This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52012XC0929(08)
Publication of an application pursuant to Article 6(2) of Council Regulation (EC) No 510/2006 on the protection of geographical indications and designations of origin for agricultural products and foodstuffs
Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel
Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel
ĠU C 294, 29.9.2012, p. 19–22
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
29.9.2012 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 294/19 |
Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel
2012/C 294/10
Din il-pubblikazzjoni tagħti d-dritt għal oġġezzjoni għat-talba skont l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 (1). Id-dikjarazzjonijiet ta' oġġezzjoni għandhom jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien sitt xhur mid-data ta' din il-pubblikazzjoni
DOKUMENT UNIKU
IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006
“TROTE DEL TRENTINO”
KE Nru: IT-PGI-0005-0965-17.02.2012
IĠP ( X ) DPO ( )
1. Isem:
“Trote del Trentino”
2. Stat Membru jew pajjiż terz:
L-Italja
3. Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel:
3.1. Tip ta' prodott:
Klassi 1.7. |
Ħut, molluski, krustaċej friski u prodotti magħmulin minnhom |
3.2. Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem fil-punt 1:
L-Indikazzjoni Ġeografika Protetta “Trote del Trentino” hija attribwita lil ħut salmonidi mrobbi fiż-żona ta' produzzjoni msemmija fil-punt 4 u li jappartjeni għall-ispeċi tat-trota qawsalla – Oncorhynchus mykiss (Walbaum). Meta jinħarġu għall-konsum, it-“Trote del Trentino” iridu jippreżentaw il-karatteristiċi li ġejjin: dahar ħadrani bi strixxa roża fuq iż-żewġ naħat; żaqq bajdanija; dbabar suwed fuq il-ġisem u fuq il-ġwienaħ dorsali u tad-denb. L-Indiċi tal-Korpożità (Condition Factor) ma jridx ikun aktar minn 1,25 għal ħut ta' 500 gramma jew ta' 1,35 għal ħut li jiżen aktar minn 500 gramma. Il-laħam irid ikun fih total ta' xaħam mhux iżjed minn 6 %. Dan il-laħam huwa abjad jew lewn roża salamun, u huwa sod, tari, u dgħif, b'togħma bnina ta' ħut u riħa delikata ta' ilma frisk mingħajr ma jħalli l-ebda togħma ta' tajn. Kwalunkwe togħma barranija fil-prodott trid tkun limitata, b'kontenut ta' ġeosmina inqas minn 0,9 μg/kg u s-sodezza tal-muskoli għandha tkun ikkaratterizzata minn livelli għolja ta' forza ta' kompressjoni li huma aktar jew daqs 4 N.
3.3. Materja prima (għall-prodotti pproċessati biss):
—
3.4. Għalf (għall-prodotti li ġejjin mill-annimali biss):
Il-porzjonijiet tal-għalf iridu jkunu skont ir-rekwiżiti stabbiliti mit-tradizzjoni, li jirrispettaw l-użu leali u konsistenti. Għal din ir-raġuni, l-għalf tal-ħut użat ma jridx ikun fih OĠM u għandu jkollu ċertifikazzjoni xierqa skont ir-regoli fis-seħħ.
Sabiex tittejjeb il-kwalità tipika tal-laħam tal-ħut tal-IĠP “Trote del Trentino”, il-materja prima li ġejja hija permessa:
(1) |
ċereali, qamħ u l-prodotti tagħhom flimkien mal-prodotti sekondarji, inklużi konċentrati tal-proteina |
(2) |
żrieragħ taż-żejt u l-prodotti tagħhom flimkien mal-prodotti sekondarji, inklużi konċentrati tal-proteina u żjut |
(3) |
żrieragħ tal-legumi u l-prodotti tagħhom flimkien mal-prodotti sekondarji, inklużi konċentrati tal-proteina |
(4) |
dqiq tat-tuberi u l-prodotti tiegħu flimkien mal-prodotti sekondarji, inklużi konċentrati tal-proteina |
(5) |
prodotti u prodotti sekondarji ġejjin mill-ħut u/jew krustaċej, inklużi ż-żjut |
(6) |
għalf tal-alka u l-prodotti sekondarji tagħha |
(7) |
prodotti tad-demm ta' annimali mhux ruminati |
Il-kompożizzjoni tar-razzjonijiet trid tissodisfa l-ħtiġijiet tal-ħut matul il-fażijiet differenti tat-trobbija.
Huma permessi l-addittivi kollha għall-użu fin-nutriment tal-annimali ddefiniti bil-leġiżlazzjoni fis-seħħ. Lewn is-salamun tal-laħam irid jinkiseb bl-użu prinċipali tal-pigment astaksantina li huwa karotenojde u/jew ta' karotenojdi ta' oriġini naturali.
3.5. Passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika identifikata:
Il-fażijiet tat-trobbija, li jinkludu l-istadji meta l-ħut ikun għadu qed ifaqqas, meta l-ħut ikun għadu qed jikber u meta t-trota tkun adulta u l-proċess tal-qatla jridu jitwettqu fiż-żona speċifikata fil-punt 4.
3.6. Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-tħakkik, l-ippakkjar, eċċ.:
Il-prodott aħħari jrid jinbiegħ f'kontenituri tal-polisterin imgeżwra fil-plastik u/jew f'kaxxi tal-polisterin mgħottija b'film u/jew f'pakketti, ippakkjati f'vakwu u/jew f'atmosfera modifikata. Fir-rigward tat-tipoloġija tal-prodott, it-trota tinbiegħ bħala prodott frisk: sħiħ, imnaddaf, iffilitjat u/jew imqatta' flieli.
Meta jinbiegħ sħiħ u/jew imnaddaf irid jiżen mill-inqas 200 g. Filwaqt li meta jinbiegħ iffilitjat u/jew imqatta' flieli irid jiżen mill-inqas 90 g.
3.7. Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar:
L-espressjoni “Indicazione Geografica Protetta” (Indikazzjoni Ġeografika Protetta) jew fil-qosor “IGP” (IĠP) trid tidher fuq kull pakkett/kaxxa b'ittri ċari, li ma jistgħux jitħassru, u li jingħarfu b'mod ċar minn kwalunkwe test ieħor.
Din l-espressjoni trid tiġi tradotta fil-lingwa tal-pajjiż li fih se jkun ikkummerċjalizzat il-prodott.
Ma tista' tiżdied l-ebda deskrizzjoni li ma tkunx espressament prevista.
Kull pakkett/kaxxa jrid ikollha b'mod viżibbli tikketta bil-logo li ġej. Inkella, il-logo jista' jidher fi sfumaturi differenti ta' griż.
Is-simbolu Ewropew tal-IĠP irid jidher ukoll fuq kull tikketta u fuq kull kaxxa. It-tikketta jew marka xierqa trid tindika n-numru jew il-kodiċi ta' referenza tal-produttur u/jew tal-lott ta' produzzjoni.
4. Definizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika:
Iż-żona ta' produzzjoni tal-IĠP “Trote del Trentino” tinkludi t-territorju kollu tal-Provinċja Awtonoma ta' Trento u l-muniċipalità ta' Bagolino fil-Provinċja ta' Brescia. Din iż-żona tinkludi x-xmajjar ewlenin ta' Trento u l-widien laterali tat-tributarji tagħhom.
5. Rabta maż-żona ġeografika:
5.1. Speċifiċità taż-żona ġeografika:
Iż-żona ta' produzzjoni kienet iffurmata mit-trikkib fuq xulxin ta' perjodi ta' erożjoni glaċjali u fluvjali. F'dak li jikkonċerna l-morfoloġija, iż-żona hija ġeneralment muntanjuża u kkaratterizzata minn widien, li huma mħaffra bi profonditajiet differenti fis-sottostrat ġeoloġiku, li jikkostitwixxi l-inħawi kollha fejn jinġabar l-ilma inklużi fiż-żona ġeografika identifikata. Il-klima taż-żona ta' produzzjoni tat-'Trote del Trentino' hija kkaratterizzata minn żoni alpini, b'xita frekwenti, ta' sikwit bil-borra matul ix-xhur tax-xitwa u temperatura friska anke fil-perjodu tas-sajf. Iż-żona għandha borra u silġ matul is-sena kollha, li minnhom jiġi l-ilma użat għall-produzzjoni tat-trota. Il-karatteristiċi klimatiċi u idroġeoloġiċi taż-żona identifikata, li mhumiex trasferibbli jew imitabbli, jagħtu karatteristiċi partikolari lit-“Trote del Trentino” li jġagħluhom jispikkaw minn oħrajn. Il-kompożizzjoni kimika tal-ilma naturali ta' Trento f'termini ta' traċċi ta' elementi (manjeżju, sodju, potassju) għandha valuri iktar baxxi mill-medja Ewropea, u b'hekk l-ilma huwa adattat ħafna għall-iżvilupp tat-trota. ix-xmajjar li jnixxu madwar l-impjanti tat-trobbija tat-trota fi Trento għandhom kwalità bijoloġika tajba b'valuri ta' Indiċi Bijotiku Estiż (Extended Biotic Index – EBI) ogħla minn tmienja, li jikkorrispondu għal Klassi I jew Klassi II.
5.2. Speċifiċità tal-prodott:
L-applikazzjoni għar-rikonoxximent tat-“Trote del Trentino” IĠP hija ġġustifikata bil-fatt li l-prodott inkwistjoni huwa differenti minn prodotti oħra fl-istess kategorija minħabba l-indiċi ta' korpożità baxx ħafna u l-kontenut inqas ta' xaħam. Barra minn hekk, il-laħam huwa sod, tari, dgħif, b'togħma bnina ta' ħut u riħa delikata ta' ilma frisk mingħajr ma jħalli l-ebda togħma ta' tajn, li hija ġeneralment tipika tat-trota mrobbija fil-farms.
5.3. Rabta kawżali bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott (għad-DPO) jew il-kwalità speċifika, ir-reputazzjoni jew karatteristiċi oħra tal-prodott (għall-IĠP):
Il-kwalitajiet partikolari tat-“Trota del Trentino” ġejjin l-aktar mill-ilma użat li jnixxi b'mod abbundanti mill-borra u s-silġ taż-żona matul is-sena kollha, bi grad għoli ta' ossiġenazzjoni, kompożizzjoni kimika, fiżika u bijoloġika tajba u temperatura baxxa li minn Novembru sa Marzu ġeneralment tkun inqas minn 10 °C.
L-ilmijiet kesħin għandhom livell baxx ta' nutrijenti; dan iwassal għal tkabbir bil-mod, li għalkemm inaqqas il-produzzjoni, iżid il-kwalità tal-laħam billi jagħtih indiċi ta' korpożità baxxa u kontenut inqas ta' xaħam. Il-biċċa l-kbira tal-farms tat-trota fi Trento, minħabba l-provvista abbundanti tal-ilma u t-territorju muntanjuż, jagħmlu użu mil-livelli differenti bejn baċir u ieħor li jippermettu li l-ilma jiġi ossiġinat mill-ġdid b'mod naturali. Il-kwalità tajba tal-ilma tevita l-proliferazzjoni tal-alki u ta' mikroorganiżmi mhux mixtieqa u l-metaboliti tagħhom li huma responsabbli għat-togħmiet mhux pjaċevoli, b'mod partikolari dik tat-tajn, li huma kkawżati minn kwantità kbira ta' ġeosmina.
Il-kundizzjonijiet klimatiċi taż-żona flimkien mal-kontribut uman f'termini ta' kura u ġestjoni tal-farms tal-ħut jorbtu b'mod deċiż it-'Trote del Trentino' maż-żona ġeografika ta' produzzjoni.
It-trobbija tat-“Trote del Trentino” ilha stabbilita ħafna u l-oriġini tagħha ġejja minn tradizzjoni antika li ġiet stabbilita matul is-snin. Il-prattika tat-trobbija tal-ħut fil-baċiri ilha teżisti mis-seklu XIX bil-bini fl-1879 ta' impjant artifiċjali għat-trobbija tal-ħut f'Torbole, li kien intenzjonat li jferrex il-prattika tat-trobbija tal-ħut u jerġa' jkabbar il-popolazzjoni tal-ilmijiet pubbliċi bit-trota li għadha qed tfaqqas. Fl-1891 fi Predazzo, fl-1902 f'Giustino, u fl-1926 fi Tione, dehru l-ewwel farms tal-ħut privati, u wara t-Tieni Gwerra Dinjija kien hemm bosta oħrajn. Matul is-snin, kull waħda minn dawn il-farms tal-ħut żammet il-faċilitajiet ta' tagħmir separati tagħha, u perjodikament introduċiet varjetajiet ġodda minn farms oħra jew mis-selvaġġ u b'hekk tgħaddi l-ispeċifiċitajiet tal-prodott imrobbi lill-ġenerazzjonijiet ta' troti li jmiss.
Din it-tradizzjoni ġiet ikkonsolidata meta fl-1975 ġiet stabbilita l-Associazione dei Troticoltori Trentini (l-Assoċjazzjoni tat-Trobbija tat-Trota ta' Trento), li kellha rwol importanti għat-tnedija mill-ġdid tat-trobbija tat-trota fiż-żona tal-produzzjoni, b'tali mod li l-isem “Trote del Trentino” beda jissemma' fil-lingwaġġ komuni u kummerċjali, kif jidher sew mill-kontijiet, tikketti u materjal ta' reklamar.
Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni:
(L-Artikolu 5(7) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006)
Il-Gvern nieda l-proċedura nazzjonali ta' oġġezzjoni bil-pubblikazzjoni tal-proposta għar-rikonoxximent tat-“Trote del Trentino” bħala Indikazzjoni Ġeografika Protetta fil-Gazzetta Ufficiale della Repubblica Italiana Nru 302 tad-29 ta’ Diċembru 2011.
It-test sħiħ tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott jinsab fuq is-sit elettroniku li ġej:
http://www.politicheagricole.it/flex/cm/pages/ServeBLOB.php/L/IT/IDPagina/3335
jew:
billi wieħed imur direttament fil-paġna ewlenija tas-sit elettroniku tal-Ministeru tal-Politika Agrikola, l-Ikel u l-Forestrija (http://www.politicheagricole.it), jikklikkja fuq il-kliem “Qualità e sicurezza” (fil-parti ta' fuq tal-lemin tal-iskrin), u wara jikklikkja fuq il-kliem “Disciplinari di Produzione all’esame dell’UE”.
(1) ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12.