EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013AR5280

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni – Strateġiji għall-Integrazzjoni tar-Rom

ĠU C 114, 15.4.2014, p. 73–78 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

15.4.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 114/73


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni – Strateġiji għall-Integrazzjoni tar-Rom

2014/C 114/12

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA' POLITIKA

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Kummenti ġenerali: il-promozzjoni tal-integrazzjoni u l-indirizzar tad-diskriminazzjoni

1.

jilqa' l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bħala evidenza konkreta tal-impenn tal-UE biex tippromovi l-integrazzjoni tal-komunitajiet tar-Rom (1) u tiġġieled id-diskriminazzjoni li jiffaċċjaw ta' spiss permezz ta' strateġiji nazzjonali għall-integrazzjoni tagħhom;

2.

ifakkar li b'popolazzjoni stmata ta' bejn 10 u 12-il miljun persuna fl-Ewropa (li sitt miljuni minnhom jgħixu fl-UE), ir-Rom huma l-akbar minoranza etnika fl-Ewropa. Ħafna mir-Rom huma ċittadini tal-UE;

3.

id-daqs u s-sitwazzjoni soċjali u ekonomika tal-popolazzjoni tar-Rom huma differenti f'kull reġjun u Stat Membru; għaldaqstant, l-approċċi nazzjonali għall-inklużjoni tar-Rom għandhom jitfasslu skont iċ-ċirkostanzi u l-ħtiġijiet speċifiċi fil-post, inkluż billi jiġu adottati jew ikomplu jintużaw politiki li jindirizzaw lill-gruppi emarġinati u żvantaġġati, bħar-Rom, f'kuntest usa';

4.

jemmen li l-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri għandhom ir-responsabbiltà konġunta li jtejbu l-integrazzjoni u l-inklużjoni soċjali tar-Rom. Ifakkar li l-fatt li jiġu indirizzati d-diskriminazzjoni, il-preġudizzji u l-esklużjoni soċjali li jiffaċċjaw ir-Rom hu obbligu stabbilit fit-Trattat u rekwiżit legali (2), fis-sens li tiġi miġġielda d-diskriminazzjoni bbażata fuq ir-razza jew l-oriġini etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabbiltà, l-età, is-sess jew l-orjentazzjoni sesswali. Għalhekk jikkundanna bis-sħiħ kull tip ta' diskriminazzjoni kontra l-komunitajiet tar-Rom;

5.

jinnota li l-politiki nazzjonali, li ġustament huma maħsuba biex jippromovu r-rispett tal-prinċipju tal-istat tad-dritt fost il-popolazzjonijiet tar-Rom, fl-ebda każ ma jistgħu jipperikolaw jew saħansittra jinnegaw lill-membri tagħhom, bħala ċittadini ta' Stat Membru (mhux apolidi), id-dritt taċ-ċittadinanza Ewropea; jikkundanna l-użu ta' proċeduri ġeneralizzati ta' espuljoni maħsuba biex jeskludu l-akkoljenza tar-Rom mingħajr raġuni tajba u jirrifjutaw kull tentattiv ta' integrazzjoni; jistieden lill-UE tiċċara s-sitwazzjoni f'dan ir-rigward;

6.

jikkundanna l-istereotipi u l-aċċess limitat għas-servizzi pubbliċi minħabba l-idea ta' differenzi kulturali. Itenni l-appoġġ tiegħu għall-isforzi tal-Kummissjoni biex tindirizza l-problemi li jiffaċċjaw il-komunitajiet tar-Rom bħall-faqar, l-ostakli fis-suq tax-xogħol u l-aċċess għad-djar u l-kura tas-saħħa, billi tiffoka fuq il-prekundizzjonijiet meħtieġa għall-implimentazzjoni b'suċċess tal-istrateġiji għall-integrazzjoni. Peress li dawn il-problemi għadhom ma ġewx solvuti b'mod adegwat, jirrakkomanda li dawn l-isforzi jiġu msaħħa, anke billi jingħataw aktar responsabilitajiet lill-awtoritajiet lokali u reġjonali;

7.

jisħaq li l-integrazzjoni hija proċess miż-żewġ naħat. F'dan ir-rigward, l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw ir-Rom għandhom jinformaw lis-soċjetajiet tar-Rom dwar il-benefiċċji li jistgħu jiksbu jekk jintegraw ruħhom tajjeb fil-pajjiż li jospitahom kif ukoll l-obbligi tagħhom li jirriżultaw mill-fatt li jirrisjedu f'pajjiż;

8.

jappoġġja l-fatt li l-Kummissjoni tagħti prijorità lil diversi prekundizzjonijiet strutturali li huma importanti għall-implimentazzjoni b'suċċess tal-istrateġiji għall-integrazzjoni, b'mod partikolari l-kooperazzjoni aktar mill-qrib mal-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-allokazzjoni ta' riżorsi finanzjarji proporzjonati;

L-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-UE

9.

jappella lill-Kummissjoni Ewropea tiddefinixxi indikaturi u miri ċari li jistgħu jitkejlu għal dawk l-Istati Membri li għandhom komunità tar-Rom, b'mod li jiġi mmonitorjat il-progress fl-erba' pilastri, fosthom il-kooperazzjoni mal-awtoritajiet lokali u reġjonali;

10.

itenni kemm hu importanti li l-Istati Membri jadottaw strateġija għall-integrazzjoni komprensiva, multisettorjali u koordinata. Fil-fatt, l-oqsma ta' politika ewlenin identifikati mill-Istrateġija Qafas tal-UE huma kwistjonijiet interrelatati. L-UE u l-Istati Membri ma jistgħux isolvu kull problema permezz ta' strateġiji minn fuq għal isfel (top-down) li l-għan tagħhom ikun li jtejbu s-sitwazzjoni tal-komunitajiet minn livell għoli u għandhom iserrħu fuq il-kooperazzjoni mal-atturi kollha fil-livelli kollha;

11.

jappella lill-Kummissjoni Ewropea toħloq mekkaniżmu ta' monitoraġġ aktar b'saħħtu għall-evalwazzjoni aktar effettiva tal-progress li jsir biex jintlaħqu l-miri stabbiliti għall-Istati Membri li għandhom komunità tar-Rom kif ukoll tirrakkomanda miżuri prattiċi li jridu jieħdu dawn l-Istati Membri;

12.

jiddispjaċih li d-dokument tal-Kummissjoni bilkemm jitkellem dwar l-isforzi għall-integrazzjoni tar-Rom fl-aktar Stati Membri ġodda tal-UE u fil-pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali tal-UE, li wħud minnhom għandhom għadd sinifikanti ta' Rom li jeħtieġu ħafna għajnuna, peress li s-sitwazzjoni tagħhom ġiet ikkawżata mill-esklużjoni u d-diskriminazzajoni jew marret għall-agħar minħabba fihom;

13.

jappella lill-pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali tal-UE biex ikomplu jadottaw liġijiet kontra d-diskriminazzjoni u jiżviluppaw/jirrevedu l-istrateġiji nazzjonali tagħhom għall-integrazzjoni tar-Rom bil-parteċipazzjoni tal-gvernijiet lokali u reġjonali tagħhom, u biex jinkludu miri li jistgħu jitkejlu u dispożizzjonijiet dwar l-obbligu li jiġi ppubblikat b'mod regolari dak li jinkiseb;

14.

jilqa' l-idea li jitwaqqaf netwerk ta' Punti ta' Kuntatt Nazzjonali għar-Rom biex jiffaċilita l-iskambji multilaterali tal-aħjar prattiki, it-tagħlim inter pares u l-kooperazzjoni. Jitlob li r-rappreżentanti tal-awtoritajiet lokali u reġjonali kif ukoll l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jiġu inklużi fin-netwerk. Pjattaforma ta' dan it-tip għandha tinkludi r-rappreżentanti tal-pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali tal-UE;

15.

jirrikonoxxi l-ħidma tal-Kungress tal-Awtoritajiet Lokali u Reġjonali (Kunsill tal-Ewropa), b'mod partikolari r-Riżoluzzjoni tiegħu “The situation of Roma in Europe: a challenge for local and regional authorities”[Is-sitwazzjoni tar-Rom fl-Ewropa: sfida għall-awtoritajiet lokali u reġjonali]  (3). Jappella lill-istituzzjonijiet tal-UE jaħdmu aktar mill-qrib mal-Kunsill tal-Ewropa biex itejbu l-istatus tar-Rom, pereżempju billi jappoġġjaw l-Alleanza Ewropea tal-Bliet u r-Reġjuni għall-Inklużjoni tar-Rom li twaqqfet dan l-aħħar, u jappoġġjaw il-kampanja “Dosta!” li kellha suċċess kbir;

16.

jappella lill-Istati Membri jiżguraw li r-Rom huma protetti mil-liġi internazzjonali u b'mod partikolari mill-Konvenzjoni Qafas għall-Ħarsien tal-Minoranzi Nazzjonali (4);

17.

jitlob li l-politiki, l-istrateġiji u l-fondi relatati mar-Rom jinkludu b'mod espliċitu r-Rom migranti li jkunu ġejjin minn Stati Membri oħra u minn pajjiżi terzi, u mhux biss il-popolazzjonijiet tar-Rom stabbiliti;

18.

jipproponi li l-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet lokali u reġjonali biex joħolqu skemi ta' mentoring li joħolqu rabta bejn ir-Rom u l-awtoritajiet pubbliċi u jżidu l-opportunitajiet ta' xogħol għar-Rom;

19.

jenfasizza l-ħtieġa li s-soċjetà ċivili ma tillimitax ruħha għar-rwol ta' konsultazzjoni biss, iżda għandha taqdi rwol attiv fl-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-istrateġiji nazzjonali;

20.

jisħaq fuq kemm hu importanti li l-livelli kollha ta' gvern jinvolvu lir-rappreżentanti tal-komunitajiet tar-Rom fit-tfassil tal-politiki u l-istrateġiji għall-integrazzjoni tar-Rom;

21.

jagħraf li n-nisa Rom jesperjenzaw diversi forom ta' diskriminazzjoni u jorbot lill-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jaħdmu mal-aġenziji tal-gvern nazzjonali u s-soċjetà ċivili biex jindirizzaw din il-kwistjoni, pereżempju billi jidentifikaw strateġiji għall-involviment attiv u r-responsabilizzazzjoni tagħhom fil-programmi ta' prevenzjoni u integrazzjoni;

Il-finanzjament

22.

jilqa' bis-sħiħ ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni li l-integrazzjoni tar-Rom tkun inkluża b'mod espliċitu fil-ftehimiet ta' sħubija għall-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020;

23.

jitlob “approċċ aktar dinamiku” fir-rigward tal-allokazzjoni tal-fondi sabiex jiġu indirizzati aħjar il-ħtiġijiet differenti f'partijiet differenti tal-Ewropa, b'tali mod li jingħata appoġġ effettiv lil dawk iż-żoni li għandhom popolazzjonijiet tar-Rom akbar mill-medja u/jew influss sinifikanti ta' Rom; jitlob ukoll appoġġ ċar, dewwiemi u dinamiku għal dawk l-awtoritajiet lokali u reġjonali li diġà jimplimentaw jew għandhom il-ħsieb li jimplimentaw pjani speċifiċi għall-iżvilupp u l-promozzjoni tar-Rom;

24.

itenni li hemm bżonn ta' fondi adegwati għall-awtoritajiet lokali u reġjonali li, permezz tal-politiki tagħhom fl-oqsma tal-ħarsien tat-tfal, is-servizzi għat-tfal żgħar u l-promozzjoni tad-dritt tal-edukazzjoni, jaqdu rwol strateġiku biex it-tfal Rom jiġu inklużi fis-sistemi skolari u preskolari;

25.

jemmen li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jirrappreżentaw jew jiddefendu r-Rom għandu jkollhom aċċess aħjar għall-fondi pubbliċi (inklużi tal-UE) biex jiżviluppaw u jimplimentaw il-politiki tal-integrazzjoni;

26.

jissuġġerixxi li r-riżorsi disponibbli għall-promozzjoni tal-integrazzjoni tar-Rom minn diversi sorsi ta' finanzjament jiġu koordinati b'mod aktar effettiv. Dan it-tip ta' approċċ tematiku jkun ta' għajnuna enormi għall-awtoritajiet lokali u reġjonali b'popolazzjonijiet sostanzjali tar-Rom biex jindirizzaw b'mod effettiv l-isfidi l-ġodda u jwasslu għall-prevenzjoni bikrija tal-esklużjoni tar-Rom, u biex irawmu r-rabtiet mal-komunitajiet lokali;

27.

jenfasizza li l-politiki ġeneralizzati jistgħu jkunu kontroproduttivi. Il-politiki dwar ir-Rom li jkunu bbażati fuq l-individwi u li jfittxu li jħeġġu, jixprunaw u jippremjaw l-inizjattivi individwali, speċjalment fir-rigward tal-impjieg u x-xogħol indipendenti, ikunu iktar produttivi. Pereżempju, fir-rigward tat-tfassil ta' profili u t-taħriġ tal-individwi u l-familji, l-appoġġ għall-intrapriżi ġodda u l-edukazzjoni, b'attenzjoni partikolari għal studenti Rom li għandhom talent;

It-tfal u l-edukazzjoni: fattur ċentrali tal-integrazzjoni

28.

jagħraf li l-popolazzjoni tar-Rom hija żgħażugħa; 35,7 % għandhom inqas minn 15-il sena meta mqabbla mal-15,7 % tal-popolazzjoni tal-UE, u l-età medja tar-Rom hi ta' 24 sena, meta mqabbla mal-età medja ta' 40 sena fl-UE. Il-biċċa l-kbira tar-Rom fl-età tax-xogħol m'għandhomx l-edukazzjoni meħtieġa biex isibu impjiegi sostenibbli, ħaġa li toħroġ fid-dieher l-importanza tal-investiment fl-edukazzjoni tat-tfal Rom biex jirnexxilhom jidħlu fis-suq tax-xogħol u jintegraw fis-soċjetà;

29.

jemmen li biex kwalunkwe programm ta' integrazzjoni jirnexxi, l-enfasi fuq l-edukazzjoni ffokata tal-maġġoranza hija importanti daqs l-edukazzjoni tal-minoranzi;

30.

itenni li hemm bżonn approċċ iktar olistiku għall-integrazzjoni u jissuġġerixxi li jiġi żgurat li l-ġenituri jkollhom ħiliet bażiċi marbutin mal-litteriżmu u l-matematika bħala fattur kruċjali biex it-tfal Rom, bħat-tfal l-oħra, jiksbu dawn il-ħiliet;

31.

jappella biex tieqaf il-prattika tas-segregazzjoni u li t-tfal Rom jitpoġġew fi skejjel għat-tfal b'diżabbiltà relatata mat-tagħlim, kif ukoll is-segregazzjoni fl-iskejjel ġenerali;

32.

iqis li l-prattiki ta' diskriminazzjoni pożittiva għandhom jiddaħħlu biss bl-ikbar kawtela u fuq skala limitata biex jiġi evitat li jiġu kompromessi l-prinċipji tad-drittijiet u l-opportunitajiet indaqs;

33.

iqis li għandhom jittieħdu miżuri biex jiġi mħeġġeġ it-taħriġ tal-għalliema u l-istudenti biex ikunu iktar tolleranti fir-rigward tar-Rom;

34.

jenfasizza li s-segregazzjoni fl-iskejjel għandha tiġi evitata u l-edukazzjoni integrata fl-iskejjel għandha tkun l-istandard sabiex jiġu evitati l-esklużjoni u s-segregazzjoni mill-maġġoranza. Fil-fatt, ir-Rom infushom għandhom jaqdu rwol attiv fit-tneħħija tal-ostakli ta' ostilità permezz tal-inklużjoni tal-ġenituri fl-edukazzjoni u l-edukazzjoni bikrija;

35.

jemmen li għall-prevenzjoni tal-marġinalizzazzjoni u l-esklużjoni tat-tfal Rom tinħtieġ azzjoni sa minn età żgħira li tkun tiggarantixxi l-edukazzjoni u l-kura tat-tfal tal-preprimarja;

36.

iqis li jekk jiġu impjegati iktar Rom bħala għalliema u assistenti tat-tagħlim, dan jista' jnaqqas b'mod attiv it-tensjonijiet etniċi fl-iskejjel;

37.

jinsab imħasseb ukoll li t-tfal Rom jinsabu f'riskju ikbar li jispiċċaw f'faqar aktar sever u estrem minn kwalunkwe grupp minoritarju ieħor fl-Ewropa;

38.

jappella lill-Istati Memri jadottaw strateġiji effikaċi biex jiġġieldu kontra t-tħaddim tat-tfal, l-involviment tal-minuri biex jittallbu, il-prattiki ta' żwiġijiet mġiegħla u żwiġijiet mal-minuri, u biex jiġġieldu b'mod aktar effettiv kontra t-traffikar tal-bnedmin;

39.

ifakkar fl-opinjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Rom (5) li jagħmlu enfasi fuq il-ħtieġa li l-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-komunitajiet tar-Rom jiġu involuti b'mod sħiħ fil-ħidma fuq il-politiki nazzjonali dwar l-esklużjoni soċjali u l-integrazzjoni;

Ir-rwol u l-involviment tal-gvernijiet lokali u reġjonali

40.

itenni li l-awtoritajiet lokali u reġjonali huma l-livell ta' gvern bl-aktar responsabbiltajiet għall-integrazzjoni tal-popolazzjonijiet tar-Rom;

41.

jisħaq li huwa biss permezz ta' sħubijiet ta' ħidma stabbiliti sew bejn il-partijiet interessati kollha, fosthom l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-awtoritajiet lokali u reġjonali, li jistgħu jitfasslu strateġiji effettivi għall-integrazzjoni tar-Rom. Jemmen li l-approċċ attwali minn fuq għal isfel (“top-down”) mhux jipproduċi riżultati sodisfaċenti;

42.

iqis li l-migrazzjoni tar-Rom tibdel il-karatteristiki tal-popolazzjonijiet tar-Rom u l-esperjenzi tagħhom bl-esklużjoni soċjali fiż-żoni lokali, u l-integrazzjoni tagħhom teħtieġ interventi bbażati fuq mudelli differenti, u għalhekk strateġija ċentralizzata waħda għal kulħadd aktarx ma tirnexxix. Għaldaqstant jemmen li approċċ aktar deċentralizzat jindirizza l-kwistjoni b'mod aktar effettiv;

43.

jenfasizza li l-istrateġiji għall-integrazzjoni tar-Rom għandhom ikunu koerenti mal-istrateġiji tal-UE għat-tnaqqis tal-faqar u l-esklużjoni soċjali u ekonomika, u jappella li fil-livelli reġjonali u lokali jiġu identifikati u implimentati programmi u inizjattivi speċifiċi bbażati fuq objettivi konkreti u li jistgħu jitkejlu;

44.

jesprimi l-preokkupazzjoni tiegħu rigward il-fatt li 20 Stat Membru biss involvew lill-awtoritajiet lokali u reġjonali fi djalogu strutturat għall-implimentazzjoni tal-istrateġiji nazzjonali tar-Rom, li 12-il Stat Membru biss ippromovew l-iskambju tal-esperjenzi u l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet lokali, u li 15-il Stat Membru biss allokaw riżorsi għall-integrazzjoni tar-Rom lill-awtoritajiet reġjonali u lokali. Jappella, għalhekk, lill-gvernijiet tal-Istati Membri biex jinvolvu lill-awtoritajiet lokali u reġjonali b'mod aktar attiv fl-iżvilupp tal-istrateġiji nazzjonali għall-integrazzjoni tar-Rom;

45.

jenfasizza l-bżonn li tiżdied il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni u r-razziżmu rigward ir-Rom, billi titqajjem kuxjenza fost is-soċjetajiet ċivili nazzjonali dwar il-vantaġġi soċjali u ekonomiċi tal-inklużjoni tar-Rom, u billi titqajjem kuxjenza fost ir-Rom stess dwar id-drittijiet u l-obbligi tagħhom;

46.

jissuġġerixxi li s-sanzjonijiet bħat-telf ta' benefiċċji finanzjarji għandhom jagħmlu parti minn kwalunkwe skema jew inizjattiva li tinvolvi s-sussidji pubbliċi. Is-sanzjonijiet għandhom jiġu imposti biss meta ma jinżammx il-ftehim dwar l-imġiba jew meta tinkiser il-liġi. Għandhom isiru sforzi biex titnaqqas id-dipendenza fit-tul fuq l-Istat billi tittejjeb is-sitwazzjoni tal-impjieg tar-Rom u billi fl-istess ħin jiġi promoss id-dħul finanzjarju mix-xogħol imħallas li jisboq id-dħul mill-benefiċċji tal-qgħad;

47.

jappella lill-Kummissjoni Ewropea tippubblika data aktar speċifika dwar l-involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-implimentazzjoni tal-istrateġiji nazzjonali tar-Rom;

48.

jitlob li f'kull Stat Membru jinħoloq punt ta' kuntatt tal-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jissaħħaħ id-djalogu u jiġi żgurat l-involviment tagħhom;

49.

jappella lill-aġenziji tal-gvern biex jappoġġjaw u jiffaċilitaw il-programmi tal-edukazzjoni u t-taħriġ tal-adulti biex il-popolazzjoni tar-Rom tkun tista' tikseb il-ħiliet speċifiċi mfittxija. Is-settur privat għandu jkun involut fit-tħejjija u l-ġestjoni ta' dan it-tip ta' programmi ta' taħriġ. Pereżempju, il-kuntratti tax-xogħol staġjonali jistgħu jkunu mezz effettiv u legali li bih il-membri tal-minoranza tar-Rom ikollhom impjieg fis-swieq ħielsa;

50.

itenni li hu importanti li l-awtoritajiet lokali jingħataw riżorsi finanzjarji u umani adegwati biex ikunu jistgħu jagħtu kontribut effettiv fil-fażijiet kollha tal-implimentazzjoni tal-istrateġiji għall-integrazzjoni tar-Rom;

Is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità

51.

f'Opinjoni preċedenti tiegħu (6) evalwa l-konformità mal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità, kif definiti fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, kif ġej:

il-Proposta tal-Kummissjoni tikkonforma mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, billi l-karattru transnazzjonali tal-komunità tar-Rom fl-Ewropa, u l-aspetti maqsuma tal-esklużjoni soċjali li din il-komunità tiffaċċja f'reġjuni differenti tal-Ewropa, huma tali li l-miżuri proposti jistgħu jinkisbu l-aħjar fil-livell tal-UE;

il-miżuri adottati ma jintroduċux strumenti legali ġodda minħabba li, minn naħa, jaqgħu fl-ambitu tal-metodu miftuħ ta' koordinazzjoni, u, min-naħa l-oħra, ħafna minnhom huma msejsa fuq oqfsa leġislattivi li diġà jeżistu, element kompatibbli mal-prinċipju tal-proporzjonalità.

II.   RAKKOMANDAZZJONIJIET SABIEX JITRESSQU L-EMENDI FUQ L-ABBOZZ TA' RAKKOMANDAZZJONI (COM(2013) 460 final)

Emenda 1

Punt 4.2

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

Huma għandhom jinvolvu r-reġjuni, l-awtoritajiet lokali u s-soċjetà ċivili lokali fl-eżaminazzjoni, il-ġestjoni, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-istrateġiji nazzjonali tagħhom. Il-partijiet interessati rilevanti għandhom ikunu involuti fir-rigward tal-ftehimiet ta’ sħubija u l-programmi operattivi kkofinanzjati mill-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej. L-awtoritajiet ċentrali u lokali għandhom jikkooperaw b’mod kostanti fl-implimentazzjoni tal-istrateġiji. Għal dan il-għan, l-Istati Membri għandhom jallokaw biżżejjed fondi għall-awtoritajiet pubbliċi lokali biex jiffaċilitaw l-implimentazzjoni ta’ settijiet immirati ta’ politiki fil-livell lokali.

Huma għandhom jinvolvu r-reġjuni, l-awtoritajiet lokali u s-soċjetà ċivili lokali fl-eżaminazzjoni, il-ġestjoni, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-istrateġiji nazzjonali tagħhom. Il-partijiet interessati rilevanti għandhom ikunu involuti fir-rigward t-tfassil u l-implimentazzjoni tal-ftehimiet ta’ sħubija u l-programmi operattivi kkofinanzjati mill-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej. L-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali ċentrali u lokali għandhom jikkooperaw b’mod kostanti fl-implimentazzjoni tal-istrateġiji. Għal dan il-għan, l-Istati Membri għandhom jallokaw biżżejjed fondi għall-awtoritajiet pubbliċi reġjonali u/jew lokali biex jiffaċilitaw l-implimentazzjoni ta’ settijiet immirati ta’ politiki fil-livell reġjonali u/jew lokali.

Raġuni

Emenda 2

Punt 4.7

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

L-Istati Membri għandhom jipprovdu Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali għall-integrazzjoni tar-Rom b’mandat xieraq, riżorsi finanzjarji u umani sabiex ikunu jistgħu jikkoordinaw b’mod effettiv l-implimentazzjoni transsettorjali u l-monitoraġġ ta’ politiki għall-integrazzjoni tar-Rom fil-livell nazzjonali u lokali. Huma għandhom jiżguraw li l-Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali għall-integrazzjoni tar-Rom jiġu kkonsultati matul il-proċessi ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet rigward id-definizzjoni, il-finanzjament u l-implimentazzjoni ta’ linji ta’ politika rilevanti. Il-Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali għall-integrazzjoni tar-Rom għandhom jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni u l-involviment tas-soċjetà ċivili tar-Rom fl-implimentazzjoni ta’ strateġiji nazzjonali għall-integrazzjoni tar-Rom u l-pjanijiet ta’ azzjoni lokali.

L-Istati Membri għandhom jipprovdu Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali għall-integrazzjoni tar-Rom b’mandat xieraq, riżorsi finanzjarji u umani sabiex ikunu jistgħu jikkoordinaw b’mod effettiv l-implimentazzjoni transsettorjali u l-monitoraġġ ta’ politiki għall-integrazzjoni tar-Rom fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali. Huma għandhom jiżguraw li l-Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali għall-integrazzjoni tar-Rom jiġu kkonsultati matul il-proċessi ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet rigward id-definizzjoni, il-finanzjament u l-implimentazzjoni ta’ linji ta’ politika rilevanti. Il-Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali għall-integrazzjoni tar-Rom għandhom jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni u l-involviment tas-soċjetà ċivili tar-Rom fl-implimentazzjoni ta’ strateġiji nazzjonali għall-integrazzjoni tar-Rom u l-pjanijiet ta’ azzjoni reġjonali jew lokali. Il-Punti ta' Kuntatt Nazzjonali għall-integrazzjoni tar-Rom għandhom ikunu jistgħu jiġu identifikati b'mod ċar, inkluż fuq l-internet.

Raġuni

Emenda 3

Punt 5.4

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni se timmonitorja s-sitwazzjoni mill-qrib u se tivvaluta fi żmien tliet snin mill-adozzjoni tagħha l-ħtieġa għar-reviżjoni u l-aġġornament ta’ din ir-Rakkomandazzjoni.

Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni se timmonitorja s-sitwazzjoni mill-qrib u se tivvaluta fi żmien 30 xahar tliet snin mill-adozzjoni tagħha l-ħtieġa għar-reviżjoni u l-aġġornament ta’ din ir-Rakkomandazzjoni.

Raġuni

Jekk il-Kummissjoni Ewropea jkollha sena, jiġifieri sa Ġunju 2016, biex tevalwa l-implimentazzjoni ta' din ir-Rakkomandazzjoni, jista' jkun hemm ir-riskju li xi konklużjonijiet possibbli ma jiġux inklużi fir-reviżjoni ta' nofs it-term tar-regolamenti dwar il-Fondi Strutturali.

Brussell, 28 ta' Novembru 2013

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Ramón Luis VALCÁRCEL SISO


(1)  B'konformità mal-Komunikazzjoni, it-terminu “Rom” hawnhekk jirreferi għal numru ta' gruppi differenti (bħar-Rom, is-Sinti, il-Kale, iż-Żingari, ir-Romanichels, il-Boyash, l-Ashkali, l-Eġizzjani, il-Yenish, id-Dom u l-Lom) u tinkludi wkoll il-Vjaġġaturi.

(2)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE tad-29 ta' Ġunju 2000 li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrespettivament mill-oriġini tar-razza jew etniċità.

(3)  Riżoluzzjoni 333 tal-Kungress, Ottubru 2011 (https://wcd.coe.int/ViewDoc.jsp?id=1855297).

(4)  Kunsill tal-Ewropa, 1995 (www.coe.int/t/dghl/monitoring/minorities/).

(5)  “Qafas tal-UE għall-istrateġiji nazzjonali għall-integrazzjoni tar-Roma sal-2020” (CdR 247/2011 fin); “L-integrazzjoni soċjali u ekonomika tar-Roma fl-Ewropa” (CdR 178/2010 fin).

(6)  CdR 247/2011 fin.


Top