EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013AR1389

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar l- “Idoneità Regolatorja tal-UE (REFIT)”

ĠU C 218, 30.7.2013, p. 22–26 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

30.7.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 218/22


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-“Idoneità Regolatorja tal-UE (REFIT)”

2013/C 218/04

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

jagħraf li l-kriżi ekonomika li għadha għaddejja ressqet saħansitra aktar fil-mira l-ispejjeż tal-leġislazzjoni u l-isfida ta’ implimentazzjoni u infurzar tal-liġijiet li jinsabu diġà fl-acquis;

jemmen li l-livelli kollha ta’ tmexxija għandhom jiżguraw li l-leġislazzjoni tkun effettiva u effiċjenti, u l-istituzzjonijiet tal-UE għandhom responsabbiltà partikolari biex juru li r-regolamentazzjoni tal-UE għandha valur miżjud ċar u li din għandha twassal il-benefiċċji kollha bl-anqas spejjeż, u tirrispetta l-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità;

jilqa’ din il-proposta għal Programm ġdid dwar l-Idoneità u l-Prestazzjoni tar-Regolamentazzjoni (REFIT), biex jiġu identifikati sistematikament u b’mod trasparenti jitwettqu inizjattivi maħsuba biex iwasslu għal tnaqqis sinifikanti fl-ispejjeż regolatorji u għal semplifikazzjoni;

jilqa’ l-proposta għal eżerċizzju ta’ mmappjar biex jiġu identifikati l-liġijiet u/jew l-oqsma regolatorji fejn hemm il-potenzjal għas-semplifikazzjoni u t-tnaqqis tal-ispejjeż mingħajr ma jiġu preġudikati l-objettivi tal-politika, jinsisti li l-kontrolli tal-idoneità għandhom jinkludu l-kontribut mil-livelli kollha tal-gvern u jkompli jappoġġa l-evalwazzjonijiet sistematiċi ex post tal-leġislazzjoni tal-UE bħala għodda effiċjenti tar-regolamentazzjoni intelliġenti;

itenni s-sinifikat tas-semplifikazzjoni biex jiġi standardizzat l-ambjent regolatorju, speċjalment għall-awtoritajiet lokali u reġjonali li r-riżorsi tagħhom għall-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni huma ta’ spiss limitati u dejjem jonqsu;

jilqa’ proposti għal titjib kontinwu tal-valutazzjonijiet tal-impatt u jtenni li l-valutazzjonijiet tal-impatt ta’ proposti leġislattivi u ta’ politika għandhom jesploraw id-dimensjoni territorjal ta’ għażliet tal-politika prinċipali li jkunu qed jiġu studjati; jekk il-Kummissjoni tiddeċiedi li testendi n-numru tal-membri fil-Bord għall-Valutazzjoni tal-Impatt, biex ittejjeb l-indipendenza tiegħu, il-KtR iqis li l-interessi tal-awtorità lokali u reġjonali għandhom jiġu rappreżentati;

iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea ttejjeb l-isforzi tagħha biex tittraduċi dokumenti konsultattivi fil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE;

itenni r-responsabbiltà kondiviża tal-istituzzjonijiet li jgħarrfu liċ-ċittadini, in-negozji u l-pubbliku inġenerali bil-benefiċċji li jinkisbu permezz tal-applikazzjoni tal-għodod inerenti fir-regolamentazzjoni intelliġenti;

Relatur

Lord Graham TOPE (UK/ALDE), Membru tal-Borough ta’ Sutton, Londra

Dokumenti ta’ referenza

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-Idoneità Regolatorja tal-UE

COM(2012) 746 final

B’kunsiderazzjoni tad-:

 

Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal dwar “Reviżjoni tal-Politika ta’ Konsultazzjoni tal-Kummissjoni”

SWD(2012) 422 final

 

Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal dwar “Programm ta’ Azzjoni għat-Tnaqqis tat-Tagħbija Amministrattiva tal-UE – Rapport Finali”

SWD(2012) 423 final

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Introduzzjoni: strateġija ta’ regolamentazzjoni aħjar

1.

ifakkar li l-leġislazzjoni Ewropea fiha nnifisha tikkostitwixxi parti mill-isforzi biex jittejjeb u jiġi semplifikat l-ambjent regolatorju u għaldaqstant biex jitnaqqsu l-ispejjeż u l-piż amministrattiv;

2.

jagħraf li l-kriżi ekonomika li għadha għaddejja ressqet saħansitra aktar fil-mira l-ispejjeż tal-leġislazzjoni u l-isfida ta’ implimentazzjoni u infurzar tal-liġijiet li jinsabu diġà fl-acquis;

3.

jikkondividi l-opinjoni tal-Kummissjoni Ewropea li l-amministrazzjonijiet nazzjonali qed ikollhom dejjem aktar restrizzjonijiet fir-riżorsi fil-kompitu tagħhom biex jittrasponu u japplikaw il-leġislazzjoni tal-UE; iqis li din hija sfida li għandha tiġi indirizzata f'kooperazzjoni mal-awtoritajiet lokali u reġjonali u m'għandhiex issir skuża biex jiżdied il-piż potenzjali għal livelli oħra ta’ governanza;

4.

f’dan il-kuntest ġenerali, jemmen li l-livelli kollha ta’ tmexxija għandhom jiżguraw li l-leġislazzjoni tkun effettiva u effiċjenti, u l-istituzzjonijiet tal-UE għandhom responsabbiltà partikolari biex juru li r-regolamentazzjoni tal-UE għandha valur miżjud ċar u li din għandha twassal il-benefiċċji kollha bl-anqas spejjeż, u tirrispetta l-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità;

5.

ifakkar li l-elementi prinċipali tal-istrateġija tal-UE għal regolamentazzjoni aħjar kienu dawn:

il-ħolqien ta’ sistema biex jiġi evalwat l-impatt u jittejjeb it-tfassil tal-proposti prinċipali tal-Kummissjoni;

l-implimentazzjoni ta’ programm għas-semplifikazzjoni tal-leġislazzjoni eżistenti;

pjan ta’ azzjoni dwar it-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi b’mira għat-tnaqqis;

l-irtirar ta’ leġislazzjoni jew proposti li m’għadhomx jintużaw;

l-użu mifrux tal-konsultazzjonijiet mal-partijiet interessati u ċ-ċittadini fir-rigward tal-inizjattivi kollha tal-Kummissjoni;

kunsiderazzjoni ta’ soluzzjonijiet alternattivi għal-liġijiet u r-regolamenti (pereżempju l-awtoregolamentazzjoni u l-koregolamentazzjoni mil-leġislatur u l-partijiet interessati);

6.

jilqa’ din il-proposta għal Programm ġdid dwar l-Idoneità u l-Prestazzjoni tar-Regolamentazzjoni (REFIT), biex jiġu identifikati sistematikament u b’mod trasparenti jitwettqu inizjattivi maħsuba biex iwasslu għal tnaqqis sinifikanti fl-ispejjeż regolatorji u għal semplifikazzjoni;

7.

jibqa’ jinsisti li r-regolamentazzjoni aħjar għandha titwettaq fl-ispirtu ta’ governanza f’diversi livelli, jiġifieri permezz ta’ azzjoni koordinata mill-UE, l-istituzzjonijiet nazzjonali u l-awtoritajiet lokali u reġjonali;

8.

iqis li l-Kummissjoni Ewropea u l-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE għandhom jiġu inkoraġġuti jinvolvu b’mod iktar attiv lill-awtoritajiet lokali u r-reġjuni huma u jfasslu l-leġislazzjoni, meta jevalwaw l-impatt tagħha jew huma u jfasslu modi kif jimplimentaw il-politiki u l-objettivi Ewropej. Fil-fatt, il-maġġoranza tal-proposti l-ġodda jikkonċernaw bidliet jew żidiet fil-leġislazzjoni tal-UE eżistenti. Bħala parti minn ċiklu kontinwu meħtieġ għall-aġġornament tal-leġislazzjoni huwa importanti li, meta jkunu qed jitħejjew proposti ġodda, titqies l-esperjenza prezzjuża tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-applikazzjoni tar-regoli tal-UE;

9.

jitlob li jsiru aktar sforzi biex tittejjeb il-kwalità tar-regolamenti sabiex jiġi żgurat li jkunu ċari, aċċessibbli u faċli b'mod li kulħadd ikun jista' jikkonforma magħhom, b'rispett għal-lingwi reġjonali rikonoxxuti fl-Istati Membri, fejn ikun jeżisti tali ftehim;

10.

jemmen li l-istrateġija għandha tkun ibbażata fuq approċċ ta’ sħubija u ta’ parteċipazzjoni matul it-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politki tal-UE;

11.

filwaqt li jieħu l-kunsiderazzjoni dovuta tal-prinċipju ta' awtonomija istituzzjonali u kostituzzjonali tal-Istati Membri, kif stabbilit fit-Trattati, il-KtR jisħaq dwar l-importanza li jiġu involuti l-awtoritajiet lokali u reġjonali fit-tfassil u l-valutazzjoni tal-leġislazzjoni Ewropea peress li dawn l-awtoritajiet stess huma responsabbli għall-implimentazzjoni tal-politiki Komunitarji;

Idoneità regolatorja

12.

jilqa’ l-proposta għal eżerċzzju ta’ mmappjar biex jiġu identifikati l-liġijiet u/jew l-oqsma regolatorji fejn hemm il-potenzjal għas-semplifikazzjoni u t-tnaqqis tal-ispejjeż mingħajr ma jiġu preġudikati l-objettivi tal-politika (l-hekk imsejħa politika ta’ “l-ewwel evalwa”).

13.

jinsisti li l-kontrolli tal-idoneità għandhom jinkludu l-kontribut mil-livelli kollha tal-gvern fis-setturi prinċipali li huma ta’ rilevanza għall-awtoritajiet lokali u reġjonali; jiġifieri l-politika ta’ koeżjoni, il-politika urbana u l-istrumenti finanzjarji, il-leġislazzjoni ambjentali, il-politika industrijali, il-leġislazzjoni soċjali u t-trasport;

Evalwazzjoni ex post

14.

ikompli jappoġġa l-evalwazzjonijiet sistematiċi ex post tal-leġislazzjoni tal-UE bħala għodda effiċjenti tar-regolamentazzjoni intelliġenti;

15.

jiddispjaċih li – minkejja t-talbiet fl-Opinjoni tiegħu tal-2011 dwar ir-regolamentazzjoni intelliġenti u l-inklużjoni tal-possibbiltà fil-Komunikazzjoni REFIT – il-KtR ma ġiex mistieden jikkopera f’eżerċizzju ta’ evalwazzjoni;

Tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi

16.

jinnota l-attivitajiet tal-Programm ta’ Azzjoni għat-Tnaqqis tal-Piżijiet Amministrattivi; jinnota li l-aktar kisbiet sinifikanti sal-lum kienu prinċipalment f’oqsma – il-liġi tal-kumpaniji, tassazzjoni korporattiva, eċċ. – li ftit huma direttament rilevanti għall-awtoritajiet lokali u reġjonali u għalhekk ikun utli li jiddaħħlu oqsma li huma iktar rilevanti għall-awtoritajiet lokali, bħall-għoti tal-liċenzji u l-permessi. Jagħraf madankollu, li dan il-programm jikkostitwixxi bidla fil-kultura regolatorja li fl-aħħar mill-aħħar jistgħu jgawdu minnha l-amministrazzjonijiet pubbliċi;

17.

itenni s-sinifikat tas-semplifikazzjoni biex jiġi standardizzat l-ambjent regolatorju, speċjalment għall-awtoritajiet lokali u reġjonali li r-riżorsi tagħhom għall-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni huma ta’ spiss limitati u dejjem jonqsu. Dan jgħodd pereżempju għall-obbligi estensivi tar-rappurtar li ħafna drabi jingħaddew liċ-ċittadini u l-kumpaniji;

18.

jinnota li s-semplifikazzjoni tista’ twassal għal effiċjenzi sinifikanti fl-ispejjeż, mhux biss għan-negozju imma wkoll għall-amministrazzjonijiet lokali u reġjonali, u b’hekk tillibera riżorsi skarsi – finanzjarji u umani – għal servizzi pubbliċi ewlenin oħrajn;

19.

itenni l-impenn tiegħu li jgħin lill-Grupp ta’ Livell Għoli fit-twettiq ta’ ħidmietu, speċjalment fi ħdan il-fluss tax-xogħol “il-ġdid” li jiffoka biex l-amministrazzjonijiet pubbliċi jsiru aktar effiċjenti u jirrispondu aħjar għall-bżonnijiet tal-partijiet interessati u l-SMEs;

20.

jenfasizza il-bżonn ta’ trasparenza u responsabbiltà fil-ħidma tal-Grupp;

21.

japprova l-proposta għal segwitu tal-Programm ta’ Azzjoni għat-Tnaqqis tal-Piżijiet Amministrattivi (ABRplus) biex jiġi żgurat li l-isforzi biex titnaqqas il-burokrazija b’25 % jġibu magħhom benefiċċji għan-negozju u l-SMEs fl-Istati Membri;

22.

jiddispjaċih li l-Komunikazzjoni REFIT ma tikkunsidrax mezzi alternattivi ta’ regolazzjoni jew modi alternattivi għar-regolamentazzjoni nnifisha;

Valutazzjoni tal-impatt u evalwazzjoni

23.

jilqa’ proposti għal titjib kontinwu tal-valutazzjonijiet tal-impatt, evalwazzjonijiet aktar komprensivi u kritiċi u li jkunu marbuta mill-qrib mal-proċess tal-politika, konsultazzjoni mtejba mal-partijiet interessati, u aktar appoġġ għall-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni tal-UE;

24.

itenni li l-valutazzjonijiet tal-impatt ta’ proposti leġislattivi u ta’ politika għandhom jittrattaw b'mod obbligatorju d-dimensjoni territorjali (aspetti lokali u reġjonali, implikazzjonijiet finanzjarji u amministrattivi għall-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali) ta’ għażliet tal-politika prinċipali li jkunu qed jiġu studjati. Ifakkar li din hija konsegwenza tal-għarfien tal-koeżjoni territorjali bħala wieħed mill-objettivi tal-Unjoni (Artikolu 3 TUE), u aktar minn hekk l-obbligu li “iqisu l-ħtieġa li kwalunkwe piż, kemm finanzjarju kif ukoll amministrattiv, li jaqa’ fuq … l-awtoritajiet reġjonali jew lokali … ikun minimizzat kemm jista’ jkun u jkun proporzjonat ma’ l-objettiv li jrid jintlaħaq” (Artikolu 5, Protokoll 2 TFUE);

25.

jiddispjaċih li r-reviżjoni tal-Ftehim ta’ Kooperazzjoni tal-KtR mal-Kummissjoni Ewropea ma introduċiex bażi għal kooperazzjoni strutturata dwar il-valutazzjoni tal-impatt u jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni Ewropea u lil Direttorati Ġenerali individwali biex jikkunsidraw ’il-Kumitat tar-Reġjuni bħala msieħeb istituzzjonali fil-valutazzjoni tal-impatt. L-involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali minn kmieni jsaħħaħ il-kapaċità tal-implimentazzjoni u l-appoġġ għal-leġislazzjoni tal-UE;

26.

jinnota li emendi sostanzjali li jsiru mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill għal proposti leġislattivi jistgħu wkoll jirrapreżentaw impatti sinifikanti fuq l-awtoritajiet lokali u reġjuni. Għalhekk iħeġġeġ lill-Parlament u lill-Kunsill biex ifittxu l-għajnuna tal-Kumitat tar-Reġjuni meta jiddeċiedu li jwettqu valutazzjonijiet tal-impatt ta’ tali emendi;

27.

għaldaqstant, jappella lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sabiex itejbu jew jistabbilixxu d-dipartimenti proprji tagħhom għall-evalwazzjoni tal-impatti, sabiex jipprovdu valutazzjonijiet tal-impatt minn perspettivi differenti, inkluża dik territorjali, kif ukoll mezzi ta' komunikazzjoni msaħħa mal-amministrazzjonijiet reġjonali u lokali, f'koordinazzjoni mal-Kummissjoni;

28.

jitlob li jkun involut fl-aġġornament tal-linji gwida għall-valutazzjoni tal-impatt li għandu jsir fl-2014, u jfakkar li kien ikkontribwixxa b’konsultazzjoni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali dwar l-abbozz tal-linji gwida tal-2009 għall-valutazzjoni tal-impatt;

29.

itenni r-riservi tiegħu dwar l-esternalizzazzjoni tal-valutazzjoni tal-impatt. Madankollu jekk il-Kummissjoni tiddeċiedi li testendi n-numru tal-membri fil-Bord għall-Valutazzjoni tal-Impatt, biex ittejjeb l-indipendenza tiegħu, il-KtR iqis li l-interessi tal-awtorità lokali u reġjonali għandhom jiġu rappreżentati, bħala l-livell ta’ tmexxija li probabbilment l-aktar li jiġi involut fit-twettiq tal-proposta li qed tiġi diskussa;

Konsultazzjonijiet

30.

jilqa’ r-reviżjoni fil-politika ta’ konsultazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea u jinkoraġġixxi ’l-Kummisjoni biex taħdem fir-rigward ta’ dawn is-sejbiet, notevolment billi tagħti rispons aktar adatt lill-parteċipanti tal-konsultazzjoni;

31.

jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni biex tinvolvi lill-Kummitat u lill-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi Ewropej tal-gvern lokali u reġjonali, fil-ħidma li twassal għar-reviżjoni tal-istandards minimi ta’ konsultazzjoni;

32.

f’dan ir-rigward, jenfasizza l-bżonn ta’ viżibbiltà għall-proċess ta’ konsultazzjoni u għandu jħeġġeġ lill-istituzzjonijiet kollha jikkunsidraw użu aħjar u kkombinat ta’ teknoloġiji ġodda tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni biex iwettqu konsultazzjonijiet u jippubbliċizzawhom;

33.

jaqbel li hemm bżonn sforz ikbar għall-kwantifikazzjoni tar-riżultati, li l-konklużjonijiet prinċipali għandhom jiġu ppreżentati b'mod iktar ċar u li għandha ssir konsultazzjoni dwar l-abbozzi tal-valutazzjonijiet tal-impatt, sabiex il-partijiet interessati, b'mod partikolari l-amministrazzjonijiet reġjonali u lokali, ikunu jistgħu jinfluwenzaw il-fażijiet bikrin tal-proċess u jifhmu aħjar ir-riżultati;

34.

fl-interess ta’ trasparenza sħiħa u għoti ta’ rispons, jappoġġa l-pubblikazzjoni tal-kontributi għall-konsultazzjonijet. Barra minn hekk, fil-valutazzjoni tal-impatt, il-Kummissjoni Ewropea tista’ tindika wkoll is-segwitu li tkun għamlet fir-rigward tar-rispons għall-konsultazzjonijiet;

35.

iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea ttejjeb l-isforzi tagħha biex tittraduċi dokumenti konsultattivi fil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE. Jemmen li konsultazzjoni ma tistax titqies rappreżentattiva jekk ma tkunx tindirizza ċ-ċittadini fil-lingwa tagħhom stess;

36.

jirrakkomanda kooperazzjoni aktar b’saħħitha fiż-żewġ direzzjonijiet bejn il-Kummissjoni u huwa nnifsu: konsultazzjonjiet immirati lejn il-KtR jistgħu jiġu reklamati fuq is-sit elettroniku “your voice in Europe” (semma’ leħnek dwar l-Ewropa) għal trasparenza akbar. Iqis li l-konsultazzjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea jistgħu jiġu promossi b’mod regolari permezz tal-mezzi tal-KtR, sakemm dawn jikkomplementaw u jsaħħu l-konsultazzjonijiet diretti mal-awtoritajiet lokali u reġjonali;

37.

jagħraf li “konsultazzjoni” tal-korpi konsultattivi tal-UE mhijiex konsultazzjoni pubblika skont l-Artikolu 11 tat-TUE, imma rekwiżit istituzzjonali speċifiku taħt it-trattati; madankollu jinkoraġġixxi Direttortati Ġenerali u servizzi tal-Kummissjoni Ewropea individwali biex jimxu ma’ dan b’mod konsistenti;

38.

jintrabat li jwettaq reviżjoni integrata tal-għodod u n-netwerks ta’ konsultazzjoni tiegħu stess fl-istess mod bħal dak tal-awditjar tal-Kummissjoni Ewropea;

Perspettiva nazzjonali: ir-regolamentazzjoni żejda

39.

jifhem li r-regolamentazzjoni żejda (“goldplating”) hija prattika fejn l-Istati Membri jmorru lil hinn mir-rekwiżiti minima mitluba mid-Direttivi meta jwettqu t-traspożizzjoni tagħhom fil-liġijiet nazzjonali;

40.

jemmen li, għar-regolamentazzjoni żejda, għandu jkun hemm definizzjoni standard li tkun tapplika għall-UE kollha għall-fini ta’ ċertezza legali fl-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tal-liġi tal-UE, fl-analiżi komparattiva u sabiex jiġu ġġudikati t-talbiet ta’ Stati Membri li jsostnu li ma jużawx regolamentazzjoni żejda;

41.

jikkunsidra li dawn li ġejjin jistgħu jiddaħħlu f’tali definizzjoni:

żieda ta’ rekwiżiti regolatorji ma’ dawk diġà inklużi fid-Direttiva jew żieda fil-kumplessità tagħhom;

estensjoni tal-ambitu aktar minn kif previst mid-Direttiva;

nuqqas ta’ użu vantaġġjuż mid-derogi tad-Direttiva;

żamma tar-rekwiżiti nazzjonali li jmorru lil hinn minn dak li titlob id-Direttiva;

introduzzjoni ta’ rekwiżiti regolatorji nazzjonali, li jaqgħu barra mill-mira tad-Direttiva;

implimentazzjoni aktar bikrija minn kif titlob id-Direttiva;

sanzjonijiet aktar rigorużi minn kif stabbilit mill-UE.

42.

jagħraf li l-użu ta’ regolamentazzjoni żejda mhuwiex projbit mill-liġi tal-UE u f’xi każijiet jista’ jkun ġustifikat li l-leġislazzjoni nazzjonali jew sottonazzjonali tipprovdi għal livell ogħla ta’ protezzjoni minn dak tad-Direttiva tal-UE li tkun qed tiġi trasposta; dan jista’ jiġri fil-każ tal-ħarsien ambjentali (Artikolu 193 tat-TFUE), il-leġislazzjoni li għandha l-għan li tipproteġi l-ħaddiema (Artikolu 153(4) tat-TFUE), il-leġislazzjoni dwar l-istandards tal-kwalità u s-sikurezza tal-organi u s-sustanzi li joriġinaw mill-bniedem, id-demm u d-derivattivi tad-demm (Artikolu 168(4)(a)) u l-leġislazzjoni dwar il-protezzjoni tal-konsumatur (Artikolu 169(4) tat-TFUE);

43.

jirrakkomanda, madankollu, li tali miżuri addizzjonali għandhom jiġu speċifikament ġustifikati, sabiex ir-regolamenti nazzjonali u dawk tal-UE ma jitħalltux flimkien f’moħħ iċ-ċittadin, xi ħaġa li ssaħħaħ l-opinjoni li l-korpi Ewropew “jirregolaw iżżejjed”;

44.

jenfasizza wkoll kemm hu utli li dawn il-miżuri jiġu soġġetti għal valutazzjoni tal-impatt fil-livell nazzjonali, li tqis id-diversi dimensjonijiet ta' impatt li jiġu ttrattati fil-livell Ewropew, inkluża d-dimensjoni territorjali jew ta' impatt reġjonali;

45.

itenni l-fehma tiegħu, u dik tal-Kummissjoni, li l-Istati Membri għandhom jieqfu milli jdaħħlu regolamentazzjoni addizzjonali mal-leġislazzjoni tal-UE b’mod li jżid il-kumplessità u l-ispejjeż ta’ liġijiet ġodda għall-awtoritajiet lokali u reġjonali, il-kumpaniji u ċ-ċittadini;

Sussidjarjetà

46.

jinsab sodisfatt li l-Kummissjoni Ewropea tagħraf ir-rwol tal-parlamenti nazzjonali rigward ir-regolamentazzjoni intelliġenti u b’mod partikolari dwar l-applikazjoni korretta tal-prinċipju tas-sussidjarjetà;

47.

iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew biex jikkunsidraw il-pożizzjonijiet ta’ parlamenti reġjonali li għandhom setgħat leġislattivi u jista’ jidentifika l-pjattaforma REGPEX tiegħu fi ħdan in-Netwerk għall-Monitoraġġ tas-Sussidjarjetà bħala sors ta’ informazzjoni;

48.

iqis li l-għajnuna li toffri l-Kummissjoni Ewropea lill-Istati Membri rigward l-implimentazzjoni għandha tqis ukoll l-ispeċifitajiet lokali u reġjonali u, fejn l-awtoritajiet reġjonali jew lokali jkunu responsabbli għall-implimentazzjoni, dawn għandhom jingħataw għajnuna diretta;

Ir-rwol tal-Kumitat tar-Reġjuni

49.

jipproponi rwol siewi għall-KtR, l-awtoritajiet lokali u r-reġjuni fi ħdan il-Programm ġdid dwar l-Idoneità u l-Prestazzjoni tar-Regolamentazzjoni (REFIT);

50.

jilqa’ l-pożizzjoni tal-Kummissjoni Ewropea li r-regolamentazzjoni intelliġenti hija missjoni kondiviża bejn l-istituzzjonijet kollha tal-UE, jiġifieri inkluż il-Kumitat tar-Reġjuni. Jinkoraġġixxi ’l-Parlament Ewropew u l-Kunsill biex jimxu mal-aġenda ta’ regolamentazzjoni intelliġenti u l-Programm REFIT f’mod ugwalment onest li timminimizza l-piżijiet addizzjonali li jistgħu jinħolqu mill-emendi leġislattivi tagħhom;

51.

jilqa’ l-fatt li l-ftehim imġedded ta’ kooperazzjoni mal-Kummissjoni Ewropea jieħu f’kunsiderazzjoni l-attivitajiet tal-Kumitat li jkopru l-firxa sħiħa ta’ regolamentazzjoni intelliġenti. Jipproponi lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill li magħhom ukoll jiġu negozjati ftehimiet simili ta’ kooperazzjoni;

52.

itenni r-responsabbiltà kondiviża tal-istituzzjonijiet li jgħarrfu liċ-ċittadini, in-negozji u l-pubbliku inġenerali bil-benefiċċji li jinkisbu permezz tal-applikazzjoni tal-għodod inerenti fir-regolamentazzjoni intelliġenti, u jintrabat li jiġbed l-attenzjoni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali f’dan ir-rigward.

Brussell, 30 ta’ Mejju 2013

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Ramón Luis VALCÁRCEL SISO


Top