amministrattivi għall-mobilizzazzjoni ta' dan il-Fond;

    30.

    jipproponi li fil-fażi tat-trattament tat-talba, dawk li jressqu t-talbiet jipprovdu biss deskrizzjoni qasira tal-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni Ewropea (Artikolu 4 (1)(e)), billi jitħassar l-obbligu li tiġi ppreżentata informazzjoni komplementarja (Artikolu 4 (1)(f)) għax din trid tidher fir-rapport dwar l-implimentazzjoni tal-kontribut tal-Fond;

    Possibbiltà ta' ħlas bil-quddiem (Artikolu 4(a))

    31.

    jaqbel mal-proposta tal-Kummissjoni li tiġi introdotta l-possibbiltà li jingħataw flus bil-quddiem biex il-Fond ikun jista' jirreaġixxi malajr; madankollu jissuġġerixxi li s-sistema tal-ħlas bil-quddiem tibqa' 'l barra mill-qafas finanzjarju pluriennali u mill-fondi strutturali proposti b'mod konkret;

    Titwil tal-iskadenza għall-użu tal-kontribut mill-Fond (Artikolu 8)

    32.

    jilqa' bi pjaċir l-intenzjoni tal-Kummissjoni li żżid il-pass tal-proċedura amministrattiva għall-approvazzjoni tal-finanzjament mill-Fond, sabiex l-għajnuna tasal aktar malajr għand ir-reġjuni milquta; f'dan ir-rigward, xorta waħda jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li hemm skadenza reali iqsar għall-użu tal-kontribut mill-Fond;

    33.

    jipproponi li l-iskadenza għall-użu tal-kontribut mill-Fond tittawwal għal sentejn, l-aktar minħabba raġunijiet tal-ħin li jirrikjedi r-restawr tal-infrastrutturi bażiċi, tal-obbligu li tiġi pprovduta d-dokumentazzjoni neċessarja u tar-rispett tar-regoli dwar l-akkwist pubbliku kif ukoll l-istabbiliment mill-ġdid tas-servizzi u l-provvisti essenzjali.

    Użu tal-istrumenti ta' semplifikazzjoni

    34.

    Il-korpi Ewropej u l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali tkellmu diversi drabi dwar il-bżonn li l-ġestjoni tiġi semplifikata kemm jista' jkun sabiex ikun hemm orjentazzjoni tal-prestazzjoni (1). Din is-semplifikazzjoni hemm bżonnha aktar u aktar fil-każ tal-Fond tas-Solidarjetà li jopera f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza estrema u li fost l-ispejjeż ammissibbli tiegħu hemm dawk intiżi sabiex jintlaħqu l-bżonnijiet personali immedjati. Għalhekk ikun mixtieq li jiġi permess l-użu ta' spejjeż ta' unità fin-nefqa għall-bżonnijiet tal-individwi milqutin u li mhumiex maħsuba għar-restawr tal-infrastrutturi.

    II.   RAKKOMANDAZZJONIJIET SABIEX JITRESSQU EMENDI

    Emenda 1

    Premessa 11

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda tal-KtR

    Il-Fond għandu jikkontribwixxi għar-restawr tal-infrastruttura biex terġa' tiġi tiffunzjona, għat-tindif taż-żoni milquta mid-diżastru u għall-ispejjeż tas-servizzi tas-salvataġġ u għall-akkomodazzjoni temporanja għall-popolazzjoni kkonċernata matul il-perjodu sħiħ ta' implimentazzjoni. Il-firxa ta' żmien li matulu l-akkomodazzjoni kkunsidrata temporanja għall-persuni li jkunu spiċċaw bla dar, għandu jiġi definit ukoll.

    Il-Fond għandu jikkontribwixxi għar-restawr tal-infrastruttura biex terġa' tiġi tiffunzjona jew f'sura li tista' tilqa' aħjar għal xi diżastri naturali, inkluża r-rilokazzjoni, għat-tindif taż-żoni milquta mid-diżastru u għall-ispejjeż tas-servizzi tas-salvataġġ u għall-akkomodazzjoni temporanja għall-popolazzjoni kkonċernata matul il-perjodu sħiħ ta' implimentazzjoni. Il-firxa ta' żmien li matulu l-akkomodazzjoni kkunsidrata temporanja għall-persuni li jkunu spiċċaw bla dar, għandu jiġi definit ukoll.

    Raġuni

    Tirrifletti l-emenda proposta mir-relatur għal Artikolu 3(2).

    Emenda 2

    Premessa 13

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda tal-KtR

    Għandu jiġi speċifikat ukoll li operazzjonijiet eliġibbli ma għandhomx jinkludu nefqa għal assistenza teknika.

    Għandu jiġi speċifikat ukoll li operazzjonijiet eliġibbli ma għandhomx jinkludu nefqa għal assistenza teknika.

    Raġuni

    Għal ċerti awtoritajiet lokali u reġjonali, l-assistenza teknika esterna ta' sikwit tkun indispensabbli biex jiffaċċjaw id-diżastru u biex iwettqu sew il-miżuri marbutin mar-restawr taż-żoni milqutin. Għaldaqstant il-Kumitat tar-Reġjuni jipproponi li l-ispejjeż marbutin mal-assistenza teknika esterna jiġu inklużi mal-ispejjeż eliġibbli għall-Fond, u sal-ogħla livell ta' 2 % tal-kontribut totali tal-Fond. L-emenda li qed tiġi proposta għall-Artikolu 3(5) hija marbuta ma' din l-emenda.

    Emenda 3

    Premessa 15

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda tal-KtR

    Ċerti tipi ta’ diżastri naturali, bħal nixfiet, qed jiżviluppaw fuq perjodu ta’ żmien itwal qabel ma jinħassu l-effetti diżastrużi tagħhom. Għandha ssir dispożizzjoni li tippermetti l-użu tal-Fond f’każijiet bħal dawn.

    Ċerti tipi ta’ diżastri naturali, bħal nixfiet, qed jiżviluppaw fuq perjodu ta’ żmien itwal qabel ma jinħassu l-effetti diżastrużi tagħhom. jew bħal fil-każ tal-għargħar, diżastru li jestendi fuq perjodi twal, u għalhekk g Għandha ssir dispożizzjoni li tippermetti l-użu tal-Fond f’każijiet bħal dawn.

    Raġuni

    It-tħejjija tat-talba mill-awtoritajiet pubbliċi tieħu ħafna żmien, speċjalment minħabba l-valutazzjoni tal-ħsarat u l-ġbir tal-elementi ta' prova għall-appoġġ tat-talba, u trid issir fl-istess żmien meta l-awtoritajiet pubbliċi jridu jieħdu l-miżuri neċessarji biex jirrimedjaw għall-konsegwenzi tad-diżastru. Id-diffikultà hija terġa' ikbar meta jkun il-każ ta' diżastru li qed jevolvi bil-mod, bħan-nixfiet, iżda anke fenomeni bħall-għargħar li xi kultant jistgħu jdumu diversi ġimgħat, u saħansitra diversi xhur. F'dan il-każ, il-ħsarat jistgħu jiġu valutati biss wara li jbattu l-ilmijiet u l-gravità tad-diżastru tista' titkejjel biss aktar tard. Għalkemm il-proposta għal Regolament tqis il-karatteristiċi speċifiċi tad-diżastri li jevolvu bil-mod, fil-każ tad-diżastri naturali l-oħra żżomm id-dispożizzjonijiet eżistenti u ma ssolvix il-problemi marbutin mat-tħejjija tat-talba f'każ ta' għargħar fuq żmien twil; F'dan ir-rigward qed jiġi propost li jiżdied paragrafu ġdid fl-Artikolu 4.

    Emenda 4

    Artikolu 2(3)

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda tal-KtR

    Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, “diżastru naturali reġjonali” tfisser kwalunkwe diżastru naturali li jirriżulta, f’reġjun ta’ Stat Membru jew kwalunkwe pajjiż involut fin-negozjati tal-adeżjoni mal-Unjoni fil-livell NUTS 2, involut fi ħsara diretta li taqbeż il-1,5 % tal-prodott domestiku gross (PDG). Meta d-diżastru jikkonċerna diversi reġjuni fil-livell NUTS 2, jiġi applikat il-limitu minimu tal-medja peżata tal-PDG ta’ dawk ir-reġjuni.

    Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, “diżastru naturali reġjonali” tfisser kwalunkwe diżastru naturali li jirriżulta, f’reġjun ta’ Stat Membru jew kwalunkwe pajjiż involut fin-negozjati tal-adeżjoni mal-Unjoni fil-livell NUTS 2, jew diversi reġjuni qraba immedjati fil-livell NUTS 3 li jiffurmaw flimkien territorju li jikkorrispondi għall-kriterji minimi tal-livell NUTS 2, involut fi ħsara diretta li taqbeż il-1,5 % 1 % tal-prodott domestiku gross (PDG). Meta d-diżastru jikkonċerna diversi reġjuni fil-livell NUTS 2 jew NUTS 3, jiġi applikat il-limitu minimu tal-medja peżata tal-PDG ta’ dawk ir-reġjuni.

    Raġuni

    Ir-raġuni prinċipali għalfejn il-limitu tad-diżastru naturali reġjonali ġie stabbilit għal 1,5 % kienet ix-xewqa li jinkisbu riżultati kważi identiċi għad-deċiżjonijiet li ttieħdu fil-passat abbażi ta' kriterji relattivament impreċiżi. L-applikazzjoni ta' dan il-kriterju madanakollu ma kinitx tippermetti li tingħata għajnuna fil-każ ta' żewġ diżastri naturali reġjonali fejn it-talba għall-għajnuna kienet intlaqgħet (fil-każ tal-eruzzjoni ta' vulkan fi Sqallija fl-2003 fejn l-ammont ta' ħsara tela' għal 1,36 % tal-PDG tar-reġjun u l-għargħar fid-delta tar-Rhône fl-2004 bi ħsara ta' 1,05 % tal-PDG). Limiti tant għoljin ma jippermettux garanzija tar-riżultati li jistennew li jaraw iċ-ċittadini vittmi tad-diżastri. Il-Kumitat jitlob għalhekk li jitnaqqas il-limitu għal 1 % tal-PDG.

    Fir-rigward tad-definizzjoni ta' diżastru naturali reġjonali il-proposta għal regolament tuża l-unità ta' referenza NUTS 2. Billi dejjem aktar spiss, id-diżastri qed jolqtu żoni li jvarjaw ħafna mir-reġjuni fil-livell NUTS 2 (f'ċerti Stati Membri dawn jiġu definiti biss b'mod amministrattiv) u li saħansitra jaqbżu l-fruntieri ta' diversi reġjuni mmarkati bħala tali; jekk il-kriterju reġjonali ma jqisx ħlief il-limitu tar-reġjuni fil-livell NUTS 2, ikun fil-periklu li ma jkunx oġġettiv. Hija fil-fatt ir-raġuni għalfejn il-Kumitat qed jipproponi li l-kriterju jiġi estiż għal-livell NUTS 3 u billi bosta reġjuni qraba immedjati fil-livell NUTS 3 flimkien jiffurmaw territorji b'karattersitiċi li jikkorrispondu tal-anqas għall-kriterju minimu tal-livell NUTS 2 (popolazzjoni b'minn tal-inqas 800 000 abitant). F'dan il-każ, il-persentaġġ tal-PDG li jirriżulta jiġi kkalkulat mill-medja peżata taċ-ċifri tad-diversi reġjuni differenti fil-livell NUTS 3;

    Emenda 5

    Artikolu 2, paragrafu ġdid wara l-paragrafu (3)

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda tal-KtR

     

    Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, “diżastru naturali transkonfinali” tfisser kwalunkwe diżastru naturali li jirriżulta, fit-territorju ta’ Stat Membru jew kwalunkwe pajjiż involut fin-negozjati tal-adeżjoni mal-Unjoni fil-livell ta' diversi reġjuni qraba immedjati fil-qafas tan- NUTS 3 li flimkien jiffurmaw territorji li jikkorrispondu għall-kriterju minimu tal-livell NUTS 2, fi ħsara diretta li taqbeż il-1,0 % tal-medja peżata tal-prodott domestiku gross (PDG) ta' dawn ir-reġjuni.

    Raġuni

    Bosta diżastri għandhom natura transkonfinali. F'dawn il-każijiet, l-intervent tal-UE jkollu valur miżjud kbir u jagħti sinjal pożittiv ħafna liċ-ċittadini; Huwa għalhekk li l-Kumitat tar-Reġjuni jixtieq jinkludi l-kriterju ġdid li jiddefinixxi “diżastru naturali transkonfinali” Dan il-kriterju jiġi evalwat fil-livell tar-reġjuni tan-NUTS 3 minn Stati Membri differenti jew pajjiżi li qed jinnegozjaw l-adeżjoni tagħhom mal-UE. F'dan il-każ, l-effett tad-diżastru jiġi evalwat fil-livell ta' bosta reġjuni qraba immedjati fil-livell NUTS 3 li jiffurmaw territorju li jikkorrispondi għall-kriterju li jiddefinixxi reġjun fil-livell NUTS 2 (popolazzjoni ta' mill-inqas 800 000 abitant). F'dan il-każ, il-persentaġġ tal-PDG li jirriżulta jiġi kkalkulat mill-medja peżata taċ-ċifri tad-diversi reġjuni fil-livell NUTS 3; Il-benefiċjarji jkunu l-Istati Membri li jinsabu fit-territorju li fih jinstab ir-reġjun stabbilit.

    Emenda 6

    Artikolu 2 (4)

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda tal-KtR

    L-assistenza mill-Fond tista' tkun mobilizzata wkoll għal kwalunkwe diżastru naturali fi Stat eliġibbli li huwa diżastru naturali maġġuri fi Stat Membru tal-viċinat jew pajjiż involut f'negozjati tal-adeżjoni mal-Unjoni.

    L-assistenza mill-Fond tista' tkun mobilizzata wkoll għal kwalunkwe diżastru naturali fi Stat eliġibbli li huwa diżastru naturali maġġuri jew diżastru naturali reġjonali fi Stat Membru tal-viċinat jew pajjiż involut f'negozjati tal-adeżjoni mal-Unjoni.

    Raġuni

    Il-possibblità li Stat Membru tal-viċinat jitlob kumpens għad-danni kkawżati minn “diżastru naturali maġġuri” mingħajr ma jkun eliġibbli għall-kriterji għandha tapplika wkoll għal “diżastru naturali reġjonali”. Jekk dan ma jkunx il-każ ma jkunx kompatibbli ma' dak li tirrappreżenta l-UE.

    Emenda 7

    Artikolu 3(2)

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda tal-KtR

    L-għan tal-Fond huwa li jikkumplimenta l-isforzi tal-Istati kkonċernati u li jkopri parti min-nefqa pubblika tagħhom sabiex jgħinu lill-Istat eliġibbli jwettaq l-emerġenza essenzjali u l-operazzjonijiet ta’ rkupru li ġejjin, skont it-tip ta’ diżastru:

    L-għan tal-Fond huwa li jikkumplimenta l-isforzi tal-Istati kkonċernati u li jkopri parti min-nefqa pubblika tagħhom sabiex jgħinu lill-Istat eliġibbli jwettaq l-emerġenza essenzjali u l-operazzjonijiet ta’ rkupru li ġejjin, skont it-tip ta’ diżastru:

    a)

    ir-restawr tal-infrastruttura u l-impjanti biex jerġgħu jiġu jiffunzjonaw fl-oqsma tal-enerġija, l-ilma u d-drenaġġ, it-telekomunikazzjonijiet, it-trasport, is-saħħa u l-edukazzjoni;

    b)

    il-provvediment ta’ akkomodazzjoni temporanja u l-finanzjament ta’ servizzi ta’ salvataġġ sabiex jintlaħqu l-bżonnijiet tal-popolazzjoni kkonċernata;

    c)

    l-iżgurar ta’ infrastrutturi preventivi u ta’ miżuri ta’ protezzjoni tal-wirt kulturali;

    d)

    it-tindif ta’ oqsma milquta minn diżastru, inklużi żoni naturali.

    a)

    ir-restawr tal-infrastruttura u l-impjanti biex jerġgħu jiġu jiffunzjonaw fl-oqsma tal-enerġija, l-ilma u d-drenaġġ, it-telekomunikazzjonijiet, it-trasport, is-saħħa u l-edukazzjoni;

    b)

    il-provvediment ta’ akkomodazzjoni temporanja u l-finanzjament ta’ servizzi ta’ salvataġġ sabiex jintlaħqu l-bżonnijiet tal-popolazzjoni kkonċernata;

    c)

    l-iżgurar ta’ infrastrutturi preventivi u ta’ miżuri ta’ protezzjoni tal-wirt kulturali;

    d)

    it-tindif ta’ oqsma milquta minn diżastru, inklużi żoni naturali.

     

    Għall-finijiet ta' punt (a) “ir-restawr” ifisser ħidma għal reżistenza aħjar f'każ ta' diżastri naturali inkluża l-eliminazzjoni ta' proġetti ta' infrastruttura fuq siti li fil-futur ser jisfaw mil-ġdid mhedda minn diżastru naturali.

    Għall-finijiet tal-punt (b), “akkomodazzjoni temporanja” tfisser akkomodazzjoni li ddum sakemm il-popolazzjoni kkonċernata tkun tista’ tmur lura għad-djar oriġinali tagħhom wara li jkunu ssewwew jew inbnew mill-ġdid.

    Għall-finijiet tal-punt (b), “akkomodazzjoni temporanja” tfisser akkomodazzjoni li ddum sakemm il-popolazzjoni kkonċernata tkun tista’ tmur lura għad-djar oriġinali tagħhom wara li jkunu ssewwew jew inbnew mill-ġdid.

    Raġuni

    Il-Fond jippermetti ġeneralment ir-ristawr ta' infrastruttura li ġarrbet ħsara sabiex din terġa' tieħu l-forma oriġinali tagħha. L-esperjenza tar-reġjuni tindika li l-proġetti differenti ta' infrastruttura bħat-toroq jew rabtiet ferrovjarji prinċipali li għandhom importanza sovrareġjonali għandhom jiġu spustati b'kunsiderazzjoni tal-informazzjoni l-ġdida dwar miżuri neċessarji ta' protezzjoni kontra d-diżastri. Barra minn hekk it-tiswija ta' ċerti elementi ta' infrastruttura li ġarrbet ħsara kbira bħal pontijjiet tirrikjedi investimenti li jistgħu jeliminaw ir-riskju ta' ħsara f'diżastru naturali ieħor fil-ġejjieni. Sempliċiment restawr tal-infrastruttura ikun għalhekk insuffiċjenti u kontraproduttiv.

    Emenda 8

    Artikolu 3(5)

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda tal-KtR

    L-assistenza teknika, inklużi l-immaniġġar, il-monitoraġġ, l-informazzjoni u l-komunikazzjoni, is-soluzzjoni għall-ilmenti, u l-kontroll u l-awditjar, mhijiex eliġibbli għal kontribuzzjoni mill-Fond.

    L-assistenza teknika esterna, inklużi l-immaniġġar, il-monitoraġġ, l-informazzjoni u l-komunikazzjoni, is-soluzzjoni għall-ilmenti, u l-kontroll u l-awditjar, mhijiex hija eliġibbli għal kontribuzzjoni mill-Fond sa massimu ta' 2 % tal-kontribuzzjoni totali tal-Fond.

    Raġuni

    Għal ċerti awtoritajiet lokali u reġjonali, l-assistenza teknika esterna ta' sikwit tkun indispensabbli biex jiffaċċjaw id-diżastru u biex iwettqu sew il-miżuri marbutin mar-restawr taż-żoni milqutin. Għaldaqstant il-Kumitat tar-Reġjuni jipproponi li l-ispejjeż marbutin mal-assistenza teknika esterna jiġu inklużi mal-ispejjeż eliġibbli għall-Fond, u sal-ogħla livell ta' 2 % tal-kontribuzzjoni totali tal-Fond.

    Emenda 9

    Artikolu 4(1)

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda tal-KtR

    Malajr kemm jista’ jkun u mhux iktar tard minn għaxar ġimgħat wara l-ewwel okkorrenza tal-ħsara bħala konsegwenza ta’ diżastru naturali, Stat Membru jista’ jissottometti applikazzjoni għal kontribuzzjoni mill-Fond lill-Kummissjoni u jipprovdi l-informazzjoni disponibbli kollha dwar, mill-inqas:

    a)

    il-ħsara diretta totali kkawżata mid-diżastru u l-impatt fuq il-popolazzjoni, l-ekonomija u l-ambjent ikkonċernati;

    b)

    l-ispiża stmata tal-operazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 3(2);

    c)

    kwalunkwe sors ieħor ta’ finanzjament tal-Unjoni;

    d)

    kwalunkwe sors ieħor ta’ finanzjament nazzjonali jew internazzjonali, inkluża kopertura tal-assigurazzjoni pubblika u privata li tista’ tikkontribwixxi

    għall-ispejjeż tat-tiswija tal-ħsara;

    e)

    l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-prevenzjoni ta’ riskju ta’ diżastru u mmaniġġar relatat għan-natura tad-diżastru;

    f)

    kwalunkwe informazzjoni rilevanti oħra dwar il-miżuri ta’ prevenzjoni u mitigazzjoni li jkunu ttieħdu b’relazzjoni għan-natura tad-diżastru.

    Malajr kemm jista’ jkun u mhux iktar tard minn għaxar ġimgħat wara l-ewwel okkorrenza tal-ħsara bħala konsegwenza ta’ diżastru naturali, Stat Membru jista’ jissottometti applikazzjoni għal kontribuzzjoni mill-Fond lill-Kummissjoni u jipprovdi l-informazzjoni disponibbli kollha dwar, mill-inqas:

    a)

    il-ħsara diretta totali kkawżata mid-diżastru u l-impatt fuq il-popolazzjoni, l-ekonomija u l-ambjent ikkonċernati;

    b)

    l-ispiża stmata tal-operazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 3(2);

    c)

    kwalunkwe sors ieħor ta’ finanzjament tal-Unjoni;

    d)

    kwalunkwe sors ieħor ta’ finanzjament nazzjonali jew internazzjonali, inkluża kopertura tal-assigurazzjoni pubblika u privata li tista’ tikkontribwixxi

    għall-ispejjeż tat-tiswija tal-ħsara;

    e)

    deskrizzjoni qasira tal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-prevenzjoni ta’ riskju ta’ diżastru u mmaniġġar relatat għan-natura tad-diżastru;

    f)

    kwalunkwe informazzjoni rilevanti oħra dwar il-miżuri ta’ prevenzjoni u mitigazzjoni li jkunu ttieħdu b’relazzjoni għan-natura tad-diżastru.

    Raġuni

    L-obbligu li fit-talba għal informazzjoni dwar il-prevenzjoni jiġu inklużi r-riskji ta' diżastri tista' tkun piż amministrattiv żejjed, u ttawwal it-tfassil u t-trattament tat-talbiet, u dan imur kontra l-għan ewlieni jiġifieri li jiġu ssemplifikati l-proċeduri amministrattivi għall-mobilizzazzjoni ta' dan il-Fond; Il-Kumitat tar-Reġjuni jissuġġerixxi għalhekk li jinżamm punt e) tal-artikolu 4 iżda li tintalab biss deskrizzjoni qasira tal-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni Ewropea u li jitħassar punt f) tal-istess artikolu billi l-istess informazzjoni għandha tidher fir-rapport dwar l-implimentazzjoni tal-kontribuzzjoni tal-Fond (Artikolu 8(3)).

    Emenda 10

    Artikolu 4, paragrafu ġdid wara l-paragrafu (3)

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda tal-KtR

     

    Għad-diżastri naturali fuq żmien twil (bħall-għargħar) il-limitu ta' għaxar ġimgħat previst għat-tressiq tat-talba msemmija fl-ewwel paragrafu jibda jgħodd dakinhar li l-awtoritajiet pubbliċi tal-Istat eliġibbli jwaqqfu t-theddida tad-diżastru naturali (pereżempju meta jitneħħa l-istat ta' emerġenza dikjarat mill-Istati Membri jew mill-awtorità reġjonali eċċ).

    Raġuni

    It-tħejjija tat-talba mill-awtoritajiet pubbliċi tieħu ħafna żmien, speċjalment minħabba l-valutazzjoni tal-ħsarat u l-ġbir tal-elementi ta' prova għall-appoġġ tat-talba, u din trid issir sew fl-istess żmien meta l-awtoritajiet pubbliċi jridu jieħdu l-miżuri neċessarji biex jirrimedjaw għall-konsegwenzi tad-diżastru. Id-diffikultà tiżdied fil-każ ta' għargħar li jista' jtawwal fuq bosta ġimgħat jew xhur. F'dan il-każ, il-ħsarat jistgħu jiġu valutati biss wara li jbattu l-ilmijiet. Għaldaqstant il-gravità tad-diżastru tista' titkejjel biss aktar tard. Għalkemm il-proposta għal Regolament tqis il-karatteristiċi speċifiċi tad-diżastru li jevolvu bil-mod, fil-każ tad-diżastri naturali l-oħra żżomm id-dispożizzjonijiet eżistenti u ma ssolvix il-problemi marbutin mat-tħejjija tat-talba f'każ ta' għargħar fuq żmien twil;

    Il-Kumitat jipproponi għalhekk li f'każ ta' għargħar fuq żmien twil, tinfetaħ il-possibbiltà li t-talba tiġi introdotta fi skadenza ta' għaxar ġimgħat mit-tmiem tad-diżastru naturali (pereżempju meta jitneħħa l-istat ta' emerġenza ddikjarat mill-Istat Membru jew l-awtorità reġjonali, eċċ.);

    Emenda 11

    Artikolu 8(1)

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda tal-KtR

    Il-kontribuzzjoni mill-Fond għandha tintuża fi żmien sena mid-data li fiha l-Kummissjoni tkun ħallset l-ammont sħiħ ta’ assistenza. Kwalunkwe parti tal-kontribuzzjoni li tibqa’ ma tintużax sa dik l-iskadenza jew jinstab li tintuża għal operazzjonijiet mhux eliġibbli, jiġu rkuprati mill-Kummissjoni mill-Istat benefiċjarju.

    Il-kontribuzzjoni mill-Fond għandha tintuża fi żmien sena sentejn mid-data li fiha l-Kummissjoni tkun ħallset l-ammont sħiħ ta’ assistenza. Kwalunkwe parti tal-kontribuzzjoni li tibqa’ ma tintużax sa dik l-iskadenza jew jinstab li tintuża għal operazzjonijiet mhux eliġibbli, jiġu rkuprati mill-Kummissjoni mill-Istat benefiċjarju.

    Raġuni

    Jekk titħaffef il-proċedura amministrattiva tal-approvazzjoni tal-intervent tal-Fond ir-reġjuni ser jirċievu l-għajnuna iktar malajr. Jeħtieġ madanakollu li nenfasizzaw li hemm limitu reali iqsar għall-użu tal-kontribuzzjoni mill-Fond. Il-Kumitat tar-Reġjuni jipproponi li l-iskadenza għall-użu tal-kontribuzzjoni mill-Fond tittawwal għal sentejn, l-aktar minħabba raġunijiet tal-ħin li jirrikjedi r-restawr tal-infrastrutturi bażiċi, tal-obbligu li tiġi pprovduta d-dokumentazzjoni neċessarja u tar-rispett tar-regoli dwar l-akkwist pubbliku.

    Brussell, 28 ta' Novembru 2013

    Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

    Ramón Luis VALCÁRCEL SISO


    (1)  Fost affarijiet oħra, l-Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Rakkomandazzjonijiet għal infiq aħjar”. Ottubru 2013.


    Top