This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52012XP0240
Recommendation to the Council on the 67th session of the United Nations General Assembly European Parliament recommendation to the Council of 13 June 2012 on the 67th session of the United Nations General Assembly (2012/2036(INI))
Rakkomandazzjoni lill-Kunsill dwar is-67 sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill tat- 13 ta' Ġunju 2012 dwar is-67 sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti (2012/2036(INI))
Rakkomandazzjoni lill-Kunsill dwar is-67 sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill tat- 13 ta' Ġunju 2012 dwar is-67 sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti (2012/2036(INI))
ĠU C 332E, 15.11.2013, p. 106–114
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
15.11.2013 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
CE 332/106 |
L-Erbgħa 13 ta’ Ġunju 2012
Rakkomandazzjoni lill-Kunsill dwar is-67 sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti
P7_TA(2012)0240
Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill tat-13 ta' Ġunju 2012 dwar is-67 sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti (2012/2036(INI))
2013/C 332 E/23
Il-Parlament Ewropew,
— |
wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), b'mod partikolari l-Artikoli 21 u 34 tiegħu, |
— |
wara li kkunsidra l-proposta għal rakkomandazzjoni lill-Kunsill minn Alexander Graf Lambsdorff f’isem il-Grupp ALDE dwar is-67 Sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti (AĠNU) (B7-0132/2012), |
— |
wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu lill-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2011 dwar is-66 Sessjoni tal-AĠNU (1), u r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta’ Mejju 2011 dwar l-UE bħala attur globali: ir-rwol tagħha f'organizzazzjonijiet multilaterali (2) |
— |
wara li kkunsidra l-prijoritajiet tal-UE għas-66 Sessjoni tal-AĠNU, kif adottati mill-Kunsill fil-10 ta’ Ġunju 2011 (3), |
— |
wara li kkunsidra s-66 Sessjoni tal-AĠNU, b’mod partikolari r-riżoluzzjonijiet tal-korp dwar ‘In-Nazzjonijiet Uniti fil-governanza dinjija’ (4), ‘Il-promozzjoni tal-effiċjenza, ir-responsabbiltà, l-effettività u t-trasparenza tal-amministrazzjoni pubblika billi jissaħħu l-istituzzjonijiet supremi tal-verifika’ (5), ‘Is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Għarbija Sirjana’ (6), ‘L-għoti ta’ setgħa u l-iżvilupp tal-persuni’ (7), ‘Lejn sħubiji dinjija’ (8), ‘Kooperazzjoni bejn il-pajjiżi tan-Nofsinhar’ (9), ‘Ir-rwol tan-Nazzjonijiet Uniti fil-promozzjoni tal-iżvilupp fil-kuntest tal-globalizzazzjoni u l-interdipendenza’ (10), ‘It-tisħiħ tar-rwol tan-Nazzjonijiet Uniti fit-titjib ta' elezzjonijiet perjodiċi u ġenwini u l-promozzjoni tad-demokratizzazzjoni' (11), ‘Rapport tal-Konferenza dwar id-Diżarm’ (12), ‘Promozzjoni ta’ ordni internazzjonali demokratiku u ekwu’ (13), u ‘In-natura universali, indiviżibbli, interrelatata, interdipendenti u ta’ tisħiħ reċiproku tad-drittijiet umani u l-libertajiet fundamentali kollha’ (14), |
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-AĠNU tad-19 ta’ Diċembru 2011 dwar il-ġlieda kontra l-intolleranza, l-isterjotipar negattiv, l-istigmatizzazzjoni, id-diskriminazzjoni, l-inċitament għall-vjolenza u vjolenza kontra persuni bbażata fuq ir-reliġjon jew it-twemmin (15), |
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-AĠNU tat-3 ta’ Mejju 2011 dwar il-parteċipazzjoni tal-Unjoni Ewropea fix-xogħol tan-Nazzjonijiet Uniti (16), |
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-AĠNU tal-31 ta’ Marzu 2010 dwar l-implimentazzjoni tal-Aġenda 21, il-Programm għal Aktar Implimentazzjoni tal-Aġenda 21 u r-riżultati tas-Summit Dinji dwar l-Iżvilupp Sostenibbli (17), |
— |
wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Millennju tan-Nazzjonijiet Uniti tat-8 ta' Settembru 2000, li fasslet l-Għanijiet ta’ żvilupp tal-Millennju (MDGs) bħala għanijiet stabbiliti b'mod konġunt mill-komunità internazzjonali biex jinqered il-faqar, |
— |
wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Settembru 2003 dwar ‘L-Unjoni Ewropea u n-Nazzjonijiet Uniti: l-għażla tal-multilateraliżmu’ (COM(2003)0526), |
— |
wara li kkunsidra r-rimarki tal-President tal-Kunsill Ewropew wara l-laqgħa tiegħu mas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti (SĠNU) fis-16 ta’ April 2012, |
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta’ Frar 2012 dwar il-pożizzjoni tal-Parlament fuq id-19-il Sessjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet Umani tan-NU (UNHRC) (18), |
— |
wara li kkunsidra ir-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta’ Novembru 2011 dwar appoġġ tal-UE għall-Qorti Kriminali Internazzjonali (ICC): naffaċċjaw l-isfidi u negħlbu d-diffikultajiet (19), |
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta’ Lulju 2011 dwar politiki esterni tal-UE favur id-demokratizzazzjoni (20), |
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Diċembru 2010 dwar il-futur tas-sħubija strateġika bejn l-UE u l-Afrika wara t-tielet Samit bejn l-UE u l-Afrika (21), |
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta’ Novembru 2010 dwar l-10 anniversarju tar-Riżoluzzjoni 1325 (2000) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà (22), |
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta’ Novembru 2010 dwar il-Kooperazzjoni ċivili-militari u l-iżvilupp ta’ kapaċitajiet ċivili-militari (23), |
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta’ Ġunju 2005 dwar ir-riforma tan-Nazzjonijiet Uniti (24), |
— |
wara li kkunsidra r-rapport tad-delegazzjoni konġunta tal-Kumitat dwar l-Affarijiet Barranin u s-Sottokumitat dwar id-Drittijiet Umani tas-66 Sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU, tat-28 u d-29 ta’ Novembru 2011, |
— |
wara li kkunsidra l-Artikoli 121(3) u 97 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, |
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp (A7-0186/2012), |
A. |
billi l-valuri u n-normi internazzjonali komuni jimmiraw li jiżguraw il-paċi, il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, is-sigurtà u l-prosperità fid-dinja, u li jaqsmu l-benefiċċji tal-globalizzazzjoni fost kulħadd fuq bażi aktar ġusta; |
B. |
billi n-NU hija fil-qalba tal-governanza dinjija, filwaqt li fl-istess ħin qed tmexxi r-riformi tagħha stess sabiex iżżid it-trasparenza, l-effettività u l-effiċjenza; |
C. |
billi hemm ħtieġa li dejjem qed tikber għal regoli komuni u mekkaniżmi ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet sabiex ikunu indirizzati b’mod konġunt sfidi globali emerġenti u l-impatt negattiv tal-kriżi ekonomika dinjija; |
D. |
billi l-UE teħtieġ li ssaħħaħ il-koeżjoni tagħha sabiex tibqa’ attur ewlieni f’dinja dejjem aktar multipolari li teħtieġ azzjoni konġunta globali; billi l-Istati Membri tal-UE huma obbligati permezz tat-trattati li jikkoordinaw l-azzjoni tagħhom f’organizzazzjonijiet internazzjonali u f’konferenzi internazzjonali; |
E. |
billi l-UE hija impenjata għal multilateraliżmu effettiv b'NU b'saħħitha fil-qalba tagħha, minħabba li dan huwa essenzjali sabiex jindirizza sfidi globali; |
F. |
billi l-UE u l-Istati Membri tagħha huma l-akbar kontributuri finanzjarji tas-sistema tan-NU; billi l-UE-27 tiffinanzja 39 % tal-baġit regolari tan-NU u aktar minn 40 % tal-operazzjonijiet għaż-żamma tal-paċi tan-NU; |
G. |
billi sħubija bejn l-UE u n-NU soda u stabbli hija fundamentali għax-xogħol tan-NU taħt it-tliet pilastri – paċi u sigurtà, drittijiet umani u żvilupp – u hija importanti ħafna wkoll għar-rwol tal-UE bħala attur globali; |
H. |
billi l-UE u n-NU huma sħab naturali fil-konsolidazzjoni tal-paċi u l-bini tal-istat, u flimkien jipprovdu qafas għal sforzi għall-konsolidazzjoni tal-paċi u l-bini tal-stat kollettivi; |
I. |
billi d-drittijiet umani u d-demokrazija huma valuri bażiċi tal-UE u prinċipji u objettivi tal-azzjoni esterna Ewropea, inkluż il-kummerċ internazzjonali; billi r-rispett, il-promozzjoni u s-salvagwardja tal-universalità tad-drittijiet tal-bniedem huma pedamenti tal-unità u l-integrità Ewropea; |
J. |
billi l-ġustizzja u l-istat tad-dritt huma pilastri tal-paċi sostenibbli, li jiggarantixxu d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali; billi l-Istatut ta’ Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (ICC) jagħti kontribut deċiziv għar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, għal-liġi internazzjonali u għall-ġlieda kontra l-impunità; |
K. |
billi l-pajjiżi kollha u ċ-ċittadini kollha, kif ukoll il-komunità internazzjonali stess, jibbenefikaw minn appoġġ kontinwu għal proċessi demokratiċi; billi qed jikkonfrontaw l-isfidi ta’ bini, restawr u preservazzjoni tad-demokraziji; |
1. Jindirizza r-rakkomandazzjonijiet li ġejjin lill-Kunsill:
L-UE fin-NU
(a) |
biex jikkoordina kemm jista’ jkun, biex jagħti pożizzjonijiet unifikati u jsaħħaħ il-koerenza u l-viżibbiltà tal-UE bħala attur globali fin-NU; biex jilħaq l-aspettattivi tal-membri tan-NU rigward l-abbiltà tal-UE li taġixxi u tagħti riżultati f’waqthom; biex jadotta approċċ wiesa’ u flessibbli fir-rigward tal-pożizzjonijiet fuq il-livell tal-NU dwar il-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni (PESK) sabiex l-UE tingħata l-kapaċità li taġixxi b’mod rapidu u komprensiv fuq kwistjonijiet relatati mal-PESK; |
(b) |
biex iżid il-kontribuzzjoni tiegħu għax-xogħol tan-NU billi tintlaħaq interpretazzjoni komuni tar-riżoluzzjoni AĠNU dwar il-modi tal-parteċipazzjoni tal-UE fix-xogħol tal-AĠNU u billi jaħdem ma' sħab lejn l-implimentazzjoni bis-sħiħ tagħha; biex jippreżenta rapport lill-Parlament dwar l-applikazzjoni tagħha fil-prattika; |
(c) |
biex jaħdem ma’ Stati Membri tal-UE bl-għan li jtejjeb il-koordinazzjoni, it-trasparenza u l-iskambju ta’ informazzjoni fil-Kunsill ta' Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (KSNU) u d-difiża tal-pożizzjonijiet u l-interessi tal-UE fil-KSNU minn dawk l-Istati Membri li huma membri ta' dak il-korp, jew, alternattivament, minn rappreżentant tal-UE fuq l-istedina tal-President; biex isaħħaħ l-impatt tal-UE fuq deċiżjonijiet tal-KSNU u biex jgħolli l-profil tal-UE fin-NU dwar kwistjonijiet kruċjali tal-KSNU; |
(d) |
biex jiżgura rappreżentazzjoni b’saħħitha tal-UE fl-istituzzjonijiet tan-NU u aġenziji speċjalizzati kollha; |
(e) |
biex jiżviluppa strateġija fit-tul li timmira lejn sħubija fin-NU u biex ifittex diplomazija pubblika aktar b’saħħitha dwar l-affarijiet tan-NU; |
L-UE u l-governanza globali
(f) |
biex imexxi ’l quddiem multilateraliżmu effettiv bħala t-tħassib strateġiku prinċipali tal-UE, billi jtejjeb ir-rappreżentanza, it-trasparenza, ir-responsabbiltà, l-effiċjenza u l-effettività tan-NU, bl-għan li tittejjeb il-prestazzjoni tagħha fil-post; biex ifakkar il-ħtieġa li jintlaħaq bilanċ istituzzjonali bejn ir-rwol emerġenti tal-G-20, in-NU u l-aġenziji u l-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali (IFI) tagħha; f’dan ir-rigward, biex itejjeb il-governanza globali u biex ifittex soluzzjonijiet bil-ħsieb li tittejjeb dejjem iktar il-koordinazzjoni bejn il-‘G-formations’ u s-sistema tan-NU, sakemm id-dimensjoni ekonomika tista’ tkun koperta b’mod utli minn dawn il-gruppi, dejjem jekk in-NU iżżomm ir-rwol ċentrali tagħha u tibqa’ l-korp leġittimu għall-azzjoni globali; |
(g) |
biex jinvolvi ruħu b’mod aktar attiv ma' sħab strateġiċi u sħab bilaterali u multilaterali oħra, speċjalment l-Istati Uniti, sabiex jippromwovi soluzzjonijiet effettivi għal problemi li jaffettwaw kemm iċ-ċittadini tal-UE kif ukoll id-dinja f’sens ġenerali, inklużi dawk l-aktar fqar u vulnerabbli; |
(h) |
biex jappoġġja attivament riforma komprensiva tal-KSNU sabiex tissaħħaħ il-leġittimità, ir-rappreżentanza reġjonali u l-effettività tiegħu; biex ifakkar li l-għan li jkun hemm kwartieri tal-UE f’KSNU jibqa’ għan ċentrali u fit-tul tal-Unjoni Ewropea; biex jitlob lir-Rappreżentant Għoli/Viċi President (RGħ/VP) jiżviluppa pożizzjoni komuni tal-Istati Membri għal dan il-fini; biex jikseb dak il-għan fil-futur, biex jaħdem fuq koordinazzjoni minn qabel ta’ pożizzjonijiet fil-Kunsill tal-UE dwar l-introduzzjoni ta’ membri ġodda tal-KSNU u dwar ir-riforma tal-mod kif jittieħdu d-deċiżjonijiet fil-KSNU; |
(i) |
biex jinvolvi aktar ruħu fir-riflessjoni mibdija fl-AĠNU fuq ir-rwol tan-NU fil-governanza dinjija, bl-għan li jittejbu t-trasparenza u l-kooperazzjoni: biex jippromwovi kooperazzjoni akbar bejn l-UE u l-AĠNU; |
(j) |
biex jgħin biex l-AĠNU tingħata ħajja ġdida, inter alia billi jappoġġja x-xogħol tal-Grupp ta’ Ħidma Ad Hoc, billi jiffaċilita dibattiti tematiċi aktar profondi u mmirati lejn ir-riżultati fuq kwistjonijiet topiċi importanti, u permezz ta’ involviment aktar mill-qrib tal-AĠNU ma’ partijiet interessati oħra, inklużi s-soċjetà ċivili u organizzazzjonijiet u forums internazzjonali u reġjonali oħra; biex jenfasizza l-ħtieġa għal aktar simplifikazzjoni tal-aġendi tal-AĠNU u l-kumitati ewlenin tagħha; biex jenfasizza l-fatt li r-rivitalizzazzjoni tista’ tkun żgurata biss jekk l-AĠNU tieħu azzjoni rilevanti u xierqa fuq kwistjonijiet ta’ tħassib komuni għall-komunità internazzjonali; |
(k) |
biex jikkonferma mill-ġdid l-impenn tiegħu li jiżgura li r-riżorsi finanzjarji tan-NU jkunu ġestiti b'mod effiċjenti u effettiv, skont il-prinċipji ta' dixxiplina baġitarja u koerenza, f'konformità mal-ogħla standards internazzjonali; |
Paċi u Sigurtà
Żamma tal-paċi u konsolidazzjoni tal-paċi
(l) |
biex isaħħaħ is-sħubija operazzjonali u biex jippromwovi l-koerenza u l-effettività strateġika tal-isforzi kollettivi għall-konsolidazzjoni tal-paċi, inter alia permezz tax-xogħol tal-Kumitat Speċjali dwar l-Operazzjonijiet għaż-żamma tal-Paċi; |
(m) |
biex imexxi ’l quddiem il-kooperazzjoni u jibni sħubiji fil-qasam tal-prevenzjoni ta' konflitti u l-ġestjoni ta' kriżijiet ċivili u militari man-NU, l-OSKE, l-Unjoni Afrikana (UA), il-Lega Għarbija u organizzazzjonijiet internazzjonali u reġjonali oħra, kif ukoll mas-soċjetà ċivili; biex itejjeb il-kapaċitajiet tal-konsolidazzjoni tal-paċi tal-organizzazzjonijiet reġjonali, inter alia permezz tas-sħubiji bejn tlieta, proposti, UE-NU-UA u UE-NU-ECOWAS; |
(n) |
biex jippromwovi l-kollaborazzjoni ta’ atturi differenti fl-arkitettura tal-konsolidazzjoni tal-paċi, b’mod partikolari s-Segretarjat tan-NU, il-KSNU, l-AĠNU, u l-Istati Membri tan-NU involuti f’missjonijiet ta’ konsolidazzjoni tal-paċi; biex ikompli bl-isforzi tiegħu biex jiżgura li l-Istati Membri tal-UE jikkontribwixxu għall-missjonijiet ta’ paċi tan-NU b’kapaċitajiet speċjali, bħal trasport u loġistika, u taħriġ; biex jikkunsidra l-għażla li jniedi operazzjoni militari taħt il-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (PSDK), inkluż l-iskjerament possibbli ta’ grupp tattiku biex jiġi qabel missjoni ta’ paċi tan-NU jekk mitlub min-NU, waqt li jagħti attenzjoni speċjali lejn il-protezzjoni tal-membri kollha tal-missjonijiet għaż-żamma tal-paċi u ta' kwalunkwe grupp tattiku; biex jappoġġja l-iżvilupp tal-kapaċità tal-prevenzjoni u tal-immaniġġjar ta’ konflitti kif ukoll tal-medjazzjoni, iż-żamma tal-paċi u l-konsolidazzjoni tal-paċi fuq livelli nazzjonali u sottonazzjonali; biex jippromwovi l-iskambju tan-‘know-how’ u prattiki tajba fost is-sħab; |
(o) |
biex jipprovdi appoġġ għall-Eżami tal-Kapaċità Ċivili tan-NU fl-identifikazzjoni ta’ modi prattiċi għat-tqabbil tad-domanda mal-provvista f’oqsma ta’ kapaċità ċivili kritiċi; biex iħaffef ir-reklutaġġ, jelimina inkompatibilitajiet operattivi u jevita d-duplikazzjoni meta jiġu skjerati kapaċitajiet ċivili tal-PSDK b’appoġġ tal-azzjonijiet tan-NU; biex jesplora għażliet għal skjerament konġunt ta’ timijiet għar-reazzjoni għall-kriżijiet fi ħdan operazzjoni tan-NU f’każijiet fejn ikunu meħtieġa kapaċitajiet ta’ skjerament mgħaġġel; |
(p) |
biex jiżgura l-parteċipazzjoni tan-nisa fl-istadji kollha tal-proċessi tal-paċi u biex jinvolvihom b’mod sistematiku fid-diplomazija preventiva, it-twissija bikrija u l-monitoraġġ tas-sigurtà; biex jiffoka, bi qbil mar-Riżoluzzjoni 1325(2000) tal-KSNU dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà, fuq il-ħtieġa li jiġu ssimplifikati l-perspettivi tal-ġeneru fil-prevenzjoni tal-kunflitt, iż-żamma tal-paċi, l-operazzjonijiet, l-assistenza umanitarja, ir-rikostruzzjoni wara l-kunflitt u inizjattivi DDR (25); biex jaħdem b'mod attiv biex jiżgura l-implimentazzjoni tar-Riżoluzzjoni 1325 tal-KSNU mill-istati membri kollha tan-NU; |
(q) |
biex jikkoopera man-NU biex jindirizzaw it-theddidiet globali attwali bħat-tibdil fil-klima, il-proliferazzjoni ta’ armi nukleari, il-kriminalità organizzata u t-terroriżmu, u l-pandemiji; |
(r) |
biex jikkontribwixxi għar-riżultat ta’ suċċess u s-segwitu tal-Konferenza tan-NU dwar it-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi tal-2012 u tal-Konferenza għar-Reviżjoni tal-Programm ta’ Azzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Armi Ħfief u ta’ Kalibru żgħir tal-2012; |
Responsabbiltà għall-Protezzjoni (R2P)
(s) |
biex jassissti l-istati biex iwettqu r-responsabbiltà tagħhom li jħarsu l-popli tagħhom; jenfasizza l-bżonn għal azzjoni internazzjonali f'waqtha u adegwata għall-prevenzjoni u t-twaqqif tal-ġenoċidju, tindif etniku, reati tal-gwerra u reati kontra l-umanità; |
(t) |
biex jiġġenera aktar progress politiku u internazzjonali fl-implimentazzjoni tal-kunċett R2P f’korpi tan-NU, b’mod partikolari fil-KSNU, l-AĠNU u l-UNHRC, billi jasal għal konklużjonijiet u jitgħallem kemm mill-intervent fil-Libya kif ukoll mill-inabbiltà li tittieħed azzjoni rapida fil-każ tas-Sirja; biex jiffaċilita d-dibattitu dwar kif il-korpi tan-NU, b’mod partikolari l-KSNU, jistgħu jużaw dan il-kunċett biex jiżguraw kooperazzjoni akbar bejn l-istati membri tan-NU waqt kriżijiet; biex imexxi ’l quddiem ir-rwol pożittiv tal-organizzazzjonijiet reġjonali, fl-iżvilupp u l-applikazzjoni ta’ approċċ operazzjonali għar-R2P; |
(u) |
jaħdmu mas-sħab biex jiżguraw li dan il-kunċett jiffoka fuq il-prevenzjoni, il-protezzjoni u r-rikostruzzjoni wara kunflitt, bi qbil mal-diviżjoni bejn tliet partijiet tar-R2P fir-rigward tar-responsabbiltà li tipprevjeni, li tipproteġi u li tibni mill-ġdid; biex jgħin lill-Istati fil-bini tal-kapaċitajiet għal dan il-fini, inter alia billi isaħħaħ il-mekkaniżmi ta' twissija bikrija u l-kapaċitajiet relevanti ta' medjazzjoni tan-NU; biex iħeġġeġ, b’kooperazjoni mal-istati membri tan-NU, l-istabbiliment ta’ punti fokali biex jiġu ssorveljati sitwazzjonijiet ta’ konflitt emerġenti, u biex jibni kapaċitajiet rilevanti f’delegazzjonijiet tal-UE; |
(v) |
jerġgħu jikkonfermaw bil-qawwi l-impenn tal-UE għall-kunċett ta' R2P u biex jagħtu bidu għall-iżvilupp ta' konsensus interistituzzjonali dwar R2P bejn il-Parlament Ewropew, l-SEAE u l-Istati Membri tal-UE li jista' jiżgura azzjoni tal-UE aktar konsistenti fir-rigward ta' kwestjonijiet bħal dawn fil-forums tan-NU; |
Medjazzjoni
(w) |
biex jippromwovi medjazzjoni bħala għodda kosteffettiva fil-prevenzjoni u s-soluzzjoni tat-tilwim, kif ukoll fil-prevenzjoni ta’ pajjiżi li għadhom kemm ħarġu minn konflitt milli jerġgħu jispiċċaw f’konflitt; biex jiżviluppa linji gwida ta’ medjazzjoni aktar effettivi fil-qasam tar-regola tal-liġi u r-responsabbiltà demokratika; |
(x) |
biex jagħti prijorità u jiżviluppa l-implimentazzjoni ta’ dan l-istrument kif ukoll biex jiżviluppa l-kapaċitajiet ta’ medjazzjoni fis-SEAE, abbażi tal-Kunċett ta’ Tisħiħ tal-Medjazzjoni u l-Kapaċitajiet ta’ Djalogu tal-UE; |
(y) |
biex jikkoopera mill-qrib man-NU u ma’ atturi oħra fil-medjazzjoni; biex jistinka ħalli jintlaħqu sinerġiji fl-attivitajiet ta’ medjazzjoni mad-Dipartiment għall-Affarijiet Politiċi tan-NU (DPA); biex imexxi ’l quddiem sħubijiet u kooperazzjoni bejn organizzazzjonijiet internazzjonali, reġjonali u sottoreġjonali u n-NU, u bejn is-soċjetà ċivili, pereżempju, permezz ta' sħubija konġunta bejn l-UE u n-NU dwar il-kapaċitajiet ta’ medjazzjoni; biex itejjeb il-kondiviżjoni tal-informazzjoni, il-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni sabiex jiżgura l-koerenza u l-kumplimentarjetà tal-isforzi tal-atturi involuti f’medjazzjoni speċifika; |
Ġustizzja Internazzjonali
(z) |
biex issaħħaħ is-sistema tal-ġustizzja kriminali internazzjonali; jenfasizza l-irwol tal-ICC fil-ġlieda kontra l-impunità u barra minn hekk biex jippromwovi l-ICC bħala l-uniku korp ġudizzjarju permanenti b'ġurisdizzjoni fuq individwi li nsatbu ħatja għal reati tal-gwerra, għal atti kriminali kontra l-unmanità u għall-ġenoċidju, meta l-qrati nazzjonali mhumiex kapaċi jew ma jixtiqux jagħmlu dan; |
(aa) |
biex isaħħaħ il-Qorti Kriminali Internazzjonali (ICC) permezz ta’ appoġġ politiku, diplomatiku, finanzjarju u loġistiku; biex iħeġġeġ l-istati membri tan-NU kollha jingħaqdu mal-Qorti billi jirratifikaw l-Istatut ta' Ruma; biex irawwem kooperazzjoni b'saħħitha bejn il-Qorti u n-NU u l-korpi u l-aġenziji tagħha; |
Drittijiet tal-Bniedem
(ab) |
biex isaħħaħ l-isforzi internazzjonali bl-għan li jiżgura li d-drittijiet tal-bniedem kollha li jaqgħu taħt il-konvenzjonijiet tan-NU jitqiesu bħala universali, indiviżibbli, interdipendenti u interrelatati; biex jgħin biex jissaħħew il-kapaċitajiet nazzjonali għall-ilħuq tal-obbligi internazzjonali rigward id-drittijiet tal-bniedem; f'dan ir-rigward, jenfasizza l-ħtieġa li jiżgura d-dritt għal-libertà tar-reliġjon u t-twemmin għal kulħadd; |
(ac) |
b'mod attiv jappoġġja l-inizjattiva mmexxija mill-Afrika u r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Istatus tan-Nisa billi jaħdem lejn l-adozzjoni ta' riżoluzzjoni tal-UNGA fl-2012 bil-ħsieb li tiġi pprojbita mutilazzjoni tal-ġenitali femminili (FGM) madwar id-dinja; jitlob lill-HR/VP u lill-Kummissjoni jagħtu l-akbar prijorità għall-iżgurar tas-suċċess ta' dan il-proċess; |
(ad) |
barra minn hekk jippromwovi l-integrazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-aspetti kollha tax-xogħol tan-NU, filwaqt li jafferma mill-ġdid il-fatt li d-drittijiet tal-bniedem huma intrinsikament marbuta mal-għanijiet l-oħra tan-NU dwar is-sigurtà u l-iżvilupp; |
(ae) |
biex jipparteċipa b’mod proattiv fix-xogħol tal-UNHRC billi jisponsorja bis-sħab riżoluzzjonijiet riżoluzzjonijiet, joħroġ stqarrijiet u jipparteċipa fi djalogi u dibattiti interattivi sabiex jiżgura bilanċ aħjar fil-ħidma tal-UNHRC; |
(af) |
biex itejjeb il-kapaċità ta’ twissija bikrija tal-Proċeduri Speċjali billi jipprovdi mekkaniżmu li jippermettilhom li awtomatikament jagħtu bidu għal kunsiderazzjoni ta’ qagħda mill-UNHRC; biex isaħħaħ il-proċess ta’ segwitu għall-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-Proċeduri Speċjali; |
(ag) |
biex ifittex li jsaħħaħ il-proċess ta’ Eżami Perjodiku Universali (EPU) billi jagħmel rakkomandazzjonijiet fi djalogi bilaterali u multilaterali ma’ stati membri tan-NU, u billi jibbaża dawn id-djalogi fuq u madwar normi u standards internazzjonali; |
(ah) |
biex ikompli l-isforzi tiegħu fil-AĠNU u l-kumitati tagħha fir-rigward tas-sejħa għal moratorju fl-użu tal-piena tal-mewt, li għadha tirċievi appoġġ dejjem ikbar minn numru ta’ pajjiżi li qed jiżdied, u fir-rigward tad-drittijiet tat-tifel jew tifla, tal-midja ħielsa u t-tolleranza reliġjuża; biex jappoġġa l-isforzi kollha biex tinqered it-tortura; b' mod partikolari biex iħeġġeġ l-adozzjoni tal-Protokoll Fakultattiv tal-Konvenzjoni dwar it-Tortura tan-NU; |
Appoġġ għad-demokrazija
(ai) |
biex jgħin biex jiżgura sjieda tal-proċess demokratiku u l-iżvilupp ta’ kultura ta’ demokrazija u l-istat tad-dritt; biex jespandi l-appoġġ għad-demokrazija lil hinn mill-proċess ta’ elezzjoni sabiex isostnih fit-tul u jkun kapaċi jagħti riżultati tanġibbli liċ-ċittadini; biex jiżgura inklużjoni akbar mill-parlamenti u partiti politiċi fi programmi li jappoġġaw id-demokrazija; biex jenfasizza l-importanza ta' NGOs indipendenti li jistgħu jiffunzjonaw liberament għall-iżvilupp ta' kultura ċivika qawwija; |
(aj) |
biex jiffoka fuq l-inklużjoni soċjali u ekonomika, il-proċessi ta’ tranżizzjoni demokratika u politika/elettorali, il-bini ta’ kapaċità, it-tisħiħ tas-soċjetà ċivili, il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ f’demokrazija parlamentari u l-protezzjoni tal-libertà ta’ espressjoni, libertà ta’ kuxjenza u libertà tar-reliġjon u l-protezzjoni tad-drittijiet tan-nisa, inkluż f'termini tal-parteċipazzjoni tagħhom fil-ħajja pubblika u soċjali, fl-livell kemm ta’ prassi soċjali kif ukoll ta’ leġiżlazzjoni; |
(ak) |
biex jintegra aħjar l-appoġġ għad-demokrazija fl-azzjoni esterna Ewropea; biex jappoġġaw il-governanza demokratika permezz tad-diversi strumenti finanzjarji tiegħu, billi juża ir-riżorsi tad-delegazzjonijiet tal-UE meta jkun possibbli; biex jaħdem globalment u lokalment man-NU u ma’ sħab oħra sabiex isaħħaħ l-istat tad-dritt, iħeġġeġ il-midja indipendenti u jibni u jsaħħaħ l-istituzzjonijiet demokratiċi li jistgħu jagħtu riżultati tajbin; |
(al) |
biex jiżgura li l-mandati tal-missjonijiet taż-żamma tal-paċi jirriflettu l-bżonn għall-appoġġ ta’ missjonijiet ta’ osservazzjoni elettorali u biex jipprovdihom il-mezzi meħtieġa biex tiġi żgurata s-sikurezza tal-osservaturi fuq il-post; |
Żvilupp
(am) |
biex jintegra l-politiki tal-UE relatati mal-iżvilupp fuq kull livell, sabiex jiġu evitati kontradizzjonijiet bejn politiki li huma favur l-iżvilupp min-naħa waħda u ostakoli għall-iżvilupp tal-pajjiżi sħab fi ftehimiet u forums bilaterali, plurilaterali u multilaterali, min-naħa l-oħra; biex jagħti attenzjoni partikolari lid-drittijiet tal-bniedem u l-implikazzjonijiet tal-iżvilupp fi ftehimiet ta’ kummerċ ħieles u waqt negozjati fil-livell tal-WTO; |
(an) |
biex ikompli jaħdem biex iċ-ċittadini jitqiegħdu fiċ-ċentru tal-proċess tal-iżvilupp; biex isegwi d-Dikjarazzjoni tan-NU dwar id-Dritt għall-Iżvilupp, billi jiffoka fuq passi prattiċi għall-implimentazzjoni tagħha; |
(ao) |
biex jiżgura li ma jitnaqqasx is-sehem globali tal-għajnuna Ewropea mgħotija permezz tal-baġit tal-UE u li din tibqa' ffukata fuq il-faqar u l-ġuħ; biex jikkunsidra li jiddedika 20 % mit-total tal-assistenza tal-UE lil servizzi soċjali bażiċi, kif definiti min-NU, b’enfasi partikolari fuq l-aċċess ħieles u universali għall-kura tas-saħħa primarja u l-edukazzjoni bażika, filwaqt li jiġi kkunsidrat l-appoġġ tal-UE għall-inizjattiva "Edukazzjoni għall-Kulħadd", u l-impenn tiegħu li jaqdi rwol fis-saħħa globali; |
(ap) |
biex jikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-koerenza politika fl-iżvilupp u biex itejjeb l-effettività tal-iżvilupp, minħabba li dawn jibqgħu kwistjonijiet ewlenin għall-kisba tal-MDGs; |
(aq) |
biex imexxi u jħaffef l-isforzi fin-NU biex jintlaħqu l-MDGs billi ssir enfasi partikolari fuq dawk l-għanijiet li s'issa l-inqas li sar progress fir-rigward tal-ilħuq tagħhom; |
(ar) |
filwaqt li jibqa' impenjat biex jeqred il-faqar b'kollaborazzjoni mal-komunità internazzjonali, biex jaħdem lejn definizzjoni tal-Aġenda MDG ambizzjuża għal wara l-2015, b'kunsiderazzjoni għall-progress li sar iżda wkoll għall-isfidi li għad iridu jiġu indirizzati; |
(as) |
biex ikompli jsegwi, u jaħdem lejn l-implimentazzjoni sħiħa tar-riżultat tal-Konferenza Rio+20 tan-NU dwar l-Iżvilupp Sostenibbli, inter alia billi jippromwovi l-iżvilupp sostenibbli bħala l-prinċipju ta’ gwida għal żvilupp globali fit-tul; |
(at) |
biex joħloq bord tan-NU ta’ persuni eminenti; |
(au) |
biex isegwi b'mod attiv il-konklużjonijiet adottati f’Busan; |
(av) |
biex jagħti kontribut sinifikanti għall-ġlieda kontra l-ispekulazzjoni tal-ikel u għas-soluzzjoni tal-problema urġenti tal-faqar u l-ġuħ; |
(aw) |
biex jgħati prijorità lis-sigurtà tal-ikel, il-kapaċità produttiva fl-agrikoltura, l-infrastruttura, il-bini tal-kapaċità, it-tkabbir ekonomiku inklużiv, is-swieq favorevoli u n-negozji ġodda, l-aċċess għat-teknoloġiji, u l-iżvilupp uman u soċjali f'LDCs, skont il-Programm ta’ Azzjoni ta' Istanbul u l-konklużjonijiet adottati fit-13-il sessjoni tal-UNCTAD f’Doha fis-26 ta’ April 2012; |
(ax) |
biex itenni l-impenn tiegħu għall-prinċipji ta’ Ruma dwar is-sigurtà tal-ikel; biex jiddeplora l-konsegwenzi tal-ispekulazzjoni fuq il-prodotti tal-ikel; |
(ay) |
biex iħeġġeġ il-pajjiżi li qed jiżviluppaw, bl-appoġġ tad-donaturi internazzjonali, sabiex jieħdu miżuri fuq perjodu ta’żmien twil biex jiżguraw li n-nixfa ma twassalx b'mod inevitabbli għall-ġuħ; biex jimplimentata strateġiji għat-tnaqqis tar-riskju tad-diżastri u sistemi ta’ twissija bikrija; |
(az) |
biex jappoġġa bis-sħiħ ir-rwol ewlieni tan-NU, u partikolarment tal-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Koordinazzjoni tal-Affarijiet Umanitarji; |
(ba) |
biex jafferma mill-ġdid l-impenn tal-UE fuq perjodu ta’żmien twil għall-appoġġ tal-benesseri tan-nies fil-Qarn tal-Afrika u biex jiġu indirizzati l-fatturi li jikkawżaw in-nuqqas ta’ sigurtà strutturali fil-qasam tal-ikel u l-konflitti; |
It-tibdil fil-klima, il-protezzjoni u s-sostenibbiltà ambjentali globali
(bb) |
biex jieħu l-inizjattiva fil-qasam tal-governanza globali fuq il-klima u l-kooperazzjoni internazzjonali dwar it-tibdil fil-klima; biex jikkontribwixxi lejn arkitettura istituzzjonali li hija inklużiva, trasparenti u ekwitabbli li tipprovdi għal rappreżentazzjoni bbilanċjata ta’ pajjżi kemm żviluppati kif ukoll dawk li qed jiżviluppaw tal-korpi governattivi relevanti; biex barra minn hekk ikompli jiżviluppa djalogu mal-atturi ewlenin, bħall-pajjiżi BRICS u l-pajjiżi li qed jiżviluppaw, peress li bidla fil-klima sar element ewlieni tar-relazzjonijiet internazzjonali; biex barra minn hekk ikompli jiżviluppa l-kapaċitajiet tas-SEAE biex ifassal politika ta' diplomazija tal-EU dwar il-klima; |
(bc) |
biex ikompli jagħti s-setgħa liċ-ċittadini fil-governanza ambjentali permezz tal-implimentazzjoni effettiva tal-Prinċipju 10 ta’ Rio; biex f’dan ir-rigward, jespandi d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus lil hinn mill-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (NU/KEE) permezz ta’ konvenzjoni globali jew billi l-Konvenzjoni ta’ Aarhus tinfetaħ għal partijiet barra min-NU/KEE; biex jippromwovi governanza mtejba fl-iżvilupp sostenibbli, inter alia billi jsaħħaħ il-Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent (UNEP); biex b'mod attiv jikkoopera mas-sħab għal infurzar globali aktar b'saħħtu tal-liġijiet ambjentali; |
(bd) |
biex jagħti spinta lill-pożizzjoni konġunta tal-UA u l-UE favur l-aġġornament tal-UNEP għal aġenzija speċjalizzata tan-NU bil-kwartieri tagħha fin-Najrobi, il-Kenja; biex jindirizza, fi ħdan dan il-qafas istituzzjonali ġdid, il-kwistjonijiet ta’ finanzjament, trasferiment ta’ teknoloġija u l-bini tal-kapaċità għall-iżvilupp sostenibbli; |
(be) |
biex jappoġġja l-bijodiversità u l-protezzjoni tal-klima fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw bi qbil mal-objettivi stabbiliti skont il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima u l-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika; biex l-ibħra u l-oċeani jsiru wieħed mill-pilastri ewlenin tal-Qafas ta’ Rio, flimkien mal-protezzjoni tal-klima u tal-bijodiversità; |
(bf) |
biex jappoġġa l-parteċipazzjoni attiva tal-Kummissjoni fid-dibattitu li għaddej dwar il-Lakuni fil-Protezzjoni u r-Rispons imnedi mill-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati (UNHCR) bħala parti mid-Djalogu tal-2010 tal-Kummissarju Għoli dwar l-Isfidi fil-Protezzjoni, li huwa mmirat biex itejjeb il-protezzjoni internazzjonali eżistenti għal nies li ġew spostati b’mod sfurzat u li sfaw mingħajr stat; biex jipparteċipa attivament fid-dibattitu dwar it-terminu ‘rifuġjat minħabba t-tibdil fil-klima’ (intiż biex jiddeskrivi nies li huma sfurzati li jitilqu mid-djar tagħhom u jfittxu rifuġju f’pajjiż ieħor bħala konsegwenza tat-tibdil fil-klima), inkluża definizzjoni legali possibli ta’ dan it-terminu, li għad mhuwiex rikonoxxut fil-liġi internazzjonali jew fi ftehim internazzjonali li huwa legalment vinkolanti; |
Kwistjonijiet varji
(bg) |
biex jippromwovi l-interazzjoni fi kwistjonijiet globali bejn il-gvernijiet u l-parlamenti u jinkoraġġixxi dibattitu dwar ir-rwol globali tal-parlamenti; biex isaħħaħ in-natura demokratika, ir-responsabbiltà u t-trasparenza tal-governanza globali u jippermetti parteċipazzjoni pubblika u parlamentari akbar fl-attivitajiet tan-NU; |
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lir-RGħ/VP, lill-Kunsill u, għal finijiet ta’ informazzjoni, lill-Kummissjoni.
(1) Testi adottati, P7_TA(2011)0255.
(2) Testi adottati, P7_TA(2011)0229.
(3) Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea 11298/2011.
(4) Ir-Riżoluzzjoni A/RES/66/256 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU.
(5) Ir-Riżoluzzjoni A/RES/66/209 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU.
(6) Ir-Riżoluzzjoni A/RES/66/253 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU.
(7) Ir-Riżoluzzjoni A/RES/66/224 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU.
(8) Ir-Riżoluzzjoni A/RES/66/223 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU.
(9) Ir-Riżoluzzjoni A/RES/66/219 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU.
(10) Ir-Riżoluzzjoni A/RES/66/210 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU.
(11) Ir-Riżoluzzjoni A/RES/66/163 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU.
(12) Ir-Riżoluzzjoni A/RES/66/59 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU.
(13) Ir-Riżoluzzjoni A/RES/66/159 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU.
(14) Ir-Riżoluzzjoni A/RES/66/151 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU.
(15) Ir-Riżoluzzjoni A/RES/66/167 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU.
(16) Ir-Riżoluzzjoni A/RES/65/276 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU.
(17) Ir-Riżoluzzjoni A/RES/64/236 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU.
(18) Testi adottati, P7_TA(2012)0058.
(19) Testi adottati, P7_TA(2011)0507.
(20) Testi adottati, P7_TA(2011)0334.
(21) Testi adottati, P7_TA(2010)0482.
(22) ĠU C 99E, 3.4.2012, p. 56.
(23) ĠU C 99 E, 3.4.2012, p. 7.
(24) ĠU C 124 E, 25.5.2006, p. 549.
(25) Id-diżarm, id-demobilizzazzjoni, l-inklużjoni mill-ġdid u reintegrazzjoni.