EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013AR5277

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni – Direttiva dwar il-fatturar elettroniku u l-akkwist elettroniku minn tarf sa tarf

ĠU C 114, 15.4.2014, p. 79–84 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

15.4.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 114/79


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni – Direttiva dwar il-fatturar elettroniku u l-akkwist elettroniku minn tarf sa tarf

2014/C 114/13

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Kummenti ġenerali dwar id-Direttiva

1.

josserva li, permezz tal-Proposta għal Direttiva dwar il-fatturar elettroniku fl-akkwist pubbliku, il-Kummissjoni għandha l-għan li l-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni (CEN) jistabbilixxi standard Ewropew ġdid għall-fatturar elettroniku, u li l-Istati Membri jkunu obbligati jiżguraw li l-awtoritajiet u l-entitajiet kontraenti ma jirrifjutawx fatturi elettroniċi li jikkonformaw ma' dan l-istandard. Skont il-proposta tal-Kummissjoni, dawn ir-regoli jidħlu fis-seħħ 48 xahar wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva. Il-Kumitat tar-Reġjuni jipproponi madankollu li dawn ir-regoli jidħlu fis-seħħ 30 xahar wara l-pubblikazzjoni tar-referenza għall-istandard Ewropew, b'konformità mal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva;

2.

huwa tal-fehma li l-proposta għandha tiġi kkunsidrata bħala mezz lejn amministrazzjoni pubblika mingħajr karti. Il-benefiċċji rikonoxxuti tal-fatturar elettroniku wasslu lil diversi Stati Membri biex jitolbu t-tressiq ta' fatturi elettroniċi fl-akkwist pubbliku fis-settur pubbliku kollu jew f'parti minnu. Madankollu, dawn l-inizjattivi sikwit ikunu bbażati fuq standards nazzjonali li mhumiex interoperabbli;

3.

josserva li, f'dawn l-aħħar snin, għadd ta' atturi talbu li tittieħed azzjoni fil-livell Ewropew biex tingħata spinta lill-fatturar elettroniku u saħansitra pproponew li l-fatturar elettroniku jsir obbligatorju; pereżempju, il-Parlament Ewropew, fir-Riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' April 2012, iffoka fuq il-frammentazzjoni tas-suq minħabba r-regoli nazzjonali dwar il-fatturar elettroniku, u l-bżonn ta' soluzzjonijiet interoperabbli għall-fatturi elettroniċi, abbażi ta' rekwiżiti legali u standards tekniċi komuni;

4.

diġà esprima l-appoġġ tiegħu fil-passat (1) favur l-iskambju elettroniku tal-informazzjoni u l-użu ta' mezzi elettroniċi fil-qafas tad-diversi proċeduri tal-akkwist, allavolja dan jitlob żmien raġonevoli ta' preparazzjoni fid-dawl taċ-ċirkustanzi differenti, u speċjalment fir-rigward tal-kumpaniji ż-żgħar;

5.

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li huwa raġonevoli li anke l-proċess tal-fatturar, bħala l-parti finali tal-proċess tal-akkwist, isir b'mezzi elettroniċi bil-għan li tittejjeb l-effiċjenza u jitnaqqsu l-ispejjeż amministrattivi;

6.

iqis il-Proposta għal Direttiva bħala mod kif jitjiebu sew il-kundizzjonijiet għall-interoperabbiltà u sew il-funzjonament tas-suq intern. Dan jagħmilha iżjed faċli għall-awtoritajiet u l-entitajiet kontraenti kif ukoll għall-fornituri tagħhom, u jnaqqas l-ispejjeż. Fl-istess ħin, jinnota li llum il-ġurnata l-kummerċ transkonfinali huwa limitat u, minn din il-perspettiva, hemm il-periklu li din id-Direttiva jkollha konsegwenzi ekonomiċi kbar b'mod sproporzjonat;

7.

josserva li l-Proposta għal Direttiva tagħti s-setgħa lill-Kummissjoni Ewropea li titlob lill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni li jiddefinixxi l-mudell semantiku tad-data tal-fattura elettronika bażika. B'hekk parti sostanzjali tal-kontenut qiegħda tiġi delegata lil korp li m'għandux kompetenza leġislattiva. Huwa biss abbażi tal-kontenut konkret tal-istandard li ser jitfassal, kontenut li għadu mhux disponibbli, li jistgħu jiġu valutati l-fattibbiltà, il-bżonn possibbli li jiġi adattat kif ukoll l-ispejjeż relatati. Għalhekk bħalissa diffiċli jiġi stabbilit jekk il-proposta hix konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità;

8.

jilqa' b'sodisfazzjon il-possibbiltà li l-awtoritajiet u l-entitajiet kontraenti jkomplu jaċċettaw, anke wara l-introduzzjoni ta' standard komuni fil-livell tal-UE, fatturi f'forom standard oħra u saħansitra fuq il-karta, sakemm il-liġi nazzjonali ma tipprevedix mod ieħor. Dan joħloq flessibbiltà kemm għall-awtoritajiet u l-entitajiet kontraenti kif ukoll għall-fornituri li bħalissa jużaw standards oħra. Li l-awtoritajiet u l-entitajiet kontraenti li diġà introduċew il-fatturar elettroniku abbażi ta' standards speċifiċi jintalbu jibdew jużaw standard ġdid komuni jfisser spejjeż kemm għalihom kif ukoll għall-fornituri tagħhom. B'konformità mal-Proposta għal Direttiva, il-Kumitat għalhekk huwa tal-fehma li l-formati eżistenti llum il-ġurnata għandhom jitħallew ukoll matul it-tranżizzjoni gradwali lejn użu dejjem ikbar ta' standard Ewropew komuni. Ladarba jiġi żviluppat mudell semantiku komuni tad-data, tiġi ssemplifkata wkoll il-konverżjoni bejn il-formati tekniċi differenti. Rigward il-kontenut tal-fatturi li ma jagħmilx parti mill-kontenut bażiku, li jista' jinħtieġ biex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti tal-liġi nazzjonali, ċerti setturi ta' attività jew affarijiet simili, għandu jkun possibbli li jibqgħu jitressqu fatturi b'dan it-tip ta' kontenut fil-format użat attwalment, li ta' spiss iqis dawn il-ħtiġijiet speċjali;

9.

madankollu, jixtieq jiġbed l-attenzjoni għall-importanza li l-istandard Ewropew propost ma joħloqx xkiel jew kumplikazzjonijiet għall-awtoritajiet u l-entitajiet kontraenti jew il-fornituri tagħhom. Josserva wkoll li l-ispejjeż ikunu kbar jekk l-awtoritajiet u l-entitajiet kontraenti jiġu obbligati jaċċettaw fatturi elettroniċi fil-formati tekniċi kollha li jikkonformaw mal-mudell semantiku tad-data;

10.

għalhekk, jipproponi li l-Proposta għal Direttiva tiċċara liema huma l-esiġenzi li jridu jissodisfaw l-awtoritajiet u l-entitajiet kontraenti. Għandhom ikunu obbligati biss jaċċettaw għadd speċifiku ta' formati tekniċi u mhux il-formati differenti nazzjonali u proprjetarji kollha li jeżistu. Minflok, l-awtoritajiet kontraenti għandhom ikunu obbligati jaċċettaw fatturi elettroniċi li huma bbażati fuq l-istandard Ewropew għall-mudelli semantiku tad-data u l-formati tekniċi bbażati fuq standards internazzjonali tal-korpi tal-istandardizzazzjoni rikonoxxuti fil-leġislazzjoni tal-UE (pereżempju CEN, ISO, UN/CEFACT u OASIS). B'hekk, id-Direttiva tista' titqies bħala l-armonizzazzjoni tal-istandards internazzjonali, iżda għandu jiġi żgurat li l-kontenut bażiku tal-fatturi jissodisfa l-esiġenzi Ewropej b'konformità mal-leġislazzjoni komuni, eċċ.;

11.

huwa tal-fehma li, jekk il-mudell semantiku tad-data jkun ibbażat fuq il-mudelli attwali tal-korpi internazzjonali tal-istandardizzazzjoni u, barra minn hekk, jiġu ristretti l-formati tekniċi stabbiliti, dan jgħin biex tiżdied l-interoperabbiltà u fl-istess ħin jitnaqqsu l-ispejjeż. Dan joħloq uniformità għall-atturi kummerċjali li jiżviluppaw soluzzjonijiet tajbin abbażi tal-istandards;

12.

jenfasizza wkoll li huwa ta' importanza kbira li l-Kummissjoni tikkunsidra li tippromovi l-fatturar elettroniku fil-qafas tal-Ftehim dwar l-Akkwisti Pubbliċi. Dan jiggarantixxi regoli li japplikaw għall-biċċa l-kbira tal-membri tad-WTO, inklużi l-Istati Membri kollha tal-UE. Din hija raġuni oħra għala l-istandards internazzjonali għandhom iservu ta' bażi għall-istandard stabbilit mill-Kummissjoni. B'dan il-mod ma jkunx biss standard Ewropew iżda wieħed internazzjonali wkoll li jirrispetta u jinkludi l-esiġenzi u l-ħtiġijiet Ewropej abbażi ta' leġislazzjoni komuni, eċċ.;

13.

jixtieq ukoll jiġbed l-attenzjoni għall-importanza li titqies il-ħidma li diġà bdiet fuq l-istandardizzazzjoni, l-iżjed dik fi ħdan is-CEN li jistabbilixxi r-rekwiżiti relatati mal-informazzjoni fil-messaġġi kummerċjali fil-qasam tal-akkwist pubbliku kif ukoll il-proċessi ta' skambju ta' dawn il-messaġġi bejn l-imsieħba. Għadd ta' Stati Membri diġà huma involuti f'din il-ħidma (2). Huwa previst ukoll li r-riżultati ta' din il-ħidma jintużaw fil-futur fi proġetti mnedija mill-Kummissjoni bħal e-Sens (3) u OpenPEPPOL (4);

14.

josserva li, meta jiġi żviluppat l-istandard attwali jew tissokta l-ħidma mibdija, huwa ta' importanza kbira li l-istandard ikun faċli biex jintuża, u li qabel ma jiġi rakkomandat ikun ġie ttestjat. Barra minn hekk, jista' jkun utli li tiġi pprovduta xi għamla ta' ċertifikazzjoni biex jiġi żgurat li l-fatturi li suppost ikunu bbażati fuq l-istandard jirrispettawh tassew. L-esperjenza fl-Istati Membri fejn hemm l-obbligu li jiġu rispettati standards speċifiċi turi l-bżonn ta' linja gwida biex jiġi evitat li kull awtorità jew entità kontraenti jkollha tiġġustifika d-deċiżjoni tagħha li ma taċċettax fattura elettronika partikolari. Probabbilment, din il-funzjoni tista' tiġi żviluppata fi ħdan l-organizzazzjonijiet internazzjonali tal-istandardazzjoni rikonoxxuti li ssemmew qabel;

15.

josserva wkoll li huwa ta' importanza kbira li r-rappreżentanti tal-livell lokali u reġjonali, kif ukoll amministrazzjonijiet u istituzzjonijiet pubbliċi oħra li jiġu mantnuti mill-baġit statali, jiġu involuti fil-ħidma marbuta mal-iżvilupp tal-istandard;

16.

jenfasizza li, fid-dawl tan-negozjati li għaddejjin bħalissa dwar il-proposta għal regolament ġdid dwar il-protezzjoni tad-data, huwa importanti li jiġi żgurat li d-dispożizzjonijiet ta' dan ir-regolament jappoġġjaw l-użu ta' fatturar elettroniku li jaħdem tajjeb;

17.

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li, b'konformità mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud, jeżisti l-prerekwiżit li d-destinatarju jrid jaċċetta l-fatturar elettroniku. Kif diġà ġie osservat fil-Proposta għal Direttiva, dan għandu jitqies meta jkunu qed jiġu żviluppati d-dispożizzjonijiet attwali;

18.

josserva li, illum il-ġurnata, il-biċċa l-kbira tal-awtoritajiet u l-entitajiet kontraenti ma għandhomx il-possibbiltà li jaċċettaw u jipproċessaw fatturi elettroniċi. Għalhekk, jemmen li huwa fundamentali li jkun hemm ippjanar minn qabel adatt qabel ma d-Direttiva tidħol fis-seħħ. Barra minn hekk, ma għandhiex tidħol fis-seħħ qabel ma jidħlu fis-seħħ il-proċeduri l-oħra marbutin mal-akkwist elettroniku inklużi fil-pakkett tal-akkwist elettroniku. Il-Kumitat iqis li sabiex dan jidħol fis-seħħ għandu jgħaddi ammont adegwat ta' żmien, pereżempju tletin xahar, wara li l-Kummissjoni tippubblika r-referenza għall-istandard. B'hekk ikun hemm biżżejjed żmien għall-adattament tas-softwer u biex l-awtoritajiet u l-entitajiet kontraenti jsibu sistemi li jissodisfaw l-istandard. L-Istati Membri għandhom jipprovdu taħriġ u appoġġ lill-awtoritajiet kontraenti sabiex id-dispożizzjonijiet fil-Proposta għal Direttiva jkunu jistgħu jiġu implimentati wara l-iskadenza stabbilita;

19.

ifakkar li l-introduzzjoni tal-fatturar elettroniku tfisser li bosta awtoritajiet u entitajiet kontraenti jkollhom isibu soluzzjonijiet tal-IT adegwati, u jtejbu b'mod ġenerali l-kompetenzi tagħhom fl-ipproċessar tal-fatturi elettroniċi. Għalhekk, il-miżuri li jridu jittieħdu fl-Istati Membri għandhom jinkludu l-appoġġ biex jinsabu soluzzjonijiet tal-IT għall-aċċettazzjoni tal-fatturi elettroniċi, pereżempju fil-forma ta' ftehim qafas innegozjat b'mod ċentralizzat li l-awtoritajiet jistgħu jużaw għall-akkwist pubbliku jew ta' appoġġ biex jitfasslu r-rekwiżiti tas-sejħiet għall-offerti biex jinstabu soluzzjonijiet għall-fatturar elettroniku;

20.

huwa tal-fehma li, minbarra l-miżuri ta' appoġġ fil-qasam tat-taħriġ, eċċ., għall-awtoritajiet u l-entitajiet kontraenti, jinħtieġu oħrajn bil-għan li jittejbu l-kompetenzi fl-intrapriżi, b'mod partikolari l-SMEs;

21.

fid-dawl tal-fatt li l-għan tal-Proposta għal Direttiva li tissolva l-problema ta' interoperabbiltà fil-kummerċ transkonfinali ma jistax jintlaħaq b'mod sodisfaċenti mill-Istati Membri waħedhom, u fid-dawl tal-fatt li l-abbozz ta' direttiva huwa l-istrument adatt, jaħseb li l-proposta hija konformi mal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità;

22.

jenfasizza li l-KtR stabbilixxa l-fatturar elettroniku fl-akkwist pubbliku bħala waħda mill-ħames prijoritajiet fil-programm ta' ħidma tiegħu dwar is-sussidjarjetà għall-2012, u f'dan il-kuntest wettaq konsultazzjoni relatata mas-sussidjarjetà tal-imsieħba tan-Netwerk għall-Monitoraġġ tas-Sussidjarjetà u l-Grupp ta' Esperti dwar is-Sussidjarjetà;

23.

jitlob lill-Kummissjoni Ewropea biex tagħti l-eżempju t-tajjeb u tiggarantixxi li l-fatturi elettroniċi jiġu aċċettati fil-kuntratti tal-akkwist pubbliku fil-qafas ta' programmi ta' finanzjament tal-UE;

Kummenti ġenerali dwar il-Komunikazzjoni

24.

fid-dawl tal-fatt li, illum il-ġurnata, il-biċċa l-kbira tal-awtoritajiet u l-entitajiet kontraenti ma jużawx il-fatturar elettroniku, jilqa' b'sodisfazzjon il-miżuri importanti proposti mill-Kummissjoni fil-punt 5.3 li jirrakkomandaw fost affarijiet oħra li l-Istati Membri jiżviluppaw strateġiji nazzjonali u pjani ta' azzjoni dettaljati għall-implimentazzjoni tal-akkwist elettroniku;

25.

jenfasizza li anke l-intrapriżi, b'mod partikolari l-SMEs, għandhom itejbu l-kompetenzi tagħhom fil-qasam tal-fatturar elettroniku. Bl-istess mod, probabbilment jeħtieġ li f'ħafna Stati Membri tittejjeb l-infrastruttura. Il-proposta tal-Kummissjoni li l-Istati Membri jeżaminaw il-possibbiltà li jużaw il-Fondi Strutturali biex jiffinanzjaw it-taħriġ (b'mod partikolari tal-SMEs) bil-għan li tissaħħaħ il-kapaċità amministrattiva u tinbena l-infrastruttura, hija soluzzjoni għal dawn il-problemi;

26.

jemmen li l-aspetti marbutin mal-infrastruttura huma element essenzjali fl-implimentazzjoni tal-fatturar elettroniku, u għalhekk huwa tal-fehma li l-proposta tal-Kummissjoni fil-punt 5.2(4) li tiffinanzja u tappoġġja l-akkwist elettroniku minn tarf sa tarf, inkluż il-fatturar elettroniku, permezz tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (CEF) li ġiet proposta, hija mod kif tiġi appoġġjata infrastruttura li taħdem tajjeb għal dawn il-proċeduri. jemmen li possibbilment jinħtieġu miżuri addizzjonali għat-titjib tal-infrastruttura, peress li ċ-ċirkustanzi jvarjaw ħafna minn Stat Membru għal ieħor;

27.

jemmen li l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tiffinanzja proġetti li jippromovu l-iżvilupp ta' soluzzjonijiet interoperabbli (e-Sens) hija ħaġa pożittiva;

28.

jilqa' b'sodisfazzjon il-proposta tal-Kummissjoni li tkompli l-ħidma tal-Forum Ewropew tad-Diversi Partijiet Interessati dwar il-Fatturar Elettroniku, iżda jitlobha tiżgura li l-livell lokali u reġjonali jkun rappreżentat f'dan il-Forum.

II.   RAKKOMANDAZZJONIJIET SABIEX JITRESSQU L-EMENDI

Emenda 1

COM(2013) 449 final

Premessa 7

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

L-istandard Ewropew għall-mudell semantiku tad-dejta tal-fattura elettronika bażika għandu jkompli jibni fuq l-ispeċifikazzjonijiet eżistenti, inkluż b’mod partikolari dawk żviluppati minn organizzazzjonijiet Ewropej jew internazzjonali bħall-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni – CEN (CWA 16356 u CWA 16562), ISO (Fattura Finanzjarja bbażata fuq il-metodoloġija tal-ISO 20022), u UN/CEFACT (CII v. 2.0). Dan m’għandux jirrikjedi firem elettroniċi. Tali standard Ewropew għandu jiddefinixxi l-elementi semantiċi tad-dejta li jirreferu, b’mod partikolari, għad-dejta kumplimentari dwar il-bejjiegħ u x-xerrej, għall-identifikaturi tal-proċess, għall-attributi tal-fattura, għad-dettalji tal-fattura, għall-informazzjoni dwar it-twassil tagħha, u għad-dettalji u l-kundizzjonijiet tal-pagament. Għandu jkun kompatibbli wkoll mal-istandards eżistenti għall-pagamenti sabiex jippermetti l-ipproċessar awtomatiku tal-pagamenti.

L-istandard Ewropew għall-mudell semantiku tad-dejta tal-fattura elettronika bażika għandu jkompli jibni fuq l-ispeċifikazzjonijiet eżistenti, inkluż b’mod partikolari dawk żviluppati minn organizzazzjonijiet Ewropej jew internazzjonali bħall-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni – CEN (CWA 16356 u CWA 16562), ISO (Fattura Finanzjarja bbażata fuq il-metodoloġija tal-ISO 20022), u UN/CEFACT (CII v. 2.0) u OASIS. Dan m’għandux jirrikjedi firem elettroniċi. Tali standard Ewropew għandu jiddefinixxi l-elementi semantiċi tad-dejta li jirreferu, b’mod partikolari, għad-dejta kumplimentari dwar il-bejjiegħ u x-xerrej, għall-identifikaturi tal-proċess, għall-attributi tal-fattura, għad-dettalji tal-fattura, għall-informazzjoni dwar it-twassil tagħha, u għad-dettalji u l-kundizzjonijiet tal-pagament. Għandu jkun kompatibbli wkoll mal-istandards eżistenti għall-pagamenti sabiex jippermetti l-ipproċessar awtomatiku tal-pagamenti.

Raġuni

Fil-proposta tal-Kummissjoni jissemmew ċerti speċifikazzjonijiet. L-istandards relatati mal-fatturar jinbidlu minn żmien għal ieħor, u mhux l-istandards imsemmijin kollha ntużaw. Barra minn hekk ma ssirx referenza għal ċerti standards internazzjonali li jintużaw illum il-ġurnata f'għadd ta' Stati Membri. Għalhekk, huwa aħjar li ssir referenza għall-ispeċifikazzjonijiet tal-istandards dwar il-fatturar żviluppati minn organizzazzjonijiet Ewropej jew internazzjonali, pereżempju CEN, ISO, UN/CEFAT u OASIS. Din tal-aħħar ma tissemmiex fil-Proposta tal-Kummissjoni, iżda hija organizzazzjoni rikonoxxuta għall-hekk imsejjaħ “standard de facto” li bħalissa jintuża fis-settur pubbliku f'għadd ta' Stati Membri.

Emenda 2

Artikolu 4

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

Il-fatturi elettroniċi li jikkonformaw mal-istandard Ewropew

Il-fatturi elettroniċi li jikkonformaw mal-istandard Ewropew

L-Istati Membri jiżguraw li l-awtoritajiet kontraenti u l-entitajiet kontraenti ma jirrifjutawx li jirċievu fatturi elettroniċi li jikkonformaw mal-istandard Ewropew, li r-referenza għalih ġiet ippubblikata skont l-Artikolu 3(2).

L-Istati Membri jiżguraw li l-awtoritajiet kontraenti u l-entitajiet kontraenti ma jirrifjutawx li jirċievu fatturi elettroniċi li jikkonformaw mal-istandard Ewropew, li r-referenza għalih ġiet ippubblikata skont l-Artikolu 3(2) u li huma bbażati fuq format tekniku żviluppat minn organizzazzjonijiet internazzjonali tal-istandardizzazzjoni rikonoxxuti fil-leġislazzjoni tal-UE.

Raġuni

Jekk l-awtoritajiet u l-entitajiet kontraenti jkollhom jaċċettaw fatturi elettroniċi f'kull format tekniku li jikkonforma mal-mudell semantiku tad-data, dan iġib miegħu spejjeż kbar. Mod wieħed biex jiġi limitat l-għadd ta' formati huwa li jiġi esiġit li l-fatturi elettroniċi jikkonformaw mal-istandard Ewropew għall-mudell semantiku tad-data fil-parti bażika tal-fattura elettronika u li jkunu bbażati fuq formati tekniċi (sintassi) żviluppati minn organizzazzjonijiet tal-istandardizzazzjoni rikonoxxuti mill-UE (pereżempju, CEN, UN/CEFACT, ISO u OASIS).

Emenda 3

Artikolu 6

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

It-traspożizzjoni

It-traspożizzjoni

L-Istati Membri jdaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jiġu konformi ma’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard minn 48 xahar wara d-dħul fis-seħħ. Għandhom jikkomunikaw it-test ta' dawk id-dispożizzjonijiet minnufih lill-Kummissjoni.

L-Istati Membri għandhom jaħdmu b'mod attiv biex l-awtoritajiet kontraenti u l-entitajiet kontraenti jkunu jistgħu jirċievu fatturi elettroniċi li jikkonformaw mal-istandard Ewropew, li r-referenza għalih ġiet ippubblikata skont l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva, u li jikkonformaw ma' format tekniku bbażat fuq standards Ewropej u internazzjonali.

L-Istati Membri jdaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jiġu konformi ma’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard minn 48 fi żmien 30 xahar wara li l-Kummissjoni tippubblika r-referenza għall-istandard Ewropew, b'konformità mal-Artikolu 3(2) d-dħul fis-seħħ . Għandhom jikkomunikaw it-test ta' dawk id-dispożizzjonijiet minnufih lill-Kummissjoni.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn id-dispożizzjonijiet, dawn ikunu jirreferu għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati mit-tali referenza waqt il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri jiddeċiedu kif għandha ssir it-tali referenza.

L-Istati Membri jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert b'din id-Direttiva.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn id-dispożizzjonijiet, dawn ikunu jirreferu għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati mit-tali referenza waqt il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri jiddeċiedu kif għandha ssir it-tali referenza.

L-Istati Membri jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert b'din id-Direttiva.

Raġuni

Jagħmel iżjed sens li l-iskadenza tiġi bbażata fuq perjodu speċifiku ta' żmien wara li l-Kummissjoni tippubblika r-referenza għall-istandard. Dan jagħti biżżejjed żmien biex jitwaqqfu s-sistemi tal-IT u jiġi ttestjat l-istandard, u jagħmilha possibbli li l-awtoritajiet u l-entitajiet kontraenti jsibu sistemi bbażati fuq l-istandard. Skadenza adatta tkun 30 xahar mid-data meta l-Kummissjoni tippubblika r-referenza għall-istandard, b'konformità mal-Artikolu 3(2). Barra minn hekk, huwa importanti li l-Istati Membri jagħtu l-appoġġ meħtieġ lill-awtoritajiet u lill-entitajiet kontraenti biex itejbu l-kompetenzi tagħhom fil-qasam tal-fatturar elettroniku u anke biex isibu soluzzjonijiet tal-IT għall-aċċettazzjoni u l-ipproċessar tal-fatturi elettroniċi. Il-miżuri f'dan ir-rigward jistgħu wkoll jinkludu t-taħriġ maħsub għall-intrapriżi, b'mod partikolari l-SMEs. It-test propost joħloq kundizzjonijiet aħjar biex il-fatturi elettroniċi li jikkonformaw mal-istandard stabbilit jiġu aċċettati fil-perjodu ta' żmien propost.

Brussell, 28 ta' Novembru 2013

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Ramón Luis VALCÁRCEL SISO


(1)  Fil-passat, il-Kumitat tar-Reġjuni esprima fehmtu dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali (COM(2011) 895 final) u l-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-akkwist pubbliku (COM(2011) 896 final).

(2)  Ara www.cenbii.eu

(3)  Ara www.esens.eu

(4)  Ara www.peppol.eu


Top