EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012XC1116(04)

Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għal emenda skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel

ĠU C 352, 16.11.2012, p. 17–21 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

16.11.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 352/17


Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għal emenda skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel

2012/C 352/05

Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt għal oġġezzjoni għall-applikazzjoni għal emenda skont l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 (1). Id-dikjarazzjonijiet ta’ oġġezzjoni għandhom jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien sitt xhur mid-data ta’ din il-pubblikazzjoni.

APPLIKAZZJONI GĦAL EMENDA

IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006

APPLIKAZZJONI GĦAL EMENDA SKONT L-ARTIKOLU 9

“EMMENTAL FRANÇAIS EST-CENTRAL”

KE Nru: FR-PGI-0117-0180-28.06.2011

IĠP ( X ) DPO ( )

1.   Intestatura tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott affettwata mill-emenda:

Isem il-prodott

Deskrizzjoni tal-prodott

Żona ġeografika

Prova tal-oriġini

Metodu ta’ produzzjoni

Rabta

Tikkettar

Rekwiżiti nazzjonali

Oħrajn (aġġornament tad-dettalji tal-grupp applikant, tal-istrutturi ta’ kontroll u tas-servizz kompetenti tal-Istat Membru.)

2.   Tip ta’ emenda/i:

Emenda tad-Dokument Uniku jew tal-Iskeda tas-Sommarju

Emenda tal-Ispeċifikazzjoni tad-DPO jew l-IĠP rreġistrati li għalihom ma ġie ppubblikat l-ebda Dokument Uniku jew Skeda tas-Sommarju

Emenda tal-Ispeċifikazzjoni li ma teħtieġ l-ebda emenda għad-Dokument Uniku ppubblikat (l-Artikolu 9(3) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006)

Emenda temporanja tal-Ispeċifikazzjoni li tirriżulta mill-impożizzjoni ta’ miżuri sanitarji jew fitosanitarji obbligatorji mill-awtoritajiet pubbliċi (l-Artikolu 9(4) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006)

3.   Emenda/i:

3.1.   Deskrizzjoni tal-prodott:

3.1.1.   Maturazzjoni

Il-perjodu tal-maturazzjoni qed jiżdied għal 12-il ġimgħa minflok “għaxar ġimgħat”, billi dan itejjeb l-iżvilupp tal-karatteristiċi tal-ġobon.

3.1.2.   Piż

Qed tiġi ffissata firxa ta’ piżijiet bejn 60 kg u 130 kg, li tista' tiġi kkontrollata aktar faċilment minn “piż medju ta’ 70 kg”.

3.1.3.   Xaħam

Il-kontenut indikat huwa wieħed minimu u mhux valur fiss. Għaldaqstant, qed jiġi ppreċiżat li din ir-rata hija mill-inqas ta’ 45 %, minflok ta’ “45 %”.

3.1.4.   Daqs tal-ġobna

Għal deskrizzjoni iktar preċiża tal-ġobna qed jiżdied li d-daqs tagħha jinkludi “dijametru ta' bejn 0,70 m u 1 m” u “mill-inqas 14 cm fil-qoxra tal-ġenb”.

3.1.5.   Parti interna tal-ġobon

Għal deskrizzjoni iktar preċiża tal-karatteristiċi tal-parti interna tal-ġobon qed jiżdied li din hija “ratba u tinħall”.

3.1.6.   Forom ta' preżentazzjoni

Qed jiġu ppreċiżati t-tipi ta’ preżentazzjoni: Il-ġobon f'forma ta' ġobna sħiħa (…) jew ġobon maqtugħ fi trijangoli, fi blokok u fit-tul, jew f’porzjonijiet jew f’biċċiet, f'porzjonijiet żgħar jew maħkuk minflok “Forma ta’ ġobna”. Dawn it-tipi ta’ preżentazzjonijiet huma inklużi fl-Ispeċifikazzjoni tal-Label rouge Nru 04-79.

3.2.   Prova tal-oriġini:

Qed jiġu speċifikati l-obbligi ta’ traċċabbiltà u l-proċeduri.

3.3.   Metodu ta’ produzzjoni:

3.3.1.   Għalf għall-baqar tal-ħalib

Fl-ispeċifikazzjoni qed jiġu ppreċiżati aktar l-għalf awtorizzat u l-għalf ipprojbit kif ukoll l-obbligu li l-bhejjem jirgħu, li lkoll jikkontribwixxu sabiex tiġi msaħħa r-rabta mal-oriġini tal-prodott.

3.3.2.   Frekwenza tal-ġbir tal-ħalib

Wara esperiment li wera li din ma għandhiex effett fuq l-ispeċifiċità tal-prodott, il-frekwenza tal-ġbir tal-ħalib ġiet emendata: “Il-ħalib għandu jinġabar mill-inqas kull jumejn”.

3.3.3.   Produzzjoni tal-ġobon

Żdiedu miżuri għall-immaniġġar tal-operazzjonijiet differenti tal-produzzjoni (perjodu ta’ żmien, temperatura …) u tal-ingredjenti li jistgħu jintużaw (fermenti jew tames) sabiex jiġi żgurat monitoraġġ aħjar tal-istadji tal-ipproċessar tal-ġobon u tal-metodi tradizzjonali.

3.3.4.   Kriterji ta’ evalwazzjoni sensorjali

Żdiedu kriterji ta’ evalwazzjoni sensorjali tal-preżentazzjonijiet differenti tal-ġobon sabiex jiġu vverifikati l-kwalitajiet speċifiċi tal-prodott.

3.4.   Rabta:

Il-kapitolu “rabta mal-oriġini” ġie rivedut u nqasam fi tliet partijiet: l-ispeċifiċità tar-reġjun tal-Lvant Ċentrali, l-ispeċifiċità tal-Emmental français est-central u r-rabta kawżali bejn iż-żona ġeografika u l-ispeċifiċità tal-prodott.

3.5.   Tikkettar:

Il-kapitolu “Tikkettar” ġie ssimplifikat. Ġie ppreċiżat li l-isem “Emmental français est-central” u l-logo Ewropew tal-IĠP huma obbligatorji fit-tikkettar tal-ġobon maħsub sabiex jinbiegħ lill-konsumatur.

3.6.   Rekwiżiti nazzjonali:

Fl-ispeċifikazzjoni ġew ippreċiżati l-punti prinċipali li għandhom jiġu kkontrollati kif ukoll il-metodi kif dawn għandhom jiġu evalwati. Dawn ma ġewx inklużi fid-Dokument Uniku.

DOKUMENT UNIKU

IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006

“EMMENTAL FRANÇAIS EST-CENTRAL”

KE Nru: FR-PGI-0117-0180-28.06.2011

IĠP ( X ) DPO ( )

1.   Isem:

“Emmental français est-central”

2.   Stat Membru jew pajjiż terz:

Franza

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel:

3.1.   Tip ta’ prodott:

Klassi 1.3:

Ġobon

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f’(1):

Ġobon magħmul mill-ħalib nej tal-baqar, ippressat, imsajjar, immellaħ u b’toqob li jvarjaw bejn id-daqs ta’ ċirasa u ta’ ġewża, b’kontenut minimu ta’ 45 % ta' xaħam f’materja niexfa li huwa mill-inqas 62 g għal kull 100 g ta’ ġobon. Il-parti interna tal-ġobon hija ratba u tinħall. Il-qoxra tiegħu hija iebsa u niexfa, b’kulur li jvarja bejn l-isfar dehbi u l-kannella ċar. Huwa jitħalla jimmatura għal perjodu minimu ta’ 12-il ġimgħa, li jibda minn dakinhar li jiġi prodott il-ġobon sakemm jinħareġ mill-kantina.

Il-preżentazzjoni tiegħu tista’ tkun kif ġej:

ġobniet sħaħ (ta’ bejn 60 kg u 130 kg – b’dijametru ta' bejn 0,70 m u 1 m – Għoli minimu fit-tarf: 14-il ċentimetru) jew ġobon maqtugħ fi trijangoli (kwart ta’ forma; nofs kwart ta’ forma; …), fi blokok u fit-tul, jew

f’porzjonijiet u f’biċċiet, jew

f’porzjonijiet żgħar, jew

maħkuk.

3.3.   Materja prima (għall-prodotti pproċessati biss):

Il-ħalib għandu jkun ġej miż-żona ġeografika għaliex il-karatteristiċi tal-mergħat u tal-mikroflora nativa tal-ħalib lkoll jagħtu l-kontribut tagħhom għat-togħma speċifika tal-ġobon. Il-ħalib għandu jintuża nej sabiex tiġi ppreservata l-flora naturali fil-ħalib oriġinali.

3.4.   Għalf (għall-prodotti li ġejjin mill-annimali biss):

L-għalf tal-merħla huwa magħmul mill-ħaxix u mill-ħuxlief; il-bhejjem iridu jirgħu bilfors għal mill-inqas ħames xhur, sabiex tinżamm ir-rabta mal-mergħat taż-żona ġeografika. Il-prodotti ffermentati huma esklużi sabiex tiġi evitata l-kontaminazzjoni minn mikrobi butiriċi li jistgħu jbiddlu l-kwalitajiet tal-ġobon.

3.5.   Stadji speċifiċi fil-produzzjoni li għandhom iseħħu fiż-żona ġeografika identifikata:

Il-produzzjoni tal-ħalib, l-ipproċessar f’ġobon u l-maturazzjoni jitwettqu fiż-żona ġeografika, sabiex jiġi ppreservat ir-rwol tal-mikroflora lokali fil-karatteristiċi tal-ġobon. Il-maturazzjoni twila tagħti lill-prodott konsistenza iktar ratba u togħma ta’ frott distinta.

3.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-tħakkik, l-ippakkjar, eċċ.:

3.7.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar:

L-isem “Emmental français est-central” u l-logo Ewropew tal-IĠP huma obbligatorji fit-tikkettar tal-ġobon li se jinbiegħ lill-konsumatur.

4.   Definizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika:

Iż-żona ġeografika tinkludi d-dipartimenti li ġejjin: Ain, Côte d’Or, Doubs, Haute-Marne, Haute-Saône, Haute-Savoie, Isère, Jura, Rhône, Saône-et-Loire, Savoie, Territoire de Belfort u Vosges.

5.   Rabta maż-żona ġeografika:

5.1.   Speċifiċità taż-żona ġeografika:

Ir-reġjun tal-Lvant Ċentrali ta’ Franza huwa magħmul minn tliet meded ta' muntanji (Vosges–Jura–l-Alpi tat-Tramuntana). Il-kundizzjonijiet ġeografiċi u klimatiċi diffiċli osservati f’dan ir-reġjun taw lok għat-trobbija tal-baqar tal-ħalib; attività li tisfrutta l-produzzjoni tal-ħaxix u tal-għalf tal-mergħat tar-reġjun, b’mod partikolari permezz tal-ipproċessar tal-ħalib f'ġobniet kbar u tat-tip ippressat u msajjar.

Fil-Medju Evu, it-teknika tal-produzzjoni ta’ ġobniet kbar serviet bħala soluzzjoni sabiex il-ħalib abbundanti tas-sajf jiġi ppreservat matul ix-xitwa.

Ftit ftit, billi l-produzzjoni ta’ dan il-ġobon kienet teħtieġ volumi kbar ta’ ħalib (sa 900 litru ta’ ħalib għal ġobna waħda ta’ Emmental), il-produtturi waqqfu kooperattivi fejn kienu jiġbru flimkien il-ħalib tagħhom. Ir-reġjun tal-Lvant Ċentrali huwa r-reġjun tal-“fruitières”, jiġifieri tal-kooperattivi tal-azjendi tal-ġobon.

Fatturi tal-użu: storikament, minħabba l-iżolament tas-siti tal-produzzjoni u l-klima ħarxa fix-xitwa, ir-rotot tal-ġbir tal-ħalib kienu qosra, u dan iffavorixxa ż-żamma ta’ diversi azjendi tal-ġobon fit-territorju tal-Lvant Ċentrali kollu. L-azjendi tal-ġobon huma parti integrali mill-patrimonju reġjonali, minħabba r-rabta mill-qrib li għandhom mat-territorju tagħhom, u jikkontribwixxu għall-ħarsien tal-attività ekonomika u soċjali fiż-żoni rurali tar-reġjun fil-Lvant Ċentrali ta’ Franza.

Fatturi klimatiċi: il-meded tal-muntanji tar-reġjun tal-Lvant Ċentrali huma kkaratterizzati minn xtiewi twal u iebsin, minn sjuf sħan u relattivament nexfin, kif ukoll minn ammont abbundanti ta’ xita b’għadd sinifikanti ta’ jiem li matulhom tagħmel ix-xita. Din il-klima hija partikolarment favorevoli għall-produzzjoni tal-ħaxix u tal-ħuxlief ta’ kwalità tajba (b’għadd ta’ proteini u b'kontenut ta’aċidi xaħmija). Il-ħalib li ġej miż-żoni tal-ħaxix tar-reġjun tal-Lvant Ċentrali huwa kkaratterizzat minn kontenut ta’ proteini ogħla minn dik tal-bqija tal-ħalib tat-territorju Franċiż. Din hija karatteristika essenzjali sabiex il-ħalib ikun jista’ jiġi pproċessat f’ġobon.

Fatturi botaniċi u agronomiċi: il-mergħat tar-reġjun tal-Lvant Ċentrali ta’ Franza għandhom diversità botanika u mikrobjali kbira. Din id-diversità tiġi ppreservata permezz ta' prattiki agronomiċi. Il-ħarsien taċ-ċikli tradizzjonali għar-rigħi tal-bhejjem u għall-qtugħ tal-ħuxlief għat-tnixxif jikkontribwixxi għaż-żamma tal-bijodiversità tal-mergħat iżda wkoll għall-ħarsien tal-bijodiversità mikrobjali fil-ħalib.

5.2.   Speċifiċità tal-prodott:

L-Emmental français est-central għandu profil ta’ fermenti tipikament propjoniku, lipolisi ridotta u proteolisi iktar intensa mill-Emmentals Franċiżi trattati bis-sħana, prodotti barra mir-reġjun tal-Lvant Ċentrali.

In-nuqqas ta’ fermentazzjoni butirika minħabba l-kwalità tal-ħalib u l-lipolisi limitat minħabba l-kundizzjonijiet tal-konservazzjoni tal-ħalib miġbur, huma l-fatturi li jippermettu maturazzjoni itwal u konservazzjoni aħjar tal-prodott.

Mil-lat tat-togħma, b'mod ġenerali din tiġi meqjusa bħala iktar intensa u ċertament b'togħma aktar qawwija ta’ frott milli f’Emmentals Franċiżi trattati bis-sħana prodotti barra mir-reġjun.

Il-proteolisi iktar intensiva, ikkawżata minn maturazzjoni twila, skont it-tradizzjoni tar-reġjun tal-Lvant Ċentrali, iwassal għal togħma tipika u konsistenza iktar ratba tal-parti interna tal-ġobon.

5.3.   Rabta kawżali bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott (għad-DPO) jew il-kwalità speċifika, ir-reputazzjoni jew karatteristiċi oħra speċifiċi tal-prodott (għall-IĠP):

Il-kwalità speċifika tal-“Emmental français est-central” hija bbażata fuq l-għalf tal-merħla tal-baqar tal-ħalib u fuq l-obbligu li dawn jirgħu (mill-inqas għal ħames xhur), li jorbtu mill-qrib lill-Emmental français est-central mat-territorji differenti li jikkostitwixxu r-reġjun tal-Lvant Ċentrali. Il-maġġoranza tal-għalf bażiku tal-baqar tal-ħalib ġejja mir-reġjun tal-produzzjoni: il-ħaxix matul is-sajf, il-ħuxlief imnixxef u maħsud skont it-tradizzjoni mill-azjenda matul ix-xitwa. Ir-rabta mat-territorju hija msaħħa bil-projbizzjoni li jintuża għalf iffermentat (għalf maħżun f’sajlo; balel tondi ta’ ħuxlief marbuta) u ta’ għalf supplimentari magħmul minn pjanti aromatiċi (kruċiferi; …) li wħud minnhom jistgħu jiġġeneraw fermentazzjonijiet butiriċi u aċidità fil-ħalib u aktar tard fil-ġobon, filwaqt li oħrajn jistgħu jiġġeneraw aromi u rwejjaħ xejn pjaċevoli għall-konsumatur. Dawn il-prekawzjonijiet huma essenzjali sabiex tkun tista’ ssir maturazzjoni twila fil-kantini (mill-inqas 12-il ġimgħa meta mqabbel mas-sitt ġimgħat tal-Emmental Franċiż standard), skont it-tradizzjoni.

Il-flora tal-mergħat, u fuq kollox il-mikroflora tal-ħalib, jinfluwenzaw il-karatteristiċi organolettiċi tal-Emmental français est-central, billi dan bilfors irid jiġi prodott mill-ħalib nej.

L-għarfien partikolari li jippermetti l-produzzjoni tal-“Emmental français est-central” jikkonsisti f’maturazzjoni twila (mill-inqas ta’ 12-il ġimgħa), skont it-tradizzjoni reġjonali. Il-maturazzjoni ta’ 12-il ġimgħa, flimkien mal-karatteristiċi intrinsiċi tal-ħalib użat, jikkostitwixxu l-fattur prinċipali li jinfluwenza l-kwalitajiet distintivi tal-Emmental français est-central: il-preżentazzjoni tal-ġobna, b’qoxra nadifa, naturali, solida, lixxa, niexfa, mingħajr difetti, tbajja’ jew toqob, ta’ kulur isfar ċar, forma ftit jew wisq tonda skont id-destinazzjoni kummerċjali tal-prodott, parti interna tal-ġobon b’kulur omoġenju, delikata u ratba kif ukoll togħma friska u ta’ frott karatteristika.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni:

(L-Artikolu 5(7) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006)

https://www.inao.gouv.fr/fichier/CDCIGPEmmentalFrancaisEstCentralV2.pdf


(1)  ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12.


Top