EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012XG1219(03)

Konklużjonijiet tal-Kunsill tas- 26 ta’ Novembru 2012 dwar Governanza Kulturali

ĠU C 393, 19.12.2012, p. 8–10 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

19.12.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 393/8


Konklużjonijiet tal-Kunsill tas-26 ta’ Novembru 2012 dwar Governanza Kulturali

2012/C 393/03

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

WAQT LI JIRRIKONOXXI:

1.

li l-kultura bl-elementi inerenti tagħha ta' kreattività u innovazzjoni hija valur fih innifsu. Din għandha valur pubbliku sinifikanti u tikkontribwixxi għall-kisba ta' tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inkussiv kif stabbilit fl-istrateġija Ewropa 2020 u l-inizjattivi ewlenin tagħha (1);

2.

l-objettivi assenjati lill-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-kultura mill-Artikolu 167 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

3.

li l-politika kulturali hija ta' natura orizzontali u għalhekk hija meħtieġa kooperazzjoni trasversali bejn is-setturi u bejn il-livelli differenti ta' governanza;

4.

li hemm ħtieġa li l-isfidi numerużi ffaċċjati mis-settur kulturali u dak kreattiv, inkluż ambjent li qed jinbidel rapidament xprunat mill-bidla diġitali u l-globalizzazzjoni jinbidlu f'opportunitajiet ġodda ta' tkabbir u impjiegi, u dan jeħtieġ azzjoni li għandha tittieħed fil-livelli differenti ta' governanza;

5.

li hemm dinamika b'saħħitha fil-linji ta' demarkazzjoni bejn is-settur kulturali u dak kreattiv u li jirriżultaw benefiċċji sinifikanti mill-istabbiliment ta' rabtiet u sħubijiet bejn is-setturi; għalhemm hemm ħtieġa li jiġu adottati approċċi olistiċi għall-governanza kulturali;

6.

li l-“governanza kulturali” għandha tinftiehem kemm bħala metodu għat-twettiq ta' politika kulturali kif ukoll bħala għodda li tapprofondixxi l-integrazzjoni tal-kultura fl-aġenda tal-politika pubblika billi tikkoordina l-politiki kulturali mal-politiki settorjali l-oħra;

7.

l-importanza tal-metodu miftuħ ta' koordinazzjoni użat għall-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Ħidma tal-Kunsill għall-Kultura (2) li huwa wieħed mill-mezzi ta' governanza kulturali fil-livell Ewropew;

JIRRAKKOMANDA L-IŻVILUPP TAL-APPROĊĊ DOPPJU LI ĠEJ GĦALL-KWISTJONI TAL-GOVERNANZA KULTURALI:

I.   IL-PROMOZZJONI TA' TFASSIL TAL-POLITIKA BBAŻAT FUQ L-EVIDENZA

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA:

IQIS li l-promozzjoni ta' tfassil tal-politika bbażat fuq l-evidenza u t-tisħiħ tar-rabtiet bejn il-kultura, l-ekonomija, l-edukazzjoni, ir-riċerka u l-innovazzjoni huma ta' importanza kbira għall-Istati Membri, b'mod partikolari fi żminijiet ta' reċessjoni ekonomika meta hemm ħtieġa li l-politiki kulturali jkunu aktar effettivi, effiċjenti u sostenibbli;

JILQA' r-riżultati tal-ħidma esperta dwar l-istatistika kulturali, inkluż fil-kuntest tal-proġett ESSnet-Culture (3), imwettaq konġuntament mill-Eurostat u grupp ta' ħames Stati Membri, li jistabbilixxi qafas għal titjib sinifikanti fl-informazzjoni statistika dwar il-kontribut tal-kultura permezz ta' aġġustamenti fis-sistemi statistiċi nazzjonali li huma komparattivament minuri u li jużaw ir-riżorsi b'mod effiċjenti;

JISTIEDEN LILL-ISTATI MEMBRI:

biex jappoġġaw approċċ ibbażat fuq l-evidenza għat-tfassil tal-politika kulturali f'livell nazzjonali, reġjonali u lokali, bl-użu, fejn adatt, ta' strumenti ta' evalwazzjoni u valutazzjoni tal-impatt li jieħdu kont mhux biss ta' indikaturi kwantitattivi iżda wkoll kwalitattivi;

biex jippromwovu aspetti marbuta mal-politika kulturali f'oqsma oħra ta' politika;

biex jippromwovu l-kollaborazzjoni u n-netwerking bejn l-istituzzjonijiet kulturali u edukattivi, iċ-ċentri ta' riċerka u l-intrapriżi kulturali u kreattivi […] sabiex jiġbru u jipproċessaw ir-riżultati tar-riċerka u jxerrduhom fost dawk li jfasslu l-politika;

biex, filwaqt li jużaw bl-aħjar mod l-istrutturi eżistenti, ifittxu li jiżguraw li d-dipartimenti governattivi u l-korpi rilevanti tal-amministrazzjoni pubblika jieħdu kont, jekk ikun adatt u rilevanti, ta' dawk ir-riżultati tar-riċerka, meta jfasslu r-riċerka tagħhom u jifformulaw il-politiki settorjali tagħhom;

JISTIEDEN LILL-ISTATI MEMBRU U LILL-KUMMISSJONI, FIL-KOMPETENZI RISPETTIVI TAGĦHOM, BIEX:

jistimulaw l-iskambju ta' esperjenzi, irawmu t-tixrid tal-aħjar prattika fil-qasam tal-politika kulturali u jippromwovu sinerġiji bejn l-Istati Membri fir-rigward tar-riċerka akkademika marbuta mal-kultura u l-governanza kulturali;

jinnominaw punti ta' kuntatt responsabbli għall-kondiviżjoni u l-koordinazzjoni ta' studji u riċerka prospettiva fil-Ministri responsabbli għall-Kultura jew f'korpi pubbliċi oħra inkarigati mill-politiki kulturali kif ukoll fil-Kummissjoni, u jinkoraġġixxu n-netwerking tagħhom fil-livell Ewropew;

jattwaw, mill-aktar fis possibbli, il-qafas statistiku komuni u l-metodoloġija żviluppati mill-ESS-net Culture bil-ħsieb li jipproduċu informazzjoni affidabbli, komparabbli u aġġornata dwar l-impatt soċjali u ekonomiku tal-kultura u tas-settur kreattiv, u jkomplu jaħdmu fuq prijoritajiet futuri abbażi tar-rakkomandazzjonijiet maħruġa mill-ESS-net Culture (4);

jippromwovu l-iżvilupp kontinwu ta' statistika komparabbli dwar il-kultura mill-Eurostat, b'kooperazzjoni mal-uffiċċji nazzjonali tal-istatistika (5) u mal-Ministeri responsabbli għall-Kultura jew korpi oħrajn inkarigati mill-istatistika kulturali;

jippromwovu l-iskambju ta' esperjenza u jagħtu bidu, bil-parteċipazzjoni tal-Eurostat, għal ħidma fuq “kontijiet satellita (6) dwar il-kultura li ser jgħinu l-valutazzjoni tal-kontribut tal-kultura għall-ekonomija, b'attenzjoni partikolari għall-impjiegi kulturali;

II.   IL-PROMOZZJONI TA' SINERĠIJI U L-IŻVILUPP TA' STRATEĠIJI INTEGRATI GĦAL APPROĊĊ AKTAR OLISTIKU GĦALL-KULTURA

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

IQIS li l-livelli kollha ta' governanza, bl-awtoritajiet lokali u reġjonali jaqdu rwol partikolari, għandhom jiġbdu ħabel wieħed sabiex jisfruttaw bis-sħiħ il-potenzjal ekonomiku u soċjali tas-settur kulturali u dak kreattiv; f'dan il-kuntest, huwa JIEĦU NOTA tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar “Il-promozzjoni tas-setturi kulturali u kreattivi għal tkabbir u l-impjiegi fl-UE” (7), adottata fis-26 ta' Settembru 2012, li tistabbilixxi strateġija komprensiva għal dan il-għan;

JINNOTA l-importanza li l-kultura tiġi integrata f'oqsma oħrajn tal-politika pubblika u l-proċessi ta' teħid ta' deċiżjonijiet fil-livell Ewropew, nazzjonali, reġjonali u lokali;

JISSOTTOLINJA l-importanza li jissaħħaħ l-involviment tal-atturi tas-soċjetà ċivili rilevanti sabiex il-governanza kulturali ssir aktar miftuħa, parteċipattiva, effettiva u koerenti;

JISTIEDEN LILL-ISTATI MEMBRI BIEX:

isaħħu l-kooperazzjoni interministerjali u transettorjali dwar il-kwistjonijiet kulturali u jiżviluppaw strateġiji integrati fuq ħafna livelli li jinvolvu l-livelli ta' governanza kollha;

iħeġġu lill-awtoritajiet lokali u reġjonali, fil-qafas tal-politiki ta' żvilupp lokali u reġjonali, biex jintegraw is-setturi kulturali u kreattivi fl-istrateġiji ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti tagħhom  (8) u jistabbilixxu għal dan il-għan sħubija effettiva bejn is-soċjetà ċivili, is-settur tan-negozju u l-awtoritajiet pubbliċi;

iħeġġu impenji konġunti bejn partijiet interessati pubbliċi u privati biex ikun hemm sostenibbiltà fl-investimenti fis-setturi kulturali u kreattivi, filwaqt li jiffavorixxu taħlita aħjar ta' investimenti diretti (infrastrutturi) u indiretti (kapital uman);

jippromwovu approċċ parteċipattiv għat-tfassil tal-politika kulturali billi jsaħħu s-sħubijiet bejn l-istituzzjonijiet kulturali pubbliċi u s-soċjetà ċivili u billi jistimulaw il-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili permezz ta' djalogu u konsultazzjoni xierqa;

JISTIEDEN LILL-KUMMISSJONI:

tkompli tappoġġa l-kooperazzjoni u l-iskambju tal-aħjar prattika bejn l-esperti mill-Istati Membri, inkluż permezz tal-metodu miftuħ ta' koordinazzjoni, u tippromwovi djalogu strutturat mal-gruppi ta' partijiet interessati rilevanti;

tkompli tiżviluppa kooperazzjoni transettorjali fi ħdan il-Kummissjoni biex tisfrutta bis-sħiħ il-potenzjal tas-setturi kulturali u kreattivi biex tħeġġeġ it-tkabbir intelliġenti, koeżjoni soċjali u djalogu interkulturali fl-Ewropa u tagħmel użu sħiħ mill-proċeduri eżistenti ta' valutazzjoni tal-impatt biex il-kultura tiġi integrata fil-politika u l-azzjoni rilevanti kollha tal-UE;

JISTIEDEN LILL-KUMMISSJONI, LILL-ISTATI MEMBRI U LILL-PRESIDENZI FUTURI FL-ISFERI TA' KOMPETENZA RISPETTIVI TAGĦHOM, BIEX:

jagħmlu użu sħiħ, fejn xieraq, minn programmi ta' finanzjament eżistenti u futuri fil-livell tal-UE, inkluż fil-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni (9);

jaħdmu flimkien fuq analiżi ta' nofs it-terminu u fuq ir-rapport finali tal-Pjan ta' Ħidma għall-Kultura 2011-2014 u jiżviluppaw metodi ta' monitoraġġ biex ikejlu l-implimentazzjoni tiegħu;

jikkondividu regolarment u fi stadju bikri informazzjoni dwar il-politiki u l-azzjonijiet tal-UE b'impatt dirett jew indirett fuq kwistjonijiet u politiki kulturali sabiex tiġi żgurata koordinazzjoni Ewropea u nazzjonali effettiva; għal dan il-għan huwa jistieden lill-KUMMISSJONI tirrapporta dwar l-inizjattivi rilevanti tagħha, inklużi dawk fil-programm ta' ħidma annwali tagħha, lill-Kumitat Affarijiet Kulturali, u lill-PRESIDENZI FUTURI biex jirrapportaw dwar il-ħidma mwettqa minn korpi preparatorji oħra tal-Kunsill;

jinnominaw punti ta' kuntatt responsabbli għall-kondiviżjoni u l-koordinazzjoni ta' studji u riċerka prospettivi sa tmiem l-2013;

jaħdmu flimkien biex jiżguraw li tittieħed azzjoni fuq dawn il-konklużjonijiet.

JAQBEL LI:

jieħu kont tal-implimentazzjoni ta' dawn il-konklużjonijiet fl-2015  (10).


(1)  F'konformità mal-Konklużjonijiet tal-Kunsill tad-19 ta' Mejju 2011 dwar il-kontribut tal-kultura għall-implimentazzjoni tal-istrateġija Ewropa 2020 (ĠU C 175, 15.6.2011, p. 1).

(2)  Konklużjonijiet tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill, dwar il-Pjan ta' Ħidma għall-Kultura 2011-2014 (ĠU C 325, 2.12.2010, p. 1).

(3)  Rapport finali tal-ESSnet-Culture:

http://ec.europa.eu/culture/news/20121026-ess-net_en.htm

(4)  Kif iddikjarat fil-konklużjonijiet tal-Kunsill tad-19 ta' Mejju 2011.

(5)  Mingħajr preġudizzju għan-negozjati dwar il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-programm statistiku Ewropew tal-2013-2017 (COM(2011) 928 final — dok. 5089/12) u n-negozjati dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2014-2020.

(6)  Kontijiet satellita jipprovdu qafas marbut mal-kontijiet ċentrali u li jippermetti li l-attenzjoni tiġi ffukata fuq ċertu qasam jew aspett ta' ħajja ekonomija u soċjali fil-kuntest tal-konijiet nazzjonali (http://stats.oecd.org/glossary/detail.asp?ID=2385).

(7)  14256/12 (COM(2012) 537 final).

(8)  L-istrateġiji ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti huma għodda li permezz tagħha r-reġjuni jew bliet jippjanaw l-assi tagħhom u jiżviluppaw strateġiji, kemm f'termini ekonomiċi kif ukoll ta' inklużjoni soċjali, abbażi tal-profili distintivi tagħhom stess. Huma parti minn kondizzjonalità ex-ante inkluża fil-qafas regolatorju propost għall-politika ta' koeżjoni 2014-2020. (Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar il-Politika Reġjonali li tikkontribwixxi għal tkabbir intelliġenti fl-Ewropa 2020, COM(2010) 553 final — dok. 14679/10).

(9)  Dawn il-konklużjonijiet ma jippreġudikawx in-negozjati dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2014-2020.

(10)  L-eżerċizzju ta' rendikont jista' jinkludi dan li ġej: il-progress tal-ħidma fl-istatistika kulturali komparabbli, in-netwerking tal-punti ta' kuntatt li għandhom jintgħażlu sal-2013, u l-funzjonament tal-iskambju tal-informazzjoni dwar il-politiki u l-azzjonijiet tal-UE li għandhom impatt fuq il-kultura. Din il-lista mhix eżawrjenti.


Top