EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013AR2062

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Il-manifattura, il-preżentazzjoni u l-bejgħ tat-tabakk u prodotti relatati”

ĠU C 280, 27.9.2013, p. 57–65 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

27.9.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 280/57


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Il-manifattura, il-preżentazzjoni u l-bejgħ tat-tabakk u prodotti relatati”

2013/C 280/11

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

iqis li r-reviżjoni tad-Direttiva hija neċessarja u, għalhekk, għandha ssir mingħajr dewmien sabiex is-saħħa tal-popolazzjoni Ewropea, speċjalment taż-żgħażagħ, tiġi protetta mir-riskji tat-tabakk;

iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jadottaw Direttiva bilanċjata li twassal għal ħarsien tas-saħħa aħjar għall-konsumaturi filwaqt li jitqiesu l-valur ekonomiku u tal-produzzjoni tal-kultivazzjoni tat-tabakk;

jemmen li l-Istati Membri għandhom jipprojbixxu t-tqassim b'xejn ta' prodotti tat-tabakk (onlajn jew f'żoni pubbliċi) minħabba li dan għandu potenzjal kbir li jħajjar persuni ġodda (u żgħażagħ) li jpejpu;

jitlob lill-Kummissjoni Ewropea biex flimkien mal-Istati Membri tikkunsidra skema li tikkumpensa għat-telf tal-impjiegi fis-settur tat-tabakk u fl-industrija tal-ippakkjar;

jargumenta li l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jipprojbixxu l-bejgħ transkonfinali ta' prodotti tat-tabakk biex jipproteġu aħjar liċ-ċittadini żgħażagħ tagħhom;

huwa konvint li għandhom jiġu promossi kampanji ta' informazzjoni kif ukoll edukazzjoni pubblika, li jipprovdu pariri fl-iskejjel primarji u sekondarji dwar il-ħsara tat-tabakk u l-effetti ħżiena tiegħu fuq is-saħħa u l-benesseri;

jappella lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipprevedu appoġġ għar-reġjuni fejn jiġi mkabbar jew manifatturat it-tabakk bħalissa, sabiex ikunu jistgħu jissostitwixxu t-tabakk b'uċuh tar-raba' aktar sostenibbli;

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li fis-swieq bħalissa jeżistu pakketti mhux standard, u t-tneħħija tagħhom jista' jkollha konsegwenzi negattivi fuq ir-reġjuni fejn jiġu prodotti dawn il-pakketti.

Relatur

Is-Sur KALOGEROPOULOS (EL/PPE), Kunsillier Muniċipali ta' Aigaleo

Dokument ta’ referenza

Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri li jikkonċernaw il-manifattura, il-preżentazzjoni u l-bejgħ tat-tabakk u prodotti relatati

COM(2012) 788 final

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Daħla

1.

jinnota li tnax-il sena wara li l-UE adottat id-Direttiva attwali dwar il-Prodotti tat-Tabakk (li tinkludi diversi miżuri ta’ kontroll) it-tipjip għadu l-kawża prinċipali ta’ mewt li jista’ jiġi evitat u joqtol kważi 700 000 persuna kull sena, u li aktar minn 70 % ta’ dawk li jpejpu jibdew bil-vizzju qabel jagħlqu t-18-il sena. Għalhekk jappoġġja bis-sħiħ il-bżonn li tiġi riveduta b’mod urġenti d-Direttiva attwali billi jiġu kkunsidrati miżuri aktar stretti għall-implimentazzjoni tagħha;

2.

jilqa’ b’mod favorevoli d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tappoġġja u tikkomplementa l-isforzi tal-Istati Membri u tal-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jindirizzaw il-problema tat-tipjip. Il-Kumitat jinnota li t-tabakk jiġi kkultivat legalment, madankollu huwa essenzjali li l-impatt tiegħu fuq is-saħħa taċ-ċittadini jiġi mmonitorjat b’attenzjoni;

3.

japprova l-Artikolu 114 tat-TFUE bħala l-bażi legali tal-proposta fid-dawl tal-għan tal-Kummissjoni Ewropea li tarmonizza l-liġijiet u d-dispożizzjonijiet amministrattivi li għadhom differenti fil-kuntest tal-Proposta għal Direttiva sabiex tiżgura l-funzjonament tas-suq intern. Huwa jindika li dan l-approċċ huwa appoġġjat mis-sentenza tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja C-380/03 (ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja kontra l-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea). Mill-banda l-oħra, il-Proposta għal Direttiva tippermetti lill-Istati Membri jadottaw miżuri aktar stretti minn dawk previsti fl-istess proposta;

Kontributi tal-politika tal-UE sabiex tiġi garantita s-saħħa

4.

jirrikonoxxi l-kontribut li b’mod ġenerali jista’ jsir mill-politiki ta’ appoġġ tal-UE, b’konformità mal-objettiv stipulat fl-Artikolu 114(3) tat-TFUE, kif ukoll fl-Artikolu 35 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamanetali, jiġifieri li “għandu jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem fid-definizzjoni u fl-implimentazzjoni tal-linji ta’ politika u l-attivitajiet kollha tal-Unjoni”;

5.

iqis li r-reviżjoni tad-Direttiva hija neċessarja u, għalhekk, għandha ssir mingħajr dewmien sabiex tiġi protetta s-saħħa tal-popolazzjoni Ewropea, speċjalment iż-żgħażagħ, mir-riskji tat-tabakk;

6.

jenfasizza li l-UE flimkien mal-awtoritajiet lokali, reġjonali u nazzjonali għandhom iżidu l-isforzi tagħhom f’termini ta’ saħħa pubblika, l-implimentazzjoni ta’ kampanji ta’ edukazzjoni, sensibilizzazzjoni u promozzjoni tas-saħħa li jipprovdu informazzjoni dwar il-konsegwenzi kkawżati mit-tipjip li s’issa kienu pjuttost effettivi fit-tnaqqis tal-konsum tat-tabakk kif ukoll f’termini ta’ miżuri restrittivi li wasslu għal tibdil fil-livell ta’ konsum;

7.

jitlob li r-reviżjoni tad-Direttiva dwar il-Prodotti tat-Tabakk tkun konformi mal-Programm “Is-Saħħa għat-Tkabbir: it-tielet programm multiannwali ta’ azzjoni tal-UE fil-qasam tas-saħħa għall-perjodu 2014-2020” li għandu l-għan li jippromovi s-sinerġiji filwaqt li jevita d-duplikazzjoni ma’ programmi u azzjonijiet relatati tal-Unjoni;

Ngħaqqdu l-protezzjoni tas-saħħa mal-iżvilupp ekonomiku

8.

jaqbel mal-Kummissjoni Ewropea li, b’konformità mal-Artikoli 114, 168 u 169 tat-TFUE, tikkunsidra livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa bħala bażi hija u tagħżel bejn id-diversi għażliet ta’ politika identifikati fir-reviżjoni tad-Direttiva dwar il-Prodotti tat-Tabakk; jenfasizza li l-protezzjoni tas-saħħa hija għan ewlieni li għandu jikkunsidra l-fatturi għall-promozzjoni tas-saħħa u għall-prevenzjoni tal-mard, bħall-kundizzjonijiet soċjoekonomiċi, l-istil tal-ħajja, il-kultura, l-edukazzjoni u l-fatturi ambjentali fl-oqsma soċjali rilevanti kollha sabiex jiġu identifikati l-fatturi ta’ riskju u jkun hemm mitigazzjoni għall-effetti negattivi tagħhom minn stadju kemm jista’ jkun bikri;

9.

iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkunsidraw li jimmodifikaw id-dispożizzjonijiet proposti b'tali mod li jiżguraw l-adozzjoni ta' direttiva bbilanċjata li, filwaqt li tissalvagwardja t-twissijiet sanitarji meħtieġa għall-ħarsien tal-konsumatur, tqis ukoll il-produzzjoni u l-valur ekonomiku ta' din il-kultivazzjoni;

10.

jappoġġja dawk il-miżuri li għandhom l-għan li jnaqqsu d-dipendenza mit-tabakk jew it-tossiċità tiegħu abbażi ta’ evidenzi xjentifiċi, kif ukoll dawk li jwasslu biex tiġi evitata konfużjoni fost il-konsumaturi b’mod oġġettiv, bħal pereżempju l-inklużjoni ta’ addittivi li jistgħu jimplikaw li ċerti prodotti tat-tabakk għandhom effetti tajbin għas-saħħa jew terapewtiċi;

Protezzjoni tal-impjieg u l-produzzjoni

11.

iqis li f’ħafna reġjuni tal-UE t-tabakk jitkabbar f’ħamrija ftit fertili, fejn il-produzzjoni tat-tabakk teħtieġ l-użu ta’ kwantitajiet kbar ta’ fertilizzanti u pestiċidi;

12.

jindika, f’konformità mal-Opinjoni tal-KtR dwar il-Politika Agrikola Komuni, li huwa vitali li l-biedja Ewropea timxi lejn metodi sostenibbli ta’ produzzjoni u li tadatta għat-tibdil fil-klima. Għaldaqstant, fid-dawl tal-impatt ambjentali tiegħu, it-tkabbir tat-tabakk għandu jinbidel b’żergħat aktar sostenibbli;

13.

jappella lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipprevedu appoġġ għar-reġjuni fejn jiġi mkabbar jew manifatturat it-tabakk bħalissa, sabiex ikunu jistgħu jirristrutturaw il-produzzjoni tagħhom għal prodotti agrikoli oħra;

14.

jitlob lill-Kummissjoni Ewropea biex flimkien mal-Istati Membri tikkunsidra skema li tikkumpensa għat-telf tal-impjiegi fis-settur tat-tabakk u fl-industrija tal-ippakkjar;

Dħul mit-taxxa, miżuri ta’ sikurezza u traċċabbiltà u kuntrabandu

15.

ifakkar li fl-Unjoni Ewropea kull sena jinġabru kważi EUR 100 biljun f’taxxi fuq il-prodotti tat-tabakk u li attwalment il-kummerċ illeċitu huwa ta’ madwar 10 %, li jwaqqaf milli kull sena jinġabru EUR 10 biljun f’taxxi. Dan juri l-ħtieġa li s-suq Ewropew ikun imħares aħjar mit-theddid tal-kummerċ illeċitu u li ċ-ċittadini jkunu infurmati aħjar dwar il-periklu li jiġu kkunsmati prodotti tat-tabakk ta’ oriġini mhux magħrufa jew mhux awtorizzata, li l-kwalità tagħhom fl-ebda ħin ma ġiet ikkontrollata u li jipperikolaw is-sigurtà tal-konsumaturi;

16.

iqis li l-miżuri speċifiċi inklużi fil-Proposta għal Direttiva għall-kontroll tat-traċċabbiltà u l-ġlieda kontra l-kuntrabandu ser ikollhom piż ekonomiku u amministrattiv kbir għall-intrapriżi (speċjalment għall-iżgħar intrapriżi) u għall-Istati Membri. Dan ixekkel milli dawn il-miżuri jkunu effettivi u jikser id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Konvenzjoni Qafas dwar il-Kontroll fuq it-Tabakk tal-WHO;

17.

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li fis-swieq nazzjonali jew reġjonali tal-Ewropa bħalissa jeżistu pakketti mhux standard, u t-tneħħija tagħhom jista' jkollha konsegwenzi negattivi fuq id-dħul tar-reġjuni fejn jiġu prodotti dawn il-pakketti. Dan l-impatt ekonomiku negattiv jista' jkun partikolarment qawwi f'żoni li diġà qed ibatu minħabba l-kriżi ekonomika attwali;

18.

mill-banda l-oħra jwissi li ftit li xejn jiswew dawn il-miżuri ta’ kontroll jekk il-bqija tal-kontenut tad-Direttiva jista’ jispiċċa jiffavorixxi ż-żieda tal-kuntrabandu speċjalment fir-reġjuni u l-muniċipalitajiet fil-fruntieri u l-kuntrabandu minn pajjiżi terzi. Għaldaqstant jitlob lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri biex jimpenjaw lilhom innifishom aktar fil-ġlieda kontra l-kontrabandu;

Bżonn ta’ koerenza bejn il-politiki tal-UE

19.

iqis li d-definizzjoni l-ġdida ta’ “sigarru żgħir” proposta fit-test tad-Direttiva hija inkoerenti u bla bżonn u tmur kontra d-Direttiva 2011/64/UE tal-Kunsill tal-21 ta’ Ġunju 2011 dwar l-istruttura u r-rati tad-dazju tas-sisa fuq it-tabakk manifatturat;

Sussidjarjetà u atti ddelegati

20.

iwissi li l-atti ddelegati u ta’ implimentazzjoni jagħtu setgħat kbar lill-Kummissjoni Ewropea biex b’mod ulterjuri u unilaterali tiżviluppa aspetti essenzjali bħall-livelli massimi ta’ addittivi, l-aromi u t-togħmiet li jistgħu jiġu pprojbiti jew il-kliem, il-post u d-daqs tat-twissijiet tas-saħħa;

21.

jemmen li l-użu ta’ atti ddelegati, kif proposti, jagħti lill-Kummissjoni setgħa diskrezzjonali ta’ implimentazzjoni eċċessiva, li tista’ tikser it-Trattat ta’ Lisbona, li jispeċifika li l-atti ddelegati jistgħu jintużaw biss sabiex jiġu żviluppati “elementi mhux essenzjali” ta’ direttiva, xi ħaġa li ma titwettaqx f’dan il-każ;

22.

fil-każ tas-sigarri, is-sigarri żgħar u t-tabakk tal-pipa, iwissi li l-Proposta għal Direttiva tirriserva l-poter li telimina b’mod awtomatiku ċerti eċċezzjonijiet rikonoxxuti fit-test jekk ikun hemm “bidla sostanzjali taċ-ċirkostanzi”, bidla li hija marbuta ma’ żieda fil-volum ta’ bejgħ ta’ mill-inqas 10 % f’mill-inqas 10 Stati Membri jew 5 % ta’ persuni li jpejpu u li għandhom inqas minn 25 sena. F’10 mis-27 Stati Membri attwali, is-suq ta’ dawn il-prodotti huwa estremament żgħir u l-bidla ta’ 10 % tista’ tiġri faċilment. Dan ifisser li l-miżura ma tagħmilx sens u tiġġenera inċertezza legali kbira f’dan is-sottosettur. Il-Kumitat tar-Reġjuni jemmen li din id-dispożizzjoni hija wisq ġenerali u wiesgħa, u dan jista’ jwassal għal użu diskrezzjonali mill-Kummissjoni.

II.   RAKKOMANDAZZJONIJIET SABIEX JITRESSQU L-EMENDI

Emenda 1

Premessa 8

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

Skont l-Artikolu 114(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (minn hawn ’il quddiem: “it-Trattat”), għandu jittieħed bħala bażi livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa, filwaqt li jitqies, b’mod partikolari, kull żvilupp ġdid ibbażat fuq fatti xjentifiċi. Il-prodotti tat-tabakk mhumiex komoditajiet ordinarji u minħabba l-effetti partikolarment dannużi tat-tabakk, il-protezzjoni tas-saħħa għandha tingħata importanza kbira, b’mod partikolari, biex titnaqqas il-prevalenza tat-tipjip fost iż-żgħażagħ.

Skont l-Artikolu 114(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (minn hawn ’il quddiem: “it-Trattat”), għandu jittieħed bħala bażi livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa, filwaqt li jitqies, b’mod partikolari, kull żvilupp ġdid ibbażat fuq fatti xjentifiċi. Il-prodotti tat-tabakk mhumiex komoditajiet ordinarji u minħabba l-effetti partikolarment dannużi tat-tabakk, il-protezzjoni tas-saħħa għandha tingħata importanza kbira, b’mod partikolari, biex titnaqqas il-prevalenza tat-tipjip fost iż-żgħażagħ. Għandhom jiġu promossi l-kampanji pubbliċi ta’ edukazzjoni u sensibilizzazzjoni billi b’mod regolari jingħataw pariri fl-iskejjel tal-primarja u tas-sekondarja.

Raġuni

Il-kampanji pubbliċi ta’ edukazzjoni u sensibilizzazzjoni ser ikollhom impatt akbar fuq is-saħħa pubblika milli miżuri sempliċi ta’ intervenzjoni jew projbizzjoni abbażi ta’ projbizzjonijiet arbitrarji.

Emenda 2

Premessa 13

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

L-użu attwali ta’ formati differenti ta’ rappurtar jagħmilha diffiċli għall-manifatturi u l-importaturi biex jissodisfaw l-obbligi tagħhom ta’ rappurtar u huwa ta’ piż għall-Istati Membri u għall-Kummissjoni biex iqabblu, janalizzaw u jfasslu l-konklużjonijiet mill-informazzjoni li jkunu rċevew. F’dan id-dawl għandu jkun hemm format obbligatorju komuni għar-rappurtar tal-ingredjenti u l-emissjonijiet. L-akbar trasparenza possibbli dwar l-informazzjoni tal-prodott għandha tiġi żgurata għall-pubbliku ġenerali, filwaqt li jiġi żgurat li jitqiesu kif xieraq id-drittijiet kummerċjali u ta’ proprjetà intelletwali tal-manufatturi tal-prodotti tat-tabakk.

L-użu attwali ta’ formati differenti ta’ rappurtar jagħmilha diffiċli għall-manifatturi u l-importaturi biex jissodisfaw l-obbligi tagħhom ta’ rappurtar u huwa ta’ piż għall-Istati Membri u għall-Kummissjoni biex iqabblu, janalizzaw u jfasslu l-konklużjonijiet mill-informazzjoni li jkunu rċevew. F’dan id-dawl għandu jkun hemm format obbligatorju komuni għar-rappurtar tal-ingredjenti u l-emissjonijiet. L-akbar trasparenza possibbli dwar l-informazzjoni tal-prodott għandha tiġi żgurata għall-pubbliku ġenerali, filwaqt li jiġi żgurat li jitqiesu kif xieraq id-drittijiet kummerċjali u ta’ proprjetà intelletwali tal-manufatturi tal-prodotti tat-tabakk u jiġu rispettati l-ftehimiet tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO).

Raġuni

Fil-livell internazzjonali, il-Kummissjoni Ewropea kellha uffiċjalment tinnotifika lill-Kumitat dwar l-Ostakli Tekniċi għall-Kummerċ bil-proposta għal Direttiva, peress li xi wħud mill-proposti tagħha jistgħu jiksru r-regoli tal-kummerċ.

Emenda 3

Premessa 18

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

Meta wieħed jikkunsidra l-fokus tad-Direttiva fuq iż-żgħażagħ, il-prodotti tat-tabakk għajr is-sigarretti, it-tabakk tal-brim u t-tabakk li ma jdaħħanx li prinċipalment jiġu kkunsmati minn konsumaturi ta’ età akbar, għandhomjingħataw eżenzjoni mir-rekwiżiti ta’ ċerti ingredjenti sakemm ma jkunx hemm bidla sostanzjali taċ-ċirkostanzi f'termini ta’ volumi ta’ bejgħ jew xejriet tal-konsum fir-rigward taż-żgħażagħ.

Meta wieħed jikkunsidra l-fokus tad-Direttiva fuq iż-żgħażagħ, il-prodotti tat-tabakk għajr is-sigarretti, u it-tabakk tal-brim u t-tabakk li ma jdaħħanx li prinċipalment jiġu kkunsmati minn konsumaturi ta’ età akbar, għandhomjingħataw eżenzjoni mir-rekwiżiti ta’ ċerti ingredjenti sakemm ma jkunx hemm bidla sostanzjali taċ-ċirkostanzi f'termini ta’ volumi ta’ bejgħ jew xejriet tal-konsum fir-rigward taż-żgħażagħ.

Raġuni

Din l-emenda tqis l-approċċ ġenerali maqbul dwar id-Direttiva mill-Kunsill Impjiegi, Politika Soċjali, Saħħa u Affarijiet tal-Konsumatur matul il-laqgħa tiegħu tal-21 ta' Ġunju 2013, li jgħid li l-projbizzjoni ta' togħmiet karatterizzanti għandha titwessa' għas-sigarretti u t-tabakk tal-brim, u tħalli barra prodotti tat-tabakk oħrajn.

Emenda 4

Premessa 24

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

Il-prodotti tat-tabakk għat-tipjip, għajr is-sigarretti u l-prodotti tat-tabakk tal-brim, li prinċipalment jiġu kkunsmati minn konsumaturi ta’ età akbar, għandhom jingħataw eżenzjoni minn ċerti rekwiżiti tal-ittikkettjar sakemm ma jkunx hemm bidla sostanzjali ta' ċirkostanzi f'termini ta' volumi ta' bejgħ jew fix-xejriet tal-konsum fir-rigward taż-żgħażagħ. L-ittikkettjar ta’ dawn il-prodotti l-oħra tat-tabakk għandu jsegwi regoli speċifiċi. Jeħtieġ li tiġi żgurata l-viżibbiltà tat-twissijiet tas-saħħa fuq prodotti tat-tabakk li ma jdaħħnux. It-twissijiet għandhom għalhekk jitqiegħdu fuq iż-żewġ uċuħ ewlenin tal-pakkett tal-prodotti tat-tabakk li ma jdaħħnux.

Il-prodotti tat-tabakk għat-tipjip, għajr is-sigarretti u l-prodotti tat-tabakk tal-brim, li prinċipalment jiġu kkunsmati minn konsumaturi ta’ età akbar, ħlief f’komunitajiet lokali speċifiċi, għandhom jingħataw eżenzjoni minn ċerti rekwiżiti tal-ittikkettjar sakemm ma jkunx hemm bidla sostanzjali ta' ċirkostanzi f'termini ta' volumi ta’ jew fix-xejriet tal-konsum fir-rigward taż-żgħażagħ. L-ittikkettjar ta' dawn il-prodotti l-oħra tat-tabakk għandu jsegwi regoli speċifiċi. Jeħtieġ li tiġi żgurata l-viżibbiltà tat-twissijiet tas-saħħa fuq prodotti tat-tabakk li ma jdaħħnux. It-twissijiet għandhom għalhekk jitqiegħdu fuq iż-żewġ uċuħ ewlenin tal-pakkett tal-prodotti tat-tabakk li ma jdaħħnux. Ser tingħata attenzjoni speċifika lill-monitoraġġ tat-tendenzi ta’ konsum ta’ prodotti speċjalizzati tat-tabakk, bħall-prodotti tal-pipi tal-ilma, fost il-komunitajiet etniċi minoritarji fi ħdan l-Istati Membri.

Emenda 5

Premessa 30

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

Il-bejgħ transkonfinali bid-distanza tat-tabakk jiffaċilita l-aċċess taż-żgħażagħ għall-prodotti tat-tabakk u jhedded li jimmina l-konformità mar-rekwiżiti provduti mil-leġiżlazzjoni dwar il-kontroll tat-tabakk ta’ din id-Direttiva. Ir-regoli komuni dwar is-sistema ta’ notifika huma meħtieġa biex jiżguraw li din id-Direttiva tikseb il-potenzjal sħiħ tagħha. Id-dispożizzjoni dwar in-notifika tal-bejgħ tat-tabakk transkonfinali bid-distanza f’din id-Direttiva għandha tapplika minkejja l-proċedura ta’ notifika stabbilita fid-Direttiva 2001/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni (1). Il-bejgħ mill-bogħod ta’ prodotti tat-tabakk bejn l-intrapriżi u l-konsumaturi huwarregolat ulterjorment mid-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 1997 dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi fir-rigward ta’ kuntratti li jsiru mill-bogħod, li mit-13 ta’ Ġunju 2014 se tiġi sostitwita mid-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatu (2).

Il-bejgħ transkonfinali bid-distanza tat-tabakk jista' jiġi pprojbit mill-Istati Membri peress li jiffaċilita l-aċċess taż-żgħażagħ għall-prodotti tat-tabakk u jhedded li jimmina l-konformità mar-rekwiżiti provduti mil-leġiżlazzjoni dwar il-kontroll tat-tabakk ta’ din id-Direttiva. Ir-regoli komuni dwar is-sistema ta’ notifika huma meħtieġa biex jiżguraw li din id-Direttiva tikseb il-potenzjal sħiħ tagħha. Id-dispożizzjoni dwar in-notifika tal-bejgħ tat-tabakk transkonfinali bid-distanza f’din id-Direttiva għandha tapplika minkejja l-proċedura ta’ notifika stabbilita fid-Direttiva 2001/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni (3). Il-bejgħ mill-bogħod ta’ prodotti tat-tabakkbejn l-intrapriżi u l-konsumaturi huwa rregolat ulterjorment mid-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 1997 dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi fir-rigward ta’ kuntratti li jsiru mill-bogħod, li mit-13 ta’ Ġunju 2014 se tiġi sostitwita mid-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 25 ta’ Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur (4).

Raġuni

Il-bejgħ transkonfinali bid-distanza jikkostitwixxi parti żgħira mill-kummerċ tat-tabakk. Dan jista' jiffaċilita l-aċċess għall-prodotti tat-tabakk għaż-żgħażagħ, għaldaqstant l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jipprojbixxu dan il-bejgħ min-negozji għall-konsumaturi jekk jitqajjem tħassib reġjonali jew nazzjonali. Fl-assenza ta' din il-projbizzjoni, xorta waħda ser ikun hemm bżonn ta' regoli komuni ta' notifika biex jiżguraw il-konformita sħiħa mar-regoli ta' din id-Direttiva.

Emenda 6

Premessa 30

Żid premessa ġdida wara l-premessa 30

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

 

Fid-dawl tal-potenzjal kbir li jiġu reklutati persuni ġodda (u żgħażagħ) li jpejpu, l-Istati Membri għandhom jipprojbixxu l-prinċipju tad-distribuzzjoni ħielsa tal-prodotti tat-tabakk (minn ħwienet onlajn jew f’żoni pubbliċi).

Raġuni

L-emenda proposta hija relatata mal-punt 1 tal-abbozz ta' opinjoni: hemm bżonn li jiġi limitat il-konsum tat-tabakk tas-70 % ta' dawk li bdew ipejpu qabel għalqu t-18-il sena.

Emenda 7

Premessa 31

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

Il-prodotti kollha tat-tabakk għandhom il-potenzjal li jikkawżaw mortalità, morbożità u diżabilità u l-konsum tagħhom għandu jinżamm limitat. Għalhekk, huwa importanti li jiġu mmonitorjati l-iżviluppi rigward prodotti tat-tabakk innovattivi. L-obbligu ta’ notifika għall-prodotti ġodda tat-tabakk għandu jiġi impost fuq il-manifatturi u l-importaturi, mingħajr preġudizzju għas-setgħa tal-Istati Membri li jipprojbixxuhom jew jawtorizzawhom. Il-Kummissjoni għandha timmonitorja l-iżvilupp u tissottometti rapport ħames snin wara l-iskadenza tat-traspożizzjoni ta’ din id-Direttiva, sabiex jiġi vvalutat jekk humiex meħtieġa emendi għal din id-Direttiva.

Il-prodotti kollha tat-tabakk għandhom il-potenzjal li jikkawżaw mortalità, morbożità u diżabilità u l-konsum tagħhom għandu jinżamm limitat. Għalhekk, huwa importanti għandhom jiġu promossi l-pjani u l-kampanji pubbliċi ta’ edukazzjoni u sensibilizzazzjoni fir-rigward tal-konsegwenzi gravi li t-tipjip għandu fuq is-saħħa, minbarra li jiġu mmonitorjati l-iżviluppi rigward prodotti tat-tabakk innovattivi. L-obbligu ta’ notifika għall-prodotti ġodda tat-tabakk għandu jiġi impost fuq il-manifatturi u l-importaturi, mingħajr preġudizzju għas-setgħa tal-Istati Membri li jipprojbixxuhom jew jawtorizzawhom. Il-Kummissjoni għandha timmonitorja l-iżvilupp u tissottometti rapport ħames snin wara l-iskadenza tat-traspożizzjoni ta’ din id-Direttiva, sabiex jiġi vvalutat jekk humiex meħtieġa emendi għal din id-Direttiva.

Raġuni

Il-kampanji pubbliċi ta’ edukazzjoni u sensibilizzazzjoni ser ikollhom impatt akbar fuq is-saħħa pubblika milli miżuri sempliċi ta’ intervenzjoni jew projbizzjoni abbażi ta’ projbizzjonijiet arbitrarji.

Emenda 8

Artikolu 2(20)

Żid punt ġdid fl-Artikolu 20, wara l-punt 20

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

 

“it-tabakk speċjalizzat” ikopri l-prodotti tat-tabakk, l-aktar il-prodotti tat-tabakk mingħajr duħħan u tal-pipa, bħall-Gutkha, Zarda, Nasal snuff, Sishaand Beedi, li tradizzjonalment huma kkunsmati minn komunitajiet tal-Asja t’Isfel u komunitajiet speċifiċi oħra.

Raġuni

Attwalment m'hemmx din id-definizzjoni fid-Direttiva.

Emenda 9

Artikolu 5(4)

Żid punt ġdid fl-Artikolu 5, wara l-punt 4

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

 

L-Istati Membri għandhom jitolbu lill-manifatturi u lill-importaturi biex jiddikjaraw in-nefqa tagħhom fuq ir-reklamar, il-promozzjoni u l-isponserizzazzjoni għal kull Stat Membru fuq bażi annwali mill-bidu tas-sena kalendarja sħiħa wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva.

Raġuni

Din l-emenda tirriżulta mir-rekwiżiti tal-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni Qafas dwar il-Kontroll fuq it-Tabakk tal-WHO. Din iċ-ċifra attwalment mhix disponibbli għall-UE.

Emenda 10

Artikolu 6(4)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

4.   L-Istati Membri għandhom jipprojbixxu l-użu tal-addittivi li ġejjin fi prodotti tat-tabakk:

(a)

vitamini u addittivi oħra li joħolqu l-impressjoni li prodott tat-tabakk huwa ta' benefiċċju għas-saħħa jew jippreżenta inqas perikli għas-saħħa, jew

(b)

kafeina u tawrina u addittivi oħra u komposti stimulanti li huma assoċjati mal-enerġija u l-vitalità, jew

(c)

addittivi li għandhom proprjetajiet koloranti għall-emissjonijiet.

4.   L-Istati Membri għandhom jipprojbixxu l-użu tal-addittivi li ġejjin fi prodotti tat-tabakk:

(a)

vitamini u addittivi oħra li joħolqu l-impressjoni li prodott tat-tabakk huwa ta' benefiċċju għas-saħħa jew jippreżenta inqas perikli għas-saħħa, jew

(b)

kafeina u tawrina u addittivi oħra u komposti stimulanti li huma assoċjati mal-enerġija u l-vitalità, jew

(c)

addittivi li għandhom proprjetajiet koloranti għall-emissjonijiet, jew.

(d)

addittivi li jżidu l-effett ta’ dipendenza tan-nikotina.

Raġuni

Ma teħtieġx spjegazzjoni. Tintalab ukoll fid-deċiżjoni tal-Bundesrat Ġermaniż tat-22 ta' Marzu 2013. Ara http://dipbt.bundestag.de/dip21/brd/2012/0820-12B.pdf (bil-Ġermaniż).

Emenda 11

Artikolu 6(10)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

Il-prodotti tat-tabakk għajr is-sigarretti, it-tabakk tal-brim u l-prodotti tat-tabakk li ma jdaħħnux għandhom ikunu eżentati mill-projbizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 1 u 5. Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati b’konformità mal-Artikolu 22 sabiex tirtira din l-eżenzjoni jekk ikun hemm bidla sostanzjali fiċ-ċirkostanzi kif stabbilit f’rapport tal-Kummissjoni.

Il-prodotti tat-tabakk għajr is-sigarretti, u it-tabakk tal-brim u l-prodotti tat-tabakk li ma jdaħħnux għandhom ikunu eżentati mill-projbizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 1 u 5. Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati b’konformità mal-Artikolu 22 sabiex tirtira din l-eżenzjoni jekk ikun hemm bidla sostanzjali fiċ-ċirkostanzi kif stabbilit f’rapport tal-Kummissjoni.

Raġuni

Din l-emenda tqis l-approċċ ġenerali maqbul dwar id-Direttiva mill-Kunsill Impjiegi, Politika Soċjali, Saħħa u Affarijiet tal-Konsumatur matul il-laqgħa tiegħu tal-21 ta' Ġunju 2013.

Emenda 12

Artikolu 9(1)(c)

Abbozz ta' opinjoni

Emenda

(c)

ikopru 75 % tal-erja esterna tal-wiċċ ta’ quddiem u ta’ wara tal-pakkett individwali u kwalunkwe ppakkjar estern.

(c)

ikopru 75 65 % tal-erja esterna tal-wiċċ ta’ quddiem u ta’ wara tal-pakkett individwali u kwalunkwe ppakkjar estern.

Raġuni

B'konformità mal-approċċ ġenerali maqbul dwar id-Direttiva mill-Kunsill Impjiegi, Politika Soċjali, Saħħa u Affarijiet tal-Konsumatur matul il-laqgħa tiegħu tal-21 ta' Ġunju 2013.

Emenda 13

Artikolu 9(1)(e)

Abbozz ta’ opinjoni

Emenda

(e)

jitqegħdu fuq ix-xifer ta’ fuq tal-pakkett individwali u ta’ kwalunkwe ppakkjar estern, u fl-istess direzzjoni bħal kwalunkwe informazzjoni oħra li tidher fuq l-ippakkjar;

(e)

jitqegħdu fuq ix-xifer ta’ fuq jew t'isfel tal-pakkett individwali u ta’ kwalunkwe ppakkjar estern, u fl-istess direzzjoni bħal kwalunkwe informazzjoni oħra li tidher fuq l-ippakkjar;

Raġuni

Il-pakketti tat-tabakk ta' daqs normali b'ippakkjar artab m'għandhomx għatu li jinfetaħ, u t-timbru tat-taxxa huwa mwaħħal mat-tarf ta' fuq, li jservi wkoll biex iżomm il-pakkett magħluq. Jekk jiġi speċifikat li l-twissija għas-saħħa trid titqiegħed fit-tarf ta' fuq tal-pakkett, dan ifisser li dan it-tip ta' prodott ma jibqax vijabbli. Għaldaqstant qed nissuġġerixxu li tiġi introdotta ċerta flessibbiltà dwar fejn għandhom jitqiegħdu dawn it-twissijiet, filwaqt li tinżamm il-viżibbiltà neċessarja għat-twissijiet, billi jitħallew jitqiegħdu fil-qiegħ tal-pakkett bħala alternattiva.

Emenda 14

Artikolu 9(1)(g)

Abbozz ta’ opinjoni

Emenda

(g)

għall-pakketti individwali tas-sigarretti, jirrispettaw id-dimensjonijiet li ġejjin:

(i)

għoli: mhux inqas minn 64 mm;

(ii)

wisa’: mhux inqas minn 55 mm;

(g)

għall-pakketti individwali tas-sigarretti, jirrispettaw id-dimensjonijiet li ġejjin:

(i)

għoli: mhux inqas minn 64 44 mm;

(ii)

wisa’: mhux inqas minn 55 52 mm;

Emenda 15

Artikolu 13(1)

Abbozz ta' opinjoni

Emenda

Pakkett individwali tas-sigarretti għandu jkun forma ta’ kubu. Pakkett individwali tat-tabakk tal-brim għandu jkollu l-forma ta’ borża, jiġifieri, but rettangulari b’għatu li jkopri l-fetħa. L-għatu tal-borża għandu jkopri ta’ mill-anqas 70 % tal-wiċċ ta’ quddiem tal-pakkett. Pakkett individwali tas-sigarretti għandu jinkludi mill-inqas 20 sigarett. Pakkett individwali tat-tabakk tal-brim għandu jkollu tabakk li jiżen mill-inqas 40 gr.

Pakkett individwali tas-sigarretti għandu jkun forma ta’ kubu. Pakkett individwali tat-tabakk tal-brim għandu jkollu l-forma ta’ borża, jiġifieri, but rettangulari b’għatu li jkopri l-fetħa. L-għatu tal-borża għandu jkopri ta’ mill-anqas 70 % tal-wiċċ ta’ quddiem tal-pakkett. Pakkett individwali tas-sigarretti għandu jinkludi mill-inqas 20 sigarett. Pakkett individwali tat-tabakk tal-brim għandu jkollu tabakk li jiżen mill-inqas 40 gr.

Raġuni

L-Artikolu 13(1) tal-abbozz ta' Direttiva jistabbilixxi li pakkett individwali tat-tabakk tal-brim għandu jkollu l-forma ta’ borża. Ġeneralment, regoli eħrex assoċjati mal-abbozz ta' Direttiva, bħat-twissijiet għas-saħħa fuq is-sigarretti u t-tabakk tal-brim għandhom jintlaqgħu ħafna mil-lat tas-saħħa pubblika. Madankollu, il-projbizzjoni proposta dwar, pereżempju ċerti laned apposta billi l-ippakkettjar għal dan il-grupp ta' prodotti jiġi limitat għal boroż, ma twassalx għal titjib sinifikanti fil-ħarsien tas-saħħa pubblika, b'mod partikolari peress li l-għan tal-ħarsien tal-konsumaturi permezz ta' twissija għas-saħħa fuq il-pakketti jista' jintlaħaq skont il-linji gwida għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 11 tal-Konvenzjoni Qafas dwar il-Kontroll tat-Tabakk tad-WHO.

Brussell, 3 ta’ Lulju 2013.

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Ramón Luis VALCÁRCEL SISO


(1)  ĠU L 178, 17.7.2000, p. 1-16.

(2)  ĠU L 144, 4.6.1997, p. 19-27 u ĠU L 304, 22.11.2011, p. 64-88.

(3)  ĠU L 178, 17.7.2000, p. 1-16.

(4)  ĠU L 144, 4.6.1997, p. 19-27 u ĠU L 304, 22.11.2011, p. 64-88.


Top