Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012XX0313(01)

    Opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar il-Proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar il-Kooperazzjoni fil-qasam tad-Dazji tas-Sisa

    ĠU C 74, 13.3.2012, p. 1–4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    13.3.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 74/1


    Opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar il-Proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar il-Kooperazzjoni fil-qasam tad-Dazji tas-Sisa

    2012/C 74/01

    IL-KONTROLLUR EWROPEW GĦALL-PROTEZZJONI TAD-DATA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 16 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 7 u 8 tagħha,

    Wara li kkunsidra d-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (1),

    Wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta’ dak id-data (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 28(2) tiegħu,

    ADOTTA L-OPINJONI LI ĠEJJA:

    1.   INTRODUZZJONI

    1.1.   Konsultazzjoni tal-KEPD

    1.

    Fl-14 ta’ Novembru 2011, il-Kummissjoni adottat proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tad-dazji tas-sisa (3) (minn hawn ’il quddiem “il-Proposta”).

    2.

    Fl-istess data, il-proposta ntbagħtet mill-Kummissjoni lill-KEPD. Il-KEPD jifhem din il-komunikazzjoni bħala talba biex jagħti parir lill-korpi u lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, kif previst fl-Artikolu 28(2) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001.

    3.

    Qabel l-adozzjoni tal-Proposta, il-KEPD ingħata l-opportunità mill-Kummissjoni sabiex jipprovdi kummenti informali. Il-KEPD jinsab sodisfatt bil-proċess, li kien ta’ għajnuna sabiex it-test jitjieb mill-perspettiva tal-protezzjoni tad-dejta fi stadju bikri. Xi wħud minn dawk il-kummenti ġew ikkunsidrati fil-Proposta. Il-KEPD jilqa’ b’sodisfazzjon ir-referenza għall-konsultazzjoni preżenti fil-preambolu tal-Proposta.

    4.

    Madankollu, il-KEPD jixtieq jenfasizza xi elementi li għadhom jistgħu jittejbu fit-test minn perspettiva ta’ protezzjoni tad-dejta.

    1.2.   Sfond ġenerali

    5.

    Il-proposta għandha l-għan li taġġorna d-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 2073/2004, li stabbilixxew qafas legali għall-kooperazzjoni amministrattiva bejn l-awtoritajiet tat-taxxa nazzjonali fil-qasam tad-dazji tas-sisa (fuq l-alkoħol, it-tabakk, u l-prodotti tal-enerġija) sabiex jiġi miġġieled il-frodi tad-dazju. Ir-Regolament stabbilixxa regoli vinkolanti dwar il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, introduċa skambji ta’ informazzjoni spontanji u awtomatiċi (flimkien mal-iskambju ta’ informazzjoni fuq talba) u ppermetta lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti sabiex jiskambjaw l-informazzjoni ma’ xulxin, b’mod partikolari permezz ta’ mezzi elettroniċi. Ir-Regolament stabbilixxa wkoll il-kundizzjonijiet għall-kooperazzjoni mal-Kummissjoni.

    6.

    Dawn id-dispożizzjonijiet jeħtieġ li jiġu riveduti sabiex jikkunsidraw il-modifiki fis-Sistema kompjuterizzata tal-Movimenti u tal-Kontrolli intrakomunitarji ta’ prodotti soġġetti għas-Sisa (minn hawn ’il quddiem l-“EMCS”), li għandhom l-għan li jikkompjuterizzaw il-moviment u s-sorveljanza tal-prodotti soġġetti għas-sisa. Il-Proposta għandha wkoll l-għan li (i) taġġorna l-lingwa fir-Regolament; (ii) tneħħi d-dispożizzjonijiet li ma għadhomx iżjed rilevanti u tagħmel l-istruttura tat-test iktar loġika u (iii) tissimplifika l-qafas regolatorju, billi tagħmlu iktar effiċjenti.

    7.

    F’dan il-kuntest, l-ipproċessar tad-dejta personali jsir b’diversi modi. L-Istati Membri jiskambjaw l-informazzjoni bejn xulxin, mal-Kummissjoni kif ukoll ma’ pajjiżi terzi (4) dwar in-negozjanti fil-prodotti soġġetti għas-sisa, li jistgħu jkunu persuni fiżiċi jew ġuridiċi, kif ukoll informazzjoni kummerċjali oħra, flimkien ma’ informazzjoni dwar reati suspettati jew verifikati relatati mal-ksur tal-leġiżlazzjoni dwar id-dazji tas-sisa.

    8.

    Din l-Opinjoni tiffoka fuq l-aspetti tal-Proposta li għandhom effett fuq il-protezzjoni tad-dejta.

    2.   ANALIŻI TAL-PROPOSTA

    2.1.   Referenza għad-Direttiva 95/46/KE

    9.

    Il-KEPD jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-premessa 18 tal-Proposta ssemmi b’mod espliċitu li l-ipproċessar tad-dejta personali mill-Kummissjoni huwa rregolat mir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u li l-ippoċessar mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri huwa rregolat mid-Direttiva 95/46/KE.

    10.

    Il-KEPS jilqa’ wkoll b’sodisfazzjon ir-referenza għall-applikabbiltà tal-liġijiet nazzjonali tal-protezzjoni tad-dejta fl-Artikolu 28(4) tal-Proposta. Madankollu, id-dispożizzjoni għandha tirreferi b’mod iktar preċiż għall-“ipproċessar tad-dejta personali” iktar milli għal “kull ħażna u skambju ta’ informazzjoni”. Din ir-referenza hija ppreferuta peress li t-terminu “ipproċessar” jirreferi għal kull operazzjoni relatata mal-informazzjoni, u b’hekk jinkludi wkoll l-passi kollha fl-użu tal-informazzjoni, mill-ġabra għal kwalunkwe użu ulterjuri, skont il-paragrafi 2 u 3. Dan huwa importanti peress li l-użu tad-dejta personali għall-finijiet oħra għajr għal dawk li oriġnarjament inġabret għalihom, huwa soġġett għal kundizzjonijiet stretti skont l-Artikoli 6 u 7 tad-Direttiva 95/46/KE.

    2.2.   Definizzjoni tal-kategoriji tad-dejta li għandhom jiġu skambjati

    11.

    Il-proposta tiddistingwi bejn żewġ tipi ta’ skambju ta’ informazzjoni: “Kooperazzjoni fuq talba” (Kapitolu II) u “Skambju ta’ informazzjoni mingħajr l-ebda talba minn qabel” (Kapitolu III). Madankollu, il-KEPD josserva li t-test tar-Regolament ma jispeċifikax il-kategoriji tad-dejta li għandhom jiġu skambjati. Fiż-żewġ każijiet (fuq talba u mingħajr l-ebda talba minn qabel), huwa ddikjarat li l-kontenut tad-dokumenti tal-assistenza amministrattiva reċiproka għandu jiġi adottat mill-Kummissjoni permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni (l-Artikoli 9(2) u 16(3)).

    12.

    Il-KEPS jirrakkomanda li fil-Proposta stess għandha tiddaħħal deskrizzjoni ġenerali tal-kategoriji tad-dejta li jistgħu jiġu skambjati mill-awtoritajiet kompetenti peress li dan jistabbilixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-elementi essenzjali tar-Regolament. Dan ma jistax jiġi ttrattat f’att ta’ implimentazzjoni.

    13.

    Barra minn hekk, il-KEPD għandu jiġi kkonsultat qabel l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ implimentazzjoni li jista’ jkollhom impatt fuq il-protezzjoni tad-dejta personali. Dan l-obbligu għandu jiġi speċifikat fit-test tal-Proposta.

    2.3.   Ipproċessar ta’ dejta sensittiva

    14.

    Filwaqt li jitqiesu l-objettivi tal-Proposta, huwa probabbli li d-dejta relatata mal-każijiet suspettati ta’ frodi sejra tiġi pproċessata. Il-KEPD jenfasizza li d-dejta dwar reati suspettati tista’ tiġi pproċessata biss taħt il-kontroll ta’ awtorità uffiċjali (5) jew soġġetta għal salvagwardji speċifiċi pprovduti mil-liġi (6) peress li din hija kkunsidrata bħala dejta sensittiva li teħtieġ protezzjoni speċjali. Fit-test tar-Regolament għandhom jiddaħħlu salvagwardji dwar l-użu permess ta’ din l-informazzjoni (bħal drittijiet ta’ aċċess iktar stretti, miżuri ta’ sigurtà iktar b’saħħithom, l-inklużjoni ta’ valutazzjoni tal-impatt tal-privatezza, pjan ta’ sigurtà u verifiki regolari).

    15.

    Barra minn hekk, il-KEPD jixtieq jiġbed l-attenzjoni dwar il-fatt li l-ipproċessar ta’ din id-dejta sensittiva jista’ jkun soġġett għall-verifika minn qabel mill-KEPD jew mill-awtoritajiet nazzjonali tal-protezzjoni tad-dejta.

    2.4.   Kwalità tad-dejta u drittijiet tas-suġġetti tad-dejta

    16.

    Il-proposta tintroduċi obbligu fuq l-Istati Membri sabiex iżommu reġistru f’database elettroniku tal-operaturi ekonomiċi kollha li huma magazziniera awtorizzati jew destinatarji jew kunsinjatarji rreġistrati. L-informazzjoni li tinsab fir-reġistri tkun skambjata b’mod awtomatiku bejn l-Istati Membri permezz tar-reġistru ċentrali ġestit mill-Kummissjoni (ara l-Artikolu 19(4)).

    17.

    L-Artikolu 19(3) jeħtieġ li d-dipartiment jew l-uffiċċju ċentrali ta’ kollegament tas-sisa ta’ kull Stat Membru jassigura li l-informazzjoni li tinsab fir-reġistri nazzjonali tkun kompleta, preċiża u aġġornata. Il-KEPD jilqa’ b’sodisfazzjon din id-dispożizzjoni li hija konformi mal-prinċipju tal-kwalità tad-dejta stabbilita kemm fid-Direttiva 95/46/KE (7) u fir-Regolament (KE) Nru 45/2001 (8).

    18.

    L-Artikolu 20 tal-Proposta jispjega kif l-operaturi ekonomiċi għandhom id-dritt li jivverifikaw l-informazzjoni disponibbli lill-pubbliku fuq id-database ċentrali ġestit mill-Kummissjoni (SEED-on-Europa) fir-rigward tad-dettalji tal-awtorizzazzjoni tagħhom, billi jdaħħlu n-numru ta’ awtorizzazzjoni tas-sisa tagħhom. Dawn huma wkoll mogħtija b’mod espliċitu, id-dritt li jkollhom kull żball korrett fl-informazzjoni pubblika mill-Istat Membru li jkun ħareġ l-awtorizzazzjoni. Il-Kummissjoni tintrabat li tressaq dawn it-talbiet għall-korrezzjoni lill-awtorità kompetenti xierqa. Fir-rigward tal-aċċess u l-korrezzjonijiet għall-informazzjoni li mhux disponibbli għall-pubbliku dwar l-operaturi ekonomiċi, li l-Kummissjoni ma għandhiex aċċess għaliha, operatur ekonomiku għandu jkompli jirreferi għall-awtorità kompetenti rilevanti. Il-KEPD jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-Proposta tagħti u tirregola b’mod espliċitu d-drittijiet tas-suġġetti tad-dejta għall-aċċess u l-korrezzjoni ta’ dejta personali relatata magħhom.

    19.

    Madankollu, l-Artikolu 28(4), it-tieni subparagrafu, jiddikjara li l-Istati Membri għandhom jirrestrinġu d-drittijiet ta’ informazzjoni u aċċess u l-pubblikazzjoni ta’ operazzjonijiet ta’ pproċessar (9) sal-punt neċessarju biex jiġu salvagwardjati l-“interessi finanzjarji ekonomiċi jew importanti” tal-Istati Membri u tal-Unjoni Ewropea, inklużi l-kwistjonijiet monetarji, baġitarji u fiskali (10). Dawn jirrappreżentaw restrizzjoni ta’ xi wħud mill-elementi importanti tad-dritt għall-protezzjoni tad-dejta kif speċifikat fl-Artikolu 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni. Il-ħtieġa u l-proporzjonalità ta’ dawn ir-restrizzjonijiet għandhom jintwerew b’mod ċar mil-leġiżlatur. Barra minn hekk, sitwazzjonijiet speċifiċi fejn dawn ir-restrizzjonijiet huma meħtieġa, għandhom jiġu speċifikati fit-test tal-Proposta - jew fi premessa.

    2.5.   Żamma tad-dejta

    20.

    L-Artikolu 21(1) tal-Proposta jintroduċi l-obbligu li l-informazzjoni li tikkonċerna l-movimenti intra-komunitarji tinżamm għal tal-inqas tliet snin, skont il-politika ta’ żamma tal-awtorità kompetenti, sabiex l-informazzjoni tkun tista’ tintuża fil-proċeduri stabbiliti f’dan ir-Regolament.

    21.

    Il-KEPD jilqa’ b’sodisfazzjon l-obbligu li kull dejta personali wara dan il-perjodu titħassar jew tiġi anonimizzata (ara l-Artikolu 21(2)). Madankollu, il-Proposta ma għandhiex biss tissodisfa l-perjodu minimu ta’ żamma, iżda anki l-perjodu massimu ta’ żmien li din id-dejta tista’ tinħażen. Barra minn hekk, il-ħtieġa li tinżamm dejta personali għal dan il-perjodu għandha tkun iġġustifikata u murija, mill-inqas fil-premessi tal-Proposta.

    2.6.   Trasferimenti internazzjonali

    22.

    L-Artikolu 32(1) tal-Proposta jiddikjara li f’każijiet ta’ tranżazzjonijiet li jidhru li jiksru l-leġiżlazzjoni dwar is-sisa, l-informazzjoni miksuba taħt din il-Proposta tista’ tiġi kkomunikata lil pajjiż terz jekk il-kundizzjonijiet kollha li ġejjin japplikaw:

    jekk il-pajjiż terz huwa marbut legalment sabiex jipprovdi l-assistenza meħtieġa biex tinġabar evidenza dwar in-natura irregolari tat-tranżazzjoni;

    jekk l-awtoritajiet kompetenti li pprovdew l-informazzjoni jkunu taw il-kunsens tagħhom skont il-liġi nazzjonali tagħhom;

    jekk dan ikun f’konformità mad-Direttiva 95/46/KE u l-leġiżlazzjoni nazzjonali li timplimentaha;

    jekk id-dejta tiġi ttrasferita għall-istess finijiet li nġabret għalihom.

    23.

    Il-KEPD jilqa’ b’sodisfazzjon ir-referenza għall-applikabbiltà tal-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-dejta u l-limitazzjonijiet tal-kamp ta’ applikazzjoni tat-trasferimenti għal dejta dwar tranżazzjonijiet speċifiċi li huma suspettati li jiksru l-liġijiet tas-sisa. Madankollu, peress li dan sejjer jimplika l-ipproċessar ta’ dejta sensittiva, it-trasferiment jeħtieġ li jikkonforma mal-leġiżlazzjoni nazzjonali li timplimenta l-Artikolu 8 tad-Direttiva 95/46/KE (ara l-paragrafu 2.3).

    24.

    Il-KEPD jilqa’ wkoll b’sodisfazzjon, il-fatt li d-dejta tista’ tiġi ttrasferita biss għall-istess finijiet li tkun inġabret għalihom. Madankollu, il-finijiet speċifiċi li għalihom id-dejta tista’ tiġi ttrasferita lejn pajjiżi terzi u l-kategoriji ta’ dejta li jistgħu jiġu ttrasferiti għandhom ikunu espliċiti fil-Proposta u fi prinċipju, ikunu limitati għall-ġlieda kontra l-ksur tal-liġijiet tas-sisa. Għandu jiġi speċifikat ukoll li t-trasferimenti ta’ dejta personali lejn pajjiżi terzi jistgħu jitwettqu biss mill-awtoritajiet nazzjonali tat-taxxa.

    25.

    IL-KEPD ifakkar ukoll li, skont id-Direttiva 95/46/KE, it-trasferimenti lejn pajjiżi terzi huma, fi prinċipju permessi biss jekk fil-pajjiż riċevitur jiġi assigurat livell ta’ protezzjoni adegwat. It-trasferiment lejn pajjiżi li ma jipprovdux għal protezzjoni adegwata, jista’ jiġi ġġustifikat biss jekk tkun tapplika xi waħda mill-eċċezzjonijiet tal-Artikolu 26 tad-Direttiva 95/46/KE, pereżempju, jekk it-trasferiment ikun neċessarju jew meħtieġ legalment minħabba raġunijiet ta’ interess pubbliku importanti (11). Madankollu, din l-eċċezzjoni tista’ tintuża biss jekk it-trasferiment ikun ta’ interess għall-awtoritajiet ta’ Stat Membru tal-UE u mhux biss għall-awtoritajiet tal-pajjiż riċevitur (12). Fi kwalunkwe każ, l-eċċezzjonijiet għandhom jintużaw biss fuq bażi ta’ każ b’każ, li jfisser li l-ebda trasferiment ta’ dejta sistematiku jew massiv ma għandu jkun ibbażat fuq l-eżenzjoni ta’ raġunijiet ta’ interess pubbliku.

    26.

    Barra minn hekk, l-impriża legali rilevanti mill-pajjiż terz għandha tinkludi salvagwardji speċifiċi rigward il-protezzjoni tal-privatezza u d-dejta personali u l-eżerċizzju ta’ dawn id-drittijiet mis-suġġetti tad-dejta.

    3.   KONKLUŻJONI

    27.

    Il-KEPD jilqa’ b’sodisfazzjon ir-referenzi speċifiċi fil-Proposta għall-applikabbiltà tad-Direttiva 95/46/KE u r-Regolament (KE) Nru 45/2001 għall-attivitajiet ta’ pproċessar ta’ dejta personali koperti mir-Regolament. Huwa jipproponi li din ir-referenza tkun waħda iktar preċiża.

    28.

    Il-KEPD jirrakkomanda l-punti li ġejjin bil-ħsieb li jtejjeb it-test minn perspettiva tal-protezzjoni tad-dejta:

    il-kategoriji ta’ dejta li għandhom jiġu skambjati bejn l-awtoritajiet kompetenti għandhom jiġu stabbiliti fil-Proposta;

    il-KEPD jistenna li jiġi kkonsultat dwar il-miżuri ta’ implimentazzjoni relatati mal-protezzjoni tad-dejta personali;

    għandhom jiddaħħlu salvagwardji dwar l-użu permess ta’ informazzjoni relatata ma’ każijiet suspettati ta’ frodi fit-test tar-Regolament;

    Il-ħtieġa u l-proporzjonalità tar-restrizzjonijiet għad-drittijiet ta’ informazzjoni u ta’ aċċess, għandhom jintwerew biċ-ċar mil-leġiżlatur. Barra minn hekk, sitwazzjonijiet speċifiċi fejn dawn ir-restrizzjonijiet huma meħtieġa, għandhom jiġu speċifikati fit-test tal-Proposta - jew fi premessa.

    il-perjodu massimu ta’ żamma fil-każ ta’ informazzjoni dwar il-movimenti intra-komunitarji għandu jiġi speċifikat fir-Regolament;

    il-perjodu ta’ żamma għandu jiġi ġġustifikat fil-preambolu tiegħu;

    trasferimenti internazzjonali tad-dejta fuq tranżazzjonijiet suspettużi għandhom ikunu konformi mal-Artikolu 8 u 25 tad-Direttiva 95/46/KE u l-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom, l-identità tal-mittent u l-għan għandhom jiġu speċifikati.

    Magħmula fi Brussell, is-27 ta’ Jannar 2012.

    Giovanni BUTTARELLI

    Assistent Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta


    (1)  ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.

    (2)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.

    (3)  COM(2011) 730 finali.

    (4)  Fejn ikun permess mid-Direttiva 95/46/KE, kif iddikjarat fl-Artikolu 32(1) tal-Proposta.

    (5)  Ara l-Artikolu 8(5) tad-Direttiva 95/46/KE.

    (6)  Ara l-Artikolu 8(5) tad-Direttiva 95/46/KE u l-Artikolu 10(5) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001.

    (7)  Ara l-Artikolu 6(1)(d).

    (8)  Ara l-Artikolu 4(1)(d).

    (9)  Ara l-Artikolu 10, 11(1), 12 u 21 tad-Direttiva 95/46/KE.

    (10)  Ara l-Artikolu 13(1)(e) tad-Direttiva 95/46/KE.

    (11)  Skont il-Premessa 58 tad-Direttiva 95/46/KE, din l-eċċezzjoni tkopri t-trasferimenti bejn l-awtoritajiet doganali u tat-taxxa.

    (12)  Ara wkoll l-Artikolu 29 tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Grupp ta’ Ħidma tal-25 ta’ Novembru 2005 dwar interpretazzjoni komuni tal-Artikolu 26(1) tad-Direttiva 95/46/KE tal-24 ta’ Ottubru 1995 (WP114), li huwa disponibbli fuq is-sit: http://ec.europa.eu/justice/policies/privacy/docs/wpdocs/2005/wp114_en.pdf


    Top